EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0433

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ħalib u prodotti mill-ħalib – Imposta addizzjonali fuq il-ħalib – Snin minn 1995/1996 sa 2008/2009 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikoli 79, 80 u 83 – Regolament (KE) Nru 595/2004 – Artikoli 15 u 17 – Ksur – Assenza ta’ ħlas effettiv tal-imposta fit-termini previsti – Nuqqas ta’ rkupru f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-imposta.
Kawża C-433/15.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:552

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑433/15

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Ħalib u prodotti mill-ħalib – Imposta addizzjonali fuq il-ħalib – Snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1995/1996 sa 2008/2009 – Nuqqas b’mod partikolari ta’ konformità mal-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u mal-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004 – Nuqqas li tiġi żgurata l-allokazzjoni xierqa tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib fost produtturi li kkontribwixxew biex jinqabżu l-kwantitajiet ta’ referenza – Nuqqas li jkun żgurat li l-imposta kienet tħallset fit-termini preskritti – Nuqqas ta’ rkupru f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-imposta”

1. 

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li (i) tiżgura li l-imposta addizzjonali pagabbli fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib kienet pagabbli kif imiss mill-produtturi responsabbli biex iħallsuha u (ii) tiżgura li l-imposta kienet tħallset mill-produtturi u mix-xerrejja responsabbli sabiex iħallsuha fil-livell nazzjonali u, f’każ ta’ nuqqas f’dak ir-rigward, li tirkupra billi tuża l-miżuri xierqa disponibbli fil-livell nazzjonali, f’kull każ għall-perijodu minn 1995/1996 sa 2008/2009.

Id-dritt tal-Unjoni

L-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib

2.

L-ewwel imposta fuq il-produzzjoni tal-ħalib f’dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea kienet pagabbli bir-Regolament Nru 1079/77 ( 2 ). Din ħadet il-forma ta’ imposta ta’ koresponsabbiltà ta’ bejn 1.5 u 4 % tal-prezz indikattiv tal-ħalib, pagabbli minn produtturi tal-ħalib għall-perijodu mis-16 ta’ Settembru 1977 sa tmiem is-sena tal-ħalib 1979/1980 ( 3 ).

3.

Il-premessi tar-Regolament Nru 856/84 ( 4 ) jirreġistraw li, minkejja l-applikazzjoni tal-imposta ta’ koresponsabbiltà, kwantitajiet ta’ ħalib ikkunsinnati kienu qegħdin jiżdiedu b’tali rata li t-tneħħija ta’ dawk żejda kienet qiegħda timponi piżijiet finanzjarji u toħloq diffikultajiet fis-suq li kienu qegħdin ipoġġu f’riskju l-futur stess tal-politika agrikola komuni ( 5 ). Bħala soluzzjoni għal dawk il-kwistjonijiet, l-Artikolu 1 tar-Regolament introduċa imposta addizzjonali (iktar ’il quddiem it-“imposta”) fuq kwantitajiet ta’ ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib ( 6 ) ikkunsinnati wara kwantità ta’ referenza li kellha tiġi ddeterminata. L-imposta kienet pagabbli minn produtturi jew xerrejja fir-rigward ta’ ħames perijodi konsekuttivi ta’ tnax-il xahar mill-bidu tal-1 ta’ April 1984.

4.

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 857/84 ( 7 ) kien jipprovdi li l-Istati Membri jallokaw kwantitajiet ta’ referenza individwali lil xerrejja u produtturi tal-ħalib ibbażati fuq il-kwantitajiet mixtrija, ikkunsinnati jew mibjugħa fl-1981. L-imposta fuq il-ħalib ikkunsinnat li kien jaqbeż il-kwantità ta’ referenza kienet pagabbli minn xerrejja u produtturi lill-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ pagamenti kull tliet xhur. L-ammont tal-imposta miġbura kellu jitħallas lill-Komunità ( 8 ).

5.

Ir-Regolament Nru 1109/88 ( 9 ) estenda n-numru ta’ perijodi li fir-rigward tagħhom l-imposta kellha titħallas minn ħamsa għal tmienja u, bir-Regolament Nru 816/92 ( 10 ) dan in-numru kompla żdied għal disgħa.

6.

Bis-saħħa tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1546/88 ( 11 ), xerrejja u produtturi rispettivament kienu meħtieġa jħallsu lill-aġenzija nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-imposta għal kull perijodu ta’ tnax-il xahar fi żmien tliet xhur mit-tmiem ta’ dak il-perijodu. L-Artikolu 19(1) ta’ dak ir-regolament kien jipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri kellhom jadottaw kull miżura addizzjonali meħtieġa biex ikun żgurat il-ġbir tal-imposta.

7.

Ir-Regolament Nru 3950/92 ( 12 ) ħassar u ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex jissimplifika u jikkjarifika l-arranġamenti relatati mal-imposta sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali ta’ produtturi u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra ( 13 ). Bis-saħħa tal-Artikolu 1, kellha titħallas imposta addizzjonali mill-produtturi fuq kwantitajiet ta’ ħalib ikkunsinnat lil xerrejja jew mibjugħ direttament għal konsum li kienu jaqbżu kwantità li kellha tiġi ddeterminata. L-imposta kienet applikabbli għal seba’ perijodi konsekuttivi ġodda ta’ tnax-il xahar li kellhom jibdew fl-1 ta’ April 1993. L-Artikolu 2 kien jipprevedi li l-imposta tinqasam bejn produtturi li jkunu kkontribwixxew għaż-żejjed, filwaqt li x-xerrej kien responsabbli jħallas, bħala regola ġenerali, l-ammont tal-imposta (li huwa kellu jnaqqas mill-prezz tal-ħalib imħallas lil produtturi li kellhom iħallsu l-imposta) lill-organu kompetenti tal-Istat Membru.

8.

Ir-Regolament Nru 536/93 ( 14 ) stabbilixxa regoli ta’ implementazzjoni ddettaljati b’rabta mar-Regolament Nru 3950/92. L-Artikoli 3 u 4 kienu jipprevedu li xerrejja u produtturi rispettivament kellhom iħallsu lill-awtorità kompetenti l-ammont dovut qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena. L-Artikolu 5(2) kien jobbliga lill-Istati Membri li “jieħdu kull miżura addizzjonali meħtieġa” biex jiżguraw il-ħlas tal-imposti dovuti lill-Komunità fil-perijodu stabbilit. Skont l-Artikolu 7, huma kellhom jieħdu l-miżuri ta’ verifika meħtieġa kollha sabiex jiżguraw il-ħlas tal-imposta u jistabbilixxu rekwiżiti dwar l-approvazzjoni ta’ xerrejja u ta’ produtturi.

9.

Permezz tar-Regolament Nru 1256/1999 ( 15 ) is-sistema ta’ imposti kienet estiża bi tmien perijodi konsekuttivi oħra ta’ tnax-il xahar sa April 2008.

10.

L-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1392/2001 ( 16 ) introduċa proċeduri iktar stretti biex iġiegħel lill-Istati Membri jkollhom rwol ikbar fil-kontrolli u fis-sanzjonijiet li huma kienu meħtieġa li jintroduċu biex jiżguraw li l-imposta kienet miġbura korrettament ( 17 ).

11.

Ir-Regolament Nru 1788/2003 ( 18 ) introduċa numru ta’ modifiki għas-sistema tal-imposta. Permezz tal-Artikolu 1, l-imposta introdotta b’dan ir-regolament kellha tapplika għal ħdax-il perijodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar mill-1 ta’ April 2004.

12.

Filwaqt li leġiżlazzjoni preċedenti kienet imponiet l-obbligu tal-ħlas tal-imposta fuq il-produtturi, bl-Istati Membri jgħaddu somom miġbura lill-baġit tal-Komunità ( 19 ), l-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament żied ma’ dik is-sistema, billi impona obbligu fuq l-Istati Membri nfushom li jħallsu l-imposta lill-Komunità. Il-paragrafu 1 kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għat-taxxa li tkun ġejja miż-żejjed tal-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali […] u […] għandhom iħallsuha fi ħdan il-limitu ta’ 99 % ta’ l-ammont dovut fil-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Gwida u l-Garanzija (FAEGG).” ( 20 )

13.

Skont l-Artikolu 4:

“I[t]-taxxa għandha tkun allokata kollha kemm hi, fi qbil mad-diżposizzjonijiet ta’ l-Artikli 10 u 12, bejn il-produtturi li jkunu wasslu biex ikun hemm iż-żejjed fil-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali […]

[…] il-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-ħas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta. Din għandha tinħadem fi qbil mad-diżposizzjonijiet tal-Kapitlu 3, minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantitajiet tar-referenza disponibbli tagħhom.”

14.

L‑Artikolu 15 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 595/2004 ( 21 ) jipprovdi li xerrejja u produtturi kellhom iħallsu l-imposta lill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena ( 22 ) u kien jobbliga lill-Istati Membri jiddikjaraw l-ammonti li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1788/2003 lill-FAEGG. Bis-saħħa tal-Artikolu 17 ta’ dak ir-regolament, l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li l-imposta kienet iddebitata korrettament u li għal dan kienu responsabbli l-produtturi li kienu kkontribwixxew għaż-żejjed.

15.

Ir-Regolament Nru 1234/2007 ( 23 ) (xorta oħra magħruf bħala “ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) issostitwixxa sensiela ta’ regolamenti ( 24 ) separati bi strument leġiżlattiv wieħed, madankollu mingħajr ma biddel il-politika sostantiva li kienet il-bażi tas-sistema ta’ imposti għal kwoti ta’ ħalib jew l-arranġamenti għall-ħlas tagħha.

16.

It-Taqsima III tal-Kapitolu III tat-Titolu I ta’ dak ir-regolament kellha t-titolu “Ħalib”. Is-Subtaqsima III tat-Taqsima III, bit-titolu “Kwota maqbuża” kienet komposta mill-Artikoli 78 sa 84. L‑Artikolu 78 kien jipprevedi imposta li kellha titħallas fuq il-ħalib u fuq prodotti oħra mill-ħalib ikkummerċjalizzati bħala li kienu jaqbżu l-kwota nazzjonali. L-Istati Membri kellhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għal dik l-imposta sa 99 % tal-ammont dovut bil-ħlas li kellu jsir lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija.

17.

Skont l-Artikolu 79 ta’ dak ir-regolament, l-imposta kellha tkun allokata fis-sħiħ fost il-produtturi li kienu kkontribwixxew għal kull waħda mill-kwantitajiet maqbużin tal-kwoti nazzjonali. Dawk il-produtturi kellhom jinżammu responsabbli fil-konfront tal-Istati Membri għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-imposta dovuta “għas-sempliċi raġuni li qabżu l-kwoti disponibbli tagħhom”.

18.

L-Artikolu 80(3) jipprevedi l-kontribuzzjoni ta’ kull produttur għall-ħlas tal-imposta li kellha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Istat Membru, wara li kwalunkwe parti mhux użata tal-kwota nazzjonali allokata għal kunsinni tkun ġiet jew ma tkunx ġiet allokata mill-ġdid, fi proporzjon tal-kwoti individwali ta’ kull produttur jew skont kriterji oġġettivi li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

19.

Skont l-Artikolu 83 ta’ dak ir-regolament, fil-każ ta’ bejgħ dirett, il-kontribut ta’ kull produttur għall-ħlas tat-taxxa għaż-żejjed kellu jiġi stabbilit minn deċiżjoni tal-Istat Membru, wara li kwalunkwe parti mhux użata tal-kwota nazzjonali allokata għall-bejgħ dirett tkun ġiet jew ma tkunx ġiet allokata mill-ġdid, fil-livell territorjali xieraq jew f’livell nazzjonali. Il-Kummissjoni kellha tiddetermina kif u meta l-imposta kellha titħallas lill-organu kompetenti tal-Istat Membru ( 25 ).

20.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1034/2008 ( 26 ) emenda r-Regolament Nru 885/2006 ( 27 ) billi introduċa, inter alia, l-Artikolu 5b ġdid. Dan kien jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar oħra stipulata fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw kwalunkwe dejn li għadu ma tħallsux lura ta’ benefiċjarju li jkun ġie stabbilit skont il-liġi nazzjonali bi kwalunkwe pagament futur li għandu jsir mill-aġenzija tal-ħlas [ ( 28 )] responsabbli mill-irkupru tad-dejn lill-istess benefiċjarju.”

21.

Skont l-Artikolu 230(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 ( 29 ), l-imposta tneħħiet b’effett mill-31 ta’ Marzu 2015.

Għajnuna mill-Istat

22.

Il-premessi 2 sa 5 u 8 tad-Deċiżjoni 2003/530 ( 30 ) jgħidu:

“(2)

Produtturi tal-ħalib Taljani pproduċew ħalib li qabeż il-kwantitajiet ta’ referenza tagħhom matul il-perijodu mill-1995/1996 sal-2001/2002 u huma obbligati jħallsu lill-Komunità ammont ta’ EUR 1386475250 skont imposta addizzjonali fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib stabbilita f’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3950/92.

(3)

Dan l-ammont ma kienx irkuprat fil-parti l-kbira tiegħu mill-awtoritajiet Taljani wara sospensjonijiet ta’ ħlas miksuba minn dawn il-produtturi minn qrati amministrattivi nazzjonali.

(4)

Is-sitwazzjoni attwali fl-Italja hija kkaratterizzata mill-fatt li l-ġbir tal-imposta addizzjonali għaddej minn sensiela ta’ diffikultajiet, li b’mod partikolari ġabu magħhom numru kbir ta’ kawżi pendenti li jistgħu jkomplu jdewmu ħlasijiet attwali għal żmien kunsiderevoli fil-futur.

(5)

L-awtoritajiet Taljani beħsiebhom jieħdu miżuri għal soluzzjoni ta’ dan il-kontenzjuż u li jneħħu t-tensjonijiet soċjali li jeżistu bħalissa billi jippermettu lil dawn il-produtturi tal-ħalib biex iħallsu d-dejn pendenti tagħhom permezz ta’ ħlas iddifferit mingħajr interessi tul numru ta’ snin.

[…]

(8)

Biex tkun evitata l-impożizzjoni ta’ piżijiet finanzjarji kbar fuq il-produtturi tal-ħalib individwali Taljani kkonċernati, li probabbilment jiġu kkawżati bl-irkupru sħiħ immedjat tal-ammonti dovuti kollha, u, b’hekk, sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet soċjali eżistenti, jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li titqies l-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lil dawn il-produtturi tal-ħalib fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem u pagament iddifferit bħala kompatibbli mas-suq komuni b’deroga mill-Artikolu 87 tat-Trattat, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.”

23.

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“L-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lil produtturi tal-ħalib, billi hija stess tħallas lill-Komunità l-ammont dovut minnhom lill-Komunità permezz tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib għall-perijodu mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi dawn il-produtturi jitħallew iħallsu d-dejn taghħom fil-forma ta’ ħlas iddifferit ( 31 ) mingħajr interessi, imqassam fuq numru ta’ snin, b’mod eċċezzjonali hija meqjusa kompatibbli mas-suq komuni, kemm-il darba:

l-ammont jitħallas lura kollu, b’rata annwali u tal-istess daqs,

il-perijodu tal-ħlas lura ma jkunx iktar minn 14-il sena, li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2004.”

24.

Fid-Deċiżjoni 2013/665 ( 32 ) il-Kummissjoni osservat li l-Italja kienet introduċiet leġiżlazzjoni li kienet testendi l-perijodu tal-ħlas lura ta’ ċerti rati msemmija fid-Deċiżjoni 2003/530, biex b’hekk kisret il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni li l-ħlasijiet mill-ġdid kollha kellhom isiru permezz ta’ rati tal-istess daqs. L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2013/665 ddikjaraw li d-differiment tal-ħlas inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern u ordnaw lill-Italja tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji tad-differiment.

Id-dritt nazzjonali

25.

In-nuqqas ta’ spazju ma jippermettilix nagħmel reviżjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti f’dan il-qasam. Ħafna minnha hija wisq ikkumplikata. Dan li ġej neċessarjament jirrappreżenta ħarsa ġenerali fil-qosor.

26.

Filwaqt li l-imposta fuq il-produzzjoni tal-ħalib oriġinarjament iddaħħlet fil-livell Komunitarju fl-1984, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Lattepiù ( 33 ) tirreġistra li l-arranġamenti leġiżlattivi fir-rigward tal-Italja ġew adottati għall-ewwel darba fl-1992 ( 34 ). Dawk l-arranġamenti dehru li ma wasslu għal imkien sa fejn, minn naħa, il-kwantitajiet ta’ referenza individwali allokati mill-awtoritajiet Taljani kien fihom numru kbir ta’ żbalji, partikolarment minħabba l-fatt li kienu ċċertifikati mill-produtturi nfushom ( 35 ) u, min-naħa l-oħra, parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sussegwenti kienet ġiet iddikjarata invalida mill-Corte Costituzionale (qorti kostituzzjonali) ( 36 ).

27.

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 5/98 ta numru ta’ setgħat lill-Azienda di Stato per gli interventi nel mercato agricolo (bord tal-istat għal interventi fis-suq agrikolu, iktar ’il quddiem l-“AIMA”) biex tamministra l-iskema ta’ imposta fuq il-ħalib, inkluża b’mod partikolari d-determinazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ referenza u l-komunikazzjoni tagħhom lil produtturi ( 37 ).

28.

Wara rapport minn Kummissjoni ta’ Investigazzjoni Governattiva, ġew adottati diversi miżuri oħra, inkluż id-Digriet Liġi Nru 43/99 (li sar, wara emenda, il-Liġi Nru 118 tas-27 ta’ April 1999). L-Artikolu 1 ta’ dak id-digriet liġi ta lill-AIMA perijodu ta’ 60 jum biex fih tagħmel l-aġġustamenti nazzjonali xierqa għall-perijodi tal-produzzjoni tal-ħalib 1995/1996 u 1996/1997. Bis-saħħa tal-istess dispożizzjoni, kwantitajiet ta’ referenza individwali, kif aġġustati skont il-ħtieġa mill-AIMA, kellhom ikunu definittivi għall-finijiet ta’ ħlas tal-imposta ( 38 ).

29.

Id-Digriet Liġi Nru 49/2003 tat-28 ta’ Marzu 2003 (li sar, wara emenda, il-Liġi Nru 119/2003) ipprovda li doveri relatati mal-kontrolli tal-konformità mal-iskema ta’ imposta u għal proċeduri obbligatorji ta’ rkupru kellhom ikunu responsabbli għalihom ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi. L-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (aġenzija agrikola għall-ħlasijiet, iktar ’il quddiem l-“AGEA”) ( 39 ) kellha jkollha responsabbiltà esklużiva għat-tmexxija tar-riżerva nazzjonali u għall-kalkolu tal-kwantitajiet u ammonti dovuti rilevanti.

30.

L-Artikolu 3(5) duodecies u terdecies tal-Liġi Nru 231/2005 introduċa projbizzjoni ta’ tpaċija b’rabta ma’ somom dovuti minn aġenziji tal-ħlas akkreditati skont ir-Regolament Nru 1663/95 ( 40 ) għal persuni li jagħmlu t-talba rikorrenti.

31.

L-Artikolu 8 d (b’mod partikolari) tal-Liġi Nru 33/2009 introduċa dispożizzjonijiet ġodda dwar ħlasijiet iddifferiti tal-imposta fid-Digriet Liġi Nru 49/2003 ( 41 ). Debituri setgħu japplikaw għand l-AGEA għal differiment tul perijodu sa tletin sena, bil-kundizzjoni li jaqblu li jabbandunaw il-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha li setgħu kienu ressqu. Jekk produttur ma kienx japplika fit-terminu preskritt biex jipparteċipa fl-arranġamenti l-ġodda, jieqaf milli jipparteċipa fihom jew jonqos milli jagħmel pagament skonthom fid-data dovuta, id-dejn kien isir immedjatament rekuperabbli u jkun suġġett għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni skont id-Digriet Irjali Nru 639/1910.

32.

Il-Liġi Nru 228/2012 ( 42 ) għamlet tibdiliet sostanzjali għall-Artikolu 8 d tal-Liġi Nru 33/2009. Filwaqt li l-AGEA kienet baqgħet primarjament responsabbli għall-irkupru ta’ imposti mhux imħallsa, hija kellha tagħmel hekk permezz ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni bl-għajnuna ta’ membri tal-grupp Equitalia ( 43 ) u tal-Guardia di Finanza (pulizija għall-affarijiet fiskali u finanzjarji).

Proċeduri prekontenzjużi

33.

Permezz ta’ sensiela ta’ skambji ta’ ittri matul il-perijodu bejn Lulju 2008 u Lulju 2012, li ħafna minnhom seħħew skont il-Proċedura EU Pilot, il-Kummissjoni pprovat tikseb informazzjoni mill-Italja dwar l-allokazzjoni tal-imposta fuq dawk responsabbli għall-ħlas tagħha u l-miżuri meħuda biex jirkuprawha f’każijiet ta’ nuqqas ta’ pagament. Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar dak li hija qieset l-ammonti sinjifikattivi li kienu baqgħu ma tħallsux.

34.

Minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta bl-informazzjoni mogħtija lilha mill-Italja, hija bagħtet lil dak l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni fil-21 ta’ Ġunju 2013, li biha stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. L-Italja wieġbet b’sensiela ta’ ittri bid-data tat-23 ta’ Settembru 2013 u b’dati sussegwenti.

35.

Minħabba dak li hija ddeskriviet bħala “l-istaġnar persistenti tal-proċeduri ta’ rkupru u l-ammont kunsiderevoli ta’ somom li kienu baqgħu ma tħallsux”, il-Kummissjoni nnotifikat opinjoni motivata fl-10 ta’ Lulju 2014. L-Italja talbet estensjoni taż-żmien biex tissottometti t-tweġiba tagħha, li ġie stabbilit għall-11 ta’ Ottubru 2014. Hija bagħtet it-tweġiba tagħha fit-13 ta’ Ottubru 2014.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36.

Minħabba li qieset li l-Italja kienet naqset milli tipprovdi informazzjoni li kienet tindirizza t-tħassib tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fis-6 ta’ Awwissu 2015.

37.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tiżgura li l-imposta addizzjonali pagabbli fir-rigward tal-kwantitajiet prodotti fl-Italja li kienu jaqbżu l-kwota nazzjonali mill-ewwel sena li fiha l-imposta addizzjonali kienet fil-fatt applikata fl-Italja (1995/1996) sal-aħħar sena li fiha kien hemm produzzjoni żejda fl-Italja (2008/2009) kienet fil-fatt ġiet iddebitata fil-kont tal-produtturi individwali li kienu kkontribwixxew għal kull kwantità ta’ produzzjoni żejda u li kienet tħallset fiż-żmien xieraq, malli dawn kienu ġew innotifikati dwar l-ammont pagabbli, mix-xerrej jew mill-produttur fil-każ ta’ bejgħ dirett jew, meta l-imposta ma tħallsitx fit-terminu preskritt, irreġistrata u, meta kien possibbli, miġbura permezz ta’ eżekuzzjoni mingħand dawk ix-xerrejja jew produtturi, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fis-snin inkwistjoni, b’mod partikolari: (i) l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 3950/92, (ii) l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1788/2003, (iii) l-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament Nru 1234/2007, u, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, (iv) l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 536/1993, (v) l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 1392/2001 u (vi) l-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament Nru 595/2004; u

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

38.

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39.

Fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni u l-Italja għamlu sottomissjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

Ammissibbiltà

40.

Filwaqt li l-Italja ma ressqet ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija targumenta fid-difiża tagħha li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess legali tibda proċeduri f’dan il-każ, minħabba li l-imposta issa kienet tneħħiet ( 44 ). Jekk dan l-argument kellu jiġi aċċettat, il-kawża tkun inammissibbli u l-fatt li l-Italja ma qajmet ebda eċċezzjoni formali ikun irrilevanti, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio teżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 258 TFUE biex jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkunux ġew issodisfatti ( 45 ).

41.

Madankollu, ma nemminx li l-argument tal-Italja jista’ jintlaqa’.

42.

Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fl-Istat Membru fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 46 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad rikors bħala inammissibbli meta l-Istat Membru kkonċernat ikun irrimedja l-ksur allegat qabel ma jkun skada dak il-perijodu ( 47 ). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx hekk meta l-ksur ikun waqaf biss wara li jkun intemm dak il-perijodu. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-interess li jiġi ppreżentat ir-rikors jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li tiġi stabbilita l-bażi tar-responsabbiltà li Stat Membru jista’ jinkorri fir-rigward ta’ dawk li jiksbu drittijiet minħabba dan in-nuqqas ( 48 ).

43.

L-istess raġunament għandu, fil-fehma tiegħi, japplika meta l-leġiżlazzjoni li tkun tifforma s-suġġett tal-opinjoni motivata tkun tħassret wara l-iskadenza tal-perijodu stabbilit minnha, li huwa l-każ hawnhekk ( 49 ). Tabilħaqq, kif il-Kummissjoni sewwa tinnota, in-nuqqas ta’ ġbir tal-imposta mingħand dawk responsabbli għall-ħlas tagħha ikun ippreġudika dawk il-produtturi li effettivament kienu ħallsuha malli kienet saret dovuta, minħabba li kienu jkunu batew minn żvantaġġ ekonomiku meta mqabbla ma’ persuni li ma kinux ħallsu jew kienu ħallsu biss tard ħafna. Tali sitwazzjoni inevitabbilment toħloq (u tista’, bħala riżultat, tkompli toħloq) distorsjonijiet mhux iġġustifikati fil-kompetizzjoni, li potenzjalment jistgħu jestendu mhux biss għal produtturi fl-Italja stess iżda wkoll għal dawk fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. L-interess ġuridiku tal-Kummissjoni jibqa’ u r-rikors huwa, għalhekk ammissibbli.

L-ammont tal-imposta mhux irkuprata

44.

Il-partijiet ma jaqblux dwar l-ammont preċiż tal-imposta li ma kinitx irkuprata.

45.

Filwaqt li l-Kummissjoni ma tispeċifika ebda figura fit-talba li tagħmel, hija tgħid fir-rikors tagħha li, fid-data ta’ skadenza stabbilita fl-opinjoni motivata ( 50 ) l-ammont totali tal-imposta mitluba fl-Italja kien ta’ madwar EUR 2305 miljun. Din il-figura tinqasam ulterjorment kif ġej:

l-ammont tal-imposta li kien irkuprat huwa ta’ madwar EUR 282 miljun (din il-figura ma tinkludix somom koperti bl-iskema tal-2003 dwar ħlas iddifferit ( 51 ) ta’ madwar EUR 469 miljun);

l-ammont li jibqa’ dovut, wara li jitnaqqsu dawk iż-żewġ somom, huwa ta’ EUR 1554 miljun;

minn dik is-somma, madwar EUR 211 miljun għandhom jitnaqqsu minn ammonti li ma għadhomx jistgħu jiġu rkuprati, pereżempju minħabba insolvenza ta’ produtturi jew ordnijiet ta’ qrati li annullaw l-obbligu ta’ ħlas, li jħalli ammont ta’ madwar EUR 1343 miljun;

dik il-figura tinkludi somom li huma s-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-qrati Taljani u li dwarhom dawk il-qrati kienu ordnaw is-sospensjoni tal-obbligu ta’ ħlas, somma li l-Kummissjoni tevalwa li hija madwar EUR 500 miljun;

l-ammont irkuprat sa issa jirrappreżenta 21 % tat-total li għadu ma tħallasx, wara li jkunu tnaqqsu somom li ma għadhomx jistgħu jiġu rkuprati ( 52 ).

46.

L-Italja tara l-kwistjoni minn aspett differenti. Hija taċċetta l-figuri tal-Kummissjoni deskritti iktar ’il fuq. Madankollu, hija targumenta li l-figura ta’ EUR 1343 miljun imsemmija fil-punt 45 ma għandhiex titqies, minħabba li tinkludi ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba ordnijiet ta’ qrati li ssospendew il-ħlas. Minflok, hija tqis li l-ammont li ma huwiex imħallas għandu jiġi stabbilit għal EUR 827.39 miljun. Dan għandu jkun f’kuntrast mas-somma ta’ EUR 962 miljun, li tirrappreżenta t-total ta’ (i) ammonti rkuprati sad-data rilevanti, inklużi somom irkuprati permezz tal-iskemi ta’ ħlasijiet iddifferiti u permezz ta’ tpaċija; (ii) ammonti “li għadhom qegħdin jiġu rkuprati” skont l-iskemi ta’ ħlasijiet iddifferiti u (iii) ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba insolvenza ta’ produtturi, ordnijiet ta’ qrati li jannullaw l-obbligu ta’ ħlas jew minħabba xi raġuni oħra. Abbażi ta’ dan, l-Italja tissottometti, l-ammont irkuprat jew “meqjus bħala rkuprat” jirrappreżenta 42 % tal-imposta totali ta’ EUR 2289.77 miljun, l-ammont li ma huwiex dovut attwalment huwa ta’ 21.85 % ta’ din il-figura u l-ammont li dwaru hemm pendenti proċeduri ta’ rkupru b’eżekuzzjoni huwa ta’ 36.13 % ta’ din il-figura.

47.

Il-figuri tal-Kummissjoni jista’ jingħad li jiżgwidaw minħabba li, jekk ammonti rkuprati jew li jistgħu jiġu rkuprati skont l-iskemi ta’ ħlasijiet iddifferiti ma jittieħdux inkunsiderazzjoni, ikun impossibbli li wieħed jgħaqqad stampa “fidila” ta’ kemm kien kbir il-ksur tal-Italja. Madankollu, jista’ ugwalment jingħad li d-deskrizzjoni tal-Italja tagħmel l-istess, minħabba li (i) tnaqqas ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati legalment meta, kieku l-Italja kienet aġixxiet bid-diliġenza dovuta dan ma kienx, almenu parzjalment, ikun il-każ, u (ii) (diskutibbilment) kieku l-Italja kienet amministrat sewwa l-arranġamenti ta’ rkupru għall-imposta fl-ewwel lok, l-iskemi ta’ ħlasijiet iddifferiti ma kinux ikunu neċessarji.

48.

Ma nqisx li jeħtieġli nasal għal opinjoni konklużiva dwar dawn l-argumenti. Kif indikajt, it-talba tal-Kummissjoni ma ssemmi ebda figura ( 53 ). Filwaqt li d-data minn statistika mogħtija miż-żewġ partijiet tista’ tkun ta’ interess bħala informazzjoni fuq livell ġenerali, kalkolu preċiż tal-ammont dovut ma huwiex kruċjali, f’dawn il-proċeduri, kemm għal parti jew l-oħra. Il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża f’din il-kawża hija jekk il-Kummissjoni mmotivatx l-allegazzjonijiet tagħha ta’ ksur kontra l-Italja u, jekk hu hekk, jekk l-Italja ressqitx difiża valida. Huwa fuq dawn l-aspetti li ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem. Fil-frattemp, sempliċement nosserva li huwa ċar li, tkun xi tkun il-bażi ta’ kalkolu użata, l-Italja kienet naqset milli tirkupra ammonti sostanzjali tal-imposta dovuta sat-terminu ta’ skadenza stabbilit fl-opinjoni motivata.

Id-difiżi ġenerali tal-Italja

49.

L-Italja tressaq żewġ difiżi ġenerali, li kull waħda minnhom, jekk tkun valida, tkun teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors. Għalhekk ser nikkunsidrahom qabel ma nindirizza d-dettalji tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

– Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

50.

L-Italja targumenta li, bil-ftuħ tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni qiegħda tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Hija tibbaża dan l-argument fuq l-iskema ġenerali għall-imposta li kienet ġiet introdotta bir-Regolament Nru 1788/2003. Qabel ma dak ir-regolament kien daħal fis-seħħ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet ipprovdiet espressament biss għal xerrejja u għal produtturi biex jagħtu kont ta’ u jħallsu l-imposta lill-aġenzija nazzjonali kompetenti. Filwaqt li l-Istati Membri kien jeħtiġilhom jiżguraw il-ġbir tal-imposta ( 54 ), huma ma kinux espressament obbligati jħallsu l-imposta kollha lill-Komunità. Filwaqt li ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li tali dover għandu jkun impliċitu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-2001 li l-Istati Membri kienu obbligati jagħmlu l-aħjar sforz biex titħallas l-imposta lill-Kummissjoni iżda ma kellhom ebda obbligu jiksbu riżultat speċifiku ( 55 ). B’konsegwenza ta’ dan, ġie adottat ir-Regolament Nru 1788/2003; l-Artikolu 3(1) tiegħu impona dover addizzjonali fuq l-Istati Membri li jħallsu l-imposta lil (dik li llum hija) l-Unjoni Ewropea ( 56 ).

51.

L-Italja ma tiċħadx l-obbligu tal-ġbir tal-imposta fil-livell nazzjonali u li tħallasha lill-Unjoni Ewropea. Anzi tissuġġerixxi li l-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja fir-rigward ta’ somom dovuti skont il-politika agrikola komuni tirrappreżenta l-piena li hija imposta fuq l-Istati Membri fir-rigward tan-nuqqas tagħhom li jiġbruha, minħabba li dak in-nuqqas neċessarjament iħalli impatt fuq il-baġit ta’ kull Stat Membru li ma jiġborx l-imposta kollha. Li l-Italja tiġi ppenalizzata ulterjorment bil-ftuħ ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontriha jikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem u jkun sproporzjonat ( 57 ).

52.

Fil-fehma tiegħi dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

53.

L-ewwel nett, kif il-Kummissjoni sewwa tinnota, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest tal-obbligi ta’ Stat Membru b’rabta mal-proċedura għall-clearance tal-kontijiet skont ir-regoli relatati mal-FAEGG, li dik il-proċedura taqdi għan differenti minn dak ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-każ tal-ewwel, il-proċedura sservi biex ikun żgurat li r-rekwiżiti tal-baġit tal-Unjoni jkunu ssodisfatti u ma jkunx hemm kwistjoni ta’ piena ( 58 ). Tal-aħħar hija proċedura li titlob dikjarazzjoni li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Dak il-metodu jidhirli li huwa manifestament validu f’dan il-każ. Huwa ċar li proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jaqdu għanijiet lil hinn milli sempliċement jistabbilixxu l-pożizzjoni sa fejn għandha x’taqsam ir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Unjoni Ewropea. Kif diġà indikajt ( 59 ), dawk il-proċeduri jistgħu wkoll ikunu rilevanti, inter alia, biex tiġi ddeterminata l-bażi tar-responsabbiltà li Stat Membru jista’ jinkorri lejn dawk li jiksbu drittijiet bħala riżultat tan-nuqqas tiegħu u biex jirrimedja distorsjonijiet inġusti fil-kompetizzjoni li jkunu setgħu nħolqu minħabba dan in-nuqqas ilmentat. Iżda ma jidhirlix li jikkostitwixxu “piena” fit-tifsira komuni ta’ dik il-kelma.

54.

Barra minn dan, l-interpretazzjoni tal-Italja tal-obbligi tal-Istati Membri b’rabta mal-imposta tkun tfisser li l-obbligu li tiġi rkuprata fil-livell nazzjonali jkun, effettivament, fakultattiv. Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imposta kellha għan ekonomiku, jiġifieri li jinkisbu fondi għall-Komunità li jkunu meħtieġa biex jitneħħa ħalib mingħand produtturi li jkun qabeż il-kwoti tagħhom, fl-istess waqt hija enfasizzat li l-imposta kellha “l-għan ovvju” li l-produtturi tal-ħalib jkunu meħtieġa josservaw il-kwantitajiet ta’ referenza allokati lilhom ( 60 ). Dik id-dikjarazzjoni hija f’kunflitt ċar mal-pożizzjoni tal-Italja u, għal din ir-raġuni wkoll, l-argument ta’ dan l-Istat Membru għandu jiġi miċħud. Jekk l-Italja “tassorbi” l-impatt ekonomiku tal-imposta billi żżomm lura milli tirkupraha mingħand l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, l-imposta titlef l-effett mixtieq tagħha fuq kif jaħdem is-suq tal-ħalib.

– Fuq in-natura allegatament mhux xierqa ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat

55.

L-Italja nfisha tidher li taċċetta r-raġunament magħmul lejn it-tmiem tal-punt 53, billi osservat li n-nuqqas ta’ Stat Membru li jimplementa l-iskema ta’ imposti f’livell nazzjonali seta’ jwassal għal kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ dawk il-produtturi li ma jkunux ħallsu l-imposta. Din tissottometti, madankollu, li r-rimedju xieraq f’tali ċirkustanzi jkun li l-Kummissjoni tibda proċeduri għal għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108 TFUE li tkun ingħatat illegalment. Il-Kummissjoni kienet, għalhekk, żbaljat meta bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba li dik il-proċedura ma hijiex disponibbli meta jkunu jistgħu minflok jiġu applikati rimedji oħra.

56.

Dan l-argument jista’ jiġi skartat immedjatament, minħabba li huwa direttament kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita. Għalhekk:

“[…] il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-proċedura xierqa sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li r-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq kienu nkisru hija l-proċedura għal dikjarazzjoni kontra l-Istati Membri skont [l-Artikolu 258 TFUE]. Għalkemm, skont dik il-ġurisprudenza, [l-Artikolu 108(2) TFUE] stabbilixxa proċedura speċifikament adattata għall-problemi speċjali maħluqa mill-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-fatt li kienet teżisti dik il-proċedura bl-ebda mod ma kien jipprevjeni l-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna b’rabta ma’ regoli [tal-Unjoni], minbarra dawk li li jinsabu [fl-Artikolu 107 TFUE], milli tiġi evalwata skont il-proċedura prevista [fl-Artikolu 258 TFUE] […]” ( 61 ).

57.

Minħabba f’hekk, it-tieni difiża ġenerali tal-Italja għandha tiġi miċħuda.

Il-portata tad-dikjarazzjoni mitluba

58.

It-talba tal-Kummissjoni fil-qosor tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni li japplikaw għall-imposta fuq il-ħalib:

fir-rigward tas-snin mill-1995/1996, li kienet l-ewwel sena li fiha l-imposta kienet fil-fatt applikata fl-Italja, sal-2008/2009, li kienet l-aħħar sena li fiha kien hemm produzzjoni żejda f’dak l-Istat Membru;

billi naqset tiżgura li (i) l-imposta fil-fatt tkun ġiet iddebitata fil-kont ta’ produtturi individwali li kienu kkontribwixxew għal produzzjonijiet żejda li wasslu għar-responsabbiltà għall-ħlas tal-imposta, (ii) l-imposta kienet tħallset fiż-żmien opportun mix-xerrej jew, fil-każ ta’ bejgħ dirett, mill-produttur u (iii) fejn l-imposta ma kinitx tħallset fit-terminu preskritt, l-obbligu tal-ħlas kellu jiġi eżegwit kif imiss billi jintużaw il-proċeduri xierqa għall-irkupru skont is-sistema legali nazzjonali.

59.

Essenzjalment, l-enfasi tal-ilment tal-Kummissjoni hija li l-Italja kienet naqset bil-bosta – tul 14-il perijodu konsekuttiv ta’ kontabbiltà – milli twettaq l-obbligi tagħha f’livell nazzjonali b’rabta mal-imposta kollha kemm hi. Ma humiex qegħdin isiru allegazzjonijiet u ma hemmx nuqqas ta’ qbil dwar l-obbligi tal-Italja li tħallas lill-Unjoni Ewropea ammont ekwivalenti għall-imposta skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1788/2003 u l-leġiżlazzjoni sussegwenti.

60.

Minħabba li l-ilmenti tal-Kummissjoni għandhom rabta mill-qrib bejniethom, ser inqishom flimkien.

L-ilmenti tal-Kummissjoni

61.

Nittratta l-ewwel dwar l-allokazzjoni tal-imposta, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa essenzjali li l-Istati Membri jallokaw l-imposta fost il-produtturi, minħabba li dik il-miżura tagħmel parti inerenti mill-proċess li jwassal għall-ħlas tagħha ( 62 ).

62.

Fir-rigward tal-istadji inizjali tal-perijodu kopert mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, jidher ċar li l-applikazzjoni tal-Italja ta’ dak l-obbligu kienet, xi drabi, inqas milli feliċi. Fil-kawża Lattepiù, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont id-deċiżjonijiet tar-rinviji li kellha quddiemha, “il-kwantitajiet ta’ referenza individwali oriġinarjament allokati mill-awtoritajiet Taljani kien fihom għadd kbir ta’ żbalji, minħabba b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li l-produzzjoni attwali li abbażi tagħha kienu allokati dawn il-kwantitajiet kienet ġiet iċċertifikata mill-produtturi nfushom. Fost l-iżbalji hekk identifikati, il-kummissjoni ta’ investigazzjoni maħtura mill-Gvern sabet, b’mod partikolari, li iktar minn 2000 razzett li kienu rrapportaw produzzjoni tal-ħalib ma kellhomx baqar” ( 63 ). Fl-istess kawża l-Qorti tal-Ġustizzja rreġistrat li kien biss fl-1999 li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu saru jafu bil-kwantitajiet ta’ referenza allokati lilhom ( 64 ).

63.

B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-istatistiċi għall-irkupru tal-imposta fl-Italja ( 65 ). Din tgħaddi biex issemmi numru ta’ allegazzjonijiet speċifiċi.

Prassi leġiżlattiva fqira: liġijiet nazzjonali illegali, konfużi u kunfliġġenti

64.

Il-Kummissjoni tilmenta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-imposta tnisslet ħażin jew ma kinitx abbozzata sewwa u dak in-nuqqas kien abbinat ma’ applikazzjoni ineffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali, li wassal għal proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali. Hija tibbaża dawk l-allegazzjonijiet fuq informazzjoni mogħtija mill-Avvocatura Generale dello Stato (servizz statali ta’ konsulenza legali) bi tweġiba għal talbiet għal informazzjoni magħmula lill-Italja mill-Kummissjoni. Hija tagħmel riferiment speċifiku dwar dan għal:

il-Liġi Nru 118/1999, fejn il-qrati nazzjonali ddeċidew, fi proċeduri għal miżuri provviżorji, li dik il-liġi kienet illegali sa fejn allokat l-imposta retrospettivament u ma kienx hemm komunikazzjoni kif imiss tal-ammonti allokati;

il-Liġi Nru 5/98, li kienet is-suġġett ta’ kontestazzjonijiet li rnexxew quddiem il-qrati nazzjonali minħabba li kienet tibbaża allokazzjonijiet tal-imposta fuq statistika inferenzjali (inaffidabbli);

l-użu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali li kienu kkontestati u li jkomplu jiġu kkontestati għas-snin 1995/1996 sa 1999/2000 wassal ukoll biex jitressqu proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali. Dwar dan il-Corte dei Conti (qorti tal-awdituri) qalet ( 66 ) li “il-punt dgħajjef tal-[Liġi Nru 118/99] huwa fl-użu persistenti tagħha ta’ proċeduri u metodi ta’ kalkolu li ġew annullati b’riżultat ta’ stħarriġ dwar kostituzzjonalità u deċiżjonijiet tal-qrati”.

65.

Il-Kummissjoni tgħaddi biex tosserva li l-konfużjoni leġiżlattiva inizjali tidher li tat lok għal kontenzjuż li, tal-inqas meta ddaħħlet l-imposta fl-Italja, irriżulta f’deċiżjonijiet favur dawk li kienu kkontestaw ir-regoli nazzjonali u li żammew lill-awtoritajiet kompetenti milli jwettqu d-dmirijiet tagħhom. Minħabba d-dewmien kbir li jista’ jingħad li jikkaratterizza s-sistema ġudizzjarja Taljana, ir-riżultat kien li l-proċess ta’ rkupru tal-imposta staġna. Il-Kummissjoni tirreġistra f’dan ir-rigward osservazzjonijiet tal-AGEA magħmula fl-2010 li “l-istat ta’ inċertezza li kien hemm dak iż-żmien tas-sospensjoni fil-prim’istanza, mitluba mir-rikorrenti u mogħtija bħala materja ta’ urġenza mill-qorti adita […] u kull sentenza definittiva fl-appell fit-tieni istanza joħloq tfixkil gravi li jippreġudika b’mod perikoluż is-sistema ta’ kwoti ta’ ħalib”.

66.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Avvocatura Generale dello Stato (servizz statali ta’ konsulenza legali) kienet qalet fl-ewwel tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni li, minħabba l-inċertezza dwar il-leġiżlazzjoni domestika, hija ma kkontestatx digrieti sospensivi maħruġa mill-qrati nazzjonali u, f’ċerti każijiet, ma ppreżentatx difiża dwar il-mertu tal-kawża minħabba li kienet qiegħda tistenna “il-konsolidazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li kienu jinbidlu b’mod kostanti”. Fit-tieni tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni, l-Avvocatura Generale dello Stato (servizz statali ta’ konsulenza legali) għamlet riferiment għan-nuqqas ta’ ċarezza u għall-kumplessita ta’ dik il-leġiżlazzjoni li bla dubju kkontribwixxiet sabiex jitressqu diversi kawżi quddiem il-qrati nazzjonali u t-tribunali amministrattivi, bir-riżultat li ma kinux ippreżentati difiżi kontra talbiet għal miżuri sospensivi.

Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tpaċija

67.

Il-Kummissjoni tallega wkoll nuqqas min-naħa tal-Italja li tagħmel użu sewwa tar-rimedju ta’ tpaċija meta għamlet ħlasijiet ta’ ammonti dovuti skont il-politika agrikola komuni. Din tosserva dwar dan li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1034/2008, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2008, sa obbliga lill-Istati Membri jpaċu kull dejn li kien għadu ma tħallasx ta’ benefiċjarju ta’ dawk il-ħlasijiet li kienu ġew stabbiliti skont il-liġi nazzjonali ma’ ħlasijiet futuri li kellhom isiru mill-aġenzija tal-ħlas responsabbli għall-irkupru tad-dejn lill-istess benefiċjarju ( 67 ) B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li l-Corte dei Conti (qorti tal-awdituri) kienet qalet ( 68 ) li l-użu tat-tpaċija kien ġie mfixkel minn “leġiżlazzjoni konfuża u mhux ċara” u mill-fatt li l-organu responsabbli għall-ħlas (l-AGEA) u l-organu jew l-organi li kienu jittrattaw l-irkupru (ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi) kienu differenti, ħaġa li pprekludiet l-operazzjoni ta’ tpaċija taħt il-liġi domestika.

68.

Fid-dawl ta’ dawk id-diffikultajiet, kien intlaħaq ftehim bejn il-Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali (ministeru tal-agrikoltura. l-ikel u x-xjenza tal-foresti), ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi fl-2006 bil-għan li tkun applikata tpaċija f’dawk il-każijiet. Madankollu, dak l-attentat falla. Kien irkuprat biss total ta’ EUR 118 miljun fir-rigward ta’ somom dovuti mill-imposta għas-snin kollha mill-1995/1996 sa 2008/2009, jiġifieri, bilkemm iktar mid-disa’ parti tal-ammonti mħallsa lis-settur bejn 2010 u 2013.

69.

Il-Kummissjoni tissottometti li parti mir-raġuni għal dan in-nuqqas hija l-fatt li l-proċedura ġiet introdotta tard u b’mod kontradittorju. Skont informazzjoni mogħtija lilha mill-awtoritajiet Taljani, ħafna produtturi kkontestaw l-applikazzjoni ta’ tpaċija quddiem il-qrati nazzjonali u, mill-ġdid, ingħataw ħelsien sospensiv biex b’hekk kien evitat li jintuża dak ir-rimedju. Jidher li ħafna minn dik l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li t-tpaċija inkwistjoni kellha tkun ibbażata fuq ftehim milħuq bejn l-Istat u r-reġjuni u mhux abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata mill-Istat. Għaldaqstant kien argumentat li l-ftehim kien illegali.

70.

Impediment ieħor biex taħdem it-tpaċija kien minħabba l-adozzjoni tal-Liġi Nru 231/2005, fejn l-Artikolu 3(5) duodecies u terdecies kien jipprevedi li somom dovuti mill-aġenziji tal-ħlas tal-Unjoni ma setgħux jinqabdu, jinqabdu b’sekwestru jew ikunu suġġetti għal miżuri protettivi. Bis-saħħa tal-Artikolu 1246(3) tal-Codice Civile (kodiċi ċivili Taljana), somom li ma setgħux jinqabdu b’sekwestru ma setgħux ikunu suġġetti għal tpaċija. Wara diskussjonijiet bejn l-AGEA u l-Kummissjoni, kien ippromulgat l-Artikolu 8 b tal-Liġi Nru 33/2009 biex jingħata rikonoxximent statutorju lid-dritt ta’ tpaċija kkontemplat bil-ftehim imsemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq. Madankollu, minħabba li l-Artikolu 3(5) duodecies u terdecies ma kienx tħassar fl-istess waqt, il-konfużjoni leġiżlattiva ssoktat, minħabba li dik il-leġiżlazzjoni baqgħet fis-seħħ sal-lum.

Trattament preferenzjali mogħti lil dawk li ma jħallsux l-imposta

71.

L-Artikolu 8 a (2) tal-Liġi Nru 33/2009 daħħal l-Artikolu 10 a ġdid fil-Liġi Nru 119/2003, intiż biex jalloka l-kwota miżjuda ta’ ħalib disponibbli għall-Italja bis-saħħa tar-Regolamenti Nri 248/2008 ( 69 ) u 72/2009 ( 70 ). Dan l-Artikolu jipprevedi li tingħata prijorità lil produtturi li jkunu qabżu l-kwoti individwali tagħhom matul is-sena 2007/2008. Il-Kummissjoni ma tifhimx għaliex għandu jkun hekk u għaliex dawk il-kwoti ma kinux irtirati mingħand il-produtturi li kienu kisru r-regoli.

Il-Liġi Nru 33/2009 u l-iskema ta’ ħlas iddifferit tal-2009

72.

L-effett tal-paragrafi 2 u 10 flimkien tal-Artikolu 8 d tal-Liġi Nru 33/2009 huwa li jkunu sospiżi l-proċeduri ta’ rkupru (kemm jekk permezz ta’ tpaċija, daħla fir-reġistri tal-qorti jew irkupru b’eżekuzzjoni) li jkunu diġà nbdew kontra debituri li jipparteċipaw fl-iskema ta’ ħlas iddifferit tal-2009 u, fil-każ li jonqsu li josservaw il-programm ta’ ħlasijiet, ikun hemm il-proċedura ta’ rkupru ġdida li kellha titmexxa, mhux skont id-Digriet Presidenzjali Nru 602/1973, bħal qabel, iżda minflok skont id-Digriet Irjali Nru 639/1910 (li kien ġie ħafna qabel). Il-proċeduri skont dik il-liġi huma kunsiderevolment itwal u iktar ikkumplikati milli skont il-liġi iktar reċenti, u l-awtorità kompetenti biex tamministra l-proċeduri li dik il-liġi tipprovdi ma hijiex ir-reġjun jew il-provinċja awtonoma li jaġixxu permezz tal-Equitalia, iżda l-AGEA.

73.

F’dak il-każ, jidher li l-proċeduri ta’ rkupru kollha kienu ġew sospiżi bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 33/2009, kemm jekk id-debitur kienx iffirma jew le għall-iskema ta’ ħlas iddifferit tal-2009. Bi tweġiba għal talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni f’Novembru 2011, l-AGEA qalet li, fir-rigward ta’ produtturi li ma kinux iffirmaw għall-iskema ta’ ħlasijiet, hija kienet talbet lil Equitalia biex jerġgħu jibdew jitħaddmu l-proċeduri ta’ rkupru iżda li din tal-aħħar kienet wieġbet li dan kien impossibbli minħabba l-formulazzjoni tal-Artikolu 8 d (10) ta’ dik il-liġi u li l-AGEA biss minn dak il-mument kellha kompetenza tagħmel hekk. Minħabba f’hekk kien meħtieġ digriet mill-ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi biex jagħti lill-AGEA s-setgħat meħtieġa. Minkejja talbiet repetuti mill-Kummissjoni biex il-pożizzjoni tkun aġġornata, dak id-digriet ma kienx ġie adottat qabel it-12 ta’ Novembru 2012, jiġifieri, kważi tliet snin wara li kienet daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 33/2009. L-awtoritajiet Taljani nfushom ammettew li dik il-liġi kienet wasslet għal “impass sinjifikattiv dwar irkupri”.

Nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jagħmlu kontrolli korretti u li jirkupraw ammonti pendenti

74.

Il-Kummissjoni tilmenta li, b’riżultat ta’ informazzjoni mogħtija mill-Italja matul il-proċedura EU pilot ( 71 ) li kienet ġiet qabel in-notifika tal-ittra ta’ intimazzjoni f’Ġunju 2013, kien ċar li l-AGEA, li kienet responsabbli, inter alia, biex tagħmel kontrolli ta’ somom dovuti skont l-iskema ta’ imposti, kienet stmat iżżejjed l-ammonti suġġetti għal tilwima quddiem il-qrati nazzjonali. Meta kienet saret provvista ta’ ħalib lil imħaleb, dawn tal-aħħar kienu obbligati jżommu parti mill-prezz u jirreġistraw l-ammonti hekk miżmuma f’dak li kien jissejjaħ “komunikazzjoni kollettiva”, fejn għal kull produttur kienet indikata l-imposta dovuta. Jidher li l-AGEA kienet b’mod sistematiku ssospendiet l-irkupru tal-ammonti kollha rreġistrati fil-komunikazzjoni anki jekk wieħed biss mill-produtturi kien beda proċeduri u kiseb ħelsien sospensiv. Din il-prassi wasslet biex somom kunsiderevoli ma kinux irkuprati. Il-Kummissjoni kienet mgħarrfa li l-prassi waqfet biss fl-ewwel tweġiba tal-opinjoni motivata tat-13 ta’ Ottubru 2014.

Il-“liġi ta’ stabbilità” tal-2013

75.

Inqas minn xahar u nofs wara l-approvazzjoni tal-istrument regolatorju meħtieġ biex jerġgħu jibdew jitħaddmu l-proċeduri ta’ rkupru f’konformità mad-Digriet Irjali Nru 639/1910 ( 72 ), il-leġiżlazzjoni li tirregola l-irkupru tal-imposta kienet emendata b’mod fundamentali bil-liġi ta’ stabbiltà tal-2013. Dik il-liġi ħassret l-Artikolu 8 d (10) tal-Liġi Nru 33/2009 u ssostitwixxietu bil-paragrafi 10, 10 a u 10 b ġodda. Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda l-AGEA kellha żżomm ir-responsabbiltà aħħarija għall-irkupru iżda kellha tgħaddi r-responsabbiltà għat-tmexxija tas-sistema lil Equitalia, billi tagħti lil dan l-organu informazzjoni dwar proċeduri ta’ rkupru b’eżekuzzjoni li kellha tintuża biex isiru avviżi dwar ħlas. L-Equitalia kellha, abbażi ta’ ftehim ad hoc li kellu jsir mal-AGEA, tistampa dawk l-avviżi, li kellhom imbagħad jiġu nnotifikati lil debituri mill-Guardia di Finanza (pulizija għall-affarijiet fiskali u finanzjarji). Il-ftehim bejn l-AGEA u l-Equitalia ma kienx iffirmat qabel il-11 ta’ Novembru 2013.

76.

Dwar l-effettività ta’ dik il-liġi, rapport tal-Corte dei Conti (qorti tal-awdituri) ta’ Ottubru 2014 ( 73 ) irreġistra li “sentejn wara [sic] liġi ġdida dwar proċeduri ta’ rkupru, dawn għad jonqoshom jinbdew”. L-istess rapport qal ukoll li “rkupru b’eżekuzzjoni tal-imposta ma għamilx progress sa mill-introduzzjoni tal-Liġi Nru 33/2009”. Il-Kummissjoni tgħid li ma tistax tifhem għaliex, jekk il-Liġi Nru 33/2009 kellha tiġi rriformata, l-Equitalia ma saritx responsabbli għall-irkupru ta’ djun, kif kienet skont il-Liġi Nru 119/2003, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti bid-Digriet Presidenzjali Nru 602/1973, iżda dan il-kompitu minflok ingħata lill-AGEA “bl-appoġġ tal-Equitalia u tal-Guardia di Finanza” ( 74 ). Irkupri kienu, b’neċessità, imblokkati sakemm ikun iffirmat ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati. Fl-opinjoni motivata tagħha ta’ Lulju 2014 (jiġifieri, iktar minn sena u nofs wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ stabbiltà tal-2013), il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar irkupri li attwalment kienu twettqu taħt il-proċedura l-ġdida. Ma kien hemm ebda tweġiba; l-ewwel u t-tieni tweġiba għall-opinjoni motivata jagħmlu riferiment biss għal proċeduri ta’ rkupru li kienu lesti li jiġu implementati iżda li kienu għadhom ma nbdewx.

Ksur tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

77.

L-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, moqrija fid-dawl tal-figuri dwar l-irkupru tal-imposta msemmija fil-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu prima facie każ min-naħa tal-Kummissjoni?

78.

Fil-fehma tiegħi, iva. Madankollu rrid nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

79.

L-ewwel nett, kif indikajt fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-qofol tal-ilment tal-Kummissjoni huwa nuqqas sfortunat min-naħa tal-Italja li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni relatata mal-imposta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni dwar dan għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

80.

Kif huwa sewwa magħruf, dik tal-ewwel titlob li azzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura għall-ħarsien ta’ drittijiet li individwi għandhom mid-dritt tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili ( 75 ). Iżda s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan huma limitati f’li jiġi osservat, minn naħa, il-livell baxx tal-irkupru tal-imposta mill-Italja u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ dawk li hija ssejjaħ “proċeduri speċjali” f’dak ir-rigward. Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet rilevanti li jkopru, f’dettalji biżżejjed, il-proċeduri korrispondenti f’livell nazzjonali, ma jidhirlix li dik l-allegazzjoni tista’ tiġi sostnuta.

81.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, dan huwa l-iktar komunement deskritt bħala r-regola li dawk ir-regoli nazzjonali ma jagħmlux impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 76 ). Mill-ġdid, ma nieħu ebda gwida siewja minn dan il-prinċipju.

82.

Anzi, jidhirli li meta jissemmew dawk iż-żewġ prinċipji ma tkunx qed titqies il-kwistjoni bażika f’dan il-każ, li hija jekk l-Italja kisritx l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni rigward il-ħlas u l-irkupru tal-imposta.

83.

It-tieni nett, dwar il-kritika tal-Kummissjoni b’rabta ma’ tpaċija ( 77 ), sa fejn dawk l-osservazzjonijiet huma bbażati fuq ir-Regolament Nru 1034/2008, għandu jkun innotat li r-regolament kien daħal fis-seħħ biss fid-29 ta’ Ottubru 2008 u ma jistax japplika għal affarijiet li seħħew qabel dik id-data. Jeħtieġ ukoll inkunu ċari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-obbligu li jistabbilixxi huwa li jkun hemm tpaċija ta’ “kwalunkwe dejn li għadu ma tħallsux lura ta’ benefiċjarju” ma’ “kwalunkwe pagament futur li għandu jsir mill-aġenzija tal-ħlas responsabbli mill-irkupru tad-dejn lill-istess benefiċjarju”. Dan japplika biss fejn id-debitur inkwistjoni għandu jħallas id-dejn inkwistjoni lill-aġenzija tal-ħlas ( 78 ). B’estensjoni dan ma għandux japplika meta l-aġenzija tal-ħlas hija differenti mill-entità li lilha d-dejn ikun dovut, bħalma tidher de facto li hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ, għall-inqas minn meta kienet adottata l-Liġi Nru 119/2003 ( 79 ).

84.

Madankollu, ta’ min jinnota l-premessa 3 tar-regolament, li tagħmel riferiment għall-obbligu ta’ tpaċija li din tintroduċi bħala “mod effettiv u finnzjarment effikaċi” li bih l-Istati Membri jitħallew jirkupraw ammonti dovuti. Sa fejn il-Kummissjoni targumenta dan, kieku l-Italja kienet strutturat ir-relazzjoni bejn debitur/kreditur b’mod li t-tpaċija setgħet tkun applikata legalment, hija kienet tkun f’qagħda aħjar li tirkupra ammont sinjifikattiv ta’ somom li għadhom ma tħallsux jew, alternattivament, sa kemm hija targumenta li kien jinkiseb riżultat simili kieku l-Italja introduċiet leġiżlazzjoni f’livell nazzjonali li kienet tippermetti li tkun applikata tpaċija anki fl-assenza ta’ relazzjoni diretta bejn debitur u kreditur b’mod f’waqtu u effettiv, jiena ma kont insib xi ngħid xejn kontra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

85.

It-tielet nett, dwar l-allegazzjoni li l-AGEA ssospendiet b’mod żbaljat l-irkupru ta’ ammonti meta ma kienx jeħtiġilha tagħmel hekk ( 80 ), il-kwistjoni jekk kienx hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi għandha tiġi eżaminata abbażi tal-pożizzjoni li l-Istat Membru jkun instab fiha fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 81 ). Ma hemm ebda suġġeriment fis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni li l-mod kif kienu l-affarijiet imsemmija kompla wara dik id-data. Isegwi li dak l-ilment ma jistax jitqies fl-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-Italja b’rabta man-nuqqas allegat li tikkonforma mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

86.

Ebda waħda mill-osservazzjonijiet li semmejt fil-punti 79 sa 85 iktar ’il fuq ma jidhirli, madankollu, li tnaqqas materjalment mill-każ tal-Kummissjoni.

87.

Filwaqt li qieset il-kuntest usa’, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija ta’ natura oġġettiva u li, “għaldaqstant, meta Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu […] ikun hemm ksur irrispettivament minn kemm-il darba jseħħ in-nuqqas jew minn kemm ikunu kbar iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għall-ilment” ( 82 ). Għandu jkun innotat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini stabbiliti fil-leġiżlazzjoni relatata mal-imposta huma mandatorji ( 83 ) u li, dwar il-ġbir tagħha, l-Istati Membri huma marbuta bl-obbligu ta’ diliġenza ġenerali f’dak li llum huwa l-Artikolu 4(3) TUE ( 84 ).

88.

Diġà semmejt li, tkun xi tkun il-bażi magħżula għall-kalkolu tas-somom dovuti, huwa ċar li, bħall-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata, l-Italja kienet naqset milli tirkupra ammonti sostanzjali tal-imposta dovuta ( 85 ) Ikkonkludejt ukoll li ż-żewġ difiżi ġenerali magħmula mill-Italja għandhom jiġu miċħuda ( 86 ).

89.

Il-kwistjoni tibqa’, madankollu, jekk xi waħda mid-difiżi speċifiċi magħmula minn dak l-Istat Membru tkunx biżżejjed biex l-azzjoni tiġi miċħuda, jew kollha jew parti minnha. U huwa għalihom li issa ser ngħaddi.

Id-difiżi speċifiċi tal-Italja

90.

Bi tweġiba, l-Italja essenzjalment tressaq erba’ argumenti. L-ewwel, hija tisħaq li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi provi dwar ksur dwar dak li hija ssejjaħ l-obbligu “dwar l-aħjar sforzi” impost fuq dak l-Istat Membru. Din issostni li t-test ma huwiex jekk hija rkupratx l-imposta kollha iżda jekk segwietx l-għan tal-irkupru bid-diliġenza ġusta.

91.

It-tieni, tissottometti (forsi bi ftit ta’ sorpriża) li ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-prinċipju, rilevanti f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, li skontu Stat Membru jistgħu jitneħħewlu r-responsabbiltajiet tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jekk ikun jista’ jistabbilixxi li l-irkupru jkun impossibbli kemm b’mod oġġettiv kif ukoll assolut.

92.

Minn dan isegwi li, skont l-Italja, il-proċeduri tagħha ta’ rkupru kienu dejjem adattati għat-tibdil kontinwu fil-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni, li hija tiddeskrivi bħala “kumpless u dejjem jinbidel”. Proċeduri ġudizzjarji f’livell nazzjonali segwew bl-istess mod, u x-xogħol kostanti min-naħa kemm tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-leġiżlatura wassal, tul iż-żmien, biex jinħallu d-diffikultajiet f’dak il-qasam. Il-figura attwali ta’ somom mhux irkuprati skont l-iskema ta’ imposti tammonta għal 21.85 % biss tat-total tal-imposti li kienu ddaħħlu matul is-snin inkwistjoni. L-Italja ma tistax, għalhekk, tkun akkużata b’negliġenza gravi fl-implementazzjoni tal-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni bil-mod li l-Kummissjoni tallega.

93.

B’mod iktar speċifiku, l-Italja tiddedika proporzjon kunsiderevoli tad-difiża tagħha biex titkellem dwar l-istorja (bla dubju kumplessa) tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali b’rabta mal-imposta. Dwar dan hija ssostni li din il-Qorti tal-Ġustizzja kienet f’żewġ okkażjonijiet iddeċidiet li l-liġi domestika Taljana kienet konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, jiġifieri fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Gerekens u Procola ( 87 ) u Lattepiù ( 88 ), it-tnejn mogħtija fl-2004. L-Italja ġibdet ukoll l-attenzjoni għal dak li hija tqis li huwa livell notevoli ta’ titjib fl-irkupri wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 119/2003, bħala riżultat tal-għoti ta’ responsabbiltajiet f’dak ir-rigward lir-reġjuni. Ma setax jingħad l-istess b’rabta ma’ proċeduri ta’ tpaċija, minħabba li l-produttur kellu inċentiv sabiex jikkontesta dawk il-proċeduri quddiem il-qrati. Hija tagħti l-ħtija għal dan lil dak li ssejjaħ “nuqqas ta’ ċarezza fil-leġiżlazzjoni [rilevanti tal-Unjoni]”, minħabba li r-rekwiżit dwar tpaċija ma kienx iddaħħal f’dik il-leġiżlazzjoni qabel ma kien adottat ir-Regolament Nru 1034/2008. Kien hemm iktar titjib biex jitħaffef il-proċess ta’ rkupru u biex jitmexxa t-tilwim quddiem il-qrati nazzjonali, li l-Italja taċċetta kienu “ostakolu kbir”, permezz tal-Liġi Nru 33/2009, b’mod partikolari bħala riżultat tal-iskema ta’ ħlas iddifferit sussegwenti li dik il-liġi introduċiet u li l-parteċipazzjoni fiha kienet tiddependi fuq li l-proċeduri ġudizzjarji jkunu rrinunzjati. Is-suċċess ta’ dawk l-arranġamenti huwa rreġistrat mill-Kummissjoni nfisha fl-opinjoni motivata tagħha, li titkellem dwar “rivoluzzjoni ta’ veru favur l-amministrazzjoni f’dak li jirrigwarda l-fażi sospensiva”.

94.

It-tielet, l-Italja tiġbed l-attenzjoni għal proporzjon għoli ta’ każijiet fejn il-proċedura ta’ rkupru hija suġġetta għal kontestazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali u fejn dawk il-qrati jkunu ħarġu digriet provviżorju li jissospendi l-obbligu tal-ħlas tal-imposta sakemm it-tilwima tkun inħallet. Fil-fehma tagħha hija ma tista’ tingħata ebda ħtija dwar ammonti mhux imħallsa f’tali ċirkustanzi.

95.

Ir-raba’, l-Italja tissottometti li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/530 ma kinitx tkun possibbli kieku l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-irkupru tal-imposta. Istituzzjoni ma hijiex ħielsa li tapprova miżura ta’ għajnuna mill-Istat meta Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

96.

Nindirizza dawn id-difiżi waħda wara l-oħra.

97.

L-ewwel, dwar l-argumenti tal-Italja li jikkonċernaw l-obbligu “dwar l-aħjar sforzi”, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni ( 89 ) li l-obbligu li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1546/88 impona fuq l-Istati Membri biex jiżgura l-ġbir tal-imposta kien wieħed biex jintużaw l-aħjar sforzi u mhux wieħed biex jinkiseb riżultat speċifiku ( 90 ) Dik is-sentenza ċertament kienet ifformulata abbażi tal-leġiżlazzjoni kif kienet fis-seħħ qabel ir-riforma introdotta bir-Regolament Nru 1788/2003, li imponiet dmirijiet ġodda fuq l-Istati Membri dwar il-ħlas tal-imposta. Madankollu, anki jekk wieħed kellu jassumi (probabbilment b’mod korrett) li l-kontenut tal-obbligi dwar l-irkupru ma nbidilx bħala riżultat ta’ dawk ir-riformi ( 91 ), irrid ninnota li dmir li wieħed juża l-aħjar sforzi huwa f’kull każ wieħed kbir. Kieku l-ammont mhux irkuprat tal-imposta kien ta’ figura li kienet bla dubju baxxa, wieħed seta’ jqis serjament id-difiża tal-Italja. Minħabba li indikajt iktar ’il fuq li l-figura ta’ ammonti li għadhom ma tħallsux hija kunsiderevoli ( 92 ), ma nqisx li dik id-difiża għandha xi mertu partikolari.

98.

It-tieni, dwar l-argumenti tal-Italja li jikkonċernaw (essenzjalment) il-bidliet kostanti fl-istruttura leġiżlattiva bażika tal-Unjoni u d-diffikultajiet amministrattivi u legali konsegwenti biex wieħed jadatta għalihom, imissni nibda billi nosserva li ma kelli ebda gwida miż-żewġ kawżi, la minn waħda u lanqas mill-oħra, iċċitati mill-Italja biex issostni l-argumenti tagħha. Is-sentenza Gerekens u Procola kienet dwar deċiżjoni tar-rinviju minn qorti fil-Lussemburgu dwar il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru relatata mal-imposta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda Stat Membru ma kien prekluż milli jadotta, minflok regoli preċedenti meqjusa bħala diskriminatorji mill-Qorti tal-Ġustizzja, regoli ġodda li japplikaw retroattivament għal produzzjoni li tkun qabżet il-kwoti ta’ produzzjoni inizjali iżda li jkunu f’konformità mar-regoli nazzjonali li jkunu ġew issostitwiti ( 93 ). Ma hemm xejn f’dik is-sentenza li jgħaddi b’xi mod sinjifikattiv biex isostni l-każ tal-Italja. Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Lattepiù ( 94 ) li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Italja fiż-żmien rilevanti ma kinitx tikser il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli dak iż-żmien, hija għamlet hekk abbażi li kellha tibqa’ meqjusa bħala legali leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li kienet tikkoreġi kwantitajiet ta’ referenza individwali ħżiena sabiex jiġi żgurat li l-arranġamenti għall-implementazzjoni tal-imposta jiġu implementati sewwa. Dik il-leġiżlazzjoni, għaldaqstant, kienet proporzjonata ( 95 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għaddietx għal konstatazzjonijiet tax-xorta li l-Italja tissuġġerixxi.

99.

B’mod iktar ġenerali, huwa minnu li, kif il-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-imposta deskritta iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet jagħmilha ċara, l-istorja tagħha kienet ferm iktar milli sempliċi. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi prassi jew sitwazzjonijiet fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 96 ) Il-fatt li l-imposta tidher li kienet problematika biex tiġi amministrata fil-livell tal-Unjoni ma jagħtix lill-Istati Membri carte blanche biex inaqqsu l-effettività tagħha fil-livell nazzjonali.

100.

It-tielet, tibqa’, madankollu, il-kwistjoni jekk dak ir-raġunament jestendix biex jagħmel lill-Istati Membri responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tagħhom. Jidhirli li f’ħafna każijiet huma ma jkunux. Dawk il-qrati huma, wara kollox, indipendenti mill-eżekuttiv. L-Istati Membri ma jistgħux iżommu wieħed miċ-ċittadini tagħhom milli jitlob li jinforza rimedju legali li huwa jqis li jkun disponibbli għalih. Kien innotat li għandha tiġi osservata moderazzjoni kunsiderevoli meta jingħata bidu għal proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri f’dak il-kuntest ( 97 ).

101.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għal dik il-propożizzjoni ġenerali. Sa mill-1970, hija ddeċidiet li n-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi jista’, bħala prinċipju, jiġi stabbilit “tkun liema tkun l-aġenzija ta’ dak l-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha jkunu l-kawża tan-nuqqas li jwettaq l-obbligi tiegħu, anki fil-każ ta’ istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti” ( 98 ). Hija applikat dik il-ġurisprudenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, fejn ikkonstatat li dak l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-Trattat wara sensiela ta’ sentenzi mill-qrati Taljani li kienu wasslu biex il-liġi Komunitarja (ta’ dak iż-żmien) dwar id-dritt għal ħlas lura ta’ imposti miġbura bi ksur tar-regoli applikabbli, issir, fil-prattika, impossibbli jew diffiċli ħafna biex tkun infurzata. Hija nnotat li deċiżjonijiet ġudizzjarji iżolati jew insinjifikattivi fin-numru tagħhom ma kellhomx jitqiesu f’dak il-kuntest u li leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun biżżejjed ċara biex tiżgura l-applikazzjoni tagħha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa sinjifikattiv. Dan ma qalx li l-Italja kienet kisret l-obbligi tagħha skont it-Trattat minħabba l-azzjonijiet tal-qrati nazzjonali tagħha, iżda pjuttost li hija kienet kisret dawk l-obbligi minħabba li kienet naqset milli temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li kienet ġiet interpretata u applikata mill-awtoritajiet amministrattivi u minn proporzjon sostanzjali tal-qrati b’mod tali li l-irkupru tal-imposti kkonċernati kien sar eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli ( 99 ).

102.

Fil-fehma tiegħi, japplikaw prinċipji simili għal dan il-każ. Ma humiex id-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali, u l-konsegwenzi diretti ta’ dawk id-deċiżjonijiet, li għandhom jikkontribwixxu biex jiġi kkonstatat ksur min-naħa tal-Istat Membru. Il-mistoqsija, pjuttost, hija: l-Istat Membru jkun naqas milli jadotta leġiżlazzjoni biex jimplementa d-dritt tal-Unjoni li kienet ċara biżżejjed fl-ewwel lok jew jieħu miżuri biex jemenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fid-dawl ta’ deċiżjonijiet kuntrarji mogħtija mill-ġudikatura nazzjonali? Jekk l-aġir tal-Italja meta ppromulgat u implementat il-leġiżlazzjoni relatata mal-imposta jitkejjel ma’ dak il-kriterju, jidhirli li jkun jista’ jingħad b’mod ċar li hija tkun falliet.

103.

Ir-raba’, dwar l-approvazzjoni tal-Kunsill ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fid-Deċiżjoni 2003/530, jidhirli li l-preżunzjoni inizjali għandha tkun li istituzzjoni tal-Unjoni qatt ma tapprova b’għarfien sħiħ miżuri li dwarhom Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Iżda l-argument tal-Italja jidhirli li huwa bbażat fuq il-premessa li istituzzjonijiet tal-Unjoni barra mill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu l-arbitru (u f’dan il-każ kienu) dwar il-legalità tal-aġir ta’ dak l-Istat Membru. Dan ma jistax ikun. Dik il-funzjoni hija rriżervata għalkollox lill-Qorti tal-Ġustizzja. Jiena, għalhekk, niċħad l-argument tal-Italja dwar dan.

104.

Isegwi, fil-fehma tiegħi, li ebda waħda mid-difiżi speċifiċi mressqa mil-Italja ma tista’ tirnexxi.

Spejjeż

105.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża. Minħabba li nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni, l-Italja għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jogħġobha:

(1)

tiddikjara li, billi naqset milli tiżgura:

li l-imposta addizzjonali pagabbli fir-rigward ta’ kwantitajiet prodotti fl-Italja li kienu qabżu l-kwota nazzjonali mill-ewwel sena li fiha l-imposta addizzjonali kienet fil-fatt ġiet applikata fl-Italja (1995/1996) sal-aħħar sena li fiha kien hemm produzzjoni żejda fl-Italja (2008/2009) kienet fil-fatt ġiet iddebitata fil-kont tal-produtturi individwali li kienu kkontribwixxew għal kull kwantità ta’ produzzjoni żejda

u li l-imposta kienet tħallset fiż-żmien opportun, malli ngħatalhom avviż dwar l-ammont pagabbli, mix-xerrej jew mill-produttur fil-każ ta’ bejgħ dirett

jew, fejn l-imposta ma kinitx tħallset fit-terminu preskritt, li kienet irreġistrata u, meta kien possibbli, miġbura permezz ta’ eżekuzzjoni mingħand dawk ix-xerrejja jew produtturi,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fis-snin ikkonċernati, b’mod partikolari: (i) l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, (ii) l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, (iii) l-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli u, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, (iv) l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/1993, tad-9 ta’ Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ imposta addizzjonali fuq ħalib u prodotti mill-ħalib, (v) l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92, u (vi) l-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004, tat-30 ta’ Marzu 2004, li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament Nru 1788/2003; u

(2)

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar imposta ta’ koresponsabbiltà u dwar miżuri intiżi għall-espansjoni tas-swieq fis-suq tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1977 L 131, p. 6).

( 3 ) Il-perijodu tal-imposta ta’ koresponsabbiltà kien estiż għal numru ta’ drabi, l-aħħar darba bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1894/87, tat-2 ta’ Lulju 1987, li jemenda r-Regolament Nru 1079/77 dwar imposta ta’ koresponsabbiltà u dwar miżuri intiżi għall-espansjoni tas-swieq fis-suq tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1987 L 182, p. 32), li estendieh sas-sena tal-ħalib 1987/1988.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tal-31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1984 L 90, p. 10).

( 5 ) Ara t-tielet premessa tar-regolament.

( 6 ) B’riferiment għalihom iktar ’il quddiem bħala “ħalib”.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KEE), tal-31 ta’ Marzu 1984, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1984 L 90, p. 13). Ir-Regolament kien emendat, fir-rigward tal-obbligu tal-Istat Membru li jħallas l-imposta miġbura, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1305/85, tat-23 ta’ Mejju 1985, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU 1985 L 137, p. 12).

( 8 ) Ara l-Artikoli 6 u 9 tar-regolament. Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑277/98, EU:C:2001:603, punt 12.

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KEE), tal-25 ta’ April 1988, li jemenda r-Regolament Nru 804/68 (ĠU 1988 L 110, p. 27).

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tal-31 ta’ Marzu 1992 li jemenda r-Regolament Nru 804/68 (ĠU 1992 L 86, p. 83).

( 11 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88, tat-3 ta’ Ġunju 1988, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 (ĠU 1988 L 139, p. 12).

( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1992 L 405, p. 1).

( 13 ) Ara t-tieni premessa tiegħu.

( 14 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93, tad-9 ta’ Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1993 L 57, p. 12).

( 15 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jemenda r-Regolament Nru 3950/92 (ĠU 1999 L 160, p. 73).

( 16 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE), tad-9 ta’ Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104).

( 17 ) Ara l-premessa 5.

( 18 ) Regolament tal-Kunsill (KE), tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391).

( 19 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑277/98, EU:C:2001:603, punti 34 sa 36). Għalkemm l-arranġamenti ddettaljati għall-implementazzjoni tal-imposta kienu jfissru li x-xerrejja kienu f’ħafna każijiet responsabbli jħallsu l-imposta lill-awtoritajiet nazzjonali, ir-responsabbiltà attwali biex din titħallas kienet imposta fuq produtturi. Ara ulterjorment in-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 iktar ’il quddiem.

( 20 ) It-tnaqqis ta’ 1 % kien biex “biex jitqiesu l-każijiet ta’ falliment jew in-nuqqas ta’ ħila definittiva min-naħa ta’ ċerti produtturi milli jikkontribwixxu għall-ħlas tat-taxxa dovuta” (premessa 6).

( 21 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004, tat-30 ta’ Marzu 2004, li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament Nru 1788/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3,Vol. 43, p. 333).

( 22 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006, tal-4 ta’ Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament Nru 595/2004 (ĠU L 338M, p. 526); dan kien emendat għall-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

( 23 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007 L 299, p. 1).

( 24 ) Inkluż ir-Regolament Nru 1788/2003.

( 25 ) Jidher li dan sar billi nżammu fis-seħħ it-termini ta’ żmien stabbiliti bir-Regolament Nru 595/2004, kif emendat. Ara r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/517, tas-26 ta’ Marzu 2015, li jemenda r-Regolament Nru 595/2004 (ĠU 2015 L 82, p. 73).

( 26 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE), tal-21 ta’ Ottubru 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 885/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward tal-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u korpi oħra u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u l-FAEŻR (ĠU 2008 L 279, p. 13).Ir-regolament daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2008.

( 27 ) Dan ir-regolament introduċa dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni b’rabta mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005 L 209, p. 1), li ssostitwixxa, inter alia, l-FAEGG bil-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

( 28 ) Kif iddefinita fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1290/2005.

( 29 ) Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013 L 347, p. 671).

( 30 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha (ĠU 2003 L 184, p. 15).

( 31 ) Nagħmel riferiment iktar ’il quddiem għal dawn l-arranġamenti ta’ ħlas iddifferit bħala “l-iskema ta’ ħlas iddifferit tal-2003”.

( 32 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE), tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-iskema tal-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) [ex SA.33726 (11/NN)] — mogħtija mill-Italja (differiment tal-ħlas tal-imposta fuq il-ħalib fl-Italja (ĠU 2013 L 309, p. 40).

( 33 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178.

( 34 ) Ara l-punt 15 tas-sentenza. Il-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni prinċipali kienet il-Liġi Nru 468/92 tas-26 ta’ Novembru 1992, għalkemm il-Kummissjoni wkoll tagħmel riferiment fir-rikors tagħha għad-Digriet Ministerjali Nru 258/89 u għal-Liġi Nru 209/91. Dak il-punt jirreġistra li l-Liġi Nru 468/92 “sussegwentement kienet segwita b’abbundanza ta’ leġiżlazzjoni emendata ħafna.”

( 35 ) Ara l-punt 79 tas-sentenza.

( 36 ) Ara l-punt 16 tas-sentenza.

( 37 ) Ara l-punt 20 tas-sentenza.

( 38 ) Ara l-punti 19, 21 u 22 tas-sentenza.

( 39 ) L-AGEA ssostitwixxiet l-AIMA fl-1999.

( 40 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31).

( 41 ) Nagħmel riferiment iktar ’il quddiem għal dawn l-arranġamenti dwar ħlas iddifferit bħala “l-iskema ta’ ħlas iddifferit tal-2009”.

( 42 ) Magħrufa wkoll bħala “il-liġi ta’ stabbilità tal-2013”.

( 43 ) Equitalia SpA hija kumpannija taħt il-kontroll tal-Istat Taljan.

( 44 ) Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑362/90, EU:C:1992:158, punt 8.

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑525/03, EU:C:2005:648, punt 14.

( 47 ) Ibidem, punti 16 u 17.

( 48 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑168/03, EU:C:2004:525, punt 24.

( 49 ) Il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, wara estensjoni, kien skada fil-11 ta’ Ottubru 2014 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq). L-imposta kienet tneħħiet b’effett mill-31 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

( 50 ) Jiġifieri, wara l-estensjoni permessa mill-Kummissjoni (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) fil-11 ta’ Ottubru 2014.

( 51 ) Ara l-punt 22 et seq. iktar ’il fuq.

( 52 ) Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tippreżenta wkoll sett alternattiv ta’ figuri, li jirreġistra l-ammont li għadu ma tħallasx ta’ EUR 1068 miljun, bil-perċentwali rkuprat li huwa ta’ 23 %. Mitluba tikkjarifika dawn il-figuri waqt is-seduta, il-Kummissjoni qalet li l-figura ta’ EUR 1068 miljun tirrappreżenta l-ammont li għadu ma tħallasx wara t-tnaqqis ta’ somom li dwarhom l-Italja ma pprovatx tissuġġerixxi li ma kellhomx jitqiesu minħabba li kienu suġġetti għal proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, minħabba li l-Kummissjoni qalet ukoll li EUR 1343 miljun imsemmija iktar ’il fuq kienu jirrappreżenta l-ammont li kien fadallu jiġi rkuprat u minħabba li l-ammont suġġett għal ordnijiet ta’ qrati kien irreġistrat fir-rikors bħala EUR 500 miljun, jiena ma nistax nirrikonċilja dawn il-figuri. Għar-raġunijiet li nsemmi fil-punt 48 iktar ’il quddiem, ma nqisx li hemm ħtieġa li nelabora iktar dwar dan il-punt.

( 53 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 15, 16 u 19 tar-Regolament Nru 1546/88.

( 55 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑277/98, EU:C:2001:603, punt 36.

( 56 ) Sa 99 % tal-ammont totali. Ara ulterjorment in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.

( 57 ) B’sostenn tal-argument tagħha dwar dan, l-Italja tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑277/98, EU:C:2001:603. Iżda s-sentenza ma tmurx lil hinn ħlief biex tasal għall-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, f’kull aspett li huwa rilevanti għal-linja ta’ argument tal-Italja. L-Italja ġġib ukoll bħala sostenn tliet sentenzi tal-Qorti Ġenerali ċċitati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha. Dawn huma s-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑426/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:526); tas-6 ta’ Lulju 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑44/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:469), u tat-2 ta’ Diċembru 2014, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑661/11, EU:T:2014:1016. Madankollu, l-Italja ma tagħmel riferiment għal ebda punt jew punti ta’ dawk is-sentenzi biex tagħti sostenn għall-pożizzjoni tagħha u meta wieħed iqishom ma jidhirx li joffru xi sostenn għall-argumenti li hija tressaq. Għalhekk, ma iniex ser inqishom iktar.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑247/98, EU:C:2001:4, punti 1314, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑332/01, EU:C:2004:496, punt 63.

( 59 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 60 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et (C-231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178, punt 75).

( 61 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑35/88, EU:C:1990:302, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et (C‑480/00, C‑482/00, C‑484/00, C‑489/00 sa C‑491/00 u C‑497/00 sa C‑499/00, EU:C:2004:179, punt 87), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li allokazzjonijiet ta’ kwantitajiet ta’ referenza individwali għandhom jiġu nnotifikati lil produtturi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’tali mod li l-persuni kkonċernati jingħataw l-informazzjoni kollha relatata mal-allokazzjoni inkwistjoni. Filwaqt li xerrejja jkollhom x’jaqsmu wkoll mill-qrib fil-proċess li jwassal għall-ħlas tal-imposta (ara, pereżempju, is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 536/93, li tgħid li “ix-xerrejja jġorru r-responsabbiltà ewlenija għall-implementazzjoni korretta tal-arranġamenti”), u bosta drabi jkunu responsabbli jagħtu kont ta’ u jħallsu l-imposta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-allokazzjoni, bħala tali, tal-imposta kienet saret fuq produtturi. Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92.

( 63 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C-303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178, punt 79.

( 64 ) Ara l-punt 81 tas-sentenza.

( 65 ) Ara l-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq.

( 66 ) Rapport Speċjali Nru 2/2012.

( 67 ) Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1034/2008 emenda r-Regolament Nru 885/2006. Dak ir-Regolament kien tħassar b’effett mis-7 ta’ Settembru 2014 bir-Regolament Delaga tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014 L 255, p. 18).

( 68 ) Rapport Nru 11/2013/G dwar kwoti ta’ ħalib.

( 69 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 248/2008, tas-17 ta’ Marzu 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 rigward il-kwoti nazzjonali fuq il-ħalib (ĠU 2008 L 76, p. 6).

( 70 ) Regolament tal-Kunsill (KE), tad-19 ta’ Jannar 2009, dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 (ĠU 2009 L 30, p. 1).

( 71 ) Ara l-punt 9 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2016:885, għal iktar dettalji dwar din il-proċedura.

( 72 ) Ara l-punt 73 iktar ’il fuq.

( 73 ) Rapport Nru 12/2014 G.

( 74 ) Artikolu 8 d (10) tal-Liġi Nru 33/2009, kif emendata bil-liġi ta’ stabbiltà tal-2013.

( 75 ) Ara, fost ħafna, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) Ibidem.

( 77 ) Ara l-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq

( 78 ) Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm concursus debiti et crediti.

( 79 ) Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.

( 80 ) Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.

( 81 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 82 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑226/01, EU:C:2003:60, punt 32.)

( 83 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperative Lattepiù et (C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178, punt 68).

( 84 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑277/98, EU:C:2001:603, punt 40).

( 85 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

( 86 ) Ara l-punti 54 u 57 iktar ’il fuq.

( 87 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004 (C‑459/02, EU:C:2004:454).

( 88 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et (C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178).

( 89 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, C‑277/98, EU:C:2001:603.

( 90 ) Ara l-punt 36 tas-sentenza.

( 91 ) Għandi nżid għas-saħħa ta’ kompletezza li ma nqisx li r-rekwiżit impost bir-Regolament Nru 1788/2003 li l-Istati Membri jħallsu 99 % tal-imposta lill-FAEGG (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) bħala li jsarraf f’obbligu għalihom biex jirkupraw dak l-ammont mingħand il-produtturi.

( 92 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

( 93 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola (C‑459/02, EU:C:2004:454, punt 38).

( 94 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et (C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178).

( 95 ) Ara l-punti 80, 84 u 85 tas-sentenza.

( 96 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 53). Ara wkoll, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttivi għal-liġi nazzjonali, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑364/00, EU:C:2002:282, punti 7 sa 10), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti tal-Gvern Olandiż dwar, mingħajr dubju, diffikultajiet kunsiderevoli li kien iltaqa’ magħhom fl-implementazzjoni ta’ miżura partikolari. Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li, meta kienet mistoqsija fis-seduta dwar ir-rata relattiva tal-irkupru fl-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni wieġbet li, għas-snin 2003/2004 sa 2006/2007, ma kienx hemm ammont tal-imposta mhux irkuprat fl-Olanda. Abbażi ta’ dan, irkupru sħiħ huwa għan li jista’ jintlaħaq. Ara wkoll, fir-rigward tar-rwol tal-qrati nazzjonali nfushom fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punti 60 et seq).

( 97 ) Ara, dwar dan, Timmermans, C.W.A., “Use of the Infringement Procedure in Cases of Judicial Errors”, The European Union, an Ongoing Process of Integration, T.M.C. Asser Press, Den Haag, 2004, p. 155.

( 98 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1970, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (77/69, EU:C:1970:34, punt 15).

( 99 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656, punti 32, 33, 41 u d-dispożittiv). Il-propożizzjoni tingħad b’mod iktar fil-qosor fl-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata għal tilwimiet dwar il-privattivi) tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 87.

Top