EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0516

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Proċedura fil-kontumaċja – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Artikolu 127(1) – Perjodu ta’ tranżizzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l-ħlas tad-danni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il-ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 4(3) TUE – Kooperazzjoni leali – Obbligu ta’ sospensjoni tal-proċeduri – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE – Konvenzjoni internazzjonali konkluża bejn Stati Membri u Stati terzi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni – Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra (ICSID) – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 108(3) TFUE – Sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-għajnuna.
Kawża C-516/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:857

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fid‑9 ta’ Novembru 2023(1)

Kawża C516/22

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Sentenza fil-kontumaċja – Ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Perijodu tranżitorju – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) – Infurzar ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ –– Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Sospensjoni tal-proċedura – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE – Ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi konklużi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea – Trattati multilaterali – Artikolu 267 TFUE – Nuqqas ta’ tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari – Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Artikolu 108(3) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Obbligu ta’ sospensjoni)






I.      Introduzzjoni

1.        F’artiklu tal‑1970 miktub, bħala koawtur u extraġudizzjarjament, minn Mertens de Wilmars, li dak iż-żmien kien imħallef — li sussegwentement sar is-sitt President ta’ dak li llum hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — innota li, skont id-dritt internazzjonali pubbliku klassiku, l-Istati huma responsabbli għall-azzjoni tal-ġudikatura tagħhom. Madankollu, huwa żied jgħid li t-Trattat KEE ta’ dak iż-żmien kien stabbilixxa relazzjoni speċjali ħafna bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u dawk Komunitarji. Fuq din il-bażi, l-Imħallef Mertens de Wilmars sostna li “deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli Komunitarji [...] jew, b’mod iktar ġenerali, sentenza li tapplika d-dritt Komunitarju qatt ma tista’, bħala tali, tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu”. Fil-fehma tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, Stat Membru jkun responsabbli għall-aġir tal-qrati tiegħu biss fil-każ ta’ rifjut sistematiku mill-qorti tal-aħħar istanza li tuża l-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (2).

2.        Madwar ħamsin sena wara, id-dritt tal-Unjoni evolva b’mod kunsiderevoli. Issa huwa stabbilit sew li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jiġi kkonstatat skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE, tkun liema tkun l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu ta’ dan l-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom ikunu l-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk tkun istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti (3). Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali (4).

3.        Madankollu, il-partikolarità ta’ din il-kawża hija li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat mill-Kummissjoni Ewropea ma twettaqx minn qorti ta’ Stat Membru, iżda minn qorti li — fil-mument meta tat is-sentenza kkontestata, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea (“Brexit”) — kienet tappartjeni lil Stat terz: is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

4.        F’din il-kawża, jiena tal-fehma li, minkejja l-“Brexit”, u minkejja l-prudenza partikolari meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat ksur ġudizzjarju (5), is-sentenza kkontestata tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat lok għal xi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi kkonstatat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jipprovdi:

“Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru [terz] wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.” (6)

6.        Skont l-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-“perjodu ta’ tranżizzjoni” (7) jirreferi għall-perijodu previst fl-Artikolu 126 tiegħu.

7.        L-Artikoli 86(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dwar il-“kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

8.        L-Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jikkonċerna l-“Każijiet ġodda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi:

“Jekk il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-Renju Unit ikun naqas li jwettaq obbligu taħt it-Trattati jew taħt ir-Raba’ Parti ta’ dan il-Ftehim qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fi żmien 4 snin minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 258 TFUE [...]. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni f’tali każijiet.”

9.        L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprovdi:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”

10.      L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[…]

3.      Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

[…]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.

[…]”

B.      Iddritt internazzjonali

11.      It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment konkluż fid‑29 ta’ Mejju 2002 bejn il-Gvern Svediż u l-Gvern Rumen dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproka tal-investimenti (iktar ’il quddiem il-“BIT”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2003, jipprovdi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu:

“Kull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma għandhiex tostakola l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti kif ukoll l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi jew il-bejgħ tal-produzzjoni tagħhom permezz ta’ miżuri mhux raġonevoli jew diskriminatorji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      L-Artikolu 7 tal-BIT jipprevedi li kull tilwima bejn investituri u l-partijiet kontraenti għandha tiġi rregolata, b’mod partikolari, minn tribunal ta’ arbitraġġ li japplika l-Konvenzjoni ICSID (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ arbitraġġ”).

13.      L-Artikoli 53 u 54 tal-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra konkluża f’Washington fit‑18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ICSID”) jinsabu fit-Taqsima 6 (“Rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ”) tal-Kapitolu IV (“Arbitraġġ”) tagħha. L-Artikolu 53(1) jipprevedi:

“Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija vinkolanti fuq il-partijiet u ma tistax tiġi appellata jew tkun suġġetta għal xi rimedju ieħor, bl-eċċezzjoni tar-rimedji previsti minn din il-Konvenzjoni. Kull Parti għandha tirrispetta u tosserva t-termini tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ħlief sa fejn l-eżekuzzjoni tkun ġiet sospiża skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.      L-Artikolu 54(1) jipprovdi:

“Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza l-obbligi finanzjarji imposti b’din id-deċiżjoni fi ħdan it-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. Ilfatti li wasslu għallkawża u lproċedura prekontenzjuża

15.      Il-fatti rilevanti tal-kawża, kif jirriżultaw mill-proċess, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Iddeċiżjoni ta’ arbitraġġ, iddeċiżjonijiet talKummissjoni u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

16.      Fis‑26 ta’ Awwissu 2004, ir-Rumanija ħassret, b’effett mit‑22 ta’ Frar 2005, skema reġjonali ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ diversi inċentivi fiskali li kienet ġiet stabbilita fl‑1998. Fit‑28 ta’ Lulju 2005, l-investituri Svediżi Ioan u Viorel Micula kif ukoll tliet kumpanniji kkontrollati minnhom li kienu stabbiliti fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“investituri”), li kienu bbenefikaw mill-iskema qabel it-tħassir tagħha, talbu l-ħolqien ta’ Tribunal ta’ Arbitraġġ skont l-Artikolu 7 tal-BIT, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li rriżulta mit-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni.

17.      Fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiegħu tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ikkonstata li, billi ħassret l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni qabel l‑1 ta’ April 2009, ir-Rumanija kienet kisret l-aspettattivi leġittimi tal-investituri, ma kinitx aġixxiet b’mod trasparenti billi ma informathomx fi żmien xieraq u ma kinitx żgurat trattament ġust u ekwu tal-investimenti tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-BIT. Konsegwentement, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkundanna lir-Rumanija tħallas lill-investituri, bħala danni, is-somma ta’ 791 882 452 leu Rumen (RON) (madwar EUR 160 miljun bir-rata tal-kambju attwali).

18.      Fis‑26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 3192 finali, li tobbliga lir-Rumanija tissospendi immedjatament kull azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, minħabba li tali azzjoni kienet tidher li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, sakemm il-Kummissjoni t deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna ssuspettata mas-suq intern (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ sospensjoni”).

19.      Fl‑1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna ssuspettata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

20.      Sussegwentement, fit‑30 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1470 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mir-Rumanija ‑ Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali tal‑2015”) Din id-deċiżjoni pprovdiet, essenzjalment, li (i) il-ħlas tal-kumpens mogħti fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-investituri kien jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li kienet inkompatibbli mas-suq intern, u (ii) ir-Rumanija kienet meħtieġa li ma tħallas ebda għajnuna inkompatibbli, u għandha tirkupra tali għajnuna li kienet diġà tħallset lill-investituri.

21.      L-investituri kkontestaw il-validità tad-deċiżjoni finali tal‑2015 quddiem il-Qorti Ġenerali, li, permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il‑Kummissjoni, annullat din id-deċiżjoni (8). Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talbiet tal-investituri li jallegaw (i) in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija, u (ii) żball fil-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħala “vantaġġ” u “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

22.      Fis‑27 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (9). Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, minn naħa, li l-allegata għajnuna kienet ingħatat wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti ratione temporis sabiex tadotta d-deċiżjoni finali tal‑2015. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet ukoll wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sentenza Achmea (10) kienet irrilevanti f’dan il-każ. Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kunsens tar-Rumanija għas-sistema ta’ arbitraġġ prevista mill-BIT sar inapplikabbli wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha, ma eżaminatx il-motivi kollha invokati mill-investituri, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid. Sal-lum, din il-kawża hija pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

23.      Fl-aħħar, permezz tad-digriet tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2022, Romatsa et, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti Belġjana fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-investituri, iddeċidiet li l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, hija “obbligata li tannulla din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u, konsegwentement, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkompli bl-eżekuzzjoni tagħha sabiex tippermetti li l-benefiċjarji tagħha jiksbu l-ħlas tad-danni li hija tkun tathom” (11) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Ilproċedura quddiem ilqrati tarRenju Unit

24.      Fis‑17 ta’ Ottubru 2014, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġiet irreġistrata mal-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)), skont id-dispożizzjonijiet tal-Arbitration (International Investment Disputes) Act 1966 (il-Liġi tal‑1966 dwar l-Arbitraġġ (Tilwim dwar Investimenti Internazzjonali)), li timplimenta l-Konvenzjoni ICSID fir-Renju Unit.

25.      Fl‑20 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Blair J) ċaħdet it-talba tar-Rumanija sabiex ir-reġistrazzjoni tiġi miċħuda, iżda laqgħet l-applikazzjoni tagħha sabiex l-eżekuzzjoni tiġi sospiża sakemm tintemm il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (12). Sussegwentement, fis‑27 ta’ Lulju 2018, il-Court of Appeal (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ) (il-Qorti tal-Appell (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ), ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-qrati Ingliżi kienu preklużi, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, milli jordnaw l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, sakemm deċiżjoni tal-Kummissjoni tipprojbixxi lir-Rumanija milli tħallas il-kumpens previst fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fuq din il-bażi, hija ċaħdet l-appell ippreżentat mill-investituri kontra s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ordnata mill-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)), iżda ordnat lir-Rumanija tagħti garanzija (13).

26.      Permezz tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Frar 2020, Micula vs Ir‑Rumanija (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ordnat l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Billi invokat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ikkonkludiet li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet irregolata minn trattat multilaterali, jiġifieri l-Konvenzjoni ICSID, li r-Renju Unit ikkonkluda qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni u li jimponi obbligi fuq ir-Renju Unit, li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab minn pajjiżi terzi li huma partijiet għal dan il-ftehim.

C.      Ilproċedura prekontenzjuża

27.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit, fejn allegat erba’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mis-sentenza kkontestata. Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, tal‑1 ta’ April 2021, ir-Renju Unit ikkontesta l-allegat ksur.

28.      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa fir-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fis‑17 ta’ Lulju 2021, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju Unit. Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Awwissu 2021, ir-Renju Unit talab terminu addizzjonali sabiex iwieġeb għall-opinjoni motivata. Il-Kummissjoni kkonċediet l-imsemmi terminu addizzjonali. Ir-Renju Unit ma weġibx għall-opinjoni motivata.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

29.      Fir-rikors tagħha, ippreżentat fid‑29 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi awtorizza l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fil-Każ ICSID Nru ARB/05/20, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu:

–        taħt l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, billi ddeċieda dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u l-applikazzjoni tiegħu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ filwaqt li l-istess kwistjoni kienet ġiet deċiża minn deċiżjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni u kienet qiegħda tistenna deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni;

–        taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, billi interpreta u applika b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “drittijiet” ta’ “Stat terz wieħed jew iktar” u “affettwati mit-Trattati”.

–        taħt il-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu, u taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, billi naqas milli jressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-Kummissjoni tal‑2014 u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-Kummissjoni tal‑2014, u billi s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) naqset, bħala qorti tal-aħħar istanza, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li la kien acte clair u lanqas acte éclairé; u

–        taħt l-Artikolu 108(3) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, billi ordna lir-Rumanija tisker l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal‑2014 u mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2014; u

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

30.      Il-Gvern tar-Renju Unit, debitament innotifikat bir-rikors promotur, ma ppreżentax risposta fit-terminu stabbilit. Meta ġie kkuntattjat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkonferma li kien irċieva r-rikors tal-Kummissjoni, il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara li kien irċieva r-rikors u li, “f’dan l-istadju”, huwa ma kellux l-intenzjoni li jipparteċipa fil-proċedura.

31.      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fil-kontumaċja, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”).

32.      Wara ittra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx ser topponi terminu ġdid għall-preżentata ta’ risposta mir-rikorrenti. Madankollu, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ April 2023, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma li ma kellux l-intenzjoni li jippreżenta risposta f’din il-kawża, minkejja t-terminu l-ġdid stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Lanaliżi tiegħi

33.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tinvoka erba’ ksur distinti tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mis-sentenza kkontestata. Qabel ma neżamina dawn l-allegazzjonijiet (C), nixtieq insemmi fil-qosor ċerti aspetti proċedurali li jikkaratterizzaw din il-proċedura: il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE, bis-saħħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (A), u ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fil-kontumaċja (B).

A.      Osservazzjonijiet preliminari I: ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja skont lArtikolu 258 TFUE, bissaħħa talFtehim dwar ilĦruġ

34.      Fil‑31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ.

35.      L-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa perijodu ta’ tranżizzjoni li beda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 127 kien jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni kien applikabbli għar-Renju Unit u fih matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

36.      Dan il-ftehim kien jinkludi wkoll ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-proċeduri amministrattivi relatati quddiem il-Kummissjoni (14), kif ukoll dwar il-proċedimenti legali quddiem il-qrati tal-Unjoni (15). Madankollu, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma kienet tipprevedi deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 127 tiegħu f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni (ta’ natura kemm sostantiva kif ukoll proċedurali) li huma rilevanti f’din il-proċedura.

37.      B’mod partikolari, l-Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kien jipprevedi li, “jekk il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-Renju Unit ikun naqas li jwettaq obbligu taħt it-Trattati [...] qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fi żmien 4 snin minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 258 TFUE [...]. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni f’tali każijiet”.

38.      Jistgħu jinsiltu żewġ konklużjonijiet mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. L-ewwel, ir-Renju Unit kien, fil-mument meta seħħ l-allegat ksur, marbut bid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni tinvoka fil-kuntest ta’ din il-proċedura. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża peress li: (i) is-sentenza kkontestata ngħatat matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni (fid‑19 ta’ Frar 2020), u (ii) ir-rikors tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE ġie ppreżentat fl-erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni (id‑29 ta’ Lulju 2022).

B.      Osservazzjonijiet preliminari II: sentenzi filkontumaċja

39.      F’din il-kawża, ir-Renju Unit ma ppreżentax risposta u l-Kummissjoni, konsegwentement, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza fil-kontumaċja.

40.      Skont l-Artikolu 152(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, f’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra “l-ammissibbiltà tar-rikors u għandha tivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux li huma fondati”.

41.      F’din il-kawża, jidher li l-formalitajiet xierqa ġew osservati. B’mod partikolari, kif indikat fil-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma mar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja li kien irċieva r-rikors. Barra minn hekk, ma nara xejn f’dan ir-rikors li jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ difett proċedurali li jista’ jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors. Ir-rikors tal-Kummissjoni jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fl-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura u l-ilmenti mressqa fih jidhru li jikkorrispondu għal dawk diġà mqajma fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata.

42.      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors li għandu jiġi deċiż fil-kontumaċja, nixtieq niżviluppa żewġ kunsiderazzjonijiet qosra, li huma konnessi.

43.      L-ewwel, jista’ jkun utli li jiġi ċċarat il-livell ta’ prova li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika fl-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ rikorrent. F’dan ir-rigward, għandi nfakkar mill-ġdid it-test tal-Artikolu 152(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu li, fi proċeduri fil-kontumaċja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk “it-talbiet tar-rikorrent jidhrux li huma fondati” (16).

44.      Fil-fehma tiegħi, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li, minn naħa, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-konvenuta fil-proċedura ma twassalx sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tilqgħu awtomatikament t-talbiet tar-rikorrenti. Kif indika l-Avukat Ġenerali Mischo, fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja, ma huwiex “kwistjoni li t-talbiet tar-rikorrent jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ verità” (17). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE, “anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fi kwalunkwe każ, tiddetermina jekk l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeżistix jew le” (18).

45.      Il-livell ta’ prova lanqas ma jista’ jkun dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talbiet għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-imsemmija kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika biss l-eżistenza ta’ fumus boni iuris, mifhum bħala talba li “prima facie ma hijiex infondata” (19). Fil-fehma tiegħi, id-differenza bejn allegazzjoni li “tidher fondata” u dik li “tidher li ma hijiex infondata” ma hijiex biss terminoloġika. Għaldaqstant, xi ħaġa iktar hija meħtieġa skont l-Artikolu 152(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

46.      Min-naħa l-oħra, madankollu, il-verb “tidher” jindika li l-livell ta’ stħarriġ huwa wieħed ta’ benevolenza relattiva fil-konfront tat-talbiet tar-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata twettaq eżami komplet tal-fatti allegati u tal-argumenti legali mressqa mir-rikorrenti; lanqas ma jista’ jkun mistenni li hija tiżviluppa l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li l-konvenuta setgħet issostni li kieku pparteċipat fil-proċedura. Billi jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher, il-konvenut jagħżel li jirrinunzja għall-fakultà tiegħu, b’mod partikolari, li jipproduċi provi li jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-eżattezza tal-fatti allegati mir-rikorrent jew li jqajjem linji ta’ difiża li għandhom, bħala prinċipju, jitqajmu u jiġu ssostanzjati mill-konvenut.

47.      Evidentement, fl-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra bħala stabbilit fatt magħruf jew ipprovat mill-esperjenza ġenerali (20), u l-prinċipju iura novit curia jibqa’ kompletament validu (21). Madankollu, għall-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-elementi li jinsabu fil-proċess.

48.      Nixtieq nesponi li, fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova li l-allegazzjonijiet tiegħu huma “prima facie, fondati”: jekk l-argumenti mressqa insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet jidhru, mingħajr analiżi fil-fond, raġonevoli fid-dritt u fil-fatt u, jekk ikun il-każ, sostnuti minn provi suffiċjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi favur ir-rikorrent mingħajr xkiel (22).

49.      Jidhirli li dan l-approċċ ibbilanċjat tal-livell ta’ prova tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 152(3) tar-Regoli tal-Proċedura huwa l-iktar konformi mat-termini ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mal-loġika stess tal-proċedura fil-kontumaċja. Il-proċeduri fil-kontumaċja huma kostruzzjoni legali li jeżistu, f’diversi forom, fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali. Sa fejn naf jien, dawn il-proċeduri ġeneralment huma ta’ natura sommarja u, fil-parti l-kbira, il-qrati huma mitluba jiddeċiedu favur ir-rikorrenti, għalkemm huma ma għandhomx jagħmlu dan awtomatikament u mingħajr kritika (23).

50.      Wara kollox, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal analiżi normali u kompleta tat-talbiet tar-rikorrenti, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-possibbiltà li l-konvenuti jippreżentaw rikors għall-annullament tas-sentenza fil-kontumaċja (24) titlef, fil-parti l-kbira, l-iskop tagħha.

51.      Dan iwassalni għall-punt li jmiss.

52.      Għalkemm ma huwiex il-kompitu tiegħi li niġġudika l-għaqal tal-għażla ta’ parti li ma tipparteċipax fil-proċedura, nixtieq madankollu nenfasizza li l-eżerċizzju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-missjoni ġudizzjarja tagħha jista’ jsir iktar diffiċli minħabba tali għażla (25). Hemm proverbju Ingliż qadim li jgħid li “hemm żewġ naħat għal kull storja” (26). Jekk dan huwa l-każ, huwa ta’ dispjaċir li, f’ċerti każijiet, waħda miż-żewġ naħat tal-istorja ma tiġix esposta b’mod sħiħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; għall-inqas sakemm ma jkunx hemm it-tieni sett eventwali ta’ proċedura. Il-possibbiltà li titressaq talba għall-annullament tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista’ tagħti l-opportunità li jiġu rrimedjati ċerti kwistjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda twassal ukoll għal duplikazzjoni tal-proċeduri, li tirriżulta f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali estiża u f’użu inqas minn ottimali tar-riżorsi tal-Qorti tal-Ġustizzja (u, possibbilment, tar-riżorsi tal-partijiet).

53.      Wara li esponejt il-kwistjonijiet proċedurali msemmija iktar ’il fuq, issa ser neżamina l-fondatezza tal-erba’ motivi invokati mill-Kummissjoni. Għalkemm dawn il-motivi huma marbuta strettament ma’ xulxin, ser neżamina kull wieħed minnhom separatament u ser ninkludi kontroreferenzi għal kwistjonijiet diġà eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet.

C.      Lewwel motiv: ksur talArtikolu 4(3) TUE

1.      Largumenti tarrikorrenti

54.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sa fejn is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ma ssospendietx il-proċeduri quddiemha, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell fil-kawża European Food.

55.      Skont il-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li, meta qorti nazzjonali tkun adita b’kawża li tkun diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirrikjedi li dik il-qorti tissospendi l-proċeduri quddiemha, sakemm ma jkun hemm kważi l-ebda riskju ta’ kunflitt bejn is-sentenza antiċipata tagħha u l-att probabbli tal-Kummissjoni jew id-deċiżjoni tal-qrati tal-Unjoni.

56.      Il-Kummissjoni targumenta li permezz tal-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni mibdija mill-investituri fir-Renju Unit, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ġiet adita bi kwistjoni li teħtieġ interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istess miżuri bħal dawk li l-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet dwarhom u li kienu s-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

57.      Minkejja li kienet konxja li d-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali kien għadu japplika, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tiddeċiedi definittivament il-kawża, u dan ħoloq riskju ta’ kunflitt bejn dik is-sentenza u d-deċiżjonijiet mistennija tal-Kummissjoni u/jew tal-qrati tal-Unjoni dwar l-istess kwistjoni.

2.      Evalwazzjoni

a)      Ilprinċipju ta’ kooperazzjoni leali u ta’ kontroll talgħajnuna millIstat

58.      L-Artikolu 4(3) TUE jistabbilixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxu s-sinsla tas-sistema legali maħluqa mit-Trattati tal-Unjoni: il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Essenzjalment, dan il-prinċipju jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-obbligu li jikkooperaw in bona fide (27).

59.      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati, minn naħa, li “jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw [jiżguraw] li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” u, min-naħa l-oħra, li “jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”.

60.      Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea huwa — bilkemm għandi bżonn infakkar — l-istabbiliment ta’ suq intern (28): żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija, ta’ persuni, ta’ servizzi u ta’ kapital huwa żgurat (29), u fejn il-kompetizzjoni bejn l-impriżi ma tkunx distorta (30), la minn imġiba unilaterali u multilaterali ta’ impriżi (31) u lanqas bl-għoti ta’ għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali (32).

61.      Fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 108 TFUE stabbilixxa sistema ta’ kontroll ex ante u ex post, li fiha l-Kummissjoni tingħata rwol ċentrali. Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, “teżamina kostantement” il-forom kollha ta’ għajnuna eżistenti u tevalwa minn qabel “kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna” qabel ma jiġi implimentat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ngħatat “kompetenza esklużiva” sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, taħt il-kontroll tal-qrati tal-Unjoni (33).

62.      Dan espost, anki l-qrati nazzjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan il-qasam. Huwa stabbilit sew li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha kull waħda taġixxi fil-limiti tar-rwol mogħti lilha mit-Trattat (34). Ir-rwol tal-qrati nazzjonali jinkludi, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li jiġu protetti l-partijiet affettwati mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għoti tal-għajnuna illegali (35). Madankollu, il-qrati nazzjonali għandhom joqogħdu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk tkun provviżorja (36).

63.      F’dan il-kuntest ‑ minħabba s-sovrappożizzjoni bejn il-kompetenzi u s-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni, tal-qrati tal-Unjoni u tal-qrati nazzjonali ‑ xi kultant, f’każijiet speċifiċi, jista’ jirriżulta riskju ta’ kunflitt fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-kompatibbiltà ta’ xi miżuri nazzjonali mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tkun suġġetta għal diversi proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji, li jkunu għaddejjin b’mod parallel fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

64.      F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-eżitu ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali jiddependi mill-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevita li tieħu deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Kummissjoni, tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm il-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi b’mod definittiv ir-rikors għal annullament. Madankollu, din il-qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta li tissospendi l-proċeduri quddiemha jekk hija tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa ġġustifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew jekk bilkemm ikun hemm riskju ta’ kunflitt bejn deċiżjonijiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji (37).

65.      Il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Masterfoods”) jidhirli li huma kompletament applikabbli għall-kawża preżenti.

b)      Ilprinċipju ta’ kooperazzjoni leali fissentenza kkontestata 

66.      Kif irrikonoxxiet is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-punt 2 tas-sentenza kkontestata, il-kawża mressqa quddiemha kienet “l-aħħar kapitolu tat-tentattivi abbundanti (tal-investituri) f’diversi qrati differenti sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija favurihom kontra r-Rumanija u t-tentattivi tal-Kummissjoni Ewropea [...] sabiex tipprekludi l-eżekuzzjoni minħabba li dan ikun jikser id-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat illegali” (38).

67.      Fil-fatt, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) innotat li proċeduri ta’ eżekuzzjoni kienu għaddejjin f’diversi Stati Membri oħra: Franza, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Isvezja. Barra minn hekk, f’wieħed minn dawn l-Istati (jiġifieri, il-Belġju), il-qorti nazzjonali kkonċernata kienet diġà ressqet tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (39). Barra minn hekk, u fuq kollox, il-proċedura quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet ukoll parallela mal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni li fil-kuntest tagħha l-investituri kienu kkontestaw il-validità tad-deċiżjoni finali tal‑2015 (iktar ’il quddiem il-“proċedura European Food”) (40).

68.      Konxja mill-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn din l-għanqbuta kumplessa ta’ tilwim, fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) indikat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, (i) hija kienet “imħassba dwar deċiżjonijiet potenzjalment kontradittorji dwar l-istess suġġett bejn l-istess partijiet”; ii) hija ma setgħetx tikkonkludi li “bil-kemm (kien) hemm riskju ta’ kunflitt” bejn dawn id-deċiżjonijiet; iii) li kieku l-kunflitt bejn deċiżjonijiet differenti immaterjalizza ruħu, il-konsegwenzi tiegħu kienu jikkostitwixxu “ostakolu sinjifikattiv għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”; u (iv) l-eżistenza ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, bħala prinċipju, “suffiċjenti sabiex jiskatta d-dmir ta’ kooperazzjoni”.

69.      Madankollu, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) eżaminat il-fondatezza tal-aggravju tal-investituri bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. Hija bdiet billi fakkret il-ġurisprudenza tal-Unjoni dwar din id-dispożizzjoni (41) u, sussegwentement, eżaminat b’mod ġenerali l-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti skont din id-dispożizzjoni (42). Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) sussegwentement indirizzat il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 351 TFUE kienx applikabbli għall-obbligi rilevanti tar-Renju Unit taħt il-Konvenzjoni ICSID (43), qabel ma evalwat fl-aħħar lok jekk l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjoni tat-Trattat fil-kawża inkwistjoni setgħetx tagħti lok għal riskju ta’ kunflitt li jeħtieġ li tiġi imposta sospensjoni tal-proċedura nazzjonali, fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (44).

70.      Hija din l-aħħar parti tar-raġunament tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) li l-Kummissjoni tikkritika fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha ta’ dan ir-rikors. Fis-siltiet finali tas-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) waslet għall-konklużjoni li, minkejja l-konstatazzjonijiet preċedenti tagħha dwar l-applikabbiltà astratta tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sospensjoni tal-proċedura ma kinitx neċessarja għal tliet raġunijiet.

71.      L-ewwel, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma humiex irriżervati għall-qrati tal-Unjoni. Tali kwistjonijiet ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni u ‑ skont is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ‑ il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx f’pożizzjoni aħjar minn qorti nazzjonali sabiex issolvihom.

72.      It-tieni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddikjarat li l-kwistjoni mqajma quddiemha mill-investituri skont l-Artikolu 351 TFUE ma kinitx kompletament l-istess bħal dik imqajma quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-proċedura European Food, l-investituri sostnew, b’mod partikolari, li l-Artikolu 351 TFUE kien jagħti supremazija lill-obbligi internazzjonali preeżistenti tar-Rumanija li jirriżultaw minn dan il-BIT u mill-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni ICSID. Min-naħa l-oħra, fil-proċedura fir-Renju Unit, il-kwistjoni legali rilevanti kienet l-obbligu tar-Renju Unit li jimplimenta l-Konvenzjoni ICSID u li jirrikonoxxi u jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikoli 54 u 69 tal-Konvenzjoni ICSID. (45) Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) irrilevat li din kienet kwistjoni li, peress li kienet speċifika għall-kawża tar-Renju Unit, ma kinitx tqajmet quddiem il-qrati tal-Unjoni.

73.      It-tielet, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset ukoll li l-possibbiltà li l-qrati tal-Unjoni jittrattaw l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għall-obbligi ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-Konvenzjoni ICSID fil-kuntest tat-tilwima pendenti fir-Renju Unit kienet remota. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża European Food ma kinitx indirizzat l-interpretazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE u, konsegwentement, l-appell (dak iż-żmien pendenti) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien limitat għall-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet oħra. Anki fil-każ ta’ annullament tas-sentenza kkontestata u ta’ rinviju lill-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni ġdida tal-kawża, ma tantx huwa probabbli, skont is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), li l-qrati tal-Unjoni jitrattaw il-kwistjoni speċifika mqajma fil-proċedura fir-Renju Unit. Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) għalhekk ikkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm lok li tissospendi l-proċeduri quddiemha.

c)      Issospensjoni talproċedura

74.      Jiena tal-fehma li l-kritika magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sentenza kkontestata tidher fondata. Inqis li l-argumenti mogħtija mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) sabiex tevita li tissospendi l-proċeduri quddiemha — minkejja l-fatt li, kif kienet irrikonoxxiet hija stess, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kompla japplika — ma humiex konvinċenti.

1)      Ilġurisprudenza Masterfoods

75.      Fl-ewwel lok, il-fatt li l-kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma humiex “riżervati għall-qrati tal-Unjoni” jew li l-qrati tal-Unjoni “ma humiex f’pożizzjoni aħjar minn qorti nazzjonali sabiex isolvuhom” huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

76.      Il-ġurisprudenza Masterfoods ma hijiex ibbażata fuq l-idea li l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandha tkun “riżervata” għall-qrati tal-Unjoni. Il-kuntrarju huwa minnu: din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa stess li ż-żewġ settijiet ta’ qrati huma, ħlief għal eċċezzjonijiet, kompetenti u kapaċi jindirizzaw kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jqumu fil-kuntest ta’ kawżi mressqa quddiemhom, inkluż fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 19 TUE jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma mistennija li jkunu, għaċ-ċittadini li jitolbu l-protezzjoni tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjoni ġenerali (46).

77.      Ir-raġunament tal-ġurisprudenza Masterfoods huwa doppju. Minn naħa, hija għandha l-għan li żżomm is-setgħat eżekuttivi mogħtija lill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (f’dan il-każ, li tistabbilixxi l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ għajnuna ssuspettata) billi tevita kunflitt ta’ deċiżjonijiet (amministrattivi u/jew ġudizzjarji) fuq kwistjonijiet legali li qed jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, jew li ġew eżaminati mill-Kummissjoni u li bħalissa huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, din hija intiża sabiex tħares il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni sabiex jistħarrġu l-validità tal-atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, billi tevita sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tkun tagħti deċiżjoni li, fil-prattika, timplika li wieħed minn dawn l-atti ma huwiex validu.

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li din il-kawża taqa’ perfettament fi ħdan it-tip ta’ kawżi li fihom hija applikabbli l-ġurisprudenza Masterfoods (47).

79.      Kemm il-proċeduri fl-Unjoni kif ukoll dawk fir-Renju Unit jikkonċernaw, it-tnejn li huma u f’termini ġenerali, l-istess kwistjoni (il-kapaċità tal-investituri li jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fl-Unjoni Ewropea), u jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 351 TFUE, l-Artikoli 107 u 108 TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali) u jaffettwaw il-validità u/jew l-effettività ta’ tliet deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat adottati mill-Kummissjoni (48).

80.      Mis-sentenza kkontestata jirriżulta wkoll li kien kompletament ċar għas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) li, li kieku kellha “tagħti l-barka tagħha” għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-Renju Unit, kemm il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni dwar allegata għajnuna mill-Istat kif ukoll il-proċedura ta’ annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni kienu fil-parti l-kbira jitilfu l-għan tagħhom (49).

81.      Jekk dan huwa l-każ, il-kwistjoni dwar jekk kwistjoni legali speċifika li tqajmet mill-investituri quddiem il-qrati tar-Renju Unit kinitx waħda li dwarha l-qrati tal-Unjoni kellhom ġurisdizzjoni rriżervata jew jekk kinux fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu, hija irrilevanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Masterfoods.

82.      Ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti, fiż-żewġ sitwazzjonijiet, ma huwiex differenti u l-preġudizzju potenzjali għat-twettiq tajjeb tal-kompiti fdati mill-awturi tat-Trattati lill-Kummissjoni u lill-qrati tal-Unjoni jseħħ fiż-żewġ każijiet. Minn naħa, is-sentenza kkontestata ppermettiet li l-investituri jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, u għalhekk evitaw l-“effetti ta’ bblukkar” li jirriżultaw mhux biss mid-deċiżjoni finali tal‑2015, iżda wkoll mid-deċiżjoni ta’ ftuħ u mill-ordni ta’ sospensjoni. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddevjaw ukoll minn dak li kien ġie deċiż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tal‑2015 (50). Għaldaqstant, is-sentenza kkontestata kienet timplika, de facto, li l-imsemmija deċiżjoni kienet illegali, peress li l-Kummissjoni ma kinitx osservat dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni. Il-validità tal-istess deċiżjoni kienet madankollu għadha qiegħdha tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni.

2)      Linterpretazzjoni talftehimiet preċedenti u talArtikolu 351 TFUE

83.      Fit-tieni lok, jista’ ċertament ikun minnu li d-determinazzjoni tal-eżistenza u tal-portata tal-obbligi ta’ Stat Membru taħt ftehim partikolari, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, ma hijiex kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni. Bħala prinċipju, ċertament ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni ma hijiex parti għalihom.

84.      Madankollu, id-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tippermetti li titneħħa l-effettività ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ftehim preċedenti, tikkostitwixxi, evidentement, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

85.      Din hija wkoll kwistjoni li tqajmet speċifikament quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) (51) u loġikament tippreċedi kwalunkwe investigazzjoni dwar l-effetti ta’ ftehim internazzjonali fir-rigward ta’ Stat Membru. Evidentement, qorti ma tistax tistabbilixxi pożittivament dak li jirriżulta minn dispożizzjoni partikolari ta’ ftehim preċedenti, sakemm ma tkunx ikkonstatat minn qabel li dan il-ftehim (u/jew uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu) jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

86.      Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE kienet kwistjoni li dwarha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kellha teżamina b’mod estensiv, qabel ma tibda teżamina l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ICSID invokati mill-investituri. Fil-punt 98 tas-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) irrilevat ġustament li, għal dan l-għan, kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-ftehim internazzjonali inkwistjoni kienx jimponi fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom għadha tista’ tintalab minn pajjiżi mhux membri li huma partijiet għalih. Sussegwentement, fil-punti 98 sa 100 tal-imsemmija sentenza, hija interpretat l-espressjoni “obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom għadha tista’ tintalab minn pajjiżi mhux membri”.

87.      Din l-espressjoni — li s-sens preċiż tagħha kien punt ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet — tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE (52), li tirreferi għad-“drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi [...] bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru [terz] wieħed jew iktar”.

88.      Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE la jinkludi riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri u lanqas għad-dritt internazzjonali. Minn dan isegwi li l-kunċetti li jinsabu fih jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li s-sens u l-portata tagħhom għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju tal-Unjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-għan u l-kuntest tagħha (53). Dan ma jfissirx, evidentement, li l-awturi tat-Trattati tal-Unjoni riedu jinjoraw il-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali f’dan il-qasam (54). Dan ifisser biss li l-kundizzjonijiet u l-limiti li fihom l-Istati Membri huma awtorizzati (skont it-Trattati tal-Unjoni) li jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ ftehimiet preċedenti huma ddeterminati mid-dritt tal-Unjoni nnifsu (55).

89.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minbarra l-kundizzjonijiet espressament stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, it-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni jintroduċi obbligu speċifiku li jiġu eliminati l-kunflitti għall-futur u t-tielet paragrafu jinkludi l-projbizzjoni li jingħata trattament preferenzjali lil Stati terzi. Barra minn hekk, ċerti limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżultaw mill-karatteristiċi speċifiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi, l-Artikolu 351 TFUE “ma jistax fil-fatt fl-ebda każ jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni prinċipji li jirriżultaw mill-istess bażi tas-sistema legali [tal-Unjoni], fosthom dak tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jinkludi l-istħarriġ mill-qorti [tal-Unjoni] tal-legalità tal-atti [tal-Unjoni] fir-rigward tal-konformità tagħhom ma’ dawn id-drittijiet fundamentali” (56).

90.      F’din il-kawża, il-kwistjoni essenzjali li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kellha tiddeċiedi kienet, fi ftit kliem, f’liema ċirkustanzi kien applikabbli l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE meta (i) il-ftehim preċedenti invokat kien ftehim multilaterali, u (ii) it-tilwima dehret purament interna għall-Unjoni, peress li l-ebda Stat terz jew ċittadin ta’ Stat terz ma kien involut.

91.      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), fis-sentenza kkontestata, ma interpretatx (u ma applikatx) biss ftehim preċedenti, iżda wkoll dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li, f’dan il-każ, iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet kienu marbuta b’mod inseparabbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħhom ma jistax iqajjem dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tindirizza l-aspett tal-kwistjoni relatata mal-Unjoni.

92.      Fil-fatt, meta dan ikun neċessarju għas-soluzzjoni ta’ tilwima li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni inċidentali tal-klawżoli tal-ftehimiet internazzjonali, anki jekk dawn il-ftehimiet ma jagħmlux parti mid-dritt tal-Unjoni. Dan jispjega għalfejn, fir-rikorsi diretti, il-Qorti Ġenerali ma wriet ebda eżitazzjoni fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, sa fejn kien neċessarju sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima (57).

93.      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja normalment ma għandhiex bżonn tinterpreta l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, peress li dan il-kompitu jista’ jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (58). Madankollu, il-ġurisdizzjoni inċidentali tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni ma hijiex parti tista’ tippreżenta ruħha wkoll fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (59). Dan huwa l-każ meta, sabiex tasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għal qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku li fih topera regola tal-Unjoni.

94.      Pereżempju, meta, bħal f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk ftehim partikolari jew klawżola ta’ ftehim jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, ma jistax jiġi serjament sostnut li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Unjoni biss f’livell għoli ta’ astrazzjoni, peress li ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-ftehim jew tal-klawżola inkwistjoni (60).

95.      Barra minn hekk, f’din il-kawża, kienet teżisti raġuni oħra li setgħet isservi ta’ ġustifikazzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, anki b’mod inċidentali, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ICSID invokati mill-investituri: l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn id-dispożizzjonijiet kien ikollha effett dirett fuq il-validità u/jew fuq l-effettività tat-tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (61).

3)      Ilkwistjonijiet legali differenti mqajma filproċedimenti tarRenju Unit u talUnjoni

96.      Fit-tielet lok, l-affermazzjoni tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) li l-kwistjoni mqajma quddiemha mill-investituri skont l-Artikolu 351 TFUE ma kinitx kompletament l-istess bħal dik imqajma quddiem il-qrati tal-Unjoni hija, mill-ġdid, kemm ta’ importanza limitata kif ukoll, sa ċertu punt, ukoll ineżatta.

97.      L-ewwel, insibha diffiċli li nara għalfejn jista’ jkun rilevanti l-fatt ta’ jekk, fid-diversi proċeduri mibdija quddiem il-qrati tal-Unjoni u quddiem il-qrati nazzjonali, l-investituri invokawx l-Artikolu 53 u/jew l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet it-tnejn li huma jikkonċernaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ. Essenzjalment, dawn huma dispożizzjonijiet indirizzati lejn suġġetti differenti, li jipprovdu rimedji differenti għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, sabiex jinħoloq obbligu simetriku bejn l-Istati u l-investituri f’dan ir-rigward (62).

98.      Ir-riskju li jinħoloq “ostakolu sostanzjali għall-funzjonament tad-dritt tal-Unjoni” (63) kien jeżisti indipendentement mill-bażi legali speċifika invokata mill-investituri fil-proċeduri differenti. Hija l-koeżistenza ta’ diversi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni — li kollha kienu jikkonċernaw l-istess deċiżjoni ta’ arbitraġġ u li kollha kellhom l-għan li jtemmu l-effetti tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni tal‑2015 (billi jannullawha, fil-livell tal-Unjoni, u billi jduru magħha, fuq livell nazzjonali) — li kienet realment rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-ġurisprudenza Masterfoods.

99.      Barra minn hekk, il-konklużjoni tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) dwar id-differenza bejn it-talbiet tal-investituri ma hijiex kompletament preċiża. Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) stess irrikonoxxiet li l-investituri kienu effettivament invokaw mhux biss l-Artikolu 53 iżda wkoll l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID fil-proċedimenti quddiem il-qrati tal-Unjoni (64). L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni: fil-fatt, id-deċiżjoni finali tal‑2015 tirreferi għaż-żewġ dispożizzjonijiet (65).

100. Bl-istess mod, anki l-fatt li l-kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligi tar-Renju Unit skont il-Konvenzjoni ICSID ma tqajmux quddiem il-qrati tal-Unjoni jidher li huwa irrilevanti f’dan il-każ. Evidentement, peress li r-Renju Unit bl-ebda mod ma kien involut fil-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat li wasslet għad-deċiżjoni finali tal‑2015, ma kien hemm ebda raġuni sabiex tiġi ttrattata s-sitwazzjoni speċifika ta’ dan l-Istat Membru.

101. Madankollu, sa fejn nista’ nara, l-obbligi tar-Renju Unit skont il-Konvenzjoni ICSID ma humiex differenti minn dawk tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li kollha huma, bl-eċċezzjoni tal-Polonja, partijiet għal din il-konvenzjoni. Dan ma jinkludix biss ir-Rumanija (l-Istat Membru li ta l-allegata għajnuna), iżda wkoll il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Isvezja (fejn kienu għaddejjin proċeduri paralleli). Għalhekk, kull konklużjoni tal-qrati tal-Unjoni dwar l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ICSID, bis-saħħa tal-Artikolu 351 TFUE, fil-kawża pendenti quddiemhom (jew quddiem il-qrati nazzjonali) kienet tkun applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura fir-Renju Unit.

102. Ċertament, l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kinitx tagħmel parti mill-kwistjonijiet li dwarhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet meta annullat id-deċiżjoni finali tal‑2015 u li, konsegwentement, kienu tqajmu fil-kuntest tal-appell li dak iż-żmien kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

103. Madankollu, dan ma kienx jimplika li, kif indikat is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), “il-possibbiltà li [l-qrati tal-Unjoni] jindirizzaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 351 TFUE għall-obbligi ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-Konvenzjoni ICSID [...] (kienet) remota” jew, fi kliem ieħor, li “l-possibbiltà li l-qrati tal-Unjoni [jistgħu] jikkunsidraw [din] il-kwistjoni f’ċertu mument fil-futur [kienet)] fl-istess ħin kundizzjonali u mbiegħda” (66). Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) stess kienet ikkonstatat li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali kien, bħala prinċipju, skatta mill-“eżistenza ta’ rikors pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’possibbiltà reali ta’ suċċess” (67).

104. Li kieku l-Kummissjoni rebħet fl-appell tagħha (kif fil-fatt għamlet (68)), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tkun tista’ jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ġdida, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża. Fiż-żewġ kawżi, dan kien ikun jinvolvi l-eżaminazzjoni tal-motivi għall-annullament tal-investituri li ma kinux ġew deċiżi fis-sentenza annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (69). Wieħed minn dawn il-motivi kien jikkonċerna preċiżament l-allegat nuqqas ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE (70).

105. Min-naħa l-oħra, li kieku l-Kummissjoni tilfet l-appell, hija kien ikollha terġa’ tibda l-investigazzjoni tagħha tal-miżura ta’ għajnuna allegata u tevalwa l-argumenti tal-investituri ex novo, inklużi dawk ibbażati fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u, skont din id-dispożizzjoni, tal-Konvenzjoni ICSID (71). Ma hemmx għalfejn ngħid li tali konstatazzjoni setgħet tiġi kkontestata mill-investituri quddiem il-qrati tal-Unjoni.

106. Għalhekk, fi stadju jew f’ieħor tal-proċedura tal-Unjoni, l-argumenti tal-investituri dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u tal-Konvenzjoni ICSID kellhom neċessarjament jiġu ttrattati espressament mill-qrati tal-Unjoni. Rectius, peress li l-investituri kienu ressqu tali argumenti b’mod espliċitu, ma kien hemm l-ebda possibbiltà li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun sfavorevoli għalihom setgħet issir definittiva mingħajr ma dawn l-argumenti jiġu eżaminati mill-qrati tal-Unjoni.

107. L-aħħar iżda mhux l-inqas, jekk is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet tal-fehma li l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura quddiemha — dwar id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ICSID invokata mill-investituri u/jew il-pożizzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-Konvenzjoni ICSID — kienu jqajmu kwistjonijiet li kienu kemm rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima kif ukoll li x’aktarx ma kinux ser jiġu ttrattati mill-qrati tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura European Food, hija setgħet tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Kif ġie spjegat, dawn il-kwistjonijiet tqajmu fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, u għalhekk jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, l-Artikolu 86(2) il-Ftehim dwar il-Ħruġ kien jippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li ssir talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

108. Bħala konklużjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li kienu ġew ittrattati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-validità tagħha kienet is-suġġett ta’ stħarriġ fi proċedura li dak iż-żmien kienet pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni. L-argumenti mqajma mill-investituri f’dan ir-rigward, kemm quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kif ukoll quddiem il-qrati tal-Unjoni, kienu neċessarjament jimplikaw l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni. Kien hemm riskju reali u attwali ta’ deċiżjonijiet (amministrattivi u/jew ġudizzjarji) kunfliġġenti fl-istess qasam fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, billi rrifjutat li tissospendi l-proċeduri, kif teżiġi l-ġurisprudenza Masterfoods, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TEU. Għaldaqstant, l-ewwel motiv tal-Kummissjoni jidher li huwa fondat.

D.      Ittieni motiv: ilksur talewwel paragrafu talArtikolu 351 TFUE

1.      Largumenti talpartijiet

109. Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi qieset li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-Renju Unit, peress li r-Renju Unit kellu l-obbligu li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID fir-rigward tal-Istati Kontraenti l-oħra kollha tal-ICSID, inklużi pajjiżi terzi, is-sentenza kkontestata tat lok għal ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

110. Il-Kummissjoni ssostni li, f’din il-kawża, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kienx applikabbli u, billi kkonstatat il-kuntrarju, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) indebitament estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-konklużjoni tirriżulta, skont il-Kummissjoni, minn interpretazzjoni żbaljata ta’ żewġ espressjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 351 TFUE, li t-tnejn huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni: “drittijiet” ta’ “Stat terz wieħed jew iktar” u “affettwati mit-Trattati”.

111. L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-ebda “drittijiet” ta’ “Stat terz wieħed jew iktar” ma kienu involuti fir-rigward tal-obbligu tar-Renju Unit li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID, peress li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna biss lill-Istati Membri tal-Unjoni. It-tieni, il-Kummissjoni tallega li ebda obbligu impost fuq ir-Renju Unit skont il-Konvenzjoni ICSID ma ġie “affettwat mit-Trattati” sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-konvenzjoni jistgħu jiġu interpretati b’mod li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mar-regoli rilevanti tat-Trattati tal-Unjoni.

2.      Evalwazzjoni

112. Għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li t-tieni motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

a)      Stat Membru jista’ jikser lewwel paragrafu talArtikolu 351 TFUE?

113. Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Gvern tar-Renju Unit ikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, billi għamel riferiment għall-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tidher li ma timponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri.

114. Qabelxejn, jista’ jkun utli li jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jintroduċi regola intiża sabiex tirregola eventwali kunflitti li jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ settijiet ta’ regoli (72): it-Trattati tal-Unjoni, minn naħa, u l-ftehimiet preċedenti, minn naħa l-oħra. Din id-dispożizzjoni tirrifletti prinċipji stabbiliti sewwa tad-dritt internazzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ trattati suċċessivi u l-effetti tat-trattati fir-rigward ta’ Stati terzi, bħal pacta sunt servanda, pacta tertiis nec nocent nec prosunt u res inter alios acta (73). Dawn huma l-prinċipji li ġew ikkodifikati fil-VCLT (74), u li l-valur tagħhom fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ġie rrikonoxxut b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja (75).

115. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għalhekk għandu l-għan li jippreċiża li, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali msemmija iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni ma taffettwax l-impenn tal-Istati Membri li jirrispettaw id-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti u li josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minnhom (76). Għalhekk, meta l-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti, l-Istati Membri huma awtorizzati li ma japplikawx ir-regoli tal-Unjoni, sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ ftehimiet preċedenti (77).

116. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE “ma tilħaqx l-għan tagħha jekk hija ma timplikax għall-(istituzzjonijiet tal-Unjoni) id-dover li ma jostakolawx l-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn ftehim preċedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (78). Jekk dan huwa l-każ, huwa minnu li din id-dispożizzjoni timplika obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

117. Ċertament, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi wkoll, għalkemm impliċitament, obbligu għall-Istati Membri, li jista’ jitqies bħala l-“immaġni riflessa f’mera” tal-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni: li ma tiġix ostakolata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, meta l-kundizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jkunux issodisfatti. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma preklużi milli jagħtu preċedenza lil dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet preċedenti fuq regoli kunfliġġenti tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat. Dan il-qari “bidirezzjonali” tad-dispożizzjoni jista’ jkun iġġustifikat mill-fatt li l-Artikolu 351 TFUE spiss jitqies bħala manifestazzjoni, f’dan il-qasam, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (79): prinċipju li, kif ġie ddikjarat, jimponi li kemm l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jaġixxu in bona fide.

118. Madankollu, l-importanza u, jekk nista’ ngħid hekk, il-valur miżjud, ta’ tali obbligu jidher li hija kważi insinjifikattiva. Fi kliem ieħor, l-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jkun, għall-Istati Membri, sempliċement dak li jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni meta l-eċċezzjoni prevista minnu tkun inapplikabbli: truwiżmu. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm ksur awtonomu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE: tali ksur jirriżulta, awtomatikament u impliċitament, mill-ksur ta’ regola oħra tad-dritt tal-Unjoni.

119. Iktar importanti minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mar-raġuni u mat-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE (80). Din id-dispożizzjoni hija, fundamentalment, regola permissiva, li tippermetti li l-Istati Membri ma japplikawx id-dritt tal-Unjoni f’ċerti każijiet. Bħala tali, il-funzjoni tiegħu hija dik ta’ “tarka”, jiġifieri ta’ difiża eventwali li tista’ tiġi invokata minn Stat Membru li qiegħed jiġi akkużat li kiser regola tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, b’differenza mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-istess dispożizzjoni — li, kif ġie espost iktar ’il fuq, jipprovdu ċerti obbligi speċifiċi għall-Istati Membri — ma narax kif l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jista’ jintuża b’mod utli bħala “xabla” fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (81).

120. Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jistax ikun il-bażi ta’ talba fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE u li, konsegwentement, it-tieni motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

121. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi dwar l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni preliminari, u fid-dawl tar-rabtiet evidenti li jeżistu bejn il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest fit-tieni motiv tagħha u dik imqajma fit-tliet motiv l-oħra, fi kwalunkwe każ ser nispjega r-raġunijiet li għalihom jiena tal-fehma li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

b)      Fuq ilportata talewwel paragrafu talArtikolu 351 TFUE

122. Skont il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex din id-dispożizzjoni tapplika: (i) il-ftehim irid ikun ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE ta’ dak iż-żmien, jew qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea, u (ii) pajjiż terz għandu jislet drittijiet minn dan il-ftehim li huwa jista’ jeżiġi li jiġu osservati mill-Istat Membru kkonċernat (82).

123. Fis-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti minħabba li: (i) il-Konvenzjoni ICSID hija, fir-rigward tar-Renju Unit, “ftehim preċedenti” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE; u (ii) ir-Renju Unit kien suġġett għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID fil-konfront tal-Istati kontraenti l-oħra kollha. Għalhekk, hija kkonkludiet li l-investituri setgħu jibbażaw ruħhom b’mod leġittimu fuq id-dispożizzjoni tal-Unjoni sabiex jitolbu li l-qrati tar-Renju Unit jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

124. Ċertament naqbel dwar l-ewwel kundizzjoni: ir-Renju Unit irratifika l-Konvenzjoni ICSID fl‑1966, jiġifieri, qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ dawk li fl‑1973 kienu l-Komunitajiet (83).

125. Għall-kuntrarju, għal diversi raġunijiet, mhux konvint mill-konklużjonijiet tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fir-rigward tat-tieni kundizzjoni.

126. Sabiex nispjega għaliex jiena ta’ din il-fehma, l-ewwel ser nipprova niċċara l-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, kwistjoni li tista’, ċertament, ma tkunx kompletament ċara abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa raġonevoli li nibda l-analiżi billi neżamina l-għan u l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

1)      Lgħan u lformulazzjoni talewwel paragrafu talArtikolu 351 TFUE

127. L-għan immedjat tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa li jipproteġi d-drittijiet tal-Istati terzi (84), billi jippermetti lill-Istati Membri jikkonformaw ruħhom ma’ ftehimiet preċedenti meta dawn ikunu f’kunflitt mar-regoli tal-Unjoni (85), mingħajr ma dan iwassal għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (86). L-għan ewlieni ta’ din id-dispożizzjoni huwa madankollu li l-Istati Membri jiġu protetti milli jwettqu, minħabba obbligi assunti sussegwentement skont id-dritt tal-Unjoni, xi att illegali li jwassal għar-responsabbiltà internazzjonali tagħhom taħt ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, li tista’ tiġi invokata minn Stati terzi.

128. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma huwiex applikabbli meta ma jkunux involuti d-drittijiet tal-pajjiżi mhux membri (87). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi validament invokata fil-każ ta’ ftehimiet konklużi biss bejn Stati Membri (88), kif ukoll fil-każ ta’ ftehimiet konklużi ma’ Stati terzi meta dawn jiġu invokati fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (89). Kif enfasizzat fid-duttrina legali, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem aċċettat il-prinċipju li l-Artikolu 351 TFUE ma jistax jiġi applikat fir-relazzjonijiet interni għall-Unjoni (90).

129. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, sa minn ġurisprudenza bikrija ħafna, li l-espressjoni “drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn ftehim”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal drittijiet ta’ Stati terzi u għall-obbligi tal-Istati Membri (91). L-Istati Membri ma jistgħu jinvokaw l-ebda “dritt” li jirriżulta minn ftehimiet preċedenti (92).

130. Teżisti rabta li ma tistax tiġi xolta bejn dawn iż-żewġ elementi. Huwa biss jekk Stat terz ikollu dritt li jista’ jiġi invokat kontra Stat Membru li d-dritt tal-Unjoni jippermetti (iżda ma jobbligax (93)) lil dan tal-aħħar jissodisfa l-“obbligi korrispondenti” (94). Fil-fatt, meta ftehim preċedenti jippermetti, iżda ma jobbligax, li Stat Membru jadotta miżura kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jeżentax lil dan l-Istat Membru milli jkollu jikkonforma ruħu mar-regoli rilevanti tal-Unjoni (95). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jistax japplika meta Stat terz ikun esprima x-xewqa li l-ftehim preċedenti jintemm (96). Fil-fehma tiegħi, l-istess għandu japplika fir-rigward ta’ Stat terz li jkun espressament ta l-kunsens tiegħu għan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim preċedenti jew li jkun irrinunzja għad-drittijiet tiegħu (97).

131. L-identifikazzjoni tad-dritt interkonness tal-Istat terz u tal-obbligu tal-Istat Membru hija għalhekk kruċjali sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà, f’każ partikolari, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

132. F’dan l-istadju, jidher li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn tipi differenti ta’ ftehimiet.

133. Fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali — jiġifieri l-ftehimiet bejn Stat Membru u Stat terz — li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dritt speċifiku ta’ Stat terz u tal-obbligu korrispondenti ta’ Stat Membru, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, normalment ma għandhomx joħolqu problema kbira.

134. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-ftehimiet multilaterali, jiġifieri l-ftehimiet li għalihom Stat Membru wieħed jew iktar huma partijiet flimkien ma’ Stat terz wieħed jew iktar, jista’ jkun li s-sitwazzjoni mhux dejjem tkun sempliċi. Fil-fatt huwa tabilħaqq possibbli li kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jqumu f’sitwazzjonijiet interni għall-Unjoni fejn, bħal f’dan il-każ, ikunu involuti direttament biss żewġ Stati Membri jew iktar (98). F’każ bħal dan, f’liema ċirkustanzi huwa applikabbli l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE?

135. F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn il-ftehimiet multilaterali li jinkludu obbligi ta’ natura kollettiva u ftehimiet multilaterali li jinkludu obbligi ta’ natura bilaterali jew reċiproka (99).

136. Fl-ewwel kategorija ta’ ftehimiet, in-nuqqas ta’ osservanza minn parti kontraenti ta’ obbligu kuntrattwali jista’ jaffettwa t-tgawdija mill-partijiet l-oħra tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-ftehim jew jikkomprometti t-twettiq tal-għan tal-ftehim (100). F’dawn il-każijiet, l-obbligi li jirriżultaw minn dan huma dovuti jew lil grupp ta’ Stati (erga omnes partes) jew inkella lill-komunità internazzjonali kollha kemm hija (erga omnes). F’każijiet bħal dawn, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jista’ jkun applikabbli, u għalhekk jista’ jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ att tal-Unjoni, anki f’tilwim li jinvolvi biss atturi tal-Unjoni (101). Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jkunu purament interni għall-Unjoni fuq il-livell fattwali, iżda ma humiex interni fuq il-livell ġuridiku.

137. Min-naħa l-oħra, fit-tieni kategorija ta’ ftehim, in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat kontraenti ta’ obbligu li jirriżulta mill-ftehim preċedenti ġeneralment jaffettwa biss Stat kontraenti wieħed jew iktar speċifiċi: dawk ikkonċernati mis-sitwazzjoni inkwistjoni. F’dawn il-każijiet, ma hemmx indħil fit-tgawdija tad-drittijiet miżmuma minn Stati kontraenti oħra skont il-Ftehim (102). Jekk dan huwa l-każ, isegwi li, f’dawn il-każijiet, meta l-Istati kontraenti affettwati min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru huma Stati Membri oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma japplikax. Peress li ma jeżistix dritt ta’ Stat terz li huwa inkwistjoni, ma hemmx lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi evitata r-responsabbiltà internazzjonali ta’ Stat Membru li tirriżulta minnu.

138. Inżid, f’dan il-kuntest, li jiena mill-ġdid naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni meta hija targumenta li s-sempliċi interess fattwali (għall-kuntrarju tal-interess ġuridiku) tal-Istati kontraenti li jiżguraw li l-Istati kontraenti l-oħra kollha josservaw ftehim multilaterali huwa insuffiċjenti sabiex jagħti lok għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE (103). It-test ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal “drittijiet”, terminu li għalih sar riferiment b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (104).

2)      Iddispożizzjoni b’konsegwenzi kbar u b’portata ġenerali, iżda mhux wiesgħa wisq.

139. Kif ġustament iddeċidiet is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), l-Artikolu 351 TFUE għandu portata ġenerali: dan japplika għal kwalunkwe ftehim internazzjonali, irrispettivament mis-suġġett tiegħu, li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni (105).

140. Madankollu, dan ma jfissirx li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tiegħu għandha portata wiesgħa. Għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jidderoga mill-prinċipju ta’ supremazija, wieħed mill-pilastri ċentrali li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (106), kwalunkwe dispożizzjoni fi ftehim preċedenti tista’ tieħu l-preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt primarju (107). Dan huwa minnu indipendentement mill-impatt li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-Unjoni jista’ jkollu fuq id-drittijiet u l-interessi tal-Istati Membri l-oħra, kif ukoll fuq il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni nnifisha.

141. Fid-dawl tal-konsegwenzi potenzjalment kbar ħafna li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li r-regoli ġenerali ma jiġux imċaħħda mis-sustanza tagħhom, huwa evidentement partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest (108).

142. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa ser nindirizza s-siltiet rilevanti tas-sentenza kkontestata.

c)      Fuq lewwel paragrafu talArtikolu 351 TFUE fissentenza kkontestata

143. F’dan il-każ, il-qofol tal-kwistjoni kien – kif sostniet is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) (109) – li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim preċedenti inkwistjoni jimponix fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tkun għadha meħtieġa minn Stati mhux membri li kienu partijiet għalih. Fis-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) wettqet din l-evalwazzjoni billi eżaminat l-obbligu ta’ Stat Membru wieħed (ir-Renju Unit) taħt ftehim internazzjonali wieħed (il-Konvenzjoni ICSID) li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

144. Insib l-approċċ segwit mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) f’dan ir-rigward problematiku fi tliet aspetti.

145. L-ewwel, l-analiżi tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), li tiffoka kważi esklużivament fuq l-obbligi tar-Renju Unit taħt l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID, ma tidentifika ebda dritt korrispondenti ta’ Stati mhux membri.

146. Kif spjegat iktar ’il fuq, l-importanza tar-rabta bejn dawn iż-żewġ elementi, għall-finijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, diffiċilment tista’ tiġi esaġerata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li pajjiż terz li huwa parti għall-imsemmi ftehim jikseb, minn dan il-ftehim, dritt li huwa jista’ jeżiġi l-osservanza tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat.

147. Għaldaqstant din ma hijiex kwistjoni li tista’ tiġi ttrattata bħallikieku ma hijiex importanti. Pereżempju, jekk jiġi preżunt li l-qrati tar-Renju Unit irrifjutaw li jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni (110), kull Stat terz li huwa parti għall-Konvenzjoni ICSID (attwalment, ferm iktar minn 150) jista’ jinvoka r-responsabbiltà internazzjonali tar-Renju Unit għal dan ir-rifjut, u jaġixxi kontra dan l-Istat, permezz tal-proċeduri previsti mid-dritt internazzjonali (111), sabiex jikseb il-waqfien tal-att illegali u/jew il-kumpens għad-dannu kkawżat? Din il-kwistjonijiet, minkejja l-importanza tagħha, ma ġietx indirizzati fis-sentenza kkontestata.

148. It-tieni, jidhirli li l-istandard applikat mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) sabiex tidentifika obbligu dovut lill Stat terz kien pjuttost baxx. Li rrid ngħid huwa li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex obbligu li jirriżulta minn ftehim internazzjonali jkun jista’ jitqies bħala kollettiv (f’dan il-każ, erga omnes partes), u mhux bilaterali jew reċiproka, jidhru faċilment sodisfatti fil-kuntest tar-raġunament segwit mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

149. Ċertament ma hemmx assenza ta’ riferimenti għal sorsi internazzjonali u akkademiċi fis-sentenza kkontestata, iżda, wara eżami iktar fil-fond, l-ebda wieħed minn dawn is-sorsi ma jidher speċifiku jew konklużiv f’dan il-qasam. Bl-eċċezzjoni ta’ żewġ dikjarazzjonijiet (112), is-sorsi l-oħra kollha huma pjuttost vagi dwar dan il-punt u l-konklużjonijiet tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) huma dedotti b’mod impliċitu (113). Nindika li dawn is-sorsi jidhru, fil-parti l-kbira tagħhom, li jindikaw l-eżistenza ta’ interess ta’ natura ġenerali tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ICSID sabiex il-ftehim jiġi rrispettat fiċ-ċirkustanzi kollha (114). Madankollu, kif iddikjarat iktar ’il fuq, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiskatta l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

150. It-tielet, għalkemm nifhem li l-kwistjoni prinċipali mressqa quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet tikkonċerna l-effetti tal-Konvenzjoni ICSID fir-rigward tar-Renju Unit (fi kliem sempliċement, “ir-Renju Unit huwa obbligat jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont din il-konvenzjoni?”), din il-kwistjoni ma tistax tiġi eżaminata b’“iżolament kliniku” mill-kuntest tat-tilwima.

151. Is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-kawża kienet, fil-fatt, pjuttost kumplessa: din kienet tinvolvi tliet Stati differenti (ir-Renju Unit, ir-Rumanija u l-Isvezja) u żewġ ftehimiet internazzjonali differenti (il-BIT u l-Konvenzjoni ICSID).

152. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tat kumpens lill-investituri minħabba li r-Rumanija kienet, skont it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kisret it-termini tal-BIT billi ma żguratx trattament ġust u ekwu, billi ma rrispettatx l-aspettattivi leġittimi tal-investituri u billi ma aġixxietx b’mod trasparenti (115). Huwa għalhekk il-BIT li stabbilixxa l-obbligi sostantivi li r-Rumanija kienet assumiet fil-konfront tal-Isvezja. Kien ukoll abbażi tal-Artikolu 8(6) tal-BIT li r-Rumanija kellha l-obbligu, fil-konfront tal-Isvezja, li tħallas il-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ liċ-ċittadini Svediżi inkwistjoni (116).

153. Essenzjalment, billi llimitat l-evalwazzjoni tagħha għal kwistjoni proċedurali waħda biss li qamet mit-tilwima u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni wieħed mill-ftehimiet internazzjonali, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) naqset milli tqis ir-relazzjoni legali bażika li wasslet għat-tilwima: dik bejn ir-Rumanija, minn naħa, u l-Isvezja u ċ-ċittadini tagħha, min-naħa l-oħra.

154. Skont l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE adottata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), ċerti sitwazzjonijiet purament interni għall-Unjoni, peress li huma biss l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom li huma involuti, mhux biss fil-fatt, iżda wkoll fid-dritt, ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet internazzjonali preċedenti, minkejja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni u jkunu f’kunflitt ma’ ċerti regoli tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, dan ikun inkompatibbli mal-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u inutli sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu. Lanqas ma tkun konformi mal-ġurisprudenza preċedenti li eskludiet l-applikazzjoni tiegħu fir-relazzjonijiet purament interni tal-Unjoni.

155. Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE toħloq ukoll, f’ċertu numru ta’ ċirkustanzi, mezz relattivament faċli għall-individwi sabiex jevitaw in-natura vinkolanti tar-regoli tal-Unjoni (117). F’dan ir-rigward, ma għandux jintesa li l-Artikolu 351 TFUE huwa, l-ewwel u qabel kollox, dispożizzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Istati. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija dispożizzjoni newtrali li ma jistax ikollha l-effett li tibdel in-natura tad-drittijiet li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti. Minn dan jirriżulta li “din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-effett li tagħti lill-individwi li jinvokaw [ftehim preċedenti] [...] drittijiet li l-qrati nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jipproteġu. Lanqas ma tippreġudika d-drittijiet li l-individwi jistgħu jisiltu minn tali ftehim” (118) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

156. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk individwi (bħall-investituri) jiksbux dritt minn ftehim preċedenti hija, fil-parti l-kbira tagħha, irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. L-individwi jistgħu jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni biss indirettament, biss sa fejn jistgħu juru li ċerti dispożizzjonijiet jew miżuri tal-Unjoni jimponu fuq Stat Membru l-obbligu li jikser obbligu dovut lil Stat terz skont ftehim preċedenti, li jista’ jwassal għar-responsabbiltà internazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

157. Bħala konklużjoni, inqis li, fis-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, billi tat lil din id-dispożizzjoni portata wiesgħa wisq. B’mod partikolari, hija interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet”, billi ma evalwatx korrettament il-mod kif dan il-kunċett għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ ftehimiet multilaterali, b’mod partikolari meta ebda Stat terz jew ċittadin ma jkun ikkonċernat.

158. Dan premess, għar-raġunijiet esposti fil-punti 113 sa 120 iktar ’il fuq, it-tieni motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

E.      Ittielet motiv; ksur talArtikolu 267 TFUE

1.      Largumenti talpartijiet

159. Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti tas-sentenza kkontestata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), mingħajr ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ta lok għal ksur tal-Artikolu 267 TFUE għal żewġ raġunijiet.

160. Il-Kummissjoni ssostni li, billi naqset milli tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u tal-ordni ta’ sospensjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kisret l-obbligu previst fil-punt b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-effett tas-sentenza kkontestata huwa li tirrendi dawn id-deċiżjonijiet ineffettivi. Għalhekk, billi naqset milli tagħti effett lil dawn id-deċiżjonijiet — li kienu jirrikjedu l-osservanza tal-obbligu ta’ sospensjoni, bil-waqfien tal-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni — is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) aġixxiet bħallikieku dawn l-atti kienu invalidi.

161. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, billi naqset milli tagħmel talba għal deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), bħala qorti tal-aħħar istanza, kisret l-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fis-sentenza kkontestata, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kellha tagħti interpretazzjoni tal-kunċetti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom kien hemm nuqqas ta’ qbil u li ma kinux ġew ittrattati b’mod suffiċjenti fil-ġurisprudenza tal-Unjoni.

2.      Evalwazzjoni

162. Ser nibda l-analiżi tiegħi ta’ dan l-motiv bit-tieni argument imressaq mill-Kummissjoni.

163. Qabelxejn, ftit li xejn għandi għalfejn nenfasizza li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) hija “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, tali qorti hija, bħala prinċipju, obbligata li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, meta hija jkollha ssolvi kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni sabiex tagħti s-sentenza tagħha.

164. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, il-qrati tal-aħħar istanza jistgħu jastjenu milli jagħmlu dan f’żewġ tipi ta’ ċirkustanzi.

165. L-ewwel, referenza ma hijiex meħtieġa fit-tip ta’ sitwazzjoni magħrufa bħala “acte clair”: meta l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi solvuta d-domanda magħmula. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, qabel ma tikkonkludi li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandha, madankollu, tkun konvinta li l-kwistjoni tkun daqstant evidenti għall-qrati jew għat-tribunali l-oħra li jiddeċiedu fl-aħħar istanza tal-Istati Membri u għall-Qorti tal-Ġustizzja (119).

166. It-tieni, ma hemmx dmir li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari f’sitwazzjonijiet imsejħa acte éclairé: meta d-domanda magħmula tkun materjalment identika għal domanda li diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili, jew meta deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu diġà ddeċidew il-kwistjoni ta’ dritt inkwistjoni, tkun xi tkun in-natura tal-proċedura li wasslet għal dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk id-domandi inkwistjoni ma jkunux strettament identiċi (120).

167. B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk teżistix il-possibbiltà li qorti tal-aħħar istanza ma tressaqx talba għal deċiżjoni preliminari “għandha tiġi evalwata skont l-elementi karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tinvolvi l-interpretazzjoni tiegħu u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni” (121).

168. Iktar ’il fuq, spjegajt għaliex, fil-fehma tiegħi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) interpretat b’mod żbaljat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE f’din il-kawża. Madankollu, is-sempliċi fatt li qorti tal-aħħar istanza wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, ma jfissirx li hija neċessarjament kisret l-obbligu tagħha li tressaq tali talba. Dan huwa, l-iktar, indizju li dan jista’ jkun il-każ.

169. Madankollu, f’din il-kawża, diversi elementi oħra jindikaw li la l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni nnifisha u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma taw risposta evidenti għall-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li kellha quddiemha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

170. L-ewwel, huwa kompletament ċar li l-formulazzjoni relattivament qasira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma tipprovdix indikazzjonijiet inekwivoċi dwar il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li kienu tqajmu quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit). Kif irrilevat il-Kummissjoni, il-partijiet urew b’mod qawwi n-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet. Jidhirli li ż-żewġ partijiet kienu ressqu argumenti li, għall-inqas prima facie, ma setgħux jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

171. It-tieni, id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE msemmija mill-partijiet u eżaminati mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienu limitati kemm fin-numru kif ukoll fir-rilevanza. B’mod partikolari, ebda deċiżjoni ta’ dan it-tip ma kienet ittrattat, espressament u direttament, il-kwistjonijiet li kienu kruċjali f’dan il-każ. Fil-fatt, il-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata turi li l-interpretazzjoni adottata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ġiet (jekk nista’ ngħid hekk) imfassla billi nġabru flimkien “silta ’l hawn u silta ’l hemm” minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni turi wkoll li ċerti “siltiet ’l hawn u siltiet ’l hemm” ta’ sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja setgħu jissuġġerixxu qari differenti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE (122).

172. It-tielet, huwa diffiċli li wieħed jara kif jista’ jiġi konkluż b’ċertezza li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE adottata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) setgħet tkun “daqstant evidenti” għall-qrati tal-Unjoni u għall-qrati tal-aħħar istanza tal-Istati Membri l-oħra. Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet taf li kienu tqajmu argumenti bbażati fuq l-Artikolu 351 TFUE u fuq il-Konvenzjoni ICSID mhux biss quddiem il-qrati tal-Unjoni, iżda wkoll fil-proċeduri nazzjonali pendenti. In-numru stess ta’ dawn il-proċeduri, kif ukoll il-fatt li huma kienu pendenti quddiem qrati ta’ ġurisdizzjonijiet differenti, kellhom irendu, minn tal-inqas, lis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) partikolarment prudenti f’dan ir-rigward.

173. Barra minn hekk, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet ġiet informata, mill-Kummissjoni, li qorti nazzjonali, in-Nacka Tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, l-Isvezja), kienet tat sentenza li fiha hija kienet ċaħdet it-talbiet tal-investituri bbażati fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, wara interpretazzjoni ta’ dan il-paragrafu li ma taqbilx ma dik finalment adottata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit). Ir-riskju ta’ opinjonijiet diverġenti dwar is-sens u l-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, u għalhekk ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kunfliġġenti dwar dan is-suġġett, kien għalhekk kemm reali kif ukoll attwali.

174. F’dan ir-rigward, għandi nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun ġiet mgħarrfa bl-eżistenza ta’ linji ta’ ġurisprudenza diverġenti — fost il-qrati ta’ Stat Membru jew bejn il-qrati ta’ Stati Membri differenti — li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, dik il-qorti għandha tkun partikolarment viġilanti fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza jew le ta’ dubji raġonevoli dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan imfittex mill-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li huwa dak li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (123).

175. Ir-raba’, jidher li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza kostituzzjonali tal-kwistjoni legali li hija ddeċidiet li tagħti deċiżjoni dwarha, jew l-impatt possibbli tad-deċiżjoni tagħha fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kollu kemm huwa. Kif indikajt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jikkostitwixxi limitazzjoni kważi illimitata għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tal-importanza ta’ dan il-prinċipju għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ma setgħetx ma tkunx konxja mill-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni estensiva ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat.

176. Barra minn hekk, nirrileva li, kuntrarjament għas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), kemm il-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) kif ukoll il-Court of Appeal (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ) (il-Qorti tal-Appell) (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ)), kienu rrifjutaw li jevalwaw l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE peress li din kienet kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-proċedura European Food quddiem il-qrati tal-Unjoni u li għalhekk setgħet tagħti lok għal riskju ta’ sentenzi kunfliġġenti f’dan il-qasam (124).

177. Konsegwentement, jiena tal-fehma li, meta ddeċidiet dwar il-fondatezza tat-talba tal-investituri bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) injorat (i) l-“elementi karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni” u (ii) ir-“riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni”. Dawn huma elementi li, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza meta jevalwaw jekk, f’sitwazzjoni speċifika, huma għandhomx l-obbligu li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

178. Fil-ħames u fl-aħħar lok, naħseb li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, in-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) skont l-Artikolu 267 TFUE hija deċiżjoni li ma taqax taħt il-marġni ta’ manuvra li għandu neċessarjament jiġi rrikonoxxuta lill-korpi li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. L-elementi eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet juru kawża ġuridikament kumplessa, aggravata mill-koeżistenza ta’ diversi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fl-Unjoni kollha, li fihom il-kwistjonijiet ċentrali kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ diversi regoli u prinċipji tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kinitx tikkostitwixxi kwistjoni aċċessorja jew sekondarja — li setgħet għalhekk tissuġġerixxi l-użu tal-ekonomija tal-ġustizzja — iżda kwistjoni li “tolqot il-qofol ta’ din it-tilwima” (125).

179. Barra minn hekk, lanqas ma nara xi element konkret li jista’ jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ raġunijiet partikolari għaliex il-kawża għandha tiġi ttrattata b’urġenza. In-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari min-naħa tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) lanqas ma jista’ jitqies li huwa r-riżultat ta’ svista minuri, bħalma jista’, pereżempju, ikun il-każ meta kwistjoni legali ma tkunx tqajmet, jew ma tkun ġiet diskussa b’mod sħiħ, mill-partijiet. Fil-fatt, uħud mill-partijiet fil-proċedura kienu, diversi drabi, stiednu lis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

180. Għalhekk, jiena tal-fehma li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ma setgħetx tikkonkludi b’mod plawżibbli li, minħabba l-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u/jew minħabba l-ġurisprudenza eżistenti tal-Unjoni, i) l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-imsemmija dispożizzjoni ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, u (ii) l-interpretazzjoni adottata kienet tkun daqstant evidenti għall-qrati tal-Unjoni u għall-qrati tal-aħħar istanza tal-Istati Membri l-oħra. Għaldaqstant, billi ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

181. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li t-tielet motiv jidher fondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kritiki l-oħra magħmula mill-Kummissjoni (126).

F.      Irraba’ motiv: ksur talArtikolu 108(3) TFUE

1.      Largumenti talpartijiet

182. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit kiser l-Artikolu 108(3) TFEU.

183. Il-Kummissjoni tenfasizza li, billi neħħiet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li kienet ġiet ordnata mill-qrati tar-Renju Unit aditi bil-kawża f’istanzi inferjuri, din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ saret eżekuttiva. Is-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) għalhekk kellha l-effett li tirrendi pagabbli l-ammonti indikati fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Effett bħal dan, kif targumenta l-Kummissjoni, huwa f’kontradizzjoni diretta mal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFEU.

184. Il-Kummissjoni żżid li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) injorat ukoll il-ġurisprudenza stabbilita sew li l-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat li ma ġietx debitament awtorizzata tista’ tiġi invokata sabiex tiġi prekluża l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi definittivi ta’ qrati nazzjonali li jkunu f’kontradizzjoni diretta mal-obbligu ta’ sospensjoni (127).

2.      Evalwazzjoni

185. Għalkemm l-argumenti legali tal-Kummissjoni jidhru, bħala prinċipju, fondati, jiena tal-fehma li dan l-motiv għandu jiġi miċħud.

186. Skont l-Artikolu 108(3) TFUE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna eżistenti u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura sakemm din l-istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar din il-miżura. Dan l-obbligu doppju (notifika u sospensjoni) għandu l-għan li jiżgura li skema ta’ għajnuna ma tkunx tista’ ssir operattiva qabel ma l-Kummissjoni jkollha żmien raġonevoli biex teżamina fid-dettall il-miżuri proposti u, jekk ikun il-każ, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-għan aħħari huwa, ovvjament, li tiġi evitata l-possibbiltà li għajnuna inkompatibbli tkun tista’ tingħata lill-benefiċjarji (128).

187. F’din il-kawża, il-miżura inkwistjoni (il-ħlas mir-Rumanija tal-kumpens mogħti lill-investituri fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ (129)) kienet diġà ġiet eżaminata mill-Kummissjoni u kienet tqieset, fid-deċiżjoni finali tal‑2015, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

188. Huwa minnu li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni kienet, fil-mument meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat is-sentenza kkontestata, ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kien diġà pendenti.

189. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni ma kinitx tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni tal-ftuħ u/jew tal-ordni ta’ sospensjoni. Jista’ jkun utli li jiġi enfasizzat li l-legalità tad-deċiżjoni tal-ftuħ ma ġietx ikkontestata mill-investituri, għalkemm dan kien, bħala prinċipju, possibbli (130). Min-naħa tagħha, il-legalità tal-ordni ta’ sospensjoni kienet inizjalment is-suġġett ta’ kontestazzjoni mill-investituri, iżda l-azzjoni tagħhom sussegwentement ġiet irtirata (131).

190. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (132).

191. Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma tistax tinqara bħala li tfisser, anki b’mod impliċitu, li anki d-deċiżjoni tal-ftuħ u l-ordni ta’ sospensjoni kienu illegali. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji u li l-proċedura intiża għas-sostituzzjoni ta’ tali att tista’, bħala prinċipju, titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (133).

192. F’din il-kawża, ir-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni finali tal‑2015 kienet speċifika għad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid (134). Tali żball tal-Kummissjoni, anki li kieku kellu jiġi kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ma kienx jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fi stadju preċedenti tal-proċedura. Fil-fatt, il-konsegwenza għall-Kummissjoni kienet tkun li hija jkollha terġa’ tibda l-eżami fil-fond tagħha tal-allegata għajnuna u wara dan tadotta deċiżjoni ġdida li tagħlaq il-proċedura, li kellha tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-qrati tal-Unjoni.

193. Konsegwentement, irrispettivament mill-istatus tad-deċiżjoni finali tal‑2015, peress li d-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-ordni ta’ sospensjoni kienu atti fis-seħħ u kienu jipproduċu effetti legali, l-obbligu ta’ sospensjoni tal-allegata għajnuna kien għadha fis-seħħ (135).

194. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ ħlas ta’ proġetti ta’ għajnuna stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandu effett dirett u hija, għalhekk, immedjatament eżegwibbli (136), inkluż mill-qrati nazzjonali (137). Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, mingħajr ma twettaq ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, tordna l-ħlas ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern tkun qiegħda tiġi eżaminata mill-Kummissjoni jew, agħar, li tkun diġà ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Bħala prinċipju, kwalunkwe talba bħal din għandha tiġi miċħuda (138).

195. Għaldaqstant, il-konsegwenza inevitabbli tat-tneħħija, fis-sentenza kkontestata, tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet li r-Rumanija saret, bħala prinċipju, obbligata tħallas l-għajnuna allegata, bi ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni. Tali sitwazzjoni tidher li tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 108(3) TFEU.

196. Huwa minnu li – kif enfasizza r-Renju Unit fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni – l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi obbligu li, bħala prinċipju, huwa impost fuq l-Istat Membru li jagħti l-allegata għajnuna (139). Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u ma għandhomx jadottaw miżuri li jistgħu jxekklu jew jikkompromettu l-osservanza tagħhom (140).

197. Konsegwentement, naqbel mal-perspettiva tal-Kummissjoni li r-Renju Unit innifsu jista’ jitqies bħala responsabbli għal ksur tal-Artikolu 108(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, jekk hija waħda mill-miżuri tiegħu li tagħti lok għal ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni fir-rigward ta’ miżura ta’ allegata għajnuna.

198. Dan premess, għandi nirrileva li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar kif u meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-Renju Unit, li saret possibbli minħabba s-sentenza kkontestata, wasslet għall-ħlas effettiv tas-somom previsti fiha.

199. Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat u li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi kollha neċessarji għal dan l-għan, mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (141). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tintuża biss kontra ksur effettiv tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, sempliċi allegazzjonijiet ta’ ksur futur potenzjali jew riskju ta’ tali ksur ma jistgħux jintlaqgħu (142).

200. Għalhekk, għalkemm naqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sentenza kkontestata tidher, bħala prinċipju, li tista’ twassal għal ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE li jista’ jiġi imputat lir-Renju Unit, ma nara ebda prova tal-eżistenza ta’ tali ksur.

201. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, ir-raba’ motiv tal-Kummissjoni ma jidhirx li huwa fondat.

VI.    Fuq lispejjeż

202. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

203. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens u peress li r-rikors tagħha ġie essenzjalment milqugħ, hemm lok li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

VII. Konklużjoni

204. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li peress li, permezz tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Frar 2020, Micula vs Ir‑Rumanija, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) irrifjutat li tissospendi l-proċeduri, u ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351(1) TFUE, filwaqt li l-istess kwistjoni kienet ġiet deċiża minn deċiżjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni u kienet qiegħda tistenna ġudizzju quddiem il-qrati tal-Unjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kiser l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

–        tiddikjara li peress li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), bħala qorti tal-aħħar istanza, ma ressqitx talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li la kien acte clair u lanqas ma kien acte éclairé, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kiser it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) TFUE tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors.

–        tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      J. Mertens de Wilmars, u I.M Verougstraete, “Proceedings against Member States for failure to fulfil their obligations”, Common Market Law Review, Vol. 7, Ħarġa 4, 1970, p. 389 u 390. B’mod simili, ftit snin wara, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-Kawża Bouchereau (30/77, EU:C:1977:141, p. 2020).


3      Ara, reċentement, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv) (C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑154/08, EU:C:2009:695), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza  (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811). Ara wkoll l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil‑qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 87).


5      Punt enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi u li jiena naqbel miegħu kompletament. Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 32), u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ellenika (C‑156/04, EU:C:2007:316, punt 52).


6      Dawn il-ftehimiet internazzjonali minn hawn ’il quddiem ser jissejħu “ftehimiet preċedenti”.


7      Iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ” (ĠU 2020, L 29, p. 7).


8      T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423.


9      Sentenza Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50).


10      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018 (C‑284/16, EU:C:2018:158). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fi trattat bilaterali ta’ investiment konkluż bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovakkja kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.


11      C‑333/19, EU:C:2022:749.


12      (2017) EWHC 31 (Comm).


13      (2018) EWCA 1801.


14      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 92 sa 95 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.


15      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 86 sa 91 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.


16      Enfasi miżjuda minni.


17      Konklużjonijiet fil-kawża Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑365/99, EU:C:2001:184, punt 16).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi) (C‑427/17, EU:C:2019:269, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara, pereżempju, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑639/11, EU:C:2014:173, punt 57), u tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja (C‑61/12, EU:C:2014:172, punt 62).


21      Dwar dan il-prinċipju, ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 54).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ellenika (68/88, EU:C:1989:339, punt 9), u tal‑1 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑285/96, EU:C:1998:453, punt 13).


23      Għal ċerti anteċedenti komparattivi u storiċi ta’ din il-proċedura: ara, pereżempju, G. Guyomar, Le défaut des parties à un différend devant les juridictions internationales, Librairie Générale de Droit et de Jurisprudence, Pariġi, 1960; u U.S. Supreme Court, 30 ta’ Marzu 1885, Thomson et vs Wooster, 114 U.S. 104 (1885).


24      Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u Artikolu 156(1) tar-Regoli tal-Proċedura.


25      B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑365/99, EU:C:2001:184, punt 17).


26      Jingħad li dan il-proverbju ġej mill-istorja “Il-Bagħal”, tal-kittieb Grieg tal-qedem Esopu (620–564 qabel Kristu).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE.


29      Artikolu 26(2) TFUE.


30      Il-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni.


31      Artikoli 101 sa 106 TFUE.


32      Artikoli 107 sa 109 TFUE.


33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 28 sa 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ibidem, punt 41.


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 24), kif ukoll, b’analoġija, tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 57).


38      Enfasi miżjuda minni.


39      Punt 25 tas-sentenza kkontestata. Għall-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, ara d-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2022, Romatsa et (C‑333/19, EU:C:2022:749).


40      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Punt 97 tas-sentenza kkontestata.


42      Punti 98 sa 100 tas-sentenza kkontestata


43      Punti 101 sa 108 tas-sentenza kkontestata.


44      Punti 109 sa 117 tas-sentenza kkontestata.


45      Fir-rigward tal-Artikoli 53 u 54 tal-Konvenzjoni ICSID, ara, iktar ’il fuq, il-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-Artikolu 69 tal-imsemmija konvenzjoni jindika biss li “kull Stat kontraenti għandu jieħu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra neċessarji sabiex jagħmel id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni effettivi fit-territorju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


46      Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, punt 66).


47      Nifhem li dan huwa wkoll dak li, fil-proċedura fir-Renju Unit, il-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) u l-Court of Appeal (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ) (il-Qorti tal-Appell) (Arden, Hamblen u Leggatt LJJ)), kienu kkonkludew f’dan ir-rigward (ara l-punt 42 tas-sentenza kkontestata).


48      Ara b’mod partikolari l-punt 56 tas-sentenza kkontestata.


49      Ara l-punti 2, 51, 52, 56 u 116 tas-sentenza kkontestata.


50      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 44 u 126 sa 129 tad-deċiżjoni finali tal‑2015. Il-Kummissjoni kienet eskludiet l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE anki fid-deċiżjoni tal-ftuħ.


51      Ara, b’mod partikolari, il-punt 100 tas-sentenza kkontestata.


52      Inżid, inċidentalment, li ebda espressjoni simili ma tinsab fl-iktar sorsi internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), u l-International Law Commission’s Draft Articles on Responsibility of States for Internationally Wrongful Acts (l-Abbozz ta’ Artikoli tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali) (iktar ’il quddiem l-“ARSIWA”).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara iktar ’il quddiem, il-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Għalhekk ma naqbilx kompletament mal-Avukat Ġenerali Mischo meta, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑62/98 u C‑84/98, EU:C:1999:509, punt 56), indika li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu natura “purament dikjaratorja”.


56      Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 304). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fl-istess kawża (EU:C:2008:11, punti 30 u 31). Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal‑Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 42).


57      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98), u tal‑15 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑264/09, EU:C:2011:580).


58      Bħal fis-sentenzi, iċċitati mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332), u tat‑28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1995:84).


59      Dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618, punti 134 u 143). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1973, Vandeweghe et (130/73, EU:C:1973:131, punti 2 u 3).


60      F’dan ir-rigward ara, fid-duttrina legali, J. Klabbers, Treaty Conflict and the European Union, Cambridge University Press, 2009, p. 142 sa 148; P. Manzini, “The Priority of Pre-existing Treaty of EC Member States in the Framework of International Law”, European Journal of International Law, 2001, p. 785 sa 788; u H. G. Schermers, Annotation of Case 812/79 Attorney General (of Ireland) v Burgoa, Common Market Law Review, 1981, p. 229 u 230.


61      Ara iktar ’il fuq, il-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u iktar ’il quddiem, il-punt 193 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’mod ġenerali, dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Burgoa (812/79, EU:C:1980:196, p. 2817), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1994:357, punt 42).


62      Ara, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi internazzjonali kompetenti, S.A. Alexandrov, “Enforcement of ICSID Awards: Articles 53 and 54 of the ICSID Convention”, f’C. Binder et al. (edizzjoni), International Investment Law for the 21st Century:  Essays in Honour of Christoph Schreuer, Oxford University Press, 2009, p. 328.


63      Sabiex nuża l-espressjoni rispettiva tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata.


64      Ara l-punt 113 tas-sentenza kkontestata.


65      Ara l-premessa 45 tad-deċiżjoni finali tal‑2015.


66      Punti 114 u 117 rispettivament tas-sentenza kkontestata.


67      Punt 56 tas-sentenza kkontestata. Enfasi miżjuda minni.


68      Ara iktar ’il fuq, il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Kif indikat ġustament fil-punt 114 tas-sentenza kkontestata.


70      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il‑Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423, punt 58).


71      Ara, pereżempju, il-premessi 64 sa 66 tad-deċiżjoni finali tal‑2015.


72      Bl-istess mod, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑264/09, EU:C:2011:150, punt 48).


73      Bl-istess mod, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (10/61, mhux ippubblikat, EU:C:1961:26, p. 17).


74      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 26, l-Artikolu 30(4)(b) u l-Artikoli 34 sa 36 tal-VCLT.


75      Pereżempju, fir-rigward tar-rabta bejn l-Artikolu 351 TFUE u l-Artikolu 30(4)(b) tal-VCLT, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C‑124/95, EU:C:1997:8, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 1994, Minne (C‑13/93, EU:C:1994:39, punt 17).


78      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, EU:C:1980:231, punt 9).


79      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:63, punt 38). Fid-duttrina, ara P. Koutrakos, “International agreements concluded by Member States prior to their EU accession – Burgoa”, f’G. Butler, R. Wessel, R. (eds), EU external relations law, Hart Publishing, Oxford, 2022, p. 137.


80      Ara, f’iktar dettall, il-punti 127 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Mutatis mutandis, dan huwa probabbli jekk jitqies li Stat Membru li jintroduċi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 36 TFUE jikser din id-dispożizzjoni, u mhux il-projbizzjoni (ġenerali) tar-restrizzjonijiet kwantitattivi stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE.


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punt 61).


83      Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:624, punt 25).


84      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 346).


85      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ellenika (C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 35).


86      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE - Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 254).


87      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Deserbais (286/86, EU:C:1988:434, punt 18), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Levy (C‑158/91, EU:C:1992:411, punt 4).


88      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 1962, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (10/61, EU:C:1962:2, p. 10), u tas‑27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, EU:C:1988:460, punt 21).


89      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1986, Conegate (121/85, EU:C:1986:114, punt 25), u tat‑2 ta’ Lulju 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 40).


90      P. Eeckhout, EU external relations law, it-2 edizzjoni, Oxford University Press, 2011, p. 426.


91      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 1962, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (10/61, EU:C:1962:2, p. 10).


92      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 40).


93      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 61).


94      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 12), u tal‑10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punt 60). Enfasi miżjuda minni.


95      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C‑124/95, EU:C:1997:8, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


96      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE - Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 254).


97      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 20 u 45 tal-ARSIWA.


98      Ovvjament, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tikkonċerna wkoll Stat terz (ir-Renju Unit) li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kellu madankollu jitqies, fid-dawl tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, li kien fl-istess pożizzjoni bħall-Istati Membri.


99      Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex neċessarju li wieħed jidħol f’dan il-qasam (ċertament kumpless) tad-dritt internazzjonali, peress li d-distinzjoni bażika użata hawnhekk hija aċċettata sew fis-sorsi legali internazzjonali. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited (Il-Belġju vs Spanja), Ġabra tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja 1970, p. 3, punti 33 u 35, u l-Artikolu 33 (u l-punt 2 tal-kummentarju tiegħu), l-Artikolu 42 (u l-punt 8 tal-kummentarju tiegħu) u l-Artikolu 48 (u l-punt 8 tal-kummentarju tiegħu) tal-ARSIWA. Għal referenzi għal din id-distinzjoni fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Henn u Darby (34/79, EU:C:1979:246, p. 3833); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Levy (C‑158/91, EU:C:1992:411, punt 5); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1994:357, punt 33); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Ir-Repubblika tal-Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:164, punt 42). Naturalment, ċerti ftehimiet jista’ jkun fihom klawżoli ta’ dawn iż-żewġ kategoriji u, f’dawn il-każijiet, l-interpretu għandu għalhekk jeżamina n-natura ta’ kull klawżola.


100      Il-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ta’ spiss jissemmew bħala eżempju.


101      Ara, bl-istess mod, fid-duttrina legali, R. Mastroianni, Comment to Article 351 TFEU, f’A. Tizzano, (edizzjoni), Trattati dell’ Unione Europea, it-2 edizzjoni, 2014, p. 2545.


102      Il-ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investiment joffru eżempju tajjeb ta’ dan.


103      Ara, f’dan ir-rigward, il-kummentarji dwar l-Artikolu 42 (b’mod partikolari l-punt 9) u dwar l-Artikolu 48 (b’mod partikolari l-punt 2) tal-ARSIWA.


104      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1988, Deserbais (286/86, EU:C:1988:434, punt 18); tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 84); tal‑10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punt 60); u tat‑18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618, punt 148).


105      Punt 97 tas-sentenza kkontestata, li jirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 11).


106      Ara iktar ’il fuq, il-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


107      Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Extradition and ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 119).


108      Ibidem, punti 120 u 121.


109      Punt 98 tas-sentenza kkontestata.


110      Kif irrilevat ġustament is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), it-tilwima inkwistjoni kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, skont il-Konvenzjoni ICSID, ir-Renju Unit kienx obbligat jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fir-rigward ta’ Stati terzi (punt 101 tas-sentenza kkontestata).


111      Pereżempju, billi jressaq tilwima quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.


112      Dikjarazzjonijiet magħmula mill-President matul il-ħames u s-sitt sessjonijiet tal-ħidma tal-Laqgħat Konsultattivi tal-Esperti Legali Maħtura mill-Gvernijiet Membri (imsemmija fil-punt 107 tas-sentenza kkontestata).


113      Ara, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punti 104 u 105 tas-sentenza kkontestata.


114      Dan jidhirli li huwa b’mod partikolari l-każ tal-argumenti tal-investituri dwar dan il-punt, li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tidher li taqbel magħhom fil-punt 106 tas-sentenza kkontestata.


115      Ara, b’mod partikolari, il-punt 15 tas-sentenza kkontestata.


116      Skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija “finali u vinkolanti”.


117      F’dan il-kuntest, ninnota fil-qosor li, wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Achmea, European Food u Romatsa (ara, iktar ’il fuq, il-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fit-BIT għandha issa titqies li ma hijiex valida.


118      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, EU:C:1980:231, punt 10).


119      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


120      Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


121      Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


122      Ara, b’mod partikolari, il-punti 99 u 102 tas-sentenza kkontestata.


123      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punti 42 sa 44), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 49).


124      Ara l-punti 29, 32, 91 u 94 tas-sentenza kkontestata.


125      Kif indikat is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata.


126      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 113).


127      Il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 62 u 63).


128      Ara, b’mod ġenerali u b’riferimenti oħra, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:644, punti 17 u 18).


129      Ara l-premessa 39 tad-deċiżjoni finali tal‑2015.


130      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971).


131      Digriet tad‑29 ta’ Frar 2016, Micula et vs Il‑Kummissjoni (T‑646/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:135).


132      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


133      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Riva Fire vs Il‑Kummissjoni (C‑89/15 P, EU:C:2017:713, punt 34).


134      Essenzjalment, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li l-kumpens mogħti fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-investituri kien ikopri, minn tal-inqas parzjalment, perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kklassifikat il-kumpens kollu bħala għajnuna, mingħajr ma għamlet distinzjoni, fost l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, bejn dawk li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni u dawk li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ wara l-adeżjoni.


135      Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) essenzjalment irrikonoxxiet dan fil-punt 51 tas-sentenza kkontestata. Dwar din il-kwistjoni, ara, b’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:442, punti 27 sa 29).


136      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88).


137      Ibidem, punti 89 sa 91.


138      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 121).


139      Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-parti rilevanti: “l-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura (ta’ għajnuna mill-Istat) tkun wasslet għal deċiżjoni finali” (enfasi miżjuda).


140      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, EU:C:1988:460, punt 19).


141      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (valuri ta’ limitu – PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).


142      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punti 68 sa 71).

Top