REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'21.10.2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi n-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/220
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi n-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 5a(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 19(4) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2746 2 jistabbilixxi l-limiti tad-daqs ekonomiku għal kull Stat Membru fl-Anness I tiegħu, l-għadd ta’ azjendi prospettanti għal kull Stat Membru u għal kull taqsima tan-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN, Farm Sustainability Data Network) fl-Anness II tiegħu, il-forma u t-tqassim tal-preżentazzjoni tad-data dwar is-sostenibbiltà fl-Anness VIII tiegħu u l-ammont pagabbli lill-Istati Membri għas-snin ta’ rapportar 2025, 2026 u 2027 fl-Anness X tiegħu.
(2)Il-Bulgarija talbet biex tibdel il-limitu tad-daqs ekonomiku u l-għadd ta’ azjendi prospettanti minħabba l-bidliet strutturali fl-agrikoltura tagħha, li wasslu għal tnaqqis kumplessiv fl-għadd ta’ azjendi, b’mod partikolari f’dawk iżgħar. Bl-implimentazzjoni tal-limitu rivedut tad-daqs ekonomiku, l-aġġustament tal-għadd ta’ azjendi prospettanti, u l-adattament tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif xieraq mis-sena ta’ rapportar 2026 ’il quddiem, il-Bulgarija tingħata biżżejjed żmien biex timplimenta l-bidliet meħtieġa.
(3)F’ċerti każijiet, l-imgħax miksub fuq l-assi likwidi meħtieġa għall-operat ta’ azjenda agrikola jista’ jikkostitwixxi porzjon sostanzjali tal-introjtu tal-azjenda. Bħalissa, dan l-imgħax huwa rrapportat fit-Tabella L fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746, taħt “OGA direttament relatati mal-azjenda agrikola”. Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ dan l-ammont, jiġi rfinat il-kalkolu tal-introjtu tal-azjendi agrikoli bl-użu tad-data tal-FSDN, u tissaħħaħ il-komparabbiltà mal-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura, huwa meħtieġ li dan l-imgħax jiġi rrapportat separatament fit-Tabella I fl-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, taħt “prodotti oħra u dħul ieħor”.
(4)It-Tabella J fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 tistabbilixxi l-istruttura għar-rapportar tat-tip ta’ akkomodazzjoni għall-annimali f’azjendi agrikoli prospettanti. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-akkuratezza tad-data, il-kodiċijiet għat-tipi ta’ akkomodazzjoni jenħtieġ li jiġu armonizzati biex jiġu assenjati kodiċijiet identiċi għal tipi identiċi ta’ akkomodazzjoni, u b’hekk tiġi ffaċilitata analiżi tad-data komparabbli u affidabbli.
(5)It-Tabella ST fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 tistabbilixxi l-istruttura għar-rapportar tal-informazzjoni dwar it-testijiet tal-ħamrija mwettqa fuq azjendi agrikoli prospettanti. Sabiex tiġi pprovduta ċ-ċarezza fir-rapportar tal-konsistenza tal-ħamrija, it-Tabella ST jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.
(6)It-Tabella I1 fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 tistabbilixxi l-istruttura għar-rapportar tal-informazzjoni dwar l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mill-azjendi prospettanti, b’għażliet għar-rapportar fil-livell tal-azjenda agrikola jew tal-għelejjel. Sabiex jitwasslu r-rekwiżiti tar-rapportar għal kull wieħed minn dawn il-livelli, it-Tabella I1 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.
(7)It-Tabella J1 fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 tistabbilixxi l-istruttura għar-rapportar tal-informazzjoni dwar it-testijiet tal-ħamrija mwettqa fuq azjendi agrikoli prospettanti. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tal-informazzjoni u tiġi pprovduta ċ-ċarezza dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar, it-Tabella J1 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.
(8)L-Artikolu 12(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 jippermetti lill-Kummissjoni teżenta lill-Istati Membri milli jissottomettu data dwar varjabbli speċifiċi elenkati fl-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għas-snin ta’ rapportar 2026 u 2027, dment li l-Istat Membru jissottometti talba ġustifikata. Wara s-sottomissjoni ta’ talbiet ġustifikati addizzjonali mill-Ġermanja u minn Franza qabel l-31 ta’ Mejju 2025, jeħtieġ li l-Annessi IX u X ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiġu emendati kif xieraq.
(9)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2746 jiġi emendat kif xieraq.
(10)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tan-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: