|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Strateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma |
|
DĠ ewlieni – unità responsabbli |
DĠ ENV — C1 (Ġestjoni Sostenibbli tal-Ilma Ħelu) |
|
Tip Probabbli ta’ inizjattiva |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni |
|
Żmien Indikattiv |
It-tieni trimestru tal-2025 |
|
Informazzjoni Addizzjonali |
Qasam ta’ politika: L-ilma L-ilma - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu) |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
Din l-inizjattiva twieġeb għal domanda ċara mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet lokali, is-settur privat, l-NGOs u l-membri tal-pubbliku, għal azzjoni msaħħa biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-ilma fl-UE. Fil-livell globali, il-Konferenza tan-NU dwar l-Ilma 2023 — fejn l-UE ppreżentat il-viżjoni u l-impenji tagħha għal dinja reżiljenti fil-konfront tal-isfidi marbutin mal-ilma sal-2050 — ipprovdiet momentum qawwi. Kif imħabbar fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024–2029, l-istrateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma se tiffoka fuq l-iżgurar li s-sorsi jiġu ġestiti kif xieraq, l-iskarsezza tiġi indirizzata, u li nsaħħu l-vantaġġ innovattiv kompetittiv tal-industrija tal-ilma tagħna u nadottaw approċċ ta’ ekonomija ċirkolari. L-istrateġija għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni u l-prevenzjoni tal-pressjoni akuta fuq l-ilma madwar id-dinja. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Minkejja l-qafas legali komprensiv tal-UE għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, il-ġestjoni strutturali ħażina tal-ilma rriżultat fid-degradazzjoni u t-tniġġis kontinwi ta’ din ir-riżorsa u tal-ekosistemi relatati mal-ilma, inklużi dawk kostali u tal-baħar. Matul dawn l-aħħar 5 snin, l-għargħar, in-nixfiet fit-tul u l-iskarsezza tal-ilma affettwaw aktar u aktar żoni tal-UE u qed jiġu aggravati mit-tibdil fil-klima, mit-tniġġis u mit-telf tal-bijodiversità. Dawn l-avvenimenti qed jagħmlu ħsara lin-nies, lill-ambjent u lill-ekonomija, u qed iżidu t-tensjonijiet bejn għadd dejjem jikber ta’ utenti tal-ilma. L-ilma qed isir dejjem aktar fattur ta’ restrizzjoni f’setturi ekonomiċi differenti. L-avvenimenti tat-temp relatati mal-ilma u l-ġestjoni ħażina tal-ilma diġà kkawżaw ħsara fl-UE li tiswa diversi mijiet ta’ biljuni ta’ euro (JRC, 2021 u EEA, 2024). |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħha, l-inizjattiva se tkopri oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE u oħrajn li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà se jiġi rrispettat. |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
In-natura transkonfinali tal-isfidi marbuta mal-ilma, in-natura trasversali tagħhom u r-rilevanza tagħhom għat-twettiq tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE f’diversi oqsma jipprovdu bażi ċara għal strateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma. Minħabba r-rwol ċentrali tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tal-ilma, kwalunkwe azzjoni identifikata fl-inizjattiva se tqis kif xieraq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-differenzi fid-disponibbiltà u l-ħtiġijiet tal-ilma bejn ir-reġjuni tal-UE u l-Istati Membri. |
|
B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom? |
|
L-għan ġenerali tal-istrateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma huwa li tistabbilixxi perkors ċar lejn is-sigurtà u r-reżiljenza tal-ilma, filwaqt li tintegra aħjar il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ilma fil-politiki u s-sorsi ta’ finanzjament differenti. Għandha wkoll l-mira li żżid l-investimenti, timmobilizza r-riċerka u l-innovazzjoni u tnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet, filwaqt li tqis l-impatti soċjali u d-differenzi territorjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. L-inizjattiva se tiffoka fuq tliet objettivi speċifiċi: ·Ir-restawr u l-protezzjoni taċ-ċiklu idriku miksur; ·Jiġu żġurati ilma u servizzi sanitarji nodfa u affordabbli għal kulħadd; kif ukoll ·Il-promozzjoni ta’ industrija tal-ilma tal-UE kompetittiva u ekonomija nadifa, intelliġenti fl-użu tal-ilma u ċirkolari. Se tindirizza ħames oqsma ta’ azzjoni: (i) il-governanza u l-implimentazzjoni; (ii) l-infrastruttura; (iii) il-finanzi u l-investimenti; (iv) is-sigurtà; u (v) l-industrija, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni. Se tinkludi dimensjoni internazzjonali b’saħħitha, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli globali, u trawwem kooperazzjoni transkonfinali għall-paċi, għall-istabbiltà u għas-sigurtà. Il-Kummissjoni se tagħmel enfasi wkoll fuq il-prinċipju “l-Effiċjenza Idrika tiġi l-ewwel” biex tiġi ġestita aħjar id-domanda għall-ilma u jiżdiedu l-użu mill-ġdid u ċ-ċirkolarità tal-ilma fis-setturi ekonomiċi kollha fl-UE. L-enfasi se tkun fuq id-definizzjoni tal-prinċipju u l-għoti ta’ objettivi u orjentazzjonijiet biex dan jitħaddem, inkluż biex jingħelbu l-ostakli għall-investiment u titrawwem l-innovazzjoni. L-inizjattiva se tibni fuq u tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-korp imsaħħaħ tar-regoli tal-UE dwar l-ilma. Se tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ diversi prijoritajiet oħra tal-Kummissjoni, inklużi l-Viżjoni mħabbra għall-Agrikoltura u għall-Ikel, il-Patt għal Industrija Nadifa, il-pakkett għall-industrija tas-sustanzi kimiċi, l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Patt Ewropew għall-Oċeani. Se tikkomplementa l-istrateġija Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-istrateġija għal Unjoni tal-preparatezza u tikkontribwixxi għall-avvanz tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 u r-rabta bejn l-ilma, l-enerġija u l-ikel u l-ekosistemi, filwaqt li trawwem l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
Impatti probabbli |
|
L-impatti probabbli tal-inizjattiva se jkunu li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ilma nadif, li l-UE tiġi protetta aħjar mir-riskji relatati mal-ilma billi jiżdiedu l-koerenza u l-komplementarjetà tal-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UE relatati mal-ilma, u li jissaħħu l-impenn, il-kooperazzjoni u l-bini tal-fiduċja bejn is-setturi li jużaw l-ilma u partijiet ikkonċernati oħra. |
|
Monitoraġġ futur |
|
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni se jiġi żgurat primarjament permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti, mingħajr ebda piż ta’ rapportar addizzjonali fuq l-Istati Membri jew in-negozji. Dan se jinkludi skambji regolari fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ambjent, il-laqgħat tad-Diretturi tal-Ilma u tal-Baħar u fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u għad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. |
|
C. Regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
L-inizjattiva se tieħu l-forma ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li mhux se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt peress li mhux se toħloq politika ġdida f’dan l-istadju. Il-valutazzjonijiet tal-impatt se jitwettqu għal kwalunkwe proposta leġiżlattiva sussegwenti relatata, kif meħtieġ. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-pubbliku huwa mistieden iwieġeb għal din is-Sejħa għal Evidenza. Barra minn hekk, f’Marzu 2025 se jsir avveniment ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Peress li l-kwistjoni kienet fuq quddiem fl-aġenda politika f’dawn l-aħħar snin, l-inizjattiva se tibbenefika minn kontributi estensivi diġà disponibbli, inklużi: -l-eżiti tad-dibattiti u s-seduti organizzati mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew (PE), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), -il-konsultazzjoni ta’ gruppi ta’ esperti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-ilma u leġiżlazzjoni rilevanti oħra, -ir-riżultati tar-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-Istat tal-Ilma fl-Ewropa 2024, ir-rapport ta’ prospettiva tas-Sistema ta’ Prospettiva Ambjentali tal-UE u l-eżerċizzju tal-Laboratorju tal-Politika taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ir-reżiljenza tal-ilma, -l-eżiti tal-Ġimgħa Ekoloġika tal-2024, b’enfasi fuq ir-reżiljenza tal-ilma, -il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati ppreżentati wara t-tħabbira preċedenti ta’ inizjattiva dwar ir-reżiljenza tal-ilma fl-2023, -ir-rapport fuq inizjattiva proprja li jmiss tal-PE dwar ir-reżiljenza tal-ilma, -l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għal Ewropa Intelliġenti u Reżiljenti fl-Ilma, irreġistrata fl-2024. Il-partijiet ikkonċernati li x’aktarx ikunu interessati f’din l-inizjattiva jinkludu: -L-Istati Membri, inklużi l-gruppi ta’ esperti rilevanti tal-Kummissjoni -L-aġenziji rilevanti tal-UE -Il-PE, il-KESE u l-KtR -L-awtoritajiet tad-distretti tal-baċiri tax-xmajjar, il-komunitajiet kostali u l-awtoritajiet tal-portijiet -Ir-regolaturi u l-utilitajiet tal-ilma -Il-membri tal-pubbliku -Iż-żgħażagħ u l-organizzjonijiet taż-żgħażagħ -L-industrija u n-negozji relatati mal-ġestjoni tal-ilma -Is-sħab soċjali -L-esperti, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-NGOs -L-akkademja, ir-riċerkaturi u l-partijiet ikkonċernati tal-politika dwar l-innovazzjoni -Il-konvenzjonijiet u l-kummissjonijiet reġjonali u transkonfinali dwar l-ilma -Il-partijiet ikkonċernati internazzjonali u s-sħab barra mill-UE. |