Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2024-00431-AS

Servizzi fil-komunità b’rabta mas-saħħa mentali

EESC-2024-00431-AS

SOC/799

Servizzi fil-komunità b’rabta mas-saħħa mentali

OPINJONI

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Servizzi fil-komunità b’rabta mas-saħħa mentali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Kuntatt

soc@eesc.europa.eu

Amministratur

Valeria ATZORI

Data tad-dokument

10/9/2024

Relatur: Pietro Vittorio BARBIERI

Konsulent

Gisella TRINCAS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

16/1/2024

Bażi għal proċedura

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

4/9/2024

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

76/1/0

Adozzjoni fil-plenarja

D/M/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jikkondividi l-għanijiet u l-objettivi tal-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni Ewropea għas-saħħa mentali, b’mod partikolari l-kapitolu tal-azzjonijiet: l-integrazzjoni tas-saħħa mentali fil-politiki kollha; il-promozzjoni tas-servizzi ta’ prevenzjoni u ta’ dijanjożi bikrija għall-problemi tas-saħħa mentali; it-tisħiħ tas-saħħa mentali tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani; l-għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn, l-indirizzar u l-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol; it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa mentali u t-titjib tal-aċċess għat-trattament u l-kura; it-tkissir tal-istigma u l-preġudizzji; u t-trawwim tas-saħħa mentali fuq livell globali.

1.2Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ litteriżmu fis-saħħa mentali għas-soċjetà kollha. Fil-fatt, l-istrateġiji ta’ prevenzjoni jridu jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal kollu tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni fil-popolazzjoni sabiex l-istigma tiġi miġġielda f’komunitajiet miftuħa, u sabiex ikun aktar possibbli li l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali jiġu rikonoxxuti u dijanjostikati fi stadju bikri biex isir intervent bikri.

1.3Il-KESE jqis kruċjali l-kooperazzjoni bejn is-setturi biex jiġi żgurat li s-setturi tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, tal-kura soċjali u tal-kura tas-saħħa mentali jaħdmu flimkien biex jgħinu lin-nies jgħixu ħajja bil-potenzjal sħiħ tagħhom. Il-mira tal-politiki għandha tkun sistema integrata tas-saħħa mentali. Il-ħajja ta’ persuna ma tappartjenix għall-għarfien espert ta’ settur speċifiku. L-għan huwa li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-persuna bil-ħsieb li tiġi appoġġjata fit-tfittxija tal-kuntentizza, bħal kulħadd.

1.4Il-KESE jappoġġja l-awtonomizzazzjoni u l-appoġġ għall-awtorappreżentanza bħala l-elementi kruċjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nies f’dak li jirrigwardahom u biex jiġu prodotti fuq bażi konġunta strateġiji u programmi li jappoġġjaw lill-persuni li qed ibatu minħabba s-saħħa mentali tagħhom. Dan jinvolvi l-ippjanar, it-tfassil, il-forniment u l-evalwazzjoni tal-kura. Inevitabbilment dan jeħtieġ programm ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għal forom ta’ awtoġestjoni, normalment permezz ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

1.5Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-komunitajiet lokali, lill-professjonisti, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi l-imsieħba soċjali) u lill-atturi statali u mhux statali kollha biex jibnu ekosistema ta’ servizzi bbażati fil-komunità biex jappoġġjaw lin-nies madwar l-Ewropa li jesperjenzaw tbatija mentali. B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza l-pedamenti tal-ambjent li għandhom jinbnew wara l-indikazzjonijiet diġà stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO): it-tnaqqis tar-rikoveri fi sptarijiet psikjatriċi (kif diġà seħħ fl-Italja), l-abolizzjoni ta’ prattiki koerċittivi, it-tibdil tal-iżbilanċ fis-setgħa tas-servizzi, il-proċediment lejn it-trasformazzjoni tas-segregazzjoni tas-servizzi fi prattiki personalizzati, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-servizzi u tal-professjonisti li jkunu kapaċi jinterpretaw it-trasformazzjoni meħtieġa abbażi tad-drittijiet tal-bniedem bid-dinjità ta’ kull persuna bħala l-punt tat-tluq, it-tibdil tad-destin ta’ eluf ta’ persuni (u l-familji tagħhom) li jgħixu b’dawn il-kundizzjonijiet, u l-ġlieda kontra l-istigma biex jiġi skattat ukoll mekkaniżmu pożittiv orjentat lejn l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni fil-ħajja komunitarja.

1.6Il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-ekosistema tkun ibbażata fuq xi linji gwida preċiżi: il-baġit personali bħala xprunatur tal-infiq mill-Istati u mill-komunitajiet; is-servizzi dijanjostiċi u ta’ trattament li huma kemm jista’ jkun qrib il-post ta’ residenza tal-persuna u fl-istess ħin huma postijiet li wieħed jieħu gost iżurhom; id-dritt tal-persuna li tagħżel li tkun tista’ tgħix f’ambjenti mingħajr segregazzjoni, fejn qatt ma jkun hemm aktar minn 3-5 sodod; servizzi ta’ impjieg, edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja li jadottaw strateġiji u għodod adegwati u personalizzati; professjonisti b’taħriġ adegwat, inkluż l-aktar kontribut avvanzat mir-riċerka; u servizzi ta’ konsulenza bejn il-pari peress li n-nies jitgħallmu aktar minn dawk li jkunu għaddew minn esperjenza simili. Il-KESE jqis li l-objettiv li jiġu stabbiliti linji gwida ċari huwa fundamentali sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati l-istandards ta’ referenza.

1.7Il-KESE huwa konvint li huwa meħtieġ li tinkiseb data diżaggregata u statistika ekonomika sabiex l-Istati Membri u l-komunitajiet ikunu jistgħu jwettqu ppjanar nazzjonali u komunitarju.

1.8Il-kapitolu tar-riżorsi jirrappreżenta l-akbar sfida. Il-kosteffettività trid tiġi kkunsidrata. Issa hemm letteratura internazzjonali speċjalizzata u kkonsolidata li skontha n-nuqqas ta’ azzjonijiet jew servizzi ta’ segregazzjoni jirrappreżenta b’mod ċar spiża ħafna ogħla milli l-ħidma favur servizzi inklużivi. Il-proċess huwa twil u kumpless, u l-KESE jqis li huwa obbligatorju li dan jitwettaq jekk inqisu li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija pedament tal-UE. Għalhekk l-implimentazzjoni ta’ dawk l-investimenti f’kull livell tintuża għal appoġġ ibbażat fil-komunità, mhux għall-istituzzjonijiet.

1.9Il-KESE jappella għal azzjoni – biex l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali, l-Istati Membri, il-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili organizzata (inklużi l-imsieħba soċjali) jieħdu passi urġenti ’l quddiem biex jorganizzaw it-tranżizzjoni. Il-KESE beħsiebu jappoġġja l-inizjattivi kollha li jwasslu għal post ta’ kunsens wiesa’ li jista’ jegħleb l-istigma persistenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-protagonisti jeħtiġilhom ikunu l-persuni li jesperjenzaw tbatija mentali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Jeħtieġ li tinbena triq strutturata tipika tal-konferenza ta’ kunsens estiża għall-istituzzjonijiet.

2.Kummenti ġenerali

2.1Id-data tal-Ewrobarometru 1 turi l-impatt u t-tħassib dejjem akbar taċ-ċittadini Ewropej dwar is-saħħa mentali: 46 % jiddikjaraw li kellhom diffikultà emozzjonali jew psikoloġika fl-aħħar tnax-il xahar, 89 % jaqblu li huwa importanti li s-saħħa mentali tingħata promozzjoni, u 25 % jirreferu għall-problema ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali ta’ membru mill-familja tagħhom.

2.2L-Approċċ komprensiv għas-saħħa mentali 2 tal-Kummissjoni Ewropea jiddikjara li:

-is-saħħa mentali hija parti integrali mis-saħħa;

-hija influwenzata minn fatturi varji (personali, ambjentali, soċjali, ekonomiċi u avvenimenti kritiċi bħall-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni u l-kriżi tal-enerġija);

-qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-problemi tas-saħħa mentali affettwaw persuna minn kull sitta fl-UE li wassal għat-telf ta’ aktar minn 4 % tal-PDG;

-din l-ispiża hija dovuta kemm għall-kriżijiet imsemmija hawn fuq kif ukoll għall-għażliet politiċi u organizzattivi tal-gvernijiet;

-din tikkonċerna l-aktar is-sezzjonijiet aktar dgħajfa tal-popolazzjoni, ibda miż-żgħażagħ, li t-tieni kawża tal-mewt fosthom huwa s-suwiċidju 3 .

2.3Id-dritt għall-aċċess għall-kura, inkluża l-kura preventiva, huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn huwa ddikjarat li huwa meħtieġ li dan id-dritt jiġi rispettat b’servizzi ta’ kwalità tajba, b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem u bl-involviment ta’ dawk direttament ikkonċernati.

2.4Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq tliet prinċipji: disponibbiltà ta’ servizz ta’ prevenzjoni adegwat u effikaċi, aċċess għal kura u assistenza ta’ kwalità tajba u bi prezzijiet raġonevoli, u integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà wara l-fejqan.

2.5Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Miżuri għat-titjib tas-saħħa mentali” 4 , il-KESE:

-Jappella għal riforma tas-sistemi tas-saħħa tal-UE biex jiġu żgurati l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-iskrinjar tal-mard mentali, u approċċ iċċentrat fuq il-persuna u disponibbli fil-komunità tagħha;

-jirrakkomanda li l-approċċ komprensiv tal-UE dwar is-saħħa mentali għandu jkollu skedi ta’ żmien u biżżejjed riżorsi, jiddefinixxi r-responsabbiltajiet u jinkludi indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress, inkluż fis-Semestru Ewropew. Il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza 5 għandhom jinkludu aktar investimenti diretti għas-settur tas-saħħa u dak soċjali;

-jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi tas-saħħa mentali bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, iċċentrati fuq il-persuna, orjentati lejn l-irkupru u bbażati fil-komunità li jagħtu prijorità lill-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva tal-persuna fl-irkupru tagħha stess bl-għan aħħari li titejjeb l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u f’konformità mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, b’enfasi fuq il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi u vulnerabbli;

-iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali jappoġġjaw u jippromovu inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol bl-għan li jiġu vvalutati u eliminati r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol.

3.Kummenti speċifiċi

3.1B’din it-tieni Opinjoni dwar dan is-suġġett, il-KESE qed ifittex li jagħti lok għal dibattitu u proposti bl-għan li titnaqqas id-differenza bejn dak li ntqal u dak li fil-fatt isir fir-rigward tal-forniment tal-kura tas-saħħa mentali u s-servizzi soċjali.

3.2L-inizjattiva ewlenija Nru 1 tal-approċċ komprensiv hija l-“Inizjattiva Ewropea għall-Bini tal-Kapaċitajiet tas-Saħħa Mentali”. Permezz ta’ proġett ta’ EUR 11-il miljun li bħalissa qed jiġi implimentat mad-WHO, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġja lill-Istati Membri fil-bini tal-kapaċitajiet biex isaħħu u jirriformaw is-sistemi tas-saħħa mentali tagħhom.

3.3Fl-ambitu tal-inizjattiva ewlenija Nru 9 “Inizjattiva Ewlenija Youth First”, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-UNICEF, bħalissa qed taħdem ma’ Ċipru, mas-Slovenja, mal-Italja u ma’ Spanja (speċifikament l-Andalusija) biex issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom u tippromovi kollaborazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali. L-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li ttejjeb il-kwalità ġenerali tas-servizzi tas-saħħa mentali u hija appoġġjata permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

3.4Fl-inizjattiva ewlenija Nru 16, il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara l-intenzjoni tagħha li toffri lill-Istati Membri appoġġ tekniku biex tgħinhom jintroduċu riformi tas-saħħa mentali f’diversi setturi, sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tas-servizzi tas-saħħa mentali transsettorjali madwar l-UE kollha. Fl-ambitu tas-sejħa tal-2024 tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, intgħażlu ħames proġetti tal-Istati Membri għall-appoġġ biex jiġu implimentati r-riformi tas-saħħa mentali. Il-KESE jipproponi approċċ għas-servizzi u ċerti soluzzjonijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, bl-għan li jiġu definiti prattiki tajbin li għandhom jinġabru u jiġu replikati abbażi ta’ approċċ għas-saħħa mentali bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.

3.5L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi riformata l-leġiżlazzjoni li mhijiex konformi ma’ dawn il-prinċipji. Hija tirrakkomanda li jiġu rieżaminati l-politiki u l-organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali u soċjali biex jiġu żgurati servizzi ta’ kwalità għolja u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet differenti ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

3.6Id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi bbażati fil-komunità huma ta’ importanza kbira u jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza. Dan jidher li ta’ spiss huwa kkaratterizzat minn differenza ambigwa bejn id-dikjarazzjonijiet teoretiċi u l-prattika fir-realtà, bejn il-prinċipji u l-mudelli organizzattivi, u bejn ir-riżorsi disponibbli u dak li huwa fil-fatt possibbli f’termini ta’ trattament u rkupru, bħal bidliet tanġibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-benesseri tal-individwu u l-ħajja ta’ kuljum tiegħu. Is-servizzi bbażati fil-komunità għandhom jiġu ppjanati abbażi ta’ data statistika li trid tkun disponibbli.

3.7Bi tweġiba għal dan, l-għan għandu jkun l-awtonomizzazzjoni tal-utenti tas-servizzi, biex jiġu megħjuna jaqdu rwol attiv fit-tfassil konġunt tas-servizzi u fit-trattament tagħhom stess, u jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-responsabbiltà, u jiġu mmonitorjati b’mod kostanti l-istandards tal-kwalità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-għoti tas-servizzi (sett ta’ għodod QualityRights 6  tad-WHO, EQUAS eċċ.).

3.8F’approċċ iċċentrat fuq il-persuna bbażat fuq il-ħtiġijiet reali tal-individwu, il-professjonisti u s-servizzi jeħtiġilhom jappoġġjaw lin-nies u jgħinuhom jieħdu lura l-kontroll ta’ ħajjithom, sa fejn ikun possibbli u b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi personali tagħhom, iżda mingħajr ma jiġu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u jħallu warajhom lill-maħbubin tagħhom, u jorbtuhom mill-ġdid mad-dinja reali tar-relazzjonijiet, tal-opportunitajiet u tal-għażliet, bħala għajnuna għal irkupru sinifikattiv. Oġġetti tanġibbli bħal dar, introjtu, oġġetti utli u l-ġisem innifsu ma jgħaddux minn materjalizzazzjoni mill-ġdid minħabba t-trattament innifsu. Għall-kuntrarju, dawn jippermettu li t-trattament ikollu tifsira, direzzjoni u sbuħija. Dan jissejjaħ “baġit personali” 7 . Dan għandu jsir l-ixprunatur tal-infiq pubbliku fuq is-saħħa mentali.

3.9Is-servizzi komunitarji tas-saħħa mentali għandhom ikunu disponibbli fi kwantità suffiċjenti u għandhom ikunu aċċessibbli u għall-but ta’ kulħadd. Dawn għandhom jevitaw ir-riskju li jiġu organizzati bħala sempliċi kliniċi speċjalizzati b’attivitajiet purament outpatient, b’listi twal ta’ stennija, miftuħa biss matul il-ġimgħa għal ftit sigħat u separati mill-bqija tal-komunità lokali. Dawn għandhom ikunu kulturalment orjentati lejn id-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, ma jridux jinbnew u jiġu ffurmati bil-profitt bħala bażi, jew ikkaratterizzati minn spazji u għamara li ma jgħinukx tkun produttiv, xi kultant mitluqa, u ta’ spiss vojta, li ma jilqgħukx u impersonali. Ma għandhomx jidhru li għandhom l-għan li joħolqu illużjoni ta’ kura, lejn enfasi superfiċjali fuq sitwazzjoni “kważi normali” jew lejn it-tbegħid tagħhom minn “pazjenti b’kundizzjonijiet serji li huma diffiċli li jiġu kkurati” u li jsibuha diffiċli biex jaċċessaw il-kura u jintbagħtu malajr f’faċilitajiet privati approvati.

3.10Għall-kuntrarju, dawn għandhom ikunu miftuħa kuljum u jkunu postijiet aċċessibbli, li jilqgħu lil dak li jkun u sbieħ – postijiet fejn jistgħu jiġu ffurmati r-relazzjonijiet u postijiet ta’ medjazzjoni – li jmexxu u jiggwidaw it-trattament tan-nies u l-vjaġġi tal-inklużjoni soċjali fil-komunità lokali permezz ta’ perkorsi uniċi, individwali u kumplessi biex jerġgħu jinbnew it-tifsira, ir-rabtiet u s-setgħa tan-negozjar, u b’hekk il-benesseri. Dawn għandhom jiġu ddisinjati biex jipprovdu kura rispettuża u dinjituża, biex ikunu “djar”, postijiet li huma miftuħa 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, punt tat-tluq għax-xogħol f’żona partikolari, b’popolazzjoni moqdija definita (mhux aktar minn 80 000 persuna), li jilqgħu l-bliet u l-gruppi formali u informali tagħha, li jiltaqgħu magħhom, li jibdluhom, u li jipprovdu post fejn in-nies fi kriżi jistgħu jsibu tweġibiet u, jekk meħtieġ, joqogħdu hemm għal xi ħin, inkluż billejl.

3.11Minħabba l-kriżi, hemm riskju li l-istrutturi residenzjali jistgħu jkomplu jiżdiedu, u dan jirrikjedi ammont kbir ta’ riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, il-mudelli eżistenti jidhru kbar iżżejjed f’termini ta’ numri, b’aktar minn 40 utent, u huma maqtugħa mill-ħajja ta’ kuljum tal-bliet u l-viċinati, anonimi, mingħajr oġġetti, u għadhom immexxija bħala ċentri ta’ kenn, b’bibien magħluqa u regoli awtoritarji. Ħafna drabi dawn ikunu separati mill-aspett operazzjonali mis-servizzi lokali fiż-żoni fejn jinsabu, xi drabi b’timijiet kompletament separati u profili tax-xogħol inadegwati. Dawn jidhru kompletament introspettivi. Fil-biċċa l-kbira, dawn huma postijiet li minnhom mhuwiex possibbli li wieħed jgħaddi għal forom aktar indipendenti ta’ għajxien jew ta’ konvivenza fejn in-nies jistgħu jsibu appoġġ meta jkun meħtieġ u sakemm ikun meħtieġ u jiġu integrati fil-komunità, kif urewna li huwa possibbli ħafna esperjenzi pożittivi, u bi spejjeż sostenibbli ħafna.

3.12L-enfasi eċċessiva li dan l-aħħar saret fuq il-faċilitajiet residenzjali hija inkwetanti. Huwa kważi l-istess bħallikieku l-psikjatri, l-amministraturi u l-politiċi għandhom ħtieġa kontinwa ta’ postijiet u spazji definiti li fihom jeżerċitaw – aktar milli kura – kontroll u s-setgħa li jsakkru n-nies b’mod indefinit. Il-komunità globali tat-tobba tal-psikjatrija ħadet pożizzjoni ċara f’dan il-qasam b’dokument speċifiku 8 .

3.13Skont riċerka min-Network Soċjali Ewropew 9 , 65 % tal-komunitajiet lokali affiljati magħhom jiddikjaraw li r-riżorsi għad-deistituzzjonalizzazzjoni u l-kostruzzjoni ta’ servizzi komunitarji mhumiex biżżejjed. Jintqal li l-proċess huwa twil u jiswa l-flus u hemm differenza bejn kif komunitajiet lokali differenti jiddeċiedu li jinvestu r-riżorsi. Għandu jiġi ssottolinjat ukoll li spiss ikun hemm diversità bejn il-bliet u ż-żoni rurali.

3.14Skont l-għażla tal-persuna, l-arranġamenti ta’ konvivenza, inklużi s-servizzi ġenerali bħall-akkomodazzjoni soċjali b’għadd limitat ta’ utenti (ta’ bejn wieħed u ħames individwi) u d-djar tal-familja (ta’ bejn tlieta u ħames individwi) – li diġà ġew ippruvati u ttestjati – għandhom jiġu stabbiliti dejjem aktar fi djar residenzjali fil-bliet jew fil-viċinati tal-bliet, fejn il-ħajja ta’ kuljum hija possibbli, fejn in-nies huma liberi li joħorġu u jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità, fejn fin-normalità tal-ħajja ta’ kuljum in-nies jistgħu jibnu storja, fiduċja, il-kapaċità tal-għażla u l-kapaċità li jkollhom oġġetti, waqt li jerġgħu jieħdu kontroll tal-ħin u l-ispazju, u jsibu opportunitajiet. Jgħixu ħajja normali bħal kull ċittadin ieħor. Dan se jgħin ukoll fil-promozzjoni tal-appoġġ bejn il-pari, mhux biss bħala mod li jippermetti l-koabitazzjoni, iżda wkoll li jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-esperjenzi, kif ukoll iħeġġeġ u jippromovi parteċipazzjoni sinifikattiva u ta’ kwalità fil-komunità u fis-soċjetà kollha kemm hi, u jippermetti lin-nies jipparteċipaw, kemm jista’ jkun, bir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess.

3.15Dawn l-esperjenzi ta’ awtonomizzazzjoni jinkludu l-possibbiltà ta’ “familji tar-rispett” – fejn il-persuni b’mard mentali jittieħdu minn familji ospitanti – li hija inkluża fil-lista ta’ wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO.

3.16Għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-adolexxenti fil-politiki tas-saħħa mentali, inklużi l-isfidi u l-pressjonijiet uniċi li jħabbtu wiċċhom magħhom (jistgħu jiġu ssuġġeriti servizzi speċjalizzati u sistemi ta’ appoġġ fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni).

3.17Għandhom jiġu promossi approċċi mfassla apposta għal gruppi kulturali u vulnerabbli differenti bħall-anzjani, ir-refuġjati, il-komunità LGBTQ+ u l-persuni b’diżabilità, li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi soċjetali differenti.

3.18Għandha titħeġġeġ ir-riċerka li għaddejja dwar interventi effettivi tas-saħħa mentali, u jiġu żviluppati tekniki terapewtiċi ġodda, biex jiġi żgurat li s-servizzi jkunu bbażati fuq l-aħħar evidenza xjentifika. Aktar minn hekk, it-taħriġ tal-professjonisti għat-tranżizzjoni jrid jiġi pprovdut f’kull livell u jkun konsistenti mal-objettivi definiti.

3.19Barra minn hekk, il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ professjonisti tas-saħħa mentali. Din il-lakuna tista’ timtela b’sistema ta’ pass b’pass li tinvolvi professjonisti differenti f’perjodi differenti, skont il-kundizzjoni tal-utent, bl-użu aktar effettiv u effiċjenti tal-persunal eżistenti. Il-persunal innifsu għandu jirċievi appoġġ psikoloġiku u fiżiku kontinwu biex jiġi evitat ir-riskju ta’ burnout.

3.20Ir-rwol tat-teknoloġija fit-titjib tas-servizzi tas-saħħa mentali, speċjalment f’żoni remoti jew mhux moqdija biżżejjed għandu jiġi żviluppat aktar (is-servizzi diġitali ma għandhomx jissostitwixxu s-servizzi wiċċ imb wiċċ, iżda jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għalihom f’ċirkostanzi speċifiċi).

3.21Jeħtieġ li jittieħed approċċ komprensiv għas-saħħa mentali, bħala parti mill-esperjenza normali tal-ħajja ta’ individwu, li jiżgura l-prevenzjoni, il-preżervazzjoni, il-promozzjoni u l-ogħla standards tas-saħħa mentali li jistgħu jinkisbu, u jiżgura li l-individwi jgħixu, bil-potenzjal sħiħ tagħhom, il-ħajja li jixtiequ jgħixu. Fuq kollox, huwa meħtieġ litteriżmu fis-saħħa mentali għas-soċjetà kollha. F’din id-direzzjoni, huwa essenzjali li jiġu adottati strateġiji diretti lejn l-appoġġ għall-awtorappreżentanza.

3.22Huwa essenzjali li jiġu prodotti linji gwida mfassla b’mod konġunt li jiddeterminaw standards ċari bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-indikaturi ta’ kull suġġett imsemmi hawn fuq. Għandu jiġi previst proċess ta’ rieżami sistematiku biex is-servizzi tas-saħħa mentali jiġu vvalutati u adattati fuq bażi kontinwa abbażi tal-eżiti u l-ħtiġijiet tas-soċjetà li qed jinbidlu.

3.23L-istatistika u d-data diżaggregata, inklużi r-riżorsi investiti, huma fundamentali biex tiġi enfasizzata l-omoġeneità tal-infiq fit-territorji differenti, u l-koerenza fir-rigward tal-objettiv tad-deistituzzjonalizzazzjoni u l-bini ta’ servizzi bbażati fil-komunità. Għalhekk huwa meħtieġ li jinkiseb qafas utli għall-Istati Membri u l-komunitajiet lokali sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-kosteffettività u possibbilment ukoll il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi.

Brussell, l-4 ta’ Settembru 2024.

Cinzia DEL RIO

Il-President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

_____________

Top