Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0128

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-30 ta’ April 2019.
    Dumitru-Tudor Dorobantu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kriterji.
    Kawża C-128/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:334

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-30 ta’ April 2019 ( 1 )

    Kawża C-128/18

    Dumitru-Tudor Dorobantu

    fil-preżenza ta’

    Generalstaatsanwaltschaft Hamburg

    (talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il‑Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Obbligu tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jeżaminaw il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti– Portata tal‑eżami – Kriterji”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jaqa’ fil-kuntest tal‑eżami, mill-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża, tal-legalità tal-konsenja ta’ Dumitru-Tudor Dorobantu lill-awtorità ġudizzjarja Rumena, li ħarġet, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 2 ), mandat ta’ arrest Ewropew. L-ewwel, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall‑finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali imbagħad, iktar tard, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

    2.

    Fil-linja tas-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru ( 3 ), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) ( 4 ), dan ir-rinviju jikkontribwixxi għad‑definizzjoni tal-garanziji li għandu jkun hemm sabiex jiġi żgurat ir‑rispett tad-drittijiet fundamentali tal-pesuna kkonsenjata fil-qafas ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’sitwazzjoni fejn is-sistema penitenzjarja tal-Istat Membru emittenti għandha nuqqas sistemiku jew iġġeneralizzat.

    3.

    B’mod partikolari, dan ir-rinviju jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-intensità tal-istħarriġ li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata twettaq sabiex tevalwa r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li għalih hija esposta l-persuna kkonċernata minħabba l‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha fl-Istat Membru emittenti kif ukoll il-fatturi u kriterji differenti li din għandha tikkunsidra għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    4.

    L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ), intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jistipula:

    “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

    5.

    L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 6 ) jispjegaw li “[i]d-dritt fl‑Artikolu 4 [tal-Karta] jikkorispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 3 tal-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 7 )] li għandu l-istess kliem […]. Bis-saħħa ta’ l‑Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu għalhekk l-istess sens u l-istess ambitu bħall-Artikolu tal-KEDB” ( 8 ).

    2. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

    6.

    Il-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġie kkonċepit sabiex jissostitwixxi l-mekkaniżmu klassiku tal-estradizzjoni, li jimplika deċiżjoni tas-setgħa eżekuttiva, strument ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali bbażat fuq il-prinċipji ta’ rikonixximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri ( 9 ).

    7.

    Din id-deċiżjoni qafas b’hekk tistabbilixxi sistema ġdida ssimplifikata u iktar effiċjenti ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali ( 10 ) filwaqt li tillimita l-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni u tistabbilixxi termini ta’ adozzjoni tad‑deċiżjonijiet relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ( 11 ).

    8.

    Il-premessi 12 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jaqraw kif ġej:

    “(12)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta […],b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […].

    (13)

    L-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lil Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.”

    9.

    L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

    “1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

    3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett ta’ drittijiet fundamentali u prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-[TUE].”

    B.   Id-dritt Ġermaniż

    10.

    L-Artikoli 78 sa 83k tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali Reċiproka f’Materji Kriminali) ( 12 ), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Gesetz zur Umsetzung des Rahmenbeschlusses über den Europäischen Haftbefehl und die Übergabeverfahren zwischen den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (il-Liġi li Tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u tal-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri) ( 13 ), tal-20 ta’ Lulju 2006, ittrasponew fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż id-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    11.

    Skont l-Artikolu 29(1) tal-IRG, li, skont l-Artikolu 78(1) tal-IRG, huwa applikabbli għall-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja) tiddeċiedi, fuq talba tal‑iStaatsanwaltshaft (il-Prosekutur, il-Ġermanja), dwar il-legalità tal‑estradizzjoni meta l-akkużat ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall‑estradizzjoni ssimplifikata. Id-deċiżjoni tingħata permezz ta’ digriet, skont l-Artikolu 32 tal-IRG.

    12.

    L-Artikolu 73 tal-IRG jiddikjara:

    “L-assistenza legali, u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel, huma illegali jekk jiksru prinċipji essenzjali tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż. F’każ ta’ talba skont il-parti tmienja […], l-assistenza legali hija illegali jekk tikser il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.”

    III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13.

    D. Dorobantu huwa ċittadin Rumen, residenti f’Hamburg (Il‑Ġermanja).

    14.

    L-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi ġew aditi b’talba għal konsenja tal-persuna kkonċernata permezz tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 mill-Judecătoria Medgidia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Medgidia, ir-Rumanija). Dan il‑mandat inħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għal fatti li kienu jikkostitwixxu reati kontra l-proprjetà u dikjarazzjonijiet foloz jew użu ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

    15.

    Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-imsemmi mandat, il‑Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ikkunsidrat indizji konkreti ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġġeneralizzati tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija. Skont prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, din il‑qorti eżaminat l-informazzjoni mibgħuta mill‑awtoritajiet Rumeni dwar il-kundizzjonijiet li fihom D. Dorobantu ser jinżamm arrestat wara l-konsenja tiegħu. Minn din l-informazzjoni jirriżulta li l-persuna kkonċernata ser tiġi detenuta, fil-każ ta’ detenzjoni provviżorja, f’ċelel kollettivi, jiġifieri ta’ erba’ persuni (b’superfiċji ta’ 12.30 m2, ta’ 12.67 m2 u ta’ 13.50 m2) jew ta’ għaxar persuni (b’superfiċju ta’ 36.25 m2). Għall-kuntrarju, fil-każ tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, D. Dorobantu jinżamm arrestat, għal perijodu ta’ 21 jum, fi stabbiliment li fi ħdanu kull detenut ikollu spazju ta’ 3 m2 u, konsegwentement, fl-istess kundizzjonijiet li kieku l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sistema ta’ priġunerija mingħajr libertà. Madankollu, li kieku D. Dorobantu kellu jibbenefika minn sistema ta’ priġunerija b’libertà jew semi-libertà, kien ikollu spazju personali ta’ 2 m2 għal kull persuna ( 14 ).

    16.

    Il-qorti tar-rinviju pproċediet b’evalwazzjoni globali ta’ dawn il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fir-rigward tat-titjib kunsiderevoli tas-sistema Rumena ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni, kemm fir-rigward tal‑infrastrutturi kif ukoll tal-mekkaniżmi ta’ kontroll, hija kkonkludiet li ma kienx hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti tal‑persuna kkonċernata, fis-sens tas-sentenza Aranyosi u Căldăraru.

    17.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, fil-każ fejn il‑konsenja tal-persuna kkonċernata tiġi rrifjutata, il-ksur li din tkun wettqet jibqa’ mingħajr piena, li jmur kontra l-għan li tiġi żgurata l‑effikaċja tal-ġustizzja kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

    18.

    Abbażi tad-digrieti tat-3 u tad-19 ta’ Jannar 2017 tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), il‑Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (il-Prosekutur ta’ Hamburg, il‑Ġermanja) b’hekk awtorizza l-konsenja ta’ D. Dorobantu lill‑awtoritajiet Rumeni wara li dan serva l-piena ta’ priġunerija li għaliha kien ġie kkundannat għal ksur ieħor imwettaq fil-Ġermanja.

    19.

    Madankollu, dawn id-digrieti ġew annullati permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2017 tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja). Fil-fatt, din iddeċidiet li l‑evalwazzjoni dwar il-legalità tal-konsenja tal-persuna kkonċernata tippreżupponi, qabel xejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita minn talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tiddeċiedi dwar il-fatturi rilevanti għall‑finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2018, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, liema rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni huma meħtieġa skont l‑Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

    a)

    B’mod partikolari, hemm limitu minimu “assolut” f’termini tad-daqs tal-ispazju ta’ detenzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-użu ta’ spazju taħt dan il-limitu dejjem jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

    i)

    Il-fatt jekk iċ-ċella tkunx ċella ta’ detenzjoni individwali jew kollettiva huwa ta’ importanza fid-determinazzjoni tal-porzjon tal-ispazju ta’ detenzjoni għal kull individwu?

    ii)

    Meta jiġi kkalkolat id-daqs tal-ispazju ta’ detenzjoni għandha titnaqqas is-superfiċji okkupata mill-għamara (sodda, gwardarrobba, eċċ.)?

    iii)

    Liema rekwiżiti strutturali huma rilevanti għall‑kwistjoni tal-konformità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni mad-dritt tal-Unjoni? X’rilevanza għandhom l-aċċess dirett (jew indirett) miċ-ċella ta’ detenzjoni, pereżempju, għall-installazzjonijiet sanitarji jew għal kmamar oħra kif ukoll il-provvista ta’ ilma kiesaħ u sħun, it-tisħin, id-dawl, eċċ?

    b)

    Sa liema punt “sistemi ta’ infurzar” differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħinijiet differenti ta’ ftuħ taċ-ċelel u tal-portata tal-gradi differenti ta’ moviment liberu fil-ħabs, għandhom rwol fl-evalwazzjoni?

    c)

    Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll titjib fl-ordinament ġuridiku u organizzattiv fl-Istat Membru emittenti (introduzzjoni ta’ sistema ta’ ombudsman, l-istabbiliment ta’ qrati penitenzjarji, eċċ.), hekk kif għamlet din l-istanza fid-deċiżjonijiet tagħha ta’ ammissibbiltà?

    2)

    Permezz ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jirrispettawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni? Sa liema punt dawn il-kriterji jeffettwaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘riskju reali’ fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża [Aranyosi u Căldăraru]?

    a)

    L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom f’dan ir-rigward setgħa ta’ stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jew huma kompetenti biss għal ‘stħarriġ ta’ illegalitajiet manifesti’?

    b)

    Fil-każ li fil-kuntest tal-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hemm rekwiżiti “assoluti” taħt id-dritt tal‑Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni: In‑nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jimplika li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni, fis-sens li jkun hemm dejjem “riskju reali” li jipprevjeni l-estradizzjoni, jew l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ xorta waħda jwettaq evalwazzjoni? F’tali każ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti bħaż-żamma tal-assistenza ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, il-funzjonament effettiv tal-ġustizzja kriminali Ewropea jew il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku?”

    21.

    Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Settembru 2018, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li D. Dorobantu sadattant kien ġie kkundannat mill-Judecătoria Medgidia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Medgidia) għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn u erba’ xhur minħabba reati mwettqa fit-territorju Rumen. Din is-sentenza ngħatat in absentia fl‑14 ta’ Ġunju 2018. Il-qorti tar-rinviju għalhekk indikat lill-Qorti tal‑Ġustizzja li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit‑12 ta’ Awwissu 2016 għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kien ġie “issostitwit” b’mandat ta’ arrest Ewropew ġdid maħruġ fl‑1 ta’ Awwissu 2018 għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Madankollu din il-qorti indikat li hija kienet qed iżżomm it‑talba tagħha għal deċiżjoni preliminari sa fejn id-domandi tagħha kienu jibqgħu rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

    IV. Kunsiderazzjonijiet preliminari

    22.

    Qabel ma nipproċedi għall-eżami tad-domandi li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli neċessarju li nagħmel żewġ rimarki preliminari.

    23.

    L-ewwel waħda tirrigwarda s-“sostituzzjoni” ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li għaliha l-qorti tar-rinvju għamlet riferiment fid-digriet tagħha tal-25 ta’ Settembru 2018. It-tieni tirrigwarda l-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi, fl-opinjoni tiegħi, il-kuntest li fih għandhom jingħataw risposta dawn id-domandi preliminari.

    A.   Is-“sostituzzjoni” ta’ mandati ta’ arrest Ewropej

    24.

    Kif indikajt, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tad-digriet tagħha tal-25 ta’ Settembru 2018 li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Judecătoria Medgidia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Medgidia) kontra D. Dorobantu għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kien ġie “issostitwit” matul il-kawża prinċipali permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid mill-istess qorti, għall‑finijiet, din id-darba, tal-eżekuzzjoni mill-istess qorti ta’ piena ta’ priġunerija.

    25.

    Minkejja li d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jibqgħu rilevanti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew – kif il-partijiet kollha kkonfermaw waqt is-seduta – madankollu, huwa neċessarju li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar id-dekadenza tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew u tibda ab initio l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-tieni. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll tad-drittijiet u l-garanziji mogħtija mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 lill-persuna mfittxija.

    26.

    Fil-fatt, min-natura tagħha stess u minħabba rekwiżiti legali u materjali tal-implimentazzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax issir bis-sempliċi sostituzzjoni.

    27.

    Mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li “[i]l‑mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja”. L-allegata “sostituzzjoni” ma tistax għalhekk taħbi l-fatt li t-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija huwa bbażat fuq sentenza nazzjonali ġdida u jikkostitwixxi deċiżjoni ġudizzjarja li hija distinta mid-deċiżjoni li fuqha huwa bbażat l-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew u li, minħabba f’hekk, għandu jissodisfa rekwiżiti legali u materjali speċifiċi. Huwa biżżejjed għalhekk li jiġi nnotat li l-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew tista’ twassal għal perijodu ta’ detenzjoni ġdid li ma jistax jixxebbah ma’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja qabel is-sentenza – kif kien il-każ taħt l-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew –, iżda sa mill-bidu tal-eżekuzzjoni tal‑piena, il-perijodu li jkun diġà ġie servut qabel għandu jitnaqqas mill‑piena li għandha tiġi eżegwita ( 15 ).

    28.

    L-eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew tirrikjedi għalhekk illi l-awtorità ġudizzjarja, minn naħa waħda, tiddeċiedi dwar id‑dekadenza tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, terġa’ tibda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ab initio, biex b’hekk tistħarreġ il-validità tar-rekwiżiti kollha ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat, li tidher li tirriżulta, fil-kawża prinċipali, mid-digriet tal‑25 ta’ Settembru 2018 ikkomunikat mill-qorti tar-rinviju.

    B.   Il-ġurisprudenza “Aranyosi u Căldăraru”

    29.

    It-tieni rimarka tirrigwarda r-regoli u l-prinċipji li l-Qorti tal‑Ġustizzja użat fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru u li, sussegwentement, irriproduċiet fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tistabbilixxi l-qafas li fih għandhom jiġu analizzati u tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari.

    30.

    Fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall‑ewwel darba, ammettiet restrizzjoni għall-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri billi titlob lill‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tipproċedi bi stħarriġ tal‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-Istat Membru emittenti, fil-każ fejn, minħabba nuqqasijiet tas-sistema penitenzjarja ta’ dan l-Istat, il-persuna kkonċernata tista’ tiġi esposta għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, kuntrarji għall-Artikolu 4 tal-Karta.

    31.

    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-qafas li fih għandu jiġi eżerċitat dan l-istħarriġ, filwaqt li tistabbilixxi l-bażi legali tiegħu, l‑għan tiegħu, it-tipoloġija tiegħu kif ukoll n-natura u l-effetti tiegħu.

    32.

    Dan l-istħarriġ huwa bbażat fuq l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 5 u l‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għandu bħala għan li jiżgura r‑rispett tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jistabbilixxi, kif fakkret il-Qorti tal‑Ġustizzja, “wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha” ( 16 ) u “[għandu] natura assoluta” ( 17 ).

    33.

    L-imsemmi stħarriġ jitwettaq esklużivament meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li hija għandha, li s‑sistema penitenzjarja tal-Istat Membru emittenti għandha nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni ( 18 ).

    34.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tivverifika b’mod “konkret u preċiż”, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal‑Karta ( 19 ).

    35.

    Wara konstatazzjoni ta’ nuqqas iġġeneralizzat tas-sistema penitenzjarja tal‑Istat Membru emittenti għandu jkun hemm għalhekk evalwazzjoni individwali u bbażata fuq il-fatti tar-riskju li għalih ser tkun esposta l-persuna kkonsenjata.

    36.

    Dan l-istħarriġ jista’ jkollu effett qawwi fuq l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li jista’ jwassal lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tipposponi jew saħansitra ttemm il-proċedura ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata ( 20 ).

    37.

    Wara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bremen, il‑Ġermanja) marret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari ġodda. L-ewwel waħda, imressqa fit‑12 ta’ Settembru 2016 fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra Pál Aranyosi, irriżultat fl-adozzjoni ta’ digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, peress li l‑mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa kontra l-persuna kkonċernata ġew irtirati qabel ma ddeċidiet il‑Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ).

    38.

    It-tieni, imressqa fis-27 ta’ Marzu 2018 fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ML, ippermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Generalstaatsanwaltschaft, tispjega l‑portata u l-firxa tal-prinċipji li hija użat fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru ( 22 ), b’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali u fattwali tar-riskju ta’ trattament inuman u degradanti.

    39.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet, fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, li l-Artikolu 1(3), l‑Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, “meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tipprovdi l-provi tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji tal‑Istat Membru emittenti, […]:

    […]

    l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta teżamina biss il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji li fihom ikun probabbli, skont l-informazzjoni li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha, li [l-persuna li għaliha huwa intiż mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija] tkun ser tinżamm, anki fuq bażi temporanja jew tranżitorja;

    l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, għal dan il‑għan, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni konkreti u preċiżi tal-persuna kkonċernata li jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk hija tkunx ser tgħaddi minn riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta];

    l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti barra minn dik tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, bħal, b’mod partikolari, l-assigurazzjoni li l-persuna kkonċernata ma tkunx ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta].”

    40.

    Is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft ngħatat fil-25 ta’ Lulju 2018, jiġifieri xi xhur wara ma tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-opinjoni tiegħi, hija tagħti risposta għall-parti l-kbira tad-domandi li tagħmel il‑qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

    V. Analiżi

    41.

    Ikun aħjar jekk nipproċedi bl-analiżi tad‑domandi magħmula f’ordni differenti minn dik li fiha l-qorti tar‑rinviju esponiethom.

    42.

    Fil-fatt, jekk permezz tal-ewwel domanda u tal-punt b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-fatturi differenti li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkunsidra sabiex tevalwa, b’mod konkret u preċiż, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, jidhirli li huwa indispensabbli li tiġi stabbilita, qabel xejn, l-intensità ta’ dan l-istħarriġ, kif il-qorti tar-rinviju tistedinni nagħmel fil-punt a) tat-tieni domanda tagħha.

    A.   L-intensità tal-istħarriġ tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑istabbiliment li fih huwa probabbli li l-persuna kkonsenjata ser tinżamm arrestata

    43.

    Permezz tal-punt a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega l-intensità tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din teżamina, b’mod individwali u fattwali, jekk il-persuna kkonsenjata tirriskjax li tkun esposta għal trattamenti inumani jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru emittenti.

    44.

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex twettaq eżami “komplet” tal‑kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonsenjata ser tiġi detenuta fl‑Istat Membru emittenti jew jekk għandhiex minflok tipproċedi għal stħarriġ “ħafif” ta’ dawn il-kundizzjonijiet, limitat għall-“illegalitajiet manifesti”. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tidher li qed tistaqsi jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax toqgħod fuq l-assigurazzjoni mogħtija mill-Istat Membru emittenti li l-persuna kkonċernata ma hijiex ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti minħabba l‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha.

    45.

    B’hekk, kif diġà indikajt, ir-regoli u l-prinċipji li l-Qorti tal‑Ġustizzja użat fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru u li, sussegwentement, irriproduċiet fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, jippermettu li tingħata risposta għal dawn id-domandi.

    46.

    Minkejja li, fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, il-Qorti tal‑Ġustizzja għarfet tillimita l-portata ratione loci tal-istħarriġ li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq billi llimitatu għall‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-istabbilimenti penitenzjarji li fihom “ikun probabbli” ( 23 ) jew “ikun konkretament previst” li dik il‑persuna tkun ser tinżamm, kemm jekk b’mod temporanju jew b’mod tranżitorju ( 24 ), hija, min-naħa l-oħra, qagħdet attenta b’mod partikolari sabiex turi li dan l-istħarriġ jimplika eżami tal-elementi kollha materjali rilevanti tad-detenzjoni.

    47.

    Huwa stabbilit li d-dritt li ma tkunx suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta huwa dritt assolut, li l-ksur tiegħu ma jistax jiġi kkonstatat ħlief wara eżami li jikkunsidra l-fatti rilevanti kollha tal-każ.

    48.

    Dan il-prinċipju ġie ddikjarat b’mod impliċitu, l-ewwel nett, fis‑sentenza Aranyosi u Căldăraru, meta l-Qorti tal-Ġustizzja talbet illi l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa b’mod “konkret u preċiż” ( 25 ) l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti.

    49.

    Sussegwentement, l-imsemmi prinċipju ġie kkonfermat fis‑sentenza Generalstaatsanwaltschaft.

    50.

    Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ġiet mistoqsija b’mod partikolari dwar jekk ir-rispett tal-Artikolu 1(3), tal‑Artikolu 5 u tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ifissirx li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tistħarreġ “kull darba […] kompletament il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni” fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li tivverifika mhux biss is-superfiċji tal-ispazju personali li għandu d-detenut, iżda wkoll “il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ detenzjoni” ( 26 ). Huwa kien ukoll mistoqsi jekk dawn il-kundizzjonijiet għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif jirriżulta mis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il‑Kroazja ( 27 ).

    51.

    Fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel xejn iddikjarat li, skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, l-evalwazzjoni tal‑livell minimu ta’ gravità ta’ trattament ħażin tiddependi “mill-fatti kollha tal-każ” ( 28 ) u għalhekk talbet lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex jekk ikun meħtieġ tikseb kjarifiki dwar “il‑kundizzjonijiet tad-detenzjoni konkreti u preċiżi” tal-persuna kkonċernata ( 29 ).

    52.

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja rreferiet għal dawk espressament imsemmija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Muršić vs Il‑Kroazja ( 30 ). L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkunsidra mhux biss l-ispazju personali li ser igawdi d-detenut waqt l-arrest tiegħu, iżda wkoll aspetti oħra rilevanti li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tiegħu. Din l-awtorità għandha għalhekk tikkunsidra t-tul u d-daqs tar-restrizzjoni, iżda wkoll il-moviment liberu u l-offerta ta’ attivitajiet barra miċ-ċella li minnhom id-detenut jista’ jibbenefika u finalment tikkunsidra n-natura ġeneralment deċenti tal-infrastrutturi u tas-servizzi tal-istabbiliment penitenzjarju kkonċernat. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq fatturi li b’mod ċar ma għandhom l-ebda rilevanza evidenti mal-privazzjoni tal-libertà ( 31 ).

    53.

    Fid-dawl tal-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija għalhekk obbligata li tevalwa r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li għalih ser tkun esposta l-persuna kkonsenjata minħabba l‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha fl-istabbiliment penitenzjarju li fih hija probabbilment ser tinżamm arrestata, billi teżamina l-aspetti materjali kollha tad-detenzjoni li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din l‑evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, u kif diġà rrilevajt fil-qafas tal‑konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża li wasslet għal din is‑sentenza, dan l-eżami ma jistax ikun fuq aspetti li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni ( 32 ).

    54.

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata għall‑assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti, nirrileva li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tikkostitwixxi element li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “ma tistax tinjora” ( 33 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li, fil-każ li ma jeżisti l-ebda element preċiż li jippermetti tħassib li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni eżistenti fi stabbiliment partikolari huma kuntrarji għall-Artikolu 4 tal‑Karta, l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “għandha toqgħod fuq [din l‑assigurazzjoni]” fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat il‑mandat ta’ arrest Ewropew ( 34 ).

    55.

    Għalhekk jiena ma nistax naqbel mal-opinjoni li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikkontesta u tistħarreġ id-dgħufija ta’ din l-assigurazzjoni fir-rigward ta’ informazzjoni disponibbli dwar il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

    56.

    Tali verifika, filwaqt li ma tirriflettix il-fiduċja reċiproka li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u l‑awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, tpoġġi fid-dubju s-sistema ssimplifikata ta’ konsenja li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

    57.

    Barra minn hekk, infakkar li, fid-dritt tal-Unjoni, l-obbligi meħuda minn awtorità ta’ Stat Membru jorbtuh, skont il-prinċipji li jirregolaw ir‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Bħala eżempju, jekk l‑obbligi meħuda mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, permezz ta’ awtorità li taqa’ taħt l-amministrazzjoni penitenzjarja, bħad-Direttorat Ġenerali tal-eżekuzzjoni tal-pieni, ma ġewx osservati, b’tali mod li l‑persuna kkonsenjata tista’ tkun esposta għal trattamenti inumani jew degradanti kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-KEDB, dan iwassal għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti. Barra minn hekk, kif diġà enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża ML (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) ( 35 ), il-ksur ta’ tali obbligu jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti mill‑persuna kkonsenjata.

    B.   Il-kriterji li fuqhom huwa bbażat l-istħarriġ tal‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-istabbiliment li fih huwa probabbli li l-persuna kkonsenjata ser tinżamm arrestata

    58.

    Kemm l-ewwel domanda kif ukoll il-punt b) tat-tieni domanda, li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu eżaminati flimkien. Fil-fatt, it-tnejn li huma jikkonċernaw il-kriterji li abbażi tagħhom awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa, b’mod konkret u preċiż, ir-riskju reali ta’ trattament inuman u jew degradanti minħabba kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti.

    59.

    Qabel xejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix limitu assolut fir-rigward tas‑superfiċju minimu tal-ispazju personali li għandu jingħata lid-detenut. Hija titlobha, ukoll, tispjega l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din tal-aħħar fil‑kuntest ta’ ċella individwali jew kollettiva li fiha jkun hemm għamara u installazzjonijiet sanitarji.

    60.

    Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha interess fil-fatturi l‑oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati għal din l-evalwazzjoni, billi tirreferi, b’mod partikolari, għall-infrastrutturi tal-istabbiliment penitenzjarju, għan-natura tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew inkella għat-titjib ta’ natura legali u organizzazzjonali magħmul mill-Istat Membru emittenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-piena.

    61.

    Finalment, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-dritt tal‑Unjoni jimponi rekwiżiti “assoluti” fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax madankollu tipproċedi għal evalwazzjoni bejn l‑osservazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti u r-rekwiżiti meħtieġa mill‑osservanza tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku kif ukoll l-effikaċja tas-sistema li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

    62.

    Għal darb’oħra, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft tagħti l-linji gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi biex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju.

    1. L-effetti tas-sentenza Generalstaatsanwaltschaft

    63.

    F’din is-sentenza, qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi l-ebda regola minima fir‑rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

    64.

    Inkwantu l-Artikolu 4 tal-Karta għandu l-istess sens u l-istess portata bħall-Artikolu 3 tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-prinċipji li kienu użati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem ( 36 ).

    65.

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sentenza Muršić vs Il-Kroazja, li fiha l-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem spjegat fil-qosor ir-regoli u n-normi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tagħha dwar popolazzjoni żejda fil‑ħabsijiet u kkjarifikat il-kundizzjonijiet li fihom in-nuqqas ta’ spazju personali fiċ-ċella jista’ jiġi ddikjarat bħala kuntrarju għall-Artikolu 3 tal‑KEDB.

    66.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk adottat l-approċċ li kienet diġà użat fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru. F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja kienet, fil-fatt, espressament irreferiet għas-sentenza tal‑bidu tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑8 ta’ Jannar 2013, Torreggiani et vs L-Italja ( 37 ), sabiex tistabbilixxi l‑obbligi ġenerali li għandhom l-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti fir-rigward tad-detenzjoni ta’ kull priġunier ( 38 ).

    67.

    B’hekk, fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft il-Qorti tal‑Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ gravità, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi fuq diversi fatturi, b’mod partikolari, it-tul ta’ dan it‑trattament u tal-effetti fiżiċi u mentali tiegħu, kif ukoll, xi kultant, is‑sess, l-età, u l-istat ta’ saħħa tal-vittma ( 39 ).

    68.

    Sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-fattur spazjali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni billi rrilevat, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza tagħha, dan li ġej:

    “92

    Minħabba l-importanza tal-fattur spazjali fl-evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, il-fatt li l-ispazju personali li detenut ikollu jiddisponi minnu jkun inqas minn 3 m2 f’ċella kollettiva joħloq preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB ([sentenza Muršić vs Il-Kroazja], § 124).

    93

    Tali preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB tista’ normalment tiġi rrifjutata biss jekk, l-ewwel nett, it-tnaqqis tal-ispazju personali mill-minimu meħtieġ ta’ 3 m2 jkunu qosra, okkażjonali u minuri, it-tieni nett, dawn ikollhom fl-istess ħin libertà ta’ moviment suffiċjenti barra mill-istruttura u attivitajiet barra miċ-ċella adegwati u, it-tielet nett, l-istabbiliment jagħti b’mod ġenerali kundizzjonijiet ta’ detenzjoni deċenti u li l-persuna kkonċernata ma tkunx suġġetta għal elementi oħra li jitqiesu li jkunu ċirkustanzi aggravanti ta’ kundizzjonijiet ħżiena ta’ detenzjoni ([sentenza Muršić vs Il-Kroazja], § 138).”

    69.

    Barra minn hekk, fil-punti 97 sa 100 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-portata tal-fattur ibbażat fuq il-perijodu ta’ detenzjoni, billi insistiet, b’mod partikolari, fuq il-fatt li “il-qosor relattiv ta’ perijodu ta’ detenzjoni ma jeskludix awtomatikament it-trattament kontenzjuż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB meta elementi oħra jkunu suffiċjenti sabiex jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni” ( 40 ).

    70.

    Finalment, fil-punt 103 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzjaa eskludiet li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti billi tibbaża ruħha fuq aspetti mingħajr rilevanza ċara mal-privazzjoni tal-libertà, bħal dawk relatati mal-eżerċizzju ta’ twemmin, il-possibbiltà ta’ tipjip, il-modalitajiet ta’ tindif tal-ħwejjeġ kif ukoll l-installazzjoni ta’ gradilji jew ta’ persjani mat-twieqi taċ-ċelel.

    71.

    Minkejja l-kritika li qajmet is-sentenza Muršić vs Il-Kroazja ( 41 ), jiena naħseb li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ li jippermetti li tiġi żgurata l-koerenza neċessarja bejn il‑Karta u l-KEDB, skont l-għan maħsub mill-Artikolu 52(3) tal-Karta ( 42 ).

    72.

    Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Unjoni tagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-KEDB ( 43 ). Madankollu, naħseb li l-kundizzjonijiet materjali rikjesti għal dan il-għan f’dan il-każ ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, fil-preżent, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Unjoni u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti regoli f’termini ta’ ċifri dwar l-ispazju personali li detenut għandu jkollu, anki jekk ikun standard minimu. Dan ma huwiex wieħed mid-doveri tagħha, iżda huwa tal-leġiżlatur. Barra minn hekk, għandu jiġi rrikonoxxut li llum, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-esperti neċessarji għal dan il-għan, kuntrarjament għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew organi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa, li għandhom esperti speċjalizzati fil-qasam tas-sistemi penitenzjarji u konoxxenza prattika tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istati, permezz tal-kawżi li l-ewwel waħda tkun adita minnhom u permezz ta’ rapporti u żjarat fuq il-post li minnhom it-tieni huma nkarigati.

    73.

    Finalment, infakkar li r-rekwiżiti mitluba mill-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem jikkostitwixxu regoli minimi. Fi ħdan l-Unjoni u, b’mod partikolari, fil-qafas tal-ispazju ġudizzjarju Ewropew, dawn ir‑rekwiżiti għandhom jippermettu li jiġi żgurat livell minimu uniformi, applikabbli għas-sistemi penitenzjarji kollha tal-Istati Membri u li jmur lil hinn mid-differenzi tagħhom, li jikkontribwixxu sabiex isaħħu l‑fiduċja reċiproka li għandu jkollhom l-Istati Membri. Infakkar ukoll, li, fil-livell nazzjonali, madankollu, kull Stat Membru jibqa’ liberu li jipprevedi standard iktar ġenerali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-istabbilimenti penitenzjarji tiegħu, standard li huwa ovvjament ma jistax jopponi għall-Istati ġirien fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    74.

    Issa għandna nidħlu fid-dettall tad-domandi li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    2. Is-superfiċju minimu tal-ispazju personali li għandu jingħata lid-detenut

    75.

    Kif diġà indikajt, fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel xejn tispjega li fid-dritt tal-Unjoni ma hemm l-ebda regola minima li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ( 44 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet is-superfiċju minimu tal-ispazju personali li għandu jingħata lil detenut b’riferiment għal-livell minimu ddefinit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri minimu ta’ 3 m2.

    76.

    Dan il-livell ma jikkostitwixxix minimu assolut.

    77.

    Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-livell minimu ta’ trattament ħażin sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB hija essenzjalment relattiva. Dan il-livell ma jistax ikun biss sempliċi determinazzjoni preċiża tan-numru ta’ metri kwadri li d-detenut għandu jibbenefika minnhom, għaliex tali approċċ ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni kollha li jirrigwardaw il-ħajja ta’ kuljum tiegħu.

    78.

    Kif tirrikonoxxi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur spazjali huwa fattur importanti ( 45 ). Madankollu, għandu jidħol fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li għandha tikkunsidra l-aspetti materjali kollha rilevanti. Jekk superfiċju minimu ta’ inqas minn 3 m2 f’ċella kollettiva jwassal b’hekk għal preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB, din il-preżunzjoni tista’, madankollu, tiġi kkonfutata jekk jeżistu fatturi li jikkumpensaw b’mod adegwat għan-nuqqas ta’ spazju personali. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan b’mod ċar fil-punti 92 u 93 tas-sentenza Generalstaatsanwaltschaft ( 46 ).

    79.

    Minn naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tikkunsidrax b’mod sistematiku li riduzzjoni żgħira fir-rigward tar-regola minima ta’ 3 m2 ta’ superfiċju fl-art għal kull detenut f’ċella kollettiva tikkostitwixxi, fiha nnifisha, trattament inuman jew degradanti.

    80.

    Bl-istess mod, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (iktar ’il quddiem il‑“KPT”) ma jirrikjedix in-natura assoluta tar-regoli relatati mal-“ispazju fejn jgħix kull detenut” li huwa jirrakkomanda. Il-KPT jista’ jaċċetta riduzzjoni żgħira fir-rigward tar-regola ta’ 4 m2 ta’ spazju fejn tgħix f’ċella kollettiva jew ta’ 6 m2 ta’ spazju fejn tgħix f’ċella individwali meta jeżistu fatturi oħra pożittivi marbuta, pereżempju, mal-attivitajiet li fihom id-detenut jista’ jipparteċipa barra miċ-ċella tiegħu ( 47 ).

    81.

    Sabiex jiġi stabbilit il-minimu tas-superfiċju tal-ispazju personali li għandu jingħata lid-detenut, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati numru ta’ fatturi.

    82.

    Fl-ewwel lok, id-determinazzjoni ta’ dan il-livell tiddependi mill-punt dwar jekk id-detenut huwiex qed jinżamm f’ċella individwali jew f’ċella kollettiva ( 48 ).

    83.

    Fil-fatt, hemm żewġ tipi ta’ akkomodazzjoni li jqajmu preokkupazzjonijiet distinti u li jeħtieġu, konsegwentement, evalwazzjoni partikolari tal-ispazju fejn jgħix id-detenut. L‑akkomodazzjoni f’ċella individwali, jekk ħafna drabi hija kkunsidrata bħala l-unika li tiżgura d-dinjità u s-sigurtà fiżika tad-detenut, tista’ tesponih għal riskji partikolari marbuta mas-solitudni u n-nuqqas ta’ interazzjoni soċjali. Għall-kuntrarju, l-akkomodazzjoni f’ċella kollettiva tista’ twassal sabiex tesponi lid-detenut għal kundizzjonijiet ta’ iġjeni prekarji u għal riskji ta’ intimidazzjoni jew saħansitra ta’ vjolenza aggravata f’każ ta’ ħafna ċokon. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli minimi li l‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddefinixxiet fis-sentenza Muršić vs Il-Kroazja fir-rigward tal-akkommodazzjoni f’ċella kollettiva ma humiex applikabbli, bħala tali, għall-akkommodazzjoni f’ċella individwali, fatt li hija barra minn hekk irrikonoxxiet ( 49 ).

    84.

    Fir-rigward tal-KPT, huwa jirrikonoxxi li r-regoli li jirrigwardaw l-ispazju fejn tgħix persuna huwa differenti mhux biss skont it-tip ta’ stabbiliment, iżda wkoll skont il-livell ta’ okkupazzjoni taċ-ċella u tas‑sistema li għaliha d-detenuti huma suġġetti ( 50 ). Fir-rigward tal-livell ta’ okkupazzjoni taċ-ċella, il-KPT jagħmel distinzjoni netta ferm bejn iċ‑ċelel individwali u ċ-ċelel kollettivi. F’dan l-aħħar każ, barra minn hekk, huwa jirrifjuta li jassimila ċella doppja ma’ ċella intiża sabiex tilqa’ bejn sitta sa għaxar detenuti u joqgħod ukoll attent sabiex jiddistingwi d‑dormitorji li jilqgħu madwar għaxar detenuti mid-dormitorji kbar okkupati sa mitt persuna.

    85.

    Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mir-rakkomandazzjonijiet tal-KPT, jirriżulta li superfiċju minimu tal-ispazju personali ma għandux jinkludi s-superfiċju okkupat mill-installazzjonijiet sanitarji li jinsabu f’ċella ( 51 ).

    86.

    Għall-kuntrarju, dan is-superfiċju għandu, bħala regola, jinkludi l‑ispazju okkupat mill-għamara fl-art. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra sa fejn l-ispazju fejn jgħix id‑detenut huwa fir-realtà mnaqqas bl-għamara preżenti sabiex tiżgura li d-detenut għandu l-possibbiltà li jiċċaqlaq b’mod normali fiċ-ċella jew li jiċċaqlaq b’mod faċli bejn l-għamara ( 52 ).

    87.

    Fil-każ fejn l-ispazju personali li d-detentur għandu huwa inqas minn 3 m2 f’ċella kollettiva, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina l-effetti akkumulati ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni oħra, sabiex tistabbilixxi jekk dawn tal-aħħar, minħabba n-nuqqas tagħhom, jikkostitwixxux ċirkustanzi aggravanti jew jekk, għall‑kuntrarju, minħabba l-konformità tagħhom mal-istandards iddefiniti, jippermettux li “jikkumpensaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ spazju personali” ( 53 ) u b’hekk jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ ksur tal‑Artikolu 3 tal-KEDB.

    88.

    Il-qorti tar-rinviju tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega dawn l-aspetti materjali oħra tad-detenzjoni li huma rilevanti sabiex jiġu evalwati l-kundizzjonijiet konkreti tal-arrest.

    3. L-aspetti l-oħra materjali tad-detenzjoni

    89.

    Fil-punt 93 tas-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, il-Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet diversi aspetti li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata teżamina sabiex tevalwa jekk in-nuqqas ta’ spazju personali huwiex akkumpanjat jew le minn kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni kompatibbli mad-drittijiet fundamentali tad-detenut.

    90.

    L-ewwel aspett huwa relatat mat-tul u d-daqs tar-restrizzjoni.

    91.

    Infakkar li, fil-punti 97 sa 100 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja tat indikazzjonijiet dwar il-mod ta’ evalwazzjoni tat-tul u d‑daqs tar-restrizzjoni. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-tul tal-perijodu ta’ detenzjoni huwa fattur rilevanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tispjega li l-perijodu ta’ detenzjoni relattivament qasir jew in-natura temporanja jew tranżitorja tiegħu fihom infushom ma jeskludux riskju ta’ trattament inumani jew degradanti meta elementi oħra huma biżżejjed sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB.

    92.

    It-tieni aspett jirrigwarda l-moviment liberu u l-offerta ta’ attivitajiet barra miċ-ċella li minnhom jista’ jibbenefika d-detenut.

    93.

    L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha għalhekk tevalwa l-ispazju personali li għandu d-detenut fir-rigward taż-żmien li huwa jqatta’ fiċ-ċella. Fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma tatx spjegazzjonijiet dwar il-mod li għandu jiġi evalwat dan l-aspett tad-detenzjoni. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imqassra fis-sentenza Muršić vs Il‑Kroazja tat dawn l-ispjegazzjonijet. Skont din tal-aħħar, id-detenuti għandhom ikunu jistgħu jqattgħu parti raġonevoli mill-ġurnata tagħhom barra miċ-ċella tagħhom fil-qafas ta’ attivitajiet professjonali jew ta’ taħriġ jew inkella ta’ attivitajiet sportivi, iżda anki f’każ ta’ mixja u hija għandha tevalwa l-kundizzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra l-konfigurazzjoni tal-installazzjonijiet esterni, peress li dawn għandhom joffru spazju suffiċjenti u miftuħ barra.

    94.

    Finalment, it-tielet aspett jirrigwarda n-natura globalment deċenti tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

    95.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tat indikazzjonijiet dwar l‑evalwazzjoni ta’ dan l-aspett fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft. Madankollu, jekk isir riferiment għall-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Muršić vs Il‑Kroazja, huwa mifhum illi l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha hawnhekk tipproċedi b’eżami konkret ferm dwar l‑amministrazzjoni taċ-ċella kif ukoll tas-servizzi u tal-infrastrutturi essenzjali tal-istabbiliment penitenzjarju li fiha l-persuna kkonsenjata probabbilment ser tinżamm arrestata ( 54 ).

    96.

    Ninsisti fuq in-natura “essenzjali” tas-servizzi u tal-infrastrutturi penitenzjarji rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax teżamina u, għal dan il‑għan, tagħmel talbiet għal informazzjoni supplimentari dwar l-aspetti tad-detenzjoni li bl-ebda mod ma huma utli mill-perspettiva tal‑Artikolu 4 tal-Karta. Dan kien il-każ fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Generalstaatsanwaltschaft. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk espressament irrilevat li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal informazzjoni supplimentari biss dawk l-aspetti tad-detenzjoni li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tat-tbatija jew tal‑umiljazzjoni subiti minn detenut minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena ta’ detenzjoni. Kif diġà ssenjalajt, hija b’hekk eskludiet aspetti bħal dawk marbuta mal‑eżerċizzju ta’ twemmin, il-possibbiltà ta’ tipjip jew ta’ servizzi bħal dawk ta’ tindif tal-ħwejjeġ ( 55 ).

    97.

    Nenfasizza li l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi differenti għandha neċessarjament tikkunsidra t-tip ta’ stabbiliment penitenzjarju li fih id‑detenut huwa arrestat kif ukoll is-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-piena li għaliha huwa suġġett.

    98.

    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ detenut arrestat f’“ħabs ċentrali”, jiġifieri stabbiliment li jilqa’ persuna kkundannati għal pieni twal jew li jippreżentaw riskji partikolari huma ferm differenti minn dawk li jkollu detenut miżmum f’ċentru ta’ semi-libertà jew li jibbenefika minn sistema ta’ attivitajiet fuq barra. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra għalhekk li l-ewwel wieħed għandu jibbenefika minn dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tal-moviment liberu tiegħu fi ħdan l-istabbiliment u l-offerta ta’ attivitajiet barra miċ-ċella (xogħol, passatempi, taħriġ). Dan huwa loġiku inkwantu t-tieni wieħed huwa awtorizzat jitlaq mill-istabbiliment matul il-ġurnata sabiex jeżerċita attività professjonali, isegwi tagħlim jew jipparteċipa fi kwalunkwe proġett ieħor ta’ integrazzjoni jew ri-integrazzjoni.

    99.

    Huwa fir-rigward ta’ dawn l-aspetti differenti li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa jekk in-nuqqas ta’ spazju personali huwiex ikkumpensat jew le minn kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni adegwati.

    100.

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn minn informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru emittenti jirriżulta li s-superfiċji tal-art li ser ikollha l-persuna kkonsenjata ser ikun inqas jew ugwali għal 3 m2 ( 56 ), infakkar li l-fattur spazjali huwa determinanti u jnissel preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. L‑evalwazzjoni tal-effetti akkumulati ta’ dawn l-aspetti differenti għandu għalhekk jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi jekk din il-preżunzjoni tistax tiġi kkonfutata.

    101.

    Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni hija totalment differenti meta s-superfiċji tal-art li d-detenut għandu hija ta’ bejn 3 u 4 m2. Jekk il-fattur spazjali jibqa’ element importanti, ma jnissel l-ebda preżunzjoni ta’ ksur, L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha għalhekk tevalwa jekk dan in-nuqqas ta’ spazju personali huwiex akkumpanjat minn kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li huma adegwati jew, għall‑kuntrarju, inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tad-detenut, b’mod li għandu jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta.

    4. Ir-rilevanza tal-fatturi bbażati fuq miżuri leġiżlattivi u strutturali li jirrigwardaw it-titjib tal-eżekuzzjoni tal-pieni fl-Istat Membru emittenti

    102.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax tikkunsidra titjib li sar mill-Istat Membru emittenti fir-rigward kemm tal-infrastrutturi penitenzjarji tiegħu kif ukoll tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-eżekuzzjoni tal-pieni.

    103.

    L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikkunsidra l-miżuri kollha adottati mill-Istat Membru emittenti, ta’ natura leġiżlattiva jew strutturali, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-persuni mċaħħda mil-libertà kontra r-riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ lment min-naħa tad‑detenut, l-introduzzjoni ta’ sistema effikaċi ta’ rimedju fi ħdan l‑amministrazzjoni penitenzjarja u awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-pieni jew inkella l-istituzzjoni ta’ organu indipendenti inkarigat li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan stabbilimenti li jċaħħdu l-libertà, huma għalhekk miżuri li jikkontribwixxu għall‑introduzzjoni ta’ sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.

    104.

    Madankollu, kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża ML (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) ( 57 ), dawn il‑miżuri jistgħu ma jkunux biżżejjed jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha dubji fondati dwar il-possibbiltà li l-persuna kkonsenjata tista’ immedjatament tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, u dan irrispettivament minn jekk dan il-ksur jiġix sussegwentement ikkumpensat minn rimedji ġudizzjarji effettivi tal-Istat emittenti. Għalhekk, tkun xi tkun in-natura tagħhom, dawn il-miżuri għandhom, bħala regola, portata ġenerali u, bħala tali, ma jistgħux jikkumpensaw għar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li għalih il-persuna kkonsenjata ser tkun esposta minħabba l‑kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fl-istabbiliment penitenzjarju li fih probabbilment ser tinżamm arrestata.

    5. Ir-rilevanza tal-fatturi bbażati fuq prinċipji ġenerali li fuqhom huwa bbażat l-ispazju kriminali Ewropew

    105.

    Permezz tal-punt b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ li tikkunsidra li d-dritt tal‑Unjoni jimponi rekwiżiti “assoluti” fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha tar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, tipproċedi billi tevalwa b’tali mod li tikkunsidra rekwiżiti li jimponu l-osservanza tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni tal-funzjonament effettiv tas‑sistema li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

    106.

    Jekk id-dritt tal-Unjoni jimponi rekwiżit assolut, dan ma jirrigwardax ir-regoli relatati mal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, iżda r‑rispett, skont l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, tad-dinjità umana u tal‑projbizzjoni ta’ kull trattament inuman jew degradanti minħabba dawn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

    107.

    Issa, id-dritt għad-dinjità umana u d-dritt li ma tkunx suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti huma drittijiet li n-natura tagħhom hija assoluta, li fiha nnifisha, teskludi kwalunkwe evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan fis‑sentenza Aranyosi u Căldăraru billi rrilevat li l-KEDB tipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u l-pieni u trattamenti inumani jew degradanti jkun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, u dan f’kull każ, inkluż fil-każ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata ( 58 ). Dawn id-drittijiet għalhekk ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda limitazzjoni prevista fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    108.

    Fil-kuntest tal-istħarriġ li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq, huwa għalhekk eskluż li jekk hija tipproċedi għal evalwazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-ħtieġa li tiżgura li l-persuna kkonsenjata ma hijiex ser tkun suġġetta għal ebda trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, ir‑rekwiżiti li jimponu l-osservanza tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku u l-funzjonament effettiv tas-sistema li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

    109.

    Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi huwa eskluż minħabba s-sustanza u n-natura stess tal-istħarriġ li għandha twettaq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza Aranyosi u Căldăraru, dan l-istħarriġ jikkostitwixxi, fih innifsu, eċċezzjoni għall-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku u jista’ jaffettwa biss il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, irrispettivament minn jekk humiex kundizzjonijiet ġenerali preżenti f’dan l-Istat jew kundizzjonijiet speċifiċi li fihom huwa maħsub li tinżamm il-persuna kkonsenjata fl-imsemmi Stat, bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni oħra dwar il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l‑ispazju kriminali Ewropew.

    110.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, bħalissa hija l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa, fir-rigward ta’ informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti, jekk hemm riskju li l-kundizzjonijiet li fihom ser jinżamm D. Dorobantu wara l‑konsenja tiegħu jiksru d-dritt tiegħu protett bl-Artikolu 4 tal‑Karta.

    111.

    F’dan ir-rigward, ninnota li d-dubju dwar il-legalità tal-konsenja ta’ D. Dorobantu kien tneħħa f’sens pożittiv mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni qabel mal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) annullat id-digrieti tat-3 u tad-19 ta’ Jannar 2017, minħabba li ma sarx rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    112.

    Nirrileva li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni wettqet evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet li fihom D. Dorobantu kien ser jinżamm arrestat wara l-konsenja tiegħu, filwaqt li kkunsidrat l-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Rumeni fid‑dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    113.

    Ninnota wkoll li, waqt is-seduta, il-Gvern Rumen ikkonferma li D. Dorobandu ser ikun, wara l-konsenja tiegħu, detenut f’sistema ta’ semi-libertà. B’dan il-mod, huwa indika li l-persuna kkonċernata ser tkun tista’ tibbenefika minn ħafna moviment liberu u barra minn hekk, ser tkun tista’ taħdem, li jillimita l-ħin li hija tqatta’ fiċ-ċella tagħha.

    VI. Konklużjoni

    114.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mill‑Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

    L-Artikolu 1(3), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha provi li juru l‑eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġġeneralizzati tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan stabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti, din għandha tevalwa r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li għalih ser tkun esposta l-persuna kkonsenjata minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha fl-istabbiliment penitenzjarju li fih hija probabbilment ser tinżamm arrestata, billi twettaq evalwazzjoni globali tal-aspetti materjali kollha tad-detenzjoni li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni;

    l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tagħti importanza partikolari għall-fattur ibbażat fuq is-superfiċju minimu tal-ispazju personali li minnu ser tibbenefika l-persuna kkonsenjata matul id‑detenzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta’ regoli ddefiniti mid-dritt tal‑Unjoni, dan il-fattur huwa stabbilit b’riferiment għal-limitu minimu ddefinit mill‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ma jikkostitwixxix minimu assolut;

    waqt id-determinazzjoni tas-superfiċju minimu tal-ispazju personali li minnu ser tibbenefika l-persuna kkonsenjata, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkunsidra n-natura individwali u kollettiva taċ‑ċella li fiha hija probabbilment ser tinżamm. Din l‑awtorità għandha tinkludi l-ispazju li huwa kopert bl-għamara fl-art, iżda teskludi dak okkupat mill-installazzjonijiet sanitarji;

    jekk mill-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru emittenti jirriżulta li s-superfiċji minimu tal-ispazju personali li minnu ser tibbenefika l-persuna kkonsenjata huwa inqas jew ugwali għal 3 m2, l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha teżamina jekk l-aspetti materjali l-oħra tad-detenzjoni humiex adattati sabiex jikkumpensaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ spazju personali u jikkonfutaw il‑preżunzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. B’mod partikolari, din l-awtorità għanda tevalwa l-kundizzjonijiet relatati mal-ġestjoni taċ‑ċella li fiha l-persuna kkonsenjata ser tinżamm, in-natura globalment deċenti tas-servizzi u tal-infrastrutturi essenzjali tal‑istabbiliment penitenzjarju u l-aspetti relatati mal-moviment liberu u l-offerta ta’ attivitajiet barra miċ-ċella li minnhom hija ser tibbenefika;

    l-evalwazzjoni ta’ dawn l-aspetti differenti għandha tikkunsidra wkoll it-tul u d-daqs tar-restrizzjoni, it-tip ta’ stabbiliment penitenzjarju li fih il-persuna kkonsenjata ser tinżamm arrestata u s-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-piena li għaliha din tal-aħħar ser tkun suġġetta;

    l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikkunsidra wkoll miżuri leġiżlattivi u strutturali li jirrigwardaw titjib tal-eżekuzzjoni tal-pieni fl-Istat Membru emittenti. Madankollu, fid-dawl tal-portata ġenerali tagħhom, dawn il-miżuri ma jistgħux, bħala tali, jikkumpensaw ir‑riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li għalih il-persuna kkonsenjata kienet ser tiġi esposta minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha fl-istabbiliment penitenzjarju kkonċernat;

    fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tipproċedi b’evalwazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-ħtieġa li tiżgura li l-persuna kkonsenjata m’hi ser tkun suġġetta għall-ebda trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li jimponu l-osservanza tal‑prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku u tal‑protezzjoni tal-funzjonament effettiv tas-sistema Ewropea ta’ ġustizzja kriminali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

    ( 3 ) C-404/15 u C-659/15 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru, EU:C:2016:198.

    ( 4 ) C-220/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generalstaatsanwaltschaft, EU:C:2018:589.

    ( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    ( 6 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

    ( 7 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

    ( 8 ) Ara l-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 4.

    ( 9 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE u l-premessi 5, 6, 10 u 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    ( 10 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu (C-396/11, EU:C:2013:39, punt 34), u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 37).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C-168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 5758).

    ( 12 ) BGBl. 1982 I, p. 2071.

    ( 13 ) BGBl. 2006 I, p. 1721, iktar ’il quddiem l-“IRG”.

    ( 14 ) Din l-informazzjoni tinsab fid-digrieti tat-3 u tad-19 ta’ Jannar 2017 tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), anness mal‑proċess nazzjonali li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta, ir‑rappreżentant tal-Gvern Rumen spjega li D. Dorobantu kien ser iqatta’ ftit ħin biss f’dan l-ispazju ta’ inqas minn 3 m2, inkwantu ser ikun detenut fil-qafas ta’ sistema ta’ semi-libertà, u b’hekk jibbenefika mill-possibbiltà li jiċċaqlaq mingħajr ma jkun akkumpanjat u li jaħdem.

    ( 15 ) Ara l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    ( 16 ) Sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 87).

    ( 17 ) Sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 85).

    ( 18 ) Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 89).

    ( 19 ) Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 92).

    ( 20 ) Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punti 98 u 104).

    ( 21 ) Il-Kawża “Aranyosi II” b’hekk tilfet l-għan tagħha, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fid-digriet tal-15 ta’ Novembru 2017, Aranyosi (C-496/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:866).

    ( 22 ) Fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas‑sistema ġudizzjarja) (C-216/18 PPU, EU:C:2018:586), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l‑istess prinċipji u segwit l-istess loġika bħal dik użata fis-sentenzi Aranyosi u Căldăraru u Generalstaatsanwaltschaft, fir-rigward tar-riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba nuqqasijiet sistemiċi u ġġeneralizzati li jaffettwaw l-indipendenza tas‑setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti.

    ( 23 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 117).

    ( 24 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 87).

    ( 25 ) Sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 92).

    ( 26 ) Hawnhekk qed nuża l-istess termini użati mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Brême) fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

    ( 27 ) CE:ECHR:2016:1020JUD000733413, iktar ’il quddiem is-“sentenza Muršić vs Il‑Kroazja”.

    ( 28 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 91).

    ( 29 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 101).

    ( 30 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punti 92 u 93).

    ( 31 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 103).

    ( 32 ) Konklużjonijiet fil-kawża ML (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:547, punti 6276).

    ( 33 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 111).

    ( 34 ) Sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 112).

    ( 35 ) C-220/18 PPU, EU:C:2018:547 (punt 64).

    ( 36 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-kliem tal-Artikolu 52(3) tal‑Karta (Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 37 ) CE:ECHR:2013:0108JUD004351709, § 65.

    ( 38 ) Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 90).

    ( 39 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 91).

    ( 40 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 98).

    ( 41 ) Ara, f’dan is-sens, opinjonijiet diverġenti annessi ma’ din is-sentenza kif ukoll, fid‑duttrina. Tulkens, F., “Cellule collective et espace personnel, un arrêt en trompe‑l’œil (obs. sous Cour eur. dr. h., Gde Ch., Arrêt Muršic c. Croatie, 20 octobre 2016)”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, no112, Anthemis, Wavre, 2017, p. 989 sa 1004; Robert, A-G., “Conséquences du manque flagrant d’espace personnel”, AJ Pénal, Dalloz, Pariġi, 2017, p. 47.

    ( 42 ) Ara l-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 52 tal-Karta (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 43 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C-203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is‑sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas‑sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 62 sa 67), li fiha l‑Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117), sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-Artikolu 47 tal-Karta li jiżgura dritt għal qorti indipendenti u imparzjali.

    ( 44 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 90).

    ( 45 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 92).

    ( 46 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Ara r-regoli tal-KPT dwar l-“Ispazju biex tgħix għal kull detenut fl-istabbilimenti penitenzjarji”, tal-15 ta’ Diċembru 2015, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://rm.coe.int/16806ccb8d (punt 21).

    ( 48 ) Bl-istess mod, id-determinazzjoni ta’ dan l-ispazju tiddependi minn jekk il-persuna hijiex detenuta f’iżolament jew taħt xi sistemi oħra ta’ detenzjoni analogi, jew inkella fi stabbiliment ta’ detenzjoni jew spazji simili użati għal perijodi qosra ħafna (stabbilimenti ta’ arrest preventiv, stabbilimenti psikjatriċi, ċentri ta’ detenzjoni għal barranin), li madankollu ma jissemmix f’dan il-każ [ara s-sentenza Muršić vs Il‑Kroazja (§ 92)].

    ( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Muršić vs Il-Kroazja (§ 92).

    ( 50 ) Ara r-regoli tal-KPT (punt 7) iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.

    ( 51 ) Sentenza Muršić vs Il-Kroazja (§ 114) u r-regoli tal-KPT (punt 10) iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.

    ( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 2 ta’ Frar 2010, Marina Marinescu vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2010:0202JUD003611003, § 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), u 10 ta’ Jannar 2012, Ananyev et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2012:0110JUD004252507, §148).

    ( 53 ) Sentenza Muršić vs Il-Kroazja (§ 126).

    ( 54 ) Dawn il-fatturi huma msemmija fil-§ 132 sa 135 tas-sentenza Muršić vs Il-Kroazja.

    ( 55 ) Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft (punt 103).

    ( 56 ) Infakkar li mid-digriet tat-3 ta’ Jannar 2017, anness mal-proċess nazzjonali li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li D. Dorobantu ser jeżegwixxi l-piena tiegħu f’ċella bi spazju personali ta’ 3 m2 jekk ikun taħt sistema ta’ nuqqas ta’ libertà stretta u ta’ inqas minn 3 m2 jekk ikun taħt sistema ta’ semi-libertà.

    ( 57 ) C-220/18 PPU, EU:C:2018:547 (punt 57).

    ( 58 ) Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 87). Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sentenza Qorti EDB, 28 ta’ Settmbru 2015, Bouyid vs Il-Belġju, (CE:ECHR:2015:0928JUD002338009, § 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top