Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex
Dokument 52ea6da2-2a84-11f0-8a44-01aa75ed71a1
Practice Rules for the implementation of the Rules of Procedure of the General Court [2024/2097]
Tekst skonsolidowany: DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI [2024/2097]
DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI [2024/2097]
02024Q02097 — MT — 01.06.2025 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI (ĠU L 2097 12.8.2024, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 810 |
1 |
28.4.2025 |
||
Ikkoreġut bi:
DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI
[2024/2097]
|
WERREJ |
|
|
I. |
DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI |
|
II. |
FUQ IR-REĠISTRU |
|
A. |
L-uffiċċji tar-Reġistru |
|
B. |
Ir-reġistru |
|
C. |
In-numru tal-kawża |
|
D. |
Il-proċess tal-kawża u konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża |
|
D.1. |
Żamma tal-proċess tal-kawża |
|
D.2. |
Konsultazzjoni tal-proċess u kisba ta’ kopji tal-proċess tal-kawża |
|
1) |
Dispożizzjonijiet komuni |
|
2) |
Rikorsi diretti |
|
3) |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
E. |
L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti |
|
F. |
Ix-xhieda u l-periti |
|
G. |
It-tariffa tar-Reġistru u l-irkupru ta’ somom |
|
H. |
Pubblikazzjonijiet, diffużjoni u xandir fuq l-internet |
|
III. |
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IT-TRATTAMENT TAL-KAWŻI |
|
A. |
In-notifiki |
|
B. |
It-termini |
|
C. |
Protezzjoni tad-data fl-atti u fid-dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku |
|
C.1. |
Dispożizzjoni komuni |
|
C.2. |
Rikorsi diretti |
|
C.3. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
D. |
Rappreżentanza |
|
E. |
Tgħaqqid ta’ kawżi |
|
F. |
Intervent |
|
G. |
Trattament kunfidenzjali fir-rikorsi diretti |
|
G.1. |
Punti ġenerali |
|
G.2. |
Trattament kunfidenzjali fil-każ ta’ talba għal intervent |
|
G.3. |
Trattament kunfidenzjali fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ kawżi |
|
G.4. |
Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura |
|
G.5. |
Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura |
|
G.6. |
Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura |
|
IV. |
FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U L-ANNESSI TAGĦHOM FIR-RIKORSI DIRETTI |
|
A. |
Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom |
|
A.1. |
Fuq l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet |
|
A.2. |
Fuq l-iskeda li telenka l-annessi |
|
A.3. |
Fuq l-annessi |
|
B. |
Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom permezz ta’ e-Curia |
|
C. |
Preżentata b’mod differenti minn e-Curia |
|
D. |
Rifjut ta’ atti proċedurali u ta’ annessi |
|
E. |
Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom |
|
E.1. |
Punti ġenerali |
|
E.2. |
Każijiet ta’ regolarizzazzjoni tar-rikorsi |
|
E.3. |
Każijiet ta’ regolarizzazzjoni ta’ atti proċedurali oħra |
|
V. |
FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U L-ANNESSI TAGĦHOM FIL-KAWŻI GĦAL DEĊIŻJONI PRELIMINARI |
|
A. |
Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom |
|
A.1. |
Fuq l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut |
|
A.2. |
Fuq l-iskeda li telenka l-annessi |
|
A.3. |
Fuq l-annessi |
|
B. |
Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom |
|
C. |
Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom |
|
VI. |
FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA |
|
A. |
It-tul tan-noti |
|
A.1. |
Rikorsi diretti |
|
A.2. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
A.3. |
Regolarizzazzjoni tan-noti li jkunu twal wisq |
|
B. |
L-istruttura u l-kontenut tan-noti |
|
B.1. |
Rikorsi diretti li ma jkunux rikorsi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali |
|
1) |
Ir-rikors promotur |
|
2) |
Ir-risposta |
|
3) |
Ir-replika u l-kontroreplika |
|
B.2. |
Kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali |
|
1) |
Ir-rikors promotur |
|
2) |
Ir-risposta |
|
3) |
Ir-rikors inċidentali u r-risposta għar-rikors inċidentali |
|
B.3. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
VII. |
FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA |
|
A. |
Organizzazzjoni tas-seduti |
|
A.1. |
Dispożizzjoni komuni |
|
A.2. |
Rikorsi diretti |
|
A.3. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
B. |
Preparazzjoni għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali |
|
B.1. |
Dispożizzjonijiet komuni |
|
B.2. |
Rikorsi diretti |
|
B.3. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
C. |
L-iżvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali |
|
D. |
Parteċipazzjoni f’seduta permezz ta’ videokonferenza |
|
D.1. |
Talba għall-użu tal-videokonferenza |
|
D.2. |
Kundizzjonijiet tekniċi |
|
D.3. |
Rakkomandazzjonijiet prattiċi |
|
E. |
Interpretazzjoni |
|
F. |
Il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali |
|
G. |
Xandir tas-seduti |
|
H. |
Qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza |
|
VIII. |
FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI |
|
A.1. |
Rikorsi diretti |
|
A.2. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
IX. |
FUQ IL-PROĊEDURI B’URĠENZA |
|
A. |
Fuq il-proċedura mħaffa |
|
A.1. |
Rikorsi diretti |
|
1) |
Talba għal proċedura mħaffa |
|
2) |
Verżjoni mqassra |
|
3) |
Ir-risposta |
|
4) |
Il-fażi orali tal-proċedura |
|
A.2. |
Kawżi għal deċiżjoni preliminari |
|
B. |
Fuq is-sospensjoni u fuq miżuri provviżorji fil-kuntest ta’ rikorsi diretti |
|
X. |
DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI TA’ IMPLIMENTAZZJONI |
|
ANNESSI |
|
|
Anness 1: |
Lista tan-notamenti (punti 15, 16 u 18 ta’ dawn id-DPI) |
|
Anness 2: |
Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat (punt 130 ta’ dawn id-DPI) |
|
Anness 3: |
Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika (punt 131 ta’ dawn id-DPI) |
|
Anness 4: |
Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika (punt 132 ta’ dawn id-DPI) |
I. DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI
1. Dawn id-Dispożizzjonijiet Prattiċi ta’ Implimentazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DPI”) jispjegaw u jispeċifikaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura u huma intiżi li jippermettu lir-rappreżentati tal-partijiet u tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk marbuta mal-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi, mal-preżentazzjoni tagħhom, mat-traduzzjoni tagħhom u mal-interpretazzjoni matul is-seduti għas-sottomissjonijiet orali.
2. Id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura huma applikabbli għal dawn id-DPI.
II. FUQ IR-REĠISTRU
A. L-uffiċċji tar-Reġistru
3. L-uffiċċji tar-Reġistru jinsabu f’dan l-indirizz:
Greffe du Tribunal de l’Union européenne
[Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea]
Rue du Fort Niedergrünewald
L-2925 Il-Lussemburgu
L-indirizz tal-posta elettronika tar-Reġistru huwa: GC.Registry@curia.europa.eu
4. L-uffiċċji tar-Reġistru għandhom ikunu miftuħa fil-jiem ta’ xogħol kollha. Għandhom jitqiesu li huma jiem ta’ xogħol il-jiem kollha ħlief is-Sibtijiet, il-Ħdud kif ukoll il-jiem ta’ vaganza legali previsti fil-lista msemmija fl-Artikolu 58(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
5. Meta jum ta’ xogħol fis-sens tal-punt 4 iktar ’il fuq ikun jum ta’ vaganza għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-istituzzjoni, il-possibbiltà li r-Reġistru jiġi kkuntattjat matul il-ħinijiet tal-ftuħ għandha tiġi żgurata permezz ta’ preżenza permanenti.
6. Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru għandhom ikunu:
7. Nofs siegħa qabel tibda seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-uffiċċji tar-Reġistru għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni kkonvokati għal din is-seduta.
8. Barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru, l-anness imsemmi fl-Artikolu 72(4) tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll l-atti proċedurali msemmija fl-Artikoli 147(6), 205(2) u 239(2) tar-Regoli tal-Proċedura jistgħu, f’kull ħin tal-ġurnata jew tal-lejl, jiġu validament ippreżentati lill-gwardjan li jkun qiegħed fl-entrati tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jieħu nota tad-data u tal-ħin tal-preżentata, li jkunu awtentiċi, u għandu jagħti rċevuta.
B. Ir-reġistru
9. Fir-reġistru għandhom jiġu rreġistrati d-dokumenti kollha inklużi fil-proċessi tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
10. Fir-reġistru għandhom jiġu rreġistrati wkoll l-informazzjoni jew l-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-trattament tagħhom huwa rregolat mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2016.
11. Ir-reġistrazzjonijiet fir-reġistru għandhom jiġu nnumerati f’ordni konsekuttiv u kontinwu. Dawn għandhom isiru fil-lingwa tal-kawża. Huma għandhom jinkludu, b’mod partikolari, id-dati tal-preżentata u tar-reġistrazzjoni, in-numru tal-kawża u n-natura tal-att.
12. Ir-reġistru miżmum f’forma elettronika għandu jkun maħsub b’mod li ebda reġistrazzjoni ma tkun tista’ titħassar u b’mod li kull emenda sussegwenti ta’ reġistrazzjoni tkun tista’ tingħaraf.
13. Konformement mal-Artikolu 125c tar-Regoli tal-Proċedura, l-annessi prodotti fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim bonarju prevista fl-Artikoli 125a sa 125d tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jiġu rreġistrati f’reġistru speċifiku li ma għandux ikun suġġett għas-sistema prevista fl-Artikoli 36 u 37 tal-imsemmija Regoli.
C. In-numru tal-kawża
14. Meta rikors promotur jiġi rreġistrat fir-reġistru jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja tittrasferixxi talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 50b tal-Istatut, il-kawża għandha tingħata numru tal-ordni ppreċedut b’“T-” u segwit bl-indikazzjoni tas-sena.
15. It-talbiet għal miżuri provviżorji, it-talbiet għal intervent, it-talbiet għal rettifika jew għal interpretazzjoni, it-talbiet sabiex jiġi rrimedjat nuqqas li tingħata deċiżjoni, it-talbiet għal reviżjoni, it-talbiet għal oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja jew għal oppożizzjoni minn terzi, it-talbiet għall-intaxxar tal-ispejjeż u t-talbiet għal għajnuna legali li jkunu jirrigwardaw rikorsi pendenti jew kawżi għal deċiżjoni preliminari pendenti għandhom jingħataw l-istess numru tal-ordni bħall-kawża prinċipali, segwit b’notament li jindika n-natura partikolari distinta ta’ dawn il-proċeduri.
16. Talba għal għajnuna legali mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors għandha tingħata numru tal-ordni ppreċedut b’“T-”, segwit bl-indikazzjoni tas-sena u b’notament speċifiku.
17. Rikors li l-preżentata tiegħu kienet ippreċeduta b’talba għal għajnuna legali relatata miegħu għandu jingħata l-istess numru tal-kawża bħal din it-talba, mingħajr in-notament speċifiku.
18. Kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja wara annullament għandha tingħata n-numru li kienet ingħatat preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali, segwit b’notament speċifiku.
19. In-notamenti inkwistjoni huma speċifikati fl-Anness I ta’ dawn id-DPI.
20. In-numru tal-ordni tal-kawża, inklużi, jekk ikun hemm, in-notamenti, u l-partijiet għandhom jiġu indikati fl-atti proċedurali, fil-korrispondenza relatata mal-kawża kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u fid-dokumenti u fl-informazzjoni relatati mal-kawża li għalihom ikollu aċċess il-pubbliku. Fil-każ tal-ommissjoni ta’ data skont l-Artikoli 66, 66a jew 201 tar-Regoli tal-Proċedura, l-indikazzjoni tal-partijiet għandha tiġi aġġustata fid-dawl ta’ din l-ommissjoni.
D. Il-proċess tal-kawża u konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża
D.1. Żamma tal-proċess tal-kawża
21. Il-proċess tal-kawża għandu jinkludi l-atti proċedurali, jekk ikun il-każ flimkien mal-annessi, u kull dokument ieħor meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni fil-kawża, kif ukoll il-korrispondenza mal-partijiet u l-provi tan-notifika. Il-proċess għandu jinkludi wkoll, jekk ikun il-każ, estratti mill-proċess verbal tal-laqgħa tal-awla, il-proċess verbal tal-laqgħa mal-partijiet, ir-rapport għas-seduta fir-rikors diretti, il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u l-proċess verbal tas-seduta istruttorja, kif ukoll id-deċiżjonijiet u l-konstatazzjonijiet rreġistrati f’din il-kawża.
22. Kull dokument inkluż fil-proċess tal-kawża għandu jkollu n-numru tar-reġistru msemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq u għandu jingħata numru konsekuttiv. Barra minn hekk, l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet, mill-qrati nazzjonali u mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, u l-eventwali kopji ta’ dawn l-atti għandu jkollhom id-data tal-preżentata u d-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru bil-lingwa tal-kawża.
23. Il-verżjonijiet kunfidenzjali u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom għandhom jinżammu separatament fil-proċess tal-kawża.
24. Id-dokumenti dwar il-proċeduri partikolari msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq għandhom jinżammu separatament fil-proċess tal-kawża.
25. L-annessi prodotti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ftehim bonarju fis-sens tal-Artikolu 125a tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jinżammu fi proċess distint mill-proċess tal-kawża.
26. Att proċedurali u l-annessi tiegħu prodotti f’kawża u inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ kawża oħra.
27. Wara li tintemm il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Reġistru għandu jiżgura l-għeluq u l-arkivjar tal-proċess tal-kawża kif ukoll tal-proċess previst fl-Artikolu 125c(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-proċess magħluq għandu jinkludi lista tad-dokumenti kollha inklużi fil-proċess tal-kawża, kif ukoll il-provi tan-notifika, u konstatazzjoni tar-Reġistratur li tiċċertifika n-natura kompleta tal-proċess.
28. It-trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura huwa rregolat mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2016.
D.2. Konsultazzjoni tal-proċess u kisba ta’ kopji tal-proċess tal-kawża
1) Dispożizzjonijiet komuni
29. Fuq talba ta’ terz, ir-Reġistru għandu joħroġ kopja tad-digrieti sakemm ma jkunux diġà aċċessibbli pubblikament u sakemm ma jkunux jinkludu data kunfidenzjali, kif ukoll estratti tar-reġistru.
2) Rikorsi diretti
30. Ir-rappreżentanti tal-partijiet prinċipali jistgħu jikkonsultaw, fl-uffiċċji tar-Reġistru, il-proċess tal-kawża.
31. Ir-rappreżentanti tal-partijiet li l-intervent tagħhom ikun ġie ammess skont l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom l-istess dritt li jikkonsultaw il-proċess tal-kawża bħall-partijiet prinċipali, bla ħsara għall-Artikolu 144(5) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura.
32. Fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ rikorsi diretti, ir-rappreżentanti tal-partijiet kollha għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid, bla ħsara għall Artikolu 68(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Għall-kuntrarju, tali dritt ta’ konsultazzjoni ma japplikax meta, konformement mal-Artikolu 106a tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi organizzata seduta komuni għas-sottomissjonijiet orali.
33. Il-persuna li tkun ressqet talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura mingħajr l-assistenza ta’ avukat għandha d-dritt li tikkonsulta l-proċess dwar l-għajnuna legali. Meta jinħatar avukat sabiex jirrappreżentaha, ikun biss dan ir-rappreżentant li jkollu d-dritt li jikkonsulta dan il-proċess.
34. Il-konsultazzjoni tal-verżjoni kunfidenzjali tal-atti proċedurali u, jekk ikun il-każ, tal-annessi tagħhom għandha tkun awtorizzata biss fir-rigward tal-partijiet li għalihom ma jkun intalab jew ma jkun ġie ordnat ebda trattament kunfidenzjali.
35. Fir-rigward tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jsir riferiment għall-punt 28 iktar ’il fuq.
36. Ir-regoli stabbiliti fil-punti 30 sa 35 iktar ’il fuq ma jikkonċernawx l-aċċess għall-proċess previst fl-Artikolu 125c(1) tar-Regoli tal-Proċedura. L-aċċess għal dan il-proċess speċifiku huwa rregolat minn din l-istess dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura.
3) Kawżi għal deċiżjoni preliminari
37. Ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jew il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat jistgħu jikkonsultaw, fl-uffiċċji tar-Reġistru, il-proċess tal-kawża, inkluż il-proċess nazzjonali trażmess lill-Qorti Ġenerali.
38. Fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari, ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jew il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid. Għall-kuntrarju, tali dritt ta’ konsultazzjoni ma japplikax meta, konformement mal-Artikolu 214 tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi organizzata seduta komuni għas-sottomissjonijiet orali.
39. Il-persuna li tkun ressqet talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 239 tar-Regoli tal-Proċedura mingħajr l-assistenza ta’ avukat għandha d-dritt li tikkonsulta l-proċess dwar l-għajnuna legali. Meta jinħatar avukat sabiex jirrappreżentaha, ikun biss dan ir-rappreżentant li jkollu d-dritt li jikkonsulta dan il-proċess.
E. L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti
40. L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu ffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata. Huma għandhom jinżammu b’mod elettroniku li ma jkunx jista’ jiġi emendat, f’ordni kronoloġiku, fuq server speċjali rriżervat għall-arkivjar għal perijodu twil. Il-kopja elettronika tal-verżjoni awtentika tas-sentenza jew tad-digriet għandha tiġi stampata u inkluża fil-proċess tal-kawża.
41. Id-digrieti li jagħmlu rettifika f’sentenza jew f’digriet, is-sentenzi jew id-digrieti li jinterpretaw sentenza jew digriet, is-sentenzi mogħtija fuq oppożizzjoni kontra sentenza fil-kontumaċja, is-sentenzi u d-digrieti mogħtija fuq oppożizzjoni minn terz jew fuq talba għal reviżjoni, iffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata, għandhom jinżammu fuq server speċjali rriżervat għall-arkivjar għal perijodu twil flimkien u b’mod inseparabbli, minn naħa, mas-sentenza jew mad-digriet ikkonċernati tal-Qorti Ġenerali ffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata u, min-naħa l-oħra, ma’ dokument bin-notamenti ta’ spjegazzjoni ffirmat mir-Reġistratur.
42. Meta s-sentenza jew id-digriet tal-Qorti Ġenerali jkunu ġew iffirmati bl-idejn, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ rettifika jew ta’ interpretazzjoni, jew mogħtija fuq oppożizzjoni, fuq oppożizzjoni minn terzi jew fuq talba għal reviżjoni u ffirmata permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata għandha tiġi indikata permezz ta’ notament fil-marġni tas-sentenza jew tad-digriet ikkonċernati. Il-kopja tal-verżjoni awtentikata tad-deċiżjoni ffirmata permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata għandha tiġi stampata u annessa mal-oriġinal tas-sentenza jew tad-digriet f’forma stampata.
43. Meta deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ffirmata bl-idejn tkun tat lok għal deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell jew wara eżami mill-ġdid, din id-deċiżjoni għandha tinżamm flimkien u b’mod inseparabbli f’forma stampata, minn naħa, mal-verżjoni tas-sentenza jew tad-digriet ikkonċernati tal-Qorti tal-Ġustizzja kif trażmessa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, man-notamenti ta’ spjegazzjoni, iffirmati mir-Reġistratur, fil-marġni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
44. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali ffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata li jkunu taw lok għal deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell jew wara eżami mill-ġdid għandhom jinżammu fuq server speċjali rriżervat għall-arkivjar għal perijodu twil flimkien u b’mod inseparabbli, minn naħa, mal-verżjoni tas-sentenza jew tad-digriet ikkonċernati tal-Qorti tal-Ġustizzja kif trażmessa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, ma’ dokument bin-notamenti ta’ spjegazzjonijiet iffirmat mir-Reġistratur.
F. Ix-xhieda u l-periti
45. Ir-Reġistratur għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jordnaw perizja jew is-smigħ ta’ xhieda.
46. Ir-Reġistratur għandu jitlob lix-xhieda jippreżentawlu d-dokumenti ta’ sostenn fir-rigward tal-ispejjeż tagħhom u tat-telf ta’ qligħ tagħhom u għandu jitlob lill-periti jippreżentawlu nota tal-onorarji li tiġġustifika x-xogħol u l-ispejjeż tagħhom.
47. Ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-kaxxier tal-Qorti Ġenerali jħallas l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti, b’applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar dawn l-ammonti, ir-Reġistratur għandu jressaqha quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni dwarha.
G. It-tariffa tar-Reġistru u l-irkupru ta’ somom
48. Meta, fir-rikorsi diretti, parti jew parti li titlob li tintervjeni jonqsu b’mod repetut li josservaw ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura jew ta’ dawn id-DPI, ir-Reġistratur għandu jiġbor, konformement mal-Artikolu 139(b) tar-Regoli tal-Proċedura, dritt tar-Reġistru li ma jistax ikun ta’ iktar mill-ammont ta’ EUR 10 000 .
49. Jekk ikun hemm lok li jiġu rkuprati, favur il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali, somom imħallsa bħala għajnuna legali, somom imħallsa lix-xhieda jew lill-periti jew l-ispejjeż sostnuti mill-Qorti Ġenerali li setgħu jiġu evitati fis-sens tal-Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jitlob dawn is-somom mingħand id-debitur li jkun responsabbli għalihom.
50. Fil-każ li s-somom imsemmija fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq ma jitħallsux fit-terminu ffissat mir-Reġistratur, dan tal-aħħar jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tagħti digriet li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv u li tiegħu għandu, jekk ikun il-każ, jeżiġi l-infurzar.
H. Pubblikazzjonijiet, diffużjoni u xandir fuq l-internet
51. Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea previsti fir-Regoli tal-Proċedura.
52. Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi dwar ir-rikorsi ppreżentati, dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ttrasferiti mill-Qorti tal-Ġustizzja u dwar id-deċiżjonijiet li jagħlqu l-istanza, ħlief fil-każ li d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza tkun ġiet adottata qabel kull notifika.
53. Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati taħt l-Artikolu 202(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 202(3) ta’dawn ir-Regoli, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali.
54. Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti msemmi fl-Artikoli 110a u 219 tar-Regoli tal-Proċedura, b’osservanza tad-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali.
55. Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali b’osservanza tal-kriterji deċiżi minn din tal-aħħar. Dawn il-kriterji għandhom ikunu disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
III. DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IT-TRATTAMENT TAL-KAWŻI
A. In-notifiki
56. Mal-kopja tal-att li jkun qiegħed jiġi nnotifikat għandha tintbagħat ittra li tispeċifika n-numru tal-kawża, in-numru tar-reġistru u l-indikazzjoni fil-qosor tan-natura tal-att.
57. Fil-każ li tentattiv ta’ notifika tar-rikors lill-konvenut ma jirnexxix, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu lir-rikorrent, skont il-każ, sabiex jipprovdi informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tan-notifika jew sabiex jistaqsi jekk ir-rikorrent jaċċettax li juża, bi spejjeż tiegħu, is-servizzi ta’ marixxal sabiex titwettaq notifika ġdida.
B. It-termini
58. L-Artikolu 58(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li jekk il-jum li fih jiskadi terminu jkun is-Sibt, il-Ħadd jew jum ta’ vaganza legali, l-iskadenza ta’ dan it-terminu għandha tiġi ddifferita għat-tmiem tal-jum ta’ xogħol li jmiss, japplika biss meta t-terminu sħiħ, inkluż it-terminu għal raġuni ta’ distanza, jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’jum ta’ vaganza legali. Il-lista tal-jiem ta’ vaganza legali għandha tiġi ppubblikata kull sena f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/Jo2_7040/).
59. Talba għall-proroga ta’ terminu għandha tkun debitament motivata u għandha titressaq fi żmien xieraq qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat.
60. It-talba għall-proroga tat-terminu previst fl-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandha titressaq qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu jew, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tinnotifika d-deċiżjoni li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali, immedjatament wara din in-notifika. Din it-talba għandha tkun motivata u għandha tindika l-att li jissostitwixxi jew li jemenda l-att li jkun intalab l-annullament tiegħu, u għandha tispeċifika l-bidu tad-dekorrenza tat-termini previsti fl-Artikolu 86(2) u (3), li fihom jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. Ebda proroga tat-terminu previst fl-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tista’ tingħata lil hinn mit-termini previsti fl-Artikolu 86(2) u (3).
61. Terminu jista’ jiġi pprorogat għal iktar minn darba għal raġunijiet eċċezzjonali biss.
C. Protezzjoni tad-data fl-atti u fid-dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku
C.1. Dispożizzjoni komuni
62. Il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, li tirrikonċilja, minn naħa, il-prinċipju ta’ natura pubblika tal-ġustizzja u l-informazzjoni taċ-ċittadini u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni ta’ ċerta data oħra li tissemma fil-kawżi mressqa quddiemha. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli f’dan il-qasam jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ tipi ta’ proċeduri li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali. Dawn huma, minn naħa, l-Artikoli 66 u 66a dwar l-ommissjoni ta’ data fir-rikorsi diretti, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 201 dwar l-anonimizzazzjoni u l-ommissjoni ta’ data fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari.
C.2. Rikorsi diretti
63. Kull rappreżentant ta’ parti f’tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jressaq talba skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura intiża li tiġi ommessa data personali ta’ persuna fiżika, kemm jekk din tkun parti rrappreżentata minnu jew terz, fil-kuntest ta’ proċedura, bil-għan li l-identità tal-persuna kkonċernata ma tiġix żvelata lill-pubbliku.
64. Kull rappreżentant ta’ parti f’tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jitlob, skont l-Artikolu 66a tar-Regoli tal-Proċedura, li data oħra li ma tkunx data personali ta’ persuna fiżika, bħalma huma l-isem ta’ persuna ġuridika jew data koperta mis-sigriet kummerċjali, tiġi ommessa fid-dokumenti li għalihom ikollu aċċess il-pubbliku.
65. Ir-rappreżentant ta’ parti li titlob li tintervjeni għandu jkollu l-istess possibbiltajiet.
66. Talba għall-ommissjoni ta’ data tista’ titressaq f’kull mument matul l-istanza, iżda huwa meħtieġ li tasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali hekk kif jiġi ppreżentat l-ewwel att proċedurali li jkun fih id-data kkonċernata u, fi kwalunkwe każ, qabel il-pubblikazzjoni jew id-diffużjoni fuq l-internet ta’ informazzjoni dwar il-kawża kkonċernata, sabiex b’hekk ma jiġix kompromess l-effett utli tal-ommissjoni.
67. It-talba għandha titressaq permezz ta’ att separat u għandha tindika bi preċiżjoni l-element jew l-elementi ta’ data kkonċernati mit-talba.
68. It-talba għall-ommissjoni ta’ data li ma hijiex data personali ta’ persuni fiżiċi, prevista fl-Artikolu 66a tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tkun motivata permezz ta’ raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li din id-data ma tiġix żvelata pubblikament.
C.3. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
69. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari, il-Qorti Ġenerali għandha toskura l-kunjom u l-isem tal-persuni fiżiċi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari u, jekk ikun il-każ, elementi oħra li jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom, meta dan l-intervent ma jkunx diġà twettaq mill-qorti tar-rinviju, qabel ma tkun bagħtet it-talba tagħha, jew mill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma tkun ittrasferixxiet it-talba lill-Qorti Ġenerali. Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom josservaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-elementi hekk oskurati.
70. Fi kwalunkwe każ, meta parti f’kawża għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti Ġenerali tkun tixtieq li l-identità tagħha jew data personali relatata ma’ persuna fiżika waħda jew iktar ikkonċernati mit-tilwima fil-kawża prinċipali, kemm jekk dawn ikunu partijiet fit-tilwima jew terzi, ma tiġix żvelata fil-kuntest ta’ kawża għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – jew, fil-każ kuntrarju, meta din il-parti tkun tixtieq li l-identità tagħha jew l-imsemmija data jiġu żvelati fil-kuntest ta’ din il-kawża – hija tista’ tindirizza ruħha lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le li tinħeba d-data, totalment jew parzjalment, fil-kawża inkwistjoni jew li tinkixef id-data diġà oskurata. Sabiex titħares l-effettività tagħha, tali talba għandha titressaq kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż dwar il-kawża f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew in-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.
71. Sabiex jiġu ffaċilitati l-għoti ta’ isem u l-identifikazzjoni tal-kawżi anonimizzati, bħala regola ġenerali, il-Qorti Ġenerali tagħti isem fittizju lill-kawżi għal deċiżjoni preliminari li jkunu s-suġġett ta’ anonimizzazzjoni. Dan l-isem fittizju la jikkorrispondi għall-isem reali tal-partijiet fil-proċedura u lanqas, bħala prinċipju, għal ismijiet eżistenti.
D. Rappreżentanza
72. L-Istati Membri, l-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA kif ukoll l-istituzzjonijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent maħtur għal kull kawża. L-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat. Il-partijiet l-oħra għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut u fl-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura. L-għalliema tal-università ċittadini tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tagħtihom id-dritt jagħmlu sottomissjonijiet orali għandhom igawdu, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess drittijiet irrikonoxxuti lill-avukati konformement mal-Artikolu 19 tal-Istatut.
73. Ir-rappreżentant għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut u għandu, kemm jekk ikun avukat u kemm jekk ikun għalliem tal-università, igawdi mill-indipendenza meħtieġa fil-konfront tal-parti li jkun qiegħed jirrappreżenta.
74. Fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tar-rappreżentanza tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-qorti tar-rinviju. B’hekk, kull persuna awtorizzata tirrappreżenta parti quddiem il-qorti tar-rinviju tista’ tirrappreżentaha wkoll quddiem il-Qorti Ġenerali u, jekk dan ikun permess mir-regoli proċedurali nazzjonali, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lilhom infushom fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom. Fil-każ li jkollha dubji f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, tiġbor l-informazzjoni rilevanti mingħand dawn il-partijiet, mingħand ir-rappreżentanti tagħhom jew mingħand il-qorti tar-rinviju.
E. Tgħaqqid ta’ kawżi
75. Fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ kawżi, parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li tressaq talba f’dan is-sens għanda tirċievi notifika tal-atti u tad-deċiżjonijiet li jinsabu fil-proċess tal-kawżi magħquda li jkunu rilevanti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali. Il-parti jew il-parti interessata għandha tirċievi wkoll estratt mir-reġistru, redatt bil-lingwa tal-kawża, fir-rigward tal-kawża u tista’ titlob in-notifika tal-atti jew tad-deċiżjonijiet li ma jkunux ġew innotifikati lilha inizjalment.
76. Sussegwentement, parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandha tirċievi notifika tal-atti proċedurali ppreżentati kollha u tad-deċiżjonijiet kollha meħuda fil-kawżi magħquda, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali.
F. Intervent
77. Peress li, konformement mal-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis, huwa għandu jirċievi, fil-mument tal-ammissjoni tiegħu, notifika tal-atti u tad-deċiżjonijiet li jkunu jinsabu fil-proċess tal-kawża u li jkunu rilevanti għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjent għandu jirċievi wkoll estratt mir-reġistru, redatt bil-lingwa tal-kawża, fir-rigward tal-kawża u jista’ jitlob in-notifika tal-atti jew tad-deċiżjonijiet li ma jkunux ġew innotifikati lilu inizjalment.
78. Sussegwentement, l-intervenjent għandu jirċievi notifika tal-atti proċedurali ppreżentati kollha u tad-deċiżjonijiet kollha meħuda li jiġu nnotifikati lill-partijiet prinċipali, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura.
79. Il-punti preċedenti, dwar l-intervent, ma japplikawx għall-kawżi għal deċiżjoni preliminari. Huma biss il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut – u, jekk ikun il-każ, l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni li ssirilhom stedina skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut – li huma awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari.
G. Trattament kunfidenzjali fir-rikorsi diretti
G.1. Punti ġenerali
80. Konformement mal-Artikolu 64 u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4), tal-Artikolu 104, tal-Artikolu 105(8), kif ukoll tal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-atti proċedurali u l-annessi li tagħhom ir-rappreżentanti tal-partijiet setgħu jiksbu konoxxenza u li dwarhom setgħu jieħdu pożizzjoni.
81. Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 103 sa 105 tar-Regoli tal-Proċedura, talba għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni fil-proċess tal-kawża mressqa mir-rikorrent fil-konfront tal-konvenut ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, il-konvenut ma jistax iressaq tali talba fil-konfront tar-rikorrent.
82. Madankollu, parti prinċipali tista’ titlob li ċerta informazzjoni fil-proċess tal-kawża li tkun ta’ natura kunfidenzjali tiġi eskluża mill-komunikazzjoni lil intervenjent konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura.
83. Kull parti tista’ titlob ukoll li parti fil-kawżi magħquda ma jkollhiex aċċess għal ċerta informazzjoni fil-proċessi kkonċernati minn tgħaqqid minħabba l-allegata kunfidenzjalità tagħha, konformement mal-Artikolu 68(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
84. In-nuqqas ta’ komunikazzjoni lil parti ta’ informazzjoni li tinsab fil-proċess tal-kawża jikkostitwixxi deroga min-natura kontradittorja tal-proċedura, iddikjarata fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll min-natura pubblika tad-dibattitu ġudizzjarju. Għaldaqstant, din id-deroga għandha tiġi applikata b’mod strett.
G.2. Trattament kunfidenzjali fil-każ ta’ talba għal intervent
85. Meta titressaq talba għal intervent f’kawża, il-partijiet prinċipali għandhom jindikaw, fit-terminu mogħti mir-Reġistratur, jekk ikollhomx l-intenzjoni jressqu, fil-każ li l-intervent jiġi ammess, talba għat-trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-parti li titlob li tintervjeni ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti proċedurali u fl-annessi diġà inklużi fil-proċess tal-kawża. Fil-każ li l-intervent jiġi ammess, il-partijiet prinċipali li jkunu indikaw tali intenzjoni għandhom jiġu mistiedna jressqu talba għal trattament kunfidenzjali. Fil-każ li ebda waħda mill-partijiet prinċipali ma tkun indikat tali intenzjoni, l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati jiġu kkomunikati lill-intervenjent fil-kundizzjonijiet previsti fil-punt 77 iktar ’il fuq.
86. Fir-rigward tal-atti proċedurali u tal-annessi kollha li jippreżentaw wara n-notifika tal-ammissjoni tal-intervent, il-partijiet prinċipali għandhom iressqu, fl-istess ħin mal-preżentata tagħhom, jekk ikun il-każ, talba għal trattament kunfidenzjali. Jekk ma titressaqx tali talba, l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati jiġu kkomunikati lill-intervenjent fil-kundizzjonijiet previsti fil-punt 76 iktar ’il fuq.
87. Kull talba għal trattament kunfidenzjali għandha titressaq permezz ta’ att separat. Din it-talba ma tistax titressaq bħala verżjoni kunfidenzjali u għaldaqstant ma għandhiex tinkludi informazzjoni kunfidenzjali, sa fejn tiġi nnotifikata lill-partijiet kollha.
88. Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tispeċifika l-parti li fil-konfront tagħha tkun qiegħda tintalab il-kunfidenzjalità.
89. Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju u f’ebda każ ma jista’ jkollha bħala s-suġġett tagħha att proċedurali kollu u, f’każijiet eċċezzjonali biss, anness sħiħ. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ att proċedurali u tal-annessi, li fiha jkunu tħassru ċerti siltiet, kliem jew ċifri, hija normalment possibbli mingħajr ma jintlaqtu l-interessi inkwistjoni.
90. Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun debitament iġġustifikata. Din it-talba għandha tindika b’mod preċiż il-punti jew is-siltiet ikkonċernati minnha. Hija għandha tinkludi motivazzjoni adegwata, preċiża u kompleta tan-natura kunfidenzjali ta’ kull wieħed jew waħda minn dawn il-punti jew siltiet. Tali talba ma għandhiex tkun limitata għad-deskrizzjoni tan-natura tal-informazzjoni. Il-partijiet prinċipali għandhom jiżguraw li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija jikkorrispondu mal-informazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħha tkun qiegħda tiġi allegata.
91. Il-partijiet prinċipali huma mistiedna jiżguraw li r-raġunijiet invokati minnhom insostenn ta’ talba għal trattament kunfidenzjali jibqgħu ġġustifikati. B’mod partikolari, talba għal trattament kunfidenzjali ma għandhiex tikkonċerna informazzjoni li tkun diġà pubblika jew li tkun diġà magħrufa mill-interventi, jew li tista’ tkun magħrufa minnhom, b’mod partikolari sa fejn din l-informazzjoni tingħata x’imkien ieħor fil-proċess jew tkun tista’ tiġi faċilment dedotta minn elementi oħra fil-proċess jew minn informazzjoni oħra leġittimament aċċessibbli. Parti prinċipali ma għandhiex tindika sempliċement li l-informazzjoni kkonċernata la hija pubblika u la hija magħrufa minn terzi, jew li dokument ingħata minn terz li ma weġibx għat-talba tagħha biex jindikalha jekk dan id-dokument jistax jiġi kkomunikat lill-intervenjenti.
92. Bħala prinċipju, talba għal trattament kunfidenzjali ma għandhiex tikkonċerna informazzjoni kummerċjali, finanzjarja jew industrijali li tkun saret obsoleta, b’mod partikolari għaliex tmur lura għal ħames snin jew iktar, sakemm il-parti li tressaq it-talba ma turix li, minħabba ċirkustanzi partikolari, din l-informazzjoni jkun għad għandha natura kunfidenzjali.
93. Meta tressaq it-talba għat-trattament kunfidenzjali ta’ att proċedurali wieħed jew iktar, il-parti għandha tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali sħiħa tal-att proċedurali inkwistjoni u tal-annessi kollha tiegħu, li minnha jkunu tneħħew l-elementi jew is-siltiet li għalihom tirreferi t-talba. F’każijiet debitament iġġustifikati, il-parti tista’ tiġi awtorizzata tipproduċi din il-verżjoni mhux kunfidenzjali wara t-tressiq tat-talba għal trattament kunfidenzjali, f’terminu li jiġi ffissat mill-Qorti Ġenerali. Fil-każ li diversi partijiet prinċipali jitolbu t-trattament kunfidenzjali għall-istess att proċedurali, huma jistgħu jiġu mistiedna jikkoordinaw bejniethom sabiex jistabbilixxu verżjoni waħda, mhux kunfidenzjali, ta’ dan l-att, li minnha jkunu tneħħew l-elementi jew is-siltiet li għalihom jirreferu t-talbiet tagħhom, konformement mal-punt 94 iktar ’il quddiem.
94. L-elementi li l-partijiet prinċipali jkunu jixtiequ li jibqgħu kunfidenzjali fil-konfront tal-partijiet intervenjenti ma għandhomx sempliċement jiġu oskurati fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li fihom ikunu jinsabu dawn l-elementi. Fil-każijiet kollha fejn dan ikun possibbli, id-data kunfidenzjali għandha tiġi ssostitwita, fil-parenteżi, b’deskrizzjoni qasira jew b’indikazzjoni li jippermettu li tinftiehem in-natura tagħha u, jekk ikun il-każ, il-portata tagħha (pereżempju, jistgħu jintużaw l-indikazzjonijiet segwenti: l-isem ta’ persuna fiżika, klawżola kuntrattwali protetta bis-sigriet kummerċjali). Fil-każ ta’ data fil-forma ta’ ċifri, l-indikazzjonijiet għandhom jippermettu li wieħed jifhem il-livell tagħhom bl-indikazzjoni ta’ firxa ta’ valuri. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li informazzjoni tista’ sempliċement tinħeba, kemm-il darba l-kuntest tal-elementi li jitħallew fil-verżjoni mhux kunfidenzjali jippermetti li wieħed jifhem in-natura tagħha.
95. L-assenza jew in-natura insuffiċjenti tal-indikazzjonijiet intiżi li juru l-leġittimità tat-talba għal trattament kunfidenzjali jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ din it-talba mill-Qorti Ġenerali.
96. Talba għal trattament kunfidenzjali li ma tosservax il-punti 87, 88, 93 u 94 iktar ’il fuq għandha tkun is-suġġett ta’ talba għal regolarizzazzjoni indirizzata lill-parti kkonċernata mir-Reġistratur. Jekk, minkejja t-talba għal regolarizzazzjoni, ma tiġix żgurata l-konformità tat-talba għal trattament kunfidenzjali mar-rekwiżiti ta’ dawn id-DPI, din it-talba ma tkunx tista’ tiġi ttrattata b’mod utli u l-atti proċedurali u l-annessi kollha kkonċernati jiġu kkomunikati lill-intervenjent fil-kundizzjonijiet previsti fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq.
97. Intervenjent ma jistax iressaq talba għal trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-partijiet l-oħra fl-istanza.
G.3. Trattament kunfidenzjali fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ kawżi
98. Meta jkun maħsub li diversi kawżi jitgħaqqdu, il-partijiet għandhom jiġu mistiedna jindikaw, fit-terminu mogħti mir-Reġistratur, jekk jixtiqux it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti proċedurali u fl-annessi diġà inklużi fil-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid.
99. Fir-rigward tal-atti proċedurali u tal-annessi li huma jippreżentaw sussegwentement, il-partijiet għandhom iressqu fl-istess ħin mal-preżentata tagħhom, jekk ikun il-każ, talba għal trattament kunfidenzjali. Jekk ma titressaqx tali talba, l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati ser ikunu aċċessibbli għall-partijiet l-oħra fil-kawżi magħquda.
100. Il-punti 87 sa 96 iktar ’il fuq għandhom japplikaw għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fil-każ ta’ tgħaqqid ta’ kawżi.
G.4. Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura
101. Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji msemmija fl-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna lil parti tipproduċi informazzjoni jew annessi marbuta mal-kawża.
102. Meta tiġi ordnata tali miżura istruttorja u l-parti kkonċernata tallega li ċerta informazzjoni jew annessi marbuta mal-kawża jkollhom natura kunfidenzjali, it-trattament mogħti lil din l-informazzjoni jew lil dawn l-annessi jiġi rregolat mill-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-qafas ta’ regoli inkwistjoni ma jipprevedi, bejn il-partijiet prinċipali, ebda deroga mill-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura, iżda jipprevedi modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju.
103. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha l-ewwel twettaq eżami tar-rilevanza tal-informazzjoni jew tal-annessi għas-soluzzjoni tat-tilwima u mbagħad għandha tivverifika n-natura kunfidenzjali tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ma tkunx marbuta mill-fatt li awtorità oħra tkun tat, preċedentement, trattament kunfidenzjali. Hija għandha teżamina jekk l-informazzjoni jew l-anness ikollhomx effettivament natura kunfidenzjali. B’hekk:
Meta l-Qorti Ġenerali tqis li preferibbilment, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, informazzjoni jew anness jiġu kkomunikati fl-intier tagħhom lill-parti prinċipali l-oħra minkejja n-natura kunfidenzjali tagħhom, hija tista’, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lir-rappreżentanti tal-partijiet, minbarra dik li tkun ipproduċiet l-informazzjoni kunfidenzjali, jassumu l-impenn li jħarsu n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-anness billi ma jikkomunikawx lill-mandanti rispettivi tagħhom jew lil terz l-informazzjoni li huma jkunu jiksbu konoxxenza tagħha. Dan l-impenn huwa volontarju u ebda rappreżentant ma jista’ jkun imġiegħel jieħu tali impenn. Madankollu, kull ksur tal-impenn meħud jista’ jagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura;
Meta l-Qorti Ġenerali tqis li l-komunikazzjoni mhux integrali ta’ informazzjoni jew ta’ anness tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju jew fil-każ ta’ rifjut li jittieħed impenn ta’ kunfidenzjalità, hija tista’ tiddeċiedi li tikkomunika l-kontenut essenzjali tal-informazzjoni kunfidenzjali lill-parti prinċipali l-oħra. Sabiex tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali għandha tordna, konformement mal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiet l-informazzjoni kunfidenzjali tikkomunika ċerti elementi ta’ informazzjoni b’mod li jippermetti li jiġu kkonċiljati l-ħarsien tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u n-natura kontradittorja tal-proċedura. L-informazzjoni tista’, pereżempju, tiġi trażmessa fil-forma ta’ sunt. F’dan il-każ, ikun hemm żewġ possibbiltajiet alternattivi:
L-ewwel possibbiltà: il-Qorti Ġenerali tqis li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-parti prinċipali l-oħra skont il-modalitajiet previsti f’digriet wieħed jew iktar meħuda abbażi tal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun il-każ permezz tal-impenn previst fil-punt (i), tippermetti lil din il-parti tieħu pożizzjoni b’mod utli. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tieħu biss din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni meta taqta’ l-kawża. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni jew l-annessi kunfidenzjali li ma jkunux tressqu għall-konoxxenza tal-imsemmija parti ma jittiħdux inkunsiderazzjoni u jitneħħew mill-proċess, u l-partijiet jiġu informati dwar dan.
It-tieni possibbiltà: il-Qorti Ġenerali tqis li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-parti prinċipali l-oħra skont il-modalitajiet previsti f’digriet wieħed jew iktar meħuda abbażi tal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma tippermettix lil din il-parti tieħu pożizzjoni b’mod utli. F’dan il-każ, la l-verżjoni oriġinali u lanqas xi verżjoni prodotta iktar tard tal-informazzjoni jew tal-annessi ma jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali u dawn il-verżjonijiet kollha jitneħħew mill-proċess, u l-partijiet jiġu informati dwar dan.
G.5. Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura
104. Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni li permezz tiegħu tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokument, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna, permezz ta’ miżura istruttorja meħuda skont l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ dan id-dokument.
105. Id-dokument prodott mill-istituzzjoni ma jiġix ikkomunikat lill-partijiet l-oħra għaliex inkella t-tilwima titlef is-suġġett tagħha.
G.6. Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura
106. Skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti prinċipali fil-kawża tista’, minn rajha jew wara miżura istruttorja adottata mill-Qorti Ġenerali, tipproduċi informazzjoni jew annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. L-Artikolu 105(3) sa (10) ta’ dawn ir-Regoli jipprevedi l-qafas ta’ regoli proċedurali applikabbli għal tali informazzjoni jew għal tali annessi.
107. Fid-dawl tan-natura sensittiva u kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ regoli stabbilit permezz tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura teħtieġ l-istabbiliment ta’ sistema ta’ sigurtà adegwata intiża li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-imsemmija informazzjoni jew annessi. Din is-sistema hija żviluppata fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2016.
IV. FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U L-ANNESSI TAGĦHOM FIR-RIKORSI DIRETTI
A. Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom
A.1. Fuq l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet
108. L-indikazzjonijiet segwenti għandhom ikunu inklużi fuq l-ewwel paġna ta’ kull att proċedurali:
in-numru tal-kawża (T-.../..), sa fejn dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru;
it-tip ta’ att proċedurali (rikors, risposta, replika, kontroreplika, talba għal intervent, nota ta’ intervent, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, osservazzjonijiet dwar ..., tweġibiet għall-mistoqsijiet, eċċ);
l-ismijiet tar-rikorrent, tal-konvenut, jekk ikun il-każ dak tal-intervenjent, kif ukoll dak ta’ kull parti oħra fil-proċedura fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali;
l-isem tal-parti li għaliha jkun qiegħed jiġi ppreżentat l-att proċedurali.
109. Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni elettronika tagħhom, l-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati:
fuq sfond abjad, mingħajr linji, f’format A4;
b’ittri ta’ tipa komuni (bħalma huma Times New Roman, Courier jew Arial) b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u minn tal-inqas 10 punti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1 bejn il-linji u b’marġnijiet, fuq il-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna ta’ minn tal-inqas 2.5 cm;
b’numerazzjoni kontinwa u b’ordni konsekuttiva għal kull paragrafu;
b’numru konsekuttiv għal kull paġna (pereżempju: paġni 1 sa 50).
110. Kull att proċedurali għandu jinkludi t-talbiet, meta l-preżentazzjoni tagħhom tkun meħtieġa mir-Regoli tal-Proċedura jew it-talba tal-parti u, meta jkun itwal minn ħames paġni, espożizzjoni qasira tal-kontenut jew werrej.
111. L-argumenti legali tal-partijiet għandhom ikunu jinsabu fil-korp tat-test tal-att proċedurali, u mhux fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, li l-għan tagħhom huwa prinċipalment li jinkludu r-referenzi għad-dokumenti ċċitati fl-att proċedurali.
112. Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kif ukoll fl-interess tal-partijiet, l-atti proċedurali għandhom, fid-dawl tal-fatt li jkunu ser jiġu tradotti, jitfasslu b’lingwaġġ sempliċi u preċiż, mingħajr ma jintużaw, meta dan ma jkunx indispensabbli, termini tekniċi speċifiċi għal sistema legali nazzjonali. Għandhom jiġu evitati r-repetizzjonijiet u, sa fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw sentenzi qosra minflok sentenzi twal u kumplessi li jkollhom diversi frażijiet u klawżoli sekondarji.
113. Meta l-partijiet jinvokaw, fl-atti tagħhom, test jew leġiżlazzjoni partikolari tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, ir-referenzi għal dan it-test jew għal din il-leġiżlazzjoni għandhom jingħataw bi preċiżjoni, kemm fir-rigward tad-data ta’ adozzjoni u, jekk ikun possibbli, tad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, kif ukoll fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tiegħu. Bl-istess mod, meta jikkwotaw estratt jew silta minn deċiżjoni ġurisprudenzjali jew minn konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali, il-partijiet huma mitluba jispeċifikaw kemm l-isem u n-numru tal-kawża kkonċernata kif ukoll in-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni jew tal-konklużjonijiet u r-referenzi preċiżi tal-estratt jew tas-silta inkwistjoni.
A.2. Fuq l-iskeda li telenka l-annessi
114. Meta l-att proċedurali jkollu annessi, għandha tiġi inkluża skeda li telenka l-annessi fl-aħħar tal-att proċedurali, b’numru ta’ paġna jew mingħajru. Annessi ppreżentati mingħajr l-iskeda li telenka l-annessi ma jiġux aċċettati.
115. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tindika, għal kull anness:
in-numru tal-anness, bl-użu ta’ ittra u ta’ numru; pereżempju: Anness A.1, A.2, ... għall-annessi mar-rikors; B.1, B.2, ... għall-annessi mar-risposta; C.1, C.2, ... għall-annessi mar-replika; D.1, D.2, ... għall-annessi mal-kontroreplika; E.1, E.2, ... għall-annessi mat-tweġibiet għal mistoqsijiet;
deskrizzjoni qasira tal-anness (pereżempju: “ittra” [b’indikazzjoni tad-data], “minn” [b’indikazzjoni tal-awtur] “lil” [b’indikazzjoni tad-destinatarju];
l-indikazzjoni tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull anness skont in-numru tal-paġni konsekuttiv tal-annessi (pereżempju: paġni 43 sa 49 tal-annessi);
l-indikazzjoni tan-numru tal-paragrafu fejn jissemma l-anness għall-ewwel darba u li jiġġustifika l-produzzjoni tiegħu.
116. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament mir-Reġistru, huwa meħtieġ li fl-iskeda li telenka l-annessi jiġi indikat liema annessi jkunu bil-kulur.
A.3. Fuq l-annessi
117. Ma’ att proċedurali jistgħu jiġu annessi biss id-dokumenti msemmija fit-test ta’ dan l-att proċedurali u li jsir riferiment għalihom fl-iskeda li telenka l-annessi, u li jkunu neċessarji sabiex jiġi pprovat jew ikkjarifikat il-kontenut tiegħu.
118. L-annessi mehmuża ma’ att proċedurali għandhom jiġu ppreżentati b’mod li jiffaċilita l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti Ġenerali u b’mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:
kull anness għandu jkun innumerat konformement mal-punt 115(a) iktar ’il fuq;
huwa rrakkomandat li kull anness ikollu paġna ta’ introduzzjoni speċifika;
l-annessi mehmuża ma’ att proċedurali għandu jkollhom numru tal-paġna konsekuttiv (pereżempju: 1 sa 52) li jibda mill-ewwel paġna tal-ewwel anness (u mhux mill-iskeda li telenka l-annessi), u li jinkludi l-paġni ta’ introduzzjoni u l-eventwali annessi tal-annessi;
l-annessi għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment.
119. Kull riferiment għal anness prodott għandu jindika n-numru tiegħu, kif jidher fl-iskeda li telenka l-annessi, u għandu jindika l-att proċedurali li miegħu jkun ġie prodott l-anness (pereżempju: Anness A.1 mar-rikors).
120. L-argumenti legali tal-partijiet għandhom jitressqu fl-att proċedurali, u mhux fl-annessi eventwalment mehmuża miegħu, li ġeneralment ma jiġux tradotti.
B. Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom permezz ta’ e-Curia
121. L-atti proċedurali kollha għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru esklużivament b’mod elettroniku bl-użu tal-applikazzjoni e-Curia (https://curia.europa.eu/e-Curia), b’osservanza tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2024 u tal-Kundizzjonijiet ta’ użu tal-applikazzjoni e-Curia, bla ħsara għall-każijiet imsemmija fil-punti 123 sa 125 iktar ’il quddiem. Dawn id-dokumenti huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
122. L-atti proċedurali u l-annessi tagħhom ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ fajls. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tagħhom mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li jiġu segwiti l-pariri prattiċi fformulati fil-Gwida dwar l-użu tal-applikazzjoni e-Curia li hija disponibbli online fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri:
C. Preżentata b’mod differenti minn e-Curia
123. Ir-regola ġenerali li l-atti proċedurali kollha għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru permezz ta’ e-Curia hija bla ħsara għall-każijiet previsti fl-Artikolu 105(1) u (2) u fl-Artikolu 147(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
124. Barra minn hekk, l-annessi ta’ att proċedurali, li jissemmew fit-test ta’ dan l-att, li ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati permezz ta’ e-Curia minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jintbagħtu separatament bil-posta jew jiġu ppreżentati fir-Reġistru b’applikazzjoni tal-Artikolu 72(4) tar-Regoli tal-Proċedura, bil-kundizzjoni li dawn l-annessi jissemmew fl-iskeda li telenka l-annessi tal-att ippreżentat permezz ta’ e-Curia. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tidentifika l-annessi li jkunu ser jiġu ppreżentati separatament. Dawn l-annessi għandhom jaslu fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara l-preżentata tal-att proċedurali permezz ta’ e-Curia. Il-preżentata għandha ssir fl-indirizz indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq.
125. Meta l-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ e-Curia tirriżulta teknikament impossibbli, ir-rappreżentant għandu jieħu l-passi previsti fl-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2024. Il-kopja tal-att ippreżentat b’mod differenti minn e-Curia konformement mal-Artikolu 8, it-tieni paragrafu, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2024 għandha tinkludi l-iskeda li telenka l-annessi kif ukoll l-annessi kollha msemmija fiha. Ma huwiex meħtieġ li l-kopja tal-att proċedurali ppreżentat b’dan il-mod tkun iffirmata bl-idejn.
D. Rifjut ta’ atti proċedurali u ta’ annessi
126. Ir-Reġistratur għandu jirrifjuta li jirreġistra fir-reġistru u li jinkludi fil-proċess tal-kawża, kompletament jew parzjalment, l-atti proċedurali u, jekk ikun il-każ, l-annessi mhux previsti fir-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta’ dubju, ir-Reġistratur għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni.
127. Ħlief fil-każijiet previsti espliċitament fir-Regoli tal-Proċedura u bla ħsara għall-punt 135 iktar ’il quddiem, l-atti proċedurali redatti b’lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża la għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru u lanqas ma għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża. Għall-kuntrarju, l-annessi mehmuża ma’ att proċedurali li ma jkollhomx magħhom traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru u għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża. Madankollu, jekk il-President jiddeċiedi li t-traduzzjoni ta’ dawn l-annessi tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, ir-Reġistratur għandu jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħhom u għandu jneħħihom mill-proċess fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni.
128. Fil-każ li parti tikkontesta r-rifjut ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru jew ta’ inklużjoni, kompletament jew parzjalment, fil-proċess tal-kawża ta’ att proċedurali jew ta’ anness mir-Reġistratur, dan tal-aħħar għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-att jew l-anness inkwistjoni jkollhomx jiġu aċċettati.
E. Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom
E.1. Punti ġenerali
129. Ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-atti proċedurali inklużi fil-proċess tal-kawża u l-annessi tagħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll ma’ dawn id-DPI.
130. Jekk ikun il-każ, ir-Reġistratur għandu jiffissa għall-partijiet terminu sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw irregolaritajiet formali fl-atti proċedurali ppreżentati.
E.2. Każijiet ta’ regolarizzazzjoni tar-rikorsi
131. Jekk rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Anness 2 ta’ dawn id-DPI, ir-Reġistru ma jwettaqx in-notifika tiegħu u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni. L-assenza ta’ regolarizzazzjoni tista’ twassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 78(6) u mal-Artikolu 177(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
132. Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali speċifikati fl-Anness 3 ta’ dawn id-DPI, in-notifika tar-rikors għandha tiġi posposta u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.
133. Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali speċifikati fl-Anness 4 ta’ dawn id-DPI, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.
E.3. Każijiet ta’ regolarizzazzjoni ta’ atti proċedurali oħra
134. Il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni msemmija fil-punti 131 sa 133 iktar ’il fuq għandhom japplikaw, sa fejn ikun meħtieġ, għall-atti proċedurali l-oħra li ma jkunux ir-rikors.
135. Fil-każ li talba għal intervent, imressqa minn terz li ma jkunx Stat Membru, ma tkunx redatta fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħha qabel ma jinnotifikaha lill-partijiet. Jekk verżjoni ta’ din it-talba redatta fil-lingwa tal-kawża tiġi ppreżentata fit-terminu ffissat għal dan il-għan mir-Reġistratur, id-data tal-preżentata tal-ewwel verżjoni f’lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala d-data tal-preżentata tal-att proċedurali.
V. FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U L-ANNESSI TAGĦHOM FIL-KAWŻI GĦAL DEĊIŻJONI PRELIMINARI
A. Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom
A.1. Fuq l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut
136. L-indikazzjonijiet segwenti għandhom ikunu inklużi fuq l-ewwel paġna ta’ kull att proċedurali:
in-numru tal-kawża (T-.../..), sa fejn dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru;
l-isem tal-att proċedurali (nota jew osservazzjonijiet, tweġibiet għall-mistoqsijiet, eċċ);
l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju jew l-inizjali tagħhom (meta l-kawża tkun anonimizzata) kif ukoll l-isem fittizju eventwalment mogħti lill-kawża;
l-isem tal-parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li għaliha jkun qiegħed jiġi ppreżentat l-att proċedurali.
137. Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni elettronika tagħhom, l-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati:
fuq sfond abjad, mingħajr linji, f’format A4;
b’ittri ta’ tipa komuni (bħalma huma Times New Roman, Courier jew Arial) b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u minn tal-inqas 10 punti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1.5 bejn il-linji u b’marġnijiet, fuq il-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna ta’ minn tal-inqas 2.5 cm;
b’numerazzjoni kontinwa u b’ordni konsekuttiva għal kull paragrafu;
b’numru konsekuttiv għal kull paġna (pereżempju: paġni 1 sa 20).
138. In-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom jinkludu r-risposti li l-parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tipproponi li jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u, jekk ikunu itwal minn ħames paġni, espożizzjoni qasira tal-kontenut jew werrej.
139. L-argumenti legali tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom ikunu jinsabu fil-korp tat-test tal-att proċedurali, u mhux fl-annessi li jistgħu jkunu mehmuża magħhom, li ġeneralment ma jiġux tradotti, u lanqas fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, li l-għan tagħhom huwa prinċipalment li jinkludu r-referenzi għad-dokumenti ċċitati fl-att proċedurali.
140. Fil-każ li l-atti proċedurali ma jintbagħtux lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ e-Curia jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ trażmissjoni elettronika, dawn l-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati fuq faċċata waħda biss (recto) u għandhom ikunu miġbura flimkien b’mod li jkun jista’ faċilment jitneħħa, u mhux permezz ta’ mezzi fissi bħalma huma l-kolla jew l-istaples.
141. Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kif ukoll fl-interess tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, l-atti proċedurali għandhom, fid-dawl tal-fatt li jkunu ser jiġu tradotti, jitfasslu b’lingwaġġ sempliċi u preċiż, mingħajr ma jintużaw, meta dan ma jkunx indispensabbli, termini tekniċi speċifiċi għal sistema legali nazzjonali. Għandhom jiġu evitati r-repetizzjonijiet u, sa fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw sentenzi qosra minflok sentenzi twal u kumplessi li jkollhom diversi frażijiet u klawżoli sekondarji.
142. Meta l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jinvokaw, fl-atti tagħhom, test jew leġiżlazzjoni partikolari tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, ir-referenzi għal dan it-test jew għal din il-leġiżlazzjoni għandhom jingħataw bi preċiżjoni, kemm fir-rigward tad-data ta’ adozzjoni u, jekk ikun possibbli, tad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, kif ukoll fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tiegħu. Bl-istess mod, meta jikkwotaw estratt jew silta minn deċiżjoni ġurisprudenzjali jew minn konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali, il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma mitluba jispeċifikaw kemm l-isem u n-numru tal-kawża kkonċernata kif ukoll in-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni jew tal-konklużjonijiet u r-referenzi preċiżi tal-estratt jew tas-silta inkwistjoni.
143. Jekk parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tqis li n-nota tagħha jew l-osservazzjonijiet tagħha ma għandhomx jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 202(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hija għandha tindika dan b’mod espliċitu jew fl-ittra mibgħuta flimkien mat-trażmissjoni ta’ din in-nota jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet jew f’ittra separata mibgħuta lir-Reġistru fi stadju ulterjuri tal-proċedura iżda, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tiġi informata li l-Avukat Ġenerali Ewlieni ma jkun għamel ebda proposta għal eżami mill-ġdid jew wara li tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma teżaminax mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew wara l-għoti tas-sentenza ta’ eżami mill-ġdid.
A.2. Fuq l-iskeda li telenka l-annessi
144. Meta l-att proċedurali jkollu annessi, għandha tiġi inkluża skeda li telenka l-annessi fl-aħħar tal-att proċedurali, b’numru ta’ paġna jew mingħajru. Bħala prinċipju, annessi ppreżentati mingħajr l-iskeda li telenka l-annessi ma jiġux aċċettati.
145. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tindika, għal kull anness:
in-numru tal-anness (bl-użu ta’ ittra u ta’ numru; pereżempju: A.1, A.2, ...)
deskrizzjoni qasira tal-anness (pereżempju: “ittra” [b’indikazzjoni tad-data], “minn” [b’indikazzjoni tal-awtur] “lil” [b’indikazzjoni tad-destinatarju];
l-indikazzjoni tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull anness skont in-numru tal-paġni konsekuttiv tal-annessi (pereżempju: paġni 43 sa 49 tal-annessi);
l-indikazzjoni tan-numru tal-paragrafu fejn jissemma l-anness għall-ewwel darba u li jiġġustifika l-produzzjoni tiegħu.
146. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament mir-Reġistru, huwa meħtieġ li fl-iskeda li telenka l-annessi jiġi indikat liema annessi jkunu bil-kulur.
A.3. Fuq l-annessi
147. Ma’ att proċedurali jistgħu jiġu annessi biss id-dokumenti msemmija fit-test ta’ dan l-att proċedurali u li jsir riferiment għalihom fl-iskeda li telenka l-annessi, u li jkunu neċessarji sabiex jiġi pprovat jew ikkjarifikat il-kontenut tiegħu.
148. L-annessi mehmuża ma’ att proċedurali għandhom jiġu ppreżentati b’mod li jiffaċilita l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti Ġenerali u b’mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:
kull anness għandu jkun innumerat konformement mal-punt 145(a) iktar ’il fuq;
huwa rrakkomandat li kull anness ikollu paġna ta’ introduzzjoni speċifika;
l-annessi mehmuża ma’ att proċedurali għandu jkollhom numru tal-paġna konsekuttiv (pereżempju: 1 sa 52) li jibda mill-ewwel paġna tal-ewwel anness (u mhux mill-iskeda li telenka l-annessi), u li jinkludi l-paġni ta’ introduzzjoni u l-eventwali annessi tal-annessi;
l-annessi għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment.
149. Kull riferiment għal anness prodott għandu jindika n-numru tiegħu, kif jidher fl-iskeda li telenka l-annessi, u għandu jindika l-att proċedurali li miegħu jkun ġie prodott l-anness (pereżempju: Anness A.1 mal-osservazzjonijiet).
B. Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom
150. Meta talba għal deċiżjoni preliminari tiġi trażmessa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, kull att proċedurali marbut ma’ din it-talba għandu mbagħad jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali:
151. Huma biss l-atti espliċitament previsti fir-regoli proċedurali li jistgħu jiġu ppreżentati fir-Reġistru. Dawn l-atti għandhom jiġu ppreżentati, fit-termini previsti, b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 205 tar-Regoli tal-Proċedura.
152. Konformement mal-Artikolu 205(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss id-data u l-ħin tal-preżentata tal-oriġinal fir-Reġistru li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-termini proċedurali. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata d-dekadenza, huwa rrakkomandat li l-att inkwistjoni jintbagħat numru ta’ ġranet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tiegħu, bl-użu ta’ e-Curia jew permezz ta’ ittra rreġistrata jew permezz ta’ servizz ta’ courier espress, jew inkella jiġi ppreżentat fiżikament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jew, barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru, fl-uffiċċju fl-entrata tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fejn l-uffiċjal responsabbli jiddikjara r-riċezzjoni ta’ dan l-att billi jindika fuqu d-data u l-ħin tal-preżentata.
153. Il-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ mezzi ta’ trażmissjoni elettronika oħra għajr e-Curia ma tgħoddx, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, sakemm l-oriġinal tal-att, flimkien mal-annessi, jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart’ijiem wara li tkun intbagħtet il-kopja ta’ dan l-oriġinal permezz ta’ dan il-mezz. Għaldaqstant, dan l-oriġinal għandu jintbagħat jew jiġi ppreżentat mingħajr dewmien, immedjatament wara li tintbagħat il-kopja u mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri. Fil-każ ta’ differenzi bejn l-oriġinal u l-kopja trażmessa preċedentement, tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal.
154. Il-punt 122 iktar ’il fuq huwa applikabbli għall-preżentati mwettqa fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari.
C. Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom
155. Meta att proċedurali manifestament ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 136 sa 149 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet dwar it-tul ta’ dan l-att li jinsabu fil-punt 159 iktar ’il quddiem, ir-Reġistratur jista’ jistieden lill-awtur tiegħu jirregolarizzah f’terminu qasir.
VI. FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA
A. It-tul tan-noti
A.1. Rikorsi diretti
156. Fir-rikorsi diretti fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura, in-numru massimu ta’ paġni tan-noti huwa ffissat b’dan il-mod.
Fil-każ tar-rikorsi diretti li ma jkunux rikorsi ppreżentati bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE jew rikorsi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali:
Fil-każ tar-rikorsi diretti ppreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE:
Fil-kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, in-numru ta’ paġni massimu tan-noti huwa ffissat b’dan il-mod:
157. Numru ta’ paġni ikbar minn dawn il-limiti massimi jista’ jiġi awtorizzat biss f’każijiet partikolarment kumplessi fid-dritt jew fil-fatt.
158. L-iskeda li telenka l-annessi u l-eventwali werrej ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-numru ta’ paġni massimu ta’ nota.
A.2. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
159. Bla ħsara għal ċirkustanzi partikolari, in-numru ta’ paġni tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati skont l-Artikolu 202 tar-Regoli tal-Proċedura ma għandux ikun ta’ iktar minn 20 paġna.
A.3. Regolarizzazzjoni tan-noti li jkunu twal wisq
160. Nota li n-numru ta’ paġni tagħha jaqbeż b’mod sostanzjali n-numru massimu ta’ paġni previst, skont il-każ, fil-punti 156 u 159 iktar ’il fuq, għandha tagħti lok għal regolarizzazzjoni, sakemm il-President ma jagħtix istruzzjoni kuntrarja.
161. Fil-każ li parti tintalab tirregolarizza nota minħabba tul eċċessiv, in-notifika tan-nota, li l-volum tagħha jiġġustifika r-regolarizzazzjoni, għandha tiġi posposta.
B. L-istruttura u l-kontenut tan-noti
B.1. Rikorsi diretti li ma jkunux rikorsi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
1) Ir-rikors promotur
162. L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom jiġu inklużi fir-rikors promotur huma previsti fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.
163. Il-parti introduttiva tar-rikors għandha tkun segwita minn espożizzjoni qasira tal-fatti li jkunu wasslu għat-tilwima.
164. It-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors.
165. L-argumenti legali għandhom ikunu strutturati skont il-motivi invokati. B’mod ġenerali, ikun utli li qabel ma jiġu żviluppati l-argumenti legali ssir preżentazzjoni skematika tal-motivi invokati. Barra minn hekk, sabiex il-motivi invokati jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment, huwa rrakkomandat li kull wieħed minn dawn il-motivi jingħata titolu.
166. Flimkien mar-rikors għandhom jiġu prodotti, jekk ikun meħtieġ, id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom ikunu jistgħu jiġu prodotti, fuq talba, f’kull stadju tal-proċedura.
167. Ma’ kull rikors għandu jiġi ppreżentat sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati, liema sunt huwa intiż li jiffaċilita t-tħejjija tal-avviż li jkollu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura.
168. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tiegħu mill-Qorti Ġenerali, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li s-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati:
169. Fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn iktar minn għaxar rikorrenti, ma’ dan ir-rikors għandha tiġi ppreżentata tabella li tistabbilixxi l-lista ta’ dawn il-partijiet.
170. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tagħha mill-Qorti Ġenerali, huwa meħtieġ li din it-tabella:
171. Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara li tkun tressqet talba għal għajnuna legali, liema talba għandha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors konformement mal-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tiġi indikata fil-bidu tar-rikors promotur.
172. Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li permezz tiegħu tingħata deċiżjoni dwar talba għal għajnuna legali jew, fil-każ li f’dan id-digriet ma jkunx ġie nnominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna li tkun talbet l-għajnuna legali, wara n-notifika tad-digriet li jinnomina lill-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun talbet l-għajnuna legali, fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data li fiha d-digriet ikun ġie nnotifikat lir-rikorrent.
173. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tar-rikors mill-aspett formali, ir-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jikkonsultaw, għal kull fini utli, id-dokument “Check-list – Rikors” u l-mudell indikattiv ta’ rikors li huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
2) Ir-risposta
174. L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-risposta huma previsti fl-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
175. It-talbiet tal-konvenut għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.
176. Kull kontestazzjoni tal-fatti allegati mir-rikorrent għandha tkun espliċita u għandha tindika bi preċiżjoni l-fatti kkonċernati.
177. Peress li l-qafas legali tal-istanza huwa ffissat permezz tar-rikors, l-argumenti żviluppati fir-risposta għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati skont il-motivi jew l-ilmenti indikati fir-rikors.
178. Il-punt 166 iktar ’il fuq għandu japplika għar-risposta.
179. Fil-kawżi mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, huwa mixtieq li l-istituzzjonijiet jannettu mar-risposta l-atti ta’ portata ġenerali ċċitati li ma jkunux is-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’indikazzjoni tad-dati tal-adozzjoni, tad-dħul fis-seħħ u, jekk ikun il-każ, tat-tħassir tagħhom.
3) Ir-replika u l-kontroreplika
180. Peress li l-qafas u l-motivi jew l-ilmenti fil-qofol tal-tilwima jkunu ġew esposti (jew ikkontestati) b’mod iddettaljat fir-rikors u fir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika għandhom bħala għan li jippermettu lir-rikorrent u lill-konvenut jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom u li jirfinaw l-argumenti tagħhom dwar punt importanti u li jwieġbu għall-punti ġodda li joħorġu fir-risposta u fir-replika.
181. Meta, skont l-Artikolu 83(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President jispeċifika l-punti li jkollhom jiġu indirizzati f’dawn l-atti proċedurali, il-partijiet għandhom jikkonċentraw fuq dawn il-punti.
B.2. Kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
1) Ir-rikors promotur
182. Ir-rikors għandu jinkludi l-indikazzjonijiet u l-informazzjoni previsti fl-Artikolu 177(1) sa (3) tar-Regoli tal-Proċedura.
183. Flimkien mar-rikors għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 177(3) sa (5) tar-Regoli tal-Proċedura.
184. Il-punti 163 sa 166 u 171 sa 173 iktar ’il fuq għandhom japplikaw għar-rikorsi fil-kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
2) Ir-risposta
185. L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-risposta huma previsti fl-Artikolu 180(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
186. It-talbiet tal-konvenut jew tal-intervenjent għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.
187. Flimkien mar-risposta ppreżentata mill-intervenjent għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 177(4) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dawn id-dokumenti ma jkunux ġew ippreżentati diġà konformement mal-Artikolu 173(5) tar-Regoli tal-Proċedura.
188. Il-punti 166, 176 u 177 iktar ’il fuq għandhom japplikaw għar-risposta.
3) Ir-rikors inċidentali u r-risposta għar-rikors inċidentali
189. Jekk, meta ssirilha n-notifika tar-rikors, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma tkunx ir-rikorrent ikollha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors, din il-parti għandha tippreżenta, meta tippreżenta r-risposta tagħha, rikors inċidentali. Dan ir-rikors inċidentali għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat u għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 183 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura.
190. Meta jiġi ppreżentat tali rikors inċidentali, il-partijiet l-oħra fl-istanza jistgħu jippreżentaw risposta li s-suġġett tagħha jkun limitat għat-talbiet, għall-motivi u għall-argumenti invokati fir-rikors inċidentali.
B.3. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
191. Kull parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tista’, jekk tkun tixtieq, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-domandi magħmula minn qorti nazzjonali. L-għan ta’ dawn l-osservazzjonijiet huwa li tiġi ċċarata lill-Qorti Ġenerali l-portata ta’ din it-talba u fuq kollox li jiġu proposti r-risposti li jkollhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-osservazzjonijiet hekk ippreżentati għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati kollha mal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.
192. Filwaqt li dawn l-osservazzjonijiet għandhom ikunu kompleti u għandhom jinkludu, b’mod partikolari, argumenti li jistgħu jservu ta’ bażi għar-risposta mill-Qorti Ġenerali għad-domandi magħmula, ma huwiex meħtieġ, għall-kuntrarju, li jiġi indirizzat il-kuntest ġuridiku jew fattwali tat-tilwima kif espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, sakemm dan il-kuntest ma jkunx jeħtieġ osservazzjonijiet komplementari.
193. Fid-dawl tal-pubblikazzjoni tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 202(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa essenzjali li dawn l-atti ma jkunx fihom data personali.
VII. FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA
A. Organizzazzjoni tas-seduti
A.1. Dispożizzjoni komuni
194. Parti prinċipali jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li tkun tixtieq tinstema’ f’seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f’dan is-sens. Din il-motivazzjoni – li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn tliet paġni – għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-atti tal-proċess tal-kawża jew l-argumenti li fil-fehma ta’ din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati jew ikkontestati b’mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. Sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, il-motivazzjoni ma għandhiex tkun ta’ natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża.
A.2. Rikorsi diretti
195. Kif jirriżulta mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali jew ex officio jew fuq talba minn parti prinċipali.
196. Fl-assenza ta’ talba motivata mressqa minn parti prinċipali fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.
A.3. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
197. Kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-fażi orali tal-proċedura tinkludi, bħala prinċipju, żewġ stadji distinti: is-seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex jinstemgħu l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Madankollu, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-Qorti Ġenerali, meta tqis li l-kawża ma tqajjem ebda punt ta’ liġi ġdid, tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
198. L-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali ma titwettaqx b’mod sistematiku. Il-Qorti Ġenerali torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali meta din tkun tista’ tikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tal-kawża u tal-kwistjonijiet imqajma minnha, kemm jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u kemm jekk le.
199. Meta parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ma tkunx ipparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura iżda tkun tixtieq tinstema’ f’seduta għas-sottomissjonijiet orali u tressaq talba motivata f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali għandha torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali.
B. Preparazzjoni għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali
B.1. Dispożizzjonijiet komuni
200. Il-President għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u jista’, jekk ikun meħtieġ, jiddifferixxiha.
201. Il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom jiġu kkonvokati għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali mir-Reġistru, minn tal-inqas xahar qabel l-iżvolġiment tagħha, bla ħsara għal sitwazzjonijiet partikolari fejn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw il-konvokazzjoni tagħhom b’terminu iqsar. Meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali li tkun komuni għal diversi kawżi konformement mal-Artikolu 106a jew mal-Artikolu 214 tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvokazzjoni għas-seduta għandha tispeċifika l-kawżi kkonċernati minn din is-seduta.
202. Konformement mal-Artikolu 107(2) u mal-Artikolu 215(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għad-differiment tad-data ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tintlaqa’ biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Tali talba tista’ titressaq biss mill-partijiet prinċipali jew, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, minn parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, u għandha tkun debitament motivata, għandha jkollha magħha, jekk ikun il-każ, dokumenti ta’ sostenn adegwati u għandha tintbagħat lill-Qorti Ġenerali malajr kemm jista’ jkun wara l-konvokazzjoni.
203. Qabel kull seduta pubblika, ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-informazzjoni segwenti tiġi indikata quddiem is-sala fejn tkun ser tinżamm is-seduta: id-data u l-ħin tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kulleġġ ġudikanti kompetenti, il-kawża jew kawżi li jkunu ser jissejħu u l-ismijiet tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.
204. Talba għall-użu ta’ ċerti mezzi tekniċi għall-finijiet ta’ preżentazzjoni għandha titressaq minn tal-inqas ġimagħtejn qabel id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Jekk it-talba tintlaqa’ mill-President, il-modalitajiet ta’ użu ta’ tali mezzi għandhom jiġu ddeterminati mar-Reġistru, u dan sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ natura teknika jew prattika li jista’ jkun hemm. L-uniku għan tal-preżentazzjoni għandu jkun li tippreżenta informazzjoni li tinsab fil-proċess tal-kawża u għalhekk ma għandhiex tinkludi motivi ġodda jew provi ġodda. Il-fajls użati għal tali preżentazzjonijiet ma jiġux inklużi fil-proċess tal-kawża u għalhekk ma jiġux innotifikati lill-partijiet l-oħra, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor.
205. Fid-dawl tal-miżuri ta’ sigurtà applikabbli fir-rigward tal-aċċess għall-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa rrakkomandat li r-rappreżentanti u l-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikunu preżenti fl-awla fejn tkun ser tinżamm is-seduta minn tal-inqas 20 minuta qabel tibda s-seduta għas-sottomissjonijiet orali.
206. Hemm l-użanza li l-membri tal-kulleġġ ġudikanti jiltaqgħu mar-rappreżentanti u mal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat sabiex jiddiskutu l-iżvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.
207. Sabiex tiġi żgurata l-aħjar organizzazzjoni possibbli tas-seduta, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna wkoll jinformaw lill-Qorti Ġenerali dwar kull miżura partikolari ta’ natura li tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fis-seduta, b’mod partikolari fil-każ ta’ diżabbiltà jew ta’ mobbiltà limitata.
208. Sabiex jippreparaw għall-parteċipazzjoni f’seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rappreżentanti u l-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat huma mistiedna jikkonsultaw id-dokument “Check-list – Seduta għas-sottomissjonijiet orali”, li huwa disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
B.2. Rikorsi diretti
209. Jekk ir-rappreżentant ta’ parti jkollu l-intenzjoni li ma jassistix għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dan ir-rappreżentant huwa mitlub jinforma b’dan lill-Qorti Ġenerali fl-iqsar żmien possibbli wara l-konvokazzjoni.
210. Meta l-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur iqisu li jkun opportun fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-Imħallef Relatur għandu jfassal rapport għas-seduta sommarju li jservi għall-preparazzjoni tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Qorti Ġenerali għandha tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex tliet ġimgħat qabel is-seduta tgħaddi lir-rappreżentanti tal-partijiet ir-rapport għas-seduta sommarju.
211. Meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal diversi kawżi skont l-Artikolu 106a tar-Regoli tal-Proċedura, rapport għas-seduta sommarju għandu jitfassal separatament għal kull waħda mill-kawżi kkonċernati jew kollettivament għal dawn il-kawżi kollha, sakemm il-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur ma jiddeċidux mod ieħor. Dawn ir-rapporti jew dan ir-rapport għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha kkonvokati għal din is-seduta bil-lingwi tal-kawża kollha tal-kawżi kkonċernati.
212. Ir-rapport għas-seduta sommarju, stabbilit mill-Imħallef Relatur, għandu jkun limitat għal espożizzjoni tal-motivi u għal preżentazzjoni qasira tal-argumenti tal-partijiet.
213. L-osservazzjonijiet li l-partijiet jista’ jkollhom dwar ir-rapport għas-seduta sommarju jistgħu jiġu ppreżentati fil-kuntest tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. F’tali każ, għandha ssir nota ta’ tali osservazzjonijiet fil-proċess verbal tas-seduta.
214. Ir-rapport għas-seduta sommarju għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku quddiem l-awla fejn tinżamm is-seduta dakinhar tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, sakemm din ma tinżammx bil-magħluq.
215. Jekk parti jkollha l-intenzjoni titlob deroga mis-sistema lingwistika taħt l-Artikolu 45(1)(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tal-użu, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ta’ lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża, it-talba tagħha għandha titressaq minn tal-inqas ġimagħtejn qabel id-data tas-seduta, sabiex din tkun tista’ tiġi organizzata b’mod tajjeb.
B.3. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
216. Meta jiġu kkonvokati għas-seduta, il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom jiġu informati wkoll, jekk ikun il-każ, dwar l-eventwali assenza ta’ konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
217. Bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jużaw il-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħhom meta jipparteċipaw f’seduta għas-sottomissjonijiet orali kif ukoll bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati terzi li jużaw waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura meta jipparteċipaw f’kawża għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma marbuta jagħmlu t-trattazzjonijiet tagħhom fil-lingwa tal-kawża, iddeterminata konformement mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 45(4) tal-imsemmija Regoli.
218. Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu mistiedna jindikaw f’terminu qasir, b’mod partikolari, jekk ikollhomx l-intenzjoni jipparteċipaw fis-seduta, kif ukoll l-isem tal-avukat, tal-aġent jew tal-persuna li tkun ser tirrappreżentahom f’din is-seduta, u l-ħin għat-trattazzjoni li jkunu jixtiequ. Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu mistiedna wkoll jippreżentaw, jekk ikunu jixtiequ, f’dan l-istess terminu, talba għal deroga mis-sistema lingwistika konformement mal-Artikolu 45(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Id-deroga tista’ tkun parzjali u tista’ tikkonċerna b’mod partikolari t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jistgħu jsiru matul is-seduta. Fit-tali każ, it-trattazzjoni inizjali tal-parti kkonċernata u r-replika finali għandhom isiru fil-lingwa tal-kawża.
219. Tweġiba tardiva jew inkompleta għall-ittri ta’ konvokazzjoni tar-Reġistru tista’ tikkomprometti l-iżvolġiment tajjeb tas-seduta, b’mod partikolari mill-aspett lingwistiku, u, għaldaqstant, l-utilità ta’ din tal-aħħar għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
220. Fil-kuntest tal-laqgħa msemmija fil-punt 206 iktar ’il fuq, l-Imħallef Relatur u, jekk ikun il-każ, l-Avukat Ġenerali jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti u lill-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat sabiex jagħmlu, matul is-seduta, preċiżazzjonijiet komplementari dwar ċerti kwistjonijiet jew sabiex jiżviluppaw f’iktar dettall aspett jew ieħor partikolari tal-kawża inkwistjoni.
C. L-iżvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali
221. Ir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma obbligati jilbsu t-toga u, għalhekk, huma mistiedna jġibu magħhom it-toga tagħhom stess. Fil-każ li r-rappreżentanti ma jkollhomx toga, il-Qorti Ġenerali għandha numru ta’ togi li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom iżda, minħabba li n-numru u l-qisien disponibbli ta’ dawn it-togi huma limitati, ir-rappreżentanti kkonċernati huma mistiedna jinformaw b’dan lill-Qorti Ġenerali minn qabel. Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat ma jilbsux toga.
222. Bħala regola ġenerali, seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi tliet partijiet separati:
fit-tfakkira, jekk ikun il-każ, b’mod qasir ħafna tal-pożizzjoni meħuda, filwaqt li jiġu enfasizzati l-argumenti essenzjali żviluppati bil-miktub;
fil-kjarifika jekk meħtieġ ta’ ċerti argumenti żviluppati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u fil-preżentazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ punti ġodda li joħorġu minn avvenimenti li jkunu seħħew minn wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u li għalhekk ma jkunux setgħu jiġu esposti fis-sottomissjonijiet bil-miktub;
fit-tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta;
223. Kull parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandha tevalwa, fid-dawl tal-finalità tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali kif iddefinita fil-punt 223 iktar ’il fuq, jekk sottomissjonijiet orali jkunux verament utli jew jekk sempliċi riferiment għall-osservazzjonijiet jew għan-noti bil-miktub jkunux biżżejjed. F’dan il-każ, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tista’ tiffoka fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Meta r-rappreżentant iqis li jkun meħtieġ li jagħmel sottomissjonijiet orali, huwa rrakkomandat li jillimita ruħu għal espożizzjoni ta’ ċerti punti filwaqt li jirreferi għan-noti fir-rigward ta’ punti oħra.
224. Meta, qabel iż-żamma tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġenerali tkun stiednet lill-partijiet jew lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, konformement mal-Artikolu 89(4) jew mal-Artikolu 210(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jiffokaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq kwistjoni waħda jew iktar partikolari, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati l-ewwel matul is-sottomissjonijiet orali.
225. Għal finijiet ta’ ċarezza u sabiex is-sottomissjonijiet orali jkunu jistgħu jinftiehmu aħjar mill-Membri tal-Qorti Ġenerali, huwa ġeneralment aħjar jekk wieħed jitkellem b’mod liberu fuq il-bażi ta’ noti, iktar milli jaqra minn test. Huwa mitlub ukoll li r-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jissemplifikaw, sa fejn ikun possibbli, il-preżentazzjoni tagħhom tal-kawża u li jużaw iktar sentenzi qosra. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti huma mistiedna jistrutturaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom u jispeċifikaw, qabel jibdew, il-pjan li jkollhom l-intenzjoni jsegwu.
226. Sabiex ċerti kwistjonijiet ta’ natura teknika jkunu jistgħu jiġu spjegati b’mod iktar ċar lill-Qorti Ġenerali, il-President tal-kulleġġ ġudikanti jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jgħaddu l-kelma lil persuni li, għalkemm ma jkollhomx il-kwalità ta’ rappreżentant, ikunu iktar kapaċi jesprimu pożizzjoni. Dawn il-persuni jintervjenu biss fil-preżenza u taħt ir-responsabbiltà tar-rappreżentant tal-parti jew tal-parti interessata kkonċernata. Qabel jesprimu ruħhom, dawn il-persuni għandhom jiddikjaraw l-identità tagħhom.
227. It-tul tas-sottomissjonijiet orali jista’ jvarja skont in-natura jew il-kumplessità partikolari tal-kawża, skont jekk ikunx hemm jew le punti ta’ fatt ġodda, skont in-numru u l-istatus proċedurali tal-parteċipanti fis-seduta kif ukoll skont jekk ikunx hemm miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Kull parti prinċipali jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandha 15-il minuta u kull intervenjent għandu 10 minuti sabiex jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom (fir-rikorsi diretti, fil-każ ta’ seduta għal kawżi magħquda jew ta’ seduta komuni, kull parti prinċipali jkollha 15-il minuta għal kull waħda mill-kawżi u kull intervenjent ikollu 10 minuti għal kull waħda mill-kawżi), sakemm ir-Reġistru ma jkunx tahom indikazzjoni differenti f’dan ir-rigward. Din il-limitazzjoni tikkonċerna biss is-sottomissjonijiet orali fil-veru sens tal-kelma u ma tinkludix il-ħin neċessarju sabiex jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali jew għar-repliki finali.
228. Jekk iċ-ċirkustanzi jitolbu hekk, talba għal deroga minn dan it-tul normali, debitament motivata u li tispeċifika l-ħin meqjus li jkun neċessarju, tista’ titressaq fir-Reġistru, fir-rikorsi diretti, minn tal-inqas ġimagħtejn (jew iktar tard fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, debitament motivati) qabel id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, jew, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, fit-tweġiba għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta. Ir-rappreżentanti jew il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat għandhom jiġu informati bit-tul tal-ħin li ser ikollhom għas-sottomissjonijiet orali b’riżultat ta’ tali talbiet għall-estensjoni tal-ħin allokat.
229. Meta diversi rappreżentanti jkunu qegħdin jaġixxu għal parti waħda jew għal parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut waħda, bħala prinċipju tnejn biss minnhom jistgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet orali u t-total tal-interventi orali tagħhom ma għandux jaqbeż il-ħin speċifikat fil-punti 227 u 228 iktar ’il fuq. Madankollu, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin u r-repliki finali jistgħu jsiru minn rappreżentanti differenti minn dawk li jkunu għamlu s-sottomissjonijiet orali.
230. Meta diversi partijiet jew partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ikunu qegħdin jiddefendu l-istess pożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jikkollaboraw qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, sabiex tiġi evitata repetizzjoni ta’ sottomissjonijiet orali. Madankollu, ir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati kkonċernati għandhom jiżguraw li jieħdu pożizzjoni biss għall-partijiet jew għall-partijiet interessati li jkunu qegħdin jirrappreżentaw u għandhom jiżguraw, fir-rikorsi diretti, l-osservanza tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom motiv ġdid jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali matul l-istanza.
231. Ir-rappreżentanti huma mitluba, meta jiċċitaw deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jindikawha permezz tal-isem normali tagħha u tan-numru tal-kawża u jispeċifikaw, jekk ikun il-każ, il-punt jew punti rilevanti.
232. Il-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni u l-persuni awtorizzati jitkellmu matul is-seduta huma mistiedna josservaw l-anonimizzazzjoni, l-ommissjoni jew l-oskurazzjoni ta’ data eventwalment imwettqa mill-qorti tar-rinviju jew mill-Qorti Ġenerali u huma mistiedna jastjenu milli jsemmu data personali li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni (mill-ġdid) tal-persuni kkonċernati.
233. Fir-rikorsi diretti, konformement mal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu provi anki matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. F’dan il-każ, huwa rrakkomandat li jkollhom numru suffiċjenti ta’ kopji (inkluż, jekk ikun il-każ, verżjoni mhux kunfidenzjali għall-intervenjenti). Il-partijiet l-oħra għandhom jinstemgħu dwar l-ammissibbiltà u dwar il-kontenut tagħhom matul is-seduta jew, jekk ikun il-każ, jekk il-fażi orali tal-proċedura tibqa’ miftuħa wara li tingħalaq is-seduta, bil-miktub wara s-seduta.
234. Il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tintemm fi tmiem is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Bla ħsara għall-każ eċċezzjonali tal-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura previst fl-Artikolu 113 jew fl-Artikolu 222 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija ma jistgħux jippreżentaw iktar osservazzjonijiet bil-miktub jew orali, b’mod partikolari b’reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, meta l-President ikun iddikjara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali magħluqa.
D. Parteċipazzjoni f’seduta permezz ta’ videokonferenza
D.1. Talba għall-użu tal-videokonferenza
235. Jekk ir-rappreżentant ta’ parti jew ta’ parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, jew parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzata tidher quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat, ikunu impediti milli jipparteċipaw fiżikament f’seduta għas-sottomissjonijiet orali li għaliha jkunu ġew ikkonvokati, minħabba raġunijiet sanitarji (pereżempju, impediment ta’ natura medika individwali jew li jirriżulta minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbuta ma’ epidemija), minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew minħabba raġunijiet serji oħra (pereżempju, azzjoni industrijali fis-settur tat-trasport bl-ajru), ir-rappreżentant jew il-parti kkonċernata għandhom iressqu, permezz ta’ att separat, talba motivata sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza.
236. Sabiex tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod utli mill-Qorti Ġenerali, it-talba għandha titressaq hekk kif il-kawża tal-impediment tkun magħrufa u għandha tinkludi:
237. Ir-Reġistru għandu jinnotifika lill-parti jew lill-parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li tkun ressqet it-talba għall-użu tal-videokonferenza d-deċiżjoni meħuda mill-President dwar din it-talba. L-imsemmija talba u l-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-partijiet l-oħra fil-kawża jew lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.
238. Jekk din id-deċiżjoni tkun favorevoli, il-persuna ta’ kuntatt, li d-dettalji tagħha jkunu ngħataw minn qabel mir-rappreżentant jew mill-parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzata tidher quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat fit-talba tagħhom, tiġi kkuntattjata mid-dipartimenti tekniċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu organizzati malajr kemm jista’ jkun testijiet tekniċi u ta’ interpretazzjoni li għalihom ir-rappreżentant jew il-parti għandhom obbligatorjament jissottomettu ruħhom.
239. Jekk it-testijiet ikunu konklużivi, il-parti jew il-parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tkun tista’ effettivament tipparteċipa fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza, u l-partijiet jew il-partijiet interessati l-oħra jiġu informati dwar dan. Jekk it-testijiet ma jkunux konklużivi, il-partijiet jew il-partijiet interessati jiġu informati bil-konsegwenzi fir-rigward taż-żamma jew tad-differiment tas-seduta.
D.2. Kundizzjonijiet tekniċi
240. L-użu tal-videokonferenza għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali jeħtieġ kwalità għolja ta’ ħoss u ta’ immaġni kif ukoll stabbiltà perfetta tal-konnessjoni, li jiġu evalwati fil-kuntest tat-test imwettaq qabel iż-żamma tas-seduta.
241. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirriżerva d-dritt li tiddetermina s-soluzzjoni teknika li toffri livell ta’ sigurtà u ta’ affidabbiltà adegwat sabiex tippermetti konnessjoni tajba u, għaldaqstant, parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet fis-seduta f’kundizzjonijiet simili għal dawk li jipprevalu matul seduta b’preżenza fiżika. L-użu ta’ tagħmir speċifiku ta’ videokonferenza jew ta’ kull sistema oħra ta’ laqgħat virtwali jista’ jiġi awtorizzat biss wara li jiġi vvalidat mill-Qorti Ġenerali u wara li jinkisbu l-garanziji neċessarji kollha dwar il-kwalità u l-istabbiltà tal-konnessjoni. Il-partijiet huma mistiedna, f’dan ir-rigward, jikkonsultaw is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/Jo2_7040/), kemm fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi li l-partijiet huma mistiedna josservaw u kemm fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet prattiċi li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ parteċipazzjoni f’seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza.
242. Meta r-rappreżentant jew il-parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzata tidher quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat jipparteċipaw fis-seduta permezz ta’ videokonferenza, huma jistgħu jużaw biss il-lingwa li fiha jkunu awtorizzati jagħmlu s-sottomissjonijiet orali skont ir-regoli proċedurali u, bla ħsara għal żviluppi fil-futur, jista’ jkollhom aċċess biss għall-interpretazzjoni lejn din il-lingwa.
D.3. Rakkomandazzjonijiet prattiċi
243. Ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi għar-rappreżentanti jew għall-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat li jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom permezz ta’ videokonferenza jinsabu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
E. Interpretazzjoni
244. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, ir-rappreżentanti jew il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat huma mistiedna jgħaddu minn qabel it-test jew in-noti bil-miktub li jista’ jkollhom tas-sottomissjonijiet orali tagħhom lid-Direttorat tal-Interpretazzjoni permezz tal-posta elettronika (interpretation@curia.europa.eu).
245. Il-kunfidenzjalità tan-noti tas-sottomissjonijiet orali trażmessi hija assigurata. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, għandu jiġi indikat l-isem tal-parti jew tal-parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. In-noti tas-sottomissjonijiet orali ma jiġux inklużi fil-proċess tal-kawża u jinqerdu wara s-seduta.
246. Ir-rappreżentanti u l-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat huma mfakkra li, skont il-każ, ċerti Membri biss tal-Qorti Ġenerali jsegwu s-sottomissjonijiet orali fil-lingwa li fiha jsiru u li l-Membri l-oħra jisimgħu l-interpretazzjoni simultanja. Huwa rrakkomandat ferm li dawn ir-rappreżentanti jew dawn il-partijiet, fl-interess ta’ żvolġiment aħjar tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u taż-żamma tal-istandard ta’ kwalità tal-interpretazzjoni simultanja, jitkellmu bil-mod u fil-mikrofonu.
247. Meta r-rappreżentanti jew il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzati jidhru quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat ikollhom l-intenzjoni li jiċċitaw letteralment siltiet ta’ ċerti testi jew dokumenti, b’mod partikolari siltiet li ma jissemmewx fil-proċess tal-kawża, ikun utli li jindikawhom lill-interpreti qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Bl-istess mod, jista’ jkun utli li jindikawlhom dawk it-termini li jistgħu jkunu diffiċli li jiġu tradotti.
F. Il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali
248. Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi, fil-lingwa tal-kawża, proċess verbal ta’ kull seduta għas-sottomissjonijiet orali li għandu jinkludi:
249. Meta tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali li tkun komuni għal diversi kawżi skont l-Artikolu 106a jew l-Artikolu 214 tar-Regoli tal-Proċedura, proċess verbal li jkollu kontenut identiku għall-kawżi kollha inkwistjoni għandu jiġi inkluż fil-proċess ta’ kull waħda mill-kawżi bil-lingwa tal-kawża rispettiva.
G. Xandir tas-seduti
250. Is-seduti tal-Qorti Ġenerali ser ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ xandir fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 110a u fl-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni prevista fil-paragrafi 8 rispettivi tal-imsemmija artikoli.
251. Meta parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tqis li s-seduta li għaliha tkun ġiet ikkonvokata ma għandhiex tixxandar, hija għandha tinforma b’dan lill-Qorti Ġenerali bil-miktub, filwaqt li tesponi b’mod iddettaljat iċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħha. Din il-motivazzjoni – li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn tliet paġni – għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta ta’ għaliex ix-xandir tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali ma jkunx opportun. Sabiex tkun tista’ tgħin aħjar lill-Qorti Ġenerali fl-għoti tad-deċiżjoni tagħha, il-motivazzjoni ma għandhiex tkun ta’ natura ġenerali billi tirreferi sempliċement, pereżempju, għan-natura sensittiva tal-kawża għall-parti jew għall-parti interessata inkwistjoni.
252. Il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom jiġu informati bid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fi żmien xieraq qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.
253. Fil-każ li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tkun is-suġġett ta’ xandir, hija għandha tibqa’ disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahar wara l-għeluq tas-seduta. Jekk parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li tkun ipparteċipat f’din is-seduta tqis li r-reġistrazzjoni video tas-seduta għandha titneħħa mis-sit internet imsemmi iktar ’il fuq, hija tista’ tressaq talba quddiem il-Qorti Ġenerali li fiha tesponi ċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw din it-tneħħija. Fil-każ li din it-talba tintlaqa’, ir-reġistrazzjoni kkonċernata għandha titneħħa immedjatament mis-sit.
H. Qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza
254. Għalkemm il-partijiet u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu informati mir-Reġistru bid-data tal-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza u, jekk ikun il-każ, bid-data li fiha l-Avukat Ġenerali jkun ser jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tikkonċernahom, huma ma humiex madankollu obbligati jkunu preżenti fil-Lussemburgu.
255. It-test tal-konklużjonijiet u tas-sentenza jiġi nnotifikat lill-partijiet u lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut mir-Reġistru u jiġi ppubblikat fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bil-lingwi disponibbli.
VIII. FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI
A.1. Rikorsi diretti
256. Konformement mal-Artikolu 147(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-użu ta’ formola huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Din il-formola hija disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
257. Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali ma tkunx irrappreżentata minn avukat meta tippreżenta l-formola tal-għajnuna legali, din il-persuna tista’, skont l-Artikolu 147(6) tar-Regoli tal-Proċedura, tippreżenta fir-Reġistru l-formola debitament mimlija u ffirmata fuq karta permezz tal-posta jew permezz ta’ preżentata fiżika fl-indirizz indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq. Formola mingħajr firma bl-idejn ma tiġix ittrattata.
258. Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali tkun irrappreżentata minn avukat meta tippreżenta l-formola tal-għajnuna legali, il-preżentata għandha titwettaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-punt 121 iktar ’il fuq.
259. Il-formola tal-għajnuna legali hija intiża li tippermetti lill-Qorti Ġenerali jkollha, konformement mal-Artikolu 147(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni b’mod utli dwar it-talba għal għajnuna legali. Din l-informazzjoni għandha tirrigwarda:
260. Sabiex it-talba tagħha tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, il-persuna li tressaq it-talba għandha tipproduċi, flimkien mal-formola tal-għajnuna legali, l-annessi li jiġġustifikaw l-informazzjoni msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq.
261. Jekk ikun il-każ, flimkien mal-formola tal-għajnuna legali, għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3) u fl-Artikolu 78(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti fl-Artikolu 51(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom ikunu jistgħu jiġu prodotti, fuq talba, f’kull stadju tal-proċedura.
262. Il-formola dwar għajnuna legali debitament mimlija u l-annessi ta’ sostenn għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu fihom innifishom.
263. Jekk il-persuna li tressaq it-talba ttenni t-talba tagħha mingħajr ma tibbaża t-talba l-ġdida fuq elementi ġodda, din tal-aħħar ma tiġix irreġistrata u l-persuna li tkun ressqitha tiġi informatha dwar dan.
264. Bla ħsara għall-possibbiltà tal-Qorti Ġenerali li titlob informazzjoni jew il-produzzjoni ta’ dokumenti komplementari skont l-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal għajnuna legali ma tistax tiġi kkompletata bil-preżentata sussegwenti ta’ addenda. Jekk jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu ntalbu mill-Qorti Ġenerali, tali addenda jiġu rrifjutati. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, annessi ta’ sostenn intiżi li jipprovaw li l-persuna li tkun qiegħda tressaq it-talba ma tkunx tista’ tħallas jistgħu jiġu aċċettati sussegwentement, permezz ta’ spjegazzjoni adegwata tal-produzzjoni tardiva tagħhom.
265. It-tressiq ta’ talba għal għajnuna legali għandu l-effett li jissospendi, u mhux li jinterrompi, it-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jagħti deċiżjoni dwar it-talba jew, meta f’dan id-digriet ma jiġix innominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba għal għajnuna legali, sad-data tan-notifika tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżentaha. Għalhekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jkun fadal sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors jista’ jkun qasir ħafna. Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li l-persuna li tibbenefika mill-għajnuna legali, debitament irrappreżentata minn avukat, tagħti attenzjoni partikolari lill-osservanza tat-terminu legali.
A.2. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
266. Jekk parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali ma tkunx tista’ tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hija tista’, f’kull mument, titlob li tibbenefika mill-għajnuna legali fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 239 sa 241 tar-Regoli tal-Proċedura.
267. Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali ma tkunx irrappreżentata minn avukat, hija tista’ tressaq it-talba tagħha għal għajnuna legali fir-Reġistru fuq karta permezz tal-posta jew permezz ta’ preżentata fiżika fl-indirizz indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq. Talba mingħajr firma bl-idejn ma tiġix ittrattata.
268. Meta, fil-mument tat-tressiq tat-talba tagħha għal għajnuna legali, il-persuna li tressaq it-talba għal għajnuna legali tkun irrappreżentata minn avukat jew minn persuna awtorizzata taġixxi bħala tali li ma jkollhiex il-kwalità ta’ avukat, it-talba għandha titressaq skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 205 tar-Regoli tal-Proċedura.
269. Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, it-talbiet għal għajnuna legali għandhom jitressqu flimkien mal-informazzjoni u mad-dokumenti ta’ sostenn kollha li jkunu meħtieġa sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tevalwa s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-persuna li tressaq it-talba. F’dan id-dawl, huwa għalhekk meħtieġ li l-persuna li tressaq it-talba għal għajnuna legali tikkomunika lill-Qorti Ġenerali kemm id-dokumenti li juru d-dħul u l-allowances, ta’ tipi differenti, li hija tirċievi (bħalma huma d-dikjarazzjoni tal-paga, estratt tal-kont bankarju jew dokument maħruġ minn awtorità pubblika jew minn korp tas-sigurtà soċjali) u kemm dokumenti dwar l-ispejjeż li hija meħtieġa tħallas (bħalma huma kuntratt ta’ kera jew ta’ kreditu, attestazzjoni dwar l-ispejjeż tal-iskola ta’ minuri dipendenti, kont ta’ onorarji jew fatturi). Peress li fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar talba ta’ qorti ta’ Stat Membru, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali għandhom jitolbu l-ewwel il-benefiċċju ta’ għajnuna legali li jista’ jkun disponibbli minn dik il-qorti jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, u dan sa fejn l-għajnuna mogħtija mill-Qorti Ġenerali jkollha biss natura sussidjarja fil-konfront tal-għajnuna mogħtija fuq livell nazzjonali. Konformement mal-Artikolu 239(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-persuna li titlob l-għajnuna legali tkun diġà bbenefikat minn għajnuna legali quddiem il-qorti tar-rinviju, hija għandha tipproduċi d-deċiżjoni ta’ dik il-qorti u għandha tispeċifika dak li jkun kopert mill-ammonti diġà mogħtija.
270. Meta tilqa’ t-talba għal għajnuna legali, il-Qorti Ġenerali għandha tħallas biss, jekk ikun il-każ fil-limiti stabbiliti mill-kulleġġ ġudikanti, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza tal-persuna li tkun ressqet it-talba quddiem il-Qorti Ġenerali.
IX. FUQ IL-PROĊEDURI B’URĠENZA
A. Fuq il-proċedura mħaffa
A.1. Rikorsi diretti
1) Talba għal proċedura mħaffa
271. Konformement mal-Artikolu 152(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal proċedura mħaffa għandha titressaq permezz ta’ att separat, skont il-każ, fl-istess ħin mar-rikors jew mar-risposta u għandha tinkludi motivazzjoni li tispeċifika l-urġenza partikolari tal-kawża u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra.
272. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament immedjat mir-Reġistru, it-talba għal proċedura mħaffa għandha tinkludi fuq l-ewwel paġna l-indikazzjoni li din it-talba tkun qiegħda titressaq fuq il-bażi tal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura.
273. Bħala prinċipju, ir-rikors jew ir-risposta ppreżentati mill-parti li titlob il-proċedura mħaffa ma għandhomx ikunu ta’ iktar minn 25 paġna. Dan ir-rikors jew din ir-risposta għandhom jiġu ppreżentati konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 162 sa 172 iktar ’il fuq jew fil-punti 174 sa 179 iktar ’il fuq.
274. Huwa rrakkomandat li l-parti li titlob il-benefiċċju tal-proċedura mħaffa tispeċifika, fit-talba tagħha, il-motivi, l-argumenti jew is-siltiet tan-nota kkonċernata (rikors jew risposta) li jkunu qegħdin jiġu ppreżentati biss fil-każ li l-kawża ma tinqatax skont din il-proċedura. Dawn l-indikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 152(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu fformulati fit-talba bi preċiżjoni u b’indikazzjoni tan-numru tal-paragrafi kkonċernati.
2) Verżjoni mqassra
275. Huwa rrakkomandat li t-talba għal proċedura mħaffa li tinkludi l-indikazzjonijiet msemmija fil-punt 274 iktar ’il fuq tkun akkumpanjata, bħala anness, mill-verżjoni mqassra tan-nota kkonċernata.
276. Sabiex tkun tista’ tiġi ttrattat fl-iqsar żmien possibbli, din il-verżjoni mqassra għandha tkun konformi mal-istruzzjonijiet segwenti:
il-verżjoni mqassra għandha tieħu l-forma tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata bis-siltiet imħassra tagħha identifikati permezz ta’ parenteżi li fihom ikun indikat “omissis”;
il-paragrafi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandu jkollhom l-istess numru bħal dak tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata;
l-iskeda li telenka l-annessi ppreżentata flimkien mal-verżjoni mqassra għandha tinkludi, jekk il-verżjoni mqassra ma tagħmilx riferiment għall-annessi kollha tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata, l-indikazzjoni “omissis” sabiex tidentifika kull wieħed mill-annessi mhux inklużi;
l-annessi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandu jkollhom l-istess numru bħal dak fl-iskeda li telenka l-annessi tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata;
l-annessi msemmija fl-iskeda li telenka l-annessi ppreżentata flimkien mal-verżjoni mqassra għandhom ikunu mehmuża ma’ din il-verżjoni.
277. Meta l-Qorti Ġenerali titlob il-produzzjoni ta’ verżjoni mqassra tan-nota fuq il-bażi tal-Artikolu 151(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-verżjoni mqassra għandha tiġi stabbilita, sakemm ma tingħatax indikazzjoni kuntrarja, konformement mal-istruzzjonijiet preċedenti.
3) Ir-risposta
278. Il-konvenut għandu jirrispondi, f’terminu ta’ xahar:
279. Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa qabel ma l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu, it-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 154(1) tar-Regoli tal-Proċedura għall-preżentata ta’ din in-nota għandu jiġi miżjud b’xahar supplimentari.
280. Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa wara li l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 154(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvenut għandu jingħata terminu ġdid ta’ xahar li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa sabiex ikun jista’ jikkompleta r-risposta tiegħu.
4) Il-fażi orali tal-proċedura
281. Fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, peress li l-fażi bil-miktub tal-proċedura hija bħala prinċipju limitata għal skambju wieħed ta’ noti, l-enfasi għandha tkun fuq il-fażi orali tal-proċedura u għandha tiġi organizzata seduta fi żmien qasir wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura meta l-partijiet prinċipali jindikaw, f’terminu ffissat mill-President, li jkunu qegħdin jirrinunzjaw milli jipparteċipaw f’seduta għas-sottomissjonijiet orali u meta l-Qorti Ġenerali tqis li jkollha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tal-atti fil-proċess tal-kawża.
282. Meta l-Qorti Ġenerali ma tkunx awtorizzat il-preżentata ta’ nota ta’ intervent, l-intervenjent jista’ jinvoka l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod orali biss, jekk tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali.
A.2. Kawżi għal deċiżjoni preliminari
283. Konformement mal-Artikoli 237 u 238 tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew ex officio, kawża għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa.
B. Fuq is-sospensjoni u fuq miżuri provviżorji fil-kuntest ta’ rikorsi diretti
284. Konformement mal-Artikolu 156(5) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha titressaq permezz ta’ att separat. Din it-talba għandha tkun tista’ tinftiehem fiha nnifisha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali, inkluż għall-annessi mar-rikors.
285. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament immedjat mir-Reġistru, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tinkludi, fuq l-ewwel paġna, l-indikazzjoni li din it-talba tkun qiegħda titressaq abbażi tal-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura u, jekk ikun il-każ, li tinkludi talba bbażata fuq l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
286. It-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tindika, fl-ewwel lok, is-suġġett tat-tilwima u, b’mod qasir u konċiż, il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors prinċipali u li jesponu, prima facie, il-fondatezza tiegħu (fumus boni juris). Fit-tieni lok, hija għandha tindika bi preċiżjoni l-miżura jew il-miżuri mitluba. Fit-tielet lok, hija għandha tindika, b’mod motivat u ddokumentat, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza.
287. Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tinkludi l-provi u l-provi proposti kollha li jkunu disponibbli u li jkunu intiżi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji. B’hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, issostanzjati permezz ta’ provi dokumentali ddettaljati u, jekk ikun il-każ, awtentikati, jew permezz ta’ provi proposti li juru s-sitwazzjoni li fiha tkun tinsab il-parti li titlob il-miżuri provviżorji u li jippermettu evalwazzjoni tal-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw fl-assenza tal-miżuri mitluba.
288. Peress li t-talba għal miżuri provviżorji hija intiża li tippermetti evalwazzjoni tal-fumus boni juris fil-kuntest ta’ proċedura sommarja, din it-talba ma għandhiex tirriproduċi b’mod sħiħ it-test tar-rikors fil-kawża prinċipali.
289. Sabiex talba għal miżuri provviżorji tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod urġenti, in-numru massimu ta’ paġni li, bħala prinċipju, din it-talba ma għandhiex taqbeż huwa ta’ 25 paġna, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-suġġett ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi tal-kawża.
X. DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI TA’ IMPLIMENTAZZJONI
290. Dawn id-DPI jħassru u jissostitwixxu d-Dispożizzjonijiet Prattiċi ta’ Implimentazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2015 (ĠU 2015, L 152, p. 1), kif emendati fit-13 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 217, p. 78), fis-17 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 294, p. 23) u fl-1 ta’ Frar 2023 (ĠU 2023, L 73, p. 58), u kif irrettifikati fis-17 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 296, p. 40).
291. Dawn id-DPI għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2024.
ANNESS 1
Lista tan-notamenti (punti 15, 16 u 18 ta’ dawn id-DPI)
|
AJ |
Għajnuna legali |
|
DEP |
Intaxxar tal-ispejjeż |
|
Int, segwit b’numru b’ċifri Rumani li jindika l-ordni kronoloġiku tal-preżentata tat-talbiet għal intervent |
Intervent |
|
INTP |
Interpretazzjoni |
|
OP |
Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja |
|
OST |
Ommissjoni li tingħata deċiżjoni |
|
R |
Proċedura għall miżuri provviżorji |
|
REC |
Rettifika |
|
RENV |
Kawża mibgħuta lura (wara annullament fl-appell) |
|
REV |
Reviżjoni |
|
TO |
Oppożizzjoni minn terzi |
ANNESS 2
Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat (punt 131 ta’ dawn id-DPI)
L-assenza ta’ regolarizzazzjoni tal-punti segwenti tista’ twassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 78(6) u mal-Artikolu 177(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
|
|
Rikorsi diretti li ma jkunux kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali |
Kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali |
|
a) |
produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm tali dokument ma jkunx diġà ġie ppreżentat għall-finijiet tal-ftuħ ta’ kont ta’ aċċess għal e-Curia (Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm tali dokument ma jkunx diġà ġie ppreżentat għall-finijiet tal-ftuħ ta’ kont ta’ aċċess għal e-Curia (Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
b) |
produzzjoni ta’ prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat (Artikolu 78(4) tar-Regoli tal-Proċedura) |
produzzjoni ta’ prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat (Artikolu 177(4) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
c) |
produzzjoni tal-mandat jekk il-parti rrappreżentata tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat (Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
produzzjoni tal-mandat jekk il-parti rrappreżentata tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat (Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
d) |
produzzjoni tal-att ikkontestat (rikors għal annullament) jew tad-dokument li jiġġustifika d-data tal-istedina sabiex tittieħed azzjoni (rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni) (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura) |
produzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell (Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
e) |
produzzjoni tal-ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-deċiżjoni li tagħti risposta għall-ilment (Artikolu 78(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
|
f) |
produzzjoni ta’ kopja tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ (Artikolu 78(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
|
g) |
|
indikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet kollha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u tal-indirizzi li dawn ikunu indikaw għall-finijiet tan-notifika, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi (Artikolu 177(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
h) |
indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tal-ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tan-notifika tad-deċiżjoni li tagħti risposta għall-ilment (Artikolu 78(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
indikazzjoni tad-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
ANNESS 3
Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika (punt 132 ta’ dawn id-DPI)
|
a) |
indikazzjoni tal-indirizz tar-rikorrent (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 76(a) u Artikolu 177(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
b) |
indikazzjoni tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent (Artikolu 76(b) u Artikolu 177(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
c) |
oriġinal ġdid tar-rikors meta dan ikun tqassar (punti 160 u 161 ta’ dawn id-DPI) |
|
d) |
oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paragrafi nnumerati (punt 109(c) ta’ dawn id-DPI) |
|
e) |
oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paġni nnumerati (punt 109(d) ta’ dawn id-DPI) |
|
f) |
produzzjoni tal-iskeda li telenka l-annessi bl-indikazzjonijiet obbligatorji (Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 115 ta’ dawn id-DPI) |
|
g) |
produzzjoni tal-annessi msemmija fir-rikors u mhux prodotti (Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
h) |
produzzjoni tal-annessi bil-paġni nnumerati (punt 118(c) ta’ dawn id-DPI) |
|
i) |
produzzjoni tal-annessi nnumerati (punt 118(a) ta’ dawn id-DPI) |
ANNESS 4
Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika (punt 133 ta’ dawn id-DPI)
|
a) |
produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura għal kull avukat supplimentari ieħor sakemm tali dokument ma jkunx diġà ġie ppreżentat għall-finijiet tal-ftuħ ta’ kont ta’ aċċess għal e-Curia (Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
b) |
fil-kawżi li ma jkunux dwar proprjetà intellettwali, produzzjoni tas-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali (punti 167 u 168 ta’ dawn id-DPI) |
|
c) |
produzzjoni tat-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ anness ifformulat f’lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża (Artikolu 46(2) tar-Regoli tal-Proċedura) |
|
d) |
produzzjoni tat-tabella bil-lista tar-rikorrenti meta jkun hemm iktar minn għaxar rikorrenti (punti 169 u 170 ta’ dawn id-DPI) |
|
e) |
preżentazzjoni ta’ espożizzjoni tal-kontenut jew ta’ werrej (punt 110 ta’ dawn id-DPI) |