EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0159

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2016.
Franz Lesar vs Beim Vorstand der Telekom Austria AG eingerichtetes Personalamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) u Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 6(2) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-ex uffiċjali – Perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali perijodi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena.
Kawża C-159/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:451

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u Artikolu 2(2)(a) — Artikolu 6(2) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-ex uffiċjali — Perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali perijodi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena”

Fil-Kawża C‑159/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2015, fil-proċedura

Franz Lesar

vs

Beim Vorstand der Telekom Austria AG eingerichtetes Personalamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Lesar, minn R. Tögl, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 2(2)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Franz Lesar u l-Beim Vorstand der Telekom Austria AG eingerichtetes Personalamt (dipartiment tal-persunal tad-direttorat ta’ Telekom Austria AG, iktar ’il quddiem id-“dipartiment tal-persunal”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar, il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol preċedenti għad-dħul fis-servizz li huwa kien wettaq qabel ma laħaq l-età ta’ 18-il sena.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

5

L-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

Id-dritt Awstrijak

6

L-Artikolu 53 tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965) [liġi Federali dwar id-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali federali, tas-superstiti tagħhom u tal-membri tal-familja tagħhom (liġi dwar il-pensjonijiet tal-1965)], tat-18 ta’ Novembru 1965 (BGBl., 340/1965), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PG 1965”), bit-titolu “Perijodi qabel id-dħul fis-servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar” kien ifformulat kif ġej:

“(1)   Il-perijodi li jistgħu jiġu assimilati huma dawk li huma elenkati fil-paragrafi 2 sa 4 sa fejn dawn huma preċedenti għad-data li minnha jibda jiddekorri ż-żmien ta’ servizz federali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-irtirar. Dawn il-perijodi huma inklużi permezz ta’ imputazzjoni.

(2)   Huma inklużi l-perijodi li ġejjin:

a)

iż-żmien imwettaq f’relazzjoni ta’ servizz, ta’ taħriġ jew relazzjoni ta’ xogħol oħra ma’ persuna li timpjega rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali;

[...]

k)

iż-żmien imwettaq fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ taħriġ professjonali sa fejn dan it-taħriġ jikkostitwixxi rekwiżit għar-reklutaġġ ta’ uffiċjal jew meta dan isir ma’ persuna li timpjega rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali,

l)

il-perijodu ta’ impjieg li joħloq obbligu għal ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-pensjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-[Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali) (ASVG)], applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2004,

[...].”

7

L-Artikolu 54 tal-PG 1965, bit-titolu “Esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni u rinunzja” kien jipprovdi fis-subparagrafu (2) tiegħu:

“Ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi sussegwenti li jistgħu jiġu assimilati:

a)

il-perijodi li l-uffiċjal ikun wettaq qabel ma jilħaq l-età ta’ 18-il sena; din ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 53(2)(a), (d), (k) u (l) meta jkun irid jitħallas ammont li jgħidulu ta’ trasferiment għal dawk il-perijodi skont ir-regoli tad-dritt tas-sigurtà soċjali;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

F. Lesar twieled fit-3 ta’ Ġunju 1949. Matul il-perijodu ta’ bejn id-9 ta’ Settembru 1963 u t-8 ta’ Marzu 1967, meta huwa kellu inqas minn 18-il sena, huwa ħadem għall-Post-und Telegraphenverwaltung des Bundes (amministrazzjoni tal-posta u telegrafi tal-Istat Federali, l-Awstrija) fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ taħriġ. Mid-9 ta’ Marzu 1967, huwa ġie ngaġġat minn din l-amministrazzjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt. Minbarra din l-attività professjonali, huwa studja, mill-14 ta’ Settembru 1967 sas-17 ta’ Frar 1972, fil-liċeo federali għall-istudenti li jeżerċitaw attività professjonali. Fl-1 ta’ Lulju 1972, huwa ġie ngaġġat mill-Istat Federali f’relazzjoni ta’ servizz rregolata mid-dritt pubbliku.

9

Qabel ma ġie rreklutat bħala uffiċjal, F. Lesar ħallas kontribuzzjonijiet tal-pensjoni lill-organu assiguratur matul il-perijodu tal-kuntratt ta’ taħriġ tiegħu u tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, inkluż meta huwa kellu inqas minn 18-il sena.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 1973, il-Post- und Telegraphendirektion für Steiermark (direttorat tal-amministrazzjoni tal-posta u telegrafi ta’ Steiermark, l-Awstrija), qies li l-perijodu ta’ ħames snin u ħmistax-il jum, inkluż bejn id-data li fiha F. Lesar kien laħaq l-età ta’ 18-il sena u d-data tar-reklutaġġ tiegħu bħala uffiċjal, kellu mingħajr ebda kundizzjoni jiġi rrikonoxxut lilu bħala perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni, fis-sens tal-Artikolu 53 tal-PG 1965 (iktar ’il quddiem il-“perijodi assimilati”) . Dawn il-perijodi jinqasmu skont kif ġej:

mit-3 ta’ Ġunju 1967 sat-13 ta’ Settembru 1967, attività bħala membru tal-persunal bil-kuntratt,

mill-14 ta’ Settembru 1967 sas-17 ta’ Frar 1972, studji fil-liċeo federali għall-istudenti li jeżerċitaw attività professjonali, u

mill-1 ta’ Marzu 1972 sat-30 ta’ Ġunju 1972, attività bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 1974, il-Pensionsversicherungsanstalt der Angestellten (uffiċċju tal-pensjonijiet tal-impjegati, l-Awstrija) iddeċieda, fil-kapaċità tiegħu ta’ organu assiguratur, li jagħti u li jħallas lill-Istat Federali ammont magħruf bħala “ta’ trasferiment” fir-rigward tal-perijodi assimilati. Dan l-ammont kien jammonta għal ATS 4785 (madwar EUR 350).

12

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Marzu 1974 u tat-22 ta’ Mejju 1974, is-somma ta’ ATS 33160.05 (madwar EUR 2400) ingħatat lir-rikorrent bħala rimborż, b’mod partikolari, tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni li huwa kien ħallas matul il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena.

13

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie aċċettat għall-benefiċċju tal-irtirar mill-1 ta’ Settembru 2004. F’dan il-kuntest, id-dipartiment tal-persunal stabbilixxa l-ammont tal-pensjoni tiegħu billi ħa inkunsiderazzjoni biss il-perijodi assimilati, kif irrikonoxxuti mid-deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 1973.

14

Fid-19 ta’ Awwissu 2011, F. Lesar talab lil min jimpjegah iżid il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol li huwa kien wettaq qabel l-età ta’ 18-il sena mal-perijodi assimilati għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tiegħu. Peress li d-dipartiment tal-persunal ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2012, F. Lesar ippreżenta rikors quddiem il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali, l-Awstrija), li ddikjarat ruħha li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiġi adita b’dan ir-rikors u għaldaqstant bagħtet din it-talba lill-qorti tar-rinviju.

15

Din l-aħħar qorti tqis li r-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-irtirar, il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol preċedenti għad-dħul fis-servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena jikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, u tistaqsi jekk din tistax tkun iġġustifikata.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-perijodi ta’ taħriġ u l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali qabel id-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku f’dik il-kapaċità, perijodi li fir-rigward tagħhom kellhom jitħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni obbligatorja,

jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjal meta l-persuna kkonċernata tkun wettqithom wara li laħqet l-età ta’ 18-il sena, f’liema każ l-organu assiguratur għandu jħallas lill-Istat Federali ammont għat-trasferiment għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi skont ir-regoli tad-dritt tal-assigurazzjonijiet soċjali, iżda, min-naħa l-oħra

ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjal meta l-persuna kkonċernata tkun wettqithom qabel tilħaq l-età ta’ 18-il sena, f’liema każ l-organu assiguratur ma jkunx meħtieġ iħallas lill-Istat Federali ammont għat-trasferiment u jkollu jirrimborsa lill-assigurat il-kontribuzzjonijiet mħallsa minnu, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li, fil-każ li dawn il-perijodi jittieħdu a posteriori skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ikun hemm il-possibbiltà li l-organu assiguratur jitlob lill-uffiċjal iħallsu lura l-kontribuzzjonijiet irrimborsati minnu u l-obbligu għall-organu assiguratur li jħallas a posteriori ammont ta’ trasferiment lill-Istat Federali?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa minn uffiċjali qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, minkejja li dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jitwettqu wara li huwa jkun laħaq din l-età.

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li, billi jeskludi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ tali pensjoni tal-irtirar, parti mill-uffiċjali mill-benefiċċju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, l-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber, C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 24). Għalhekk, din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, fosthom l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu (1) tal-istess artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet jew ser tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

20

Skont l-Artikolu 53(2)(a) tal-PG 1965, għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar għandu jittieħed inkunserazzjoni ż-żmien imwettaq f’relazzjoni ta’ servizz, ta’ taħriġ jew relazzjoni ta’ xogħol oħra ma’ persuna li timpjega rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali. L-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 madankollu jillimita dan it-teħid inkunsiderazzjoni għall-perijodi li l-uffiċjal ikun wettaq wara li jkun laħaq l-età ta’ 18-il sena.

21

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżerva trattament inqas favorevoli għall-persuni li l-esperjenza professjonali tagħhom tkun inkisbet, anki jekk parzjalment, qabel l-età ta’ 18-il sena meta mqabbla ma’ dawk li kisbu, wara li laħqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul simili. Tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni bbażati fuq l-età li huma kellhom meta kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom. Dan il-kriterju jista’ jwassal għal differenza fit-trattament bejn żewġ persuni li jkunu segwew l-istess studji u li jkunu kisbu l-istess esperjenza professjonali, u dan esklużivament abbażi tal-età rispettiva ta’ dawn il-persuni. Konsegwentement tali dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 38, u tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber, C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 27).

22

Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdiha bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi l-kawża li biha hija adita, kemm jekk din il-qorti għamlet riferiment għalihom f’din id-domanda u kemm jekk le (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark, C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 56, u tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 20).

23

Mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta b’mod partikolari li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-iffissar, għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali, ta’ etajiet ta’ sħubija jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

24

Peress li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark, C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 huwa intiż sabiex japplika biss fir-rigward tal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali li jkopru r-riskji ta’ xjuħija u ta’ invalidità (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark, C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod mhux l-elementi kollha li jikkaratterizzaw skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri tali riskji huma intiżi sabiex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda biss dawk li huma espressament imsemmija fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark, C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 52).

26

F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kuntest ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskju ta’ xjuħija jew ta’ invalidità u, fl-affermattiv, jiġi magħruf jekk din il-leġiżlazzjoni taqax taħt il-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“iffissar [...] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità”.

27

Minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2000/78 ma tiddefinixxix x’għandu jinftiehem bi “skema professjonali ta’ sigurtà soċjali”. Min-naħa l-oħra, hemm definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23), li jipprovdi li l-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali huma “skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 215] li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla”.

28

F’dan ir-rigward, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-elementi tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskema ta’ rtirar tal-uffiċjali federali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija skema li tipprovdi lill-ħaddiema ta’ settur professjonali speċifiku benefiċċji intiżi li jissostitwixxu l-benefiċċji ta’ skema legali ta’ sigurtà soċjali, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54. Fil-fatt, l-uffiċjali federali huma esklużi mill-iskema tal-assigurazzjoni għall-irtirar stabbilita mill-ASVG minħabba l-impjieg tagħhom fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali, sa fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tagħtihom dritt għal benefiċċji tal-irtirar li huma ekwivalenti għal dawk li tipprevedi din l-iskema tal-assigurazzjoni għall-irtirar.

29

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak sostna li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiffissa età li minnha l-persuni affiljati jibdew iħallsu kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ rtirar tal-uffiċjali federali u jiksbu d-dritt li jirċievu pensjoni tal-irtrirar kompluta sabiex, b’mod partikolari, tiggarantixxi f’dan ir-rigward ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi espressjoni tal-libertà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li jiffissaw, għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali, età ta’ sħubija fi skema ta’ rtirar tal-uffiċjali jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ dik l-iskema. Fil-fatt, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa tali li jippermetti lill-Istati Membri mhux biss jiffissaw etajiet differenti għal ħaddiema jew gruppi jew kategoriji ta’ ħaddiema, imma wkoll jiffissaw, fi ħdan skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, età ta’ sħubija jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar.

31

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li tali leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-“iffissar [...] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

32

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa minn uffiċjali qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-iffissar uniformi, fi ħdan skema ta’ rtirar tal-uffiċjali, ta’ età ta’ sħubija f’din l-iskema kif ukoll ta’ età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ dik l-iskema.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa minn uffiċjali qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-iffissar uniformi, fi ħdan skema ta’ rtirar tal-uffiċjali, ta’ età ta’ sħubija f’din l-iskema kif ukoll ta’ età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ dik l-iskema.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top