EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0133

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ April 2024.
Omya CZ s.r.o. vs Generální ředitelství cel.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Nejvyšší správní soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) – Kunċett ta’ ‘proċessi mineraloġiċi’ – Elettriku użat sabiex jitħaddmu magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri.
Kawża C-133/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:335

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) – Kunċett ta’ ‘proċessi mineraloġiċi’ – Elettriku użat sabiex jitħaddmu magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri”

Fil-Kawża C‑133/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Omya CZ s. r. o.

vs

Generální ředitelství cel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u J. Hradil, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Omya CZ s. r. o. (iktar ’il quddiem “Omya”) u l-Generální ředitelství cel (id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) dwar it-tassazzjoni tal-elettriku użat minn Omya għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2003/96

3        L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

[…]

(b)      l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

[…]

–        trattamneti mineraloġiki

‘Trattamenti mineraloġiki’ ifisser it-trattamneti klassifikati fin-nomenklatura NACE taħt kodiċi DI 26 ‘manifattura ta’ prodotti minerali mhux metalliċi’ fir-Regolazzjoni tal-Kunsill (KEE) No 3037/90 tad‑9 ta’ Ottubru 1990 fuq l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 177)].

[…]”

 IrRegolament (KE) Nru 1893/2006

4        Ir-Regolament Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi ta’ l-istatistika (ĠU 2006, L 393, p. 1), li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tiegħu, huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2008, jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament jistabblixxi klassifikazzjoni [nomenklatura] komuni ta’ l-istatisitka fir-rigward ta’ l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjħa n-‘NACE Rev. 2’. Din il-klassifikazzjoni tiżgura li l-klassifikazzjonijiet Komunitarji huma rilevanti għar-realtà ekonomika u ttejjeb il-komparabilità bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali, tal-Komunità u internazzjonali u, b’hekk, ta’ l-istatistika nazzjonali, tal-Komunità u internazzjonali.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-użu tal-klassifikazzjonijiet għal għanijiet ta’ statistika.”

5        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1893/2006 jipprevedi:

“Il-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura t-tixrid, iż-żamma u l-promozzjoni tan-NACE Rev. 2, partikularment billi:

(a)      tabbozza, taġġorna u tippubblika noti ta’ spjegazzjoni għan-NACE Rev. 2;

(b)      tfassal u tippubblika linji ta’ gwida biex l-unitajiet ta’ l-istatistika jkunu klassifikati skond in-NACE Rev. 2;

(c)      tippubblika tabelli ta’ korrispondenza bejn in-NACE Rev. 1.1 u n-NACE Rev. 2 u bejn in-NACE Rev. 2 u n-NACE Rev. 1.1;

(d)      taħdem sabiex ittejjeb il-konsistenza ma’ klassifikazzjonjiet oħra soċjali u ekonomiċi.”

6        Id-Diviżjoni 08, intitolata “Minjieri u barrieri oħra”, li tinsab fit-Taqsima B, intitolata “Minjieri u Barrieri [Industriji Estrattivi]”, tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 tinkludi Grupp 08.1, intitolat “Qtugħ ta’ ġebel, ramel u tafal mill-barrieri”, li minnu tagħmel parti l-Kategorija 08.11, intitolata “Qtugħ ta’ ġebel ornamentali u ġebel tal-bini, ġebel tal-franka, gypsum, ġibs, u lavanja”.

7        Id-Diviżjoni 23, intitolata “Manifattura ta’ prodotti oħra mhux metalliċi”, tat-Taqsima C, intitolata “Manifattura”, tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 tikkorrispondi għall-Kodiċi DI 26 imsemmi fir-Regolament Nru 3037/90 u tinkludi, b’mod partikolari, il-Grupp 23.7, intitolat “Qtugħ, iffurmar u rfinar ta’ ġebel”, li minnu tagħmel parti l-Kategorija 23.70, li għandha l-istess intestatura.

 IrRegolament (KE) Nru 451/2008

8        Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistiska ġdida tal-prodotti skond l-attività (KPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU 2008, L 145, p. 65):

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi [klassifikazzjoni statistiska ġdida tal-prodotti skond l-attività (KPA)] fi ħdan il-Komunità, sabiex tkun żgurata r-rilevanza fir-rigward tar-realtà ekonomika u tal-komparabbiltà bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali u, b’hekk, bejn statistika nazzjonali, statistika Komunitarja u statistika internazzjonali.”

9        L-Anness tar-Regolament Nru 451/2008 jinkludi l-KPA.

 IrRegolament (KE) Nru 1209/2014

10      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1209/2014, tad‑29 ta’ Ottubru 2014, li jemenda r-Regolament Nru 451/2008 (ĠU 2014, L 336, p. 1) jipprevedi;

“L-Anness tar-Regolament [Nru 451/2008] jinbidel bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.”

11      L-Anness tar-Regolament Nru 1209/2014 jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima C, intitolata “Prodotti manifatturati”, li tinkludi d-Diviżjoni 23, intitolata “Prodotti oћra minerali li m’humiex metallici”, li minnha jagħmel parti l-Grupp 23.7, intitolat “Ġebel maqtugħ, iffurmat u rfinut ”, li jinkludi l-Kategorija 23.70, intitolata “Ġebel maqtugħ, iffurmat u rfinut”, li fiha tinsab il-Kategorija 23.70.1, intitolata “Ġebel maqtugħ, iffurmat u rfinut”, li tinkludi s-subkategorija 23.70.11, intitolata “Irħam, travertin, alabastru, maħduma, u oġġetti magħmula minnhom (minbarra setts, ġebel għat-tarf tal-bankina, ċangaturi, madum, kubi u oġġetti simili); frak ikkulurit b’mod artifiċjali, ċipps u trab tal-madum, travertin u alabastru”.

 InNoti ta’ Spjega

12      Il-Parti I tan-NACE Rev.2 Nomenklatura Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea, ippubblikata mill-Eurostat fil-kollezzjoni tagħha Metodoloġiji u Dokumenti ta’ Ħidma (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega”), tinkludi, b’mod partikolari, il-linji gwida introduttorji li ġejjin:

“[…]

48      Unità tista’ twettaq attività ekonomika waħda jew iktar li jikkorrispondu għal intestatura waħda jew iktar tan-NACE.

49      L-attività prinċipali ta’ unità statistika hija dik l-attività li tikkontribwixxi l-iktar għall-valur miżjud totali ta’ din l-unità. L-attività prinċipali hija identifikata mill-hekk imsejjaħ metodu “minn fuq għal isfel” […] u mhux neċessarjament tirrappreżenta 50 % jew iktar tal-valur miżjud totali tal-unità.

[…]

58      Ma’ kull unità inkluża f’direttorju statistiku tan-negozju […] għandu jkun assoċjat kodiċi NACE skont l-attività ekonomika ewlenija tagħha. L-attività prinċipali hija dik l-attività li tikkontribwixxi l-iktar għall-valur miżjud tal-unità. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Il-parti IV tan-Noti ta’ Spjega tindika, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-taqsimiet B u Ċ li hija tinkludi:

“Taqsima B      Industriji Esrattivi

L-industriji estrattivi jinkludu l-estrazzjoni ta’ prodotti minerali li jinstabu fi stat naturali f’forma solida (faħam u minerali), likwidu (żejt) jew gass (gass naturali). […]

Din it-taqsima għandha tinkludi l-operazzjonijiet addizzjonali meħtieġa għat-tħejjija tal-materja prima għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha, pereżempju: it-tifrik it-tħin, it-tindif, it-tnixxif, is-separazzjoni, il-konċentrazzjoni tal-minerali, il-likwifikazzjoni tal-gass naturali u l-agglomerazzjoni tal-karburanti solidi. Dawn l-operazzjonijiet spiss jitwettqu mill-unitajiet li jwettqu l-estrazzjoni u/jew li jkunu jinsabu qrib is-sit.

[…]

Din it-taqsima ma tinkludix:

–        l-ipproċessar tal-materjali estratti, ara t-Taqsima C (Industrija tal-Manifattura)

[…]

–        it-tifrik, it-tħin u operazzjonijiet oħra ta’ tħejjija ta’ ċerti artijiet, blat u minerali, meta dawn l-operazzjonijiet ma jkunux relatati ma’ xogħlijiet ta’ estrazzjoni, ara 23.9.

[…]

08      Industriji estrattivi oħrajn

Din id-diviżjoni tkopri l-estrazzjoni fil-barriera iżda wkoll it-tħammil ta’ alluvji, it-tħin tal-blat jew l-operat ta’ marġ salmastru. Il-prodotti jintużaw b’mod partikolari fil-kostruzzjoni (ramel, ġebel, eċċ.), il-manifattura ta’ materjali (tafal, gypsum, ġeba tal-ġir, eċċ.), il-manifattura ta’ prodotti kimiċi, eċċ.

Din id-diviżjoni ma tinkludix l-ipproċessar (ħlief għat-tifrik, tħin, qtugħ, tindif, tnixxif, separazzjoni u taħlit) ta’ prodotti minerali estratti.

[...]

Taqsima C      Industrija tal-manifattura

Din it-taqsima tinkludi t-trasformazzjoni fiżika jew kimika ta’ materjali, sustanzi jew komponenti fi prodotti ġodda, anki jekk dan il-kriterju ma huwiex biżżejjed biex jiddefinixxi l-industrija tal-manifattura (ara hawn taħt l-osservazzjoni dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart). Il-materjali, is-sustanzi jew il-komponenti pproċessati huma materja prima prodotta mill-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd jew l-industriji estrattivi kif ukoll prodotti oħra li jirriżultaw min attivitajiet oħra ta’ manifattura. Bidla sostanzjali, rinnovazzjoni u rikostruzzjoni ta’ oġġetti ġeneralment jitqiesu bħala attivitajiet ta’ manifattura.

Il-prodott li jirriżulta minn operazzjoni ta’ ipproċessar jista’ jitlesta, jiġifieri jkun lest biex jintuża jew jiġi kkonsmat jew jista’ jkun parzjalment lest, jiġifieri jidħol fil-kompożizzjoni ta’ manifattura oħra. […]

[…]

Nota: […] B’mod ġenerali, il-manifattura tikkonsisti fl-ipproċessar ta’ materjali fi prodotti ġodda. Ir-riżultat tal-produzzjoni huwa prodott ġdid. […]

[…]

[…] hemm attivitajiet li, għalkemm jinkludu proċessi ta’ trasformazzjoni, huma kklassifikati f’taqsima oħra tan-NACE (u għaldaqstant ma humiex meqjusa bħala manifattura). […]

[…]

23      Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi

Din id-diviżjoni tinkludi diversi attivitajiet ta’ manifattura relatati ma’ kull waħda mill-istess materjal ta’ oriġini minerali. [...] Fl-aħħar nett, ix-xogħol tal-ġebel u ta’ prodotti minerali oħra jinsab ukoll f’din id-diviżjoni.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt Ċek

14      Skont l-Artikolu 8(2)(f) tat-Taqsima 47 taz- zákon č. 261/2007 Sb., o stabilizaci veřejných rozpočtů (il-Liġi Nru 261/2007 dwar l-Istabbilizzazzjoni tal-Baġits Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 261/2007”), l-elettriku intiż sabiex jintuża jew li jintuża għal proċessi mineraloġiċi huwa eżentat mit-taxxa.

15      Skont l-Artikolu 2(1)(g) tat-Taqsima 47 tal-Liġi Nru 261/2007, “proċess mineraloġiku” jfisser kull proċess imsemmi fil-klassifikazzjoni NACE taħt il-kodiċi C 23, intitolat “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”.

16      Skont l-Artikolu 2(1)(e) tat-Taqsima 47 tal-Liġi Nru 261/2007, “klassifikazzjoni NACE” tfisser il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi li jinsabu fir-Regolament Nru 1893/2006.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Omya hija kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Ċek attiva fil-qtugħ mill-barrieri u l-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir, b’mod iktar partikolari tal-irħam. F’dan ir-rigward, hija inkarigata mill-ftuħ, mit-tħejjija u mill-estrazzjoni ta’ depożitu kompost esklużivament minn ġebla tal-ġir f’barriera, li fiha hija twettaq it-tifrik primarju u s-separazzjoni tal-ġebla tal-ġir maqtugħa. Dan il-materjal huwa sussegwentement ittrasportat permezz ta’ trakkijiet lejn unitajiet ta’ pproċessar li hija topera, li jinsabu qrib din il-barriera, li fihom il-ġebla tal-ġir maqtugħa tiġi pproċessata sabiex tinkiseb granulometrija speċifika. B’mod partikolari, l-imsemmi materjal huwa suġġett għal ħasil inizjali, għal separazzjoni f’frazzjonijiet fini u ħoxnin u għal tnixxif ulterjuri. Sussegwentement, il-ġebla tal-ġir titfarrak jew tiġi pproċessata permezz ta’ tħin fin-niexef sabiex jinkiseb granulat tal-ġebla tal-ġir, b’mod iktar preċiż, materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili (fillers) fin u oħxon jew materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin b’superfiċje mmodifikat. Sabiex tikseb dan il-materjal minerali għall-milli, Omya tuża apparat elettriku għat-tisħin li “jsaħħan l-arja sħuna”, li fih il-materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin jitħallat mal-istearina.

18      Fil‑11 ta’ Lulju 2019, abbażi tal-Artikolu 8(2)(f) tat-Taqsima 47 tal-Liġi Nru 261/2007, Omya, ressqet talba għall-ħruġ ta’ permess ta’ xiri ta’ elettriku b’eżenzjoni mit-taxxa, prevista mil-leġiżlazzjoni Ċeka, fid-dawl tal-użu ta dan l-elettriku fi proċessi mineraloġiċi. F’dan ir-rigward, hija indikat li kemm l-operazzjonijiet primarji ta’ tifrik u ta’ separazzjoni mwettqa fil-barriera kif ukoll l-operazzjonijiet imwettqa fl-unitajiet ta’ pproċessar kienu jikkostitwixxu proċessi mineraloġiċi.

19      Iċ-Celní úřad pro Olomoucký kraj (l-Uffiċċju Doganali tar-Reġjun ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) ċaħad din it-talba għar-raġuni li l-attivitajiet li għalihom Omya talbet l-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku ma kinux jaqgħu taħt it-Taqsima C, intitolata “Industrija tal-Manifattura”, Diviżjoni 23, intitolata “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”, tan-Nomenklatura NACE Rev. 2, iżda taħt it-Taqsima B, intitolata “Industriji Estrattivi”, b’mod iktar preċiż id-Diviżjoni 08, intitolata “Industriji Oħra Estrattivi”, Grupp 08.1, intitolata “Qtugħ ta’ ġebel, ramel u tafal mill-barrieri”, Kategorija 08.11 intitolata “Qtugħ ta’ ġebel ornamentali u ta’ ġebel tal-bini, ta’ ġebel tal-ġir, ta’ gypsum, ta’ ġibs, u ta’ lavanja”, ta’ din in-nomenklatura.

20      Adit b’appell ippreżentat minn Omya kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Doganali tar-Reġjun ta’ Olomouc, id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana kkonferma din id-deċiżjoni, filwaqt li rrikonoxxa li l-każ inkwistjoni kien każ ambigwu. Huwa indikat li t-tħin u t-tifrik tal-ġebel, meta dawn jikkostitwixxu attivitajiet anċillari għall-qtugħ tiegħu mill-barrieri, pereżempju, sabiex jiġi sseparat, sabiex tittejjeb il-kwalità, jew sabiex jiġi ffaċilitat it-trasport ta’ dan il-ġebel, jaqgħu taħt it-Taqsima B tan-Nomenklatura NACE Rev. 2. Min-naħa l-oħra, meta ma jkunux jikkostitwixxux tali attivitajiet anċillari u jkunu jagħmlu parti mill-proċess ta’ manifattura ta’ prodott lest ieħor, bħal, b’mod partikolari, is-siment jew il-gypsum, dawn jaqgħu taħt it-Taqsima C ta’ din in-nomenklatura. Madankollu, fil-fehma tad-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, it-tnixxif, it-tħin u t-tifrik imwettaq mill-Omya huma marbuta direttament mal-qtugħ tal-ġebla tal-ġir. Il-materja prima estratta tidher li ma tiġix ittrasformata b’mod sostanzjali tali li jwassal għall-manifattura ta’ prodott ġdid.

21      Omya kkontestat id-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tad-Dwana quddiem il-Krajský soud v Ostravě — pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava — sezzjoni ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka), li annullat din id-deċiżjoni billi qieset li l-attività inkwistjoni kienet tikkostitwixxi proċess mineraloġiku. F’dan ir-rigward, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-verżjoni Ċeka tan-Noti ta’ Spjega, din il-qorti qieset li l-attività li tikkonsisti fil-manifattura ta’ materjal minerali għall-mili u ta’ skrapp tal-irħam taqa’ taħt it-Taqsima C, intitolata “L-Industrija tal-manifattura”, Taqsima 23, intitolata “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”, Kategorija 23.70, intitolata “Qtugħ, iffurmar u rfinar tal-ġebel”, tan-Nomenkaltura NACE Rev. 2, peress li tali attività ma hijiex sempliċi attività anċillari eżerċitata b’rabta diretta mal-qtugħ tal-ġebla tal-ġir stess.

22      Skont il-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava — sezzjoni ta’ Olomouc), din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-klassifikazzjoni statistika Ċeka msejħa CZ-CPA, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1209/2014, li hija marbuta mal-verżjoni Ċeka tan-Nomenklatura NACE Rev. 2. Fil-fatt, il-prodotti li jirriżultaw mill-attivitajiet eżerċitati minn Omya, jiġifieri t-trab tal-irħam (fillers) u l-iskrapp tal-irħam (granulat), huma kklassifikati fil-klassifikazzjoni statistika Ċeka msejħa CZ-CPA, fit-Taqsima C, intitolata “Prodotti mmanifatturati”, Taqsima 23, intitolata “Prodotti minerali oħra mhux metalliċi, inklużi s-servizzi u xogħlijiet anċillari”, Kategorija 23.70, intitolata “Ġebel maqtugħ, iffurmat u rfinut, inklużi l-operazzjonijiet sottokuntrattati”, bħala prodotti tal-attività li taqa’ taħt il-punt 23.70.11, intitolat “Irħam, travertin, alabastru, maħduma, u oġġetti magħmula minnhom (minbarra setts, ġebel għat-tarf tal-bankina, ċangaturi, madum, kubi u oġġetti simili); granulat, skrapp u trab tal-irħam, travertin u alabastru, kkuluriti artifiċjalment”.

23      Id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana appella mis-sentenza tal-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava — sezzjoni ta’ Olomouc) quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu huwa jżżomm il-pożizzjoni u t-talbiet inizjali tiegħu. Fil-fehma tiegħu, dawn il-konklużjonijiet huma konformi mal-metodoloġija segwita min-nomenklatura NACE Rev. 2, jiġifieri l-metodu msejjaħ “minn fuq għal isfel”. Fil-fatt, it-tifrik, it-tħin, il-ħasil u t-tnixxif tal-ġebel jikkostitwixxu dejjem, essenzjalment, attività anċillari għall-qtugħ tiegħu u qatt ma jidhru f’din il-klassifikazzjoni bħala attività totalment distinta minn tali qtugħ. Il-Klassifikazzjoni KPA bl-ebda mod ma tbiddel din l-interpretazzjoni. Fl-aħħar nett, id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana jenfasizza li, fil-każ ineżami, l-elettriku ma jintervjenix direttament fil-proċess mineraloġiku iżda li huwa sempliċement użat sabiex jitħaddem tagħmir neċessarju għall-ipproċessar mekkaniku tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri mingħajr ma jkun hemm trasformazzjoni tagħha. Konsegwentement, l-attività eżerċitata minn Omya ma għandhiex tagħti lok għal eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku użat minn din il-kumpannija.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)[(b)] tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96 tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku għandu jiġi interpretat li l-elettriku użat sabiex jitħaddmu l-magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri, li jikkonsisti f’diversi stadji ta’ tħin u ta’ tifrik sakemm tinkiseb granulometrija speċifika, kemm fil-barriera minn fejn tinqata’ kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ pproċessar li jinsabu fil-qrib, huwa elettriku użat għal trattamenti mineraloġiċi?”

 Fuq iddomanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ elettriku għat-tħaddim ta’ magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri li jikkonsisti f’diversi stadji ta’ tħin u ta’ tifrik tagħha sal-kisba ta’ materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin jew oħxon jew materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin b’superfiċje mmodifikata jikkostitwixxi użu ta’ elettriku għall-finijiet ta’ proċessi mineraloġiċi.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sensiela ta’ prodotti tal-enerġija u l-elettriku li jintużaw għall-finijiet imsemmija f’dan l-artikolu. Għalhekk, il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni ma humiex suġġetti għat-taxxa konformement ma’ din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C‑465/15, EU:C:2017:640, punt 19), li jfisser li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jintaxxawhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, X, C‑426/12, EU:C:2014:2247, punt 30 l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4) (b) tad-Direttiva 2003/96, l-użu tal-elettriku għall-finijiet tal-proċessi mineraloġiċi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

28      Għaldaqstant, sabiex użu tal-elettriku jkun eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, dan għandu, minn naħa, isir fil-kuntest ta’ “proċess mineraloġiku”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, ikollu rabta suffiċjenti mal-imsemmi proċess għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni.

29      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġu pprovduti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda l-elettriku użat għall-funzjonament tal-magni użati sabiex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ilkundizzjoni dwar leżistenza ta’ “proċess mineraloġiku”, fissens talħames inċiż talArtikolu 2(4)(b) tadDirettiva 2003/96

30      Fl-ewwel lok, il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jiddefinixxi l-“proċessi mineraloġiċi” bħala l-proċessi kklassifikati fin-nomenklatura statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) taħt il-kodiċi DI 26 “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi” li tinsab fir-Regolament Nru 3037/90.

31      Wara l-aġġornament ta’ din il-klassifikazzjoni permezz tar-Regolament Nru 1893/2006, u fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għall-kunċett ta’ “proċessi mineraloġiċi” li jinsab fil-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, li għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-proċessi kklassifikati fit-Taqsima C, intitolata “L-industrija tal-Manifattura”, Taqsima 23, intitolata “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux tal-metalliċi” tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 stabbilita minn dan ir-regolament.

32      Għaldaqstant, mill-kliem stess tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ proċess bħala “proċess mineraloġiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tiddependi esklużivament mill-klassifikazzjoni tal-attività ekonomika li fil-kuntest tagħha jitwettaq dan il-proċess fid-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2.

33      Minn dan isegwi li hija biss din il-klassifikazzjoni li hija rilevanti għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni, peress li ebda nomenklatura jew klassifikazzjoni oħra, bħal b’mod partikolari l-klassifikazzjoni KPA, ma għandha, għaldaqstant, effett għal dawn l-għanijiet.

34      Fit-tieni lok, sabiex jiġi vverifikat jekk attività taqax taħt id-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-Noti ta’ Spjega.

35      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li n-Nomenklatura NACE Rev. 2 hija element mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li timponi l-użu ta’ din il-klassifikazzjoni fl-Istati Membri kollha. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ffaċilitat tali użu, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1893/2006 jimponi fuq il-Kummissjoni li tiżgura t-tixrid, il-ġestjoni u l-promozzjoni tal-imsemmija nomenklatura, b’mod partikolari, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ noti ta’ spjega.

36      Issa, għalkemm huwa minnu li noti ta’ spjega bħal dawk dwar in-Nomenklatura NACE Rev. 2 ma jipproduċux, bħala tali, effetti vinkolanti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jipprovdu elementi utli għall-interpretazzjoni ta’ din il-klassifikazzjoni, b’mod partikolari meta huma jiċċaraw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha jew meta jkollhom l-għan li jippreċiżaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom natura vinkolanti. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, PH (Projbizzjoni reġjonali ta’ kultivazzjoni ta’ OMĠ ), C‑24/21, EU:C:2022:526, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin fin-Nomenklatura NACE Rev. 2, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn iż-żewġ operazzjonijiet huma essenzjali fl-ipproċessar tal-blat sabiex jiġi prodott granulat ta’ granulometrija iktar fina. Dawn huma intiżi sabiex jifframmentaw il-blat maqtugħ mill-barrieri sabiex inaqqsu d-daqs tiegħu u jiksbu elementi jew partiċelli ta’ daqs iżgħar u ta’ granulometrija partikolari, li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala tali jew, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-granulometrija tagħhom, bl-għan li eventwalment jiġu pproċessati ulterjorment.

38      Mill-informazzjoni dwar it-Taqsima C, intitolata “Industrija tal-Manifattura”, li tinsab fin-Noti ta’ Spjega jirriżulta li attività ta’ manifattura hija differenti minn attivitajiet oħra li jaqgħu taħt intestaturi oħra ta’ din in-nomenklatura minħabba l-fatt li din tinvolvi t-trasformazzjoni fiżika jew kimika ta’ materjali fi prodotti ġodda, li jistgħu jkunu kemm prodotti finali, jiġifieri prodotti li huma lesti sabiex jintużaw jew jiġu kkonsmati, kif ukoll prodotti nofshom lesti, jiġifieri prodotti li jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ prodott ieħor. Barra minn hekk, id-Diviżjoni 23 ta’ din it-taqsima, intitolata “Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”, tinkludi, skont in-Noti ta’ Spjega, ix-xogħol tal-ġebel u ta’ prodotti minerali oħra.

39      Fid-dawl tal-fatt li t-tifrik u t-tħin iwasslu għat-trasformazzjoni fiżika tal-materjal estratt, b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar dan il-materjal jinqasam f’biċċiet żgħar, kull operazzjoni ta’ tifrik jew ta’ tħin ta’ ġebel jew ta’ prodotti minerali oħra tista’ titqies li taqa’ taħt id-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2.

40      Madankollu, konformement mal-informazzjoni dwar it-Taqsima B, intitolata “Industriji Estrattivi”, li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega, l-operazzjonijiet addizzjonali meħtieġa għat-tħejjija tal-materja prima għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha bħal, fost l-oħrajn, it-tifrik, it-tħin, it-tindif, it-tnixxif u s-separazzjoni, jaqgħu taħt din it-taqsima, li madankollu ma tinkludix, b’mod partikolari, it-tifrik, it-tħin u operazzjonijiet oħra ta’ tħejjija ta’ ċerti artijiet, blat u minerali, meta dawn l-operazzjonijiet ma jkunux marbuta ma’ xogħlijiet ta’ estrazzjoni. Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega jippreċiżaw li d-Diviżjoni 08 tat-Taqsima B ma tinkludix l-ipproċessar (ħlief għat-tifrik, tħin, qtugħ, tindif, tnixxif, separazzjoni u taħlit) tal-prodotti minerali estratti.

41      Minn dan isegwi li, għalkemm huwa minnu, hekk kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tan-Noti ta’ Spjega, li l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin jinvolvu l-ipproċessar tal-materjali estratti, dawn l-operazzjonijiet madankollu ma jaqgħux taħt it-Taqsima C ta’ din in-nomenklatura, iżda taħt it-Taqsima B, meta huma jkunu neċessarji għat-tħejjija ta’ dawn il-materjali għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, b’tali mod li jikkostitwixxu operazzjonijiet marbuta max-xogħlijiet ta’ estrazzjoni.

42      Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni dwar l-imsemmija Taqsimiet B u C li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega, għandu jitqies li l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin li ma jinvolvux trasformazzjoni sostanzjali tal-materjal estratt, jiġifieri bidla fiżika jew kimika li tmur lil hinn mill-frammentazzjoni ta’ dan il-materjal sabiex jitnaqqas id-daqs tiegħu, għandhom jitqiesu bħala operazzjonijiet marbuta max-xogħlijiet ta’ estrazzjoni sabiex titħejja l-materja prima bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha u bħala li jaqgħu, konsegwentement, taħt it-Taqsima B tan-Nomenklatura NACE Rev. 2. Min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin li jinvolvu bidla fiżika jew kimika sostanzjali tal-materjal estratt, fis-sens indikat, għandhom jitqiesu bħala operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni ta’ dan il-materjal fi prodott ġdid u bħala li jaqgħu, konsegwentement, taħt it-Taqsima C tal-imsemmija nomenklatura.

43      Il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin tal-materjal estratt jitwettqu fil-barriera jew f’post ieħor ma huwiex fih innifsu determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet fit-Taqsima B jew fit-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2, peress li hija biss in-natura tal-imsemmija operazzjonijiet li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dawn il-finijiet, kif jirriżulta mill-informazzjoni dwar dawn is-sezzjonijiet li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega.

44      Fil-każ ineżami, Omya talbet il-ħruġ ta’ permess ta’ xiri ta’ elettriku b’eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku għall-attivitajiet kollha tagħha relatati mal-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri, jiġifieri, minn naħa, l-operazzjonijiet primarji ta’ tifrik u ta’ tħin tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mwettqa fil-barriera nnifisha kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin fin-niexef intiżi sabiex tinkiseb granulometrija speċifika, jiġifieri materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili b’superfiċje mmodifikata, imwettqa fl-unitajiet ta’ pproċessar li hija topera.

45      Issa, minn naħa, peress li l-operazzjonijiet primarji kollha ta’ tifrik u ta’ tħin imwettqa fil-barriera kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin fin-niexef imwettqa fl-unitajiet ta’ pproċessar sabiex jinkiseb materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin u oħxon għandhom biss bħala effett il-frammentazzjoni tal-ġebla tal-ġir maqtugħa mill-barrieri, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn l-operazzjonijiet ma jinvolvux it-trasformazzjoni sostanzjali tal-imsemmija ġebla tal-ġir, fis-sens indikat fil-punt 42 tas-sentenza preżenti u li, għaldaqstant, dawn għandhom jitqiesu li huma operazzjonijiet marbuta max-xogħlijiet ta’ estrazzjoni u li għalhekk jaqgħu taħt it-Taqsima B tan-Nomenklatura NACE Rev. 2.

46      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin intiżi sabiex jinkisbu materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin li s-superfiċje tiegħu tkun immodifikata, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li tali materjal minerali jinkiseb b’mod partikolari billi jitħallat materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin u l-istearina. Għaldaqstant, jidher li dawn l-operazzjonijiet ma humiex limitati għal sempliċi frammentazzjoni f’biċċiet żgħar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa iżda jinvolvu bidla sostanzjali tal-imsemmija ġebla tal-ġir li twassal għall-manifattura, mill-materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin, ta’ prodott ġdid. Konsegwentement, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt it-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 u li jistgħu jiġu kklassifikati taħt id-Diviżjoni 23 ta’ din it-taqsima.

47      Fir-raba’ u l-aħħar lok, sa fejn, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana allega, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 ma hijiex konformi mal-metodoloġija ta’ din in-nomenklatura, jiġifieri l-metodu msejjaħ “minn fuq għal isfel”, għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ proċess bħala “proċess mineraloġiku”, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96.

48      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mil-linji gwida introduttorji li jinsabu fil-Parti I tan-Noti ta’ Spjega, ma’ kull unità li isimha jidher f’direttorju statistiku ta’ impriżi hemm assoċjat kodiċi tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 li jikkorrispondi għall-attività prinċipali tagħha, jiġifieri dik li tikkontribwixxi l-iktar għall-valur miżjud tal-unità. F’dan il-kuntest, il-metodu msejjaħ “minn fuq għal isfel” jippermetti li tiġi ddeterminata għall-finijiet tar-Regolament Nru 1893/2006, jiġifieri, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan tal-aħħar, għal finijiet statistiċi, il-klassifikazzjoni ta’ unità li teżerċita diversi attivitajiet li jikkorrispondu għal iktar minn żewġ intestaturi differenti tal-imsemmija nomenklatura, meta ebda waħda minn dawn l-intestaturi ma tkun tirrappreżenta iktar minn 50 % tal-valur miżjud.

49      Issa, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96 għandu l-għan li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, billi jeskludi mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni l-użu tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku msemmija fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

50      F’dan ir-rigward, xejn f’din id-direttiva ma jippermetti li jitqies li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva, eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar l-elettriku użat fil-proċessi mineraloġiċi, jiġifieri l-proċessi kklassifikati fid-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2, huwa kellu l-intenzjoni li jillimita din l-esklużjoni biss għall-każijiet fejn il-proċessi li magħhom huwa marbut l-użu tal-elettriku jikkostitwixxu l-unika attività ta’ kumpannija jew, fir-rigward ta’ kumpannija li teżerċita diversi attivitajiet, l-attività prinċipali tagħha, kif iddeterminata għall-finijiet tar-Regolament Nru 1893/2006.

51      Barra minn hekk, tali limitazzjoni tmur kontra l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/96, jiġifieri, hekk kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fil-fatt, li kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 kien limitat b’riferiment għall-attività prinċipali ta’ impriża, kif iddeterminata għall-finijiet tar-Regolament Nru 1893/2006, l-impriżi li jeżerċitaw diversi attivitajiet li jikkorrispondu għad-diversi intestaturi tan-Nomenklatura NACE Rev. 2, li wħud minnhom jaqgħu taħt id-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C ta’ din in-nomenklatura, jiġu ntaxxati, minħabba l-elettriku użat fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar attivitajiet, b’mod li jkun jiddependi fuq l-istruttura u l-kompożizzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

53      Għaldaqstant, l-użu, mill-istess impriża, ta’ elettriku sabiex tiġi eżerċitata attività waħda jew iktar li jaqgħu taħt id-Diviżjoni 23 tat-Taqsima C tan-Nomenklatura NACE Rev. 2 jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, indipendentement mill-fatt li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu l-attività prinċipali jew attività sekondarja tal-imsemmija impriża għall-finijiet tar-Regolament Nru 1893/2006.

54      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-operazzjonijiet ta’ tifrik u ta’ tħin intiżi sabiex jinkisbu materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin u oħxon ma jikkostitwixxux “proċessi mineraloġiċi”, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, b’tali mod li l-elettriku użat fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ tifrik jew ta’ tħin intiżi sabiex jinkiseb materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin li s-superfiċje tiegħu tkun immodifikata jikkostitwixxu tali proċessi, b’tali mod li l-elettriku użat fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar operazzjonijiet jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

 Fuq ilkundizzjoni dwar leżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn lelettriku użat u lproċess mineraloġiku għallfinijiet talapplikazzjoni talħames inċiż talArtikolu 2(4)(b) tadDirettiva 2003/96

55      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, l-użu ta’ elettriku jista’ jiġi eskluż, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk tkun teżisti rabta suffiċjenti bejn tali użu u l-proċessi mineraloġiċi inkwistjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Fil-fatt, relazzjoni remota bejn użu ta’ elettriku u “proċess mineraloġiku”, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, hija insuffiċjenti sabiex dan l-użu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bl-istess mod kif huwa insuffiċjenti għal dan l-għan l-użu ta’ elettriku li ma huwiex meħtieġ sabiex l-imsemmi proċess mineraloġiku jintemm (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann (C‑465/15, EU:C:2017:640, punt 21).

57      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-proċess ta’ manifattura ta’ materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin b’superfiċje mmodifikata li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi “proċess mineraloġiku”, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, jikkonsisti fit-taħlit ta’ materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin mal-istearina f’arja sħuna.

58      Għaldaqstant, teżisti rabta diretta u stretta bejn l-elettriku użat sabiex jitħaddem it-tgħamir tat-tisħin elettriku użat sabiex tissaħħan l-arja u l-imsemmi proċess.

59      Konsegwentement, l-elettriku użat sabiex jitħaddem dan it-tagħmir jikkostitwixxi użu ta’ elettriku għall-finijiet ta’ proċess mineraloġiku, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, b’tali mod li l-użu ta’ tali elettriku ma huwiex suġġett għat-tassazzjoni skont din id-direttiva.

60      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ elettriku għat-tħaddim ta’ magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa minn barriera li jikkonsisti f’diversi stadji ta’ tħin u ta’ tifrik tagħha sal-kisba ta’ materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin u oħxon ma jikkostitwixxix użu ta’ elettriku għall-finijiet ta’ proċessi mineraloġiċi. Għall-kuntrarju, l-użu tal-elettriku għat-tħaddim ta’ magni użati sabiex jinkiseb materjal minerali mill-ġebla tal-ġir fin li s-superfiċje tiegħu tiġi mmodifikata jikkostitwixxi użu tal-elettriku għall-finijiet ta’ tali proċessi.

 Fuq lispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-użu ta’ elettriku għat-tħaddim ta’ magni użati għall-ipproċessar tal-ġebla tal-ġir maqtugħa minn barriera li jikkonsisti f’diversi stadji ta’ tħin u ta’ tifrik tagħha sal-kisba ta’ materjal minerali mill-ġebla tal-ġir għall-mili fin u oħxon ma jikkostitwixxix użu ta’ elettriku għall-finijiet ta’ proċessi mineraloġiċi. Għall-kuntrarju, l-użu tal-elettriku għat-tħaddim ta’ magni użati sabiex jinkiseb materjal minerali mill-ġebla tal-ġir fin li s-superfiċje tiegħu tiġi mmodifikata jikkostitwixxi użu tal-elettriku għall-finijiet ta’ tali proċessi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top