Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2021-04774-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Fond Soċjali għall-Klima

EESC-2021-04774-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Fond Soċjali għall-Klima

_____________

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima
[
COM(2021) 568 final – 2021/0206 (COD)]

Relatur: Thomas KATTNIG

Korelatur: Alena MASTANTUONO

MT

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13/09/2021

Kunsill, 20/09/2021

Bażi legali

Artikoli 91(1)(d), 192(1) u 194(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

09/11/2021

Adottata fil-plenarja

9/12/2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

194/3/9

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa' l-istabbiliment ta' Fond Soċjali għall-Klima sabiex jittaffew l-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi tal-ipprezzar il-ġdid tal-karbonju u sabiex jiġu pprovduti fondi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-impatt soċjali ta' dan l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li b'dan ir-Regolament il-Kummissjoni turi b'mod kredibbli r-rieda tagħha li tiġġieled il-faqar enerġetiku u tal-mobilità.

1.2Madankollu, il-KESE jinsab konvint li l-Fond Soċjali għall-Klima mhux se jipprovdi biżżejjed appoġġ finanzjarju biex jiġu ffaċċjati b'mod responsabbli l-effetti soċjoekonomiċi tal-ipprezzar tal-karbonju. L-isfida enormi tat-tfassil ta' mekkaniżmu ta' kumpens effettiv u ġust f'żona ekonomika eteroġena li tinkludi 27 Stat Membru teħtieġ miżuri ta' akkumpanjament u riżorsi aktar estensivi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw is-sinerġiji tal-Fond Soċjali għall-Klima ma' riżorsi finanzjarji disponibbli oħrajn u biex jużawh bl-aktar mod effiċjenti.

1.3Il-miżuri u l-passi ta' trasformazzjoni previsti mill-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" se jwasslu għal bidliet massivi u ma għandhomx jinsew is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-Istati Membri individwali. Inkella, l-aċċettazzjoni mis-soċjetà ta' dawn il-miżuri tkun ipperikolata. Fil-livell tal-Istati Membri, il-miżuri li jakkumpanjaw il-pakkett diġà għandhom jiġu diskussi u implimentati fl-immedjat. Sabiex tinkiseb trasformazzjoni ekoloġika ġusta, l-enfasi hawnhekk għandha tkun fuq tranżizzjoni ġusta għal kulħadd.

1.4Il-KESE jemmen li l-għan ta' pprezzar ogħla tal-karbonju fi kwalunkwe każ mhuwiex li jżid id-dħul, iżda li jidderieġi l-imġiba tas-suq lejn teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi. Għalhekk, hemm argument qawwi biex il-Kummissjoni tipprovdi riżorsi finanzjarji addizzjonali. Barra minn hekk, il-limitu ta' żmien tal-2032 ma jidhirx konklużiv.

1.5Uħud mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-impjegati, kienu xettiċi u saħansitra negattivi dwar l-estensjoni tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq, u jsemmu l-impatt soċjali u ekonomiku mistenni ta’ żieda fil-prezzijiet tat-tisħin u tal-fjuwil fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u l-utenti tat-trasport. Il-periklu li l-popolazzjoni ma tiġix inkluża fil-politika Ewropea dwar it-tibdil fil-klima u li jfaqqgħu aktar protesti mifruxa, bħall-protesti "tal-ġkieket sofor", għandu jiġi evitat akkost ta' kollox. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjani tagħha bir-reqqa.

1.6Il-KESE jesprimi dispjaċir li l-Kummissjoni ma analizzatx l-impatt tal-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" fuq Stati Membri individwali, u lanqas fuq setturi differenti. Huwa tal-fehma li kien ikun xieraq li titwettaq valutazzjoni tal-impatt speċifika tal-ħolqien tal-Fond Soċjali għall-Klima.

1.7Il-KESE jilqa' l-obbligu tal-Istati Membri li jippreżentaw pakkett komprensiv ta' miżuri u investimenti bħala l-Pjan Soċjali għall-Klima tagħhom flimkien mal-verżjoni aġġornata tal-Pjan Nazzjonali tagħhom għall-Enerġija u l-Klima skont ir-Regolament dwar il-Governanza. Il-KESE jappella għall-involviment tal-imsieħba soċjali, il-kmamar tal-kummerċ, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-Pjani Soċjali għall-Klima nazzjonali mill-Istati Membri.

1.8Il-KESE jinsab imħasseb li l-ispejjeż ta' sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport jisbqu l-benefiċċji mixtieqa u jistgħu jwasslu għal żidiet qawwija fil-prezzijiet mingħajr kontroll u li għalhekk jheddu l-eżistenza. Għalhekk, il-KESE huwa ġeneralment kritiku għall-fatt li l-Fond Soċjali għall-Klima huwa marbut mal-introduzzjoni ta' ETS għall-bini u t-trasport, u jkun favur intestatura speċifika fil-baġit tal-UE ddedikata għall-impatt soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika. Minflok, fil-prinċipju għandha tiġi segwita l-introduzzjoni ta' Fond Soċjali għall-Klima fil-livell tal-UE.

1.9Il-KESE jinnota li l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-Fond għandu jiġi żgurat u l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess assoċjati mal-miżuri appoġġjati mill-fond għandhom jiġu evitati.

1.10F’termini tal-istat tad-dritt, huwa jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għal sistema ta' kontroll intern effettiva u effiċjenti u t-tħabbira biex jinġabru ammonti mħallsa li ma kinux dovuti, jew użati ħażin. Barra minn hekk, il-KESE jistaqsi wkoll jekk il-proċedura tal-UE għat-tnaqqis tal-fondi tal-UE meta l-Istati Membri jiksru l-istat tad-dritt tapplikax għall-iżborż tal-fondi.

1.11Il-KESE jitlob aktar kjarifika dwar il-finanzjament tal-Fond. Il-proposta tipprevedi li l-finanzjament se jkun ibbażat fuq suq volatili tal-EU ETS. Għalhekk, il-KESE ma jifhimx għaliex qed jiġi propost ammont fiss ta' EUR 72,2 biljun. Il-volatilità fil-prezzijiet se tiddetermina l-baġit tal-Fond. Dan jenfasizza, fost l-oħrajn, il-ħtieġa għal finanzjament aktar stabbli. Il-KESE jipproponi li tiġi introdotta flessibbiltà finanzjarja parzjali fil-Fond skont l-iżvilupp attwali tal-prezzijiet tal-kwoti (li fihom l-allokazzjoni tista' tiżdied flimkien mal-prezz li jkun qed jogħla).

1.12Meta jitqies it-tqassim tal-Fond fost l-Istati Membri, il-KESE jenfasizza li l-ipprezzar tal-karbonju jista' jkollu impatt differenti fuq l-Istati Membri individwali u jista' jkun ukoll kontradittorju fir-rigward ta' miżuri nazzjonali diġà fis-seħħ, kif enfasizzat mill-Parlament Irlandiż fl-opinjoni motivata tiegħu dwar is-sussidjarjetà.

1.13Il-KESE jilqa' l-approċċ li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, l-integrazzjoni ta' dawn l-objettivi, kif ukoll kwistjonijiet ta' aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità jiġu segwiti u promossi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. L-ipprezzar ippjanat tal-karbonju jaffettwa b'mod partikolari lin-nisa, peress li dawn jirrappreżentaw 85 % tal-ġenituri waħedhom. F'familji b'ġenitur waħdu, ir-riskju ta' faqar fost it-tfal huwa partikolarment għoli.

1.14Il-KESE jaf tajjeb ħafna li l-Fond Soċjali għall-Klima jirrappreżenta reazzjoni fuq perjodu medju għall-problema tal-kumpens tal-ispejjeż ogħla tat-tranżizzjoni ekoloġika għall-entitajiet vulnerabbli. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali fl-iżvilupp tal-prezzijiet tal-enerġija teħtieġ soluzzjoni immedjata. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li tipprovdi lill-Istati Membri b’“sett ta' għodod” biex jiġi indirizzat l-impatt immedjat taż-żieda attwali fil-prezzijiet bl-ingrossa għall-gass naturali u l-elettriku u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għal xokkijiet futuri fil-prezzijiet. Il-miżuri nazzjonali fuq medda qasira ta’ żmien jinkludu appoġġ ta’ emerġenza għad-dħul tal-unitajiet domestiċi, għajnuna lin-negozji u tnaqqis immirat fit-taxxi. Sabiex l-għajnuna tiġi allinjata mas-sett ta’ għodod, il-KESE jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima jiġi estiż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju vulnerabbli. Din ir-reazzjoni hija kompatibbli mal-missjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima u tirrispetta r-regoli rilevanti tal-UE.

1.15Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp u l-forniment ta' servizzi ta' mobilità u trasport affordabbli b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet. Il-KESE jqis il-provvista ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, fil-limiti tal-possibbiltajiet legali, bħala s-sinsla ta' mobilità sostenibbli u affordabbli.

2.Sommarju tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1Abbażi tal-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Settembru 2020, il-Kummissjoni talbet “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 1 ”, ipproponiet li l-miri klimatiċi tal-Unjoni Ewropea jsiru aktar ambizzjużi u ppreżentat pjan biex il-mira vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tiżdied għal mill-anqas 55 % sal-2030. Fil-11 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill Ewropew approva din il-mira, filwaqt li enfasizza l-importanza li jitqiesu aspetti ta' ġustizzja u solidarjetà u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, u fil-25 ta' Mejju 2021 afferma mill-ġdid dawn il-konklużjonijiet u talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq il-pakkett leġiżlattiv tagħha flimkien ma' eżami fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-livell tal-Istati Membri.

2.2Sabiex timplimenta l-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, fl-14 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" li jirrevedi xi biċċiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija li bħalissa tinsab fis-seħħ u tipproponi inizjattivi ġodda. Il-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %", NextGenerationEU u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027 se jgħinu biex titwassal it-trasformazzjoni doppja – ekoloġika u diġitali – li l-Ewropa qed tistinka għaliha.

2.3Skont il-Kummissjoni, il-mira klimatika aktar ambizzjuża tal-Unjoni Ewropea tfisser ukoll li l-kontribuzzjonijiet mis-setturi kollha għandhom jiżdiedu. Fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE 2 ("id-Direttiva dwar l-ETS"), huwa għalhekk propost skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u għat-trasport bit-triq. Sabiex jiġu indirizzati l-impatti soċjali u distribuzzjonali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għaż-żewġ setturi ġodda, il-bini u t-trasport bit-triq, fuq dawk l-aktar vulnerabbli mil-lat finanzjarju, il-Kummissjoni pproponiet bħala parti mill-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" ir-regolament li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima.

2.4Fil-perjodu mill-2025 sal-2032, il-Fond Soċjali għall-Klima huwa maħsub biex itaffi l-impatt tal-ipprezzar il-ġdid tal-karbonju u biex jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri sabiex jappoġġja l-miżuri tagħhom ħalli jindirizzaw l-impatt soċjali ta' dan l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament vulnerabbli, il-mikrointrapriżi u l-utenti tat-trasport.

2.5L-appoġġ għandu jiġi pprovdut primarjament permezz ta' appoġġ temporanju fuq id-dħul, kif ukoll miżuri u investimenti sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bini, dekarbonizzazzjoni akbar tat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, kif ukoll billi tiġi integrata l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u billi jittejjeb l-aċċess għal mobilità b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet, u għal mezzi korrispondenti tat-trasport. Mill-anqas 50 % tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-miżuri mitluba għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri nfushom.

2.6Il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) jistabbilixxu kif l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw l-effiċjenza enerġetika, l-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u kif diġà qed jittrattaw il-faqar enerġetiku fil-leġiżlazzjoni attwali. Il-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress bħala parti mir-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. L-Istati Membri għandhom jipproponu pakkett komprensiv ta' miżuri u investimenti li se jiġu ffinanzjati mill-Fond u jissottomettuh bħala l-Pjan Soċjali għall-Klima tagħhom, flimkien mal-verżjoni aġġornata tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza.

2.7L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni fir-rapporti ta' progress biennali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri u l-investimenti fi ħdan il-Pjani Soċjali għall-Klima tagħhom.

2.8L-implimentazzjoni tal-Fond permezz tal-Pjani Soċjali għall-Klima tal-Istati Membri hija konsistenti wkoll mal-politiki u l-miżuri appoġġjati minn strumenti oħra tal-UE għall-promozzjoni ta' tranżizzjoni soċjalment ġusta. Dawn jinkludu l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 , li l-għan tiegħu huwa trasformazzjoni soċjalment kompatibbli u ekoloġika ġusta għall-Ewropej kollha, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-pjani ta' tranżizzjoni ġusta skont ir-Regolament (UE) 2021/1056, l-istrateġiji fit-tul tal-Istati Membri għar-rinnovazzjoni tal-bini skont id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , u l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku, li jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu u jimmonitorjaw il-faqar enerġetiku kif ukoll taħlitiet ta' politiki relatati f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku 5 .

2.9Il-maġġoranza tad-dħul mill-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet il-ġdid se jmur għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri u għandu, skont l-idea tal-Kummissjoni, jintuża għal skopijiet relatati mal-klima, bħall-indirizzar tal-impatt soċjali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet il-ġdid. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw dan id-dħul, kif ukoll fondi addizzjonali minn programmi oħra tal-Unjoni Ewropea, għal miżuri li jappoġġjaw id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi soċjalment kompatibbli.

2.10L-allokazzjoni finanzjarja totali tal-Fond għall-perjodu 2025-32 tammonta għal EUR 72,2 biljun bil-prezzijiet attwali. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta għal reviżjoni mmirata tar-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 sabiex tinkludi nefqiet addizzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-ammont ta' EUR 23,7 biljun għall-perjodu 2025-2027. Dawn il-fondi għandhom ikunu disponibbli qabel kif kien skedat sabiex tinbeda u tiġi akkumpanjata l-introduzzjoni bla xkiel tal-ETS il-ġdida.

2.11Fil-prinċipju, minħabba r-rabta diretta tagħha mal-ETS il-ġdida, l-allokazzjoni finanzjarja tal-Fond għandha tikkorrispondi għal 25 % tad-dħul mistenni mill-inklużjoni tal-bini u t-trasport bit-triq fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet.

2.12Id-distribuzzjoni annwali tal-impenji tal-fondi għandha tiġi allinjata f'konformità mal-objettivi tal-Fond. Dan jirriżulta fi profil ta' allokazzjoni bikrija tal-fondi skont l-objettiv tal-Fond li jtaffi l-impatt tal-kamp ta' applikazzjoni estiż tad-Direttiva tal-ETS fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport. Sabiex jiġu antiċipati l-konsegwenzi tal-estensjoni, l-appoġġ ilu disponibbli mill-2025.

2.13Id-Dikjarazzjoni ta' Porto tat-8 ta' Mejju 2021 ikkonfermat l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jaħdem lejn Ewropa soċjali u d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jintensifika l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bir-rispett dovut għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

2.14L-implimentazzjoni tal-Fond għandha titwettaq skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-prevenzjoni effettiva u l-prosekuzzjoni tal-frodi, inkluża l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess.

3.Kummenti ġenerali tal-KESE

3.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-passi importanti meħuda biex jintlaħqu l-għanijiet tan-newtralità klimatika u r-reżiljenza għall-klima sal-2050 segwiti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa jirrikonoxxi l-għarfien tal-Kummissjoni li l-kriżi klimatika u t-tranżizzjoni enerġetika mhumiex sfidi purament tekniċi u strutturali, iżda wkoll soċjali, ekonomiċi u distribuzzjonali. Il-KESE jilqa' l-istabbiliment ta' Fond Soċjali għall-Klima, kif propost f'dan ir-Regolament, sabiex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tal-ipprezzar il-ġdid tal-karbonju u biex jiġu pprovduti fondi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-impatt soċjali ta' dan l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, il-mikrointrapriżi u l-utenti tat-trasport. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li b'dan ir-Regolament il-Kummissjoni turi b'mod kredibbli r-rieda tagħha li tiġġieled il-faqar enerġetiku u tal-mobilità.

3.2Madankollu, il-KESE huwa konvint li l-Fond Soċjali għall-Klima mhux se jipprovdi biżżejjed appoġġ finanzjarju biex jindirizza b'mod responsabbli l-effetti soċjoekonomiċi tal-ipprezzar tal-karbonju. L-isfida enormi tat-tfassil ta' mekkaniżmu ta' kumpens effettiv u ġust f'żona ekonomika eteroġena li tinkludi 27 Stat Membru teħtieġ miżuri ta' akkumpanjament u riżorsi aktar estensivi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw is-sinerġiji tal-Fond Soċjali għall-Klima ma' riżorsi finanzjarji disponibbli oħrajn u biex jużawh bl-aktar mod effiċjenti. Fl-istess ħin, l-introduzzjoni ta' Fond Soċjali għall-Klima għandha titqies fil-kuntest tal-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %".

3.3Il-KESE jfakkar li l-miżuri klimatiċi previsti u l-impatti tagħhom jistgħu jkomplu jaggravaw l-inugwaljanzi diġà eżistenti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament biex iqiegħdu l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta fiċ-ċentru tal-miżuri tagħhom biex itaffu t-tibdil fil-klima.

3.4Il-miżuri u l-passi ta' trasformazzjoni previsti mill-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" se jwasslu għal bidliet massivi u ma għandhomx jinsew is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-Istati Membri individwali. Inkella, l-aċċettazzjoni tas-soċjetà ta' dawn il-miżuri tkun ipperikolata. Fil-livell tal-Istati Membri, il-miżuri li jakkumpanjaw il-pakkett diġà għandhom jiġu diskussi u implimentati fl-immedjat. Sabiex tinkiseb trasformazzjoni ekoloġika ġusta, l-enfasi hawnhekk trid tkun fuq tranżizzjoni ġusta għal kulħadd.

3.5Il-volum tal-Fond se jammonta għal EUR 72,2 biljun bejn l-2025 u l-2032, bl-użu ta' 25 fil-mija tad-dħul tal-ETS mis-setturi tat-trasport u tal-bini. Meta mqabbla mal-isfidi ppreżentati minn tali estensjoni tal-ETS, dan huwa ammont żgħir ħafna. Il-KESE jemmen li l-għan ta' pprezzar ogħla tal-karbonju fi kwalunkwe każ mhuwiex li jżid id-dħul, iżda li jidderieġi l-imġiba tas-suq lejn teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi. Għalhekk hemm argument qawwi biex jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-limitu ta' żmien tal-2032 ma jidhirx konklużiv.

3.6Xi partijiet ikkonċernati, inklużi l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw lill-impjegaturi u lill-impjegati, kienu xettiċi u saħansitra negattivi dwar l-estensjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u għat-trasport bit-triq, u jsemmu l-impatti soċjali u ekonomiċi mistennija ta’ żieda fil-prezzijiet tat-tisħin u tal-fjuwil fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u utenti tat-trasport. Il-periklu li l-popolazzjoni ma tiġix inkluża fil-politika Ewropea dwar it-tibdil fil-klima u li jfaqqgħu aktar protesti mifruxa, bħall-protesti "tal-ġkieket sofor", għandu jiġi evitat akkost ta' kollox. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjani tagħha bir-reqqa.

3.7Il-KESE jesprimi dispjaċir li l-Kummissjoni ma analizzatx l-impatt tal-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" fuq Stati Membri individwali, u lanqas fuq setturi differenti. Huwa tal-fehma li kien ikun xieraq li titwettaq valutazzjoni tal-impatt speċifika tal-ħolqien tal-Fond Soċjali għall-Klima.

3.8Unitajiet domestiċi bi dħul baxx diġà jiffaċċjaw diffikultajiet differenti fis-sistema attwali, li għalihom, minbarra l-appoġġ għal żmien qasir, huma meħtieġa soluzzjonijiet fit-tul u għalhekk sostenibbli. Fil-fehma tal-KESE, l-UE teħtieġ finanzjament robust fil-livell tal-UE li se jtaffi l-impatt soċjoekonomiku tal-miżuri klimatiċi u jiżgura tranżizzjoni ġusta. Għalhekk, l-introduzzjoni ta' fond għall-klima soċjali fil-livell tal-UE hija wkoll fundamentalment meħtieġa fil-fehma tal-KESE u ma għandhiex tkun marbuta mal-introduzzjoni ta' ETS fis-setturi tal-bini u tat-trasport. B'mod partikolari, abbażi ta' studju mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Klima 6 , li jgħid li ETS estiża waħedha ma twassalx għat-tnaqqis sostanzjali meħtieġ fir-rigward tal-emissjonijiet tat-trasport bit-triq u tal-bini.

3.9Għalkemm il-KESE jilqa' l-istabbiliment tal-Fond Soċjali għall-Klima propost fil-prinċipju, huwa jfakkar li l-finanzjament tiegħu jiddependi mill-introduzzjoni ta' skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport (l-Artikolu 26). L-akkomodazzjoni u l-mobilità huma ħtiġijiet bażiċi u għalhekk il-forniment tagħhom huwa parti mis-servizzi ta' interess ġenerali. Il-KESE jinsab imħasseb li l-ispejjeż ta' sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport jisbqu l-benefiċċji mixtieqa u jistgħu jwasslu għal żidiet qawwija fil-prezzijiet mingħajr kontroll u li għalhekk jheddu l-eżistenza. Għalhekk, il-KESE huwa ġeneralment kritiku għall-fatt li l-Fond Soċjali għall-Klima huwa marbut mal-introduzzjoni ta' ETS għall-bini u t-trasport, u jkun favur intestatura speċifika fil-baġit tal-UE ddedikata għall-impatt soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika. Minflok, fil-prinċipju għandha tiġi segwita l-introduzzjoni ta' Fond Soċjali għall-Klima fil-livell tal-UE.

3.10Minn naħa waħda l-Fond jipprevedi pagamenti ta' kumpens soċjali u inċentivi għall-vetturi elettriċi, u min-naħa l-oħra investimenti fl-infrastruttura tal-iċċarġjar u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini. Madankollu, il-ħtiġijiet tal-unitajiet domestiċi bi dħul baxx jenħtieġ li jitqiesu, u l-miżuri b'rabta mal-elettrifikazzjoni tal-mobilità jenħtieġ li jkunu komprensivi u jħarsu lejn il-futur, filwaqt li jippermettu lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx jużaw il-mobilità urbana elettronika jew mudelli ta' negozju ġodda bħall-carsharing. Il-KESE jirrimarka li l-promozzjoni ta' mobilità b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet m'għandhiex tkun ikkonċentrata biss fuq l-elettromobilità, iżda li, fejn xieraq, għandhom jiġu promossi wkoll fjuwils alternattivi u fjuwils bi prezz baxx bħall-bijofjuwils. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġu promossi soluzzjonijiet b'emissjonijiet baxxi meta, għal raġunijiet finanzjarji jew tekniċi, alternattivi mingħajr emissjonijiet ma jkunux possibbli. F'dan il-kuntest, il-KESE jirrimarka li l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx għandhom, bħala kwistjoni ta' prijorità, jissostitwixxu l-karozzi antiki u niġġiesa tagħhom b'vetturi aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, fatt li jeħtieġ regolamentazzjoni mill-ġdid bir-reqqa tas-suq Ewropew tal-karozzi użati. Huwa importanti li dawn l-aspetti ta' tranżizzjoni ġusta jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jfasslu l-Pjani Soċjali għall-Klima tagħhom u mill-Kummissjoni meta tivvalutahom.

3.11Meta titqies id-distribuzzjoni tal-Fond fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni fittxet formula li tqis id-daqs tal-popolazzjoni (inkluż il-proporzjon ta' żoni rurali), l-introjtu nazzjonali gross per capita, il-proporzjon ta' unitajiet domestiċi vulnerabbli u l-emissjonijiet tal-unitajiet domestiċi mill-kombustjoni tal-fjuwil. Il-KESE jibża' li dan xorta mhux se jkun biżżejjed biex jitqiesu l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom. Stat Membru relattivament fqir b'inugwaljanza aktar baxxa fi ħdan pajjiż jista' jispiċċa jibbenefika anqas minn Stat Membru sinjur b'inugwaljanza għolja.

3.12L-Istati Membri għandhom jissottomettu, flimkien mal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom, Pjani Soċjali għall-Klima sal-2024 li jidentifikaw gruppi u miżuri vulnerabbli. F'dan il-kuntest, id-differenzi maġġuri fl-impenn u fil-kapaċitajiet istituzzjonali jqajmu l-kwistjoni ta' jekk dan hux se jaħdem. Id-differenzi maġġuri fil-mod kif l-Istati Membri indirizzaw it-tranżizzjoni ġusta fid-diversi Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jistgħu jagħtu ħjiel ta' x'inhu mistenni. Għalhekk, il-KESE jappella għall-involviment tal-imsieħba soċjali, il-kmamar tal-kummerċ, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-Pjani Soċjali għall-Klima nazzjonali mill-Istati Membri.

3.13Il-KESE jirrikonoxxi li b'dan ir-Regolament, bħal f'għadd ta' dokumenti oħra, bħall-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni dwar il-faqar enerġetiku (C2020, 9600 final) jew il-Mewġa ta' Rinnovazzjoni ppubblikata fix-xitwa (COM(2020) 662 final, SWD(2020) 550 final), il-Kummissjoni qed terġa' tagħmel enfasi kbira fuq il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Madankollu, jenħtieġu aktar sforzi.

3.14L-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku jistma li total ta' aktar minn 50 miljun unità domestika fl-Unjoni Ewropea huma affettwati mill-faqar enerġetiku. Abbażi tas-sejbiet tal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku u l-Indiċi tal-Faqar Enerġetiku Ewropew li għadu kemm ġie mistħarreġ, għandu jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni Ewropew biex jinqered il-faqar enerġetiku f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u NGOs li jaħdmu biex jikkumbattu l-faqar, bħan-Network Ewropew kontra l-Faqar, biex jiġi żgurat li l-azzjoni pubblika timmira aktar lejn il-kawżi sottostanti tal-faqar enerġetiku.

3.15Għaldaqstant, huma meħtieġa miżuri konkreti kontra l-faqar enerġetiku kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Dawn jinkludu aċċess aħjar għas-sussidji għar-rinnovazzjonijiet termali jew is-sostituzzjoni ta' sistemi tat-tisħin għal unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija, mudelli bażiċi vinkolanti ta' provvista u dispożizzjonijiet protettivi ġenerali għall-konsumaturi fis-settur tal-enerġija.

3.16F'dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jgħid li: "Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għandu jkun disponibbli l-appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn."

3.17Il-KESE jinnota li l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-Fond għandu jiġi żgurat u l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess assoċjati mal-miżuri appoġġjati mill-fond għandhom jiġu evitati. F’termini tal-istat tad-dritt, huwa jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għal sistema ta' kontroll intern effettiva u effiċjenti u t-tħabbira biex jinġabru ammonti mħallsa li ma kinux dovuti, jew użati ħażin.

3.18Il-KESE jirrakkomanda li l-Fond Soċjali għall-Klima jkun strument sistemiku, komprensiv mal-vetturi l-oħra biex jikkumpensa għall-ispejjeż dejjem jikbru tat-tranżizzjoni ekoloġika għall-UE u l-Istati Membri, li jikkontribwixxi sostanzjalment biex jintlaħqu l-miri ta' sostenibbiltà.

3.19Il-KESE jappella għal aktar kjarifika dwar il-finanzjament tal-Fond. Il-proposta tipprevedi li l-finanzjament se jkun ibbażat fuq suq volatili tal-EU ETS. Għalhekk, il-KESE ma jifhimx għaliex qed jiġi propost ammont fiss ta' EUR 72,2 biljun. Il-volatilità fil-prezzijiet se tiddetermina l-baġit tal-Fond. Dan jenfasizza, fost l-oħrajn, il-ħtieġa għal finanzjament aktar stabbli. Il-KESE jipproponi li tiġi introdotta flessibbiltà finanzjarja parzjali fil-Fond skont l-iżvilupp attwali tal-prezzijiet tal-kwoti (li fihom l-allokazzjoni tista' tiżdied flimkien mal-prezz li qed jogħla).

3.20Iż-żieda enormi fil-prezzijiet bl-ingrossa għall-gass naturali u għall-elettriku qed twassal għal piżijiet finanzjarji enormi għall-konsumaturi. Il-KESE jaf tajjeb ħafna li l-Fond Soċjali għall-Klima jirrappreżenta reazzjoni fuq perjodu medju għall-problema tal-kumpens tal-ispejjeż ogħla tat-tranżizzjoni ekoloġika għall-entitajiet vulnerabbli. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali fl-iżvilupp tal-prezzijiet tal-enerġija teħtieġ soluzzjoni immedjata. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li tipprovdi lill-Istati Membri b’“sett ta' għodod” biex jiġi indirizzat l-impatt immedjat taż-żieda attwali fil-prezzijiet bl-ingrossa għall-gass naturali u l-elettriku u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għal xokkijiet futuri fil-prezzijiet. Il-miżuri nazzjonali fuq medda qasira ta’ żmien jinkludu appoġġ ta’ emerġenza għad-dħul tal-unitajiet domestiċi, għajnuna lin-negozji u tnaqqis immirat fit-taxxi. Sabiex l-għajnuna tiġi allinjata mas-sett ta’ għodod, il-KESE jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima jiġi estiż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju vulnerabbli. Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-pjani tagħha biex tappoġġja l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, biex teżamina miżuri possibbli fil-qasam tal-ħżin tal-enerġija u l-akkwist tar-riżervi tal-gass, u biex tivvaluta t-tfassil attwali tas-suq tal-elettriku.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-KESE jilqa' l-approċċ li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, l-integrazzjoni ta' dawn l-objettivi kif ukoll il-mistoqsijiet dwar l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità jiġu segwiti u promossi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Wara kollox l-ipprezzar ippjanat tal-karbonju jaffettwa b'mod partikolari lin-nisa, peress li dawn jiffurmaw 85 % tal-ġenituri waħedhom. F'familji b'ġenitur waħdu, ir-riskju ta' faqar fost it-tfal huwa partikolarment għoli. F'dan il-kuntest, il-KESE jġedded l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi malajr kemm jista' jkun reviżjoni tad-deċiżjoni dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fir-rigward tal-grupp fil-mira tal-akkomodazzjoni soċjali u biex tagħmilha ċara li l-politika tal-akkomodazzjoni m'għandhiex tkun limitata għall-objettiv uniku li tgħin lill-persuni qrib il-linja tal-faqar, iżda għandha tipprovdi akkomodazzjoni adegwata, aċċessibbli u affordabbli fit-tul għaċ-ċittadini kollha affettwati mill-kriżi tal-akkomodazzjoni Ewropea, b'mod partikolari l-persuni mingħajr dar, il-koppji żgħażagħ, il-familji b'ġenitur wieħed jew familji b'ħafna tfal, il-ħaddiema u l-klassi medja b'mod ġenerali 7 .

4.2Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili tista' taffettwa b'mod sproporzjonat lill-unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, lill-mikrointrapriżi u lill-utenti tat-trasport li jonfqu proporzjon akbar tad-dħul tagħhom fuq l-enerġija u t-trasport, li f'ċerti reġjuni ma għandhomx għażliet alternattivi ta' mobilità u trasport affordabbli u li jistgħu ma jkollhomx il-kapaċità finanzjarja biex jinvestu fit-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwils fossili. Għalhekk, il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' unitajiet domestiċi vulnerabbli, mikrointrapriżi vulnerabbli u utenti vulnerabbli tat-trasport, inkluż l-għoti ta' aċċess liberu għat-trasport pubbliku jew tariffi aġġustati, il-promozzjoni ta' mobilità sostenibbli fuq talba u servizzi ta' mobilità komuni. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jappoġġjaw l-iżvilupp u l-forniment ta' mobilità u servizzi tat-trasport affordabbli b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet. Il-KESE jqis il-provvista ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, fil-limiti tal-possibbiltajiet legali, bħala s-sinsla ta' mobilità sostenibbli u affordabbli. F'dan is-sens, huwa meħtieġ kumpens akbar għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jissodisfaw aħjar ir-rekwiżiti ekoloġiċi u soċjali, u dan min-naħa tiegħu jirrikjedi li l-gvernijiet nazzjonali, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jipprovdu appoġġ finanzjarju u joħolqu strumenti finanzjarji.

4.3Fil-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %", il-Kummissjoni tipprevedi, fost affarijiet oħra, l-inklużjoni tat-trasport bit-triq fl-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, li jfisser li fuq perjodu ta' żmien medju, l-ispejjeż tat-trasport privat motorizzat konvenzjonali se jiżdiedu, sakemm dan ikun imħaddem b'fjuwils fossili. Il-Kummissjoni hija konxja li dan se jwassal għal żvantaġġi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni. F'dan il-kuntest, hija tindirizza l-kwistjoni tal-faqar fil-mobilità, tindika l-ħtieġa għal kumpens fil-Fond għat-Tibdil fil-Klima 8 u tagħmel proposti inizjali dwar kif dan għandu jitfassal. Madankollu, il-Kummissjoni ma tipprovdix stima ta' kemm il-persuna tista' tiġa affettwata minn dan fl-UE kollha, u lanqas ma tipprovdi definizzjoni jew sett ta' indikaturi għall-ispeċifikazzjoni tal-faqar fil-mobilità.

4.4Studju dwar il-mobilità u d-dħul mill-ġdid fl-impjieg fiż-żoni rurali (Mobility4Job 9 ) sab li 50 fil-mija biss tal-persuni qiegħda kellhom karozza għad-dispożizzjoni tagħhom fi kwalunkwe ħin, filwaqt li l-medja tal-popolazzjoni kienet ta' 80 fil-mija. Bħal fil-proġett tal-Kostijiet, dan juri li l-unitajiet domestiċi jirreaġixxu għal tnaqqis fl-introjtu, fost affarijiet oħra, billi jiffrankaw fuq il-vettura privata tagħhom. Dan ifisser li l-limitazzjonijiet tal-mobilità jsiru viżibbli biss aktar tard, pereżempju meta wieħed ifittex impjieg, meta ma jkunux disponibbli alternattivi ta' mobilità rilevanti u ma jkunux jistgħu jintlaħqu postijiet tax-xogħol potenzjali. Għalhekk, is-sehem purament perċentwali tal-kostijiet tal-mobilità fl-introjtu mhuwiex indikatur suffiċjenti ta' jekk u sa liema punt hemm limitazzjoni fl-għażliet ta' mobilità. Il-faqar fil-mobilità huwa konsegwenza ta' taħlita ta' diversi varjabbli: l-ewwel u qabel kollox l-introjtu u s-sjieda obbligatorja ta' karozza jekk ma tkun disponibbli l-ebda għażla alternattiva ta' mobilità.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2021

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(1)      Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità ( ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32 ).
(2)      Approvat mill-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Ġunju 2021.
(3)      Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ( ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13 ).
(4)      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku C/2020/9600 ( ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35 ).
(5)      “European Climate Foundation Decarbonising European transport and heating fuels - Is the EU ETS the right tool?” (Fondazzjoni Ewropea għall-Klima: Niddekarbonizzaw il-fjuwils Ewropej għat-trasport u t-tisħin – L-EU ETS hija l-għodda t-tajba?) https://europeanclimate.org/wp-content/uploads/2020/06/01-07-2020-decarbonising-european-transport-and-heating-fuels-full-report.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)      TEN/707 – Aċċess universali għal akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli fit-tul.      ĠU C 429, 11.12.2020, p. 93 .
(7)      COM(2021) 568.
(8)       Unterwegs zwischen Erwerbs- und Familienarbeit (54) - Portal der Arbeiterkammern und des ÖGB Verlags    (Fit-Triq bejn l-Impjieg bi Qligħ u x-Xogħol tal-Familja (54) – Il-portal tal-Kmamar tax-Xogħol u ÖGB Verlag – mhux disponibbli bil-Malti).
Top