EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0095

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-23 ta’ April 2015.
Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC) u Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (Uni.co.pel) vs FS Retail et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunale di Milano.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Direttiva 94/11/KE – Artikoli 3 u 5 – Armonizzazzjoni eżawrjenti – Projbizzjoni milli tiġi ostakolata l-kummerċjalizzazzjoni tax-xeddijiet tas-saqajn li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar tad-Direttiva 94/11 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-pajjiż ta’ oriġini jiġi indikat fuq it-tikketta ta’ prodotti mmanifatturati barra mill-pajjiż li jużaw l-espressjoni bit-Taljan ‘pelle’ – Oġġetti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera.
Kawża C-95/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:270

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑95/14

Unione nazionale industria conciaria (UNIC)

Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (UNI.CO.PEL)

vs

FS Retail

Luna srl

Gatsby srl

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja)]

“Obbligu ta’ ttikkettjar li jindika l-oriġini ta’ prodotti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-pajjiż ta’ oriġini jintwera fuq it-tikketta relatata ma’ prodotti mmanifatturati barra mill-pajjiż li jużaw il-kliem Taljan ‘cuoio’, ‘pelle’ jew ‘pelliccia’ — Nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jitħares perijodu ta’ waqfien b’rabta ma’ miżura nazzjonali nnotifikata skont id-Direttiva 98/34/KE — Nuqqas ta’ eżegwibbiltà ta’ regolament tekniku f’tilwima bejn individwi — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Interpretazzjoni tad-Direttiva 94/11/KE”

1. 

L-awtoritajiet Taljani introduċew obbligu li titwaħħal tikketta li tindika l-pajjiż ta’ oriġini għal ġilda miksuba minn proċessi (bħal kunzatura ( 2 )) magħmula f’pajjiżi barranin fejn it-termini Taljani “cuoio” (ġilda), “pelle” (ġilda fina) jew “pelliccia” (fêr) (jew derivattivi jew sinonimi tagħhom) imbagħad jintużaw fuq oġġetti tal-ġilda, b’mod partikolari xeddijiet tas-saqajn, maħduma minn ġilda bħal din. Żewġ organizzazzjonijiet bdew proċeduri quddiem it-Tribunale di Milano (Qorti Distrettwali ta’ Milan) fejn talbu li operaturi ekonomiċi fl-Italja ma jitħallewx jikkummerċjalizzaw xeddijiet tas-saqajn li ma jkunux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tgħid jekk regola bħal din dwar ittikkettjar hijiex kontra l-Artikoli 34 sa 36 TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, u/jew kontra d-Direttiva 94/11/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn”) u/jew kontra l-Kodiċi Doganali Modernizzat ( 4 ). Iżda kwistjoni importanti oħra, li ma tqajmitx b’mod espliċitu mill-qorti tar-rinviju, hija jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE ( 5 ) setgħux diġà jirrendu mhux eżegwibbli r-regola nazzjonali dwar l-ittikkettjar.

Id-dritt tal-UE

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 35 jagħmel dispożizzjoni simili b’rabta mal-esportazzjonijiet. L-Artikolu 36 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jinkludu restrizzjonijiet proporzjonati fuq il-moviment ta’ oġġetti jekk ikunu ġġustifikati abbażi ta’ motivi permissibbli ( 6 ).

Il-Kodiċi Doganali

3.

L-Artikolu 36 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat ( 7 ) huwa fost id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, miżuri (barra l-miżuri tariffarji) stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw oqsma speċifiċi relatati mal-kummerċ tal-merkanzija, jew miżuri Komunitarji oħrajn relatati mal-oriġini ta’ merkanzija ( 8 ). Skont l-Artikolu 36, merkanzija miksuba għal kollox f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina f’dak il-pajjiż jew territorju ( 9 ). Merkanzija li l-produzzjoni tagħha kienet tinvolvi iktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn għaddiet mill-aħħar trasformazzjoni sostanzjali tagħha ( 10 ).

4.

Fid-digriet tiegħu għar-rinviju, it-Tribunale di Milano jsemmi l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ( 11 ). L-Artikolu 60(1) huwa espress fl-istess termini bħall-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 450/2008. L-Artikolu 60(2) jgħid: “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”. Iżda, fiż-żmien rilevanti, din id-dispożizzjoni ma kinitx għadha ġiet fis-seħħ ( 12 ). Għalhekk ser nittratta t-talba għal deċiżjoni preliminari bħala li tagħmel riferiment għall-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 450/2008 ( 13 ).

Id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta ’ Xeddijiet tas-Saqajn

5.

Din id-direttiva kienet introdotta sabiex tindirizza problemi li jolqtu l-kummerċ fil-Komunità ta’ prodotti tax-xeddijiet tas-saqajn. L-Istati Membri kellhom rekwiżiti differenti ta’ ttikkettjar li wasslu għal iktar spejjeż għal operaturi ekonomiċi u fixklu l-moviment liberu ( 14 ). Tqies li dawn il-problemi setgħu jinħallu b’mod l-iktar effettiv billi tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE. Il-leġiżlatur, għalhekk, introduċa miżura ta’ armonizzazzjoni billi stabbilixxa dawk ir-rekwiżiti biss li tqiesu indispensabbli għall-moviment liberu ta’ xeddijiet tas-saqajn ( 15 ).

6.

Id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn tagħmel id-Direttiva applikabbli għall-ittikkettjar tal-materjali li jintużaw fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn għall-bejgħ lill-konsumatur u tiddefinixxi “xeddijiet tas-saqajn” bħala “[l-]oġġetti li jkollhom qiegħ applikat iddisinjat sabiex jipproteġi jew jgħatti s-sieq [...]” (Artikolu 1(1)) ( 16 ). It-tikketta għandha twassal tagħrif dwar it-tliet partijiet tax-xeddijiet tas-saqajn ikkonċernati kif imfisser fl-Anness I ( 17 ), jiġifieri l-wiċċ, l-inforra u s-suletta u l-pett ta’ barra (Artikolu 1(2)). Il-kompożizzjoni tax-xeddijiet tas-saqajn għandha tkun indikata kif imsejsa jew fuq il-piktogrammi jew l-indikazzjonijiet bil-miktub għall-materjali stipulati fl-Anness I ( 18 ). Dan it-tagħrif għandu wkoll jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4.

7.

Skont l-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi x-xeddijiet tas-saqajn kollha mqiegħda fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni.

8.

L-Artikolu 3 jgħid: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti oħra Komunitarji, l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jħarsu l-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ din id-Direttiva, bl-użu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw it-ittikkettjar ta’ ċerti tipi ta’ xeddijiet tas-saqajn jew tax-xeddijiet tas-saqajn in ġenerali”.

9.

Ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar speċifikati fl-Artikolu 4(1) huma kif ġej: “[…] tagħrif dwar il-materjal, stabbilit skond l-Anness I, li jikkostitwixxi mill-inqas 80 % tal-wiċċ, u ta’ l-inforra u s-suletta, tax-xedd, u mill-inqas 80 % tal-volum tal-pett ta’ barra. Jekk l-ebda materjal ma jammonta għal mill-inqas 80 %, it-tagħrif għandu jingħata fuq iż-żewġ materjali prinċipali wżati fil-kompożizzjoni tax-xedd”. L-Artikolu 4(2) jispeċifika li t-tagħrif dwar ix-xeddijiet tas-saqajn għandu jitwassal “bil-piktogrammi jew indikazzjonijiet bil-miktub f’mill-inqas l-ilsien jew l-ilsna li jistgħu [jintgħażlu] mill-Istat Membru konsumatur b’konformità mat-Trattat, kif imfisser u muri fl-Anness I”. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkunu informati b’mod adegwat bit-tifsir tal-piktogrammi, iżda miżuri bħal dawn ma għandhomx joħolqu ostakoli għall-kummerċ. It-tikketta għandha titwaħħal fuq mill-inqas wieħed mill-par tax-xeddijiet tas-saqajn; għandha tkun tidher, imwaħħla sewwa max-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni u aċċessibbli; u ma għandux ikun possibbli li t-tikketta tqarraq bil-konsumatur (Artikolu 4(3) u (4)).

10.

L-Artikolu 5 jipprovdi: “Tagħrif testwali addizzjonali, imwaħħal, jekk ikun meħtieġ, fuq it-tikkettjar jista’ jiżdied mat-tagħrif meħtieġ f’din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, skond l-Artikolu 3”.

Id-Direttiva 98/34

11.

L-għan tad-Direttiva 98/34 huwa li tgħin sabiex ikun evitat il-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ fis-suq intern. Hija tintroduċi mekkaniżmu għal trasparenza u kontroll preventiv billi teżiġi li l-Istati Membri jinnotifikaw regolamenti tekniċi f’forma ta’ abbozz qabel l-adozzjoni u mbagħad, b’mod ġenerali, iħarsu perijodu ta’ waqfien ta’ mill-inqas tliet xhur (ara l-punt 14 iktar ’il quddiem) qabel jadottaw ir-regolament ikkonċernat, sabiex jagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni opportunità li jesprimu kull tħassib dwar ostakoli potenzjali għall-kummerċ ( 19 ).

12.

Id-definizzjonijiet li ġejjin fl-Artikolu 1 huma rilevanti:

“1.   ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu […]

[…]

3.   ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità […] inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward […] l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar [...]

[…]

11.   ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi […] li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto […] li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott [...]

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku li huma jkunu jixtiequ jadottaw. Huma għandhom ukoll jipprovdu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġiżlazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha. L-Artikolu 8(2) jipprovdi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz. Dan l-Istat għandu, sa fejn possibbli, jieħu dawn il-kummenti inkunsiderazzjoni fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku. Skont l-Artikolu 8(3) l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

14.

L-Artikolu 9(1) jgħid li l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat skont l-Artikolu 8(1) għandha tiġi posposta għal tliet xhur (“il-perijodu ta’ waqfien”). Dan il-perijodu jiġi estiż għal sitt xhur jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata fis-sens li l-miżura prevista tista’ toħloq ostakoli għall-moviment ta’ oġġetti fis-suq intern (Artikolu 9(2)). Il-perijodu ta’ waqfien jiġi estiż għal 12-il xahar jekk, fi żmien 3 xhur minn notifika skont l-Artikolu 8(1), il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta leġiżlazzjoni dwar il-materja koperta mill-abbozz ta’ regolament tekniku (Artikolu 9(3)) ( 20 ).

Id-dritt nazzjonali

15.

Il-Liġi Nru 8/2013 tal-14 ta’ Jannar 2013 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-użu tat-termini “cuoio”, “pelle” u “pelliccia” u derivattivi jew sinonimi tagħhom kienet ippubblikata fil-Gazzetta Ufficiale Nru 25 tat-30 ta’ Jannar 2013 u daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2013. L-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 jintroduċi obbligu li titwaħħal tikketta li tindika l-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodotti, miksuba minn xogħol magħmul f’pajjiżi barranin, li jużaw dawk it-termini Taljani mwaħħlin mal-ġilda maħduma. Fid-digriet tar-rinviju t-Tribunale di Milano jindika li l-Liġi Nru 8/2013 kienet innotifikata lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2012 bin-Numru ta’ riferiment 2012/667/I ( 21 ). Din kienet, għalhekk, suġġetta għal mill-inqas perijodu ta’ waqfien inizjali ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34 ( 22 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

16.

FS Retail srl, Luna srl u Gatsby srl, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, huma operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw xeddijiet tas-saqajn fl-Italja. Ix-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni jġibu s-sottotitoli “pelle” jew “vera pelle” (ġilda fina ġenwina) fuq il-pett ta’ ġewwa. Xi wħud mix-xeddijiet tas-saqajn ikkonċernati jinħadmu fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-provenjenza ta’ dawn ix-xeddijiet tas-saqajn tkun indikata b’tikketta tal-plastik imwaħħla mal-pett ta’ barra. Ma huwiex ċar mill-proċeduri ewlenin jekk ix-xeddijiet tas-saqajn l-oħra inkwistjoni (li ma jkunux ittikkettjati bħala li jkunu ta’ oriġini Ċiniża) joriġinawx minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi.

17.

Fis-27 ta’ Settembru 2013 l-Unione nazionale industria conciaria (iktar ’il quddiem “UNIC”), assoċjazzjoni kummerċjali li tirrappreżenta l-industrija tal-kunzatura, u l-Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (iktar ’il quddiem “UNI.CO.PEL”), organizzazzjoni li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi fl-Italja (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”), ressqu proċeduri kontra l-konvenuti quddiem it-Tribunale di Milano sabiex jingħataw rimedju interim fuq il-bażi li l-konvenuti kienu kisru l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013. Ir-rikorrenti jqisu li l-użu tat-termini Taljani sabiex jiġi deskritt il-pett ta’ ġewwa tal-ġilda mingħajr ma tkun indikata l-oriġini tiegħu jqarraq bil-konsumaturi minħabba li jissuġġerixxi li l-ġilda użata u/jew il-prodott kollu huwa Taljan fl-oriġini. Barra dan, il-prattika li jintużaw termini Taljani għal prodotti bħal dawn tikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ produtturi mhux tal-UE bi ħsara għall-ġilda u għall-industrija tax-xeddijiet tas-saqajn Taljani, peress li l-oriġini Taljana tal-ġilda użata hija kwalità li tapplika biss għal xeddijiet tas-saqajn magħmula bl-użu ta’ ġilda Taljana.

18.

Kull wieħed mit-tliet konvenuti oppona t-talba għal rimedju interim għal raġunijiet differenti: (i) li x-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn u (ii) li, sakemm ċerti partijiet ta’ xeddijiet tas-saqajn ikunu ttikkettjati bħala li joriġinaw miċ-Ċina, huma jkunu konformi mal-Liġi Nru 8/2013 u konsumaturi Taljani jkunu informati b’mod xieraq dwar l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni, b’dan li dawn il-prodotti għandhom jitħallew jiġu mmarkati fl-Italja (Gatsby); (iii) li l-Liġi Nru 8/2013 kienet innotifikata lill-Kummissjoni bħala regolament tekniku skont id-Direttiva 98/34 iżda kienet adottata qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ waqfien stabbilit bl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li tirrendiha mhux eżegwibbli fil-kawża prinċipali (Luna); u (iv) li l-Liġi Nru 8/2013 hija sproporzjonata minħabba li produtturi huma ħielsa jindikaw fuq inizjattiva tagħhom jekk il-prodotti tagħhom ikunux ta’ oriġini Taljana (FS Retail).

19.

F’dan l-isfond it-Tribunale di Milano jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar sitt domandi li għandhom konnessjoni bejniethom li forsi jistgħu jinftiehmu aħjar fil-qosor.

20.

Dawn id-domandi huma dwar modi differenti li bihom id-dritt tal-Unjoni jista’ jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 għal prodotti magħmula mill-ġilda:

legalment ipproċessati u kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra; jew

miksuba permezz ta’ xogħol f’pajjiżi terzi u mhux legalment ikkummerċjalizzati diġà fl-Unjoni Ewropea.

21.

F’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 tagħmilha obbligatorja li titwaħħal tikketta li tindika l-pajjiż ta’ oriġini jekk (bħal f’dan il-każ) il-prodott ikun iġib il-kelma Taljana “pelle”. Tistaqsi jekk rekwiżit bħal dan jistax jiġi prekluż mill-:

Artikoli 34 sa 36 TFUE, bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u mhux iġġustifikati għal ebda raġuni permissibbli (Domandi 1 u 2);

Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn (li tgħid li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew ifixklu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xeddijiet tas-saqajn li jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar ta’ dik id-direttiva (Domandi 3 u 4); jew

Artikolu 60 tar-Regolament Nru 952/2013 (li ssostitwixxa l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 450/2008), li jiddefinixxi l-pajjiż ta’ oriġini (Domandi 5 u 6).

22.

Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu minn UNIC u UNI.CO.PEL, minn Gatsby, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja u mill-Kummissjoni. Fil-15 ta’ Jannar 2015, inżammet seduta wara talba mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet jindirizzaw il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar jekk il-Liġi Nru 8/2013 kinitx ineżegwibbli minħabba li kienet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar waqfien tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34. Il-partijiet l-oħra li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma kinux indirizzaw dak il-punt u l-kwistjoni ma kinitx tqajmet mill-qorti tar-rinviju. Waqt is-seduta, UNIC u UNI.CO.PEL, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

23.

Waqt is-seduta, qabel ma ttrattaw il-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, UNIC u UNI.CO.PEL issottomettew li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ewwel teżamina jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari kellhiex tiġi rtirata, peress li l-qafas legali nazzjonali deskritt fid-digriet tar-rinviju kien minn dak iż-żmien ’l hawn inbidel. Indikaw li l-Liġi Nru 8/2013 kienet ġiet irrevokata b’effett mill-10 ta’ Novembru 2014 u digriet leġiżlattiv ġdid dwar oġġetti tal-ġilda kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34 ( 23 ).

24.

L-irtirar ta’ talba għal deċiżjoni preliminari hija l-prerogattiva tal-qorti tar-rinviju iktar milli kwistjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’kull każ ma nqisx li dan ir-rinviju għandu jiġi ttrattat fuq din il-bażi.

25.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-talba tar-rikorrenti għal miżuri interim hija bbażata fuq il-Liġi Nru 8/2013 li dik il-qorti tqis li pprovdiet il-qafas leġiżlattiv rilevanti fiż-żmien opportun. Kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qorti nazzjonali tagħmel riferiment għalihom fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li dik il-qorti għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li l-preċiżjoni tagħhom ma tkunx materja għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 24 ). Dan huwa għaliex il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn qrati u tribunali nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u din tal-aħħar għandha s-setgħa biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tar-rinviju tkunx korretta. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u legali tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, kif deskritt fid-digriet tar-rinviju. Id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u, għalhekk, ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ).

26.

Għalhekk, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala stabbilita ( 26 ). Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari.

Kwistjonijiet ġenerali relatati mad-domandi preliminari

27.

Fil-qofol, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 34 sa 36 TFUE u/jew id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn u/jew il-Kodiċi Doganali Modernizzat, jipprekludux l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 8/2013 fil-kawża prinċipali. Hija ma tistaqsix dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 98/34.

28.

Iżda l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, targumenta li ksur tar-rekwiżiti ta’ waqfien tad-Direttiva 98/34 ukoll jirrendi l-Liġi Nru 8/2013 mhux eżegwibbli f’kull każ. Waqt is-seduta l-Gvern Ġermaniż indika li huwa jassumi wkoll din il-pożizzjoni.

29.

Naqbel ma’ din il-fehma. Inqis ukoll li l-Liġi Nru 8/2013 hija inkompatibbli kemm mal-Artikoli 34 sa 36 TFUE kif ukoll mad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn ( 27 ).

30.

Għandha l-Qorti tal-Ġustizzja tittratta d-Direttiva 98/34 meta tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju?

31.

L-ewwel nett, huwa ċar li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddetermina l-kawża prinċipali abbażi ta’ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-Direttiva 98/34 kienet tipprekludi l-eżegwibbiltà tal-Liġi Nru 8/2013.

32.

It-tieni nett, fil-kuntest tal-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE dwar restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet u dwar miżuri b’effett ekwivalenti, id-Direttiva 98/34 hija strument sui generis intiż sabiex iħares il-moviment liberu tal-merkanzija u sabiex iġib ’il quddiem il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ta’ oġġetti u servizzi ( 28 ). Hija tiżgura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu avżati minn qabel ma jiġu adottati dispożizzjonijiet tekniċi ġodda li jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ. Għalhekk, id-Direttiva 98/34 topera permezz ta’ kontroll preventiv ( 29 ). Barra dan, filwaqt li huwa minnu li d-Direttiva 98/34 tistabbilixxi proċeduri għal trasparenza u skambju ta’ informazzjoni dwar standards u regolamenti tekniċi iktar milli tistabbilixxi hija stess regoli sostantivi, nuqqas li jitħares il-perijodu ta’ waqfien huwa difett proċedurali sostantiv li jirrendi r-regolament tekniku inkwistjoni inapplikabbli ( 30 ).

33.

Filwaqt li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax timmodifika d-domandi preliminari ta’ qorti nazzjonali ( 31 ), dawn id-domandi għandhom ikunu indirizzati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li x’aktarx ikunu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 32 ). Fil-kuntest ta’ rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE li jitlob interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli għaliha u li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi preliminari li jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati ( 33 ). Dan ikun partikolarment il-każ meta jkun hemm punt ta’ liġi ovvju li jista’ jkun rilevanti għad-determinazzjoni tal-qorti nazzjonali. F’dak il-każ, (bħalma huwa l-każ hawnhekk) allura l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħdu inkunsiderazzjoni.

34.

Is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mġiegħla teżamina motiv li ma jkunx tqajjem mill-qorti nazzjonali ( 34 ).

35.

Dan ir-rinviju jikkonċerna domandi relatati mal-interpretazzjoni, mhux mal-validità, ta’ liġi tal-Unjoni. Billi tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 98/34, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun sempliċement qed taqdi d-dmir tagħha li tqis id-domandi preliminari fid-dawl tar-regoli kollha tal-Unjoni li jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

36.

Madankollu, waqt is-seduta r-Repubblika Ċeka qajmet oġġezzjoni differenti. Qabel id-domanda dwar jekk id-Direttiva 98/34 tirrendix il-Liġi Nru 8/2013 mhux eżegwibbli (hija tissottometti) hemm id-domanda jekk qorti nazzjonali għandhiex teżamina din il-kwistjoni ex officio. Ir-Repubblika Ċeka targumenta li qrati nazzjonali ma humiex suġġetti għal obbligu bħal dan għal tliet raġunijiet: (i) skont ir-regola tal-passività ġudizzjarja fi proċeduri ċivili (regola proċedurali nazzjonali rrikonoxxuta kważi kullimkien) mhux possibbli li wieħed imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawża tal-partijiet ( 35 ); (ii) l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi ( 36 ) ma għandhiex tiġi applikata b’analoġija mad-Direttiva 98/34; u (iii) dan iqiegħed piż mhux realistiku u tqil fuq il-qrati nazzjonali li jkun jeħtiġilhom jiddeterminaw, f’ċirkustanzi bħal dawn ta’ din il-kawża, jekk regoli domestiċi jikkostitwixxux regolamenti tekniċi għall-finijiet tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

37.

Ma naħsibx li dawk l-oġġezzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati.

38.

L-ewwel nett, jidhirli li l-Gvern Ċek qed jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din il-kwistjoni taraha abbażi ta’ kunċett ġenerali li l-partijiet fil-proċeduri huma l-awturi tal-litigazzjoni u li hemm regola proċedurali nazzjonali ġenerali tal-passività ġudizzjarja fi proċeduri ċivili. Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni dwar jekk id-dritt proċedurali Taljan għandux regola bħal din. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tanalizza x’funzjoni għandha regola bħal din (jekk teżisti) fil-kawża prinċipali, x’direzzjoni tieħu u l-karatteristiċi speċjali tagħha, meqjusa fl-intier tagħha ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-fehma tiegħi, tagħmel evalwazzjoni fl-astratt.

39.

It-tieni nett, huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li l-fatt li l-Liġi Nru 8/2013 kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni tqajjem fil-kawża prinċipali ( 38 ); u l-fajl tal-qorti tar-rinviju juri li Luna ssostni fid-difiża tagħha fil-kawża prinċipali li l-Liġi Nru 8/2013 ma hijiex eżegwibbli minħabba li kienet adottata bi ksur tar-rekwiżiti ta’ waqfien tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34 ( 39 ). Huwa, għalhekk, ċar li jekk id-dritt proċedurali Taljan ma għandux regola tal-passività ġudizzjarja fi proċeduri ċivili, il-qorti tar-rinviju ma tkunx qed tikser dik ir-regola billi tqis id-Direttiva 98/34 hawnhekk. Għalhekk ma tkun qed tinħoloq ebda eċċezzjoni ġdida għall-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali.

40.

It-tielet nett, nissimpatizza xi ftit mas-sottomissjoni tar-Repubblika Ċeka li jkun ta’ piż bla bżonn għal qrati nazzjonali li jagħmlu eżami ex officio f’kull każ dwar jekk miżura nazzjonali partikolari tikkostitwixxix regolament tekniku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. Din il-kwistjoni ma hijiex dejjem faċli li tiġi ddeterminata.

41.

Dwar dak l-argument; ninnota li dwar il-fatti hawnhekk ma kienx hemm piż bħal dak: ir-rilevanza potenzjali tad-Direttiva 98/34 kienet diġà kompletament quddiem il-qorti tar-rinviju.

42.

B’mod iktar ġenerali, ma nissuġġerixxix li f’kull każ qrati nazzjonali għandhom neċessarjament jeżaminaw ex officio jekk miżura partikolari tkunx skont id-Direttiva 98/34.

43.

Minflok, jidhirli li jkun hemm obbligu li d-Direttiva 98/34 tiġi eżaminata f’kull każ meta jew (i) il-fatti u ċ-ċirkustanzi jkunu tali li qorti nazzjonali jkollha quddiemha informazzjoni li tkun tindika li r-regoli domestiċi inkwistjoni kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jew (ii) parti fil-proċeduri tippretendi li l-miżura li wieħed ikun qed jistrieħ fuqha kontriha tkun miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. Il-qrati nazzjonali għandhom imbagħad jeżaminaw il-kwistjoni u, jekk ikun rilevanti, iqisu l-obbligu li jħarsu l-obbligi ta’ waqfien tal-Artikolu 9 u l-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ eżegwibbiltà kontra individwi. Min-naħa tiegħi nqis li dan l-obbligu jeżisti anki jekk waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma tistrieħx espressament fuq in-nuqqas ta’ eżegwibbiltà tar-regola nazzjonali inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 98/34.

Analiżi skont id-Direttiva 98/34

44.

Xeddijiet tas-saqajn huma “prodotti” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/34. Ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar li hemm fil-Liġi Nru 8/2013 huma “speċifikazzjoni teknika” għall-finijiet tal-Artikolu 1(3), minħabba li jagħmlu riferiment għall-imballaġġ, it-tqegħid fis-suq jew l-ittikkettjar ta’ prodotti —xeddijiet tas-saqajn — u, għalhekk, jistabbilixxu l-karatteristiċi meħtieġa minn dawk il-prodotti. Il-Liġi Nru 8/2013 stess taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(11) bħala regolament tekniku. L-Italja kien, għalhekk, jeħtiġilha kemm li tinnotifika l-Liġi Nru 8/2013 skont l-Artikolu 8(1), kif ukoll tħares il-perijodi ta’ waqfien tal-Artikolu 9.

45.

Il-kliem tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 huwa ċar, jiġifieri li dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu proċedura għall-Unjoni Ewropea sabiex tikkontrolla l-abbozzar ta’ regolamenti nazzjonali, bid-data tad-dħul tagħhom fis-seħħ tkun suġġetta għal nuqqas ta’ oppożizzjoni mill-Kummissjoni u/jew mill-Istati Membri l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-effettività ta’ dan il-kontroll preventiv tissaħħaħ bl-interpretazzjoni tad-Direttiva bħala li tfisser li ksur tal-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jirrendi r-regolamenti tekniċi inkwistjoni inapplikabbli għal individwi ( 40 ). Isegwi wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li, jekk regolament tekniku jiġi adottat bi ksur tar-rekwiżit li jitħarsu r-rekwiżiti ta’ waqfien skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34, dan ikun bl-istess mod mhux eżegwibbli kontra individwi ( 41 ).

46.

Il-Kummissjoni rċeviet notifika tal-proposta tal-Liġi Nru 8/2013 fid-29 ta’ Novembru 2012 ( 42 ). Wara dik in-notifika, il-Gvern Rumen bagħat kummenti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. Kemm il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Gvern Spanjol bagħtu opinjonijiet dettaljati skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) ( 43 ). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-perijodu ta’ waqfien inizjali ta’ tliet xhur kien skada fl-1 ta’ Marzu 2013, iżda li l-perijodu ta’ waqfien kien ġie estiż sat-30 ta’ Mejju 2013 bħala riżultat tal-opinjonijiet dettaljati. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Liġi Nru 8/2013 kienet (madankollu) adottata fl-14 ta’ Frar 2013. Id-data tal-adozzjoni hija b’mod ċar bi ksur tal-perijodu ta’ waqfien stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34.

47.

Isegwi li l-Liġi Nru 8/2013 ma tistax tiġi applikata fi proċeduri bejn individwi.

Artikoli 34 sa 36 TFUE — Domandi 1 u 2

48.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Liġi Nru 8/2013 tapplika għal oġġetti tal-ġilda b’mod ġenerali; u jiena nifhem li d-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jinkludu l-prodotti kollha magħmula mill-ġilda iktar milli xeddijiet tas-saqajn biss. Minħabba li d-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn għandha tkun interpretata fid-dawl tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE, ikun f’kull każ konvenjenti li nibdew billi nikkunsidraw dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

49.

L-obbligu ta’ twaħħil ta’ tikketta li tindika l-pajjiż ta’ oriġini għal oġġetti tal-ġilda miksuba minn xogħol magħmul f’pajjiżi barranin li jużaw it-termini Taljani “cuoio”, “pelle” jew “pelliccia” (jew derivattivi jew sinonimi tagħhom), jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet, li tagħmel il-moviment liberu tal-merkanzija bħal dawn iktar diffiċli jew iktar tiswa flus. Ilu rikonoxxut li l-għan li tintwera l-oriġini ta’ prodotti huwa li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiddistingwu bejn oġġetti domestiċi u importazzjonijiet u li dan jgħinhom sabiex, inter alia, jasserixxu kull preġudizzju li huma jista’ jkollhom kontra prodotti barranin. Fis-suq uniku, ir-rekwiżit li l-oriġini tkun immarkata ma jagħmilx biss it-tqegħid fis-suq fi Stat Membru ta’ oġġetti maħduma fi Stati Membri oħra fis-setturi inkwistjoni iktar diffiċli; huwa wkoll għandu l-effett li jnaqqas l-interpenetrazzjoni ekonomika billi jkun ta’ ostakolu għall-bejgħ ta’ oġġetti maħduma bħala riżultat ta’ tqassim ta’ xogħol bejn l-Istati Membri ( 44 ).

50.

Rekwiżit ta’ ttikkettjar bħal dak tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 għandu dawn il-karatteristiċi.

51.

Rekwiżit ta’ dik ix-xorta jfixkel il-moviment liberu ta’ oġġetti tal-ġilda għaliex meta oġġetti barranin suġġetti għal dan ir-rekwiżit jiġu mmarkati fl-Italja (i) dawn l-oġġetti jistgħu jitqiesu b’mod ħażin mill-konsumaturi bħala riżultat tar-rekwiżit tal-ittikkettjar u (ii) dawn l-oġġetti jistgħu ma jingħatawx aċċess għas-suq Taljan meta ma jitħarisx dan ir-rekwiżit ta’ ttikkettjar.

52.

Ir-rekwiżit jista’ jagħmel ukoll iċ-ċirkulazzjoni ta’ oġġetti tal-ġilda maħduma barra mill-Italja jiswa iktar flus. Għalhekk operaturi ekonomiċi li jqiegħdu oġġetti bħal dawn fis-suq Taljan jistgħu jġarrbu iktar spejjeż ta’ ttikkettjar mill-kontropartijiet tagħhom (li jqiegħdu fis-suq oġġetti tal-ġilda pproċessati fl-Italja) minħabba li jkollhom jipproduċu u jwaħħlu tikketti speċjali jew addizzjonali għas-suq Taljan. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 jagħmel l-ittikkettjar tal-oriġini obbligatorju anki meta t-tikketta tkun maħsuba għas-suq tal-UE fl-intier tiegħu, bil-kelma “ġilda” f’diversi lingwi jew bil-piktogramma tal-ġilda awtorizzata mid-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn (it-test ma huwiex ċar dwar dan il-punt).

53.

Il-Liġi Nru 8/2013 hija, barra dan, miżura diskriminatorja peress li tapplika biss għal oġġetti tal-ġilda magħmula barra l-Italja li ma jinħadmux minn ġilda Taljana. Prodotti maħduma fl-Italja ma humiex suġġetti għar-rekwiżit ta’ ttikkettjar addizzjonali, anki jekk tintuża ġilda li ma hijiex Taljana u jintużaw termini Taljani sabiex jiddeskrivuha.

54.

Lanqas ma l-Liġi Nru 8/2013 hija ġġustifikata taħt kull waħda mill-eċċezzjonijiet limitati tal-Artikolu 36 TFUE ( 45 ). Ma tistax tiġi invokata hawnhekk il-protezzjoni tal-konsumatur — dik l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija hija disponibbli biss b’rabta ma’ miżuri applikabbli indistintivament ( 46 ). Inżid li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 47 ), jekk l-oriġini Taljana tal-ġilda użata f’xeddijiet tas-saqajn iġġib ċerti kwalitajiet mixtieqa fil-moħħ tal-konsumatur, ikun fl-interess tal-manifatturi ta’ dawk il-prodotti li dik l-oriġini tiġi indikata minnhom stess, jew fuq l-oġġett jew fuq l-imballaġġ.

55.

Isegwi li l-Liġi Nru 8/2013 hija b’mod ċar prekluża bl-Artikolu 34 TFUE u ma tistax tkun eżenti skont l-Artikolu 36 TFUE ( 48 ).

Id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta ’ Xeddijiet tas-Saqajn — Domandi 3 u 4

56.

Bid-Domandi 3 u 4, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn tipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżit ta’ ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini fejn tintuża l-kelma Taljana “pelle” (jew is-sinonimi tagħha) fuq it-tikketti mwaħħla mal-oġġetti tal-ġilda inkwistjoni. Nifhem dawk id-domandi bħala li jikkonċernaw biss xeddijiet tas-saqajn iktar milli oġġetti tal-ġilda inġenerali ( 49 ).

57.

Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta sfera partikolari kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-UE, miżuri nazzjonali f’din l-isfera għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni armonizzanti rilevanti iktar milli tat-Trattat ( 50 ).

58.

Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-aspetti kollha tal-ittikkettjar ta’ xeddijiet tas-saqajn. Għalhekk l-Artikolu 5 espressament jindika li jista’ jiżdied tagħrif testwali addizzjonali flimkien mat-tagħrif meħtieġ skont id-Direttiva, u s-seba’ premessa tagħha tgħid li d-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn “tistabbilixxi biss dawk il-ħtiġijiet illi huma indispensabbli għall-moviment ħieles tal-prodotti li għalihom tapplika”. Madankollu, id-Direttiva tirregola b’mod eżawrjenti l-ittikkettjar tal-materjali użati fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn. Meta jkun qed jiġi indikat li x-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni jkunu magħmula mill-ġilda, għandha tintuża l-kelma rilevanti (“cuoio” bit-Taljan) jew il-piktogramma tal-ġilda fil-punt 2(a)(i) tal-Anness I.

59.

Qari flimkien tal-Artikoli 1 u 4 u tal-Anness I tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn jindika li d-Direttiva hawnhekk ma tistabbilixxix rekwiżiti minimi, iżda pjuttost regoli eżawrjenti. L-Istati Membri, ma humiex, għalhekk, intitolati jadottaw rekwiżiti iktar ibsin. Barra dan, l-Artikolu 3 espressament ma jippermettix li l-Istati Membri jipprojbixxu jew ifixklu ċ-ċirkulazzjoni ta’ xeddijiet tas-saqajn li jħarsu r-rekwiżiti tal-ittikkettjar tad-Direttiva.

60.

Għalhekk, meta xeddijiet tas-saqajn iħarsu r-rekwiżiti tal-ittikkettjar tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn, il-liġi Taljana ma tistax tagħmel iċ-ċirkulazzjoni tagħhom fis-suq intern suġġetta għall-kundizzjoni li l-pajjiż ta’ oriġini tal-ġilda jiġi indikat ukoll.

61.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Istati Membri humiex preklużi milli jimponu rekwiżit ta’ ttikkettjar bħal dak inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin fuq prodotti maħduma barra l-Italja magħmula minn ġilda li toriġina minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi li kienu tqiegħdu legalment fis-suq intern (Domanda 3), jew li ma kinux tqiegħdu qabel legalment fis-suq intern (Domanda 4).

62.

Jidhirli li l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn b’mod ċar jipprekludi miżura nazzjonali bħal-Liġi Nru 8/2013 milli timponi rekwiżiti addizzjonali ta’ ttikkettjar fuq xeddijiet tas-saqajn magħmula minn ġilda li tkun inħadmet fi Stati Membri oħra jew li tkun tqiegħdet legalment fis-suq f’dawk l-Istati. (Obbligu bħal dan huwa wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 48 sa 55 iktar ’il fuq). Bl-istess mod huwa inkompatibbli mad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn li miżura bħal din tiġi applikata għal xeddijiet tas-saqajn maħduma f’pajjiżi terzi magħmula minn ġilda li tkun inħadmet f’dawk il-pajjiżi fejn ix-xeddijiet tas-saqajn ikunu sussegwentement ġew importati legalment fis-suq intern.

63.

Id-digriet tar-rinviju ma jindikax jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn humiex imħarsa mill-prodotti tax-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Speċifikatament il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntqalilhiex jekk il-kliem “pelle” jew “vera pelle” fuq il-pett ta’ ġewwa tax-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni humiex addizzjonali għat-tagħrif meħtieġ mill-Artikolu 4 u mill-Anness I jew jekk ix-xeddijiet tas-saqajn humiex ittikkettjati biss b’dak il-kliem u ma jurux la l-piktogramma għal ġilda li tidher fil-punt (2)(a)(i) tal-Anness I u lanqas l-indikazzjoni bil-miktub bit-Taljan (“cuoio”) ġilda.

64.

Inżid għal finijiet ta’ ordni xieraq li, jekk il-prodotti inkwistjoni ma jħarsux ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn, allura jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-pożizzjoni b’mod iktar ġenerali fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE ( 51 ).

Il-Kodiċi Doganali Modernizzat — Domandi 5 u 6

65.

Fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Liġi Nru 8/2013 hijiex kompatibbli mar-regoli sabiex jiġi stabbilit l-oriġini ta’ prodotti skont il-Kodiċi Doganali Komunitarju Modernizzat (Domandi 5 u 6). L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 450/2008 jikkonċerna d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ oġġetti f’ċerti ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 35 ( 52 ). Dawn ir-regoli ma jidhrux li huma kapaċi jippermettu jew jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013. Barra dan, ma hemmx dubju li l-ġilda użata fil-manifattura tal-oġġetti tal-ġilda inkwistjoni hija Taljana fl-oriġini. Jidhirli li ż-żewġ Domandi 5 u 6 huma, għalhekk, irrilevanti: u, għaldaqstant, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għalihom.

Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Milano (l-Italja) fis-sens kif ġej:

Regola nazzjonali li timponi obbligu ta’ twaħħil ta’ tikketta li tindika l-pajjiż ta’ oriġini għal prodotti tal-ġilda miksuba minn xogħol magħmul f’pajjiżi barranin, fejn dawn il-prodotti jkunu deskritti billi jintużaw termini bħal “ġilda”, “ġilda fina” jew “fêr” (jew derivattivi jew sinonimi tagħhom) bil-lingwa jew lingwi tal-Istat Membru kkonċernat, hija regolament tekniku skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi l-proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli dwar servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. L-adozzjoni tagħha bi ksur tal-perijodu ta’ posponiment preskritt skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi difett proċedurali sostantiv b’mod li jirrendiha inapplikabbli.

Regola bħal din hija, f’kull każ, miżura diskriminatorja li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq importazzjonijiet, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE u li ma taqa’ fl-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 36 TFUE. Din hija, għalhekk, inapplikabbli fi proċeduri ċivili bejn individwi.

Fl-aħħar nett, sa fejn regola bħal din tapplika għal xeddijiet tas-saqajn li jħarsu r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar tad-Direttiva 94/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1994, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar tal-materjali li jintużaw fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn għall-bejgħ lill-konsumatur, din hija inkompatibbli, b’mod partikolari, mal-Artikoli 3 u 5 ta’ din id-direttiva.

Anness 1 tad-Direttiva 94/11/KE

Image

Image

Image


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Il-proċess ta’ trattament ta’ ġlud ta’annimali sabiex tiġi prodotta ġilda li sservi iktar u tkun inqas suxxettibbli għal dekompożizzjoni mill-materjal mhux ittrattat.

( 3 ) Direttiva 94/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1994, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar tal-materjali li jintużaw fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn għall-bejgħ lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 173), kif emendata minn (i) l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33), (ii) id-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 363, p. 81), u (iii) id-Direttiva tal-Kunsill 2013/15/UE, tat-13 ta’ Mejju 2013, li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 158, p. 172).

( 4 ) Ara l-punt 3 iktar ’il quddiem.

( 5 ) Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli ta’ servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) (iktar ’il quddiem “Direttiva 98/34”).

( 6 ) Id-derogi mill-Artikolu 34 elenkati fl-Artikolu 36 jinkludu motivi ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni, annimali jew pjanti; il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali li jkun fih valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku; jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali.

( 7 ) Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1; “il-Kodiċi Doganali Modernizzat”).

( 8 ) Artikolu 35.

( 9 ) Artikolu 36(1).

( 10 ) Artikolu 36(2).

( 11 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, p. 1).

( 12 ) Din tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2016 (ara l-Artikolu 288(2) tar-Regolament Nru 952/2013).

( 13 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, UNIC u UNI.CO.PEL, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Svediż jagħmlu riferiment għall-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, p. 1). Iżda dak ir-regolament kien ġie rrevokat mir-Regolament Nru 450/2008 (ara l-Artikolu 186 tiegħu). Kif innotat mill-Isvezja, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kienu bdew japplikaw mhux iktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013 (ara l-Artikolu 188(2)) — jiġifieri qabel ma kienu ġew istitwiti l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fis-27 ta’ Settembru 2013. Huwa, għalhekk, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 450/2008 li kien fis-seħħ fiż-żmien rilevanti.

( 14 ) Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn.

( 15 ) It-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba’ premessi tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn.

( 16 ) Lista mhux eżawrjenti ta’ prodotti koperti mid-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn tinsab fl-Anness II.

( 17 ) L-Anness I huwa riprodott bħala Anness għal dawn il-konklużjonijiet. Il-Punt 1 fih definizzjonijiet u l-piktogrammi korrispondenti jew indikazzjonijiet bil-miktub dwar il-partijiet tax-xeddijiet tas-saqajn (il-wiċċ, l-inforra u s-suletta u l-pett ta’ barra). Il-kelma “ġilda” hija ddefinita fil-punt 2(a)(i), fejn hemm ukoll il-piktogramma korrispondenti għall-materjal (rappreżentazzjoni sempliċi stilizzata ta’ ġilda ta’ annimal).

( 18 ) Il-kelma “cuoio” hija t-terminu Taljan magħżul fid-Direttiva bħala l-indikazzjoni bil-miktub għall-ġilda. Madankollu jidher li l-użu ta’ dak it-terminu (approvat) jagħti bidu għall-applikazzjoni tal-Liġi Nru 8/2013 (ara l-punt 15 iktar ’il quddiem). Dwar l-ittikkettjar tax-xeddijiet tas-saqajn inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin, ara ulterjorment il-punti 16 u 63 iktar ’il quddiem.

( 19 ) Premessi 2 sa 6 tad-direttiva.

( 20 ) Ir-regoli dettaljati u l-perijodi ta’ waqfien għal regoli dwar servizzi (li ma humiex rilevanti hawnhekk) huma ftit differenti minn dawk dwar oġġetti. Hemm ukoll derogi (għal darba oħra, ma humiex rilevanti hawnhekk) li bihom miżuri urġenti jew ta’ emerġenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34, malli jiġu nnotifikati, ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-ewwel.

( 21 ) Madankollu, ir-riċerka tiegħi stess dwar ir-Regolament Tekniku ta’ Sistema ta’ Informazzjoni (“id-database TRIS”) operat mid-Direttorat-Ġenerali għas-Suq Intern, għall-Industirja, għall-Intrapriża u għall-Impriżi ta’ daqs żgħir u medju tal-Kummissjoni tindika li l-Liġi Nru 8/2013 proposta kienet waslet għand il-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2012.

( 22 ) Ara ulterjorment il-punt 46 iktar ’il quddiem.

( 23 ) Il-miżura l-ġdida milli jidher tapplika mill-ġdid sistema li kienet ġiet introdotta qabel fl-1966. Minħabba li l-Gvern Taljan la kien issottometta osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas ma kien preżenti għas-seduta, ma kienx possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tifli dan ulterjorment mar-rappreżentanti tal-Istati Membri inkwistjoni. Lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma taf jekk, meta adotta l-Liġi Nru 8/2013, il-Gvern Taljan kienx fi ħsiebu jistrieħ fuq l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn, li tipprovdi li ma għandux ikun possibbli għall-ittikkettjar li jqarraq bil-konsumatur (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Għaldaqstant minix ser inqis din il-kwistjoni iktar f’dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Sentenza OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 ) Sentenza Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punti 28, 29 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Sentenza Kaba, C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 41.

( 27 ) Ara l-punt 48 et seq iktar ’il quddiem.

( 28 ) Sentenza Fortuna et, C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 ) Ara l-premessi 2 sa 6 tad-Direttiva 98/34 u l-punt 11 iktar ’il fuq.

( 30 ) Sentenza Unilever, C‑443/98, EU:C:2000:496, punt 44. Ara ulterjorment fil-punt 45 iktar ’l isfel.

( 31 ) Sentenzi Dumon u Froment, C‑235/95, EU:C:1998:365, punti 25 sa 27; u RI.SAN., Kawża C‑108/98, EU:C:1999:400, punti 16 u 17.

( 32 ) Sentenza Efir, C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 27.

( 33 ) Sentenza Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 39.

( 34 ) Sentenza Simon, Evers & Co, C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 26 sa 28.

( 35 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli proċedurali, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi eżegwit skont il-proċeduri u r-regoli stabbiliti mid-dritt nazzjonali (il-prinċipju ġenerali ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali). Dan il-prinċipju huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet. Talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu ttrattati mhux inqas favorevoli minn talbiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza); u li, fil-prattika, id-dritt nazzjonali ma għandux jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività). Ara pereżempju s-sentenza CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, il-punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Meta tiġi eżaminata d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 2, p. 288) il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li qrati nazzjonali jeżaminaw ex officio n-natura inġusta ta’ terminu kuntrattwali meta huma jkollhom l-elementi legali u fattwali meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan huwa għaliex id-Direttiva 93/13 tibda mill-premessa li l-konsumatur huwa f’sitwazzjoni ta’ iktar inferjorità mill-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward tas-setgħa tiegħu ta’ negozjar jew livell ta’ tagħrif. Ara s-sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, il-punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 37 ) Sentenza CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 25.

( 38 ) Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.

( 39 ) Ikkonfermat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 40 ) Sentenza CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 41, 44 u 54.

( 41 ) Sentenza Unilever, C‑443/98, EU:C:2000:496, punti 40 sa 44 u 49.

( 42 ) Ara l-punt 15 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq. Din id-data kienet ikkonfermata wkoll mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet rispettivi tagħhom.

( 43 ) Ara d-database TRIS dwar in-notifika Nru 2012/667/I.

( 44 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑325/00, EU:C:2002:633, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 ) Ara l-punt 2 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.

( 46 ) Sentenza Rewe-Zentral, 120/78, EU:C:1979:42, punt 8.

( 47 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 207/83, EU:C:1985:161.

( 48 ) Xejn fil-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidher li jagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE (projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni) u, għaldaqstant, ma għamilt ebda analiżi separata ta’ dik id-dispożizzjoni.

( 49 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar Ittikkettjar ta’ Xeddijiet tas-Saqajn.

( 50 ) Sentenza AGM-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 51 ) Ara l-punti 48 sa 55 iktar ’il fuq.

( 52 ) Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.

Top