EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0349

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2019.
Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS) vs Mbutuku Kanyeba et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Punt 8 tal-Artikolu 3 – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Passiġġier ma kellux biljett meta tela’ fuq il-ferrovija – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) u Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ta’ impriża ferrovjarja – Liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet mandatorji – Klawżola penali – Setgħat tal-qorti nazzjonali.
Kawżi magħquda C-349/18 sa C-351/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:478

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑11 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑349/18 sa C‑351/18

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS)

vs

Mbutuku Kanyeba (C‑349/18)

Larissa Nijs (C‑350/18)

Jean-Louis Anita Dedroog (C‑351/18)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Artikolu 9(4) – Passiġġier mingħajr biljett – Nuqqas ta’ regolarizzazzjoni – Natura tar-relazzjoni ġuridika – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 2, 3 u 6(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport – Ħlas addizzjonali tariffarju applikabbli għall-passiġġieri li ma għandhomx biljett”

1. 

Ir-relazzjoni ġuridika li torbot individwu li jiddeċiedi li jirkeb ferrovija mingħajr ma jixtri biljett, jew mingħajr ma jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu wara kontroll, hija kuntratt għad-dritt tal-Unjoni? Jistgħu, f’kull każ, jiġu applikati għal din ir-relazzjoni ġuridika r-regoli dwar il-klawżoli inġusti, bil-konsegwenza li l-klawżoli li jirregolaw il-ħlas addizzjonali mitlub mill-impriża ta’ trasport minħabba n-nuqqas ta’ akkwist tal-biljett jistgħu jitqiesu mill-qorti bħala li ma jorbtux lill-konsumatur-passiġġier?

2. 

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet fl-isfond ta’ din il-kawża li toriġina mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju) f’kawża prinċipali li fiha impriża ta’ trasport ferrovjarju Belġjana qiegħda titlob mingħand passiġġieri li nstabu mingħajr biljett il-ħlas tal-ammont stabbilit mill-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport għall-każ li fih il-passiġġier mingħajr biljett ikun irrifjuta li jħallas il-prezz tal-biljett flimkien mal-ħlasijiet addizzjonali previsti fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni suċċessiva.

I. Il-kuntest legali

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

It-tnax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 ( 2 ) tipprovdi kif ġej:

“[…]

Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva”.

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5.

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat[a] individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun [tkun] ġie[t] [i]nnegozjat[a] b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6.

L-Artikolu 6(1) jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli [taħt l-istess kundizzjonijiet] jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

8.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1371/2007 ( 3 ) jipprovdi:

“Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.”

9.

L-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“L-impriżi ferrovjarji għandhom joffru l-possibbiltà li jinkisbu l-biljetti għas-servizz rispettiv abbord il-ferrovija, sakemm dan mhux limitat jew miċħud minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà jew ta’ politika kontra l-frodi jew ta’ riservazzjoni ferrovjarja obbligatorja jew minħabba raġunijiet kummerċjali raġonevoli.”

10.

Skont l-Artikolu 6 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, bit-titolu “Estratt mir-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV)”:

“1.   Bil-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni.

2.   Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.   Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.”

11.

Skont l-Artikolu 9 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007:

“1.   Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:

(a)

li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b’żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali;

(b)

li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x’ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu;

(ċ)

jekk u taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas addizzjonali.”

B.   Id-dritt Belġjan

12.

L-Artikolu I.8.39 tal-Wetboek van Economisch Recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) ( 4 ) jipprovdi din id-definizzjoni ta’ “impriża”:

“impriża: persuna fiżika jew ġuridika li għandha għan ekonomiku fuq bażi kontinwa, inkluż l-assoċjazzjonijiet tagħha”.

13.

L-Artikolu VI.83, 24 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku jipprovdi li:

“Fil-kuntratti konklużi bejn impriża u konsumatur, fi kwalunkwe każ huma inġusti l-klawżoli u l-kundizzjonijiet jew il-kombinazzjonijiet ta’ klawżoli u kundizzjonijiet li għandhom l-għan li:

[…]

24° jiffissaw l-ammont ta’ danni fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew dewmien fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-konsumatur li jeċċedu manifestament id-dannu li jista’ jiġi mġarrab mill-impriża.”

14.

L-Artikolu VI.84(1) tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku jipprovdi li:

“Il-klawżoli inġusti huma pprojbiti u nulli. Il-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet jekk huwa jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti. Il-konsumatur ma jistax jirrinunzja għall-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lilu minn din it-taqsima.”

15.

L-Artikolu 2 tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tat-trasport ta’ Nationale Maastschappij van de Belgische Spoorwegen (il-Kumpannija Nazzjonali tal-Ferroviji Belġjani, iktar ’il quddiem “NMBS”) (Algemene en bijzondere vervoersvoorwaarden van de Nationale Maatschappij van de Belgische Spoorwegen), intitolat “Aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tat-trasport għall-passiġġier”, jipprovdi li:

“Meta tuża s-servizzi tat-trasport ta’ NMBS, inti tirrikonoxxi li għandek għarfien ta’ dan id-dokument kif ukoll tal-kundizzjonijiet speċjali (aċċessibbli fuq is-sit internet tagħna snbc.be) u taċċetta li tikkonforma ruħek magħhom mingħajr ebda riżerva. Dan id-dokument jista’ jiġi emendat f’kull waqt minn NMBS għal raġunijiet leġittimi, bħalma huma, b’mod partikolari, l-obbligi marbuta mal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku, il-konformità mad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet pubbliċi, obbligi operattivi marbuta mal-infrastruttura, man-netwerks u mar-riżorsi. NMBS tintrabat li żżommok informat b’kull emenda ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport permezz tal-kanali ta’ NMBS (b’mod partikolari fuq is-sit internet snbc.be), kif ukoll permezz tal-Moniteur Belge. Dawn l-emendi jkunu infurzabbli mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.”

16.

L-Artikolu 4(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tat-trasport jipprevedi li:

“Il-konstatazzjoni tal-irregolarità minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi marbuta mal-biljett tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Anness I – Irregolarità u nuqqas ta’ ċiviltà, f’ebda każ ma jwasslu għal kuntratt ta’ trasport. Konsegwentement, ma jkollokx dritt li titlob xi forma ta’ kumpens jew danni”.

17.

L-Artikolu 5.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tat-trasport, intitolat “Ix-xiri ta’ biljett bit-‘tariffa abbord’”, jipprevedi li:

“1.   Bla ħsara għall-ipoteżijiet li jissemmew fil-punt 1 tal-Anness I – irregolarità u nuqqas ta’ ċiviltà, li dwarhom il-konstatazzjoni ta’ irregolarità sseħħ immedjatament, il-kontrollur ser jipproponilek li tixtri biljett mill-firxa ta’ prodotti mibjugħa fuq il-ferrovija bit-“tariffa abbord” fil-każijiet li ġejjin:

a)

jekk inti ma tistax tippreżenta, għal kwalunkwe raġuni, biljett lill-kontrollur;

[…]

3.   It-“tariffa abbord” għandha tkun komposta mill-prezz tal-biljett miżjud bi ħlas addizzjonali li l-ammont tiegħu huwa stabbilit fil-kundizzjonijiet speċjali tat-trasport. Dan jifforma parti mill-prezz tal-biljett.”

18.

Il-punt 2.1.2 tal-Anness I tal-kundizzjonijiet speċjali tat-trasport, intitolat “Konstatazzjoni ta’ irregolarità ‘medja’”, jipprevedi li:

“Il-konstatazzjoni ta’ irregolarità ‘medja’ għandha ssir jekk il-passiġġier jinsab f’waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 5.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport u jirrifjuta li jakkwista biljett bit-‘tariffa abbord’”.

19.

Il-punt 4 tal-Anness I tal-kundizzjonijiet speċjali tat-trasport jirregola l-ammont tal-ħlas supplimentari fil-każ ta’ irregolarità fil-biljett kif ġej:

“Somma f’daqqa (VAT ta’ 6 % inkluża)

– konstatazzjoni ta’ irregolarità fil-biljett.

Ħlas fi żmien 14‑il jum kalendarju (data tal-fatti inkluża): EUR 75.00.

Nuqqas ta’ ħlas fi żmien 14‑il jum kalendarju (data tal-fatti inkluża): EUR 225.00”.

II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.

Din il-proċedura toriġina minn tliet kawżi pendenti quddiem il-Vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju) li dwarhom tressqu domandi preliminari identiċi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

Matul l-2015, NMBS ikkonstatat erba’ okkażjonijiet ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tat-trasport minn M. Kanyeba, li kien jivvjaġġa bil-ferrovija mingħajr ma jħallas il-prezz tal-biljett. F’ebda waħda minn dawn l-erba’ okkażjonijiet M. Kanyeba ma għażel li juża l-possibbiltà li offrietlu NMBS li “jirregolarizza din is-sitwazzjoni”, billi jixtri l-biljett fuq il-ferrovija bi ħlas addizzjonali ta’ EUR 7.50 jew, alternattivament, billi jħallas ħlas addizzjonali ta’ EUR 75 fi żmien 14‑il jum mill-konstatazzjoni tal-ksur jew ammont ta’ EUR 225 wara li jkunu għaddew 14‑il jum mill-konstatazzjoni.

22.

Matul l-2013 u l-2015 din l-istess konstatazzjoni twettqet fir-rigward ta’ L. Nijs, f’ħames okkażjonijiet u, matul l-2014 u l-2015, fir-rigward ta’ J.‑L. A. Dedroog, fi ħdax‑il okkażjoni.

23.

NMBS offriet lil kull wieħed minnhom il-possibbiltà li jirregolarizza s-sitwazzjoni bil-kundizzjonijiet spjegati fil-punt 21. Madankollu, ħadd minnhom ma bbenefika minn din il-possibbiltà.

24.

Għaldaqstant, NMBS fetħet kawża fejn talbet li M. Kanyeba jiġi kkundannat iħallas EUR 880.20, L. Nijs tiġi kkundannata tħallas EUR 1 103.90, u EUR 2 394.00 mingħand J.‑L. A. Dedroog. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti ssostni li n-natura tar-relazzjoni bejnha u t-tliet persuni hija waħda amministrattiva u mhux kuntrattwali peress li huma ma xtrawx il-biljett.

25.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija obbligata teżamina ex officio l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti kull meta jingħata servizz lil konsumatur, bħal f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, tistaqsi, minn naħa, dwar in-natura tar-relazzjoni ġuridika bejn NMBS u l-konsumaturi u, min-naħa l-oħra, jekk il-kuntratt jistax jitqies li ġie konkluż jew le minkejja li dawn tal-aħħar ikunu vvjaġġaw mingħajr ma jixtru l-biljett.

26.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-bażi legali tal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport ta’ NMBS ma hijiex ċara. Skont l-ewwel ipoteżi, il-kundizzjonijiet ġenerali li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet huma klawżoli purament kuntrattwali. Skont ipoteżi oħra, min-naħa l-oħra, huma jikkostitwixxu regolamenti fis-sens tad-dritt amministrattiv.

27.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal dibattitu dottrinali fil-Belġju dwar in-natura tar-relazzjoni ġuridika bejn NMBS u l-passiġġieri. Fil-fehma ta’ wħud, din ir-relazzjoni għandha titqies bħala waħda kuntrattwali – anki fil-każ li l-passiġġier ma jixtrix il-biljett – għaliex il-fatt waħdu ta’ dħul fiż-żona fejn huwa neċessarju l-pussess ta’ biljett validu jinvolvi l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport permezz ta’ adeżjoni. Min-naħa l-oħra, hemm min isostni li r-relazzjoni tkun waħda kuntrattwali biss meta l-passiġġier jixtri l-biljett, u fin-nuqqas għandha titqies bħala relazzjoni derivanti mil-liġi.

28.

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, fl-aħħar nett, li l-Grondwettelijk (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) u l-Hof van cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) iċċaraw li t-“teorija tal-klawżoli inġusti” fid-dritt Belġjan hija applikabbli anki għar-relazzjonijiet ġuridiċi derivanti mil-liġi.

29.

F’dan il-kuntest, il-Vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 9(4) tar-[Regolament (KE) Nru 1371/2007] tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li dejjem tinħoloq relazzjoni ġuridika kuntrattwali bejn il-kumpannija tat-trasport u l-passiġġier, anki meta l-passiġġier jagħmel użu mis-servizzi tat-trasportatur mingħajr ma jikseb biljett?

2)

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, il-protezzjoni mogħtija permezz tat-teorija tal-klawżoli inġusti testendi wkoll għall-passiġġier li jagħmel użu mit-trasport pubbliku mingħajr ma jkun kiseb biljett u li, meta jagħmel dan, huwa obbligat li minbarra l-ispiża tat-trasport jagħmel ħlas addizzjonali, konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasportatur, li huma meqjusa bħala applikabbli b’mod ġenerali fuq il-bażi tan-natura tagħhom ta’ regolament jew minħabba il-pubblikazzjoni tagħhom f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat?

3)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” jipprekludi lill-qorti, fil-każijiet kollha, milli timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew milli tapplika l-liġi ordinarja minflok?

4)

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti nazzjonali tista’ tipproċedi sabiex timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew tissostitwixxiha b’liġi ordinarja?

5)

Fil-każ li d-domandi preċedenti ma jistgħux jingħataw risposta in abstracto, tqum il-kwistjoni jekk, f’każ li, wara li tkun qabdet fil-fatt passiġġier li ma jkunx ħallas il-biljett, il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali tissanzjonah ċivilment billi timponi ħlas addizzjonali, kemm jekk minbarra l-ispiża tat-trasport jew le, u fejn il-qorti tikkonstata li dan il-ħlas addizzjonali impost huwa inġust fis-sens tal-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jipprekludi lill-qorti milli tannulla l-klawżola u tapplika l-liġi ordinarja dwar ir-responsabbiltà sabiex tikkumpensa lil din il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali għad-dannu li sostniet?”

III. Analiżi ġuridika

30.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq l-analiżi tat-tieni domanda preliminari, li madankollu hija marbuta mill-qrib mal-ewwel waħda u għalhekk ser nittrattahom flimkien. Ser neżamina d-domandi tlieta sa ħamsa flimkien u fir-rigward tagħhom ser nillimita ruħi għal osservazzjonijiet fil-qosor fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1.   Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

a) Osservazzjonijiet preliminari

31.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk mir-Regolament (KE) Nru 1371/2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, u mid-Direttiva 93/13 dwar il-klawżoli inġusti jistax jiġi konkluż li jkun hemm dejjem relazzjoni ġuridika kuntrattwali bejn il-kumpannija tat-trasport u l-passiġġier, anki meta dan tal-aħħar juża s-servizz tal-ferrovija mingħajr ma jixtri biljett. Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv, hija tistaqsi jekk, f’kull każ, huwiex possibbli li jiġu applikati għal dan il-każ ir-regoli dwar il-klawżoli inġusti li jinsabu fid-Direttiva 93/13, b’mod li l-klawżola li eventwalment timponi ħlas addizzjonali fuq il-passiġġier mingħajr biljett validu tista’ tiġi ddikjarata mill-qorti bħala inġusta u għalhekk mhux vinkolanti fuq il-konsumatur.

32.

Sabiex niżviluppa l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, hemm lok li nagħmel żewġ premessi.

33.

L-ewwel nett, ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 u d-Direttiva 93/13 ma jagħtu l-ebda indikazzjoni fuq in-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn konsumatur li jirkeb ferrovija u l-impriża ta’ trasport.

34.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 jipprovdi li: “[b]la ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.”

35.

L-Artikolu 6 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 jillimita ruħu sabiex jistqarr, fis-subartikolu 2, li: “[i]l-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt […]”.

36.

L-Artikolu 9 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 jippreċiża li “1. Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu: (a) li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b’żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali; (b) li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x’ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu […].”

37.

Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat b’mod ċar, jippreżupponu sempliċement l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż minn qabel ( 5 ).

38.

Id-Direttiva 93/13 ma tinkludi l-ebda referenza għall-kunċett ta’ kuntratt, lanqas għall-mument ta’ konklużjoni tal-istess, u tillimita ruħha sabiex tippreżupponi l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti ( 6 ).

39.

Għaldaqstant, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-qorti tar-rinviju ma tiddefinixxi meta relazzjoni ġuridika għandha tiġi kklassifikata bħala kuntratt ta’ trasport u lanqas il-mument li fih kuntratt tat-trasport jista’ jitqies li ġie konkluż.

40.

Għaldaqstant, huwa fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri li jikklassifikaw in-natura tar-relazzjoni ġuridika li tinħoloq fis-sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq ( 7 ).

41.

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li persuna li tivvjaġġa fuq ferrovija mingħajr ma jkollha biljett validu u li ma tirregolarizzax il-pożizzjoni tagħha wara l-kontrolli ma tkunx marbuta b’kuntratt mal-impriża ferrovjarja ( 8 ).

42.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 u l-Artikoli 2(a) u 3 tad-Direttiva 93/13 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li dejjem teżisti relazzjoni ġuridika kuntrattwali bejn il-kumpannija ta’ trasport u l-passiġġier.

43.

Konsegwentement, għandha tkun il-qorti nazzjonali, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, li tivverifika l-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ġuridika kuntrattwali.

44.

It-tieni premessa hija li l-aġir deskritt għandu valur soċjali negattiv li, fid-diversi ordinamenti ġuridiċi, jista’ jkun ikklassifikat legalment bħala sempliċi nuqqas ta’ twettiq ta’ kuntratt, bħala ksur ta’ natura amministrattiva jew saħansitra bħala reat kriminali ( 9 ), skont l-interessi anki pubbliċi involuti fit-trasport tal-passiġġieri.

45.

Fil-fatt, dan huwa każ, skont ma jirriżulta mill-proċess, fejn passiġġier jirkeb ferrovija, xjentement mingħajr biljett u mingħajr volontà li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz ta’ servizz li huwa juża, lanqas meta l-konċessjonarju tas-servizz joffrilu diversi possibbiltajiet matul u wara li huwa jkun uża l-istess servizz.

b) L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti għall-każ tal-passiġġier mingħajr biljett

46.

Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ premessi, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-regola dwar il-klawżoli inġusti tad-Direttiva 93/13 tistax issib applikazzjoni anki fil-każ fejn passiġġier jirkeb ferrovija mingħajr biljett u, wara li jkun irrifjuta li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu f’diversi okkażjonijiet abbażi ta’ dak ipprovdut fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tal-impriża ferrovjarja, titressaq kawża minn dik l-impriża għall-ħlas tal-biljett flimkien ma’ ħlas addizzjonali tariffarju.

47.

Il-bażi legali tal-ħlas addizzjonali tariffarju fil-każ ta’ assenza ta’ biljett validu (u tan-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni sussegwenti fid-dawl ta’ talbiet repetuti u progressivi) huma l-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tal-impriża ferrovjarja.

48.

Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali huma applikabbli għall-passiġġieri kollha minħabba n-natura regolamentari tagħhom jew il-komunikazzjoni tagħhom f’pubblikazzjoni uffiċjali.

49.

Bil-kuntrarju, bħala prinċipju ma jistax jiġi eskluż li din hija relazzjoni li toriġina minn kuntratt ( 10 ).

50.

Kif intqal fuq, għandha tkun il-qorti nazzjonali, abbażi tad-dritt nazzjonali, li tivverifika n-natura kuntrattwali jew le tar-relazzjoni ġuridika bejn it-trasportatur u konsumatur mingħajr biljett.

51.

Għalkemm huwa minnu li, fl-assenza ta’ referenzi preċiżi dwar il-mument ta’ formazzjoni tal-kuntratt fis-sorsi tad-dritt tal-Unjoni ċċitati hawn fuq, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikklassifika s-sitwazzjoni legali deskritta abbażi tad-dritt nazzjonali, huwa daqstant ieħor minnu – kif innotat anki l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub li jinsabu fil-proċess ( 11 ) – li element komuni fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ relazzjoni ġuridika bħala waħda kuntrattwali, hija l-eżistenza ta’ manifestazzjoni ta’ volontà reċiproka.

52.

F’każ bħal dak deskritt hawn fuq huwa raġonevoli li tiġi ddubitata l-eżistenza ta’ din il-manifestazzjoni ta’ volontà reċiproka. Fil-fatt, mhux biss il-passiġġier jiddeċiedi li ma jixtrix il-biljett li jkun għall-bejgħ lill-pubbliku imma, anki wara proposta kuntrattwali oħra abbord tal-ferrovija, jirrifjuta li juri l-volontà tiegħu li jixtri l-biljett.

53.

Jistgħu, għaldaqstant, jeżistu dubji dwar kemm fil-preżenza ta’ aġir illegali kif deskritt hawn fuq jista’ jkun hemm skambju adatt ta’ volontà reċiproka li jista’ jikkostitwixxi kuntratt. Il-passiġġier, fil-fatt, ma jurix il-kunsens tiegħu fuq element essenzjali tal-kuntratt, jiġifieri l-prezz tas-servizz u l-ħlas tal-istess.

54.

Jekk ikollu jitqies li r-relazzjoni bejn l-impriża ta’ trasport u l-konsumatur li rrifjuta li jħallas il-biljett hija ta’ natura kuntrattwali, bħala regola, għandhom jiġu applikati r-regoli dwar il-klawżoli inġusti. Madankollu, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriproduċu dispożizzjonijiet regolamentari imperattivi ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

55.

Jekk, fid-dritt nazzjonali kkonċernat, il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport jiġu kklassifikati bħala li għandhom natura regolamentari, għandu jiġi applikat l-imsemmi Artikolu 1(2), u konsegwentement jiġu esklużi r-regoli dwar il-klawżoli inġusti.

56.

Min-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport, li fihom il-klawżola li timponi ħlas addizzjonali tariffarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ xiri tal-biljett, jiġu kklassifikati bħala li għandhom natura kuntrattwali, f’dak il-każ, billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma jkunx applikabbli, din il-klawżola tista’ tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti.

57.

Madankollu, fil-każ speċifiku tad-dritt Belġjan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tinnota li r-Renju tal-Belġju ma ttrasponiex fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, billi uża l-fakultà prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ( 12 ).

58.

Jekk din hija s-sitwazzjoni realment fis-seħħ fid-dritt Belġjan u jekk jitqies li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma hijiex direttament applikabbli fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, il-qorti jkollha tevalwa f’kull każ jekk il-klawżola hijiex inġusta jew le.

59.

Jekk, min-naħa l-oħra, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ir-relazzjoni bejn l-impriża ta’ trasport u l-konsumatur li rrifjuta li jħallas il-biljett ma hijiex ta’ natura kuntrattwali, is-sitwazzjoni toħroġ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

60.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13 jiċċirkoskrivi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kuntratti stipulati bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumatur.

61.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju, li ma tantx hija ċara fuq dan il-punt fid-deċiżjoni tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, tinnota li fl-ordinament ġuridiku Belġjan, il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti tal-Kassazzjoni estendiet it-“teorija tal-klawżoli inġusti” anki għal “relazzjoni ġuridika regolamentari” ( 13 ).

62.

Jekk fid-dritt Belġjan il-protezzjoni kontra l-klawżoli inġusti hija estiża għar-relazzjonijiet kollha bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, anki jekk ta’ natura regolamentari – liema verifika tista’ ssir biss mill-qorti nazzjonali – il-klawżola li timponi l-ħlas addizzjonali fuq il-konsumatur li jirrifjuta li jħallas il-biljett ikollha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti.

63.

Madankollu jeħtieġ, f’kull każ, li minbarra l-elementi suġġettivi msemmija hawn fuq dwar il-valur soċjali negattiv tal-aġir tal-konsumatur, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din hija sitwazzjoni pjuttost partikolari, li fiha jinkroċjaw l-interessi privati u l-interessi pubbliċi: l-eżekuzzjoni ta’ servizz ta’ trasport ta’ persuni; in-natura “punittiva” tal-ħlas addizzjonali fil-każ ta’ rifjut repetittiv tal-ħlas ta’ biljett, li fl-istess waqt jaqdi l-funzjoni li jiskoraġġixxi dan l-aġir illegali u li jikkumpensa lill-imprenditur għall-ispejjeż amministrattivi minħabba l-isforz sabiex jiġu rkuprati l-ammonti dovuti; l-aġir ta’ persuna li xjentement tirrifjuta li tħallas il-prezz tas-servizz li tkun użat, billi tikser l-obbligu li jkollha minn qabel biljett adatt għall-vjaġġ u sussegwentement tirrifjuta li tissana d-difett, billi tħallas abbord il-ferrovija.

64.

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom il-qorti nazzjonali tista’ in concreto tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola, il-qorti ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest indikat hawn fuq, bl-għan li tivverifika jekk il-klawżola ċċitata toħloqx jew le żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, kif rikjest mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

65.

F’dan ir-rigward, jidher leġittimu li tiġi ddubitata l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi, rikjest sabiex ikun hemm natura inġusta, meta l-klawżoli individwali, għalkemm jipprevedu vantaġġi għall-persuna li tirrediġihom, ikunu ddettati minn rekwiżiti ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni ġġustifikati tal-impriża, li fl-assenza tagħhom din ma tkunx tista’ twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod effiċjenti u bi qligħ.

2.   Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari

66.

Permezz tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola li hija tqis inġusta u jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli timmodera l-klawżola, li tipprevedi ħlas addizzjonali tariffarju għall-passiġġieri li ma għandhomx biljett, meqjusa bħala inġusta, kif ukoll fis-sens li jipprojbixxi lill-qorti milli tissostitwixxi din il-klawżola bir-regoli tad-dritt komuni fil-qasam tar-responsabbiltà bl-għan li tikkumpensa lill-impriża għad-danni li ssofri.

67.

Kif iddikjarat fil-bidu, inħoss li huwa f’loku li dawn id-domandi jiġu ttrattati flimkien u sejjer nillimita ruħi sabiex infakkar il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

68.

Qabelxejn, inħoss li huwa neċessarju li nittratta s-suġġett tal-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

69.

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultawx ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex tistaqsi dwar dawn l-aspetti u lanqas, daqstant ieħor, il-qafas regolamentari nazzjonali li fih jidħlu dawn id-domandi.

70.

Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati li tissemma fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali hija obbligata li jkollha għarfien tagħhom u tosservahom skrupolożament ( 14 ).

71.

Fil-fatt, għalkemm ma hemmx dubju li s-suġġett tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari huwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, ma jirriżultax daqstant ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju liema huma d-dispożizzjonijiet suġġetti għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta, u lanqas ma hemm speċifikat fiha liema dispożizzjonijiet ta’ “dritt komuni” il-qorti tar-rinviju tipproponi li tuża minflok il-klawżola ddikjarata inġusta.

72.

F’kull każ, huwa suffiċjenti li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, fis-sens li dan l-artikolu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola ( 15 ).

73.

Kif iċċarat minn din il-ġurisprudenza, intervent f’dan is-sens mill-qorti jista’ jippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil previst f’din id-direttiva, jiġifieri li tiskoraġġixxi lill-bejjiegħa jew lill-fornituri milli jinkludu klawżoli inġusti ( 16 ).

74.

Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) hija ċara fis-sens li l-klawżola ddikjarata inġusta għandha tiġi mħassra mill-kuntratt, sabiex din b’ebda mod ma tkun vinkolanti fuq il-konsumatur. Jirriżulta ċar, għaldaqstant, li intervent tal-qorti fis-sens li timmodera jew ittaffi l-effetti ta’ din il-klawżola inġusta jkun jikkontradixxi manifestament is-sens letterali, saħansitra iktar minn dak teleoloġiku, tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

75.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tissostitwixxi l-klawżola inġusta, għandu jitfakkar li l-unika eċċezzjoni f’dan is-sens tistrieħ fuq l-elaborazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Kásler ( 17 ) fis-sens li l-intervent tal-qorti jitqies leġittimu biss fil-preżenza ta’ żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, il-fatt li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola ddikjarata inġusta timplika, skont id-dritt nazzjonali, l-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-annullament ta’ dan il-kuntratt ser jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi ( 18 ) u penalizzanti.

76.

Barra minn hekk, b’żieda ma’ dawn il-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-kuntratt jista’ jinbidel biss permezz ta’ klawżoli ta’ natura sostituttiva, jiġifieri permezz tas-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta bi klawżola li tirriproduċi d-dispożizzjoni leġiżlattiva, mingħajr ebda lok għall-interpretazzjoni jew “kreazzjoni” tal-qorti.

77.

F’dan il-każ, li huwa partikolari ħafna minħabba l-aġir illegali tal-konsumatur li semmejt kemm‑il darba, huwa evidenti li l-qorti tar-rinviju tagħmel it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex sabet ruħha f’kuntest ġuridiku li fih, minn naħa, l-interpretazzjoni fil-livelli massimi ġurisprudenzjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li testendi l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-klawżoli inġusti anki għal każijiet mhux kuntrattwali, u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix ir-reviżjoni tal-klawżola f’sens iktar favorevoli għall-konsumatur.

78.

Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju, konxja mill-illegalità tal-aġir tal-konsumatur, tissuspetta madankollu li l-ħlas addizzjonali impost mill-kundizzjonijiet ġenerali fil-każ tan-nuqqas ta’ xiri tal-biljett huwa eċċessiv.

79.

Bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li jobbligaw lill-qorti nazzjonali li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ abbażi tad-dritt nazzjonali fis-seħħ, fil-kuntest interpretattiv tad-dritt tal-Unjoni deskritt hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-possibbiltà ta’ estensjoni limitata u ċirkoskritta tad-dritt tal-qorti nazzjonali li tintervjeni fuq dawn il-klawżoli billi tirrevedihom għal kuntesti leġiżlattivi nazzjonali li fihom ir-regoli dwar il-klawżoli inġusti jkunu jistgħu, ipotetikament, jiġu applikati anki għal każijiet bħal dak deskritt.

IV. Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju), għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda biss, kif ġej:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ma tirregolax il-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni tal-kuntratt, u r-regoli dwar il-klawżoli inġusti li jinsabu fiha huma, bħala prinċipju, applikabbli esklużivament għal relazzjonijiet ġuridiċi li joriġinaw minn kuntratt, li għandhom jiġu kklassifikati mill-qorti nazzjonali fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Fil-każ ta’ passiġġier li juża s-servizz tat-trasport mingħajr ma jkun xtara biljett u li, bħala konsegwenza ta’ dan l-aġir, huwa obbligat iħallas ħlas addizzjonali minbarra l-prezz tal-biljett, il-qorti nazzjonali għandha, abbażi tad-dritt nazzjonali, tikklassifika din ir-relazzjoni bħala kuntrattwali jew le u tevalwa jekk ir-regoli dwar il-klawżoli inġusti jistgħux jiġu applikati għal kull relazzjoni ġuridika bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, inkluż għar-relazzjonijiet mhux kuntrattwali. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola li timponi ħlas addizzjonali minbarra l-prezz tal-biljett meta dan ma jkunx inxtara u meta ma jkunx hemm regolarizzazzjoni sussegwenti, prevista fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport, għandha ssir billi jiġi aċċertat, fl-osservanza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, li nħoloq żbilanċ sinjifikattiv fil-pożizzjonijiet tal-partijiet, anki fid-dawl tal-fatt li f’tali ipoteżi l-interessi privati jinkroċjaw ma’ dawk pubbliċi, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ konkret u, b’mod partikolari, tal-illegalità tal-aġir tal-konsumatur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14)

( 4 ) Wet van 28 februari 2013 tot invoering van het Wetboek van Economisch Recht (il-Liġi tat-28 ta’ Frar 2013 li tadotta l-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku), Moniteur Belge tad-29 ta’ Marzu 2013, p. 19975.

( 5 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (C‑261/15, EU:C:2016:709, punt 26).

( 6 ) L-Artikolu 1 jipprovdi li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”.

( 7 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota, dejjem fis-sentenza Demey, li l-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport huma rregolati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen, C‑261/15, EU:C:2016:709, punt 34).

( 8 ) Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 6 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (C‑261/15, EU:C:2016:709, punt 35).

( 9 ) Digriet tat-30 ta’ Mejju 2018, SNCB (C‑190/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:355, punt 7), kif ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (C‑261/15, EU:C:2016:709, punti 1213).

( 10 ) Fis-sentenza Demey iċċitata (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen, C‑261/15, EU:C:2016:709), fil-punt 27, b’referenza għall-Artikolu 6 tat-Titolu II tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-“assenza ta’ biljett tat-trasport […] tista’ biss tiġi interpretata li tfisser li kuntratt ta’ trasport ġie konkluż minn qabel u li l-passiġġier ma jistax jippreżenta prova li tistabbilixxi li huwa akkwista biljett tat-trasport”.

( 11 ) Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 19.

( 12 ) Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 12.

( 13 ) Deċiżjoni tar-rinviju, p. 12. Il-Kummissjoni tispjega l-punt li l-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza Nru 159 tas-26 ta’ Ottubru 2005 ddeċidiet li l-esklużjoni mill-protezzjoni tal-klawżoli inġusti ta’ entitajiet pubbliċi jew kumpanniji, li fihom l-awtorità pubblika jkollha interess kontrollanti, li jeżerċitaw attività kummerċjali, finanzjarja jew industrijali u li joffru għall-bejgħ jew ibigħu prodotti jew servizzi tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni Belġjana (osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċess, punt 12).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-7 ta’ Settembru 2017, Alandžak (C‑187/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Mejju 2018, SNCB (C‑190/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:355, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 53); sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 73); sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 60); sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 77); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella tal-14 ta’ Mejju 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:405, punt 31).

( 16 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 54); sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 6970); kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282).

( 18 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 83).

Top