REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'23.7.2025
dwar l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tal-listi ta’ operaturi u gruppi ta’ operaturi u tal-informazzjoni essenzjali relatata maċ-ċertifikat ipprovdut lill-operaturi u lill-gruppi ta’ operaturi f’konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 34(9), il-punt (b) tiegħu,
Billi:
(1)F’konformità mal-Artikolu 34(6) tar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu listi aġġornati li jkun fihom l-ismijiet u l-indirizzi tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi li nnotifikaw l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 34(1) ta’ dak ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw b’mod xieraq, inkluż permezz ta’ links għal sit web uniku tal-internet, lista komprensiva ta’ dik id-data, flimkien mal-informazzjoni relatata maċ-ċertifikati pprovduti lil dawk l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi f’konformità mal-Artikolu 35(1) ta’ dak ir-Regolament.
(2)Mill-1 ta’ Jannar 2023, l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ħarġu ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 f’forma elettronika, bl-użu tas-Sistema Elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (36) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 2 . Bl-iżvilupp ta’ TRACES u l-ħruġ elettroniku taċ-ċertifikati f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2119 3 , jenħtieġ li dawk iċ-ċertifikati jiġu ġġenerati awtomatikament u ppubblikati mit-TRACES biex tiżdied it-trasparenza tas-sistema ta’ kontroll fil-produzzjoni organika, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi li jkunu nnotifikaw l-attivitajiet tagħhom skont dik is-sistema.
(3)Meta jitqies li, f’konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-ismijiet u l-indirizzi tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi li nnotifikaw l-attivitajiet tagħhom jenħtieġ li jiġu ppubblikati mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-ismijiet u l-indirizzi tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi li jkunu ġew eżentati mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 35(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandhom jiġu ppubblikati wkoll mill-Istati Membri b’mod xieraq, inkluż permezz ta’ links għal sit web tal-internet uniku. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .
(4)Fid-dawl tad-diversi strutturi organizattivi fi ħdan l-Istati Membri, dawn tal-aħħar jenħtieġ li jiddeterminaw liema korp huwa responsabbli biex jiġi stabbilit u mantnut sit web tal-internet uniku u tiġi ppubblikata d-data. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq sit web tal-Kummissjoni, il-links għas-siti web tal-Istati Membri dwar l-ismijiet u l-indirizzi tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi li jkunu ġew eżentati mill-obbligu li jkollhom fil-pussess tagħhom ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 35(8) tar-Regolament (UE) 2018/848. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija fuq is-sit web tal-Kummissjoni tkun korretta, jenħtieġ li tiġi definita l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi stabbilit u aġġornat is-sit web.
(5)Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi fir-rigward tar-rekords li, f’konformità mal-Artikolu 35(6) tar-Regolament (UE) 2018/848, huma jżommu biex juru l-konformità mal-obbligu tagħhom li jivverifikaw li ċ-ċertifikati tal-operaturi li huma l-fornituri tagħhom, li l-informazzjoni essenzjali dwar kull ċertifikat ta’ operatur jenħtieġ li tibqa’ disponibbli għall-pubbliku fi TRACES għal perjodu ta’ ħames snin mill-ħruġ taċ-ċertifikati, irrispettivament mill-perjodu ta’ validità, it-tiġdid, l-iskadenza, is-sospensjoni jew l-irtirar tagħhom.
(6)Tali informazzjoni essenzjali jenħtieġ li tinkludi n-numru tad-dokument taċ-ċertifikat, l-isem u l-indirizz tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi, l-isem tal-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi, in-numru tal-kodiċi fil-każ tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, l-attività jew l-attivitajiet tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi, il-kategorija jew il-kategoriji ta’ prodotti kif imsemmi fl-Artikolu 35(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, id-data tal-ħruġ, il-perjodu ta’ validità, jekk applikabbli, id-data tat-tiġdid, tal-iskadenza, tas-sospensjoni jew tal-irtirar u, fejn disponibbli, id-direttorju tal-prodotti u/jew tal-kwantità tal-prodotti.
(7)Huwa meħtieġ perjodu ta’ ħames snin biex l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jkunu jistgħu juru li huma awtorizzati jbigħu prodotti organiċi, inklużi prodotti b’ħajja twila fuq l-ixkaffa. Il-perjodu ta’ ħames snin se jżid ukoll it-trasparenza u jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, lill-awtoritajiet ta’ kontroll jew lill-korpi ta’ kontroll, iwettqu b’mod effettiv il-kontrolli uffiċjali, l-investigazzjonijiet uffiċjali u l-eżerċizzji ta’ traċċabbiltà. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 u pprovda l-kummenti formali tiegħu fl-14 ta’ Jannar 2025.
(8)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Disponibbiltà pubblika ta’ ċertifikati maħruġa qabel
1.L-informazzjoni essenzjali dwar iċ-ċertifikati tal-operaturi maħruġa f’konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/848 għandha tibqa’ disponibbli għall-pubbliku fi TRACES għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ħruġ ta’ dawk iċ-ċertifikati.