MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1. KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq l-operaturi f’pajjiżi terzi mwettqin mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll li huma rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 u jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifika tal-kunsinni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, prodotti ta’ riskju għoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 fuq il-bażi ta’ għażla li ssir wara każijiet maġġuri, kritiċi jew ripetittivi ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew il-produzzjoni tagħhom.
Għalhekk, il-lista ta’ prodotti ta’ riskju għoli tista’ tiġi stabbilita biss abbażi ta’ nuqqasijiet ta’ konformità stabbiliti, jiġifieri każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni.
L-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kemm stabbilit kif ukoll suspettat.
Ħafna każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità suspettat li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni qatt ma jsiru stabbiliti. Ir-raġuni hija li l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll li jwettaq investigazzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat, wara notifika minn Stat Membru fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS, Organic Farming Information System) ma jistax jissostanzja l-każijiet minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar is-sors jew il-kawża tal-kontaminazzjoni, iżda fejn madankollu jippersisti suspett.
Għalhekk huwa xieraq li l-prodotti ta’ riskju għoli u l-pajjiżi terzi li joriġinaw minnhom għandhom jiġu elenkati abbażi ta’ għażla li ssir wara każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kemm stabbiliti kif ukoll suspettati maġġuri, kritiċi jew ripetittivi li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti jew produzzjoni organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.
2. KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
L-abbozz tal-att delegat ġie diskuss fid-dettall mal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika kif ukoll mal-organizzazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw l-awtoritajiet ta’ akkreditazzjoni u ta’ kontroll u mal-korpi ta’ kontroll attivi fl-importazzjoni ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi. Intbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta ssejħet il-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika. Wara konsultazzjoni pubblika ta’ 4 ġimgħat mit-13 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Lulju 2025 li twettqet permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Feedback, il-Kummissjoni analizzat it-12-il kumment li rċeviet. Il-maġġoranza tal-feedback oġġezzjonat għall-bidla meħtieġa proposta, li tipprevedi li jitqiesu mhux biss in-nuqqasijiet ta’ konformità stabbiliti għar-regoli organiċi tal-UE iżda wkoll dawk suspettati fil-kriterji għall-istabbiliment tal-lista ta’ prodotti ta’ riskju għoli u ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli.
Is-sħab tad-WTO ġew innotifikati għal feedback mit-28 ta’ Lulju sas-26 ta’ Settembru 2025.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timmodifikax l-att inizjali billi ħafna mill-każijiet suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni qatt ma kkwalifikaw bħala stabbiliti għax l-investigazzjoni li twettqet normalment ma tiġborx biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li jeżisti nuqqas ta’ konformità stabbilit.
.
3. ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT
Dan l-att jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 fir-rigward tal-bażi għall-istabbiliment tal-lista ta’ prodotti ta’ riskju għoli msemmija fl-Artikolu 8 tiegħu.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'16.10.2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 fir-rigward ta’ ċerti kriterji għall-istabbiliment tal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli u ta’ prodotti ta’ riskju għoli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(7), il-punt (b)(ii), tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq l-operaturi f’pajjiżi terzi mwettqin mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll li huma rikonoxxuti skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 u jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifika ta’ kunsinni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.
(2)Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, prodotti ta’ riskju għoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 fuq il-bażi ta’ għażla li ssir wara każijiet maġġuri, kritiċi jew ripetittivi ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew il-produzzjoni tagħhom.
(3)Il-lista ta’ prodotti ta’ riskju għoli, bħalissa tista’ għalhekk tiġi stabbilita biss abbażi ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità stabbilit li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni.
(4)L-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kemm stabbilit kif ukoll suspettat.
(5)Jenħtieġ li prodott speċifiku organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni u l-pajjiż terz tal-oriġini tiegħu jiddaħħlu fil-lista ta’ prodotti b’riskju għoli fejn dan il-prodott kien involut f’każijiet maġġuri, kritiċi jew ripetittivi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 u li dawk il-każijiet ġew stabbiliti mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll bħala nuqqasijiet ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità tal-prodott. L-Artikolu 22(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 jistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità bħala nuqqas ta’ konformità maġġuri, kritiku jew ripetittiv.
(6)Ħafna każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità suspettat li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni qatt ma jsiru stabbiliti. Ir-raġuni hija li l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll li jwettaq investigazzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat, wara notifika minn Stat Membru fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS, Organic Farming Information System) ma jistax jissostanzja l-każijiet minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar is-sors jew il-kawża tal-kontaminazzjoni, iżda fejn madankollu jippersisti suspett.
(7)Għalhekk huwa xieraq li l-prodotti ta’ riskju għoli u l-pajjiżi terzi li joriġinaw minnhom jenħtieġ li jiġu elenkati abbażi ta’ għażla li ssir wara każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kemm stabbiliti kif ukoll suspettati maġġuri, kritiċi jew ripetittivi li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti jew produzzjoni organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.
(8)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 jiġi emendat skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698
L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 8
Lista ta’ pajjiżi terzi ta’ riskju għoli u ta’ prodotti ta’ riskju għoli
Il-prodotti ta’ riskju għoli u l-pajjiżi terzi li joriġinaw minnhom għandhom jiġu elenkati flimkien mal-ishma tal-kunsinni ta’ dawk il-prodotti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi u għal kampjunar mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi, f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 fuq il-bażi ta’ għażla magħmula wara nuqqasijiet ta’ konformità maġġuri, kritiċi jew ripetittivi li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti jew ta’ produzzjoni organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.
L-ishma msemmijin fl-ewwel paragrafu jistgħu jkunu anqas minn 100 % u, għall-istess prodott, jistgħu jkunu differenti għall-kontrolli mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 16.10.2025
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN