EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0323

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Marzu 2020.
Tesco-Global Áruházak Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-settur tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut – Taxxa progressiva li taffettwa iktar lill-impriżi miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra milli lill-impriżi nazzjonali – Livelli tat-taxxa progressiva applikabbli għall-persuni taxxabbli kollha – Newtralità tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ bħala kriterju ta’ distinzjoni – Kapaċità ta’ ħlas tal-persuni taxxabbli – Għajnuna mill-Istat.
Kawża C-323/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:140

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-settur tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut – Taxxa progressiva li taffettwa iktar lill-impriżi miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra milli lill-impriżi nazzjonali – Livelli tat-taxxa progressiva applikabbli għall-persuni taxxabbli kollha – Newtralità tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ bħala kriterju ta’ distinzjoni – Kapaċità ta’ ħlas tal-persuni taxxabbli – Għajnuna mill-Istat”

Fil-Kawża C‑323/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Tesco-Global Áruházak Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot (Relatur) u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tesco-Global Áruházak Zrt., minn Sz. Vámosi-Nagy, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u D. R. Gesztelyi, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Rzotkiewicz u A. Kramarczyk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, V. Bottka, P.‑J. Loewenthal, R. Lyal u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 26, 49, 54 sa 56, 63, 65, 107, 108 u 110 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u ta’ ekwivalenza tal-proċeduri.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tesco-Global Áruházak Zrt. (iktar ’il quddiem “Tesco”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”) dwar il-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-settur tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut (iktar ’il quddiem it-“taxxa speċjali”).

Il-kuntest ġuridiku Ungeriż

3

Il-preambolu tal-egyes ágazatokat terhelő különadóról szóló 2010. évi XCIV. törvény (il-Liġi Nru XCIV tal‑2010 dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali”) jipprovdi:

“Fil-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-bilanċ baġitarju, il-Parlament jistabbilixxi l-liġi segwenti, dwar l-istabbiliment ta’ taxxa speċjali imposta fuq il-persuni taxxabbli li l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-oneri pubbliċi hija ogħla mill-obbligu fiskali ġenerali.”

4

L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

1.   Attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut: skont in-Nomenklatura Uniformi ta’ Attivitajiet Ekonomiċi, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2009, attivitajiet koperti mit-Taqsima 45.1, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ vetturi bil-mutur u trejlers, it-Taqsimiet 45.32 u 45.40, bl-eċċezzjoni tat-tiswija u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ muturi, kif ukoll it-Taqsimiet 47.1 sa 47.9.

[…]

5.   dħul mill-bejgħ nett tfisser: fil-każ ta’ persuna taxxabbli suġġetta għal-liġi tal-kontabbiltà, id-dħul mill-bejgħ nett magħmul mill-bejgħ fis-sens tal-liġi tal-kontabbiltà; fil-każ ta’ persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa sempliċi tan-negozjanti u li ma taqax taħt il-liġi tal-kontabbiltà, id-dħul mill-bejgħ mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-liġi dwar l-iskema ta’ taxxa; fil-każ ta’ persuna taxxabbli suġġetta għal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-individwi, id-dħul mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali:

“Huma suġġetti għat-taxxa:

a)

il-bejgħ bl-imnut fi ħwienet,

[…]”

6

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-persuni taxxabbli kif ġej:

“(1)   Il-persuni taxxabbli huma l-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet l-oħra fis-sens tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attività suġġetta għat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 2.

(2)   Huma suġġetti wkoll għat-taxxa l-organizzazzjonijiet u l-individwi mhux residenti, fir-rigward tal-attivitajiet suġġetti għat-taxxa, previsti fl-Artikolu 2, meta dawn iwettquhom fis-suq intern permezz ta’ sussidjarji.”

7

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-bażi taxxabbli hija l-valur nett tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena fiskali li jirriżulta minn attività kif iddefinita fl-Artikolu 2, […].”

8

L-Artikolu 5 tal-istess liġi jipprevedi:

“Ir-rata tat-taxxa hija:

a)

Fil-każ li titwettaq attività skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a), għall-parti tal-bażi taxxabbli taħt il‑500 miljun forint Ungeriż (HUF), 0 %, għall-parti tal-bażi taxxabbli li taqbeż HUF 500 miljun iżda li tkun inqas minn HUF 30 biljun, 0.1 %; għall-parti tal-bażi taxxabbli li taqbeż HUF 30 biljun, iżda inqas minn HUF 100 biljun, 0.4 %, u għall-parti tal-bażi taxxabbli li taqbeż HUF 100 biljun, 2.5 %”

[…]”

9

L-Artikolu 124/B tal-adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal‑2003 dwar ir-Regoli tat-Taxxa) jipprovdi:

“L-awtorità tat-taxxa għandha tieħu deċiżjoni dwar l-awtodikjarazzjoni magħmula mill-persuna taxxabbli fi żmien 15‑il jum mid-data tas-sottomissjoni tagħha, mingħajr ma twettaq verifika, fejn il-persuna taxxabbli li tkun issottomettiet l-awtodikjarazzjoni tiddikjara biss li d-dispożizzjoni legali li fuqha huwa bbażat l-obbligu fiskali jikser il-kostituzzjoni jew imur kontra att legali vinkolanti tal-Unjoni Ewropea jew li r-Regolament dwar l-Awtonomija Amministrattiva jmur kontra leġiżlazzjoni oħra, sakemm l-Alkotmánybíróság [(il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija)], il-Kúria [(il-Qorti Suprema, l-Ungerija)] jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jkunux għadhom taw deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fid-data tas-sottomissjoni tal-awtodikjarazzjoni jew dik l-awtodikjarazzjoni ma tikkonformax mal-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni ppubblikata. Id-deċiżjoni dwar id-dikjrazzjoni supplimentari tista’ tkun is-suġġett ta’ oppożizzjoni jew rikors skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ din il-liġi.”

10

L-Artikolu 128(2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Jekk it-taxxa jew is-sussidji baġitarji abbażi ta’ awtodikjarazzjoni ma jiġux aġġustati, ma jkunx ammissibbli l-iffissar retrospettiv tat-taxxa.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Tesco hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ungeriż li teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa f’ħanut. Peress li tifforma parti minn grupp li għandu s-sede tiegħu fir-Renju Unit, hija tikkostitwixxi l-katina ta’ kummerċ bl-imnut li għamlet l-ikbar dħul mill-bejgħ fis-suq Ungeriż matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2010 u t‑28 ta’ Frar 2013.

12

Tesco kienet suġġetta għal kontroll fiskali mwettaq min-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adózók Adóigazgatósága (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa tal-Ewwel Livell”) u li jikkonċerna t-taxxi kollha mħallsa u l-għajnuna baġitarja kollha rċevuta għal dan il-perijodu.

13

Wara dan il-kontroll, l-Awtorità tat-Taxxa tal-Ewwel Livell issuġġettat lil Tesco għal aġġustament fir-rigward, b’mod partikolari, tat-taxxa speċjali fl-ammont ta’ HUF 1396684000 (madwar EUR 4198852), u kkonstatat favur tagħha eċċess ta’ HUF 17900000 (madwar EUR 53811) fir-rigward ta’ din l-istess taxxa. B’kollox, HUF 4634131000 (madwar EUR 13931233) tqiesu li kienu taxxi neqsin, li taw lok għal multa fiskali ta’ HUF 873760000 (madwar EUR 2626260) u għal penalità għal dewmien ta’ HUF 956812000 (madwar EUR 2875889).

14

Adita b’azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tat-Taxxa tal-Ewwel Livell, id-Direttorat tal-Appelli kkonferma din id-deċiżjoni fir-rigward tat-taxxa speċjali. Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni ġiet mibdula fir-rigward tal-eċċess ta’ taxxa kkonstatat favur Tesco, li ġie stabbilit għal HUF 249254000 (madwar EUR 749144), u tal-aġġustament dovut lilha, li ġie stabbilit għal HUF 3058090000 (madwar EUR 9191226), li minnhom HUF 3013077000 (madwar EUR 9070000) kienu meqjusa bħala taxxi neqsin. Minbarra dan id-dejn fiskali, id-Direttorat tal-Appelli ordna lil Tesco tħallas HUF 1396684000 (madwar EUR 4198378) bħala taxxa speċjali u tħallas multa fiskali ta’ HUF 468497000 (madwar EUR 1408284), kif ukoll penalità għal dewmien ta’ HUF 644890000 (madwar EUR 1938416).

15

Tesco ppreżentat rikors quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija) kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Appelli. Hija ssostni li l-obbligu li titħallas it-taxxa speċjali imposta fuqha ma huwiex fondat billi ssostni li l-leġiżlazzjoni dwar din it-taxxa tippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita u tmur kontra l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

16

Tesco ssostni b’mod partikolari li, minħabba r-rata progressiva ħafna tat-taxxa speċjali u l-istruttura tas-suq Ungeriż tal-kummerċ bl-imnut, il-kumpanniji kollha li jaqgħu fl-iktar livelli baxxi huma kumpanniji miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi, u li jaqgħu taħt sistemi ta’ konċessjonijiet. Għall-kuntrarju, dawk li jaqgħu taħt l-ogħla livell huma, b’eċċezzjoni waħda, impriżi marbuta ma’ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-kumpanniji miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi barranin isostnu parti sproporzjonata tal-piż ta’ din it-taxxa.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali tista’ tmur kontra l-Artikoli 18, 26, 49, 54 sa 56, 63, 65, 107, 108 u 110 TFUE peress li, b’mod partikolari, il-piż fiskali effettiv ta’ din it-taxxa jaqa’ prinċipalment fuq il-persuni taxxabbli li l-azzjonisti tagħhom huma barranin. Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47), eżaminat ir-regola ta’ konsolidazzjoni applikata f’dan il-kuntest u kkonkludiet li kien hemm diskriminazzjoni indiretta.

18

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-Liġi Nru XCII tal‑2003 dwar ir-Regoli tat-Taxxa mal-prinċipji ta’ ekwivalenza tal-proċeduri, ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li persuna taxxabbli li teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut, fejn l-azzjonisti tagħha huma barranin u li joperaw diversi ħwienet fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali unika tiġi suġġetta għal taxxa speċjali li r-rati tagħha progressivament jogħlew ħafna u fil-fatt taqa’ taħt l-ogħla kategorija ta’ tassazzjoni, filwaqt li fil-prattika jirriżulta li l-persuni taxxabbli li huma azzjonisti nazzjonali li joperaw f’sistema ta’ konċessjoni taħt l-istess isem tad-ditta – kull ħanut huwa, tipikament, kumpannija kummerċjali distinta – jaqgħu taħt il-kategorija eżentata ta’ din it-taxxa jew taħt waħda mill-kategoriji ntaxxati b’rata baxxa li jsegwu din il-kategorija, b’mod li t-taxxa mħallsa mill-kumpanniji li l-azzjonisti tagħhom huma barranin u l-proporzjon totali tad-dħul fiskali li jikkonċernahom fil-fatt huma sostanzjalment ogħla milli fil-każ tal-persuni taxxabbli li l-azzjonisti tagħhom huma nazzjonali, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikoli 18 u 26 TFUE), il-prinċpiju ta’ libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (Artikolu 54 TFUE), il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni finanzjarja fil-kapital tal-kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE (Artikolu 55 TFUE), il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital (Artikoli 63 u 65 TFUE) u l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’dak li jikkonċerna t-tassazzjoni tal-impriżi (Artikolu 110 TFUE)?

2)

Il-fatt li persuna taxxabbli li teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut u topera diversi ħwienet fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali unika tiġi suġġetta għal taxxa speċjali li r-rati tagħha progressivament jogħlew ħafna u fil-fatt taqa’ taħt l-ogħla kategorija ta’ tassazzjoni, filwaqt li fil-prattika jirriżulta li l-persuni taxxabbli li huma azzjonisti nazzjonali li jsibu ruħhom direttament f’kompetizzjoni magħha u joperaw f’sistema ta’ konċessjoni taħt l-istess isem tad-ditta – kull ħanut ikun tipikament kumpannija kummerċjali distinta – jaqgħu taħt il-kategorija eżentata ta’ din it-taxxa jew taħt waħda mill-kategoriji ntaxxati b’rata baxxa li jsegwu din il-kategorija, b’mod li t-taxxa mħallsa mill-kumpanniji li l-azzjonisti tagħhom huma barranin u l-proporzjon totali tad-dħul fiskali li jikkonċernahom fil-fatt huma sostanzjalment ogħla milli fil-każ tal-persuni taxxabbli li l-azzjonisti tagħhom huma nazzjonali, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (Artikolu 107(1) TFUE)?

3)

L-Artikoli 107 u 108(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-effetti tagħhom jestendu għal miżura fiskali li parti integrali tagħha hija eżenzjoni minn taxxa – li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat – iffinanzjata permezz ta’ dħul minn din il-miżura fiskali, sa fejn il-leġiżlatur, qabel ma jistabbilixxi t-taxxa speċjali fuq il-kummerċ bl-imnut, ikun iddetermina (abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-operaturi fis-suq) l-ammont tal-previżjonijiet ta’ dħul baġitarju mhux permezz tal-introduzzjoni ta’ rata ta’ taxxa ġenerali iżda billi japplika rati progressivi skont id-dħul mill-bejgħ u għalhekk wasal għal riżultat fejn deliberatament ta benefiċċju ta’ eżenzjoni lil parti mill-operaturi tas-suq?

4)

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-proċeduri, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu prattika segwita minn Stat Membru skont liema, matul il-proċedura ta’ kontroll fiskali introdotta ex officio jew matul il-proċedura ġudizzjarja sussegwenti, huwa impossibbli – minkejja l-prinċipju ta’ effettività u tal-obbligu li titwarrab ir-regola ta’ dritt intern inkompatibbli – li tiġi introdotta talba għar-rimbors tat-taxxa ddikjarata skont il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-awtorità fiskali jew il-qorti ma teżaminax il-kwistjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ħlief fil-kuntest ta’ proċedura speċjali, introdotta fuq talba u unikament qabel il-proċedura ex officio, filwaqt li ma jeżistix ostakolu għall-introduzzjoni ta’ talba għal rimbors fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja f’dak li jikkonċerna taxxa li d-dikjarazzjoni tagħha tikser id-dritt nazzjonali?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

20

Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Tesco, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2019, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Insostenn tat-talba tagħha, Tesco esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-imsemmija konklużjonijiet, b’mod iktar partikolari ma’ ċerti elementi fattwali tal-proċedura li huma esposti fihom.

22

Għandu madankollu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26).

23

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27).

24

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 28).

25

F’dan il-każ, peress li Tesco llimitat ruħha li tifformula osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u ma tagħmel l-ebda argument ġdid li abbażi tiegħu din il-kawża tista’ tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni u li dawn ġew ittrattati bejn il-persuni kkonċernati.

26

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27

Il-Gvern Ungeriż isostni li l-qorti tar-rinviju la tippreċiża dawk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali li jistgħu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u lanqas ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju.

28

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-kuntest, b’mod partikolari ġuridiku, li fih din ġiet ippreżentata. Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju, li tesprimi d-dubji ta’ din il-qorti fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali mad-dritt tal-Unjoni, tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija qorti tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

29

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

30

Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa, b’mod li t-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda. Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod hija intiża sabiex isir eżekuzzjoni biss ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi ddifferita sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha jitneħħa permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 2526, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 84).

32

L-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, u r-rwoli rispettivi tagħhom huma komplementari iżda distinti (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ikunu mħarsa d-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28).

34

L-intervent tal-qrati nazzjonali huwa r-riżultat tal-effett dirett mogħti lill-projbizzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna stabbilita f’din id-dispożizzjoni. In-natura immedjatament applikabbli ta’ din il-projbizzjoni testendi għal kull għajnuna li tkun ġiet implimentata mingħajr ma tkun ġiet innotifikata (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 29, u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88).

35

Il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw lill-individwi li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, fir-rigward kemm tal-validità tal-atti ta’ implimentazzjoni kif ukoll tal-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ miżuri provviżorji eventwali (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 30, u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 89).

36

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-illegalità eventwali, fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-eżenzjoni minn taxxa ma taffettwax il-legalità tal-ġbir ta’ din it-taxxa stess, b’tali mod li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija taxxa ma tistax teċċepixxi li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex tevita l-ħlas ta’ din l-istess taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 44; tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 43, kif ukoll tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 26).

37

Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-kawża prinċipali ma tkunx tirrigwarda talba għall-ħelsien mit-taxxa kkontestata, iżda l-legalità tar-regoli li huma relatati magħha fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 26).

38

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li t-taxxi ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sakemm dawn ma jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’tali mod li huma jagħmlu parti integrali minn din il-miżura. Meta l-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna permezz ta’ taxxa jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni msemmija fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, jestendu wkoll għal dan l-aspett tal-miżura ta’ għajnuna, b’tali mod li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati, bħala prinċipju, iħallsu lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex taxxa titqies li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jinfluwenza direttament il-portata tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 46, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron, C‑526/04, EU:C:2006:528, punt 44).

40

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali vinkolanti ta’ taxxa ma’ għajnuna, l-illegalità eventwali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni tal-miżura ta’ għajnuna kkontestata ma taffettwax il-legalità tat-taxxa nnifisha, b’tali mod li l-impriżi li huma responsabbli għall-ħlas tagħha ma jistgħux jeċċepixxu li l-miżura fiskali li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa jew sabiex jiksbu r-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 51, u tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 26).

41

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda talba għal ħelsien mit-taxxa speċjali mressqa minn Tesco lill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża. Kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tagħha, l-oneru fiskali ta’ Tesco jirriżulta minn taxxa ta’ portata ġenerali li d-dħul minnha jitħallas fil-baġit tal-Istat, mingħajr ma tkun speċifikament allokata għall-finanzjament ta’ vantaġġ favur kategorija partikolari ta’ persuni taxxabbli.

42

Minn dan isegwi li, anki jekk l-eżenzjoni de facto mit-taxxa speċjali li jibbenefikaw minnha ċerti persuni taxxabbli tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-ebda rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti ma teżisti bejn din it-taxxa u l-miżura ta’ eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43

Minn dan jirriżulta li l-illegalità eventwali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa speċjali li jibbenefikaw minnha ċerti persuni taxxabbli ma taffettwax il-legalità ta’ din it-taxxa nnifisha, b’tali mod li Tesco ma tistax tinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-illegalità ta’ din l-eżenzjoni de facto sabiex tevita l-ħlas tal-imsemmija taxxa jew sabiex tikseb ir-rimbors tagħha.

44

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

45

Il-Gvern Ungeriż isostni li risposta għall-ewwel domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47), dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali mad-dritt tal-Unjoni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki meta jkun hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jxekkilx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Minn dan isegwi li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47), diġà interpretat id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax fih innifsu jwassal għall-inammissibbiltà tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża.

48

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fil-kuntest tat-taxxa speċjali fuq l-attività ta’ kummerċ bl-imnut, l-effett prodott mill-applikazzjoni tar-regola ta’ konsolidazzjoni tad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriżi marbuta, fis-sens tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali. Madankollu, hija tqis li huwa neċessarju, sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk ir-rata progressiva skont il-livelli tat-taxxa speċjali jistax ikollha, fiha nnifisha, indipendentement mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ konsolidazzjoni, natura indirettament diskriminatorja fil-konfront tal-persuni taxxabbli kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra, li jsostnu l-oneru fiskali effettiv tagħha, u, għaldaqstant, hijiex kontra l-Artikoli 49 u 54 TFUE.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

50

Peress li d-domanda preliminari tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, jiġifieri dawk relatati, rispettivament, mal-libertà ta’ stabbiliment, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll dawk li jinsabu fl-Artikoli 18, 26 u 110 TFUE, qabel kollox għandha tiġi ppreċiżata l-portata ta’ din id-domanda skont il-partikolaritajiet tal-kawża prinċipali.

51

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 22).

53

Issa, il-kawża prinċipali tirrigwarda r-rata ta’ taxxa allegatament diskriminatorja mġarrba bħala taxxa speċjali mill-persuni taxxabbli li huma kkontrollati minn ċittadini jew minn kumpanniji ta’ Stati Membri oħra.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 63 u 65 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital.

55

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat permezz tal-Artikolu 49 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għaldaqstant, lanqas ma għad hemm lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 26 TFUE.

57

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47), peress li ma jidhirx li t-taxxa speċjali taffettwa l-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra b’mod iktar qawwi mill-prodotti nazzjonali, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE hija irrilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

58

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel domanda għandha titqies li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li n-natura progressiva ħafna tagħha għandha l-effett li l-oneru effettiv tagħha jaqa’ prinċipalment fuq impriżi kkontrollati direttament jew indirettament minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew minn kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE, u tipprojbixxi, fir-rigward tal-kumpanniji, kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Sabiex tkun effettiva, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tinkludi l-possibbiltà għal kumpannija li tinvoka restrizzjoni għal din il-libertà ta’ kumpannija oħra marbuta magħha sa fejn tali restrizzjoni taffettwa t-tassazzjoni tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et, C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 23).

61

F’dan il-każ, Tesco għandha s-sede tagħha fl-Ungerija iżda tifforma parti minn grupp li l-kumpannija omm tiegħu għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit. Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li din il-kumpannija omm teżerċita l-attività tagħha fis-suq Ungeriż permezz ta’ sussidjarja, il-libertà ta’ stabbiliment tagħha tista’ tiġi affettwata minn kull restrizzjoni li tolqot lil din tal-aħħar. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-imsemmija kumpannija omm tista’ validament tiġi invokata fil-kawża prinċipali.

62

F’dan ir-rigward, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30, kif ukoll tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 17).

63

Barra minn hekk, taxxa obbligatorja li tipprevedi kriterju ta’ differenzazzjoni apparentement oġġettiv iżda li jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, lill-kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jkollhom is-sede tagħhom fl-Istat Membru tat-taxxa, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sede tal-kumpanniji pprojbita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 18).

64

F’dan il-każ, il-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-impriżi skont il-post tas-sede tagħhom. Fil-fatt, l-impriżi kollha li joperaw fl-Ungerija fis-settur tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut huma suġġetti għal din it-taxxa u r-rati ta’ taxxa rispettivament applikabbli għal-livelli differenti tad-dħul mill-bejgħ iddefiniti minn din il-liġi japplikaw għal dawn l-impriżi kollha. Għalhekk, din il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda diskriminazzjoni diretta.

65

Madankollu, Tesco u l-Kummissjoni jsostnu li l-progressività qawwija tat-taxxa speċjali għandha l-effett, minnha nnifisha, li tiffavorixxi l-persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi għad-detriment tal-persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra, b’tali mod li t-taxxa speċjali, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

66

Kif tfakkar fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, it-taxxa speċjali, li hija taxxa progressiva bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, tinkludi, fir-rigward tal-attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut, l-ewwel livell intaxxat b’0 % għall-parti tal-bażi taxxabbli li ma taqbiżx HUF 500 miljun (bħalissa madwar EUR 1.5 miljun), it-tieni livell intaxxat b’0.1 % għall-parti tal-bażi taxxabbli bejn HUF 500 miljun u HUF 30 biljun (bħalissa bejn madwar EUR 1.5 miljun u EUR 90 miljun), it-tielet livell intaxxat b’0.4 % għall-parti tal-bażi taxxabbli bejn HUF 30 biljun u HUF 100 biljun (bħalissa bejn madwar EUR 90 miljun u EUR 300 miljun) u r-raba’ livell intaxxat b’2.5 % għall-parti tal-bażi taxxabbli li taqbeż HUF 100 biljun (bħalissa madwar EUR 300 miljun).

67

Issa, miċ-ċifri tal-awtoritajiet Ungeriżi dwar is-snin fiskali inkwistjoni f’dan il-każ, kif ikkomunikati mill-Kummissjoni u mill-Ungerija, jirriżulta li, għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut, il-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt il-livell bażiku biss kienu kollha persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi, filwaqt li dawk li jaqgħu taħt it-tielet u r-raba’ livell kienu fil-biċċa l-kbira persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra.

68

Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jirriżulta li, matul dan il-perijodu, il-parti l-kbira tat-taxxa speċjali ġiet sostnuta minn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra. Skont Tesco u l-Kummissjoni, l-oneru fiskali impost fuq dawn tal-aħħar kien għalhekk proporzjonalment ogħla minn dak impost fuq il-persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi fir-rigward tal-bażi taxxabbli tagħhom, peress li dawn tal-aħħar kienu eżenti de facto mit-taxxa speċjali jew kienu suġġetti għaliha biss b’rata marġinali u b’rata effettiva sostanzjalment iktar baxxa mill-persuni taxxabbli li għandhom dħul mill-bejgħ ogħla.

69

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma ħielsa, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali tal-Unjoni, li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1976, Bobie Getränkevertrieb, 127/75, EU:C:1976:95, punt 9, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, EU:C:2007:754, punti 5153).

70

F’dan il-kuntest, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, tassazzjoni progressiva tista’ tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, peress li, minn naħa, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi kriterju ta’ distinzjoni newtrali u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi indikatur rilevanti tal-kapaċità ta’ ħlas tal-persuni taxxabbli.

71

F’dan il-każ, mill-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari minn silta mill-preambolu tal-Liġi dwar l-Issuġġettar ta’ Ċerti Setturi għat-Taxxa Speċjali riprodotta fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, bl-applikazzjoni ta’ rata progressiva ħafna bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, din il-liġi kienet intiża sabiex tintaxxa l-persuni taxxabbli li għandhom kapaċità ta’ ħlas “ogħla mill-obbligu fiskali ġenerali”.

72

Il-fatt li l-ikbar parti ta’ tali taxxa speċjali hija sostnuta minn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra ma jistax, waħdu, jikkaratterizza diskriminazzjoni. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 62, 65 u 78 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-fatt huwa spjegat mill-fatt li s-suq Ungeriż tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut huwa ddominat minn tali persuni taxxabbli, li fih jagħmlu l-ikbar dħul mill-bejgħ. Dan għalhekk jikkostitwixxi indikatur kontinġenti, jew aleatorju, li jista’ jiġi ssodisfatt, inkluż barra minn hekk f’sistema ta’ taxxa proporzjonali, kull meta s-suq ikkonċernat ikun iddominat minn impriżi ta’ Stati Membri oħra jew ta’ Stati terzi jew minn impriżi nazzjonali miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra jew ta’ Stati terzi.

73

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-livell bażiku taxxabbli b’0 % ma jikkonċernax esklużivament lill-persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi, peress li, bħal f’kull sistema ta’ tassazzjoni progressiva, kull impriża li topera fis-suq ikkonċernat tibbenefika mit-tnaqqis għall-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha li ma jaqbiżx il-limitu li jikkorrispondi għal dan il-livell.

74

Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rati progressivi ħafna tat-taxxa speċjali ma jistabbilixxux, min-natura tagħhom stess, diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, bejn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Ungeriżi u persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra.

75

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li din il-kawża hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 34 sa 36 ta’ dik is-sentenza, din l-aħħar kawża kienet tirrigwarda l-applikazzjoni kkombinata ta’ rati progressivi ħafna ta’ tassazzjoni tad-dħul mill-bejgħ u ta’ regola ta’ konsolidazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi marbuta, li kellha l-konsegwenza li l-persuni taxxabbli li jifformaw parti minn grupp ta’ kumpanniji kienu ntaxxati abbażi ta’ dħul mill-bejgħ “fittizju”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 39 sa 41 tal-imsemmija sentenza, li, kieku kellu jiġi stabbilit li, fis-suq tal-kummerċ bl-imnut fi ħwienet fl-Istat Membru kkonċernat, il-persuni taxxabbli li jifformaw parti minn grupp ta’ kumpanniji u li jaqgħu taħt l-ogħla livell tat-taxxa speċjali huma, fil-parti l-kbira tal-każijiet, “marbuta”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma’ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra, “l-applikazzjoni tal-iskala, li tikber kunsiderevolment b’mod progressiv, tat-taxxa speċjali għal bażi kkonsolidata tad-dħul mill-bejgħ” tista’ tkun b’mod partikolari ta’ ħsara għal persuni taxxabbli “marbuta” ma’ tali kumpanniji u, għalhekk, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sede tal-kumpanniji, fis-sens tal-Artikoli 49 u 54 TFUE.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa progressiva ħafna fuq id-dħul mill-bejgħ, li l-oneru effettiv tagħha jaqa’ prinċipalment fuq impriżi kkontrollati direttament jew indirettament minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew minn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor minħabba l-fatt li dawn l-impriżi jagħmlu l-ikbar dħul mill-bejgħ fis-suq ikkonċernat.

Fuq ir-raba’ domanda

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa progressiva ħafna fuq id-dħul mill-bejgħ, li l-oneru effettiv tagħha jaqa’ prinċipalment fuq impriżi kkontrollati direttament jew indirettament minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew minn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor minħabba l-fatt li dawn l-impriżi jagħmlu l-ikbar dħul mill-bejgħ fis-suq ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ungeriż.

Top