Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 3b6b2e5c-0d09-11ed-b11c-01aa75ed71a1

Texto consolidado: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2359 tal-21 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

02017R2359 — MT — 02.08.2022 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2359

tal-21 ta' Settembru 2017

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 341 20.12.2017, p. 8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/541 tal-20 ta' Diċembru 2017

  L 90

59

6.4.2018

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1257 tal-21 ta’ April 2021

  L 277

18

2.8.2021




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2359

tal-21 ta' Settembru 2017

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal distribuzzjoni ta' assigurazzjoni b'rabta mal-bejgħ ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni mwettqa minn intermedjarji tal-assigurazzjoni jew minn impriżi tal-assigurazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“persuna rilevanti” b'rabta ma' intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni, tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a) 

direttur, sieħeb jew l-ekwivalenti tiegħu, jew maniġer tal-intermedjarju jew tal-impriża, jekk applikabbli;

(b) 

impjegat tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tal-impriża tal-assigurazzjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u min hu involut fid-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni;

(c) 

persuna fiżika li tkun involuta direttament fil-provvediment ta' servizzi lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni taħt ftehim ta' esternalizzazzjoni għall-fini tad-distribuzzjoni mill-intermedjarju jew impriża ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni;

(2) 

“inċentiv” tfisser kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew kwalunkwe benefiċċju mhux monetarju pprovdut minn jew lil tali intermedjarju jew impriża b'rabta mad-distribuzzjoni ta' prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, lil jew minn kwalunkwe parti ħlief il-klijent involut fit-tranżazzjoni inkwistjoni jew minn persuna li taġixxi għan-nom ta' dak il-klijent;

(3) 

“skema ta' inċentiv” tfisser sett ta' regoli li jirregolaw il-pagament ta' inċentivi, inklużi l-kundizzjonijiet li bihom jitħallsu l-inċentivi;

▼M2

(4) 

“preferenzi ta’ sostenibbiltà” tfisser l-għażla ta’ konsumatur jew ta’ konsumatur potenzjali dwar jekk fl-investiment tiegħu jew tagħha jenħtieġx li jiġi integrat xi wieħed mill-prodotti finanzjarji li ġejjin, u jekk iva, sa liema punt:

(a) 

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li għandu jiġi investit proporzjon minimu f’investimenti ambjentalment sostenibbli kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) 

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li għandu jiġi investit proporzjon minimu f’investimenti sostenibbli kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(c) 

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li jikkunsidra l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà li fihom, l-elementi kwalitattivi jew kwantitattivi li juru li dik il-kunsiderazzjoni jiġu ddeterminati mill-konsumatur jew mill-konsumatur potenzjali;

(5) 

“fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088.

▼B

KAPITOLU II

KUNFLITTI TA' INTERESS U INĊENTIVI

Artikolu 3

Identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess

▼M2

1.  

Għall-finijiet li jiġu identifikati, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2016/97, it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jfeġġu matul it-twettiq ta’ xi attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni relatati mal-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni u li jinvolvu riskju ta’ ħsara għall-interessi ta’ konsumatur, inkluż il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jivvalutaw jekk dawn, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll, ikollhomx interess fl-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a) 

ikun distint mill-interess tal-konsumaturi jew tal-konsumaturi potenzjali fl-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(b) 

ikollu l-potenzjal li jinfluwenza l-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni għad-detriment tal-konsumatur.

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jipproċedu bl-istess mod għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess bejn konsumatur u ieħor.

▼B

2.  

Għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta' kriterji minimi, is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll x'aktarx jagħmlu gwadann finanzjarju, jew jevitaw telf finanzjarju, għad-dannu ta' klijent potenzjali;

(b) 

l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom għandhom inċentiv finanzjarju jew inċentiv ieħor biex jiffavorixxu l-interess ta' klijent jew grupp ta' klijent ieħor għad-dannu tal-interess tal-klijent;

(c) 

l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew persuna direttament jew indirettament marbuta permezz ta' kontroll ma' intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni hija sostanzjalment involuta fil-ġestjoni jew l-iżvilupp ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, b'mod partikolari fejn tali persuna għandha influwenza fuq l-iffissar tal-prezz ta' dawn il-prodotti jew spejjeż ta' distribuzzjoni.

Artikolu 4

Kunflitti ta' politika ta' interess

1.  
Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom ikunu mistennija jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika effettiva ta' kunflitti ta' interess stabbilita bil-miktub u addattata għad-daqs u għall-organizzazzjoni u n-natura tagħhom, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom.

Jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni tkun membru ta' grupp, il-politika għandha tqis ukoll kull ċirkostanza li tagħha l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni hi jew għandha tkun konxja minnha, li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interess li jinħoloq b'riżultat tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta' membri oħrajn fil-grupp.

2.  

Il-politika tal-kunflitti ta' interess stabbilita skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kontenut li ġej:

(a) 

b'referenza speċifika għall-attivitajiet ta' distribuzzjoni ta' assigurazzjoni mwettqa, iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interess li fih riskju ta' ħsara għall-interessi ta' klijent wieħed jew aktar;

(b) 

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu ġestiti tali kunflitti u jinżammu milli ssir ħsara għall-interessi tal-klijent.

Artikolu 5

Il-proċeduri u l-miżuri skont il-kunflitti tal-politika ta' interess

1.  
Il-proċeduri u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) għandhom ikunu xierqa għad-daqs u l-attivitajiet tal-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u tal-grupp li huma jistgħu jagħmlu parti minnu, u għar-riskju ta' ħsara għall-interessi tal-klijent.

Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 4(2)(b) għandhom jinkludu, fejn xieraq, dan li ġej:

(a) 

proċeduri effettivi biex jipprevjenu jew jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn persuni rilevanti involuti f'attivitajiet li jinvolvu riskju ta' kunflitt ta' interessi meta l-iskambju ta' dik l-informazzjoni jista' jkun ta' ħsara għall-interessi ta' klijent wieħed jew iżjed;

(b) 

is-superviżjoni separata ta' persuni rilevanti li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom ikunu jinvolvu t-twettiq ta' attivitajiet f'isem ta', jew li jipprovdu servizzi, lil klijenti jew investituri li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu konfliġġenti, jew li b'xi mod ieħor ikunu jirrappreżentaw interessi differenti li jistgħu jkunu konfliġġenti, inklużi dawk tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni;

(c) 

it-tneħħija ta' kull rabta diretta bejn il-pagamenti, inkluża r-rimunerazzjoni ta' persuni rilevanti involuti prinċipalment f'attività waħda u pagamenti, inkluża r-rimunerazzjoni, lil persuni rilevanti differenti involuti prinċipalment f'attività oħra, fejn jista' jinħoloq kunflitt ta' interess marbut ma' dawk l-attivitajiet;

(d) 

miżuri biex jipprevjenu jew jillimitaw lil kwalunkwe persuna milli teżerċita influwenza mhux xierqa fuq il-mod ta' kif attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni huma mwettqa minn intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni jew il-maniġers tagħhom jew l-impjegati jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll;

(e) 

miżuri ta' prevenzjoni jew kontroll tal-involviment simultanju jew sekwenzjali ta' persuna rilevanti f'attivitajiet separati ta' distribuzzjoni ta' assigurazzjoni fejn dan l-involviment jista' jdgħajjef l-immaniġġar tajjeb tal-kunflitti ta' interess;

(f) 

politika ta' rigali u benefiċċji li tiddetermina b'mod ċar taħt liema kundizzjonijiet rigali u benefiċċji jistgħu jiġu aċċettati jew mogħtija u liema passi għandhom jittieħdu fl-aċċettazzjoni u l-għoti ta' rigali u benefiċċji.

2.  
Jekk l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu juru li l-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux xierqa biex jiġi żgurat li attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni huma mwettqa skont l-aħjar interess tal-klijent u li ma jkunux ippreġudikati minħabba kunflitti ta' interessi tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew klijent ieħor, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jadottaw miżuri alternattivi adegwati u proċeduri għal dak l-għan.

Artikolu 6

Divulgazzjoni

1.  
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jevitaw dipendenza żejda fuq divulgazzjoni biex jiżguraw li d-divulgazzjoni lil klijenti, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, hi l-aħħar miżura li tista' tintuża biss fejn l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effettivi stabbiliti mill-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni biex jevitaw jew jimmaniġġaw kunflitti ta' interess skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97 ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b'kunfidenza raġonevoli, li r-riskju ta' danni għall-interessi tal-klijenti se jiġi evitat.
2.  

Għall-finijiet ta' divulgazzjoni tal-kunflitti ta' interess l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a) 

jipprovdu deskrizzjoni speċifika tal-kunflitt ta' interessi inkwistjoni;

(b) 

jispjegaw in-natura ġenerali u s-sorsi tal-kunflitt ta' interess;

(c) 

jispjegaw ir-riskji għall-konsumaturi li jirriżultaw bħala riżultat tal-kunflitt ta' interess u l-passi meħuda biex jimmitigaw dawk ir-riskji;

(d) 

jiddikjaraw b'mod ċar li l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi stabbiliti mill-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew mill-impriża tal-assigurazzjoni biex jevitaw jew jimmaniġġaw il-kunflitt ta' interess mhumiex suffiċjenti biex jiġi żgurat, b'fiduċja raġonevoli, li r-riskji tal-ħsara għall-interessi tal-klijent se jiġu evitati.

Artikolu 7

Reviżjoni u żamma ta' rekords

1.  
Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jivvalutaw u jirrevedu perjodikament, tal-anqas fuq bażi annwali, il-politika dwar il-kunflitti ta' interess stabbilita skont l-Artikolu 4 u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas.
2.  
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iżommu u jaġġornaw b'mod regolari rekord tas-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm kunflitt ta' interess li fih riskju ta' ħsara għall-interessi ta' klijent li jkun inqala', fil-każ ta' servizz jew attività li tkun għaddejja.

Il-maniġment superjuri, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jirċievu fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, rapporti bil-kitba dwar is-sitwazzjonijiet riferiti fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-inċentivi u l-iskemi ta' inċentivi

1.  
Inċentivi jew skema ta' inċentivi għandha titqies li jkollha impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent meta tkun ta' tali natura u daqs li tipprovdi inċentiv biex jitwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni b'tali mod li ma jkunux f'konformità mal-obbligu li jaġixxu b'mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijent.
2.  
Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi għandha impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iwettqu analiżi globali billi jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jżidu jew inaqqsu r-riskju ta' impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent, u kwalunkwe miżuri organizzazzjonali meħuda mill-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni li qed iwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni li jipprevjenu r-riskju ta' impatt detrimentali.

B'mod partikolari, huma għandhom jikkunsidraw il-kriterji li ġejjin:

(a) 

jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi tista' tipprovdi inċentiv sabiex l-intermedjarju jew impriża tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu joffru jew jirrakkomandaw prodott tal-assigurazzjoni partikolari jew servizz partikolari lill-klijent, minkejja l-fatt li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu joffru prodott tal-assigurazzjoni differenti jew servizz li jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tal-klijent;

(b) 

jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi tkun kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq kriterji kwantitattivi kummerċjali jew jekk dan iqis xieraq kriterji kwalitattivi, li tirrifletti l-konformità mar-regolamenti applikabbli, il-kwalità tas-servizzi provduti lill-klijenti u s-sodisfazzjon tal-konsumatur;

(c) 

il-valur tal-inċentiv imħallas jew riċevut f'relazzjoni mal-valur tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti;

(d) 

kemm jekk l-inċentiv huwa totalment jew prinċipalment imħallas fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta' assigurazzjoni jew jestendi matul it-terminu sħiħ ta' dak il-kuntratt;

(e) 

l-eżistenza ta' mekkaniżmu xieraq għar-riklamazzjoni ta' inċentiv f'każ li l-prodott jiskadi jew jiġi rtirat fi stadju bikri jew f'każ li l-interessi tal-klijent jkunu ġarrbu ħsara;

(f) 

l-eżistenza ta' kwalunkwe forma ta' limitu varjabbli jew kontinġenti jew kwalunkwe tip ieħor ta' valur tal-aċċelleratur li hu miftuħ billi jilħaq mira bbażata fuq il-volum jew il-valur tal-bejgħ.

KAPITOLU III

VALUTAZZJONI TAL-IDONEITÀ U L-ADEGWATEZZA

TAQSIMA 1

Valutazzjoni tal-idoneità

Artikolu 9

Informazzjoni li għandha tinkiseb għall-għanijiet tal-valutazzjoni tal-idoneità

1.  
Bl-iskop li jiġi pprovdut parir dwar prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni għandu jiddeterminaw il-firxa tal-informazzjoni li trid tinġabar mingħand il-klijent jew klijent potenzjali fid-dawl tal-karatteristiċi kollha li l-parir jingħata lill-klijent jew klijent potenzjali.
2.  

Mingħajr preġudizzju għall-fatt li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, kwalunkwe kuntratt propost għandu jkun konsistenti mad-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent, intermedjarji jew impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiksbu mingħand il-klijenti jew klijenti potenzjali dik l-informazzjoni li tkun meħtieġa għalihom biex jifhmu l-fatti essenzjali dwar klijent jew klijent potenzjali u li jkollhom bażi raġonevoli biex jiġi ddeterminat li rakkomandazzjonijiet personali lill-klijent jew klijent potenzjali jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

▼M2

(a) 

jissodisfa l-objettivi tal-investiment tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali inkwistjoni, inkluż it-tolleranza għar-riskju ta’ dik il-persuna u kull preferenza ta’ sostenibbiltà;

▼B

(b) 

jissodisfaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali, inkluża l-abbiltà ta' dik il-persuna li ġġarrab telf;

(c) 

huwa tali li l-klijent jew il-klijenti potenzjali għandhom l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam ta' investiment rilevanti għat-tip speċifiku ta' prodott jew servizz.

3.  
L-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali, inkluż il-kapaċità ta' dik il-persuna li ġġarrab telf, għandha tinkludi, meta rilevanti, l-informazzjoni dwar is-sors u l-limitu tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali ta' dħul regolari, tal-assi, inklużi assi likwidi, l-investimenti u l-beni immobbli, u l-impenji finanzjarji regolari. Il-livell ta' informazzjoni miġbura għandha tkunu xierqa għat-tip speċifiku ta' prodott jew servizz li qed jiġi kkunsidrat.

▼M2

4.  
L-informazzjoni rigward l-objettivi tal-investiment tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali għandha tinkludi, meta rilevanti, informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien li l-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jixtieq iżomm l-investiment, il-preferenzi tiegħu jew tagħha rigward it-teħid tar-riskju, il-profil tar-riskju, l-iskopijiet tal-investiment u apparti minn hekk, il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha. Il-livell ta’ informazzjoni miġbura għandu jkun xieraq għat-tip speċifiku ta’ prodott jew servizz li qed jiġi kkunsidrat.

▼B

5.  
Jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma tiksibx l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jagħtu parir dwar prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni lill-klijent jew klijent potenzjali.

▼M2

6.  
Meta jiġi pprovdut parir dwar prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni f’konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jagħmlu rakkomandazzjoni f’każijiet li fihom l-ebda prodott ma jkun xieraq għall-konsumatur jew għall-konsumatur potenzjali.

Intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jirrakkomandaw prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni bħala li jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà ta’ konsumatur jew konsumatur potenzjali fil-każijiet li fihom dawk il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jissodisfawx dawk il-preferenzi. L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jispjegaw lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali r-raġunijiet għaliex ma għamlux dan u jżommu rekord ta’ dawk ir-raġunijiet.

Fil-każijiet li fihom l-ebda prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jissodisfa l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali, u l-konsumatur jiddeċiedi li jadatta l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom iżommu rekord tad-deċiżjoni tal-konsumatur, inklużi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni

▼B

7.  
Meta jagħtu l-parir li jinvolvi bdil bejn l-assi ta' investiment sottostanti, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom ukoll jiġbru l-informazzjoni meħtieġa dwar l-assi ta' investiment sottostanti eżistenti tal-klijent u l-assi ta' investiment ġodda rrakkomandati u għandhom iwettqu analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji mistennija tal-bidla, b'tali mod li jkunu raġonevolment kapaċi li juru li l-benefiċċji tal-bdil huma mistennija jkunu akbar mill-kostijiet.

Artikolu 10

Kredibilità tal-informazzjoni

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni miġbura dwar il-klijenti u l-klijenti potenzjali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-idoneità hija kredibbli. Tali passi għandhom jinkludu, imma mhumiex limitati għal, dan li ġej:

(a) 

l-iżgurar li l-klijenti huma konxji tal-importanza li jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata;

(b) 

l-iżgurar li l-għodod kollha, bħall-għodod tal-profili tal-valutazzjoni tar-riskju jew għodod li jivvalutaw l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent, imħaddma fil-proċess tal-valutazzjoni ta' idoneità huma adatti għall-iskop tagħhom u huma mfassla b'mod xieraq għall-użu mal-klijenti tagħhom, bi kwalunkwe limitu identifikat u mitigat b'mod attiv permezz tal-proċess tal-valutazzjoni ta' idoneità;

(c) 

l-iżgurar li l-mistoqsijiet użati fil-proċess huma probabbli li jinftiehmu mill-konsumaturi u sabiex jinqabad rifless preċiż tal-objettivi u l-ħtiġijiet tal-klijent u l-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq valutazzjoni tal-idoneità;

(d) 

it-teħid ta' passi, kif xieraq, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni tal-klijent, bħall-ikkunsidrar ta' jekk hemmx ineżattezzi ovvji fl-informazzjoni pprovduta mill-klijent.

Artikolu 11

Komunikazzjoni mal-klijenti rigward il-valutazzjoni tal-idoneità

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni ma għandhom joħolqu l-ebda ambigwità jew konfużjoni dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-proċess li jivvalutaw l-idoneità ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jinfurmaw lill-klijenti, b'mod ċar u sempliċi, li r-raġuni għall-valutazzjoni tal-idoneità huwa li jippermettulhom li jaġixxu fl-aqwa interess tal-klijent.

Artikolu 12

Parir awtomizzat

Ir-responsabbiltà tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni tal-awditur biex iwettqu valutazzjoni tal-idoneità skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 ma għandhiex tonqos minħabba li parir dwar prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jingħata b'mod sħiħ jew parzjalment permezz ta' sistema semiawtomatizzata jew awtomatizzata.

Artikolu 13

Assigurazzjoni ta' grupp

Fir-rigward ta' grupp ta' assigurazzjoni, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika dwar min għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-idoneità f'każ li jiġi konkluż kuntratt tal-assigurazzjoni f'isem grupp ta' membri u kull membru individwali ma jistax jieħu deċiżjoni individwali biex jidħol fih. Tali politika għandha tinkludi wkoll regoli dwar kif din il-valutazzjoni se ssir fil-prattika, inkluża kif se tinġabar informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenza, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-objettivi ta' investiment.

L-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jirreġistraw il-politika stabbilita skont l-ewwel paragrafu.

Artikolu 14

Stqarrija ta' idoneità

1.  

Jekk jiġi pprovdut parir dwar l-idoneità ta' prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu dikjarazzjoni lill-klijent (dikjarazzjoni ta' idoneità) li tinkludi dan li ġej:

(a) 

deskrizzjoni tal-parir mogħti;

(b) 

informazzjoni dwar kif ir-rakkomandazzjoni provduta hi adatta għall-klijent, b'mod partikolari dwar kif tista' tissodisfa:

▼M2

(i) 

l-objettivi ta’ investiment tal-konsumatur, inkluża t-tolleranza tar-riskju ta’ dik il-persuna, u jekk l-objettivi ta’ investiment tal-konsumatur jinkisbux billi jitqiesu l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha;

▼B

(ii) 

is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijenti, inkluża l-abbiltà ta' dik il-persuna li ġġarrab telf;

(iii) 

L-għarfien u l-esperjenza tal-klijenti.

2.  
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti, u għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni dwar l-idoneità, l-informazzjoni dwar jekk prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni rakkomandati hux probabbli li twassal lill-klijent biex jiġi mitlub ifittex rieżami perjodiku tal-arranġamenti tagħhom.
3.  
Jekk intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni jkunu infurmaw lill-klijent li se jwettqu valutazzjoni perjodika dwar l-idoneità, id-dikjarazzjonijiet sussegwenti wara li l-ewwel servizz ikun stabbilit jistgħu jkunu limitati għal bidliet f'servizzi jew assi ta' investiment sottostanti, u/jew iċ-ċirkostanzi tal-klijent, mingħajr ma jiġu ripetuti d-dettalji kollha li jinsabu fl-ewwel dikjarazzjoni.
4.  
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu valutazzjoni perjodika dwar l-idoneità għandhom jirrevedu, f'konformità mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom, l-adegwatezza ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni rakkomandati mill-inqas kull sena. Il-frekwenza ta' din il-valutazzjoni għandha tiżdied skont il-karatteristiċi tal-klijent, bħalma huma t-tolleranza tar-riskju, u n-natura tal-prodott ta' investiment rakkomandat ibbażat fuq l-assigurazzjoni.

▼M2

Ir-rekwiżiti biex jiġu ssodisfati l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi jew tal-konsumaturi potenzjali, fejn rilevanti, ma għandhomx ibiddlu l-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu.

▼B

TAQSIMA 2

Valutazzjoni tal-adegwatezza

Artikolu 15

Proċedura ta' valutazzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-fatt li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, kwalunkwe kuntratt propost għandu jkun konsistenti mad-domandi u l-bżonnijiet tal-klijent, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiddeterminaw jekk il-klijent ikollu l-għarfien u l-esperjenza neċessarji biex jifhem ir-riskji involuti fir-rigward tal-prodott jew tas-servizz propost jew mitlub meta jivvalutaw jekk servizz jew prodott tal-assigurazzjoni mqassam skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97 huwiex xieraq għall-klijent.

Artikolu 16

prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni mhux kumplessi

Prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux kumpless għall-finijiet tal-Artikolu 30(3)(a)(ii) tad-Direttiva (UE) 2016/97, fejn dan jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) 

huwa jinkludi valur ta' maturità minimu garantit kuntrattwalment li tal-inqas hu l-ammont imħallas mill-konsumatur wara t-tnaqqis ta' spejjeż leġittimi;

(b) 

ma għandux ikun fih klawżola, kundizzjoni jew jikkawża b'tali mod li tħalli l-impriża ta' assigurazzjoni li materjalment tbiddel in-natura, il-profil tar-riskju, jew il-pagament tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(c) 

jipprovdi opzjonijiet għal tisrif jew b'xi mod ieħor jirrealizza l-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni għal valur li jkun disponibbli għall-klijent;

(d) 

li ma jinkludu l-ebda ħlasijiet espliċiti jew impliċiti li għandhom l-effett li, għalkemm teknikament hemm għażliet għal tisrif jew xort'oħra ta' realizzar tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, dan jista' jikkawża ħsara irraġonevoli għall-klijent billi l-ħlasijiet jkunu sproporzjonati għall-ispiża lill-impriża tal-assigurazzjoni;

(e) 

bl-ebda mod ieħor ma jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-konsumatur li jifhem ir-riskji involuti.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet komuni għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza

Artikolu 17

Informazzjoni li għandha tinkiseb mill-klijent

1.  

Għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-informazzjoni meħtieġa għandha tinkiseb permezz ta' intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi ta' assigurazzjoni fir-rigward il-klijenti jew l-għarfien u l-esperjenza rilevanti ta' klijenti potenzjali fil-qasam tal-investiment għandha tinkludi, fejn ikun relevanti, dan li ġej, sa fejn addattat għan-natura tal-klijent, u n-natura u t-tip ta' prodott jew servizz offrut jew mitlub, inklużi l-kumplessità tagħhom u r-riskji involuti:

(a) 

it-tipi ta' servizz, it-tranżazzjoni, il-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jew strument finanzjarju li magħhom il-klijent jew klijent potenzjali huwa familjari;

(b) 

in-natura, in-numru, il-valur u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet tal-klijenti jew ta' klijenti potenzjali fi prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jew strumenti finanzjarji u l-perjodu li tulu twettqu;

(c) 

il-livell ta' edukazzjoni, u l-professjoni jew il-professjoni rilevanti preċedenti tal-klijent jew tal-klijent potenzjali.

2.  
L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jiskoraġġixxu lil klijent jew klijent potenzjali milli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97.
3.  
Meta l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) jew (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97 diġà ġiet miksuba skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni ma għandhomx jitolbuha mill-ġdid mingħand il-klijent.
4.  
L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom ikunu intitolati li jiddependu fuq l-informazzjoni pprovduta mill-klijenti jew mill-klijenti potenzjali sakemm ma jkunux konxji jew imisshom ikunu konxji li l-informazzjoni hija mingħajr dubju skaduta, ineżatta jew mhux kompluta.

Artikolu 18

Rapport perjodiku

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 185 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-klijent b'rapport perjodiku, fuq mezz li jservi għal żmien twil, tas-servizzi pprovduti u tat-tranżazzjonijiet imwettqa f'isem il-klijent.
2.  
Ir-rapport perjodiku meħtieġ skont il-paragrafu 1 għandu jipprovdi analiżi ġusta u bilanċjata tas-servizzi pprovduti lil u tranżazzjonijiet imwettqa f'isem dak il-klijent matul il-perjodu tar-rapportar u għandu jinkludi, jekk rilevanti, l-ispejjeż totali assoċjati ma' dawn is-servizzi u t-tranżazzjonijiet, u l-valur ta' kull assi ta' investiment sottostanti.
3.  
Ir-rapport perjodiku meħtieġ skont il-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut mill-inqas kull sena.

Artikolu 19

Żamma ta' rekords

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iżommu rekords għall-valutazzjoni tal-idoneità jew tal-adegwatezza mwettqa f'konformità mal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97. Ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni miksuba mill-konsumatur u kwalunkwe dokumenti miftiehma mal-klijent, inklużi dokumenti li jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet, kif ukoll kundizzjonijiet oħra li skonthom l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni se jipprovdu servizzi lill-klijent. Tali rekords għandhom jinżammu għal mill-anqas għat-tul tar-relazzjoni bejn l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u l-klijent.
2.  

Fil-każ ta' valutazzjoni ta' idoneità meħuda skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, ir-rekord għandu jinkludi wkoll dawn li ġejjin:

(a) 

ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-idoneità;

(b) 

ir-rakkomandazzjoni mogħtija lill-klijent u d-dikjarazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament;

(c) 

kwalunkwe bidliet li jsiru mill-intermedjarju ta' assigurazzjoni jew l-impriża ta' assigurazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-idoneità, b'mod partikolari kwalunkwe bidla għat-tolleranza tar-riskju tal-klijent;

(d) 

kwalunkwe bidla fl-assi sottostanti ta' investiment.

3.  

Fil-każ ta' valutazzjoni ta' idoneità meħuda skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, ir-rekord għandu jinkludi wkoll dawn li ġejjin:

(a) 

ir-riżultat ta' valutazzjoni tal-adegwatezza;

(b) 

kwalunkwe twissija mogħtija lill-klijent fejn il-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni ġie vvalutat bħala potenzjalment mhux xieraq għall-klijent, jekk il-klijent talab biex jipproċedi biex jikkonkludi l-kuntratt minkejja t-twissija u, jekk applikabbli, jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni aċċettaw it-talba tal-klijent biex jipproċedu bil-konklużjoni tal-kuntratt;

(c) 

kwalunkwe twissija mogħtija lill-klijent fejn il-klijent ma pprovdix informazzjoni suffiċjenti biex jippermetti lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq assigurazzjoni, kemm jekk il-klijent talab biex jipproċedi bil-konklużjoni tal-kuntratt minkejja t-twissija u, jekk applikabbli, jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni aċċettaw it-talba tal-klijent biex jipproċedu bil-konklużjoni tal-kuntratt.

4.  
Ir-rekords għandhom jibqgħu jinżammu f'mezz li jippermetti l-ħażna tal-informazzjoni b'mod aċċessibbli għal referenza fil-futur mill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha tkun tista' taċċessahom malajr, biex tirrikostitwixxi kull element b'mod ċar u preċiż u biex tidentifika faċilment kull tibdil, korrezzjoni jew emendi oħra, u l-kontenut tar-rekords qabel tali modifiki.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1

Huwa għandu japplika mid-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

( 3 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassikurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

Arriba