Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
NAT/720
L-interfaċċa bejn il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart
OPINJONI
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart
[COM(2018) 32 final]
|
|
|
|
|
|
|
|
Amministratur
|
Conrad GANSLANDT
|
Data tad-dokument
|
15/05/2018
|
Relatur: Brian CURTIS
Konsultazzjoni mill-Kummissjoni
|
16/01/2018
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau
|
19/09/2017 (bi stennija tal-konsultazzjoni)
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
Adottata fis-sezzjoni
|
03/05/2018
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat jilqa' l-approċċ li ttieħed mill-Kummissjoni fl-esplorazzjoni b'mod sistematiku tal-firxa rilevanti ta' alternattivi li jistgħu jgħinu biex isolvu serje ta' problemi identifikati fl-interfaċċa bejn il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart.
1.2Il-ħarsa proattiva fit-tul tat-tip li qiegħed jiġi adottat mill-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni hija mfaħħra. Il-proċess tat-tranżizzjoni, inevitabbilment, se jkun ta’ durata estiża, iżda se jirrikjedi inkoraġġiment konsistenti biex jitmexxa ’l quddiem u jkun jeħtieġ li jqis l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fit-teknoloġija tal-identifikazzjoni u l-ipproċessar.
1.3L-iżgurar tas-saħħa pubblika inġenerali u dik tal-konsumaturi aħħarin tal-prodotti hija essenzjali fil-ġustifikazzjoni tal-fiduċja fil-prinċipji tal-Ekonomija Ċirkolari.
1.4Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema f’impjanti tar-riċiklaġġ jinsabu wkoll f’riskju mingħajr azzjoni komprensiva, b'mod partikolari dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta’ sustanzi ta’ legat. L-għoti ta’ informazzjoni komprensiva lit-trejdjunjins huwa għalhekk essenzjali.
1.5L-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament REACH u ta’ leġislazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi diġà fis-seħħ għandha tiġi pprijoritizzata. Il-leġislazzjoni eżistenti li tipprevjeni sustanzi kimiċi perikolużi mid-dħul inizjali fiċ-ċiklu ta' materjal għadha mhijiex qiegħda tintuża b’mod sħiħ, speċjalment rigward id-dħul fl-UE ta’ prodotti minn pajjiżi terzi.
1.6Il-Kumitat jidentifika u jirrakkomanda investiment ulterjuri f’tagħmir selettiv adattat minn kumpaniji tar-riċiklaġġ u l-kunsiderazzjoni ta’ miżuri ta' sostenn ekonomiku u tekniku f’dan il-qasam.
1.7Il-Kumitat jappoġġja ħafna l-fehma li informazzjoni aħjar dwar il-preżenza, il-lokalità u l-konċentrazzjoni tas-sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti u fil-materjali rkuprati mill-iskart tista’ tnaqqas il-problemi li jiltaqgħu magħhom l-operaturi fil-katina tal-irkupru.
1.8L-identifikazzjoni tas-sorsi potenzjali kemm ta’ valur kif ukoll ta’ azzjoni protettiva neċessarja dwar kimiċi perikolużi fil-fluss tal-iskart se tappoġġja l-analiżi tal-kost/benefiċċju li se tkun meħtieġa sabiex jiġu ġġustifikati l-azzjoni leġislattiva u l-interventi prattiċi.
1.9Huwa essenzjali li jitjiebu u jissaħħu fejn hemm bżonn ir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u traċċar fuq il-merkanzija importata li jista' jkollha sustanzi ta' tħassib serju ħafna, bil-għan li jissaħħu kemm il-projbizzjoni fejn huwa meħtieġ kif ukoll il-mekkaniżmi ta' traċċar adegwat tul iċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodott.
1.10Il-qafas legali għandu joffri protezzjoni indaqs, sew jekk prodott huwa magħmul minn materjali verġni jew irkuprati.
2.Introduzzjoni
2.1Fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Kumitat identifika l-ħtieġa għal faċilitazzjoni ikbar tal-irkupru ta’ materjali mill-fluss ta’ skart u nnota li kien hemm bżonn li tiġi indirizzata firxa ta’ ostakli legali, tekniċi u finanzjarji. Il-preżenza ta' sustanzi perikolużi fil-materjali ta’ skart hija ostaklu bħal dan u din il-Komunikazzjoni hija parti minn proċess li jidentifika l-objettivi tal-politika, l-isfidi u s-soluzzjonijiet sabiex tinkiseb ċirkolarità akbar fl-ekonomija. Xi oqsma jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ mezzi mhux leġislattivi, iżda l-għan globali huwa li tiġi eżerċitata influwenza fuq il-politika futura.
3.Il-kontenut prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni
3.1Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi numru ta’ objettivi tal-politika u kwistjonijiet relatati u tistieden lill-partijiet ikkonċernati jieħdu pożizzjonijiet dwar l-isfidi identifikati sabiex jgħinu biex tiġi definita direzzjoni lejn ekonomija verament ċirkolari. Dawn huma stabbiliti taħt erba’ intestaturi wiesa’ l-approċċ huwa esploratorju u mhux direttiv. Din l-Opinjoni, filwaqt li tqis id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u l-kontributi mill-membri tal-KESE u mill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, twieġeb għat-talba biex jiġu offruti alternattivi ppreferuti sabiex jiġu ssodisfati l-isfidi ewlenin. Għal din ir-raġuni l-kontenut ewlieni tal-Opinjoni huwa ppreżentat fit-taqsima finali dwar kummenti speċifiċi.
3.2Il-Kummissjoni issa se tniedi konsultazzjoni pubblika u se tħeġġeġ diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u ma’ partijiet interessati sabiex jintgħażlu alternattivi u jiġu ddefiniti azzjonijiet speċifiċi fil-livell ġenerali jew settorjali għall-iżvilupp ta’ swieq għal materja prima sekondarja sostenibbli. Se tiġi żviluppata azzjoni sussegwenti f’konformità mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u qabel titressaq kwalunkwe proposta konkreta b’impatt sinifikanti mistenni, se jiġu ppreparati l-Valutazzjonijiet tal-Impatt.
4.Kummenti ġenerali
4.1Il-leġislazzjoni tal-UE li hija rilevanti għal dan is-suġġett tkopri l-oqsma tas-sustanzi kimiċi, tal-prodotti u tal-iskart. B’mod partikolari l-qafas legali attwali għandu nuqqasijiet hekk kif jonqos milli jiżgura li l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tiġi trażmessa permezz taċ-ċiklu ta' materjal sħiħ u ċikli tal-ħajja sussegwenti possibbli.
4.2Is-soċjetà tagħna dejjem aktar kumplessa qiegħda tiddependi dejjem aktar fuq l-użu tas-sustanzi kimiċi. Il-pilastri tal-leġislazzjoni tas-sustanzi kimiċi tal-UE huma r-Regolament CLP, ir-Regolament REACH u r-Regolament POPs li jikkomplementaw lil xuxin u japplikaw irrispettivament mis-settur tal-użu.
4.3Il-leġislazzjoni dwar il-prodott tista’ tiffoka fuq is-sigurtà tal-prodotti u anke s-sostenibbiltà tal-prodotti. Id-DSĠP tipprovdi rekwiżiti tas-sigurtà ġenerali għal prodotti tal-konsumatur li mhumiex tal-ikel. Firxa ta’ leġislazzjoni speċifika għall-prodott bħad-Direttiva dwar il-Ġugarelli, ir-Regolament dwar l-Imballaġġ tal-Ikel, id-Direttiva RoHS u d-Direttiva dwar l-Ekodisinn huma rilevanti wkoll. L-Opinjoni tal-KESE tappoġġja “approċċ integrat” għall-Ekodisinn, li għandu jiġi estiż lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni attwali tiegħu. Approċċ integrat bħal dan iqis kemm l-effiċjenza fl-enerġija u l-prestazzjoni tal-prodotti kif ukoll l-effiċjenza u l-prestazzjoni f’termini tal-użu tar-riżorsi u tal-materjali.
4.4Diversi partijiet tal-leġislazzjoni dwar l-iskart huma rilevanti wkoll. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart kienet is-suġġett ta’ diversi opinjonijiet tal-Kumitat u l-KESE konsistentement appoġġja r-rekwiżit biex l-Istati Membri jadottaw ordni ta’ prijorità meta jindirizzaw l-iskart, bl-ewwel tkun il-prevenzjoni tal-iskart, imbagħad il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor, u bħala l-aħħar rimedju, għar-rimi permezz ta’ inċinerazzjoni u f'miżbla. Il-KESE talab li l-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur ikunu obbligatorji għal adozzjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk talab ukoll li d-dispożizzjoni li tirrikjedi l-ġbir separat tissaħħaħ.
4.5Jistgħu jsiru xi punti ġenerali li għandhom jiggwidaw azzjonijiet futuri:
·Informazzjoni aħjar dwar il-preżenza, il-lokalità u l-konċentrazzjoni tas-sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti u fil-materjali rkuprati mill-iskart tista’ tnaqqas il-problemi li jiltaqgħu magħhom l-operaturi fil-katina tal-irkupru u tavvanza l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.
·Huwa essenzjali li s-sustanzi kimiċi perikolużi ma jitħallewx jidħlu inizjalment fiċ-ċiklu ta' materjal. Il-leġislazzjoni eżistenti li tippermetti dan għadha mhijiex qiegħda tintuża b’mod sħiħ.
·Il-qafas legali għandu joffri protezzjoni indaqs, sew jekk prodott huwa magħmul minn materjali verġni jew irkuprati.
4.6Jista’ jiġi nnutat li għadha għaddejja ħidma ta’ sostenn. Pereżempju, il-kwistjoni tas-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku qiegħda tiġi indirizzata mid-Direttiva RoHS li, billi tiskatta s-sostituzzjoni ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, iżżid il-possibbiltà u l-profittabbiltà ekonomika tar-riċiklaġġ tal-iskart derivat minn tagħmir bħal dan. Barra minn hekk, erba’ proposti leġislattivi relatati qegħdin jiġu diskussi wkoll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-KESE jinnota l-ftehim politiku reċenti dwar il-kwistjoni.
4.7Xi wħud mill-kwistjonijiet imqajma f’din il-Komunikazzjoni huma kumplessi fil-kunċett tagħhom, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw problemi li jinħolqu minn nuqqas ta’ armonizzazzjoni u allinjament tar-regoli. Il-kwistjonijiet aktar konkreti tal-informazzjoni u tas-sustanzi ta’ legat għandhom, fil-fehma tal-Kumitat jiġu pprijoritizzati.
4.8Madankollu huwa ċar mis-sommarju ta’ kwistjonijiet ipprovdut f’din il-Komunikazzjoni u mill-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li jinsabu fis-seħħ jew li qegħdin jiġu żviluppati sabiex tinkiseb ekonomija verament aktar ċirkolari, li l-proċess ta’ tranżizzjoni involut fl-eliminazzjoni tas-sustanzi perikolużi mill-iskart u waqt l-irkupru jew ir-riċiklaġġ tiegħu mhuwiex se jinkiseb malajr. Ħarsa proattiva fit-tul tat-tip li qiegħed jiġi adottat mill-Kummissjoni hija għalhekk xierqa.
5.Kummenti speċifiċi
Il-ħtieġa għal informazzjoni
5.1L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni xierqa dwar sustanzi ta’ tħassib fil-prodotti tkun disponibbli għall-atturi kollha fil-katina tal-provvista u finalment għall-operaturi tal-iskart. Jekk nistgħu nillimitaw is-sustanzi kimiċi perikolużi milli jidħlu fiċ-ċiklu ekonomiku mill-bidu, dan huwa bla dubju l-aħjar mod ta’ kif jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Dan jista’ jippermetti wkoll l-irkupru tal-materjali mill-iskart u jtejjeb l-ekonomija ċirkolari.
5.2L-għoti ta’ informazzjoni komprensiva lit-trejdjunjins jista’ jkollu rwol vitali fil-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u għalhekk huwa essenzjali.
5.3REACH jirregola l-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq tas-sustanzi kimiċi fl-UE. L-objettiv primarju tiegħu huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-bnedmin u għall-ambjent. Ir-rapporti minn xi assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u mill-Kummissjoni jindikaw implimentazzjoni ħażina tal-obbligi limitati tal-komunikazzjoni tal-katina tal-provvista imposti minn REACH.
5.4Il-Kummissjoni se tniedi studju tal-fattibbiltà dwar l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni differenti, teknoloġiji ta’ traċċar innovattivi u strateġiji li jistgħu jippermettu l-informazzjoni rilevanti timxi tul il-katini tal-provvista tal-oġġetti u tilħaq ir-riċiklaturi. Il-mistoqsija hija: sistema ta' informazzjoni obbligatorja żżid il-valur u kif għandna nimmaniġġjaw l-oġġetti importati fl-UE li jista’ jkun fihom sustanzi mhux awtorizzati?
5.5Il-Kumitat jargumenta li fil-biċċa l-kbira diġà jeżistu għodod legali li jistgħu jillimitaw is-Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna (SVHCs) milli jidħlu fiċ-ċiklu ta' materjal. B’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet legali li jipprijoritizzaw u jinċentivaw is-sostituzzjoni tagħhom b’sustanzi kimiċi mhux perikolużi huma ta’ rilevanza. Il-Kumitat huwa favur l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament REACH, u li dan jinżamm aġġornat b'għarfien xjentifiku li jevolvi dwar il-karatteristiċi perikolużi tas-sustanzi kimiċi, inkluża materja prima sekondarja. Dan se jipproteġi s-saħħa u sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u s-saħħa pubblika tal-konsumatur aħħari. Dan se jsaħħaħ ukoll il-kredibbiltà tal-Ekonomija Ċirkolari.
5.6B’referenza għall-oġġetti importati diġà huwa l-każ li l-importaturi huma meħtieġa jidentifikaw l-SVHCs. Tista’ ssir aktar enfasi fuq l-infurzar tal-obbligu skont ir-REACH għall-manifatturi u l-importaturi li fid-dossier ta' reġistrazzjoni u fl-Iskeda ta’ Data ta’ Sigurtà tagħhom jagħtu dettalji dwar ix-xenarji ta’ esponiment li jkopru l-istadju tal-iskart. Barra minn hekk, tista’ tkun meħtieġa aktar informazzjoni ddettaljata, bħad-deskrizzjoni ta’ xenarji tat-tmiem tal-ħajja differenti għar-riċiklaġġ, għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għar-rimi. Dan għandu jsir flimkien mal-infurzar tal-obbligu għall-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti li jinfurmaw lill-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-provvista bil-preżenza tal-SVHCs fl-oġġetti, kif ukoll li jkun meħtieġ li l-lokalità tas-sustanza fil-prodott tiġi identifikata.
5.7Huwa essenzjali li jitjiebu u jissaħħu fejn hemm bżonn ir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u traċċar fuq il-merkanzija importata li jista' jkollha sustanzi ta' tħassib serju ħafna, bil-għan li jissaħħu kemm il-projbizzjoni fejn huwa meħtieġ kif ukoll il-mekkaniżmi ta' traċċar adegwat tul iċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodott.
5.8Il-Kumitat jinsab imħasseb li jista’ jkun hemm problema partikolari fl-identifikazzjoni sħiħa ta’ sustanzi ta' tħassib serju ħafna fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.
5.9B’mod ġenerali, se jkun meħtieġ investiment ulterjuri f’tagħmir selettiv adattat mill-kumpaniji tar-riċiklaġġ u għandhom jiġu kkunsidrati miżuri ta' sostenn ekonomiku u tekniku.
Skart li fih sustanzi li m’għadhomx permessi fi prodotti ġodda
5.10Leġislazzjoni restrittiva dwar sustanzi kimiċi perikolużi ilha fis-seħħ fl-Istati Membri mis-seklu dsatax u sustanzi kimiċi ġodda jiġu eżaminati b'mod rigoruż għal periklu. Madankollu l-proċess kontinwu ta’ valutazzjoni tar-riskju jfisser li l-prodotti li ġew immanifatturati legalment fil-passat li fihom l-SVHCs u dawk li jiġu mmanifatturati llum jista’ jkun fihom sustanzi li suċċessivament jistgħu jiġu pprojbiti. Fl-istadju tal-ipproċessar u tal-irkupru tal-iskart dan jista’ jirriżulta f’“sustanzi ta’ legat” perikolużi.
5.11L-objettiv huwa li r-riċiklaġġ isir aktar faċli filwaqt li jitjieb it-teħid tal-materja prima sekondarja billi jiġu promossi ċikli ta’ materjal mhux tossiku. Barra minn hekk, meta jitqiesu r-restrizzjonijiet possibbli tas-sustanzi kimiċi u eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet, irridu nagħtu aktar attenzjoni lill-impatt tagħhom fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid fil-futur.
5.12Il-Kummissjoni targumenta li l-kwistjoni tas-sustanzi ta’ legat għadha ostakolu għall-ekonomija ċirkolari u għandha tiġi żviluppata metodoloġija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet speċifika sabiex tappoġġja deċiżjonijiet dwar ir-riċiklabbiltà ta’ skart li fih sustanzi ta’ tħassib. Qiegħed isir xogħol bħal dan li għandu jkun lest sa nofs l-2019. Flimkien ma’ dan hemm ħtieġa li jiġu ppreparati linji gwida sabiex jiżguraw li l-preżenza tal-SVHCs f’materjali rkuprati tiġi indirizzata aħjar fl-istadji bikrija tal-preparazzjoni ta’ proposti għall-immaniġġjar tar-riskju u qiegħda titqies ukoll li tiġi implimentata il-leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni li tippermetti kontroll effettiv tal-użu tal-eżenzjoni eżistenti mir-reġistrazzjoni REACH għal sustanzi rkuprati.
5.13Ir-realtà tas-sustanzi ta’ legat toħloq il-mistoqsija jekk huwiex possibbli li tiġi aċċettata l-idea li l-iskart huwa riżorsa li għandna nirriċiklaw billi niżguraw li l-iskart li fih l-SVHCs jiġi rkuprat biss f’materjali li jistgħu jintużaw b’mod sigur. Għandna nippermettu li l-materjali rriċiklati li fihom sustanzi kimiċi ma jibqgħux jiġu permessi f’materjali primarji? Jekk hu hekk, taħt liema kundizzjonijiet?
5.14L-għan għall-materjali rriċiklati huwa li dawn japprossimaw il-prestazzjoni u l-kompożizzjoni kimika kemm jista’ jkun lejn dik ta’ materjali primarji komparabbli. Il-fatturi ekonomiċi u tekniċi għandhom rwol konsiderevoli x’jaqdu fid-determinazzjoni tal-fattibbiltà tat-tneħħija tas-sustanzi ta’ tħassib u jiddependu ħafna mill-każ. L-alternattivi tal-politika huma li l-materja prima primarja u sekondarja kollha jkollha tissodisfa l-istess regoli jew li l-materja prima sekondarja tiġi permessa li jkollha derogi speċifiċi u limitati biż-żmien.
5.15Il-KESE jargumenta li kwalunkwe kriterju applikat f’dan il-kuntest jeħtieġ li jipprevjeni milli s-sustanzi kimiċi perikolużi jkunu preżenti f’materjali rkuprati f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-livell permess għall-materjali verġni.
Nuqqas ta’ allinjament dwar ir-regoli li jiddeterminaw liema skart u sustanzi kimiċi huma perikolużi
5.16Din il-kwistjoni hija relatata mill-qrib mal-punti dwar l-armonizzazzjoni stabbiliti hawn fuq u t-tnejn huma kumplessi fil-kunċett tagħhom. Kif ġie stabbilit hawn fuq il-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi u prodotti perikolużi huma soġġetti għal regoli stretti tal-UE li jiġu adottati biex jipproteġu lill-ħaddiema, liċ-ċittadini u lill-ambjent mill-ħsara. L-immaniġġjar tal-iskart jiġi rregolat b’mod simili minn regoli tal-UE mfassla biex jiksbu l-istess riżultat. Madankollu r-riċerka indikat li ż-żewġ settijiet ta’ regoli mhumiex allinjati b’mod sħiħ.
5.17Huwa meħtieġ li jinkiseb approċċ aktar konsistenti bejn ir-regoli dwar is-sustanzi kimiċi u l-klassifikazzjoni tal-iskart. Pereżempju, l-adozzjoni ta’ regoli, simili għad-Direttiva WEEE, għal gruppi ta’ prodotti jew flussi ta’ materjali speċifiċi oħra (eż. għamara jew tessuti) li jimponu trattament xieraq tal-iskart li jkun fih sustanzi kimiċi perikolużi qabel ma jkun jista’ jiġi rkuprat u użat fi prodotti ġodda. Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika dokument ta’ gwida dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart sabiex tassisti lill-operaturi tal-iskart u lill-awtoritajiet kompetenti biex ikollhom approċċ komuni għall-karatterizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-iskart. Se jsiru wkoll aktar skambji tal-aħjar prattika dwar il-metodi ta' ttestjar. Il-partijiet interessati huma mitluba jikkunsidraw jekk ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni ta' periklu għandhomx jiġu allinjati sabiex l-iskart jitqies perikoluż skont l-istess regoli tal-prodotti.
Brussell, 3 ta' Mejju 2018
Maurizio Reale
President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
_____________