Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2018-00702-AS

Appoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri

EESC-2018-00702-AS

MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

ECO/450

Appoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri

OPINJONI

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u li jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu
[COM(2017) 825 final – 2017/0334 (COD)]

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri 
[COM(2017) 826 final – 2017/0336 (COD)]

Amministratur

Alexander ALEXANDROV

Data tad-dokument

02/03/2018

Relatur: Mihai IVAŞCU

Korelatur: Stefano PALMIERI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14/12/2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21/12/2017 u 31/01/2018

Bażi legali

L-Artikoli 175, 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

28/02/2018

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jappoġġja l-proposta għaż-żieda fil-baġit tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) u l-inklużjoni ta’ għodda speċifika għall-implimentazzjoni tar-riforma għall-“impenji ta’ riforma”. Għandha tingħata prijorità lir-riformi li għandhom effetti konsekwenzjali diretti fuq Stati Membri oħrajn.

1.2Il-KESE, f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, jirrakkomanda riformi strutturali mmirati lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inkluż il-bini tal-kapaċità istituzzjonali biex ittejjeb il-kwalità amministrattiva. Dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż u sostnuti minn appoġġ demokratiku, filwaqt li jiġi evitat approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-Istati Membri kollha.

1.3Il-KESE jenfasizza li r-riformi strutturali huma pożittivi mhux biss jekk dawn inaqqsu l-infiq pubbliku, iżda wkoll jekk, f’perjodu qasir, dawn itejbu l-bilanċ tal-baġit tal-Istati Membri fil-perjodu ta’ żmien medju sa dak twil.

1.4Filwaqt li ż-żieda fil-baġit tal-SRSP hija milqugħa, l-iskala tiegħu mhix biżżejjed meta jitqies in-numru dejjem jikber ta’ talbiet mill-Istati Membri. Għall-2018 biss, it-talbiet jammontaw għal ħames darbiet il-baġit propost.

1.5Min-naħa l-oħra, il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-intenzjonijiet tagħha b’mod trasparenti rigward id-distribuzzjoni tal-baġit il-ġdid tal-SRSP - li mhuwiex il-każ f’din il-proposta - u tiżviluppa kriterji tal-għażla ċari.

1.6L-aktar importanti, strateġija ċara fil-livell tal-UE hija essenzjali. Din għandha timmonitorja l-progress u l-livell ta’ żvilupp f’kull Stat Membru, iżda wkoll tippreżenta linji gwida li jipprevedu l-allokazzjoni ta’ fondi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta’ konverġenza. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għandha wkoll tiġi intensifikata, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi l-appoġġ tekniku meħtieġ.

1.7Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jinsabu fit-triq it-tajba biex jissieħbu fiż-żona tal-euro L-aċċelerazzjoni ta’ dan il-proċess hija kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea, kif rakkomandat minn Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa 1 .

1.8Il-KESE jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ regola li permezz tagħha ma jingħata l-ebda finanzjament lil Stat Membru sakemm ma jkunx ikkonsulta mas-soċjetà ċivili organizzata meta jiddeċiedi dwar pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma. Il-konsultazzjoni attiva mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ riformi bbażati fuq l-evidenza, marbuta mas-sitwazzjoni reali fl-ekonomiji ta’ kull Stat Membru.

1.9Il-KESE japprova l-intenzjoni li tiġi pprovduta għodda ġdida ta’ riforma bil-mekkaniżmu finanzjarju speċifiku tagħha fil-qafas pluriennali ta’ wara l-2020.

1.10Il-KESE jirrakkomanda li fuq bażi ta’ każ b’każ, ċerti riformi tal-SRSP għandhom jiġu ffinanzjati u konnessi mal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma, speċjalment fil-każ ta’ sħubija fiż-żona tal-euro jew riformi li jistgħu jkomplu jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea.

2.Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1Fil-pakkett tagħha dwar L-Unjoni Ekonomika u Monetarja ppubblikat f’Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ressqet żewġ proposti speċifiċi għal Regolamenti biex jiġu adottati taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja: waħda dwar it-tisħiħ tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali biex jiżdied l-appoġġ tekniku disponibbli għall-Istati Membri kollha u biex jinħoloq fluss ta’ ħidma speċifiku li jappoġġja Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fil-proċess ta’ konverġenza tagħhom 2 u oħra li tintroduċi bidliet immirati għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jiġu estiżi l-possibbiltajiet ta’ użu tar-riżerva ta' prestazzjoni integrata fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej eżistenti b’appoġġ għal riformi strutturali 3 .

2.2Il-KESE rċieva total ta’ erba’ ittri ta’ konsultazzjoni speċifiċi: tnejn mill-Parlament Ewropew u tnejn mill-Kunsill fuq kull waħda minn dan iż-żewġ proposti għal Regolament. L-għan ta’ din l-Opinjoni, għaldaqstant, huwa li tistabbilixxi l-fehmiet tal-KESE dwar dawn iż-żewġ proposti leġislattivi, b’rispons għat-talbiet istituzzjonali speċifiċi u bla preġudizzju għal xogħol ulterjuri mill-Kumitat dwar il-bqija tal-pakkett tal-UEM tal-Kummissjoni.

2.3Il-KESE jemmen li l-għodda għall-implimentazzjoni tar-riforma tista’ tkun strument importanti biex tgħin lill-Istati Membri li m’għandhomx rekord tajjeb dwar l-infiq tal-fondi strutturali disponibbli biex jagħmlu użu aħjar minnhom u jnaqqsu d-diskrepanzi ekonomiċi.

2.4Għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma biex tgħin fl-impenji ta’ riforma tal-Istati Membri fis-Semestru Ewropew hija kruċjali. Għandha tingħata prijorità għal riformi li għandhom effetti konsekwenzjali diretti fuq Stati Membri oħrajn. Madankollu, il-KESE jappella għal monitoraġġ attiv u dettaljat tal-progress fl-implimentazzjoni, fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

3.Proposti biex jappoġġjaw ir-riformi strutturali fl-Istati Membri

3.1Il-KESE jtenni li huwa essenzjali li l-Istati Membri jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili organizzata meta jiddeċiedu dwar strateġija ta’ riforma strutturali li jkunu jridu jippromovu, kif ukoll matul il-proċess ta’ monitoraġġ permezz tas-Semestru Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li ssir konsultazzjoni ġenwina fl-Istati Membri kollha, il-KESE jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ regola li permezz tagħha ma jiġu allokati ebda fondi sakemm huma ma jkunux ikkonsultaw mas-soċjetà ċivili organizzata meta jiddeċiedu dwar pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma.

3.2Sa mill-introduzzjoni tal-SRSP fl-2017, sittax-il Stat Membru esprimew l-intenzjoni li jibbenefikaw mill-finanzjament tiegħu. Filwaqt li l-baġit allokat kien ta’ EUR 22,5 miljun, il-271 talba qabżu EUR 80 miljun. Għall-2018, il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 30,5 miljun. Madankollu, 24 Stat Membru ppreżentaw 444 talba li b’kollox jaqbżu EUR 150 miljun.

3.3Il-KESE jilqa’ bi pjaċir iż-żieda fil-fondi għall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali iżda għandu dubji dwar l-effettività tal-miżura, meta jitqies il-volum tat-talbiet mill-Istati Membri.

3.4Il-KESE jqis importanti ħafna li l-Kummissjoni tippreżenta b’mod trasparenti l-intenzjonijiet tagħha rigward id-distribuzzjoni tal-baġit il-ġdid tal-SRSP, sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jirċievi sehem ġust tal-appoġġ disponibbli skont r-riformi li jitwettqu.

3.5Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi regoli ċari u oġġettivi għall-għażla ta’ riformi li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ugwali għall-fondi. Barra minn hekk, ir-riformi li jiġu ppreżentati għall-finanzjament għandhom ikunu f’konformità mal-istrateġija tal-UE u mmonitorjati strettament permezz tas-Semestru Ewropew.

3.6Peress li l-Istati Membri diġà għandhom l-inizjattivi ta’ riforma tagħhom, il-KESE jirrakkomanda li l-SRSP għandu jiffoka fuq il-miżuri li jkunu se jappoġġjaw l-aħjar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

3.7Għandu jitfakkar li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw ir-riformi huma stess u dan l-inċentiv mill-baġit tal-SRSP mill-Kummissjoni Ewropea m’għandux ifisser li jistrieħu biss fuq il-finanzjament tal-UE. Il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kollha huwa bbażat fuq is-sussidjarjetà u l-azzjoni responsabbli minn kull Stat Membru.

3.8Meta jitqiesu r-riżorsi limitati, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja riformi u miżuri li jista’ jkollhom effett multiplikatur għall-azzjonijiet li jitwettqu mill-Istati Membri waħedhom.

3.9Il-KESE, f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, jirrakkomanda riformi strutturali mmirati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku: aktar impjiegi u impjiegi aħjar, kompetittività u kompetizzjoni fil-manifattura u s-servizzi, kwalità amministrattiva u istituzzjonali, u sostenibbiltà ambjentali 4 . Dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż, f’konsistenza mal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali (NRPs), u sostnuti minn appoġġ demokratiku, mingħajr approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-Istati Membri kollha.

3.10Meta jitqies l-obbligu tat-Trattat fuq kważi l-Istati Membri kollha biex jissieħbu fl-euro, il-KESE jirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal riformi mmirati lejn l-espansjoni taż-żona tal-euro, u jekk possibbli għandu jiġi allokat finanzjament addizzjonali għal dawn l-objettivi.

3.11L-Unjoni Ewropea tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri nfushom biex timmonitorja l-progress li jsir minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. L-aħjar prattiki għandhom jiġu kondiviżi matul il-proċess u l-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita pjattaforma ta’ komunikazzjoni mfassla għal dan il-għan.

4.Proposta dwar l-introduzzjoni ta’ għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma fir-rigward ta’ appoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri

4.1Filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li t-terminu “riforma strutturali” sar wiesa’ ħafna, il-KESE huwa sodisfatt li d-definizzjoni hija inkluża fir-Regolament propost.

4.2Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-Istati Membri sabiex issegwi possibilitajiet differenti għas-sostenibbiltà fiskali u baġitarja. Ċerti riformi jistgħu jimplikaw aktar infiq pubbliku f’terminu qasir ta’ żmien, sabiex jiġu implimentati proċessi u attivitajiet ġodda li jkunu se jikkontribwixxu għall-iffrankar ta’ riżorsi jew biss għall-ġbir ta’ iktar dħul fil-perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Għalhekk, huwa rrakkomandat li ma jitqisux biss miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda wkoll mezzi biex jiżdied id-dħul fil-baġit.

4.3Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma proposta taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020, b'kunsiderazzjoni li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu mill-qrib ħafna mal-Istati Membri biex jinkisbu integrazzjoni u konverġenza aktar b'saħħithom fl-Unjoni. Il-KESE jappella għal monitoraġġ attiv u dettaljat tal-progress fl-implimentazzjoni, fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

4.4Filwaqt li s-Semestru Ewropew u r-rapporti tal-pajjiżi żviluppati bħala parti minnu jikkostitwixxu mezz prinċipali eċċellenti għall-evalwazzjoni tal-programm ta' riformi strutturali, il-KESE jemmen li għandhom jiġu żviluppati aktar strumenti biex jivvalutaw il-progress b’mod korrett. Dawn l-istrumenti għandhom jitfasslu b’mod speċifiku skont il-ħtiġijiet ekonomiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

4.5Il-KESE jaqbel mas-soluzzjoni temporanja għall-iffinanzjar tal-fażi pilota tal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma permezz tar-riżerva ta' prestazzjoni. Din il-proposta m’għandhiex tinterferixxi mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti, iżda pjuttost għandu jkollha baġit speċifiku separat.

4.6Il-progress li jkun intlaħaq minn kull Stat Membru għandu jiġi mmonitorjat malajr permezz tas-Semestru Ewropew Dan il-proċess tar-rapportar għandu jagħti stampa ċara tal-progress miksub u tal-ħtiġijiet baġitarji ulterjuri.

4.7Peress li l-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma se tikkumplementa l-appoġġ tekniku volontarju pprovdut permezz tal-SRSP, il-KESE jirrakkomanda li fuq bażi ta’ każ b’każ, ċerti riformi għandhom ikunu ffinanzjati u konnessi mal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma, speċjalment fil-każ ta’ sħubija fiż-żona tal-euro jew riformi li jistgħu jkomplu jżidu l-integrazzjoni Ewropea.

Brussell, 28 ta' Frar 2018

Joost VAN IERSEL

Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

_____________

(1)       L-Istat tal-Unjoni 2017
(2)       COM(2017) 825 final
(3)       COM(2017) 826 final
(4)      Pereżempju, titjib fl-ambjent tan-negozju, l-iffinanzjar tal-kumpaniji u n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp; żieda fil-produttività tal-kumpaniji, is-setturi u l-ekonomiji; promozzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba b’pagi ogħla, u fl-istess ħin tnaqqis ta’ impjiegi temporanji u instabbli b’pagi baxxi; tisħiħ tan-negozjar kollettiv, u awtonomija tal-imsieħba soċjali ta' ġo fih, flimkien ma’ djalogu soċjali fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej; riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar effettivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u aktar trasparenti għall-pubbliku; promozzjoni tal-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għall-ħaddiema favur opportunitajiet indaqs u riżultati għall-gruppi soċjali kollha.
Top