EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TO0522

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2015 (Estratti).
CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Akkordji — Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut — Deċiżjoni li timponi multi — Garanzija bankarja — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi.
Kawża T-522/15 R.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:1012

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

15 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Akkordji — Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut — Deċiżjoni li timponi multi — Garanzija bankarja — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑522/15 R,

CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, stabbilita f’Reggio Emilia (l-Italja),

Coopbox group SpA, stabbilita f’Reggio Emilia,

Poliemme Srl, stabbilita f’Reggio Emilia,

Coopbox Hispania, SL, stabbilita f’Lorca (Spanja),

Coopbox Eastern s.r.o., stabbilita f’Nové Mesto nad Váhom (is-Slovakkja),

irrappreżentati minn S. Bariatti u E. Cucchiara, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Jimeno Fernandez, A. Biolan u P. Rossi, sussegwentement minn Jimeno Fernandez, Rossi u L. Malferrari, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C (2015) 4336 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut), sa fejn din timponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu li jipprovdu garanzija bankarja jew li jwettqu l-ħlas provviżorju tal-ammont tal-multi imposti bħala kundizzjoni sabiex jevitaw l-irkupru immedjat ta’ dan l-ammont,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Din il-kawża tirrigwarda akkordji fis-settur tal-ippakkjar tal-ikel fi trays tal-plastik u tal-polistiren, fejn dawn il-prodotti jintużaw għall-ippakkjar ta’ ikel frisk, bħal-laħam, it-tjur u l-ħut sabiex jinbiegħu bl-imnut. Iż-żoni ġeografiċi koperti mill-akkordji kienu, b’mod partikolari, l-Italja, l-Ewropa tal-Lbiċ, kif ukoll l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. L-għanijiet prinċipali tal-ftehimiet antikompetittivi kienu ż-żamma ta’ prezzijiet għoljin, il-mogħdija kkoordinata tal-prezz dejjem għola tal-materja prima u ż-żamma tal-istatus quo fir-rigward tat-tqassim storiku tal-klijenti u tas-swieq. Il-Kummissjoni Ewropea takkuża lir-rikorrenti, CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox group SpA, Poliemme Srl, Coopbox Hispania, SL u Coopbox Eastern s.r.o., b’parteċipazzjoni f’dawn l-akkordji.

2

Fid-Deċiżjoni tagħha C (2015) 4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata fl-1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-rikorrenti kienu jifformaw parti mill-grupp Coopbox, li l-kumpannija omm tiegħu kienet tikkontrolla l-kumpanniji tad-diviżjoni ppakkjar ta’ ikel frisk tal-grupp CCPL, fejn dan tal-aħħar kien konsorzju kompost minn għaxar kooperattivi li kellhom ishma f’diversi kumpanniji oħra u li kien jopera f’diversi setturi separati, bħall-ippakjar ta’ ikel frisk permezz ta’ Coopbox, il-materjali tal-kostruzzjoni, is-servizzi lill-impriżi, l-enerġija u l-proprjetà immobbli. Skont il-Kummissjoni, CCPL kienet il-kumpannija ċentrali tal-grupp CCPL. Ir-rikorrenti ġew ordnati jħallsu multi li l-ammont globali tagħhom huwa ta’ EUR 33694000, jiġifieri EUR 22137000 għal ksur imwettaq fl-Italja, EUR 10955000 għall-ksur imwettaq fl-Ewropa tal-Lbiċ u EUR 602000 għall-ksur imwettaq fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant.

3

L-ammont ta’ dawn il-multi ġie stabbilit wara l-għoti, bħala miżura ta’ klemenza, ta’ tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa li kellha tiġi applikata għar-rikorrenti għall-ksur imwettaq fl-Italja u ta’ tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti fuqhom għall-ksur imwettqa fl-Ewropa tal-Lbiċ kif ukoll fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, jiġifieri tnaqqis ta’ madwar EUR 14-il miljun, u dan b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, abbażi tal-punt 35 tal-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“l-linji gwida tal-2006”), aċċettat parzjalment it-talba tar-rikorrenti li tinvoka l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tagħhom u naqset [kunfidenzjali] ( 2 ), jiġifieri b’madwar EUR [kunfidenzjali], l-ammont finali tal-multi li hija kellha timponil fuqhom.

4

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi, fl-aħħar paragrafu tiegħu, li l-ħlas tal-multi għandu jsir fi tliet xhur mid-data tan-notifika u li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, ikunu awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu ġiet adottata d-deċiżjoni, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali. Fil-każ li waħda mill-impriżi ssanzjonati tippreżenta rikors, din tista’ tkopri l-multa, mal-iskadenza, jew billi tipprovdi garanzija bankarja, jew billi twettaq ħlas provviżorju tal-multa.

5

F’dan ir-rigward, l-ittra ta’ notifika tad-deċiżjoni kkontestata tispeċifika li, mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas, il-Kummissjoni għandha tipproċedi għall-irkupru tal-kreditu, li jibda’ jipproduċi interessi ipso jure mill-ġurnata ta’ wara l-imsemmija skadenza sal-ġurnata tal-ħlas effettiv. L-interessi huma kkalkolati bir-rata bażika ta’ 0.05 % miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, jiġifieri rata ta’ 3.55 %. Fil-każ ta’ rikors, ir-rikorrenti għandhom ikopru l-ammont tal-multa qabel l-iskadenza tat-terminu, jew billi jipprovdu garanzija finanzjarja aċċettabbli mid-dipartiment tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, jew billi jwettqu l-ħlas provviżorju tal-multa. Fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija finanzjarja, l-ammont tal-multa għandu jipproduċi interessi bir-rata ta’ 1.55 . Kull dewmien fil-ħlas jew fil-kostituzzjoni tal-garanzija finanzjarja għandu jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ interessi moratorji kkalkolati bir-rata bażika msemmija iktar ’il fuq, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-multi imposti lilhom mid-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jallegaw, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza fl-iffissar tal-ammont tal-multi imposti.

7

B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ressqu din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huma jitolbu, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi fuqhom li jipprovdu garanzija bankarja jew iwettqu l-ħlas provviżorju tal-ammont tal-multi bħala kundizzjoni sabiex jevitaw l-irkupru immedjat ta’ dan l-ammont;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8

Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9

Ir-rikorrenti rrispondew l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ nota tat-28 ta’ Ottubru 2015. Il-Kummissjoni esponiet l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ din in-nota permezz ta’ nota tas-6 ta’ Novembru 2015, li kienet segwita minn skambju ta’ ittri tat-18, tat-23 u tat-30 ta’ Novembru kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 2015.

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

[omissis]

14

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk huwiex sodisfatt ir-rekwiżit tal-fumus boni juris. Fir-rigward tal-portata preċiża ta’ dan l-eżami, jidher li, fid-dawl tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ittra ta’ notifika tal-istess deċiżjoni (ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq), l-uniku suġġett utli tat-talba għal miżuri provviżorji huwa l-ksib ta’ dispensa mill-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, li hija soluzzjoni inqas ta’ piż mill-ħlas provviżorju tal-multi imposti, bħala kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi evitat li l-Kummissjoni tirkupra dawn il-multi immedjatament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Ottubru 2009, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni,T‑352/09 R, EU:T:2009:422, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-fumus boni juris

[omissis]

16

F’dan il-każ, insostenn tat-talba sussidjarja tagħhom fil-kuntest tal-kawża prinċipali, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti lilhom, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tal-grupp CCPL, li minnu huma kienu jifformaw parti. Il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet il-kriżi finanzjarja drammatika li kien għaddej minnha dan il-grupp, irrifjutat li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ikbar tal-ammont tal-multi imposti li jkun jista’ jippermetti s-sopravvivenza ekonomika tagħhom.

17

Ir-rikorrenti jfakkru li attwalment il-grupp CCPL għaddej minn kriżi finanzjarja gravi, li wasslitu sabiex jelabora pjan ta’ ristrutturazzjoni, li l-kontenut tiegħu ġie mgħarraf lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. L-elementi essenzjali tal-pjan jikkonsistu fir-razjonalizzazzjoni tal-portafoll tal-ishma, inkluż t-trasferiment ta’ ishma f’setturi oħra għajr dawk tal-ippakkjar tal-ikel. Skont dan il-pjan, CCPL ikkonkludiet, fit-8 ta’ Awwissu 2014, ftehim ta’ “standstill” mal-banek kredituri, li l-perijodu ta’ validità tiegħu kien limitat sat-30 ta’ Ġunju 2015 u li l-għan tiegħu kien moratorja fuq ir-rimbors tal-ishma kapitali kif ukoll l-impenn li l-krediti mogħtija ma jiġux revokati. Dan il-ftehim ta’ “standstill” kien intiż sabiex jippermettilhom ikomplu l-attivitajiet tagħhom ta’ implementazzjoni u ta’ finalizzazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Skont ir-rikorrenti, peress li d-dħul mill-previsti trasferimenti ma għandux ikun suffiċjenti sabiex jiġi rrimborsat id-dejn bankarju kollu tal-grupp CCPL li jammonta għal EUR [kunfidenzjali], dan id-dejn ser ikollu għalhekk jiġi nnegozjat mill-ġdid mal-banek kredituri u jiġi rrifinanzjat u rrimborsat lil hinn mit-terminu tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Peress li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għadu ma ġiex approvat mill-banek kredituri, ir-rikorrenti jqisu li l-grupp CCPL ma għandux riżorsi finanzjarji lil hinn mill-imsemmi pjan biex jonora l-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata.

18

Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni nnifisha tagħraf, fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata u skont il-punt 35 tal-linji gwida tal-2006 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-perikolu iminenti tal-istralċ imġiegħel tagħhom. Konsegwentement, wieħed assolutament ma jistax jifhem kif il-Kummissjoni setgħet tqis li huma jinsabu f’pożizzjoni li jonoraw, qabel l-1 ta’ Ottubru 2015, multi li l-ammont totali tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 33 miljuni ladarba ebda wieħed mis-sorsi finanzjarji msemmija mill-Kummissjoni fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata ma jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom.

19

Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni tikkritika lill-Coopbox għall-fatt li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni jipprevedi dħul ta’ EUR [kunfidenzjali], iżda jiddedika biss EUR [kunfidenzjali] għall ħlas tal-multi imposti, filwaqt li għal dan il-għan Coopbox kienet irriżervat EUR [kunfidenzjali] fil-baġit tal-2013, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, fiha nnifisha, l-iskrizzjoni tar-riżerva ta’ EUR [kunfidenzjali] bl-ebda mod ma kienet tfisser li huma kien ser ikollhom, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-likwidità neċessarja sabiex jonoraw l-eventwali sanzjoni. Huma jirrepetu li l-uniċi riżorsi li jista’ jkollu l-grupp CCPL huma dawk li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Issa, dan il-pjan għadu ma ġiex approvat mill-banek kredituri. F’kull każ, id-dħul li jirriżulta mit-trasferimenti previsti ma għandux ikun suffiċjenti sabiex jiġu rrimorsati d-djun kollha mal-banek li jammontaw għal EUR [kunfidenzjali].

20

Barra minn hekk, ma humiex ir-rikorrenti li “għażlu” li jiddedikaw biss EUR [kunfidenzjali] għall-ħlas tal-multi, iżda dan huwa l-livell ta’ vijabbiltà stabbilit mill-banek kredituri fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fil-fatt, dawn il-banek huma disposti li jaċċettaw il-pjan biss bil-kundizzjoni li l-livell tas-sanzjoni ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR [kunfidenzjali]. Ir-rikorrent, min-naħa tagħhom, sabiex jevitaw il-falliment, ma għandhomx għażla oħra ħlief li jaċċettaw il-pjan taħt it-termini imposti, de facto, mill-banek kredituri.

21

Sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-grupp CCPL jista’ jiġġenera riżorsi addizzjonali lil hinn mill-imsemmi pjan, b’mod partikolari permezz tal-bejgħ ta’ ishma finanzjarji minoritarji, bħal dawk fil-kumpanniji Refincoop SpA, Erzelli Energia Srl, Smec Srl, Sagif SpA u Athenia Net Srl, jew bis-saħħa ta’ eventwali sostenn finanzjarju tas-soċji tiegħu, bħall-kooperattivi CMB SC jew CCFS SC, ir-rikorrenti jiddikjaraw, minn naħa, li l-fatt li l-grupp tagħhom juża d-dħul mill-bejgħ ta’ ishma għall-ħlas tal-multi, u mhux għall-ħlas tad-djun tiegħu, ikun ifisser l-istralċ imġiegħel tagħhom. Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-bejgħ ta’ dawn l-ishma jiġġenera dħul, dan id-dħul għandu l-ewwel jintuża għar-rimbors tad-djun. Min-naħa l-oħra, [kunfidenzjali].

[omissis]

26

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu ġġenerati riżorsi addizzjonali permezz tal-eventwali sostenn finanzjarju tas-soċji ta’ CCPL, ir-rikorrenti jfakkru li erba’ mill-kooperattivi membri tas-CCPL, jiġifieri Coopsette SC, Unieco SC, Open Co SC u CEAP SC, kienu jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja kritika. Fir-rigward tal-oħrajn, b’mod partikolari l-kooperattivi CMB u CCFS, huma josservaw, minn naħa, li CMB għandha biss sehem ta’ inqas minn 20 % fis-CCPL u li dan is-sehem huwa ta’ natura purament istituzzjonali. Fil-fatt, is-CCPL huwa konsorzju ta’ kooperattivi tal-ewwel livell u l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiffaċilita l-għanijiet reċiproċi tas-soċji tiegħu. Għalhekk huwa diffiċli li jiġi identifikat interess ekonomiku jew industrijali konkret ta’ CMB li jkun jiġġustifika l-involviment finanzjarju tagħha insostenn tas-CCPL. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet interni li jirregolaw l-attività finanzjarja ta’ CCFS jistabbilixxu limiti massimi ta’ espożizzjoni fir-rigward ta’ kull soċju, jiġifieri wieħed minn sitta tal-assi netti kontabbli tal-aħħar bilanċ approvat, sabiex jiġu evitati konċentrazzjonijiet għoljin ta’ riskju f’kumpannija waħda. Issa, fid-dawl tat-tnaqqis drastiku fl-assi netti ta’ CCPL, minħabba t-telf tiegħu fl-2013 u fl-2014, ma kienx possibbli li CCFS tilqa’ t-talba ta’ kreditu tiegħu.

[omissis]

32

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-argumenti ta’ natura ġenerali u ta’ prinċipju li permezz tagħhom il-Kummissjoni ssostni li hija ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq, huma irrilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata u skont il-punt 35 tal-linji gwida tal-2006, is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tar-rikorrenti.

33

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, fl-imsemmi anness, li [kunfidenzjali]. Skont il-Kummissjoni, [kunfidenzjali], sa fejn din is-sitwazzjoni hija prinċipalment dovuta għan-[kunfidenzjali], fatt li affettwa b’mod sinjifikattiv iż-żieda fid-dejn ta’ Coopbox, [kunfidenzjali]. Dejjem skont il-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni attwali ta’ Coopbox ma hemm xejn li jindika li jeżistu, [kunfidenzjali]. Għalhekk, il-Kummissjoni tagħraf [kunfidenzjali].

34

F’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex li jiġu deċiżi kwistjonijiet ta’ prinċipju, bħal dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni, iżda li jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar, billi tat biss tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ [kunfidenzjali] inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ “Coopbox”, ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-kriżi finanzjarja li kien għaddej minnha l-grupp CCPL fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, hemm diversi elementi li jindikaw li effettivament il-Kummissjoni donnha ssottovalutat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tar-rikorrenti, imqegħda fil-kuntest tal-grupp CCPL li minnu huma jiffurmaw parti.

35

Għalhekk, l-ewwel nett, billi tat lil “Coopbox” biss tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ [kunfidenzjali], il-Kummissjoni apparentament naqset milli tevalwa ġustament is-saħħa finanzjarja tal-grupp CCPL. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt, ikkonfermat mill-atti tal-proċess, li l-grupp CCPL għaddej minn finanzjarja li rrendiet neċessarju t-tfassil ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, li, fil-verżjoni inizjali tiegħu tal-2014, lien marbut ma ftehim ta’ “standstill” mal-banek kredituri tal-grupp u li ġie aġġornat f’April tas-sena 2015. L-elementi essenzjali tal-pjan jikkonsistu fir-ristrutturazzjoni tad-djun tal-grupp CCPL u fit-trasferiment ta’ ishma f’kumpanniji speċifiċi, fejn id-dħul minn dawn it-trasferimenti kien iddestinat għar-rivitalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-grupp, filwaqt li jippermetti r-rimbors tad-dejn tiegħu mal-banek.

36

Ir-rikorrenti jinsistu, mingħajr ma jiġu kkontradetti b’mod effettiv mill-Kummissjoni, fuq in-neċessità ta’ implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li donnha hija deċiżiva għas-sopravivenza finanzjarja tal-grupp, peress li s-sitwazzjoni prekarja ta’ dan tal-aħħar hija amplifikata miċ-ċirkustanza li l-banek kredituri għadhom ma approvawx definittivament l-imsemmi pjan, u dan speċifikatament minħabba l-ammont kunsiderevoli, skont l-imsemmija banek, tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. F’dan il-kuntest, għalkemm il-Kummissjoni esprimiet ċertu xettiċiżmu f’dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa sorprendenti, prima facie, li dawn il-banek qed jippruvaw jimponu fuq il-grupp CCPL l-irkupru prijoritarju tal-krediti bankarji tagħhom, li tnisslu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi jipprevedu – fil-kuntest ta’ pjan li ukoll tfassal qabel din id-deċiżjoni – biss ħlas subordinat tas-sanzjoni futura. Fir-rigward tal-fatt li ġie rriżervat biss ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] għal dan il-għan, dan donnu jirrifletti n-natura inċerta tal-ammont tad-dħul mistenni mir-ristrutturazzjoni tal-grupp, b’mod partikolari mill-bejgħ ta’ assi, li fir-rigward tagħhom il-banek għandhom, bir-raġun, dubji li dawn jistgħu jkunu suffiċjenti saħansitra biex ikopru, bi prijorità, il-krediti tagħhom.

[omissis]

39

It-tielet nett, billi tiddikjara li r-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jkopru l-multi imposti billi jagħmlu użu mir-riżorsi ta’ ċerti kooperattivi azzjonisti ta’ CCPL, b’mod partikolari CMB u CCFS, il-Kummissjoni donnha tinjora l-istruttura kooperattiva tal-grupp CCPL. Fil-fatt, b’kuntrast għal grupp ekonomiku li, fil-kuntest ta’ organizzazzjoni vertikali integrata, huwa mmexxi minn kumpannija omm li tidentifika u tiddetermina l-istrateġija ekonomika kif ukoll l-interessi komuni tal-membri kollha tal-grupp, bil-konsegwenza li jkun hemm responsabbiltà finanzjarja reċiproka, is-soċji li jifformaw kooperattiva jżommu, bħala regola ġenerali, indipendenza ekonomika u finanzjarja ikbar. Ibbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni, l-uniku għan tal-kooperattiva huwa li taqdi l-interessi tas-soċji tagħha, b’mod partikolari billi tipprovdilhom servizzi, billi torganizza l-bejgħ ċentralizzat tal-prodotti tagħhom, billi, b’mod komuni, twettaq ix-xiri tal-materja prima jew billi tipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol. Minn dan isegwi li soċju jkollu interess oġġettiv limitat ħafna li jsostni finanzjarjament soċju ieħor fi ħdan l-istess kooperattiva. Fir-rigward tal-interess ta’ soċju li jiżgura s-sopravvivenza finanzjarja tal-kooperattiva “tiegħu” fil-każ ta’ theddida ta’ stralċ imġiegħel, anki dan huwa limitat, sa fejn dan ikun jiddependi fuq il-vantaġġi konkreti li huwa jieħu mill-affiljazzjoni tiegħu, fuq il-possibbiltajiet li jingħaqad ma kooperattiva oħra, jekk ikun il-każ maħluqa ġdida, fil-każ tal-għajbien tal-kooperattiva l-qadima kif ukoll fuq l-ispejjeż involuti f’tali adeżjoni.

40

Dan jgħodd ukoll, bħala prinċipju, għall-istruttura tal-grupp CCPL, li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti essenzjalment jindikaw, mingħajr ma jiġu kkontradetti mill-Kummissjoni, li dan huwa konsorzju ta’ kooperattivi tal-ewwel livell, li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiffaċilita l-għanijiet reċiproċi tal-kooperattivi membri tiegħu, b’mod partikolari ta’ CMB, li s-sehem tagħha huwa ta’ natura purament istituzzjonali. Jista’ jiġi preżunt li CMB – meta tiġi ppreżentata bl-għażla jew li tuża r-riżorsi apparentament kunsiderevoli tagħha (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) biex issostni struttura kooperattiva b’ħafna dejn u esposta, speċifikament minħabba l-multi imposti, għar-riskju ta’ stralċ imġiegħel jew inkella li tinvesti, jekk ikun il-każ, fi struttura kooperattiva ġdida – ma għandhiex wisq interess oġġettiv li timpenja ruħha sabiex tipprovdi lill-kumpannija ċentrali CCPL jew lil kooperattivi oħt sostenn finanzjarju ta’ ċertu piż. Dan l-interess jidher li huwa minimu, għall-istess raġunijiet, anki għall-kooperattiva ta’ finanzjament CCFS, li l-attività tagħha hija, barra minn hekk, suġġetta għal regoli bankarji stretti u li diġà hija l-iktar kreditur bankarju importanti tal-grupp CCPL, fejn għandu jiġi speċifikat li, minħabba s-sistema interna tagħha, il-kreditu tagħha kellu jiġi kopert minn garanziji xierqa. Issa, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tiegħu, dan il-grupp ma huwiex wisq f’pożizzjoni li jipprovdi lil CCFS b’garanziji addizzjonali, u dan donnu jeskludi, prima facie, kull possibbiltà raġonevoli ta’ finanzjament, minn CCFS, tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata.

41

Għalhekk, ma jidhirx li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li l-Kummissjoni ssottovalutat is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-grupp huma, prima facie, serjament infondati. F’kull każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jikkonstata biss li l-evalwazzjoni tal-elementi li għadhom kif issemmew jistħoqqilha analiżi fil-fond li għandha ssir mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Konsegwentement, jeżisti fumus boni juris fir-rigward tal-għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti li jkun ikbar minn dak mogħti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

42

Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni ffissat multa jew pagamenti ta’ penalità. F’dan il-każ teżisti probabbiltà suffiċjenti li l-Qorti Ġenerali, billi tuża din il-ġurisdizzjoni meta tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali, tnaqqas iktar l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni,T‑393/10 R, Ġabra, EU:T:2011:178, punt 60). Fil-fatt, il-qorti li tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa, meta teżerċità s-setgħa ta’ bidla tagħha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni de jure u de facto li tkun teżisti fid-data ta’ meta tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra, EU:C:1974:18, punti 5152; tal-14 ta’ Lulju j1995, CB vs Il-Kummissjoni,T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punt 61, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni,T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punti 282 sa 285). Issa, fil-punti 3 u 42 tan-nota tagħhom tat-28 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti jenfasizzaw, mingħajr ma jiġu kkontradetti b’mod effettiv mill-Kummissjoni, li s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-grupp CCPL, b’mod partikolari dik tal-kooperattivi Coopsette u Open, kompliet tiddeterjora matul it-tielet trimestru tas-sena 2015 meta mqabbla mas-sitwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

43

Għalhekk, wara l-eżami tal-fumus boni juris, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li, prima facie, teżisti probabbiltà suffiċjentement kbira li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tagħti lir-rikorrenti tnaqqis sostanzjament ikbar tal-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-urġenza

[omissis]

48

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-ittra li permezz tagħha din id-deċiżjoni ġiet innotifikata (ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni awtorizzat lir-rikorrenti jużaw garanzija bankarja li tippermettilhom jonoraw provviżorjament l-obbligu ta’ ħlas tal-multi imposti, mingħajr ma jkollhom għalfejn iħallsu s-sommom mitluba fid-data ta’ meta dawn isiru dovuti.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-possibbiltà li tiġi imposta l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja tikkorrispondi għal linja ta’ kondotta ġenerali u raġonevoli tal-Kummissjoni, huwa biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li r-rikorrenti jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu tali garanzija bħala kundizzjoni għan-nuqqas ta’ rkupru immedjat tal-multi imposti [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ Marzu 2001, FEG vs Il-Kummissjoni,C‑7/01 P(R), Ġabra, EU:C:2001:183, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Fapricela vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:T:2011:395, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata].

50

Sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-rikorrenti għandhom, bħala prinċipju, jipproduċu l-prova jew li huwa oġġettivament impossibbli li huma jikkostitwixxu garanzija bankarja, jew inkella li l-kostituzzjoni tagħha thedded l-eżistenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2011:178, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Fapricela vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:T:2011:395, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Dawn iż-żewġ ċirkustanzi eċċezzjonali huma alternattivi u mhux kumulattivi. Konsegwentement, jekk ir-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu, suffiċjentement skont il-liġi, li huwa oġġettivament impossibbli li huma jikkostitwixxu garanzija bankarja għall-multi imposti, ikun hemm lok, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, li tiġi rikonoxxuta l-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba.

[omissis]

56

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-grupp CCPL mar għand tlettax-il stabbiliment finanzjarju – Unicredit, Intesa SanPaolo, Monte dei Paschi di Siena, Banca Nazionale del Lavoro, Unipol Banca, Banca Popolare di Milano, Banco Popolare, BPER, Cariparma, Carige, CCFS, Coopfond u Carisbo – sabiex jikseb garanzija bankarja li tkopri l-multi li kienu ġew imposti fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn it-talbiet għal garanzija kollha ġew miċħuda.

[omissis]

61

Minn qari ta’ dawn id-dokumenti, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira ħafna tal-istabbilimenti finanzjarji mitluba ġġustifikaw ir-rifjut tagħhom billi ppreżentaw argumenti ddettaljati dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja inċerta tal-grupp CCPL, liema sitwazzjoni ma kinitx tippermetti l-għoti tal-garanzija bankarja mitluba. Huma għamlu dan billi bbażaw ruhom, b’mod partikolari, fuq id-dokumenti kontabbli patrimonjali u finanzjarji rilevanti tal-grupp CCPL, fuq il-pjan infassal għar-ristrutturazzjoni ta’ dan il-grupp u fuq il-livell tal-multi imposti.

62

F’dak li jirrigwarda l-kuntest tat-talbiet għal garanzija bankarja korrispondenti, mill-proċess jirriżulta li, fil-bidu ta’ Lulju 2015, kabinett amministrattiv strateġiku li jirrappreżenta lill-grupp CCPL ikkuntattja, permezz ta’ messaġġi elettroniċi, l-istabbilimenti finanzjarji mitluba, fosthom il-banek kredituri intitolati tal-grupp CCPL, kif ukoll diversi avukati. F’din l-okkażjoni, l-imsemmi kabinett issottometta dokument li jinkludi “xenarji ipotetiċi alternattivi” għall-grupp u li jidentifika żewġ direzzjonijiet alternattivi: jew it-tressiq ta’ azzjoni legali kontra d-deċiżjoni kkontestata, inkluż il-ħruġ ta’ garanzija bankarja, u d-depożitu ta’ ftehim ta’ ristrutturazzjoni tad-djun tal-grupp intiż li jevita l-falliment, jew il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment ta’ natura likwidattiva. Dan id-dokument ippreżenta, b’mod partikolari, espożizzjoni tal-vantaġġi ta’ ristrutturazzjoni mal-għoti ta’ garanzija bankarja f’termini ta’ valur tal-likwidazzjoni tal-assi u l-irkupru tad-djun, meta mqabbla mal-ipoteżi ta’ ftehim. F’dan il-kuntest, ġew ippreżentati l-modalitajiet ta’ tqassim bejn il-banek tal-partijiet tal-garanzija bankarja, fis-sens li tmien banek, fosthom il-banek kredituri intitolati, jipprovdu garanziji parjali, li l-ammont individwali tiegħu jikkorrispondi mal-kreditu bankarju rispettiv invokat fil-konfront tal-grupp.

63

Fid-dawl ta’ dak kolli li ntqal hawn fuq, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji ma għandux motivi raġonevoli biex jiddubita li d-dokument li għadu kemm issemma – li l-Kummissjoni tikklassifika bħala sempliċi dokument preparatorju għad-diskussjoni mal-banek kredituri – kien effettivament wieħed mill-elementi li fuqhom l-istabbilimenti fianzjarji mitluba bbażaw ir-rifjut tagħhom li jagħti l-garanzija bankarja mitluba. Dan ir-rifjut għaldaqstant kien jirrigwarda wkoll l-ipoteżijiet ta’ garanzija mqassma f’partijiet.

64

Isegwi li r-rikorrenti, bħala membri tal-grupp CCPL, wettqu sforz fil-ħin u b’mod serju sabiex jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi li kienu ġew imposti fuqhom. Dawn l-isforzi kienu għal xejn, għaliex l-istabbilimenti finanzjarji kkuntattjati rrifjutaw it-talbiet għal garanzija wara li eżaminaw is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-grupp CCPL fil-fond, kif jindikaw il-kważi totalità tal-ittri tagħhom ta’ rifjut, li juru li dawn l-istabbilimenti kienu perfettament konxji tas-sitwazzjoni tal-grupp kollu kemm hu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li biss il-kumpannija Unipol Banca ġġustifikat ir-rifjut tagħha billi semmit, b’mod xott, “evalwazzjoni fil-fond tat-talba”.

[omissis]

66

Peress li lir-rikorrenti ġiet irrifjutata garanzija bankarja mingħand total ta’ tnax-il stabbiliment finanzjarju, li mmotivaw dan ir-rifjut għar-raġunijiet iddikjarati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti wrew suffiċjentement skont il-liġi li għalihom kien oġġettivament impossibbli li jiksbu din il-garanzija, speċjalment meta, f’sitwazzjonijiet komparabbli, il-ġurisprudenza diġà ddeċidiet li żewġ jew tliet rifjuti huma suffiċjenti (digrieti tat-13 ta’ Lulju 2006, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06 R, Ġabra, EU:T:2006:217, punti 102103, u 1. Garantovaná vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, EU:T:2011:63, punt 56).

67

L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni biex tikkonfuta din id-deċiżjoni ma jista’ jintlaqa’.

68

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrenti talli ma sfruttawx suffiċjentement ir-riżorsi tal-grupp CCPL, billi jindirizzaw lill-kooperattivi azzjonisti tas-CCPL, b’mod partikolari lis-CMB jew lis-CCFS li kellhom, kull waħda minnhom, 19.42 % tal-kapital azzjonarju tas-CCPL u li kellhom riżorsi suffiċjenti (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), sabiex jiksbu sostenn finanzjarju li seta jservi ta’ appoġġ għall-kostituzzjoni ta’ eventwali garanziji bankarji.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-saħħa tal-grupp li minnu tkun tifforma parti l-persuna li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji huwa msejjes fuq l-idea li l-interessi oġġettivi ta’ din il-parti ma humiex ta’ natura awtonoma meta mqabbla ma dawk tal-persuni li jikkontrollawha jew li huma membri tal-istess grupp, fejn għandu jiġi speċifikat li dan l-approċċ japplika, b’kunsiderazzjoni meħuda tal-istruttura tal-azzjonarjat tal-grupp, anki għal azzjonisti minoritarji li jkollhom 50, 40, jew saħansitra 30 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2011:178, punt 38; tal-21 ta’ Ġunju 2011, MB System vs Il-Kummissjoni,T‑209/11 R, EU:T:2011:297, punt 35, u tas-26 ta’ Settembru 2013, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni,T‑397/13 R, EU:T:2013:502, punt 41).

70

Madankollu, kif ġie espost fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, fi ħdan il-grupp CCPL, b’mod partikolari bejn il-kooperattivi CMB u CCFS, minn naħa, u r-rikorrenti, il-kumpannija ċentrali u l-kooperattivi oħt, min-naħa l-oħra ma hemmx konverġenza suffiċjentement stretta tal-interessi. Konsegwentement, il-kunċett ta’ grupp, kif deskritt fil-punt 69 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat f’ambjent ta’ kooperazzjoni, b’tali mod li f’’dan il-kuntest ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi finanzjarji ta’ CMB u ta’ CCFS. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk sehem minoritarju li jirrappreżenta biss 19.42 % tal-kapital azzjonarju jistax jitqies li huwa kbir biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi applikat il-kunċett ta’ grupp.

[omissis]

75

Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti wrew suffiċjentement skont il-liġi l-urġenza tal-miżura provviżorja li huma qed jitolbu.

Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

[omissis]

77

F’dan il-każ ir-rikorrenti wrew mhux biss l-urġenza għal miżuri provviżorji li huma jitolbu, billi pproduċew il-prova li għalihom kien oġġettivament impossibbli li jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi tagħhom, iżda wkoll il-fumus boni juris tat-talba sussidjarja tagħhom intiża għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. Għaldaqstant hemm lok li jiġi rikonoxxut li huma għandhom interess leġittimu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jikkostitwixxu garanzija bankarja għal dawn il-multi (ara, f’dan is-sens, id-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2011:178, punt 63). Jekk it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji ma tiġix milqugħa, il-Kummissjoni tkun tista’, fil-fatt, tirkupra immedjatament il-multi, u dan probabbilment iwassal għall-istralċ imġiegħel tar-rikorrenti, possibbiltà li l-Kummissjoni nnifisha indikat, fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tiġi evitata. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-grupp CCPL attwalment jimpjega 822 impjegati, fosthom 647 fis-settur tal-ippakkjar ta’ ikel frisk. Għalhekk, stralċ imġiegħel ikun ifisser żieda fil-livell tal-qagħad, fatt li ġie espliċitament rikonnoxut mill-Kummissjoni fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata.

78

Sa fejn il-Kummissjoni tinvoka l-interess pubbliku fiż-żamma tal-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea u fl-effett disważiv tal-multi li hija timponi, għandu jitqies li bħala prinċipju dan l-interess ma jipprekludix tnaqqis, anki sostanzjali, tal-ammont tal-multi li hija timponi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 35 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni rriżervat espliċitament id-dritt li tagħti tnaqqis tal-multa biex tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, id-dritt li tagħti dispensa mill-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja ma jistax jiġi miċħud lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, li huwa msejjaħ isib, għat-tul tal-kawża prinċipali, bilanċ bejn l-effett disważiv tal-multa imposta u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża ssanzjonata.

[omissis]

80

Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-fatt li ma huwiex possibbli li huma jikkostitwixxu, f’dan il-mument, garanzija bankarja li tkopri l-multi imposti, l-interessi ta’ dawn tal-aħħar għandhom jingħataw preċedenza fuq dawk invokati mill-Kummissjoni.

81

Madankollu għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-fumus boni juris ġie rrikonoxxut biss fir-rigward tat-talba sussidjarja, intiż għall-ksib ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti, u, min-naħa l-oħra, li fin-noti tagħhom tat-28 ta’ Ottubru kif ukoll tat-18 u tat-30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ddikjaraw li kienu lesti li jibdew proċess ta’ ħlas fi stadji tal-multi. F’dan ir-rigward, huma fakkru li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp CCPL – ippreżentat għall-approvazzjoni tal-banek kredituri – kien jippermetti, għalissa, li l-ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] jiġi ddedikat għall-ħlas tal-multi. Barra minn hekk, huma indikaw li kienu disposti – bla ħsara għall-approvazzjoni tal-istess banek – li jiddedikaw għal dan il-ħlas l-eventwali dħul, li jista’ jammonta sa EUR [kunfidenzjali], jekk mhux iktar, li jista’ jkun iġġenerat mit-trasferiment ippjanat tal-ishma f’Refincoop, f’Erzelli Energia u fi Smec.

82

Fin-nota tagħhom tat-30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti esponew ukoll li, ladarba jiġu ttrasferiti l-ishma f’Refincoop, f’Erzelli Energia u fi Smec, l-uniku ass li jifdilhom ikun is-sehem tagħhom [kunfidenzjali]. Sabiex il-Kummissjoni tastjeni ruħha milli twettaq atti ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħhom u sabiex jiġi kopert l-ammont kollu tal-multi imposti, ir-rikorrenti qed jippjanaw li jittrasferixxu l-[kunfidenzjali], li l-valur tiegħu fil-karta tal-bilanċ huwa ta’ iktar minn EUR [kunfidenzjali], lil terzi. F’dan il-każ, ikun impossibbli li tiġi prevista d-data ta’ dan it-trasferiment u l-perijodu li matulu d-dħul iġġenerat mit-trasferiment jkun jista’ jintuża għall-ħlas tal-multi. Barra minn hekk, il-possibbiltà li r-rikorrenti jittrasferixxu l-[kunfidenzjali] hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-banek kredituri.

[omissis]

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll l-effett disważiv tal-multi imposti, l-għoti tad-dispensa mitluba għandu jiġi suġġett għall-kundizzjoni li r-rikorrenti:

jittrażmettu, kull tliet xhur, lill-Kummissjoni informazzjoni regolari u fid-dettall dwar l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp CCPL u dwar l-ammont tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-assi tiegħu kemm jekk b’eżekuzzjoni ta’ dan il-pjan kif ukoll jekk “lil hinn” minn din l-eżekuzzjoni;

iħallsu lill-Kummissjoni:

is-somma ta’ EUR 5 miljuni, hekk kif din tkun ġiet iġġenerata mill-imsemmi bejgħ,

id-dħul kollu magħmul mit-trasferiment ippjanat tal-ishma f’Refincoop, f’Erzelli Energia u fi Smec, hekk kif dan id-dħul isir.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

 

1)

L-obbligu li r-rikorrenti, CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox group SpA, Poliemme Srl, Coopbox Hispania, SL u Coopbox Eastern s.r.o., jikkostitwixxu favur il-Kummissjoni Ewropea garanzija bankarja sabiex jevitaw l-irkupru immedjat tal-multi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2015) 4336 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut), huwa sospiż, bil-kundizzjoni lim:

fi żmien xahar mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet, u sussegwentement kull tliet xhur sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll fil-kuntest ta’ kull żvilupp li jista’ jaffettwa l-kapaċità futura tagħhom li jħallsu l-multi imposti, ir-rikorrenti għandhom jippreżentaw bil-miktub lill-Kummissjoni rapport iddettaljat dwar l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp CCPL u dwar l-ammont tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-assi tiegħu kemm jekk b’eżekuzzjoni ta’ dan il-pjan kif ukoll jekk “lil hinn” minn din l-eżekuzzjoni;

ir-rikorrenti jħallsu lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 5 miljuni, hekk kif din tkun ġiet iġġenerata mill-imsemmi bejgħ kif ukoll id-dħul kollu magħmul mit-trasferiment ippjanat tal-ishma f’Refincoop, f’Erzelli Energia u fi Smec, hekk kif dan id-dħul isir.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2015.

 

E. Coulon

Reġistratur

M. Jaeger

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti tad-digriet preżenti li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli l-pubblikazzjoni tagħhom.

( 2 ) Data kunfidenzjali mħollija barra.

Top