Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 17b954dd-8fac-11ea-812f-01aa75ed71a1

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1869 tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)

02017D1869 — MT — 07.04.2020 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1869

tas-16 ta' Ottubru 2017

dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)

(ĠU L 266 17.10.2017, p. 12)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/654 tas-26 ta' April 2018

  L 108

28

27.4.2018

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1545 tal-15 ta' Ottubru 2018

  L 259

31

16.10.2018

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/513 tas-7 ta’ April 2020

  L 113

38

8.4.2020




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1869

tas-16 ta' Ottubru 2017

dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)



Artikolu 1

Missjoni

L-Unjoni b'dan tistabbilixxi u tniedi Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq).

▼M3

Artikolu 2

Objettivi

L-objettivi strateġiċi tal-EUAM Iraq għandhom ikunu li:

(1) 

tipprovdi pariri u għarfien espert lill-awtoritajiet Iraqin fil-livell strateġiku sabiex jidentifikaw u jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni koerenti tal-aspetti ċivili tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà tal-Istrateġija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iraq u l-pjanijiet assoċjati;

(2) 

tanalizza, tivvaluta u tidentifika opportunitajiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u provinċjali għal impenn ulterjuri min-naħa tal-Unjoni b’appoġġ għall-ħtiġijiet tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà ċivili;

(3) 

tinforma u tiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri; u

(4) 

tassisti lid-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-koordinazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tad-dimensjoni ċivili tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà ċivili, biex tiġi żgurata koerenza fl-azzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 3

Kompiti

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2, l-EUAM Iraq għandha twettaq il-kompiti neċessarji f’konformità mad-dokumenti tal-ippjanar tagħha.

▼B

Artikolu 4

Linja ta' kmand u struttura

1.  L-EUAM Iraq għandu jkollha linja ta' kmand unifikata bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi.

2.  L-EUAM Iraq għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha f'Baghdad.

3.  L-EUAM Iraq għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti ta' ppjanar tagħha.

Artikolu 5

Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUAM Iraq. Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija ta' EUAM Iraq.

2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUAM Iraq fil-livell strateġiku, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta' struzzjonijiet fil-livell strateġiku lill-Kap tal-Missjoni kif meħtieġ, u jipprovdilu l-pariri u l-appoġġ tekniku. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

4.  Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), rispettivament. Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operazzjonali (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

6.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fl-Iraq għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Is-Sur Markus RITTER huwa b'dan maħtur bħala l-Kap tal-Missjoni.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-EUAM Iraq u għandu jeżerċita kmand u kontroll tagħha, fil-livell operattiv. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa' direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUAM Iraq fil-qasam ta' responsabbiltà tagħha.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-EUAM Iraq, inkluż responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u t-tagħrif li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-EUAM Iraq. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal tal-EUAM Iraq, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-EUAM Iraq. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE rispettivament.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-EUAM Iraq.

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma' atturi oħra tal-Unjoni fuq il-post, kif adatt. Mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fl-Iraq.

Artikolu 7

Persunal

1.  L-EUAM Iraq għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni u s-SEAE għandhom iġarrbu l-ispejjeż marbuta ma' kwalunkwe membru tal-persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-gratifiki minbarra l-gratifiki għal kull jum applikabbli.

2.  L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar minn jew dwar il-membri tal-persunal li jkunu ssekondaw, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.

3.  Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-EUAM Iraq jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

4.  Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn l-EUAM Iraq u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 8

Status tal-EUAM Iraq u l-persunal tagħha

L-istatus tal-EUAM Iraq u l-persunal tagħha, inkluż kif adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-EUAM Iraq, għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUAM Iraq. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħa għall-ħatra ta' Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u s-setgħa biex jiġi emendat il-Pjan Operazzjonali (OPLAN). Is-setgħat ta' deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUAM Iraq għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUAM Iraq, bil-kondizzjoni li dawn iġarrbu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, il-gratifiki għas-sussistenza għal kull jum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Iraq, u bil-kondizzjoni li jikkontribwixxu għall-ispejjeż operazzjonali tal-EUAM Iraq, kif meħtieġ.

2.  L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUAM Iraq għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-ġestjoni ta' kuljum tal-EUAM Iraq bħall-Istati Membri.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u dwar l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 TUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUAM Iraq.

Artikolu 11

Sigurtà

1.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta' sigurtà u jiżgura li l-EUAM Iraq jimplimenta dawk il-miżuri b'mod korrett u effettiv f'konformità mal-Artikolu 5.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUAM Iraq u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUAM Iraq, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta' sostenn tagħha.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

4.  Il-persunal tal-EUAM Iraq għandu jingħata taħriġ mandatorju ta' sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

Artikolu 12

Kapaċità ta' Sorveljanza

Il-Kapaċità ta' Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-EUAM Iraq.

Artikolu 13

Arranġamenti legali

L-EUAM Iraq għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

▼M3

1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq għall-perijodu mis-16 ta’ Ottubru 2017 sas-17 ta’ Ottubru 2018 għandu jkun ta’ EUR 17 300 000 .

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq għall-perijodu mit-18 ta’ Ottubru 2018 sas-17 ta’ April 2020 għandu jkun ta’ EUR 64 800 000 .

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq għall-perijodu mit-18 ta’ April 2020 sat-30 ta’ April 2022 għandu jkun ta’ EUR 79 500 000 .

L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perijodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

▼B

2.  In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUAM Iraq għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUAM Iraq. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-EUAM Iraq tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUAM Iraq.

3.  L-EUAM Iraq għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, l-EUAM Iraq għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

4.  L-EUAM Iraq għandha tirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u tkun issorveljata minnha fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-ftehim.

5.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta' kmand prevista fl-Artikoli 4, 5 and 6 u r-rekwiżiti operattivi tal-EUAM Iraq.

6.  In-nefqa marbuta mal-EUAM Iraq għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

▼M3

Artikolu 14a

Ċellula ta’ Proġetti

1.  L-EUAM Iraq għandu jkollha Ċellula ta’ Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUAM IRAQ għandha, skont il-ħtieġa, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi parir dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom u b’rispett dovut għall-qafas istituzzjonali tal-Unjoni f’oqsma marbutin mal-EUAM IRAQ u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

2.  L-EUAM IRAQ għandha tkun awtorizzata tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri jew ta’ Stati terzi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EUAM IRAQ, jekk il-proġett ikun:

(a) 

previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma’ din id-Deċiżjoni; jew

(b) 

integrat fid-dikjarazzjoni finanzjarja matul il-mandat tal-EUAM Iraq permezz ta’ emenda mitluba mill-Kap tal-Missjoni.

L-EUAM IRAQ għandha tikkonkludi arranġament ma’ dawk l-Istati, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-EUAM IRAQ fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati Membri li jikkontribwixxu ma jistgħu f’ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet mill-EUAM IRAQ fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.  Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn Stati terzi għaċ-Ċellula ta’ Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.

▼B

Artikolu 15

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.  Ir-RGħ għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha, inkluż il-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fl-Iran sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fl-Iraq.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri preżenti fl-Iraq.

Artikolu 16

Rilaxx ta' informazzjoni

1.  Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUAM Iraq, l-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUAM Iraq, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

2.  Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tkun ġiet iġġenerata għall-finijiet tal-EUAM Iraq, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

3.  Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUAM Iraq u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).

4.  Ir-RGħ jista' jiddelega s-setgħat u l-abbiltà li jikkonkludi l-arranġamenti, imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tiegħu, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u lill-Kap tal-Missjoni, f'konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI għad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u tul taż-żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

▼M3

Hija għandha tapplika sat-30 ta’ April 2022.



( 1 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

Top