|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Prodotti/reviżjoni
|
|
_____________
|
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
[COM(2021) 346 final – 2021/0170 (COD)]
|
|
|
|
INT/957
|
|
|
|
Relatur: Mordechaj Martin SALAMON
|
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew, 13/09/2021
Kunsill, 23/08/2021
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
30/09/2021
|
|
Adottata fil-plenarja
|
20/10/2021
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
564
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
231/0/6
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Proposta għal Regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti peress li jaġġorna u għandu l-potenzjal li jtejjeb id-Direttiva 2001/95/KE attwali dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (DSĠP), speċjalment fir-rigward tal-isfidi u l-iżviluppi l-ġodda fis-swieq u fit-teknoloġija.
1.2Il-KESE jinnota li ħafna mit-tagħlimiet meħuda minn 20 sena ta' implimentazzjoni tad-DSĠP huma integrati fil-qafas propost, u jagħti tama li l-konsumaturi se jgawdu protezzjoni aħjar, b'mod partikolari meta l-prodotti jirriżultaw li mhumiex sikuri. Fl-istess ħin, l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online x'aktarx se jibbenefikaw minn regoli aktar ċari u armonizzati.
1.3Il-KESE jappoġġja l-Proposta għal Regolament, peress li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu allinjati mill-ġdid il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi differenti, b'mod partikolari bejn il-manifatturi Ewropej u l-SMEs fir-rigward ta' kumpaniji barranin dwar il-bejgħ online.
1.4Il-KESE jinnota li d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta' "sikurezza" u ta' "prodott" ġew aġġornati biex jirriflettu n-natura li qed tevolvi tas-swieq u tat-teknoloġija, sabiex it-theddid għas-sikurezza minn oġġetti konnessi li jistgħu jkunu soġġetti għal hacking, nuqqas ta' aġġornamenti għas-software u sustanzi kimiċi dannużi issa jista' jiġi mmitigat. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, il-KESE jipproponi li tissaħħaħ id-definizzjoni ta’ prodotti sikuri u ta’ xi wħud mill-kriterji użati għall-valutazzjoni tas-sikurezza.
1.5Il-KESE jappoġġja l-obbligi l-ġodda imposti fuq is-swieq online iżda għandu dubji qawwija kemm il-protezzjoni se tkun biżżejjed għall-konsumaturi jekk l-isforzi ta' infurzar ikomplu jistrieħu primarjament fuq l-inforzaturi nazzjonali aktar milli fuq il-pjattaformi.
1.6Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata interazzjoni bla xkiel mal-partijiet ewlenin l-oħra tal-leġiżlazzjoni li jkopru l-istess suġġetti jew suġġetti kontigwi, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali , kif ukoll ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, b'mod speċjali fir-rigward tal-kwistjoni tar-responsabbiltà li jinżammu tipi differenti ta' swieq online.
1.7Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Proposta għal Regolament ma tispeċifikax li s-swieq online huma importaturi jew distributuri ta' prodotti skont l-attività u r-rwol tagħhom fil-katina tal-provvista (diġitali) u ma tistabbilixxix doveri u responsabbiltajiet simili għalihom bħal fil-każ tal-ħwienet tradizzjonali. Il-KESE jilqa' aktar ċarezza dwar il-punti fejn mhemmx qbil fir-responsabbiltà.
1.8Il-KESE jemmen li l-isforzi tas-sorveljanza tas-suq iridu jiġu estiżi biex ikopru l-oġġetti kollha tal-konsumatur u għandhom ikunu sforz kondiviż, ikkoordinat, iffinanzjat tajjeb u ssimplifikat madwar l-Ewropa.
1.9Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jiġbru u jipprovdu data aħjar dwar l-inċidenti u l-korrimenti. Mingħajr bażi tad-data dwar il-korrimenti fil-livell tal-UE, se jkun diffiċli li tiġi żgurata implimentazzjoni kosteffettiva u sussegwentement li jitwettqu evalwazzjonijiet korretti tal-Proposta għal Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jikkondividu data dwar korrimenti li jinvolvu prodotti tal-konsumatur, abbażi ta’ metodoloġija komuni.
1.10Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni ta’ miżuri li jappoġġjaw lill-SMEs, u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, fl-obbligi tagħhom, inkluż perjodu ta’ appoġġ finanzjarju, bil-provvista ta’ linji gwida ċari u ta’ għajnuna, pariri u taħriġ rilevanti biex jiġi żgurat li l-SMEs ma jkunux żvantaġġati fl-isforzi tagħhom ta’ konformità meta mqabbla ma’ operaturi akbar b’riżorsi aħjar.
2.Il-proposta tal-Kummissjoni
2.1Il-Proposta għal Regolament
hija konformi mal-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida mill-2020
u għandha l-għan li:
-taġġorna u timmodernizza l-qafas ġenerali għas-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur li mhumiex għall-ikel;
-tippreserva r-rwol tiegħu bħala xibka ta' sikurezza għall-konsumaturi;
-tadatta d-dispożizzjonijiet għall-isfidi maħluqa minn teknoloġiji ġodda u mill-bejgħ online; u
-tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji.
2.2Filwaqt li l-proposta tissostitwixxi
d-DSĠP
, din se tkompli tapplika għall-prodotti manifatturati għall-konsumatur u li mhumiex għall-ikel. Il-Proposta għal Regolament se tipprovdi wkoll kontinwità mad-DSĠP billi:
-jirrikjedi li l-prodotti tal-konsumatur ikunu "sikuri";
-jistabbilixxi ċerti obbligi għall-operaturi ekonomiċi; u
-ikun fih dispożizzjonijiet għall-iżvilupp ta' standards b'appoġġ għar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza.
2.3Ir-Regolament propost għandu l-għan li jaġġorna r-regoli attwalment stabbiliti fid-Direttiva 2001/95/KE biex jiżgura xibka ta' sikurezza għall-prodotti kollha u, fl-istess ħin, jiżgura li r-reġim jipprovdi konsistenza akbar billi jallinja r-regoli tas-sorveljanza tas-suq għall-prodotti li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni ("prodotti mhux armonizzati") ma' dawk li japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni ("prodotti armonizzati") kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1020.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi u timmodernizza d-DSĠP, bħala parti mill-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida għall-perjodu 2020-2025. Id-DSĠP kienet biċċa importanti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku, li tirrikjedi li prodotti sikuri biss jitqiegħdu fis-suq u jaġixxu bħala xibka ta' sikurezza għall-konsumaturi li ma bbenefikawx minn leġiżlazzjoni aktar speċifika għas-settur. Il-Proposta għal Regolament tippreserva dan ir-rwol kruċjali.
3.2Meta wieħed janalizza l-esperjenzi meħuda mill-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-bidliet fundamentali li seħħew fil-prodotti u fis-swieq mill-adozzjoni tiegħu fl-2001, reviżjoni kienet mistennija sew. Il-KESE jappoġġja r-reviżjoni minħabba li, filwaqt li d-Direttiva serviet bħala għodda importanti lejn kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-manifatturi Ewropej u l-SMEs fir-rigward ta' kumpaniji barranin, jeħtieġ li jiġu segwiti sforzi biex jiġu allinjati l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ online (ħtieġa rikonoxxuta mill-Proposta għal Regolament).
3.3In-natura tal-prodotti mibjugħa lill-konsumaturi evolviet sa punt li jfisser li d-definizzjonijiet antiki ta' "sikurezza" u ta' "prodott" m'għadhomx jinżammu. Id-definizzjoni ta' sikurezza li tkopri biss "is-saħħa" u "l-integrità fiżika" m'għadhiex tikkorrispondi għar-riskji reali li jistgħu jiġu esposti għalihom il-konsumaturi. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni fl-Artikolu 7 ta’ għadd ta’ aspetti biex tiġi vvalutata s-sisikurezza tal-prodotti. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Artikolu 3(2) ma jindikax b’mod ċar ir-rabta tiegħu mal-Artikolu 7, li għandu jtejjeb iċ-ċertezza legali.
3.4Il-KESE jilqa' l-enfasi fuq il-kunċett ta' "sikurezza" u l-inklużjoni taċ-"ċibersigurtà" bħala rekwiżit biex prodott jiġi kkunsidrat "sikur". Madankollu, biex tiżdied iċ-ċertezza legali, il-KESE jipproponi li jiġi stipulat li ċ-ċibersigurtà tiġi vvalutata fiċ-ċirkostanzi kollha u matul il-ħajja tal-prodott. Barra minn hekk, meta jkunu preżenti sustanzi kimiċi dannużi fi prodotti ta’ kuljum, id-DSĠP attwali jbati biex jipproteġi lill-konsumaturi. Il-KESE jqis li huwa ovvju u inevitabbli li kwalunkwe qafas regolatorju futur irid jissalvagwardja wkoll lill-konsumaturi kontra t-theddid għas-sikurezza tagħhom minn oġġetti konnessi li jistgħu jkunu soġġetti għal hacking, nuqqas ta' aġġornamenti għas-software u sustanzi kimiċi dannużi, u jilqa' l-bidliet f'dan ir-rigward.
3.5Minkejja l-eżistenza ta' inizjattivi awtoregolatorji għat-titjib tal-protezzjoni kontra prodotti mhux sikuri mibjugħa online, studju reċenti (2020)
wera li żewġ terzi tal-250 prodott ittestjati mixtrija ma kinux konformi mal-liġijiet dwar is-sikurezza u l-istandards tekniċi tal-UE, u pperikolaw lill-konsumaturi. Dan jindika l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni effettiva hawnhekk aktar milli awtoregolamentazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta' regolament f'dan il-qasam u jilqa' l-obbligi l-ġodda imposti fuq is-swieq online, għalkemm javża li jistgħu ma jkunux kompletament adegwati biex jipproteġu lill-konsumaturi peress li ħafna mill-identifikazzjoni u l-infurzar għadhom ir-responsabbiltà tal-inforzaturi aktar milli tal-pjattaformi. Il-KESE jesprimi dispjaċir ukoll għall-fatt li l-Proposta għal Regolament ma tispeċifikax li s-swieq online huma importaturi (jew distributuri, fejn meħtieġ) ta' prodotti skont l-attività u r-rwol tagħhom fil-katina tal-provvista (diġitali) u ma tistabbilixxix doveri u responsabbiltajiet simili għalihom bħal fil-każ tal-ħwienet tradizzjonali. Il-KESE jitlob li tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-pjattaformi f'każijiet fejn l-ebda attur ieħor fil-katina tal-provvista ma jieħu azzjoni kontra prodott mhux sikur.
3.6Il-konsumaturi qed jinnegozjaw aktar online, aktar bejn il-fruntieri u permezz ta' ktajjen tal-provvista itwal u aktar ikkumplikati. Is-sistema attwali ta' kontroll tas-suq għandha biss setgħat internazzjonali u transfruntiera dgħajfa, u hija taħlita ffinanzjata ħażin li tkopri biss ċerti tipi ta' oġġetti, u dan jindika ħtieġa ċara li tittieħed azzjoni. Il-KESE jemmen li l-isforzi tas-sorveljanza tas-suq iridu jiġu estiżi biex ikopru l-oġġetti kollha tal-konsumatur u għandhom ikunu sforz kondiviż, ikkoordinat, iffinanzjat tajjeb u ssemplifikat madwar l-Ewropa. Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ – u r-rwol tal-Kummissjoni fih – sabiex jiġu solvuti differenzi persistenti fl-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni bejn il-pajjiżi. Il-KESE jappoġġja wkoll l-iżvilupp ta' rabtiet b'saħħithom ta' kooperazzjoni madwar id-dinja u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'inizjattivi internazzjonali.
3.7Il-Proposta għal Regolament se tissodisfa biss l-għan tagħha li tipproteġi lill-konsumaturi meta tinteraġixxi mingħajr xkiel mal-biċċiet ewlenin l-oħra tal-leġiżlazzjoni li jkopru l-istess suġġetti jew suġġetti kontigwi. Speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni tar-responsabbiltà li jinżammu tipi differenti ta' swieq online, kwalunkwe verżjoni ta' suċċess tal-Proposta għal Regolament se jkollha tiġi kkoordinata mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodotti u se tirrikjedi aġġustamenti korrispondenti fihom. Għandha tiġi żgurata wkoll konsistenza fir-rigward tal-proposta leġiżlattiva dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-istrateġija kimika u l-pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari. Filwaqt li r-rabtiet huma rikonoxxuti b'mod ċar fil-Proposta għal Regolament, il-KESE jilqa' dettalji aktar speċifiċi dwar l-interoperabbiltà tad-diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva fil-prattika. Mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm lakuni. Il-KESE jitlob ukoll li tingħata attenzjoni lill-inizjattivi internazzjonali bħal dawk tal-OECD, l-UNCTAD u d-WTO fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali, u jħeġġeġ il-pożizzjoni ta' tmexxija tal-UE f'dan il-qasam.
3.8Id-DSĠP inbniet fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-KESE jilqa' l-fatt li dan jibqa' pilastru tal-arkitettura tal-Proposta għal Regolament. Dan il-prinċipju jippermetti l-adozzjoni tal-ogħla livelli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jemmen li l-ankraġġ tal-prinċipju ta' prekawzjoni huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li fl-istess ħin jiġi pprovdut kunċett flessibbli li jippermetti lill-Proposta għal Regolament tadatta għal sfidi ġodda. Għalhekk, għandhom dejjem jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni meta l-evidenza xjentifika dwar periklu ambjentali jew għas-saħħa tal-bniedem tkun inċerta iżda r-riskji jkunu għoljin. Dan jagħmel ukoll il-funzjoni netta tas-sikurezza tad-DSĠP – li tipprovdi soluzzjonijiet meta l-konsumaturi jkunu f'riskju u l-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur ikollha lakuni – aktar effettiva. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni tagħmel ukoll is-sorveljanza tas-suq aktar kompluta.
4.Kummenti speċifiċi
Il-KESE:
4.1jappoġġja t-trasformazzjoni tad-DSĠP f'regolament, peress li hija għażla li tippermetti implimentazzjoni aktar rapida u aktar konsistenti madwar l-UE. Filwaqt li l-użu ta' Direttiva kien jippermetti l-aġġustament tar-regoli għal-leġiżlazzjoni lokali, dan iżid l-ispejjeż tal-konformità u jżid in-nuqqas ta' sikurezza għall-kumpaniji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri jew li jipproduċu għal swieq multipli. L-esperjenza sal-lum kienet li tnejn minn kull ħames negozji jirrapportaw spejjeż addizzjonali relatati mal-implimentazzjoni mhux uniformi tad-DSĠP
;
4.2jilqa' l-kamp ta' applikazzjoni aktar ċar u usa' tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari l-kjarifika u l-introduzzjoni ta' swieq sekondarji (Premessa 16), il-kjarifika li r-riskju ambjentali għandu jkun parti mill-evalwazzjoni ta' prodott sikur (Premessa 11), u l-inklużjoni ta' fornituri tas-servizzi ta' ġestjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, li jippermettu sorveljanza tas-suq aktar effettiva;
4.3jilqa' l-obbligi speċifiċi għas-swieq online fil-Proposta għal Regolament. Madankollu, iwissi li jridu jingħalqu l-lakuni. L-obbligi jeħtieġ li jiġu definiti aktar u, b’mod partikolari, għandha tingħata kunsiderazzjoni biex il-postijiet tas-suq ikunu soġġetti għall-Artikolu 5 u tiġi aġġornata r-responsabbiltà tagħhom għal dik ta’ importatur (jew distributur fejn meħtieġ) biex jiġu evitati pjattaformi li jevitaw il-proposta tal-Proposta għal Regolament u tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali attwali. Jirrakkomanda li s-swieq online għandu jkollhom ukoll obbligu li jimmonitorjaw (abbażi tal-proċedura "notice and stay down" [notifika biex jitneħħew xogħlijiet jew materjal, u dak li jitneħħa jrid jibqa' mneħħi]) prodotti mibjugħa permezz tal-intermedjarji tagħhom, kif introdotti fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, sabiex jitneħħa l-piż ta' azzjoni ta' notifika u tneħħija minn inforzaturi nazzjonali. Kjarifika dwar kif l-obbligi tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali se japplikaw flimkien mal-Proposta għal Regolament jew jikkomplementawh tintlaqa' tajjeb ukoll;
4.4jappoġġja r-rekwiżiti aktar b'saħħithom għat-traċċabbiltà u jisħaq li l-Istati Membri jrid ikollhom l-għodod it-tajbin għad-dispożizzjoni tagħhom biex ifittxu traċċabbiltà effettiva. F'dan l-aspett, is-setgħat il-ġodda tal-Kummissjoni li tadotta miżuri ta' implimentazzjoni u tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta' traċċabbiltà potenzjalment ukoll isaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur;
4.5jappoġġja t-tisħiħ tal-proċessi ta' sejħa lura iżda jaħseb li għandu jkun obbligatorju li l-avviżi ta' sejħa lura jiġu ppubblikati dejjem. F'każijiet fejn il-konsumaturi jkunu xtraw oġġett u tawh bħala rigal jew ikunu xtrawh f'suq ta' prodotti użati, sistema ta' avviżi ta' sejħiet lura diretti li altrimenti tiffunzjona tajjeb għax-xerrejja tista' tfalli minħabba li l-utent reali tal-prodott ma jirċevix l-avviż ta' sejħa lura diretta;
4.6jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jiġbru u jipprovdu data aħjar dwar l-inċidenti u l-korrimenti, meta bażi tad-data dwar il-korrimenti fil-livell tal-UE tiffaċilita l-implimentazzjoni kosteffettiva u sussegwentement tikkoreġi l-evalwazzjonijiet tal-Proposta għal Regolament. L-użu ta' data mir-RAPEX biex jitkejjel l-ammont ta' korrimenti esperjenzati mill-konsumaturi huwa problematiku, peress li l-gruppi ta' prodotti relatati mal-ogħla numru ta' korrimenti ma jurux wisq korrelazzjoni man-notifiki fir-RAPEX. Din il-kwistjoni hija enfasizzata aktar fl-istudju ta’ sfond għall-valutazzjoni tal-impatt, li sab li d-data tar-RAPEX ma tistax sempliċiment tintuża bħala indikatur għax-xejriet tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur
. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Proposta għal Regolament tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jikkondividu data dwar korrimenti li jinvolvu prodotti tal-konsumatur, abbażi ta’ metodoloġija komuni, sabiex tinħoloq bażi tad-data rappreżentattiva li tkopri s-suq uniku. Il-Programm tas-Suq Uniku jista’ jipprovdi bażi finanzjarja soda għas-sorveljanza pan-Ewropea tal-korrimenti relatati mal-prodotti. Iċ-ċaqliq ta’ dan il-piż fuq l-operaturi ekonomiċi kif inhu l-każ fil-proposta, mingħajr strateġija ta’ infurzar pan-Ewropea ċara, x’aktarx li ma jkunx sodisfaċenti;
4.7jemmen li l-Proposta għal Regolament għandha tippermetti li jiġu stabbiliti kriterji ta' sikurezza kimika għall-prodotti li jaqgħu taħt il-liġi. Id-DSĠP attwali ma tistabbilixxix x'inhu prodott "sikur" fir-rigward tas-sustanzi kimiċi. Mhuwiex ċar jekk ir-Regolament huwiex se jġib aktar ċarezza f'dan ir-rigward. Pereżempju, l-UE tipprojbixxi sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer fil-ġugarelli, iżda mhux fil-prodotti tal-indukrar tat-tfal, anke jekk ir-riskju ta' esponiment spiss ikun simili. L-objettiv tal-Kummissjoni li timxi lejn ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi kif espress fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u appoġġjat mill-KESE
għandu jiġi ssodisfat bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Proposta għal Regolament
;
4.8jappoġġja l-fatt li r-riskji taċ-ċibersigurtà li jaffettwaw is-sikurezza tal-konsumatur issa se jiġu koperti taħt il-kunċett tas-sikurezza. Dan jinkludi l-introduzzjoni f'waqtha tal-kunċett ta' "konformità waqt l-użu" – peress li l-aġġornamenti tas-software jibdlu l-prodott, dan irid jiġi eżaminat maż-żmien. Dan qed isir aktar pertinenti, peress li aktar prodotti għall-konsumatur huma konnessi, u b'hekk jiżdiedu r-riskji ta' hacking u użu ħażin, li jwasslu għal riskji potenzjali għas-sikurezza. Madankollu, id-definizzjonijiet ta’ prodott sikur għandhom jagħmlu referenza ċara għal tali rekwiżiti u kriterji;
4.9jikkunsidra li s-sorveljanza tas-suq għandha kemm jista' jkun tkun fl-istess livell fost is-setturi kollha. Il-bidliet f'dan l-aspett jeħtieġ li jiġu skrutinati bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar (fis-setturi kollha koperti) ikollhom sett ta' għodod adegwat għad-dispożizzjoni tagħhom u li jkun hemm ukoll rabta qawwija mal-unjoni doganali. Filwaqt li enfasi fuq is-sorveljanza tas-suq ibbażata fuq ir-riskju hija milqugħa, se jkun kruċjali li l-awtoritajiet iwettqu wkoll verifiki għal għarrieda adegwati biex jottimizzaw il-protezzjoni u jipprevjenu d-danni lill-konsumaturi. Inkella, prodotti perikolużi li mhumiex magħrufa li huma perikolużi jiġu identifikati biss wara li jkunu kkawżaw dannu lill-konsumaturi;
4.10jemmen li d-definizzjonijiet, it-termini u s-sistemi jridu jsiru koerenti fid-diversi strumenti tas-sikurezza tal-prodotti filwaqt li jippermettu varjazzjonijiet meħtieġa skont il-kategorija ta' prodotti individwali (ġugarelli, kożmetiċi, prodotti elettroniċi, eċċ.);
4.11jilqa' l-fatt li d-definizzjonijiet ta' standards sikuri matul il-proċess ta' standardizzazzjoni huma msaħħa, sabiex l-istandards isiru f'waqthom u bil-possibbiltà li l-Istati Membri jopponu standards li ma jiżgurawx is-sikurezza għall-konsumaturi u b'hekk ma jaqgħux taħt il-mandat mogħti. Biex jiġi żgurat li l-istandardizzazzjoni tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u ma tintużax biex jiġu eliminati atturi żgħar mis-suq, huwa ta’ importanza kbira l-appoġġ kontinwu għar-rappreżentanza effettiva tas-settur tal-konsumaturi u tal-SMEs fl-istandardizzazzjoni Ewropea
;
4.12jilqa' l-fatt li l-obbligi stabbiliti fil-Proposta għal Regolament se japplikaw għan-negozji kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom, filwaqt li jiġi ankrat il-prinċipju li s-sikurezza ma tistax tkun soġġetta għal reġimi "eħfef" u li kull prodott tal-konsumatur irid ikun sikur. Madankollu, jiddispjaċih li l-fehmiet tal-SMEs kienu sottorappreżentati fl-istadju ta’ konsultazzjoni, u b’hekk aggravaw id-distorsjonijiet li diġà jeżistu fis-suq. Jinnota wkoll li ċ-ċifri fil-Kapitolu 3 “Impatt Finanzjarju” tal-valutazzjoni tal-impatt kienu approssimattivi. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni futura, il-KESE jirrakkomanda li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għar-rappurtar annwali mill-Istati Membri (skont l-Artikolu 22(1)) għandhom jikkwantifikaw l-impatti fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi;
4.13jirrikonoxxi li l-SMEs, u b'mod partikolari l-mikrointrapriżi, jistgħu jiġu affettwati b'mod sproporzjonat minn dawn il-miżuri minħabba fatturat iżgħar u inqas kapital uman biex jimplimentaw l-obbligi
. Jilqa' l-fatt li l-qafas leġiżlattiv attwali jindirizza xi wħud mill-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, b'mod partikolari permezz ta': reġim ta' sanzjonijiet li jqis id-daqs tal-impriża fl-impożizzjoni ta' penali (Artikolu 40(2)(h)) u jirrakkomanda penali proporzjonali; u sistema ta' sorveljanza tas-suq ibbażata fuq ir-riskju li ma tpoġġix fi żvantaġġ lil kumpaniji iżgħar
. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-adozzjoni ta’ miżuri li jappoġġjaw lill-SMEs, u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, fl-obbligi tagħhom, inkluż perjodu ta’ appoġġ finanzjarju, bil-provvista ta’ linji gwida ċari u ta’ għajnuna, pariri u taħriġ rilevanti biex jiġi żgurat li l-SMEs ma jkunux żvantaġġati fl-isforzi tagħhom ta’ konformità meta mqabbla ma’ operaturi akbar b’riżorsi aħjar;
4.14jilqa' l-fatt li l-konsumaturi kollha se jkun jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-prodotti, in-natura tar-riskju u l-miżuri meħuda
, b'mod partikolari billi jikkonsultaw il-portal tas-Safety Gate
, iżda jwissi li dan m'għandux iwitti t-triq biex il-konsumaturi jkunu meħtieġa jimmitigaw ir-riskji tagħhom billi jiksbu dan l-għarfien qabel ma jixtru (fil-kuntest ta' dak li jista' jiġi interpretat bħala "aspettattivi raġonevoli tal-konsumatur li jirrigwardaw is-sikurezza” (Artikolu 7(3)(i)). Barra minn hekk, il-bażijiet tad-data u n-notifiki għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-konsumaturi vulnerabbli kif ukoll għall-konsumaturi b’diżabilità;
4.15jinnota li l-Artikolu 8(11) jirrikjedi li l-manifatturi jużaw is-Safety Business Gateway biex jinfurmaw minnufih lill-konsumaturi dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom u jinfurmaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Itenni li r-Regolament għandu jiżgura b'mod speċifiku li l-fatt li din l-informazzjoni ssir disponibbli ma jqiegħed l-ebda obbligu direttament jew indirettament fuq il-konsumaturi li jikkonsultaw il-bażi tad-data li jista' jaffettwa jekk prodott ikunx instab li mhuwiex sikur jew le. Barra minn hekk, in-notifiki għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-konsumaturi vulnerabbli u għall-konsumaturi b’diżabilità;
4.16jilqa' delimitazzjoni u dettalji aktar ċari dwar id-differenza bejn is-Safety Gate (Artikolu 24, fejn l-Istati Membri joħorġu notifiki) u s-Safety Business Gateway (Artikolu 25, fejn l-operaturi ekonomiċi jipprovdu lill-awtoritajiet tal-infurzar u lill-konsumaturi b'informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti tagħhom) u kif dawn il-portali jistgħu jinteraġixxu;
4.17jilqa' l-kapaċità mogħtija lill-konsumaturi li jressqu lmenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali
kif ukoll il-kapaċità li jinfurmaw lill-portal tas-Safety Gate dwar ir-riskji
, li jeħtieġ li jingħataw segwitu għalihom. Jitlob li jiġi pprovdut finanzjament adegwat sabiex dawn l-ilmenti kollha jkunu jistgħu jiġu investigati kif imiss sabiex il-konsumaturi jiġu protetti b'mod effiċjenti. Jilqa' l-akkoppjar ta' dan il-mekkaniżmu tal-ilmenti mal-ħtieġa li l-manifatturi jinvestigaw l-ilmenti riċevuti (Artikolu 8(2)) u biex jieħdu azzjoni korrettiva meta jikkunsidraw jew ikollhom raġuni biex jemmnu li prodott li jkunu qiegħdu fis-suq jista' ma jkunx sikur (Artikolu 8(10)).
Brussell, 20 ta’ Ottubru 2021
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________