REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'2.7.2025
li jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward tat-tuberi ta’ Solanum tuberosum L., minbarra dawk maħsuba għat-tħawwil, li joriġinaw fl-Eġittu, biex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. emend. Safni et al. fit-territorju tal-Unjoni, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/787/UE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 42a(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali), u b’mod partikolari l-Artikolu 52 tiegħu,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/787/UE tawtorizza lill-Istati Membri biex temporanjament jieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra t-tixrid ta’ Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. emend. Safni et al. (“il-pest speċifikat”) fir-rigward tal-importazzjoni tat-tuberi ta’ Solanum tuberosum L., għajr dawk maħsuba għat-tħawwil, li joriġinaw fl-Eġittu (“il-pjanti speċifikati”). Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE.
(2)Ir-Regolament (UE) 2016/2031 issostitwixxa d-Direttiva 2000/29/KE, filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 issostitwixxa l-Annessi I sa V ta’ dik id-Direttiva.
(3)Il-pest speċifikat huwa elenkat fil-Parti B tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 bħala pest magħruf li jokkorri fl-Unjoni. L-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni hija soġġetta għar-rekwiżit speċjali tal-punt 21 tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pest speċifikat u speċijiet oħra ta’ Ralstonia.
(4)Hemm evidenza li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ rekwiżiti aktar stretti minn dawk imsemmija fil-punt 21 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u r-rekwiżiti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/787/UE, fir-rigward tal-pest speċifikat. Dik l-evidenza hija bbażata fuq l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, iż-żieda fl-għadd ta’ interċettazzjonijiet tal-pest speċifikat matul l-aħħar żewġ staġuni ta’ importazzjoni tal-pjanti speċifikati u awditu mwettaq mill-Kummissjoni fl-Eġittu f’Jannar 2024.
(5)Valutazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni wriet li l-pjanti speċifikati jippreżentaw riskju li jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk jiġu applikati l-miżuri li huma meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju fitosanitarju kkonċernat. Dik il-valutazzjoni qieset, fost l-oħrajn, l-iżviluppi tekniċi fl-għelieqi fl-Eġittu, l-iskemi ta’ ttestjar ibbażati fuq il-protokolli dijanjostiċi l-ġodda żviluppati għall-pest speċifikat mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) u l-esperjenza tal-Istati Membri bil-kontrolli tal-importazzjoni tal-pjanti speċifikati.
(6)Sabiex jiġi żgurat it-tnaqqis għal livell aċċettabbli tar-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni, l-imballaġġ u l-ispezzjonijiet tal-pjanti speċifikati fl-Eġittu.
(7)Minħabba n-natura tal-pest speċifikat, għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-pjanti speċifikati introdotti fit-territorju tal-Unjoni jridu jitkabbru f’siti tal-produzzjoni ddikjarati uffiċjalment mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO) tal-Eġittu li huma ħielsa mill-pest speċifikat, f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li jiġi żgurat li f’dawk is-siti, matul is-sena tal-produzzjoni u t-tliet snin preċedenti, l-ebda pjanta speċifikata jew parti veġetattiva oħra tal-pjanti tal-patata, u l-ebda pjanta ospitanti oħra kkultivata jew selvaġġa tal-familja Solanaceae li kapaċi tospita l-pest speċifikat ma jkunu nstabu infettati mill-pest speċifikat, u ma jkun instab l-ebda sors tal-ilma relatat ikkontaminat mill-pest speċifikat. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi previst li l-ebda pjanta speċifikata li toriġina minn dawk is-siti tal-produzzjoni ma tkun instabet pożittiva wara l-ittestjar għall-preżenza tal-pest speċifikat mill-NPPO tal-Eġittu jew mill-Istati Membri, wara li tkun ħarġet minn dawk is-siti tal-produzzjoni.
(8)Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiżguraw il-produzzjoni tal-pjanti speċifikati f’żoni ħielsa mill-pest speċifikat, u f’żoni fejn ikunu ttieħdu l-azzjonijiet biex tiġi evitata l-preżenza ta’ dak il-pest. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-pjanti speċifikati jitkabbru minn pjanti li jissodisfaw ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħelsien tagħhom mill-pest speċifikat.
(9)Iċ-ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati jenħtieġ li jinkludi, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, ċerti elementi biex jiġu żgurati l-informazzjoni trasparenti u ċ-ċarezza dwar l-oriġini tal-pjanti speċifikati u l-issodisfar tar-rekwiżiti rispettivi. Dawk l-elementi jenħtieġ li jinkludu d-dikjarazzjoni “F’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) .../... (Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal dan ir-Regolament)”, in-numru tal-lott li jikkorrispondi għal kull lott esportat tal-pjanti speċifikati, il-kodiċi tas-sit tal-produzzjoni tal-oriġini ta’ kull lott tal-pjanti speċifikati, u l-isem u n-numru tal-identifikazzjoni tal-istazzjonijiet tal-ippakkjar u tal-esportaturi uffiċjalment approvati.
(10)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-ispezzjonijiet, il-kampjunar u l-ittestjar li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri fir-rigward tal-importazzjoni tal-pjanti speċifikati, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni mill-pest speċifikat. Jenħtieġ li l-ittestjar jitwettaq, fl-Unjoni, f’konformità mal-iskema tal-ittestjar tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1193, peress li dik l-iskema hija bbażata fuq l-istandards internazzjonali applikabbli u wriet li hija effettiva għad-detezzjoni tal-pest speċifikat.
(11)Jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema li permezz tagħha l-NPPO tal-Eġittu tikkontrolla b’mod effettiv is-siti tal-produzzjoni, l-esportaturi u l-istazzjonijiet tal-ippakkjar tal-pjanti speċifikati, billi tapprovahom u telenkahom għal dak l-għan. Fil-każ tal-preżenza, jew tal-preżenza suspettata, tal-pest speċifikat fil-pjanti speċifikati, u sabiex jiġi evitat id-dħul fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti speċifikati infettati mill-pest speċifikat, jenħtieġ li dawk il-listi jiġu aġġornati u jenħtieġ li l-kodiċijiet tas-siti ta’ produzzjoni, u l-ismijiet tal-esportaturi u tal-istazzjonijiet tal-ippakkjar rispettivi jitneħħew minnhom, jekk ikun meħtieġ.
(12)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rimi tal-iskart mill-pjanti speċifikati fl-Unjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tixrid tal-pest speċifikat li jirriżulta minn infezzjoni latenti possibbli.
(13)Peress li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni, soġġett għar-rekwiżiti l-ġodda ta’ dan ir-Regolament, għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ, jeħtieġ li jiġi vvalutat ulterjorment permezz tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti fil-prattika. B’mod partikolari jeħtieġ li jiġi vvalutat ir-riskju fitosanitarju wara l-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Eġittu, l-applikazzjoni tal-iskema tal-ittestjar fuq dawk il-pjanti, u r-regoli dwar l-ispezzjoni, il-kampjunar u l-ittestjar tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni, kif ukoll ir-regoli dwar it-tikkettar u l-immaniġġjar tal-iskart tagħhom fl-Unjoni.
(14)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/787/UE jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’dan ir-Regolament, sabiex id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu allinjati mat-termini u r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra minn pajjiżi terzi.
(15)Ir-rekwiżit li l-pjanti speċifikati jkunu tkabbru f’siti tal-produzzjoni, fejn matul is-sena tal-produzzjoni u t-tliet snin ta’ qabel, kellhom jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti addizzjonali, jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Diċembru 2028, sabiex il-pjanti speċifikati jingħataw żmien biex jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti.
(16)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti u r-regoli dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tat-tuberi ta’ Solanum tuberosum L., għajr dawk maħsuba għat-tħawwil, li joriġinaw mill-Eġittu, sabiex jiġu evitati l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. emend. Safni et al. fit-territorju tal-Unjoni.
Japplika b’deroga mill-punt 21 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, fir-rigward tal-pest speċifikat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“pest speċifikat” tfisser Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. emend. Safni et al.;
(2)“pjanti speċifikati” tfisser tuberi ta’ Solanum tuberosum L., għajr dawk maħsuba għat-tħawwil, li joriġinaw mill-Eġittu u li huma destinati għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni;
(3)“żona ħielsa mill-pesti” tfisser żona stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti (NPPO, national plant protection organisation) tal-Eġittu bħala ħielsa mill-pest speċifikat, f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti.;
(4)“sit tal-produzzjoni” tfisser sit tal-produzzjoni li huwa ġestit bħala unità separata għal skopijiet fitosanitarji, identifikat bin-numru tal-kodiċi uffiċjali individwali tiegħu u li jinsab f’żona ħielsa mill-pesti.
Artikolu 3
Ir-rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni
Il-pjanti speċifikati għandhom jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni biss meta:
(a)ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I ikunu ġew issodisfati;
(b)fil-każ ta’ suspett tal-preżenza jew tal-preżenza kkonfermata tal-pest speċifikat fis-siti tal-produzzjoni u fis-sorsi tal-ilma fl-Eġittu, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I ikunu ġew issodisfati;
(c)ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) ikunu ġew issodisfati;
(d)fejn applikabbli, ittieħdu l-miżuri kif stabbiliti fl-Artikolu 7.
Artikolu 4
Ċertifikat fitosanitarju
Iċ-ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati għandu jinkludi, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, l-elementi kollha li ġejjin:
(a)id-dikjarazzjoni “F’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) …/… [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal dan ir-Regolament];
(b)in-numru tal-lott li jikkorrispondi ma’ kull lott esportat tal-pjanti speċifikati;
(c)il-kodiċi tas-sit tal-produzzjoni tal-oriġini ta’ kull lott tal-pjanti speċifikati kif elenkati f’konformità mal-Artikolu 6(1), il-punt (a);
(d)l-isem u n-numru tal-identifikazzjoni tal-istazzjonijiet tal-ippakkjar u tal-esportaturi approvati uffiċjalment kif elenkati f’konformità mal-Artikolu 6(1), il-punti (b) u (c).
Artikolu 5
Spezzjonijiet, kampjunar u ttestjar li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri
1.Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 u (UE) 2022/2389, fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-punti ta’ kontroll imsemmija fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123, il-pjanti speċifikati għandhom ikunu soġġetti għal verifiki fiżiċi, kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6.
2.It-teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar tal-lottijiet, li joriġinaw minn sit tal-produzzjoni, mill-inqas meta jiġu introdotti fi Stat Membru għall-ewwel darba matul is-sena kkonċernata, għandu jitwettaq kif ġej:
(a)għandu jittieħed mill-inqas kampjun wieħed minn tal-inqas lott wieħed minn kull sit tal-produzzjoni;
(b)kampjun għandu jikkonsisti f’mill-inqas 200 pjanta speċifikata għal kull lott;
(c)jekk, f’kunsinna, il-piż totali tal-lottijiet li joriġinaw mill-istess sit tal-produzzjoni bħal-lott imsemmi fil-punt (a) jaqbeż il-piż ta’ 200 tunnellata, għandu jittieħed kampjun addizzjonali minn lott ieħor għajr il-lott imsemmi fil-punt (a).
3.L-ispezzjonijiet viżwali tat-tuberi maqtugħin għandhom jitwettqu għal kull kunsinna kif ġej:
(a)għandu jittieħed mill-inqas kampjun wieħed minn tal-inqas lott wieħed ta’ kull sit tal-produzzjoni rrappreżentat fil-kunsinna;
(b)kampjun għandu jikkonsisti f’mill-inqas 200 pjanta speċifikata għal kull lott;
(c)jekk, f’kunsinna, il-piż totali tal-lottijiet li joriġinaw mill-istess sit tal-produzzjoni bħal-lott imsemmi fil-punt (a) jaqbeż il-piż ta’ 200 tunnellata, għandu jittieħed kampjun addizzjonali minn lott ieħor għajr il-lott imsemmi fil-punt (a); kif ukoll
(d)meta jiġu osservati tuberi maqtugħin li jippreżentaw is-sintomi matul l-ispezzjonijiet viżwali, dawk it-tuberi maqtugħin għandhom jittieħdu għall-ittestjar fil-laboratorju.
4.L-ittestjar tal-pjanti speċifikati għandu jitwettaq f’konformità mal-iskema tal-ittestjar tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/1193.
5.Filwaqt li jkunu qed jitwettqu l-spezzjonijiet viżwali, il-kampjunar u l-ittestjar, u sakemm joħorġu r-riżultati ta’ dawk il-verifiki, il-lottijiet kollha tal-pjanti speċifikati li joriġinaw fl-istess sit tal-produzzjoni, inklużi l-lottijiet imqiegħda f’kunsinni għajr il-kunsinna tal-lott ittestjat, li jaslu fl-istess post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fl-istess punt ta’ kontroll, għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
6.Meta tiġi kkonfermata l-preżenza tal-pest speċifikat, il-lottijiet kollha tal-pjanti speċifikati li joriġinaw mill-istess sit tal-produzzjoni, inklużi l-lottijiet imqiegħda f’kunsinni għajr il-kunsinna tal-lott ittestjat, ma għandhomx jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni.
Artikolu 6
Preżentazzjoni tal-listi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri
1.Il-pjanti speċifikati għandhom jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni biss jekk l-NPPO tal-Eġittu tkun ippreżentat lill-Kummissjoni l-listi li ġejjin relatati mas-sena tal-produzzjoni tagħhom fl-Eġittu, qabel il-bidu tal-istaġun tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ dik is-sena:
(a)lista ta’ kodiċijiet tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha u ż-żoni assoċjati tagħhom ħielsa mill-pesti;
(b)lista ta’ ismijiet u numri tal-identifikazzjoni tal-esportaturi approvati uffiċjalment kollha tal-pjanti speċifikati; kif ukoll
(c)lista ta’ ismijiet u numri tal-identifikazzjoni tal-istazzjonijiet tal-ippakkjar approvati uffiċjalment kollha.
2.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Istati Membri l-listi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 7(1), il-punt (b), u l-punt 3 (c) tal-Parti B tal-Anness I.
Artikolu 7
Miżuri f’każ ta’ preżenza kkonfermata tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati matul il-kontrolli tal-importazzjoni
1.Meta l-preżenza tal-pest speċifikat fil-pjanti speċifikati tkun ġiet ikkonfermata matul il-kontrolli tal-importazzjoni mwettqa minn Stat Membru, kunsinni oħra tal-pjanti speċifikati li joriġinaw mill-istess sit tal-produzzjoni ma għandhomx jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni u l-NPPO tal-Eġittu għandu jieħu l-miżuri li ġejjin minnufih:
(a)it-tneħħija tal-kodiċi tas-sit tal-produzzjoni rispettiv mil-lista msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a);
(b)il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta’ lista aġġornata li żżomm rendikont tal-bidliet li jkunu saru;
(c)il-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-pjanti speċifikati mis-sit tal-produzzjoni li tneħħa mil-lista lejn it-territorju tal-Unjoni.
2.Wara investigazzjonijiet mill-NPPO tal-Eġittu, u f’każijiet fejn teżisti evidenza li l-preżenza tal-pest speċifikat ma tkunx marbuta ma’ sit tal-produzzjoni speċifiku, is-sit tal-produzzjoni rispettiv jista’ jiġi introdott mill-ġdid fil-lista msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a).
3.L-ebda pjanta speċifikata li toriġina minn sit tal-produzzjoni li tneħħa mil-lista kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu u fil-punti 3 (a) u (b) tal-Parti B tal-Anness I, ma għandha tiġi introdotta fit-territorju tal-Unjoni matul is-sena kkonċernata li tkun għaddejja u matul it-tliet snin ta’ wara. L-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati li joriġinaw minn sit tal-produzzjoni li tneħħa mil-lista għandha tkun permessa mir-raba’ sena wara s-sena kkonċernata, u biss jekk in-nuqqas tal-pest speċifikat ikun ġie kkonfermat mill-NPPO tal-Eġittu matul it-tliet snin ta’ qabel is-sena kkonċernata.
Artikolu 8
Tikkettar
Fil-każ tal-imballaġġ mill-ġdid tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni, l-operaturi professjonisti għandhom jiżguraw li l-pakketti jkollhom tikketti xierqa li jindikaw l-oriġini tal-pjanti speċifikati mill-Eġittu u l-projbizzjoni li dawn jitħawlu fit-territorju tal-Unjoni.
Artikolu 9
Ġestjoni tal-iskart
L-operaturi professjonisti għandhom jieħdu miżuri xierqa tal-iġjene għar-rimi tal-iskart wara l-imballaġġ, l-imballaġġ mill-ġdid jew l-ipproċessar tal-pjanti speċifikati, b’mod li jkun xieraq biex jiġi evitat kwalunkwe tixrid tal-pest speċifikat li jirriżulta minn xi infezzjoni moħbija possibbli. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:
(a)trattament xieraq tal-ilma kollu li jirriżulta mill-ħasil u mill-ipproċessar tal-pjanti speċifikati, qabel ma jiġi skarikat fl-ilma tal-wiċċ jew tat-tisqija; kif ukoll
(b)azzjonijiet preventivi għat-tixrid fuq art agrikola ta’ ħamrija aderenti mhux ittrattata, skart tal-patata u patata rrifjutata.
Artikolu 10
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 11
Tħassir tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/787/UE
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/787/UE hija mħassra.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punt (b) tal-Parti A tal-Anness I għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2028.
Dan ir-Regolament għandu japplika sat-30 ta’ Novembru 2029.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 2.7.2025
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN