|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL EVALWAZZJONI / KONTROLL TAL-IDONEITÀ |
|
|
Titolu tal-evalwazzjoni |
Ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti – evalwazzjoni |
|
DĠ ewlieni – unità responsabbli |
DĠ GROW Unità F.2 – Bijoekonomija, sustanzi kimiċi, kożmetiċi |
|
Skeda taż-żmien indikattiva (id-data tal-bidu u d-data tat-tlestija ppjanati) |
Data tal-bidu: Q4-2024 Id-data tat-tlestija ppjanata: Q2-2026 |
|
Tagħrif addizzjonali |
https://single-market-economy.ec.europa.eu/sectors/chemicals/fertilising-products_en |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ tagħrif. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi realizzata jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti fid-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, fini, u ambitu tal-evalwazzjoni |
|
|
Kuntest politiku |
|
|
Ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti (ir-Regolament (UE) 2019/1009) (ir-Regolament jew l-FPR 1 ) ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Ġunju 2019. Meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, li jistabbilixxi biss ir-rekwiżiti għall-fertilizzanti inorganiċi speċifiċi u għal ċerti materjali għat-trattament bil-ġir, l-FPR għandu ambitu akbar tal-prodott, li jinkludi mhux biss aktar tipi ta’ fertilizzanti u materjal għat-trattament bil-ġir, iżda wkoll tejjieba tal-ħamrija, materjal għat-tkabbir, inibituri, bijostimulanti tal-pjanti u taħlitiet ta’ prodotti fertilizzanti. L-objettiv ġenerali tal-FPR huwa li jinċentiva l-produzzjoni fuq skala kbira ta’ prodotti fertilizzanti minn materjali organiċi domestiċi jew minn materja prima sekondarja fl-UE. L-FPR ħoloq qafas regolatorju li jagħti lil prodotti fertilizzanti bħal dawn aċċess għas-suq intern u indirizza l-kwistjoni tal-kontaminanti fil-prodotti fertilizzanti. L-objettivi speċifiċi tal-FPR huma: 1.li jiġi żgurat il-funzjonament imtejjeb tas-suq intern u kundizzjonijiet ekwi għall-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti fertilizzanti, b’mod partikolari, għal dawk magħmula minn materja prima domestika u sekondarja f’konformità mal-ekonomija ċirkolari; 2.li jitnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta minn regoli nazzjonali diverġenti u l-applikazzjoni mhux kompluta tar-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti fertilizzanti; 3.li tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti fertilizzanti sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (b’mod partikolari l-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-kwalità tal-ikel); 4.li tiġi żgurata l-koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE biex jiġu appoġġati l-investimenti f’opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-operaturi pubbliċi u privati. Il-manifatturi jistgħu jagħżlu jekk isegwux ir-regoli tal-FPR (u jibbenefikawx mill-moviment liberu garantit fis-suq intern) jew jekk isegwux ir-regoli nazzjonali (u jiddependu mir-rikonoxximent reċiproku meta jbigħu l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra) (“armonizzazzjoni fakultattiva”). L-Artikolu 49 tar-Regolament jirrikjedi evalwazzjoni sa Lulju 2026, li bħala minimu għandha tipprovdi (i) valutazzjoni tal-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti fertilizzanti tal-UE, (ii) rieżami tal-valuri ta’ limitu għall-kontenut tal-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, u (iii) valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-livelli ta’ kontaminanti stabbiliti fl-Anness I tal-FPR. |
|
|
Fini u ambitu |
|
|
Il-fini ta’ din l-evalwazzjoni huwa li jitqies jekk ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti kienx qed jilħaq l-objettivi tiegħu mid-dħul fis-seħħ tiegħu fis-16 ta’ Lulju 2022. Filwaqt li għadu kmieni wisq fl-implimentazzjoni biex jiġu vvalutati l-effetti fit-tul, l-evalwazzjoni se tidentifika l-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tar-Regolament, inklużi kwalunkwe lakuna, ineffiċjenza u effett mhux intenzjonat, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi. Ir-riżultati se jintużaw mill-Kummissjoni biex jirriflettu dwar (i) il-prestazzjoni tal-FPR sal-lum, (ii) il-firxa tal-progress preliminari lejn l-objettivi, u (iii) jekk jistgħux ikunu meħtieġa xi bidliet jew simplifikazzjonijiet biex jittejbu l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-koerenza tal-implimentazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni se tkopri l-implimentazzjoni tal-FPR fl-Istati Membri tal-UE u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ fl-UE u fuq l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi fis-settur Ewropew tal-prodotti fertilizzanti. Se tqis ukoll kemm ir-Regolament għandu impatt barra mill-UE, pereżempju f’termini ta’ tmexxija bla xkiel tal-ktajjen tal-provvista globali u ta’ immaġni ġeneralment pożittiva ta’ prodotti bil-marka CE barra mill-pajjiż. Se jiġu vvalutati wkoll l-impatti fuq l-aċċess għas-suq, l-innovazzjoni u l-kompetittività, l-ambjent u t-trawwim tal-ekonomija ċirkolari. Meta titwettaq l-evalwazzjoni, se jitqiesu wkoll l-emendi li saru għall-FPR minn meta ġie adottat (permezz ta’ 11-il att delegat) u l-kriterji tas-sikurezza u tal-effiċjenza agronomika għall-prodotti sekondarji li jissupplimentaw l-FPR. Se jiġu esplorati l-effetti tal-armonizzazzjoni fakultattiva. L-evalwazzjoni mhux se tkopri r-regoli l-ġodda adottati dwar it-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE, peress li dawk ir-regoli se japplikaw biss mill-2027. F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-evalwazzjoni se tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni: ·Effettività: Skont dan il-kriterju, se jiġi vvalutat sa liema punt ir-Regolament kiseb jew għamel progress lejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu, filwaqt li jiġu identifikati wkoll il-fatturi li jixprunaw jew ifixklu l-progress. ·Effiċjenza: Il-valutazzjoni ta’ dan il-kriterju se tiffoka fuq il-proporzjonalità tal-kostijiet u l-piż amministrattiv għan-negozji u l-awtoritajiet meta mqabbla mal-benefiċċji mogħtija. Se jitqiesu l-impatti fuq in-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll il-potenzjal għas-simplifikazzjoni biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità u l-piż amministrattiv. ·Rilevanza: Il-valutazzjoni ta’ dan il-kriterju se tinvolvi l-fehim dwar jekk l-FPR huwiex allinjat max-xejriet attwali tas-suq, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-għanijiet ta’ politika tal-UE relatati mas-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità, u jekk għadux adattat għall-fini tiegħu minħabba d-diversi żviluppi u fatturi esterni minn meta daħal fis-seħħ. ·Koerenza: Il-valutazzjoni ta’ dan il-kriterju tinkludi l-koerenza interna tat-test legali u ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet, u l-koerenza esterna, jiġifieri, kif l-FPR jinteraġixxi ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE (eż. regolamenti relatati mal-ambjent, l-agrikoltura u s-sustanzi kimiċi) u mar-regoli nazzjonali dwar il-prodotti fertilizzanti. ·Valur miżjud tal-UE: Skont dan il-kriterju, se jiġi vvalutat jekk l-FPR għamilx differenza billi introduċa regoli armonizzati tal-UE meta mqabbla ma’ dak li kien jinkiseb permezz tar-regoli nazzjonali biss. |
|
|
B. Regolamentazzjoni aħjar |
|
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
|
Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati hija komponent ewlieni tal-evalwazzjoni. L-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni se jinkludi (1) konsultazzjoni pubblika u din is-sejħa għal evidenza, (2) konsultazzjoni mmirata permezz ta’ kwestjonarju online, (3) programm ta’ intervisti, u (4) sessjonijiet ta’ ħidma għall-partijiet ikkonċernati. -Il-konsultazzjoni pubblika online ta’ 12-il ġimgħa se titnieda bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fuq is-sit web tal-Kummissjoni Semma’ Leħnek, fl-istess ħin ta’ din is-sejħa għal evidenza li l-għan tagħha hu li tiġbor l-għarfien, id-data u l-informazzjoni sinifikanti min-negozji u mill-awtoritajiet biex tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tar-Regolament. L-evalwazzjoni se tqis l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali (jiġifieri l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem) u se tidentifika kwalunkwe qasam potenzjali għat-titjib. -Konsultazzjoni mmirata mal-esperti se tipprovdi perspettiva aktar teknika dwar kwistjonijiet ewlenin. Se tipprovdi wkoll opportunità biex jinġabru l-fehmiet mill-partijiet ikkonċernati (eż. l-operaturi ekonomiċi u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija) u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (MSA, market surveillance authorities) dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-FPR. -Il-programm ta’ intervisti se jikkonsisti f’diskussjonijiet ma’ 120 parti kkonċernata fil-firxa wiesgħa ta’ kategoriji msemmija hawn fuq. Il-mistoqsijiet se jiffukaw fuq l-oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert tal-persuni intervistati u se jkunu aktar bir-reqqa minn dawk mitluba fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni l-oħra. -Se jiġu organizzati żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-partijiet ikkonċernati: l-ewwel waħda se tippreżenta s-sejbiet sal-lum u se tfittex feedback dwar kwistjonijiet ewlenin, filwaqt li t-tieni waħda se tipprovdi opportunità lit-tim ta’ studju biex jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni u jivvalida s-sejbiet tal-istudju. L-istediniet għad-diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati se jiġu kondiviżi fuq is-siti web rilevanti, fuq il-media soċjali u, fejn ikunu mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati speċifiċi, permezz tal-posta elettronika. Wara l-evalwazzjoni se jsir rapport fil-qosor, li jiddeskrivi r-riżultati tal-erba’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha. Ir-rapport finali se jinkludi wkoll analiżi fil-fond tar-riżultati. Id-differenzi fil-fehmiet bejn il-partijiet ikkonċernati se jiġu enfasizzati, u r-riżultati tal-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni se jintużaw biex tiġi pprovduta bażi ta’ evidenza komprensiva. |
|
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
|
L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mwettqa għal din l-evalwazzjoni huma maħsuba biex (i) jiġbru evidenza għal analiżi fil-fond tal-prestazzjoni tal-FPR u ta’ kwalunkwe problema identifikata mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali (jiġifieri dawk relatati mas-saħħa tal-bniedem), u (ii) jivvalutaw kif dawn qed jaffettwaw lin-negozji, lill-utenti finali, liċ-ċittadini u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-konsultazzjonijiet huma essenzjali wkoll biex jiġu ddeterminati l-kostijiet u l-benefiċċji tar-Regolament u biex tinftiehem kwalunkwe bidla fl-imġiba tal-operaturi ekonomiċi f’termini tal-għażla tagħhom li jsegwu regoli armonizzati fakultattivi tal-UE skont l-FPR jew ir-regoli nazzjonali għall-prodotti fertilizzanti. |
|
|
Udjenza fil-mira |
|
|
Il-partijiet ikkonċernati ġew identifikati f’diversi setturi, inklużi: ·il-manifatturi, l-importaturi u l-fornituri ta’ prodotti fertilizzanti; ·il-produtturi agrikoli u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija; ·l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-NGOs, ·l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq u tal-Infurzar; ·il-korpi notifikati; ·l-istituti tar-riċerka u l-esperti fin-nutrizzjoni tal-ħamrija u tal-pjanti; kif ukoll ·iċ-ċittadini tal-UE — il-konsumaturi, il-pubbliku ġenerali u l-ġenniena dilettanti li huma fost l-utenti aħħarin tal-prodotti fertilizzanti tal-UE. |
|
|
Ġbir tad-data u metodoloġija |
|
|
L-evalwazzjoni se tkun appoġġata minn studju personalizzat, li se jibbaża fuq tagħrif uffiċjali u evidenza dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti. Se jiġu studjati diversi sorsi, inkluża l-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa r-Regolament (SWD/2016/64/FINAL u SWD/2016/65/FINAL), il-bażijiet tad-data bħall-Eurostat, ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (Kriterji dwar it-tmiem tal-istadju tal-iskart għal skart bijodegradabbli suġġett għal trattament bijoloġiku (kompost u diġestat), Materjali fertilizzanti ġodda magħżula skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti, Prodotti sekondarji u materjali ta’ purità għolja bħala materjali komponenti għall-Prodotti Fertilizzanti tal-UE, Demel ipproċessat bħala materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE) u (iii) dokumenti oħra ta’ politika (bħall-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt). Se jitwettaq rieżami tal-letteratura bħala parti mill-evalwazzjoni. Se tinġabar data addizzjonali permezz tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati msemmija hawn fuq. Se jitwettqu wkoll analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji, analiżi tas-suq u analiżi ekonomika (valutazzjoni ekonometrika biex jiġi iżolat l-impatt tal-FPR fuq il-kummerċ, il-produzzjoni u l-istruttura tas-suq). Meta nagħtu feedback għal din is-sejħa għal evidenza, aħna nħeġġu lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu jew jindikaw kwalunkwe data disponibbli dwar il-kostijiet u l-benefiċċji u dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-potenzjal ta’ simplifikazzjoni tal-FPR. |
|