EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0086

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-14 ta’ Marzu 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:242

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C86/23

E.N.I.,

Y.K.I.

vs

HUKCOBURGAllgemeine Versicherung AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Inċident tat-traffiku – Drittijiet ta’ kumpens irrikonoxxuti lill-membri tal-familja tad-deċedut – Prinċipju ta’ ekwità għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu morali – Kriterji ta’ evalwazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) tqajjem il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal talba għal kumpens imressqa minn individwi, ċittadini Bulgari, taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kontra kumpannija tal-assigurazzjoni għad-dannu morali kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Ġermanja.

2.        Din il-kwistjoni hija marbuta mal-problema klassika tar-“regoli mandatorji” u tippreżenta interess doppju mill-perspettiva tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni. Hija toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità, minn naħa, li tippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (2), u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina l-kriterji li jippermettu li r-regoli li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” fis-sens ta’ dan l-artikolu, peress li dan l-aħħar aspett attwalment iqajjem dibattiti dottrinali intensi.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt talUnjoni

1.      IrRegolament Ruma II

3.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, li jidher taħt it-titolu “Regola ġenerali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“ Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.”

4.        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprevedi:

“F’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali.”

2.      IrRegolament (KE) Nru 593/2008

5.        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 593/2008 (3), intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“ 1.      Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.      Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.”

B.      Iddritt Bulgaru

6.        Ir-responsabbiltà delittwali fid-dritt Bulgaru hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 sa 54 taż‑zakon za zadalzheniyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (4) (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”).

7.        L-Artikolu  45 taż-ZZD jipprevedi:

“ (1)      Kull persuna għandha tikkumpensa d-danni kkawżati lil ħaddieħor.

(2)      Fil-każijiet kollha ta’ fatt delittwali, il-ħtija hija preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.”

8.        L- Artikolu 52 taż-ZZD jipprovdi:

“ Il-kumpens għad-danni immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’ekwità.”

C.      Iddritt Ġermaniż

9.        Taħt it-titolu “Dannu immaterjali”, l-Artikolu 253 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) (iktar ’il quddiem il-“BGB”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“ (1)      Huwa possibbli li jintalab kumpens fi flus għal dannu mhux patrimonjali biss fil-każijiet speċifikati mil-liġi.

(2)      Meta d-danni għandhom jitħallsu fir-rigward ta’ leżjoni fiżika, ta’ dannu għas-saħħa, għal-libertà jew għall-awtodeterminazzjoni sesswali, jista’ jintalab ukoll kumpens ekwu fi flus għad-dannu mhux patrimonjali.”

10.      L-Artikolu  823 tal-BGB, intitolat “Obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“ Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jagħmel ħsara b’mod illegali lill-ħajja, lill-ġisem, lis-saħħa, lil-libertà, lill-proprjetà jew kull dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan.”

11.      Taħt it-titolu “Dritt ta’ azzjoni diretta”, l- Artikolu 115 tal-Gesetz über den Versicherungsvertrag (il-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni), tat‑23 ta’ Novembru 2007 (5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“ It-terza persuna tista’ wkoll tinvoka d-dritt tagħha għal kumpens kontra l-assiguratur,

1.      fil-każ ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li għandha bħala għan l-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni li jirriżulta mil-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja […]

[… ]

Id-dritt joħroġ mill-obbligi tal-assiguratur li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni u, fin-nuqqas ta’ obbligu, mill-Artikolu 117(1) sa (4). L-assiguratur għandu jħallas il-kumpens fi flus. L-assiguratur u d-detentur tal-polza responsabbli għall-kumpens tad-dannu huma responsabbli in solidum.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Fis‑27 ta’ Lulju 2014, bint E.N.I. u Y.K.I., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadini Bulgari, mietet f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Ġermanja. L-awtur tal-inċident kien assigurat taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili ma’ HUK COBURG-Allgemeine Versicherung AG (iktar ’il quddiem “HUK COBURG”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Ġermanja.

13.      Fil‑25 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjoni kontra HUK COBURG quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) intiża għall-ħlas ta’ BGN 250 000 leva Bulgara (BGN) (madwar EUR 125 000) lil kull wieħed minnhom bħala kumpens għad-dannu immaterjali kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom.

14.      Fis‑27 ta’ Settembru 2017, HUK COBURG ħallset lil kull wieħed mill-ġenituri s-somma ta’ EUR 2 500 bħala kumpens għad-dannu kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom.

15.      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2019, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) laqgħet parzjalment it-talba billi tat lil kull wieħed mill-ġenituri kumpens fl-ammont ta’ BGN 100 000 (madwar EUR 50 000), li minnu tnaqqset is-somma ta’ madwar EUR 2 500 diġà mħallsa mill-assiguratur.

16.      Din il-qorti kkonstatat li d-dritt applikabbli kien id-dritt Ġermaniż dwar ir-responsabbiltà ċivili, li jipprevedi l-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab minn vittmi indiretti bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġifieri meta l-uġigħ u t-tbatija jkunu wasslu għal dannu għas-saħħa tal-vittma indiretta. Hija qieset li l-uġigħ u t-tbatija mġarrba mill-ġenituri kellhom jagħtu lok għal kumpens, b’mod partikolari minħabba x-xokk emozzjonali gravi li wassal għal reazzjoni ta’ stress akuta u għaliex, għal madwar sena wara l-mewt tat-tifla tagħhom, huma sofrew dipressjoni, ansjetà, tensjoni, instabbiltà emozzjonali, problemi ta’ rqad, tnaqqis fl-aptit u aljenazzjoni emozzjonali. Sabiex timmotiva l-ammont mogħti, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) indikat li kien jeżisti prinċipju ta’ kumpens ekwu għad-dannu immaterjali kemm fid-dritt Bulgaru, skont l-Artikolu 52 taż-ZZD, kif ukoll fid-dritt Ġermaniż, skont l-Artikolu 253(2) tal-BGB. Madankollu, il-kriterji għad-determinazzjoni tal-kumpens ma humiex stabbiliti minn dawn il-liġijiet nazzjonali, iżda jirriżultaw mill-ġurisprudenza ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi.

17.      Is-Sofiyski Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) annullat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza. Hija ċaħdet l-azzjoni tal-ġenituri kollha kemm hi, billi qieset li huma ma kinux urew li l-uġigħ u t-tbatija kienu kkawżaw danni patoloġiċi għal saħħithom, li, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, jikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti ta’ kumpens għal dannu immaterjali. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-argument tagħhom li l-Artikolu 52 taż-ZZD kellu jiġi applikat, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, minflok id-dritt Ġermaniż magħżul skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, kien infondat. Fil-fehma tagħha, l-ammonti diġà mħallsa minn HUK COBURG ma jikkostitwixxux rikonoxximent mill-assiguratur tal-pretensjonijiet tal-ġenituri. Il-ġenituri ma kellhomx dritt għal din is-somma li, minħabba l-ammont tagħha, tikkorrispondi għal “kumpens żgħir” għal dannu immaterjali, previst fl-Artikolu 253(2) tal-BGB.

18.      Il-ġenituri ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju.

19.      Din il-qorti tosserva, qabelxejn, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli f’dan il-każ skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, jiġifieri l-Artikolu 253(2) u l-Artikolu 823(1) tal-BGB, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 115(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni, hija identika għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza HUK COBURG-Allgemeine Versicherung (6), li kienet tikkonċerna l-istess inċident tat-traffiku bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.

20.      Sussegwentement, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tirrileva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni kienet taqa’ taħt id-dritt nazzjonali sostantiv tar-responsabbiltà ċivili, li għalih tirreferi d-Direttiva 2009/103/KE (7), u kienet tipprevedi kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi identifikat id-dannu immaterjali li jista’ jagħti lok għal kumpens lil membru tal-familja qrib il-vittma ta’ inċident tat-traffiku. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti għad-determinazzjoni tad-danni immaterjali li jistgħu jiġu kkumpensati.

21.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’dan il-każ, li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għad-dannu immaterjali għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-vittma tkun ġarrbet dannu għas-saħħa tagħha stess, li tkun membru tal-familja qrib il-vittma diretta u li teżisti relazzjoni kawżali bejn in-nuqqas imwettaq mill-persuna responsabbli għall-inċident u dan id-dannu, l-Artikolu 52 taż-ZZD jipprevedi li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’mod ekwu. Fil-fehma tagħha, minn ġurisprudenza vinkolanti tal-Varhoven sad (il-Qorti Suprema, il-Bulgarija) u tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jirriżulta li, fid-dritt Bulgaru, l-uġigħ morali kollu u t-tbatijiet kollha mġarrba mill-ġenituri minħabba l-mewt tal-wild tagħhom wara inċident tat-traffiku kkawżat minn att delittwali jew kważi delittwali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens, mingħajr ma jkun neċessarju li d-dannu jkun ikkawża indirettament dannu patoloġiku għas-saħħa tal-vittma. Hija tindika li l-ammont tad-danni jiddependi miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw dan il-każ, peress li l-ammont abitwali mogħti għal dannu immaterjali lil ġenitur għall-mewt ta’ wild f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-2014 kien ta’ madwar BGN 120 000 (madwar EUR 61 000), filwaqt li l-ammont massimu mogħti fid-dritt Ġermaniż kien ta’ madwar EUR 5 000. Fil-fehma tagħha, jekk jitqies li l-ilment tal-ġenituri għandu jintlaqa’ u li huma pproduċew il-prova ta’ dannu patoloġiku, l-ammont massimu li għandu jitħallas ikun ta’ EUR 5 000.

22.      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Da Silva Martins (8) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li qorti nazzjonali għandha tiddetermina, abbażi ta’ analiżi ddettaljata, jekk dispożizzjoni nazzjonali għandhiex tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, għandha dubju jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD jistax jitqies bħala tali dispożizzjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ ekwità huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Bulgaru u huwa parti mill-ordni pubbliku tal-Istat. Hija tindika li l-ġurisprudenza nazzjonali hija diverġenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

23.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens għad-dannu morali fil-każ tal-mewt ta’ qraba li jirriżulta minn delitt, tista’ titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens ta’ dan l-artikolu?”

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek u dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.

IV.    Analiżi

A.      Rimarki preliminari

25.      Qabel ma neżamina l-problema ġuridika mqajma mid-domanda preliminari, jidhirli li huwa rilevanti li nagħmel il-preċiżazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar il-kuntest li fih tidħol din il-kawża. Madankollu, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha (9).

26.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra HUK‑COBURG intiża għall-ksib ta’ kumpens, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu immaterjali li huma sofrew minħabba l-mewt ta’ binthom ikkawżata minn inċident tat-traffiku tikkonċerna l-istess inċident tat-traffiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza HUK‑COBURG I.

27.      F’dik il-kawża, it-tilwima fil-kawża prinċipali kienet bejn iż-żewġt itfal tal-istess vittma diretta bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża u HUK‑COBURG dwar il-kumpens minn din tal-aħħar, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur, għad-dannu immaterjali li huma kienu ġarrbu minħabba l-mewt ta’ ommhom. L-azzjoni kienet saret minn dawn it-tfal, irrappreżentati minn missierhom (10). Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli (lex causae) f’dik il-kawża skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II kienet, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 253(2) u l-Artikolu 823(1) tal-BGB, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 115(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni.

28.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li jirreferu għas-sentenza HUK‑COBURG I, jirriżulta li din tissuġġetta l-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab minn vittmi indiretti ta’ inċident tat-traffiku għal tliet kundizzjonijiet (11). Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-vittma tkun ġarrbet dannu għas-saħħa tagħha stess, minn din is-sentenza jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, kif interpretat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), id-dannu ta’ natura psikoloġika jista’ jitqies li huwa dannu għas-saħħa biss jekk jaqa’ taħt patoloġija u jmur lil hinn mill-dannu għas-saħħa li l-persuni kkonċernati huma ġeneralment esposti għalihom fil-każ ta’ mewt jew ta’ korriment gravi ta’ membru tal-familja qrib (12).

29.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Bulgara (lex fori) tipprevedi min-naħa l-oħra li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’ekwità. Din il-qorti tippreċiża li, fid-dritt Bulgaru, l-uġigħ morali kollu u t-tbatija kollha mġarrba mill-ġenituri minħabba l-mewt tal-wild tagħhom wara inċident tat-traffiku kkawżat minn att delittwali jew kważi delittwali jistgħu jiġu kkumpensati, mingħajr ma jkun neċessarju li d-dannu jkun ikkawża indirettament dannu patoloġiku għas-saħħa tal-vittma (13).

30.      F’dan ir-rigward, irrid ninnota li l-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Bulgara, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens għad-danni immaterjali ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ekwità (14). Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiġġudika jekk l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (15), għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jindikaw HUK‑COBURG u l-Kummissjoni, mill-Artikolu 253(2) tal-BGB ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ ekwità, iżda sempliċement tipprovdi għall-possibbiltà li jintalab “kumpens ġust”, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika(16).

31.      F’dan il-każ, huwa madankollu evidenti li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża bis-saħħa l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II twassal għal riżultat differenti f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-kumpens, peress li din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-kumpens għad-dannu immaterjali għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja qrib ikunu ġarrbu dannu għas-saħħa tagħhom (17). Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ġenituri tal-vittma diretta ma wrewx tali dannu u, konsegwentement, ma kellhomx dritt għal tali kumpens (18).

32.      F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li huwa ovvju li s-sempliċi fatt li, bl-applikazzjoni tal-lex fori, wieħed jasal għal soluzzjoni differenti, fir-rigward tal-ammont tal-kumpens, minn dik li wieħed kien jasal għaliha bl-applikazzjoni tal-lex causae ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-dispożizzjoni Bulgara inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, bla ħsara għall-fatt li l-applikazzjoni tal-lex causae tkun kompatibbli ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja. Fi kliem ieħor, fiha nnifisha, din id-differenza – jiġifieri l-fatt li l-ammont tal-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ġenituri huwa inqas minħabba s-sempliċi fatt li t-tifla tagħhom mietet f’inċident li seħħ fil-Ġermanja u mhux fil-Bulgarija – ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm tali klassifikazzjoni, sakemm din id-differenza ma tirriżultax mill-protezzjoni, b’mod partikolari, ta’ dritt fundamentali li jiġġustifika n-neċessità li tiġi applikata l-lex fori.

33.      Barra minn hekk, nosserva, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li l-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija diverġenti fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD jikkostitwixxix dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li twassal, fil-kawża prinċipali, għall-esklużjoni tad-dritt Ġermaniż. Ser nerġa’ lura għal dan il-punt iktar tard (19).

34.      Wara li ngħad dan, issa ser nanalizza d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq iddomanda preliminari

35.      Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, bħala kriterju għad-determinazzjoni tal-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab mill-membri tal-familja qrib ta’ persuna li mietet wara inċident tat-traffiku, l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, tistax titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II.

36.      HUK‑COBURG, il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta fin-negattiv. HUK‑COBURG issostni, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali indikata mir-Regolament Ruma II tista’ tiġi eskluża skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament biss jekk din l-applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, bħala prinċipju, id-dritt nazzjonali li jipprovdi li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat b’ekwità ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ċek, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Da Silva Martins, isostni li l-approċċ li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, għas-sempliċi raġuni li hija bbażata fuq prinċipji fundamentali ta’ dan id-dritt jew tirreferi għalihom ma jikkorrispondix man-natura eċċezzjonali tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti u jikkostitwixxi mezz faċli sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi magħżula skont dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tirrileva, min-naħa tagħha, li l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, għandha ssir skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenzi Unamar (20) u Da Silva Martins.

37.      Sabiex nirrispondi b’mod utli għad-domanda preliminari, ser nesponi, fl-ewwel lok, xi kunsiderazzjonijiet qosra dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II (taqsima 1). Fit-tieni lok, ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (taqsima 2), filwaqt li nenfasizza, fit-tielet lok, l-importanza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rabtiet suffiċjentement stretti mal-pajjiż tal-lex fori fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (taqsima 3) qabel ma niddetermina, fir-raba’ u l-aħħar lok, il-kriterji li jippermettu li l-istandards li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (taqsima 4).

1.      Kunsiderazzjonijiet fil-qosor dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II

38.      Preliminarjament, infakkar li mill-premessa 1 tiegħu jirriżulta li r-Regolament Ruma II jikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għal dan l-għan, dan ir-regolament jipprevedi żewġ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet, jiġifieri, minn naħa, ir-regola ġenerali ta’ rabta prevista fl-Artikolu 4 (21) tiegħu, li tinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Delitti jew kważi-delitti ċivili” u, min-naħa l-oħra, dik li tintroduċi l-awtonomija tar-rieda prevista fl-Artikolu 14 tiegħu, li jinsab fil-Kapitolu IV, intitolat “Il-libertà ta’ l-għażla” (22). Fir-rigward ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, nirrileva li l-formulazzjoni tar-regola ġenerali ta’ rabta li hija tipprevedi kienet iggwidata minn rekwiżiti ta’ ċertezza legali u mir-rieda li jintlaħaq kompromess bejn l-interessi diverġenti tal-partijiet (23). Ser nerġa’ lura għal dawn l-għanijiet iktar tard (24).

39.      L-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, li jaqa’ taħt il-Kapitolu V, intitolat “Regoli komuni”, jipprovdi li “[f]’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali”. Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jindika l-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu (lex loci damni), l-Artikolu 16 tiegħu jipprevedi deroga mill-applikazzjoni tal-liġi indikata minn dan il-kriterju ta’ rabta sabiex tiġi applikata dispożizzjoni obbligatorja prevalenti tal-forum. Din id-deroga għar-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet hija madankollu ta’ natura eċċezzjonali, li jimplika li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun debitament iġġustifikata, sa fejn “[l]-osservanza [ta’ din id-deroga tkun] neċessarja għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika” (25) [traduzzjoni libera].

40.      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni legali mqajma minn din il-kawża hija għalhekk dwar jekk huwiex possibbli li titwarrab il-leġiżlazzjoni applikabbli, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn delitt jew kważi delitt sabiex jiġu applikati, skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum “f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji”.

41.      Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet permezz tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, imnedija mis-sentenzi Unamar, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (26), kif ukoll Da Silva Martins.

2.      Fuq ilġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ilkunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens talArtikolu 16 tarRegolament Ruma II

42.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, il-qrati tar-rinviju riedu jkunu jafu, b’mod partikolari, kif kellhom jiġu interpretati r-Regolamenti Ruma I u Ruma II sabiex tiġi ddeterminata l-liġi jew il-liġijiet applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru mressqa mill-assiguratur ta’ vettura li tirmonka, li kien ikkumpensa lill-vittma ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ din il-vettura, kontra l-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” li jinsabu fihom għandhom jiġu interpretati mhux biss b’mod awtonomu, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 7 tal-imsemmija regolamenti, l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni reċiproka tal-istess regolamenti (27).

43.      Fis-sentenza Da Silva Martins (28), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat għall-ewwel darba l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, hija, fl-ewwel lok, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 43 tas-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, iddeċidiet li, peress li r-rekwiżit ta’ koerenza fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II huwa favur armonizzazzjoni sa fejn possibbli tal-interpretazzjoni tal-kunċetti funzjonalment identiċi użati minn dawn iż-żewġ regolamenti, għandu jiġi kkunsidrat li, indipendentement mill-fatt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Ruma II jużaw terminoloġija differenti minn dik tar-Regolament Ruma I, “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “lois de police” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, b’tali mod li l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dan l-aħħar kunċett tapplika wkoll għal dik ta’ “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II (29). Infakkar li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti bħala “dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament” (30).

44.      Filwaqt li rreferiet għas-sentenza Unamar (31), il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tieni lok, fakkret li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija kienet diġà enfasizzat li l-eċċezzjoni dwar l-eżistenza ta’ “regola mandatorja”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tiġi interpretata b’mod strett (32). B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tidentifika “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-kliem, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (33). B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju għandha tidentifika raġunijiet partikolarment importanti, bħal ksur manifest tad-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi indikata bħala applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (34).

45.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’dik il-kawża, li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn inċident huwa ta’ tliet snin, ma tistax titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, sakemm il-qorti adita ma tikkonstatax, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tat-termini, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (35).

46.      B’dan premess, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrilevat li, sa fejn, kif diġà indikajt, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, għandha l-effett li teskludi l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli bis-saħħa ta’ dan ir-regolament billi tidderoga mill-mekkaniżmu stabbilit mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti minnu, il-qorti nazzjonali għandha tirrikorri għad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bħala l-aħħar għażla.

47.      Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-għan imfittex mir-Regolament Ruma II jikkonsisti, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 6 (36), 14 (37) u 16 (38) tiegħu, f’li tiġi ggarantita s-sigurtà fir-rigward tad-dritt applikabbli irrispettivament mill-pajjiż li fih titressaq l-azzjoni kif ukoll li tittejjeb il-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna li r-responsabbiltà tagħha hija invokata u dawk tal-persuna leża (39).

48.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament aċċettat fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li l-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħala “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun operazzjoni awtomatika, iżda teħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami li twassal sabiex l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum titqies li hija neċessarja għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi ta’ pajjiż (40).

49.      F’dan ir-rigward, mhux biss għandu jirriżulta minn analiżi ddettaljata li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti hija meħtieġa fl-ordinament ġuridiku tal-forum, iżda tali applikazzjoni għandha tkun ukoll l-iktar mezz effettiv biex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li jiġi protett l-interess tal-Istat. Jekk dan ma jkunx il-każ, u sal-punt li l-interessi pubbliċi tal-Istat jistgħu jiġu protetti bl-istess mod, jew aħjar, bl-applikazzjoni tal-liġi ġeneralment applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali bis-saħħa tal‑Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, il-qorti tar-rinviju għandha toqgħod lura milli tapplika l-mekkaniżmu ta’ deroga previst fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (41).

50.      Barra minn hekk, ninnota punt importanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II li ma jirriżultax b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-importanza tal-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib biżżejjed mal-pajjiż tal-lex fori. Fil-fatt, ma nistgħux nikklassifikaw a priori ċerti regoli bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, peress li din il-klassifikazzjoni tiddependi, f’ċerti każijiet, fuq iċ-ċirkustanzi fattwali li minnhom jirriżultaw rabtiet mill-qrib biżżejjed mal-pajjiż tal-forum.

3.      Fuq leżistenza ta’ rabtiet millqrib biżżejjed mal-pajjiż tallex fori

51.      Kif inhu magħruf, mill-qari tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma semmiex kundizzjonijiet oħra li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-qorti adita tkun tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi tal-forum billi tidderoga mil-liġi ġeneralment applikabbli. B’mod partikolari, ma tissemmiex in-neċessità li jintwera li s-sitwazzjoni kkonċernata għandha rabta mill-qrib mal-pajjiż tal-forum, rabta li tiġġustifika l-applikazzjoni eċċezzjonali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (42). Madankollu, kif enfasizzaw ċerti awturi tad-duttrina, dan is-silenzju ma għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jistgħu jiġu applikati mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ rabta stretta mal-pajjiż tal-lex fori (43).

52.      Tabilħaqq, fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tidderoga mill-applikazzjoni tal-liġi ġeneralment applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Ruma II, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx applikazzjoni awtomatika u l-qrati nazzjonali għandhom l-ewwel nett jivverifikaw jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni għandhiex rabtiet mill-qrib mal-pajjiż tal-forum (44). Fi kliem ieħor, u fuq kollox fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li ma jipproteġux esklużivament l-interess pubbliku jew Statali, il-qorti tista’ tirrikorri għall-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament biss jekk l-Istat Membru tal-forum jista’ jiġġustifika l-interess imperattiv li tiġi rregolata din is-sitwazzjoni (45).

53.      Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ rabta mill-qrib tippermetti l-ġlieda kontra l-forum shopping. Dan il-fenomenu jirriskja li jimmanifesta ruħu speċjalment fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Inkreal (46).

54.      Minn dan isegwi li ma huwiex possibbli li regoli jiġu kklassifikati in abstracto bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” u lanqas li jingħad, ukoll in abstracto, jekk, f’dan il-każ, għandux jintuża l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II. B’mod partikolari, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li s-sitwazzjoni inkwistjoni għandha rabtiet suffiċjentement mill-qrib mal-pajjiż tal-lex fori.

55.      B’dan premess, għadni rrid nikkjarifika l-kriterji li jippermettu li r-regoli li jipproteġu d-drittijiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, moqri flimkien mal-premessa 32 tiegħu.

4.      Fuq ilkriterji li jippermettu li rregoli li jipproteġu ddrittijiet u llibertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fissens tal-Artikolu 16 tarRegolament Ruma II

56.      Nirrileva, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, kif tirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “lois de police” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I u tal-ġurisprudenza kkonsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta iktar ’il fuq (47), għandha tinqara flimkien mal-premessa 32 tar-Regolament Ruma II. Din il-premessa tiddikjara b’mod partikolari li “konsiderazzjonijiet ta’ l-interess pubbliku jiġġustifikaw il-possibbiltà mogħtija lill-qrati ta’ l-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, japplikaw eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” (48).

57.      Fil-fehma tiegħi, minn qari konġunt ta’ din il-ġurisprudenza u tal-premessa 32 tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-qrati tal-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu derogatorju tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”, meta huma jqisu l-applikazzjoni tal-lex fori “kruċjali” abbażi ta’ “kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku”. Fi kliem ieħor, kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-lex fori “li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali” mill-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, il-premessa 32 tal-imsemmi regolament tgħid li “l-applikazzjoni, ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan [l-istess regolament], li jkollha l-effett li tikkawża l-impożizzjoni ta’ danni, eżemplari jew punittivi, mhux kompensatorji ta’ natura eċċessiva tista’, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ u s-sistema ġuridika ta’ l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, tiġi meqjusa bħala kuntrarja għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) tal-forum”.

58.      Fit-tieni lok, nirrileva li l-protezzjoni prevista mill-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II ma tikkonċernax awtomatikament l-interessi pubbliċi kollha ta’ Stat. Sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dawn l-interessi għandhom ikunu tant sinjifikattivi li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tal-Istat ikkonċernat (49). Għalhekk huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, ir-riferiment tal-leġiżlatur tal-Unjoni għall-għanijiet ta’ interess pubbliku għandux jiġi interpretat stricto sensu jew jekk jistax jiġi estiż ukoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi individwali. Din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ dibattitu qawwi bejn l-awturi tad-duttrina sa fejn il-linja bejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi u dik tal-interessi individwali ma hijiex faċli li tiġi identifikata (50). Il-kjarifika ta’ din il-linja ser tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-regolament imsemmi. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu protetti wkoll l-interessi individwali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-istess regolament fid-dawl tal-premessa 32 tiegħu.

59.      Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ argumenti favur din l-interpretazzjoni.

60.      L-ewwel argument huwa marbut mal-interazzjoni bejn l-interessi kollettivi u l-interessi individwali. B’hekk, fil-qasam tar-responsabbiltà delittwali, ir-regoli li Stat Membru jistabbilixxi sabiex jipproteġi kategorija ta’ persuni leżi, billi jimmodifika, b’mod partikolari, l-oneru tal-prova jew billi jistabbilixxi limitu minimu ta’ kumpens, jista’ jkollhom bħala għan prinċipali tagħhom li jerġa’ jinġieb bilanċ bejn l-interessi konkorrenti ta’ partijiet privati. Indirettament, jistgħu minħabba dan jikkontribwixxu wkoll għall-protezzjoni tal-ordni soċjali u ekonomiku tal-Istat Membru billi jnaqqsu l-impatt tal-inċidenti fuq ir-riżorsi pubbliċi (51).

61.      It-tieni argument, fl-istess sens, jirrigwarda l-osservazzjoni li l-premessa 32 tar-Regolament Ruma II ssemmi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-kumpens, li tinkludi, konsegwentement, il-possibbiltà li dan il-kumpens ikun dovut bejn ċerti kategoriji ta’ persuni fiżiċi. F’dan ir-rigward, irrid nispeċifika li, anki jekk din il-premessa tgħid li l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tista’ titqies “kuntrarja għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) tal-forum”, mingħajr ma jissemma wkoll il-mekkaniżmu tar-regoli mandatorji, l-istess jgħodd, fil-fehma tiegħi, għar-rigward ta’ dan l-aħħar mekkaniżmu.

62.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet immirati fuq kollox biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, jekk, lil hinn mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonċiljaw l-interessi individwali, tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti ma’ interessi pubbliċi meqjusa kruċjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat ikkonċernat.

63.      F’dan ir-rigward, fit-tielet lok, jidhirli importanti li ninnota, bħalma jagħmel il-Gvern Ġermaniż, li l-protezzjoni speċjali mogħtija minn dispożizzjoni obbligatorja derogatorja għandha tidher li hija l-espressjoni neċessarja ta’ prinċipji legali fundamentali.

64.      Huwa ċertament minnu li r-regoli previsti mill-Istati biex jipproteġu ċerti kategoriji ta’ drittijiet individwali, bħad-dritt li jinkisbu danni għall-vittmi ta’ reati kriminali jew inċidenti tat-traffiku, jistgħu jingħataw, fi ħdan ordinament ġuridiku nazzjonali partikolari, tali importanza li jitqiesu bħala prinċipji legali fundamentali, li minnhom jagħmel parti wkoll il-prinċipju ta’ ekwità.

65.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-prinċipju ta’ kumpens ekwu stabbilit fl-Artikolu 52 taż-ZZD jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Bulgaru, fejn il-prinċipju ta’ ekwità jagħmel parti mill-ordni pubbliku tal-Istat. Kif diġà osservajt, din il-qorti madankollu kkonstatat li l-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija diverġenti dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD, li jimplika li mhux biss it-tbatijiet li kkawżaw ħsara patoloġika, iżda t-tbatijiet kollha mġarrba, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumpens, jikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li jwassal, fil-kawża prinċipali, għall-esklużjoni tad-dritt Ġermaniż (52). Il-fatt li din il-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija, kif tindika l-qorti tar-rinviju, diverġenti twassalni, mad-daqqa ta’ għajn, biex niddubita jekk il-prinċipju ta’ ekwità huwiex prinċipju fundamentali fl-ordinament ġuridiku Bulgaru. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

66.      Fi kwalunkwe każ, għandi nenfasizza, fir-raba’ u l-aħħar lok, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, moqri flimkien mal-premessa 32 tiegħu, il-possibbiltà li jintużaw dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti sabiex jiġu protetti interessi kemm kollettivi kif ukoll individwali għandha titqiegħed f’relazzjoni mad-dritt sostantiv tal-Unjoni, li jista’ jikkostitwixxi l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

67.      Fis-sentenza HUK‑COBURG I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti sabiex jiġi ddeterminat id-dannu immaterjali li jista’ jiġi kkumpensat. Hija għalhekk iddeċidiet li din id-direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens, mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, tad-danni immaterjali mġarrba mill-membri tal-familja qrib tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għall-kundizzjoni li dawn id-danni wasslu għal ħsara patoloġika f’tali membri tal-familja qrib (53). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/103 (54) fid-dritt nazzjonali, tkun konformi ma’ din id-direttiva sakemm tipprovdi kriterju għal kumpens ġust għad-dannu immaterjali.

68.      F’tali ċirkustanzi, meta d-Direttiva 2009/103 tipprevedi ammonti minimi ta’ kopertura bl-assigurazzjoni obbligatorja, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-lex fori, b’mod partikolari fil-każ fejn hija tipprovdi għal ammonti ogħla ta’ kopertura, jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk il-protezzjoni li hija meqjusa bħala kruċjali għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tal-Istat tal-forum, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, titqies, fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat, li tmur lil hinn mill-istandards minimi żgurati mid-dritt tal-Unjoni, indipendentement minn dak li huwa previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħra.

69.      Madankollu, kif jirriżulta wkoll mis-sentenza HUK‑COBURG I, l-obbligu ta’ kopertura permezz ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens għal dawn id-danni taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, fil-fatt, mill-għan tad-Direttiva 2009/103 u mill-kliem tagħha jirriżulta li din, bħad-direttivi li hija tikkodifika, ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (55). Konsegwentement, u b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, liema dannu kkawżat minn vetturi bil-mutur għandu jkun b’mod obbligatorju s-suġġett ta’ kumpens, il-portata tad-dritt għal kumpens u l-persuni li għandhom ikunu intitolati għalih(56).

70.      F’din il-kawża, il-liġi li hija applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II u li ser titwarrab favur il-liġi tal-forum, applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, taqa’ taħt id-dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà ċivili li għalih tirreferi d-Direttiva 2009/103 (57).

V.      Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) kif ġej:

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens għad-danni immaterjali mġarrba minn membri tal-familja qrib ta’ persuna li mietet f’inċident tat-traffiku, l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, tista’ titqies bħala dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm il-qorti adita ma ssibx, fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ rabtiet biżżejjed mill-qrib mal-pajjiż tal-forum u ta’ analiżi ddettaljata tat-termini, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha importanza tali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2007, L 177, p. 6, u rettifika fil‑ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”)


4      DV Nru 275 tat-22 ta’ Novembru 1950.


5      BGBl. 2007 I, p. 2631.


6      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2022 (C‑577/21, iktar ’il quddiem is-“Sentenza KUG-COBURG I”, EU:C:2022:992).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).


8      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019 (C‑149/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Da Silva Martins”, EU:C:2019:84).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Ekofrukt (C‑362/21, EU:C:2022:815, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Mill-punti 16 sa 18 tas-sentenza HUK‑COBURG I jirriżulta li l-missier, li kien assigurat ma’ HUK‑COBURG taħt assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili, kien ikkawża l-inċident. Fil-fatt, huwa kien qed isuq il-vettura tiegħu fi stat ta’ intossikazzjoni, filwaqt li l-omm kienet bilqiegħda fis-seat ta’ quddiem fuq il-lemin, mingħajr ma libset iċ-ċinturin tas-sigurtà.


11      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Sentenza HUK‑COBURG I (punt 46). Il-leġiżlatur Ġermaniż elimina dan ir-rekwiżit permezz tal-Artikolu 844(3) tal-BGB; ara BGBl 2017 I, p. 2421.


13      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi ta’ annullament ta’ kuntratt) (C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 52).


16      Ninnota wkoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tar-raġunijiet għall-ammont mogħti fl-ewwel istanza, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofia) kienet indikat li kien hemm prinċipju ta’ kumpens ekwu tad-dannu morali kemm taħt id-dritt Bulgaru skont l‑Artikolu 52 taż-ZZD, kif ukoll taħt id-dritt Ġermaniż, bis-saħħa tal-Artikolu 253 tal-BGB. Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ara l-punti 9 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013 (C‑184/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Unamar”, EU:C:2013:663).


21      F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tar-Regolament Ruma II tipprovdi li “[…] dan ir-Regolament jipprevedi regola ġenerali iżda wkoll regoli speċifiċi u, f’ċerti dispożizzjonijiet, ‘klawsola liberatorja’ li tippermetti deroga minn dawn ir-regoli fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament marbut aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. Dan il-grupp ta’ regoli b’hekk joħloq qafas flessibbli ta’ regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet”. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Fir-rigward tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma II, ara Pacuła K., Wybór prawa a ochrona osób trzecich na tle rozporządzenia Rzym II, Wolters Kluwer, Varsavja, 2024.


23      Ara l-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (COM(2003) 427 finali) p. 12, kif ukoll il-premessa 16 tar-Regolament Ruma II. Ara, b’mod partikolari, Francq, S., “Le règlement Rome II concernant la loi applicable aux obligations non contractuelles. Entre droit communautaire et droit international privé”, Journal de droit européen, 2008, p. 289 sa 296.


24      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara Francescakis, P., “Quelques précisions sur les lois d’application immédiate et leurs rapports avec les règles de conflits de lois”, Revue critique de droit international privé, 1966, pp. 1 et seq. Għal opinjoni kuntrarja għall-mekkaniżmu tar-regoli mandatorji, ara, b’mod partikolari, Heuzé, V., “Un avatar du pragmatisme juridique: la théorie des lois de police”, Revue critique de droit international privé, Nru 1, 2020, p. 31 sa 60.


26      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016 (C‑359/14 u C‑475/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic”, EU:C:2016:40).


27      Sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (punt 43). Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tiddikjara li l-“kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (‘Brussel I’) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Brussell I’)] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali”. Fil-fehma tiegħi, il-premessi 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II jikkostitwixxu l-bażi tal-idea li l-kunċetti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jindika l-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, tar-Regolament Brussell I, tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-Regolament ‘Brussell Ia), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tagħhom, għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti; ara Szpunar, M., “Droit international privé de l’Union: cohérence des champs d’application et/ou des solutions ?”, Revue critique de droit international privé, 2018, p. 573.


28      Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, it-tilwima fil-kawża prinċipali kienet bejn il-vittma Portugiża u kumpannija ta’ assigurazzjoni Spanjola dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu ta’ kumpens li jirriżulta minn inċident tat-traffiku li seħħ fi Spanja. Il-leġiżlazzjoni Spanjola kienet tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena, filwaqt li dak previst mil-leġiżlazzjoni Portugiża kien ta’ tliet snin. Il-qorti tar-rinviju riedet tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-leġiżlazzjoni Portugiża “li [kienet] tittrasponi fid-dritt nazzjonali din id-direttiva u li tipprevedi li l-liġi tal-Istat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li fih seħħ l-inċident għandha tiġi ssostitwita bil-liġi Portugiża ‘meta din tipprevedi kopertura aħjar’, hijiex obbligatorja, fis-sens tal‑Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II” (sentenza Da Silva Martins, punt 21).


29      Sentenza Da Silva Martins (punt 28). L-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” fir-Regolament Ruma II huwa ċertament spjegat mill-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament hija bbażata fuq l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f'Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta Ruma”) peress li r-Regolament Ruma I ġie adottat wara r-Regolament Ruma II. Din il-lakuna ġiet mimlija ftit wara mill-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I; ara, f’dan ir-rigward, Ho-Dac, M., “L’arrêt da Silva Martins de la Cour de justice de l’Union européenne, expression des ‘rapports de méthodes’ dans l’ordre juridique européen”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 4, 2019, p. 869 sa 882, b’mod partikolari l-punt 10. Ċerti awturi tad-duttrina kklassifikaw bħala “goffa” l-espressjoni “dispositions impératives dérogatoires” (dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti) użata fl-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II fil-verżjoni lingwistika Franċiża minflok l-espressjoni klassika “lois de police” (regoli mandatorji), użata fil-premessa 32 tal-verżjoni Franċiża ta’ dan ir-regolament; ara Francq, S. u Jault-Seseke, F., “Le règlement communautaire Rome I et le choix de lois dans les contrats internationaux, Corneloup, S., u Jaubert, S. (edituri), Lexis Nexis Litec, Pariġi, 2011, p. 357 sa 393, b’mod partikolari p. 360.


30      Kif diġà osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:281, punt 71), din id-definizzjoni hija ispirata mill-kliem użat fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 30), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Belġjan, deskritti fid-dritt Belġjan bħala “regoli mandatorji u ta’ sigurtà”.


31      Ara l-punt 49 ta’ din is-sentenza. Infakkar li fl-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3 u l‑Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni li tissodisfa l-protezzjoni minima stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177), magħżula mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, tista’ titwarrab mill-qorti adita, stabbilita fi Stat Membru ieħor, favur il-lex fori għal raġuni bbażata fuq in-natura obbligatorja, fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-aħħar Stat Membru, tar-regoli li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom biss jekk il-qorti adita tikkonstata b’mod iddettaljat li, fil-kuntest ta’ din it-traspożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Istat tal-forum iddeċieda li huwa kruċjali, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, li jagħti lill-aġent kummerċjali protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward in-natura u l-għan ta’ tali dispożizzjonijiet obbligatorji (punt 52 u d-dispożittiv).


32      Sentenza Da Silva Martins (punt 29).


33      Sentenza Da Silva Martins (punt 31).


34      Sentenza Da Silva Martins (punt 34).


35      Sentenza Da Silva Martins (punt 35 u d-dispożittiv).


36      Il-premessa 6 tar-Regolament Ruma II tiddikjara li l-“funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi”.


37      Il-premessa 14 tar-Regolament Ruma II tiddikjara li r-“rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja”. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Il-premessa 16 tar-Regolament Ruma  II tiddikjara li “[r]egoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva”.


39      Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazar (C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 29), u tas‑17 ta’ Mejju 2023, Fonds de Garantie des Victimes des Actes de Terrorisme et d’Autres Infractions (FGTI) (C‑264/22, EU:C:2023:417, punt 30).


40      Fuq l-importanza għall-qorti adita li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:281, punt 72).


41      Bonomi, A., “Article 9”, Commentary on the Rome I Regulation, Magnus, U. u Mankowski, P. (edituri), Verlag Dr. Otto Schmidt, Köln, 2017, Vol. 22, p. 599 sa 629, b’mod partikolari p. 626, punt 85.


42      Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Wautelet, P, “Article 16”, Commentary on the Rome I Regulation, Magnus, U. u Mankowski, P. (edituri), Verlag Dr. Otto Schmidt, Köln, 2019, Vol. 3, p. 549 sa 566, b’mod partikolari punti 48 u 49.


44      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Fuq ir-rwol tal-prossimità fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti u fuq il-ġurisprudenza ċċitata fihom, ara Nuyts, A. “L’application des lois de police dans l’espace (Réflexions au départ du droit belge de la distribution commerciale et du droit communautaire)”, Revue critique de droit international privé, 1999, p. 50; Bonomi, A., “Overriding Mandatory Provisions in the Rome I Regulation on the Law Applicable to Contracts”, Yearbook of Private International Law, Vol. X, SELP, 2008, p. 291 et seq, u Pacuła, K., “Przepisy wymuszające swoje zastosowanie JAKO instrony sh strony słabzej” umowy Ubezpieczenia”, Problemy Prawa Prywatnego Międzynarodowego, Vol. 15, 2014, p. 38 et seq.


46      Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tikkostitwixxix fiha nnifisha element ta’ estranjetà suffiċjenti sabiex twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal (C‑566/22, EU:C:2024:123, punt 39 u d-dispożittiv). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet f’kuntratt stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżulta minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jinkludi ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.


47      Ara l-punti 38 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara wkoll il-premessa 37 tar-Regolament Ruma I. Fuq il-korrelazzjoni stretta bejn ir-regoli mandatorji u l-“protezzjoni tal-ordni pubbliku”, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:281, punti 68 et seq.).


49      Bonomi, A., “Article 9”, Commentary on the Rome I Regulation, op. cit., p. 626, punt 84.


50      Rigward id-dibattitu duttrinali relatat mal-interpretazzjoni tal-premessa 32 tar-Regolament Ruma II, ara, b’mod partikolari, Wautelet, P., “Article 16”, Commentary on the Rome II Regulation, op. cit., p. 554, punt 15; Francq, S., u Jault-Seseke, F., « Les lois de police, une approche de droit comparé », Le règlement communautaire Rome I et le choix de loi dans les contrats internationaux, op. cit., p. 360 sa 371, u Pailler, L., “Conflit de lois : CJUE, 6e ch., 31 janv. 2019, aff. C‑149/18, Agostinho da Silva Martins c/ Dekra Claims Services Portugal SA.”, Journal du droit international (Clunet), Nru 3, 2019, p. 890 sa 894.


51      Wautelet, P., “Article 16”, Commentary on the Rome II Regulation, op. cit., p. 554, punti 15 u 16.


52      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Sentenza HUK‑COBURG I (punt 51 u d-dispożittiv).


54      Kif diġà osservajt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża kienet l-istess bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.


55      Sentenza HUK‑COBURG I (punti 35 u 36). B’mod partikolari mill-punt 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Direttiva 2009/103 ma tobbligax lill-Istati Membri jagħżlu sistema partikolari ta’ responsabbiltà ċivili sabiex jiddeterminaw il-portata tad-dritt tal-vittma għal kumpens taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat.


56      Sentenza HUK‑COBURG I (punt 37).


57      Fil-każ ipotetiku fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II taqa’ taħt id-Direttiva 2009/103, ikollu jiġi kkonstatat, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha favur il-lex fori għal raġunijiet ibbażati fuq in-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet ta’ tagħha fl-ordinament ġuridiku tal-forum, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/103, il-leġiżlatur tal-forum qies kruċjali, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, li jagħti lill-membri tal-familja qrib ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku “protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, filwaqt li jittieħed kont f’dan ir-rigward tan-natura u tal-iskop ta’ [din id-dispożizzjoni meqjusa li hija obbligatorja]”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Unamar (punti 50 sa 52) u Da Silva Martins (punt 30).

Top