EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0289

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:622

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑289/15

Grundza

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali, Prešov, is-Slovakkja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI — Ċittadin tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kkundannat fl-Istat emittenti għal tfixkil fl-implementazzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali — Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja”

I – Introduzzjoni

1.

J. Grundza huwa ċittadin Slovakk. Huwa ġie interċettat isuq vettura fit-toroq ta’ Praga bi ksur ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità amministrattiva Ċeka li pprojbietu milli jsuq vetturi bil-mutur. Sussegwentement, huwa ġie kkundannat minn qorti Ċeka għal ħmistax-il xahar priġunerija għal, inter alia, “tfixkil fl-implementazzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali”.

2.

Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 2 ), l-awtorità ġudizzjarja Ċeka kompetenti talbet li s-sentenza kontra J. Grundza tiġi rrikonoxxuta u li l-piena tiġi skontata fis-Slovakkja. Madankollu, il-qorti Slovakka adita b’dik it-talba għandha dubji dwar jekk il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hijiex issodisfatta f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni mfixkla kienet ingħatat minn awtorità Ċeka u mhux minn awtorità Slovakka.

3.

Dan il-każ jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. X’elementi huma rilevanti u f’liema livell ta’ astrazzjoni għandhom dawn l-elementi jiġu kkunsidrati sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja?

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-UE

4.

Skont l-Artikolu 3(1), l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huwa “li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena”.

5.

L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fih lista ta’ tnejn u tletin reat li għalihom il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma għandhiex tkun ivverifikata sabiex tiġi rrikonoxxuta sentenza jew biex piena tiġi eżegwita.

6.

L-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li għal “reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu”.

7.

L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fih lista ta’ raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kundanna. Dak li huwa rilevanti f’din il-kawża hija r-raġuni elenkata taħt is-subparagrafu (d) li bis-saħħa tiegħu l-awtorità kompetenti ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u teżegwixxi kundanna jekk: “f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) […] is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-esekuzzjoni ta’ sentenza m’għandhiexs tiġi rifjutataminħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ regolamenti dwar taxxi, dazji u dwana u kambju bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti”.

B – Id-dritt nazzjonali

8.

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ġiet trasposta mir-Repubblika Slovakka bizzákon o uznávaní a výkone rozhodnutí, ktorými sa ukladá trestná sankcia spojená s odňatím slobody v Európskej únii (Liġi Nru 549/2011 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jimponu sazjonijiet kriminali li jirrestrinġu l-libertà fl-Unjoni Ewropea). Meta ttrasponiet l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-Repubblika Slovakka għażlet li żżomm il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja għar-reati koperti b’dik id-dispożizzjoni.

9.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 549/2011, huwa fil-prinċipju possibbli li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita sentenza fir-Repubblika Slovakka jekk l-att li għalih ingħatat is-sentenza jikkostitwixxi wkoll reat skont id-dritt Slovakk. Skont l-Artikolu 16(1)(b) tal-Liġi Nru 549/2011, “il-Qorti għandha tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni jekk il-fatti li fuq il-bażi tagħhom ingħatat id-deċiżjoni ma jikkostitwixxux reat skont id-dritt Slovakk […]”.

10.

Ir-reat tat-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali jeżisti kemm fid-dritt Slovakk kif ukoll dak Ċek. Id-definizzjoni ta’ dan ir-reat huwa kważi identiku fiż-żewġ ordinamenti ġurudiċi.

11.

Bis-saħħa tal-Artikolu 337(1)(a) taz-zákon Nru 40/2009 Sb., Trestní zákoník (kodiċi kriminali Ċek), “kull min ifixkel jew jagħmel sostanzjalment iktar diffiċli l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ awtorità pubblika oħra billi jagħmel attività li kien ipprojbit li jagħmel b’din id-deċiżjoni jew li għaliha huwa b’hekk tilef jew ġiet irtirata mingħandu l-awtorizzazzjoni korrispondenti taħt dispożizzjonijiet ġuridika oħra għandu jingħata piena sa sentejn priġunerija”.

12.

Bis-saħħa tal-Artikolu 348(1)(d) taz-zákon 300/2005 Z.z., Trestný zákon (kodiċi kriminali Slovakk) “kull min ifixkel jew jagħmel sostanzjalment iktar diffiċli l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ awtorità pubblika oħra billi jagħmel attività li kien ipprojbit li jagħmel b’din id-deċiżjoni għandu jingħata piena sa sentejn priġunerija”.

13.

Il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja diġà ġiet eżaminata f’żewġ deċiżjonijiet tan-Najvyšši súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) (iktar ’il quddiem l-“NS”), li fid-digriet tar-rinviju hemm riferiment għat-tnejn li huma. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw it-trasferiment ta’ persuni kkundannati u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja f’ċirkustanzi fattwalment simili – ir-rikonoxximent fis-Slovakkja ta’ piena imposta fir-Repubblika Ċeka għar-reat tat-tfixkil fl-eżekuzzjoni a’ deċiżjoni uffiċjali. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet ma ngħatawx fil-kuntest partikolari tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, imma pjuttost taħt ir-reġim legali preċedenti, li kien japplika fiż-żmien rilevanti.

14.

Fl-2010, l-NS iddeċidiet li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma kinitx issodisfatta għar-reat inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri, it-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali. Ir-raġuni kienet l-hekk imsejħa analiżi in conreto tal-kriminalità doppja, li wasslet lill-NS għall-konklużjoni li wieħed mill-elementi tar-reat kien nieqes taħt id-dritt Slovakk: is-sentenza Ċeka li kellha tiġi rrikonoxxuta ma kinitx tirrigwarda deċiżjoni maħruġa minn awtorità Slovakka ( 3 ).

15.

Madankollu, sussegwentement l-NS ħadet approċċ differenti. Hija kkonkludiet, f’kawża differenti, li l-evalwazzjoni in concreto tal-kriminalità doppja kienet attwalment issodisfatta għar-reat tat-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali. L-NS ikkunsidrat li l-interess protett tar-Repubblika Ċeka li kien affettwat mit-tfixkil għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni uffiċjali Ċeka kellu jitqies b’analoġija daqslikieku kien interess tal-Istat Slovakk. Fi kliem ieħor, il-fatt li r-reat ma kienx jirrigwarda deċiżjoni uffiċjali maħruġa minn awtorità Slovakka imma deċiżjoni uffiċjali ta’ awtorità Ċeka, ma kienx jipprekludi l-konklużjoni li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja kienet issodisfatta ( 4 ).

III – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

16.

Fit-12 ta’ Frar 2014, l-awtorità muniċipali ta’ Přerov (ir-Repubblika Ċeka) imponiet fuq J. Grundza projbizzjoni fuq is-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Fid-9 ta’ Marzu 2014, J. Grundza wettaq serqa fir-Repubblika Ċeka. Fid-9 ta’ Awwissu 2014, J. Grundza saq vettura bil-mutur fi Praga u ġie interċettat. Fit-28 ta’ Awwissu 2014, huwa nstab ħati tar-reat tat-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali. Eventwalment, fit-3 ta’ Ottubru 2014, ġiet imposta fuqu kundanna kumulattiva ( 5 ) ta’ ħmistax-il xahar ħabs għal serq u tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali.

17.

Sussegwentement, l-awtorità ġudizzjarja Ċeka kompetenti talbet, skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li s-sentenza finali kontra J. Grundza tiġi rrikonoxxuta u li l-piena tiġi skontata fis-Slovakkja.

18.

Wara li eżaminat it-talba u qieset il-ġurisprudenza diverġenti tal-qorti suprema Slovakka dwar l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja ppreżentata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha dubji ekk il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hijiex issodisfatta f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni mfixkla nħarġet minn awtorità Ċeka.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali, Prešov) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 7(3) u 9(1)(d) tad-Deċiżjoni [2008/909/ĠAI] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta biss jekk il-fatt li fir-rigward tiegħu ngħatat id-deċiżjoni li għandha tiġi rikonoxxuta jikkostitwixxi, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni konkreta tagħha (in concreto), ksur ukoll skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mill-kwalifika tal-ksur), jew huwa biżżejjed sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta li dan il-fatt ikun jikkostitwixxi delitt [reat] b’mod ġenerali (in abstracto) ukoll skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet Awstrijak, Ċek, Slovakk u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Gvern Ċek u dak Slovakk kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li saret fil-25 ta’ Mejju 2016.

IV – Kunsiderazzjonijiet

A – Introduzzjoni: Nota fuq it-terminoloġija

21.

L-Istati Membri kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta f’din il-kawża. Madankollu l-argumenti tagħhom huma differenti sabiex waslu għal din il-konklużjoni.

22.

Id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tiddependi fuq id-distinzjoni terminoloġika bejn evalwazzjoni in abstracto u evalwazzjoni in concreto tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja.

23.

Dik it-terminoloġija tintuża b’mod frekwenti fid-duttrina tad-dritt kriminali. Il-kontenut speċifiku u preċiż ta’ dawn il-kliem (in concreto u in abstracto) huwa, madankollu, inqas ċar. Jidher li huwa mifhum b’mod differenti minn diversi awturi ( 6 ).

24.

Meta wieħed ifittex denominatur komuni f’dawn id-diversi definizzjonijiet, jista’ forsi jiġi ssuġġerit li l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja in abstracto teħtieġ il-verifika tal-kwistjoni dwar jekk l-aġir u l-atti msemmija fis-sentenza tal-Istat emittenti jammontawx għal reat jekk twettaq fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

25.

L-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja in concreto tidher li teħtieġ ferm iktar, inkluż l-osservanza ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ responsabbiltà kriminali kif iddefinita mil-liġijiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, bħall-età u l-istat mentali tal-akkużat jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi fattwali oħrajn li fih twettaq l-att.

26.

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kif ukoll id-diskussjoni li żvolġiet waqt is-seduta juru li teżisti diversità kunsiderevoli fost l-Istati Membri dwar kif jinftiehmu eżattament il-kunċetti ta’ in concreto u in abstracto fil-kuntest tal-kriminalità doppja.

27.

Dik id-diskussjoni wriet biċ-ċar ukoll li d-distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja in abstracto u dik in concreto ma hijiex għażla binarja, imma pjuttost skala li tvarja. Din id-distinzjoni hija bbażata fuq il-livell ta’ astrazzjoni magħżul għall-analiżi tal-kriminalità doppja. Fl-ogħla livell ta’ astrazzjoni, jista’ jiġi argumentat li l-punt fokali qiegħed fuq is-sempliċi immoralità tal-att: ċertu att jitqies immorali fiż-żewġ sistemi. Iktar ’l isfel wieħed isib l-elementi kostitwenti bażiċi tad-delitt. Terġa’ iktar ’l isfel fl-iskala tal-astrazzjoni, wieħed jista’ jeżamina l-elementi partikolari kollha tar-responsabbiltà kriminali, inklużi, pereżempju l-kwistjoni tal-età, jew l-eżistenza (jew l’assenza) ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, imma anki s-severità tas-sanzjonijiet. Fil-livell l-iktar baxx ta’ astrazzjoni (jew aħjar, fl-ogħla livell ta’ konkretizzazzjoni), l-elementi fattwali individwali kollha tal-att huma rilevanti wkoll. Dak li huwa meħtieġ hemmhekk huwa fil-fatt identità virtwali tal-att u l-evalwazzjoni legali tiegħu taħt iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi inkwisjtoni.

28.

Allura fejn qiegħda l-linja diviżorja bejn in abstracto u in concreto? B’mod simili għal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fis-seduta, jiena tal-fehma li meta wieħed joqgħod jargumenta dwar dawn il-kunċetti u l-kontenut speċifiku tagħhom ma tantx ikun kompletament ta’ għajnuna sabiex il-qorti nazzjonali tingħata risposta utli f’dion il-kawża. Barra minn hekk, invista tad-diversità ta’ interpretazzjoni fost l-Istati Membri li intervjenew ta’ kif il-kliem in abstracto u in concreto għandu jiġi ddefinit preċiżament, jekk wieħed joqgħod iwaħħal “tikketti” terminoloġiċi dan jista’ jkun potenzjalment żbaljat billi jispiċċa sabiex jinftiehem b’modi differenti.

29.

Għal dawn ir-raġunijiet, iktar milli wieħed joqgħod jara l-kunċetti, l-analiżi f’dawn il-konklużjonijiet ser tkun funzjonali. Ser nissuġġerixxi risposta lill-qorti nazzjonali bbażata fuq l-operazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fil-kuntest tas-sistema intra-Unjoni ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 b’mod partikolari.

30.

Madankollu, qabel ma nagħmel dik l-analiżi funzjonali, huwa utli li nikkunsidra fil-qosor l-iżvilupp tal-kunċett ta’ kriminalità doppja fil-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew. Dan l-iżvilupp jgħinni nifhem aħjar x’kellha tikseb id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

B – Żvilupp tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja

31.

Ir-rekwiżit tal-kriminalità doppja ġeneralment jeħtieġ l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni extraterritorjali ta’ Stat ikun suġġett għall-fatt li l-aġir ikkonċernat ikun kriminalizzat taħt kemm fid-dritt fis-seħħ fil-post fejn twettaq l-att kif ukoll mid-dritt tal-Istat li jippunixxi l-att ( 7 ). Huwa marbut mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u, iktar speċifikament, mal-previdibbiltà tas-sanzjonijiet (nulla poena sine lege).

32.

Il-kriminalità doppja kienet kundizzjoni tradizzjonali għall-estradizzjoni. Għalkemm l-istrumenti tad-dritt internazzjonali jistgħu jelenkaw reati speċifiċi li jkunu suġġetti għall-estradizzjoni, l-estradizzjoni tkun ta’ spiss suġġetta għar-rekwiżit addizzjonali li r-reat ikun kriminalizzat fl-ordinamenti ġuridiċi taż-żewġ Stati involuti ( 8 ).

33.

Ir-rekwiżit tal-kriminalità doppja huwa inerenti fil-prinċipji ta’ sovranità, ta’ reċiproċità u tan-nuqqas ta’ intervent, li jikkositwixxu l-elementi fundamentali ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati sanċiti fl-istrumenti tad-dritt pubbliku internazzjonali. Din il-kooperazzjoni essenzjalment għandha l-għan li tevita li jkun hemm indħil fl-affarijiet domestiċi tal-Istati involuti ( 9 ).

34.

B’kuntrast, is-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja intra-UE f’materji kriminali tiddependi primarjament fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 10 ). F’din is-sistema, l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri differenti huma miftuħin għal xulxin fuq il-bażi ta’ fiduċja reċiproka msaħħa fis-sistemi ġudizzjarji kriminali ta’ xulxin.

35.

Fuq livell iktar prattiku, dan ifisser li ladarba tkun ġiet adottata deċiżjoni fi Stat Membri wieħed, għandha “tkun irrikonoxxuta u eżegwita fi [S]tati [M]embri oħrajn kemm jista’ jkun malajr u bl-inqas kunflitt possibbli, daqslikieku kienet deċiżjoni nazzjonali” ( 11 ).

36.

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku wassal, fost affarijiet oħra, għat-twaqqif ta’ lista ta’ reati li dwarhom l-eżami tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja twarrab u għalhekk ma għandux isir.

37.

Id-deroga, għalkemm parzjali, mir-rekwiżit tal-kriminalità doppja tirrappreżenta bidla kwalitattiva mill-prattika taħt l-istrumenti tad-dritt pubbliku internazzjonali. Din id-deroga ġiet introdotta l-ewwel mid-Deċiżjoni kwadru [Qafas]2002/584 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ( 12 ) u minn dak iż-żmien ġiet estiża f’numru ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ) inkluża d-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

38.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 issostitwiet is-sistema multilaterali ta’ estradizzjoni li qabel kienet fis-seħħ fost l-Istati Membri ( 14 ). Fuq l-istess linja, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 kienet issostitwiet diversi strumenti tad-dritt internazzjonali bil-għan li jiżdied il-livell ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

39.

L-istrumenti tad-dritt internazzjonali li ġew qabel id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 kienu l-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati, il-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Kriminali Barranin, u l-Konvenzjoni Ewopea dwar il-Validità Internazzjonali tas-Sentenzi Kriminali ( 15 ). Dawk l-istrumenti kollha fihom dispożizzjonijiet fuq il-kriminalità doppja ( 16 ).

40.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu din id-dinamika storika meta titqies il-funzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. It-tħaddim ta’ din ir-regola taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma għandux jipproduċi interazzjonijiet inqas żviluppati jew iktar ineffiċjenti fost l-Istati Membri, imqabbla mas-sistema inqas integrata ta’ qabel ibbażata fuq l-istrumenti tad-dritt internazzjonali ċċitati iktar 'il fuq.

C – L-operazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

41.

Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, trid tkun taf dwar il-livell xieraq ta’ astrazzjoni jew ġeneralizzazzjoni li fih għandu jiġi eżaminat att kriminali li jwassal għal piena sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909. B’mod iktar speċifiku, id-domanda trid tiżgura jekk l-Artikoli 7(3) u 9(1)(d) tad-deċiżjoni qafas għandhomx jiġu interpretati bħala li jfissru li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta meta:

a)

ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena jintalbu fir-rigward ta’ atti li kienu kklassifikati fl-Istat emittenti bħala reat ta’ “tfixkil fl-implementazzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali”, u meta

b)

reat deskritt b’mod simili jeżisti wkoll fid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, imma meta

c)

id-dritt, jew aħjar, il-ġurisprudenza tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun teħtieġ mid-dehra, sabiex iseħħ dan ir-reat, li d-deċiżjoni uffiċjali tkun ħarġet minn waħda mill-awtoritajiet tagħha.

42.

Għandu jitfakkar qabel kollox li l-operazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u l-verifika tal-kriminalità doppja jiddependu fuq jekk ir-reat ikkonċernat huwiex inkluż fil-lista fl-Artikolu 7(1). Għar-reati elenkati fih, il-qrati tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma humiex, bħala prinċipju ( 17 ), permessi li jeżaminaw jekk il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hijiex issodisfatta meta jirrikonoxxu s-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena imposta fl-Istat emittenti.

43.

Ir-reat ta’ tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali ma jinsabx f’din il-lista.

44.

Meta reat ma jkunx elenkat fl-Artikolu 7(1), il-kriminalità doppja tista’ tiġi eżaminata. Jekk il-kriminalità doppja tiġix eżaminata jew le għal dawn ir-reati hija għażla għall-Istat Membru u mhux obbligu. Għalhekk, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk japplikawx il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja għal reati li ma humiex elenkati fl-Artikolu 7(1).

45.

Ir-Repubblika Slovakka użat dik il-possibblità. Għaldaqstant, il-qrati Slovakki għandhom jivverifikaw din il-kundizzjoni meta jqisu talbiet għat-trasferiment ta’ persuni kkundannati fi Stati Membri oħra.

46.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex nipprovdi lill-qorti tar-rinviju bi gwida utli fuq il-kriterju applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-ewwel ser inqis l-elementi rilevanti li għandhom jiġi kkunsidrati meta ssir evalwazzjoni bħal din (1), qabel ma ngħaddi għall-kwistjoni speċifika tal-interess tal-Istat protett li jirriżulta f’din il-kawża (2).

1. L-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja

47.

L-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiddefinixxi l-portata tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja billi jirrikjedi li l-awtorità kompetenti tivverifika jekk l-atti kkonċernati jikkostitwixxux ukoll reat skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tiegħu jew mid-deskrizzjoni tiegħu.

48.

Żewġ elementi għandhom jiġu enfasizzati. L-ewwel nett, meta jenfasizza l-approċċ flessibbli li għandu jittieħed għall-elementi kostituttivi tar-reat, l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jagħmilha ċara li ma hemmx għalfejn li jkun hemm qbil perfett bejn il-komponenti kollha tar-reat, kif iddefiniti rispettivament mid-dritt tal-Istati Membri emittenti u ta’ eżekuzzjoni.

49.

It-tieni nett, bl-insistenza fuq il-flessibbiltà fir-rigward tad-deskrizzjoni tar-reat, l-Artikolu 7(3) tad-deċiżjoni qafas jagħmilha ċara wkoll li ma hemmx bżonn ta’ qbil eżatt fl-isem jew it-tassonomija tar-reat bejn l-Istat Membru emittenti u dak ta’ eżekuzzjoni.

50.

Iżda, dak li l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jenfasizza bħala rilevanti, u tassew deċiżiv, huwa l-qbil bejn l-elementi fattwali bażiċi tal-att kriminali, kif rifless fis-sentenza tal-Istat emittenti, minn naħa, u d-definizzjoni tar-reat li jipprovdi d-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, min-naħa l-oħra.

51.

L-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja għalhekk teħtieġ essenzjalment żewġ stadji: (1) delokalizzazzjoni li tinvolvi li wieħed jieħu l-karatteristiċi bażiċi tal-att mwettaq fl-Istat emittenti, u dak l-att jitqies daqslikieku seħħ fl-Istat ta’ eżekuzzjoni u (2) klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti bażiċi taħt kwalunkwe reat adegwat kif iddefinit mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

52.

Fi kliem ieħor, il-mistoqsijiet li għandhom isiru mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fil-proċess ta’ “konverżjoni” bħal din huma: jista’(jistgħu) l-att(i) li wassal(wasslu) għas-sentenza fl-Istat emittenti jaqa’(jaqgħu) taħt kwalunkwe reat li jipprovdi d-dritt kriminali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni? Dan l-att jista’ jitqies kriminalment punibbli fih innifsu jekk jitwettaq fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni?

53.

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi u jiġi(u) ddefinit(i) l-att(i) rilevanti għall-konverżjoni, jiena tal-fehma li dawn id-domandi għandhom jitqiesu f’livell relattivament għoli ta’ astrazzjoni. Irid isir qbil bejn l-elementi fattwali bażiċi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti qiesu bħala li huma rilevanti għall-kundanna kriminali tal-ħati u l-elementi kostituttivi ta’ reat kif deskritt mid-dritt kriminali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

54.

Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (“indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu”) jagħmilha ċara li l-qbil ma għandux jinstab fost id-definizzjonijiet leġiżlattivi rispettivi tar-reat fis-sistemi ġuridiċi tal-Istat emittenti u dak ta’ eżekuzzjoni ( 18 ).

55.

Ċertament f’numru ta’ każijiet, ikun pjuttost faċli li jinsab qbil fil-livell leġiżlattiv. Jidher li dan huwa l-każ hawnhekk. Ir-reat kriminali ta’ tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali huwa ddefinit kważi b’mod identiku fil-Kodiċi Kriminali Ċek u dak Slovakk. F’każijiet oħrajn, madankollu, ir-reat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi interpretat kemxejn differenti mir-reat fl-Istat emittenti. L-elementi kostituttivi taż-żewġ reati jistgħu ma jkunux eżattament l-istess. Jew l-elementi kostituttivi jistgħu jkunu pjuttost simili, imma r-reati jistgħu jissejħu xi ħaġa differenti fis-sistemi ġuridiċi rispettivi. Barra minn hekk, fil-kodiċijiet kriminali, id-definizzjoni tar-reat “inizjali” tista’ tkun pjuttost ristretta u tista’ tkun parti minn kategorija usa’ ta’ reati li għandhom jinqraw flimkien għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja.

56.

Madankollu, kif ġie enfasizzat diġà, huwa pjuttost ċar li l-konverżjoni intiża ta’ reat mill-Istat emittenti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tkun “dijagonali” (bl-elementi fattwali bażiċi mill-Istat emittenti jidħlu taħt id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni), u mhux “orizzontali” (fejn wieħed ifittex għal qbil bejn id-definizzjonijiet leġiżlattivi ta’ reat fiż-żewġ Stati).

57.

Sabiex nagħti eżempju iktar konkret, fil-każ preżenti ta’ J. Grundza, dak li għandu jiġi kkonvertit hija d-deskrizzjoni bażika tal-att, li jista’ jiġi spjegat sempliċiment bħala: att ta’ persuna li ssuq vettura bil-mutur minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni uffiċjali li tipprojbixxi aġir bħal dan.

58.

Imbagħad, il-mistoqsija hija: att bħal dak ikun punibbli wkoll skont il-liġijiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jekk jitwettaq fit-territorju tiegħu? Fil-kuntest Slovakk, it-tweġiba tidher li hija fl-affermattiv.

59.

Madankollu, il-delokalizzazzjoni u l-klassifikazzjoni jistgħu inġenerali jmorru anki lil hinn minn hekk, tant li jwasslu għal tibdil fit-tassonomija tar-reat skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. L-eżempju li ta l-Gvern Ċek fis-seduta jipprovdi eżempju utli f’dan ir-rigward. Dan jikkonċerna r-reat ta’ “sewqan mingħajr liċenzja” previst fil-Kodiċi Kriminali Ġermaniż ( 19 ). Jidher li skont id-dritt kriminali Ġermaniż, l-att li wettaq J. Grundza potenzjalment jista’ ma jiġix ikklassifikat bħala “tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali”, imma bħala “sewqan mingħajr liċenzja”. Madankollu, anki kieku dan kien il-każ, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja taħt l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 xorta tkun issodisfatta. Tibdil fit-tassonomija tad-dritt kriminali huwa espressament previst u awtortizzat minn kliem dik id-dispożizzjoni meta -reati jiġu kkonvertiti minn sistema ġuridika għal oħra.

60.

Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, l-approċċ li għandu jiġi adottat għall-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiddependi fuq il-ġeneralizzazzjoni, fuq livell ogħla ta’ astrazzjoni, tal-aġir li ġie eżaminat u kkundannat mill-qorti tal-Istat emittenti. Dik il-ġeneralizzazzjoni neċessarjament timplika ċerta flessibbiltà fil-proċess ta’ konverżjoni li matulu l-att ikkonċernat huwa eżaminat b’riferiment għad-diversi definizzjonijiet disponibbli ta’ reati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

61.

Barra minn hekk, is-suġġeriment li l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja teħtieġ livell kunsiderevoli ta’ astrazzjoni huwa kkonfermat ukoll mill-portata pjuttost ristretta ta’ informazzjoni li hija pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti fuq il-formula standardizzata li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

62.

Il-livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jiddependi fuq jekk it-talba għar-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena jirrigwardawx reati elenkati fl-Artikolu 7(1) (punti 1 u 2 tas-subparagragu h) tal-Anness I) jew jekk it-talba tirrigwardax reati oħra (mhux elenkati) (punti 1 u 3 tas-subparagrafu h) tal-Anness I).

63.

Madankollu, anki għar-reati mhux elenkati li jistgħu jkunu suġġetti għall-eżami tal-kriminalità doppja, l-informazzjoni standardizzata li għandha tiġi pprovduta hija pjuttost bażika. Kif osserva l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, informazzjoni tant limitata ċertament ma tippermettix evalwazzjoni usa’ tal-każ.

64.

Għalhekk, jista’ jkun hemm differenzi individwali fit-tassonomija tad-dritt kriminali imma dawk il-partikolaritajiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja. Dak li huwa importanti hu jekk it-tip tal-att, jekk imwettaq fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ikunx fih innifsu punibbli kriminalment fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

65.

Għandha ssir enfasi partikolari fuq il-kliem punibbli fih innifsu, minflok fuq, jekk tkun suġġetta għal proċeduri kriminali, il-persuna kkundannata kinitx tkun misjuba ħatja u kkundannata wkoll kieku l-proċess kriminali kellu jsir taħt id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

66.

F’dan ir-rigward ninnota li l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huwa li jiffaċilita r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati billi tagħmilha possibbli għalihom li jiskontaw il-pieni tagħhom fi Stat Membru ieħor.

67.

Dan ifisser li l-għan huwa t-trasferiment tal-persuni kkundannati diġà u r-reintegrazzjoni soċjali tagħhom. Mingħajr ebda dubju ma huwiex sabiex jiġu kkontestati deċiżjonijiet finali jew isiru proċessi kriminali mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Hija għal dik ir-raġuni li l-kooperazzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tista’ tiġi attivata biss ladarba l-proċess ikun sar u s-sentenza finali tkun ingħatat mill-Istat emittenti.

68.

F’dak il-kuntest, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tinftiehem ġustament bħala valv tas-sigurezza reżidwu li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jattiva sabiex jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ piena għal att li ma huwiex fih innifsu ikkriminalizzat skont id-dritt tiegħu stess. Fi kliem ieħor, Stat Membru ma jistax jiġi obbligat li jirrikonoxxi u jeżegwixxi piena għal aġir li l-Istat u s-soċjetà tiegħu ma jqisux li huwa moralment ħażin li għandhom jikkriminalizzawh ( 20 ).

2. Ir-rilevanza ta’ interess speċifiku tal-Istat protett

69.

Kif intqal diġà iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 teħtieġ id-delokalizzazzjoni tal-fatti, magħmula f’livell għoli ta’ astrazzjoni, u l-klassifikazzjoni tagħhom taħt id-dritt kriminali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

70.

Huwa għal kollox loġiku li din il-konverżjoni ssir ukoll fir-rigward tal-interess tal-Istat partikolari involut fir-reat. Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-att li għandu jiġi kkonvertit, interess ta’ Stat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-interess nazzjonali partikolari tal-Istat partikolari (jiġifieri tal-Istat emittenti) imma pjuttost bħala interess wieħed ta’ Stat li jiġi evalwat, flimkien ma’ elementi bażiċi oħra tal-att ikkonċernat, taħt id-dritt kriminali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

71.

Jista’ jiġi rrikonoxxut mingħajr dubju li f’każijiet partikolari u pjuttost estremi, jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għal konverżjoni inkundizzjonata tal-interessi tal-Istat rispettivi tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ maġġoranza kbira ta’ reati oħrajn, inkluż it-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali, sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tista’ topera biss jekk dak li huwa tassew protett hija l-awtorità ta’ “deċiżjoni uffiċjali”, u mhux biss l-“awtorità tad-deċiżjonijiet maħruġa esklużivament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru X”.

72.

Din l-interpretazzjoni tat-tifsira tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija kkonfermata wkoll minn żewġ argumenti oħra sistemiċi.

73.

L-ewwel nett ninnota li wħud mir-reati elenkati fl-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (li fir-rigward tagħhom il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tneħħiet għal kollox) jimmiraw b’mod ċar li jipproteġu l-interess speċifiku tal-Istat li huma mwettqa kontrih. Dawn huma, pereżempju, is-sabutaġġ, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ muniti, li jiġu ffaċilitati dħul u residenza mhux awtorizzati, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom jew il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament.

74.

It-tieni nett, l-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jaħseb għall-possibbiltà tar-rifjut tar-rikonoxximent ta’ sentenza u l-eżekuzzjoni ta’ piena jekk il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma tiġix issodisfatta. Madankollu, jgħid li “[…] fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-esekuzzjoni ta’ sentenza m’għandhiexs tiġi rifjutataminħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ regolamenti dwar taxxi, dazji u dwana u kambju bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti”.

75.

Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet it-tnejn jikkorroboraw, fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni li r-rikonoxximent reċiproku skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 suppost jittraxxendi, b’mod ġenerali, il-partikolariżmu tal-interessi ta’ Stat Membru. Wara kollox, mhux dan ifisser preċiżament ir-rikonoxximent u r-rispett reċiproku?

76.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nikkonkludi li l-Artikoli 7(3) u 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena huma meħtieġa fir-rigward ta’ att li, meqjus f’livell relattivament għoli ta’ astrazzjoni, huwa fih innifsu punibbli kriminalment taħt id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, irrispettivament minn qbil eżatt bejn it-tassonomija użata sabiex tiddeskrivi dan ir-reat fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

V – Konklużjoni

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula mill-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) kif ġej:

“L-Artikoli 7(3) u 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena jkunu mitluba rigward ta’ att li, meqjus f’livell relattivament għoli ta’ astrazzjoni, huwa fih innifsu punibbli kriminalment taħt id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, irrispettivament minn qbil eżatt bejn it-tassonomija użata sabiex tiddeskrivi dan ir-reat fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 L 327, p. 27).

( 3 ) Sentenza tal-NS tas-26 ta’ Jannar 2010, sp. Zn. 2 Urto 1/2011, ippubblikata fiz-Zbierka stanovisk NS a sudov SR taħt ir-riferiment 2/2011, Nru. 17, p. 9, aċċessibbli fi http://www.supcourt.gov.sk/data/files/88_stanoviska_rozhodnutia_2_2011.pdf.

( 4 ) Digriet tan-NS, tal-5 ta’ Settembru 2012, sp. zn. 3 Urto 1/2012 aċċessibbli fi http://www.supcourt.gov.sk/data/att/23S02_subor.pdf).

( 5 ) Skont id-dritt Ċek, meta timponi “piena kkumulattiva” (“souhrnný trest”), il-qorti tagħti piena għal żewġ reati jew iktar imwettqin mill-istess ħati f’piena waħda. Il-qorti tannulla d-dispożittiv tas-sentenza(i) preeżistenti li għandha(hom) x’taqsam(jaqsmu) mal-piena imbagħad “tassorbi”, b’ċertu mod, il-pieni(i) imposta(i) diġà f’piena waħda ġdida.

( 6 ) Ara, pereżempju, Plachta M., “The Role of Double Criminality in International Cooperation in Penal Matters”, f’Jareborg (ed) Double criminality: Studies in International Criminal Law, (Kriminalistik Institut, 1989), p. 105; Ballegooij W., The Nature of Mutual Recognition in European Law: Re-examining the Notion form an Individual Rights Perspective with a View to Its Further Development in the Criminal Justice Area, Intersentia, 2015, p. 127; Flore D., “Reconnaissance mutuelle, double incrimination et territorialité” f’La reconnaissance mutuelle des décisions judiciaires pénales dans l’Union européenne (Éditions de l’Université de Bruxelles, 2001) paġni 69 u 70; Keijzer N., “The Double Criminality Requirement” f’Blekxtoon et al (ed.) Handbook on the European Arrest Warrant (T.M.C. Asser Press, 2005,) p. 137; Cahin G., La double incrimination dans le droit de l’extradition (RGDIP, 2013) nru 3, p. 586; Cameron I., “Double criminality under pressure”f’Festshrift Till Per Ole Traskman, Norstedts Juridik AB, 2011, p. 124.

( 7 ) Cameron I., “Double criminality under pressure”f’Festshrift Till Per Ole Traskman, Norstedts Juridik AB, 2011, paġni 122 u 123.

( 8 ) Thouvenin J.-M.,, “L’extradition” f’Ascensio H., DecauxE., Pellet A., Droit international pénal, (Pedone, Pariġi, it-tieni edizzjoni riveduta, 2012), paġni 1123 sa 1124.

( 9 ) Daillier P. uPellet A., Droit international public (LGDJ, Pariġi, is-seba’ edizzjoni, 2008) p. 515, paragrafu 337.

( 10 ) Premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:319, punt 13).

( 11 ) Plachta M.,“Cooperation in Criminal Matters in Europe” f’Bassiouni, International Criminal law, Third Edition, vol. II Multilateral and Bilateral Enforcement Mechanisms, Martinus Nijhoff, it-tielet edizzjoni, 2008, p. 458. Ara wkoll il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 12 ) Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA [ĠAI], tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24). Dwar il-validità tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sa fejn teżenta mill-verifika tal-kriminalità doppja tar-reati elenkati f’dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007f’Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punti 48 sa 61).

( 13 ) Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2003/577/JHA[ĠAI], tat-22 ta’ Lulju 2003, dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185); Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2006/783/GAI, tas-6 ta’ Ottubru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2006, L 239M, p. 340); Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2005, L 76, p. 16); Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102); Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI, tat-23 ta’ Ottubru 2009, dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (Ordni Ewropea ta’ Superviżjoni) (ĠU 2009, L 294, p. 20).

( 14 ) Ara s-sentenza Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 2728 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza Wolzenzburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 16 ) Artikolu 3(1)(e) tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati, tal-21 ta’ Marzu 1983, ETS Nru 112; l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(b) tal-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Kundanni Kriminali Barranin tat-13 ta’ Novembru 1991. Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali tat-28 ta’ Mejju 1970, ETS Nru 70.

( 17 ) Sakemm l-Istat Membru partikolari ma jkunx għamel dikjarazzjoni kuntrarja bbażata fuq l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 18 ) B’riferiment għall-eżempju tal-estradizzjoni li fil-kuntest tagħha ħarġet storikament il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, jista’ jkun ta’ rilevanza li t-Trattat Mudell dwar l-Estradizzjoni tan-Nazzjonijiet Unitit jipprovdi espliċitament, fl-Artikolu 2(2), li “fid-determinazzjoni jekk reat huwiex reat punibbli skont il-liġijiet taż-żewġ Partijiet, ma huwiex rilevanti jekk: (a) Il-liġijiet tal-Partijiet ipoġġu l-atti jew l-ommissjonijiet li jikkostitwixxu r-reat fl-istess kategorija ta’ reat jew isejħux ir-reat bl-istess terminoloġija; (b) Skont il-liġijiet tal-Partijiet l-elementi kostituttivi tar-reat huma differenti, billi huwa mifhum li t-totalità tal-atti jew l-ommissjonijiet kif irrappreżentati mill-Istat rikjedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”. (Trattat Mudell dwar l-Estradizzjoni, A/RES/45/116, 14 ta’ Diċembru 1990).

( 19 ) Ara l-Artikolu 21(1) tal-iStraßenverkehrsgesetz (liġi fuq it-traffiku tat-triq) BGBl. 2003 I, p. 310, 919) dwar ir-reat ta’ “Fahren ohne Fahrerlaubnis” (“sewqan mingħajr liċenzja”). “(1) Kull min: 1) isuq vettura bil-mutur meta ma jkollux il-liċenzja ta’ sewqan meħtieġa għal dak l-iskop jew meta jkun ġie pprojbit milli jsuq vettura bil-mutur […] għandu jiġi kkundannat għal perijodu ta’ priġunerija sa sena jew għall-ħlas ta’ multa […]”.

( 20 ) L-eżempji ovvji f’din il-kategorija jkunu atti li jistgħu jitqiesu kriminali fi Stat Membru wieħed imma ma jkunux delitti fi Stat Membru ieħor, bħall-ewtanasja jew iċ-ċaħda li kien hemm l-olokawst. L-istess japplika wkoll, fil-fehma tiegħi, għall-atti li huma kklassifikati bħala reati fi Stat wieħed, imma bħala sempliċi ksur amministrattiv f’ieħor (jiġifieri suġġetti għal proċeduri amministrattivi biss imma mhux kriminali).

Top