Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 1e6ff2c1-ef3c-11e9-a32c-01aa75ed71a1

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1296 tal-31 ta' Lulju 2019 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom

02019D1296 — MT — 02.08.2019 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1296

tal-31 ta' Lulju 2019

b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom

(ĠU L 204 2.8.2019, p. 29)


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 227, 3.9.2019, p.  26 (2019/1296)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1296

tal-31 ta' Lulju 2019

b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom



Artikolu 1

1.  Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, kif ukoll multilateraliżmu effettiv fuq livelli globali u reġjonali, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

 it-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Ukrajna permezz tat-titjib tal-bażi regolatorja u leġislattiva tal-Ukrajna u s-sistemi tagħha tas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali, kif ukoll permezz tas-sensibilizzazzjoni tax-xjenzjati tal-ħajja;

 is-sostenn ta' multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali b'appoġġ għall-azzjoni tal-OSKE biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004) u l-BTWC.

2.  Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha twettaq il-proġetti li ġejjin:

 l-armonizzazzjoni tar-regolamenti eżistenti Ukreni dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà mal-istandards internazzjonali;

▼C1

 l-istabbiliment tas-sostenibbiltà tas-sistema ta' sorveljanza veterinarja fl-Ukrajna għal mard relatat ma' patoġeni partikolarment perikolużi (“mard relatat ma' PPP”);

▼B

 is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ għal xjenzati tal-ħajja dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà.

Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hawn fuq.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE. Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandha tidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun EUR 1 913 900 .

2.  L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adegwatament għad-daqs ta' dik il-kontribuzzjoni.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għandha tagħmel dan abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.  Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.




ANNESS

Tisħiħ tas-Sikurezza u s-Sigurtà Bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004)

1.   Kuntest

Il-leġislazzjoni Ukrena li tipprojbixxi armi bijoloġiċi hija dettaljata u komprensiva. Madankollu, parti sinifikanti ta' din il-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni hija skaduta u ma tilħaqx in-normi u l-istandards internazzjonali. Għalhekk teħtieġ reviżjoni u aġġornament urġenti biex tiżdied l-armonizzazzjoni mal-istandards dinjija rispettivi.

M'hemmx liġi qafas dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà fl-Ukrajna li tiddeskrivi l-istabbiliment ta' sistema ta' bijosikurezza u bijosigurtà u l-funzjonament korrett tagħha (pereżempju, li legalment tidentifika l-korp eżekuttiv ċentrali li jindirizza l-bijosikurezza u l-bijosigurtà u li jwettaq funzjonijiet speċjalizzati u ta' monitoraġġ). Barra minn hekk, attwalment m'hemmx kooperazzjoni komprensiva bejn il-ministeri, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet involuti kollha għall-prevenzjoni u r-rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza relatati ma' theddid bijoloġiku.

Hemm ukoll in-nuqqas ta' mekkaniżmi tal-kontroll mill-istat ta' aderenza mar-rekwiżiti ta' bijosigurtà matul xogħol b'aġenti bijoloġiċi. M'hemmx reġistru ta' atturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi li jaħdmu b'aġenti bijoloġiċi perikolużi fit-territorju tal-Ukrajna. Barra minn hekk, dawk l-atturi li jaħdmu b'aġenti bijoloġiċi perikolużi mhumiex obbligati bil-liġi li jkollhom permessi rilevanti. Infatti, it-tneħħija tas-sistema ta' permessi rriżultat f'sitwazzjoni fejn m'hemmx rappurtar u kontroll tal-aderenza mar-rekwiżiti tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà f'laboratorji mikrobijoloġiċi, li n-numru reali tagħhom mhux magħruf. Dokument normattiv li rregola l-kontabilità, it-trasport, il-ħżin u t-trasferiment ta' materjali bijoloġiċi perikolużi kien annullat. Id-dokumenti applikabbli ma tantx jagħtu attenzjoni għal aspetti oħra tal-bijosigurtà, bħall-verifika tal-affidabbiltà tal-persunal u l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

B'kont meħud tal-pass tat-tkabbir tal-produzzjoni agrikola, il-bijoproduzzjoni, it-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali esterni fid-dinja moderna, il-mediċina umana u dik veterinarja jaffaċċaw ħafna problemi li huma speċifikament assoċjati mar-riskju ta' proliferazzjoni ta' materjali bijoloġiċi, b'mod partikolari mard infettiv u parasitiku komuni fost il-bnedmin u l-annimali.

Illum it-theddid prinċipali relatat mas-sigurtà bijoloġika u alimentari fl-Ukrajna huwa assoċjat mad-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza avjarja, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u l-patoġeni batteriċi li huma reżistenti għal ħafna mediċini. Hemm riskji fokali naturali ta' tifqigħ tal-antraċe, ir-rabja, id-deni klassiku tal-ħnieżer u t-tularemja. Il-provediment ta' sigurtà bijoloġika u alimentari hija kwistjoni sensittiva li ma tistax tiġi solvuta mingħajr l-involviment ta' mezzi affidabbli ta' monitoraġġ, previżjoni u dijanjosi bikrija ta' infezzjonijiet emerġenti u ekonomikament sinifikanti tal-annimali, inklużi infezzjonijiet żoonotiċi. Is-sigurtà bijoloġika u alimentari fl-Ukrajna tista' tiġi indirizzata biss permezz tal-integrazzjoni ta' riċerka bażika fil-ġenetika u l-bijoteknoloġija molekulari fil-mediċina veterinarja u umana u d-dijanjosi.

Il-persunal tal-maġġoranza tal-laboratorji Ukreni tax-xjenzi tal-ħajja għandu esperjenza fl-ittrattar ta' materjali bijoloġiċi perikolużi. Madankollu, huma rari ħafna fil-laboratorji prinċipji u approċċi moderni tal-bijosigurtà u l-bijosikurezza, tekniki u prattiki moderni, u kodiċijiet ta' kondotta marbuta mal-prattiki moderni. Numru ta' laboratorji tax-xjenzi tal-ħajja għandhom ammonti moderati ta' tagħmir modern, iżda, minħabba n-nuqqas ta' taħriġ operazzjonali dwar tali tagħmir, il-persunal ta' laboratorji ma jużahx jew jużah b'mod mhux adatt. Barra minn hekk, is-sistema eżistenti ta' taħriġ avvanzat għal xi kategoriji ta' xjenzati tal-ħajja ma tkoprix il-kwistjonijiet adatti kollha tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà. Dawn il-fatturi kollha jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis tal-livell ta' bijosikurezza u bijosigurtà fil-laboratorji fejn jiġu trattati materjali bijoloġiċi perikolużi.

Bħala riżultat tal-analiżi ta' hawn fuq, tħejjew tliet proġetti mill-OSKE bil-ħsieb tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi ġenerali fl-Ukrajna. Dawn il-proġetti ġew żviluppati f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti. Il-proġetti kollha jiġu implimentati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Ukren dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna.

Il-proġetti jiġu implimentati wkoll b'kont meħud tal-prattiki tajba rilevanti u t-tagħlimiet meħuda, identifikati matul l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1252 b'appoġġ tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà kimiċi fl-Ukrajna.

2.   Objettiv

L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni hu li tappoġġa l-proġetti tal-OSKE bil-għan tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-obbligi tal-Ukrajna taħt il-BTWC u l-UNSCR 1540 (2004), kif ukoll f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna.

3.   Deskrizzjoni tal-proġetti

3.1.   Armonizzazzjoni tar-regolamenti eżistenti Ukreni dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà mal-istandards internazzjonali

3.1.1.   Objettiv tal-proġett

 It-titjib tal-bażi leġislattiva u regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), jiġifieri l-adozzjoni u l-infurzar ta' liġijiet effettivi adatti li jipprojbixxu kwalunkwe attur mhux Statali milli jimmanifattura, jakkwista, jippossjedi, jiżviluppa, jittrasporta, jittrasferixxi jew juża armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom, b'mod partikolari għal finijiet terroristiċi.

3.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

 Miżuri speċifiċi relatati ma' titjib leġislattiv u regolatorju fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà li jeħtieġu implimentazzjoni prijoritarja u li ser jiġu direttament appoġġati minn dan il-proġett jinkludu:

 

 L-iżvilupp u l-preżentazzjoni lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tal-abbozz ta' Liġi tal-Ukrajna dwar il-Bijosikurezza u l-Bijosigurtà;

 L-iżvilupp u l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna dwar ir-regolamentazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-kontroll ta' konformità mar-rekwiżiti tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà f'istituzzjonijiet u stabbilimenti li jaħdmu b'mikroorganiżmi patoġeniċi;

▼C1

 L-iżvilupp u l-adozzjoni tal-Kunċett ta' Bijosikurezza u Bijosigurtà, il-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-Ukrajna għar-rispons għal tifqigħ ta' mard perikoluż u partikolarment perikoluż, u l-identifikazzjoni tal-infrastruttura kritika li tiżgura rispons adatt għar-riskji tat-tifqigħ jew għat-tifqigħ ta' mard perikoluż u partikolarment perikoluż;

▼B

 L-introduzzjoni ta' sistema uniformi ta' sikurezza bijoloġika tal-Ukrajna kif ukoll pjanijiet għall-protezzjoni tal-aġenti bijoloġiċi minn tixrid aċċidentali jew b'mod deliberat u għall-ħżin u t-trasportazzjoni korretti u sikuri tagħhom, inkluża s-sigurtà interna;

 L-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema tas-saħħa pubblika u l-mediċina veterinarja biex tkun konformi ma' rekwiżiti internazzjonali.

3.1.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

 It-titjib tas-sistema Ukrena tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tat-titjib tal-qafas leġislattiv u regolatorju nazzjonali f'dan il-qasam;

 Il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni tal-aġenziji differenti responsabbli għall-bijosikurezza u l-bijosigurtà;

 L-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistema Ukrena tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà.

3.1.4.   Benefiċjarji tal-proġett

 Il-Ministeru għas-Saħħa.

▼C1

3.2.   Stabbiliment tas-sostenibbiltà tas-sistema ta' sorveljanza veterinarja fl-Ukrajna għal mard relatat ma' PPP

▼B

3.2.1.   Objettiv tal-proġett

 Titjib tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali fl-Ukrajna, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), b'mod partikolari l-infurzar ta' miżuri effettivi biex jiġu stabbiliti kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' kontrolli adatti fuq il-materjali relatati.

3.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

 L-implimentazzjoni ta' monitoraġġ effettiv tal-mard tal-bniedem u tal-annimali bl-istabbiliment ta' ċentru ta' użu komuni għas-sekwenzjar u l-karatterizzazzjoni ġenetika ta' aġenti magħżula u t-tagħmir tal-istituzzjonijiet parteċipanti b'magni ta' retrotraskrizzjoni-reazzjoni katina ta' polimerasi (RT-PCR);

 L-istabbiliment ta' miżuri ta' rispons rapidu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-introduzzjoni ta' dijanjosi rapida ta' mard tal-annimali partikolarment perikoluż bl-iżvilupp ta' għodod dijanostiċi bbażati fuq l-RT-PCR għall-individwazzjoni bbażata fuq il-PCR ta' aġenti magħżula (aġenti tal-influwenza avjarja, il-marda ta' Newcastle, it-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini, il-marda tal-infafet fil-ġilda, it-tulamerija, id-deni Afrikan tal-ħnieżer, id-deni klassiku tal-ħnieżer, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, il-bruċellosi, is-salmonelli reżistenti għal ħafna mediċini u l-antraċe) abbażi ta' protokolli interni żviluppati fl-Ukrajna;

 L-iżvilupp ta' ħżin sikur ta' patoġeni, inkluż patoġeni żoonotiċi, virali u batteriċi, f'laboratorji u depożitorji bl-iżvilupp ta' dossiers ta' reġistrazzjoni għal “kits” ibbażati fuq l-RT-PCR;

 L-istabbiliment ta' politika teknika unifikata fil-qasam tal-valutazzjoni tal-konformità għal-laboratorji tal-ittestjar, l-iżgurar ta' fiduċja nazzjonali u internazzjonali, l-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-prestazzjoni u t-trasparenza, u l-iżgurar ta' sensibilizzazzjoni u kompetenza fil-qasam tal-protezzjoni bijoloġika;

▼C1

 Il-bini ta' kapaċità fid-dijanjosi molekulari ta' mard relatat ma' PPP.

▼B

3.2.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

 It-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali għas-sorveljanza u l-previżjoni fil-mediċina veterinarja;

 L-iżvilupp ta' għodod nazzjonali effettivi ta' dijanjosi u sorveljanza, ibbażati fuq l-RT-PCR u strumenti isotermali tal-PCR (R&Ż, validazzjoni u implimentazzjoni fil-laboratorji);

 L-implimentazzjoni ta' monitoraġġ effettiv tal-mard tal-annimali (inkluż il-mard żoonotiku);

▼C1

 Il-ħolqien ta' kapaċità umana fid-dijanjosi molekulari ta' mard relatat ma' PPP (taħriġ fil-laboratorju dwar tekniki tal-PCR).

▼B

3.2.4.   Benefiċjarji tal-proġett

 Servizz tal-Istat tal-Ukrajna dwar is-Sikurezza Alimentari u l-Protezzjoni tal-Konsumatur;

 Riċevitur ta' assistenza: Ċentru Nazzjonali Xjentifiku “Institute for Experimental and Clinical Veterinary Medicine” (Kharkiv, Ukrajna).

3.3.   Sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ għax-xjenzati tal-ħajja dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà

3.3.1.   Objettiv tal-proġett

 It-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi u tal-bijoetika fl-Ukrajna permezz tas-sensibilizzazzjoni tax-xjenzati tal-ħajja fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), inkluż l-infurzar ta' miżuri domestiċi effettivi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom.

3.3.2   Deskrizzjoni tal-proġett

 Il-ħolqien ta' tim ta' ħarrieġa minn istituzzjonijiet differenti tax-xjenzi tal-ħajja Ukreni li ser ikunu jistgħu jxerrdu għarfien modern dwar il-prinċipji tal-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika, l-aħjar prattiki tal-laboratorju, u tekniki u metodi għall-ġestjoni tal-bijoriskju fil-laboratorji;

 It-titjib tar-riżorsi attwali għal aktar tixrid tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika fost l-għalliema, l-istudenti u r-riċerkaturi fix-xjenzi tal-ħajja u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra b'kont sħiħ meħud tal-Proġett P633 taċ-Ċentru tax-Xjenza u t-Teknoloġija fl-Ukrajna, “L-Edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fl-Ukrajna”;

 L-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-kapaċitajiet ta' taħriġ wara li jitlesta l-proġett.

3.3.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

 Aktar sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u nazzjonali fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi;

 Aktar kapaċità tax-xjenzati tal-ħajja biex jittrattaw b'mod sikur materjali bijoloġiċi perikolużi;

 Aktar kapaċità tax-xjenzati tal-ħajja Ukreni biex inaqqsu r-riskji ta' użu żbaljat possibbli ta' materjali u tagħmir li jużaw waqt ir-riċerka tagħhom kif ukoll l-użu żbaljat tal-għarfien u r-riżultati tagħhom;

 L-istabbiliment ta' tim qawwi ta' ħarrieġa dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà għax-xjenzati tal-ħajja;

 Riżors imtejjeb u sostenibbli għat-tixrid mill-bogħod tal-għarfien dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika.

3.4.   Benefiċjarji tal-proġett

 Il-Ministeru għas-Saħħa

4.   Appoġġ amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-proġetti

Persunal iddedikat fis-Segretarjat tal-OSKE u fl-uffiċċju tal-Koordinatur tal-Proġetti tal-OSKE fl-Ukrajna ser jikkoordina u jiġġestixxi l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġetti stabbiliti fit-Taqsima 3 sabiex jiġi żviluppat aktar il-qafas kollaborattiv bejn is-sħab Ukreni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' proposti ġodda għal proġetti u miżuri nazzjonali rilevanti.

Il-persunal ta' appoġġ ser iwettaq il-kompiti li ġejjin:

 Il-ġestjoni tal-proġetti tul il-passi kollha taċ-ċiklu tal-proġetti;

 It-twettiq ta' sorveljanza finanzjarja ta' kuljum tal-proġetti;

 L-għoti ta' konsulenza esperta teknika u legali, l-appoġġ għall-għoti ta' kuntratti akbar, l-involviment ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, it-twettiq ta' assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità tar-riżultati tanġibbli tal-proġetti approvati, u r-rapportar lill-Unjoni Ewropea.

5.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun 36 xahar.

6.   Entità ta' implimentazzjoni teknika

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata liċ-Ċentru għall-Prevenzjoni ta' Kunflitti tas-Segretarjat tal-OSKE u lill-Koordinatur tal-Proġetti tal-OSKE fl-Ukrajna. L-OSKE ser timplimenta l-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħra, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati sinerġiji effettivi u jiġi evitat xogħol doppju.

7.   Rappurtar

Is-Segretarjat tal-OSKE ser iħejji rapporti regolari, kif ukoll rapporti wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti finali huma mistennija li jiġu ppreżentati lill-Unjoni sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.

8.   Kumitat ta' Tmexxija

Il-Kumitat ta' Tmexxija għal dawn il-proġetti ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli u rappreżentant tal-entità ta' implimentazzjoni msemmija fit-taqsima 6 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jirrevedi regolarment l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għall-inqas darba kull 6 xhur, inkluż permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

9.   Spiża totali stmata tal-proġetti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea

L-ispiża totali tal-proġetti hija EUR 1 913 900 .

Top