EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TJ0501

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Marzu 2016.
Karl-May-Verlag GmbH, anciennement Karl May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark komunitarja verbali WINNETOU – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-501/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:161

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali WINNETOU — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑501/13,

Karl-May-Verlag GmbH, li kienet Karl May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH, stabbilita fi Bamberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Pejman u M. Brenner, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Pohlmann, sussegwentement minn M. Fischer, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Constantin Film Produktion GmbH, stabbilita fi München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Baronikians u S. Schmidt, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tad-9 ta’ Lulju 2013 (Każ R 125/2012-1) dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Constantin Film Produktion GmbH u Karl-May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-30 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-27 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2014,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-3 ta’ Lulju 2014,

wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Karl-May-Verlag GmbH, li kienet Karl May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH, hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja verbali WINNETOU, ippreżentata quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), fl-14 ta’ Ġunju 2002, irreġistrata fis-16 ta’ Settembru 2003 taħt in-numru 2735017 u mġedda fl-10 ta’ Ġunju 2012.

2

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 21, 24, 25,28, 29, 30, 39, 41, 42 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 3: “Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar” ;

klassi 9: “Films, b’mod partikolari kartûns animati, films tal-vidjo; apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jissenjalaw, li jivverifikaw u tat-tagħlim, apparat u strumenti elettriċi (inklużi fi klassi 9); apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi u data u; tagħmir li jirreġistra għal operaturi tagħmir li jġorru l-ħsejjes u l-immaġni, irreġistrati u vojta; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom; kalkulaturi, tagħmir tal-kompjuter għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; programmi tal-kompjuter, films esposti, l-istess bħall-użu ċinematografiku”;

klassi 14: “Metalli prezzjużi u l-ligi tagħhom u prodotti f’dawn il-materjali jew miksija (inklużi fil-klassi 14); nutcracker fil-metalli prezzjużi; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; ġojjelli foloz, buttuni; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi”;

klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (inklużi fi klassi 16); Stikers (kartolerija), tikketti; materjal stampat; bolol; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjal tal-plastik għall-ippakkjar (inklużi fi klassi 16); tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

klassi 18: “Prodotti tal-ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda; jiġifieri basktijiet u oġġetti oħra li ma għandhomx forma speċjalment previst biex jinkludu fihom oġġett determinat, kif ukoll oġġetti żgħar tal-ġilda, b’mod partikolari portmonijiet, kartieri; portafolli taċ-ċwievet u prodotti oħra f’dawn il-materjali (inklużi f’klassi 18); bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli; u bsaten”;

klassi 21: “Reċipjenti għad-dar u għall-kċina (la f’metall prezjuż, u lanqas miksija); apparati inklużi fi klassi 21; pettnijiet u sponoż; pniezel (minbarra pniezel taż-żebgħa); materjali biex tagħmel l-ixkupilji u l-pniezel; oġġetti għat-tindif; oġġetti tal-ħġieġ, porċellana u oġġetti tal-fuħħar għad-dar u għall-kċina, xogħlijiet tal-arti magħmula minn dawn il-materjali”;

klassi 24: “Drappijiet u artikli tat-tessuti (inklużi fil-klassi 24, minbarra għal ħwejjeġ tas-sodda u gvieret, jiġifieri imħaded, kutri, kwilts (bjankerija tas-sodda) u barżakki tal-irqad); għata tas-sodod u dvalji”;

klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”;

klassi 28: “Logħob u ġugarelli; logħob tal-karti, ġugarelli, wkoll elettroniċi, dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied; oġġetti tal-ġinnastika u tal-isport (inklużi fil-klassijiet 28)”;

klassi 29: “Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; Estratti tal-laħam; Frott u ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar; Ġèli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xropp”;

klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, ħobż, għaġina u ħlewwiet, b’mod partikoliari kejk tal-ġinġer, ħobż tal-frott, ġelati, għasel; ħwawar; ħelu u prodotti taċ-ċikkulata”;

klassi 39: “Trasport ta’ persuni”;

klassi 41: “attivitajiet tar-rikreazzjoni; attivitajiet kulturali u sportivi, il-kiri ta’ films taċ-ċinema u ta’ reġistrazzjonijiet bl-awdjo; produzzjoni u wiri ta’ filmati; fotografija; divertiment; attivitajiet f’park ta’ divertiment u vaganzi; servizzi ta’ kampeġġ (għall-vaganza); użu ta’ postijiet ta’ kampeġġ”;

klassi 42: “użu tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali”;

klassi 43: “Akkomodazzjoni u catering”.

3

Fl-14 ta’ Ġunju 2010, l-intervenjenti, Constantin Film Produktion GmbH, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kkontestata billi invokat l-eżistenza ta’ raġunijiet ta’ nullità assoluta, fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata.

4

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

5

Fis-17 ta’ Jannar 2012, l-intervenjenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem l-UASI.

6

Permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni b’mod li annulla t-trade mark ikkontestata ħlief għat-“tipa tal-printer” u l-inċiżjonijiet tal-istampar” inklużi fil-klassi 16.

7

B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti u s-servizzi inklużi fil-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 21, 24, 25, 28, 29, 30, 39, 41 u 43 kienu ddestinati lejn konsumaturi medji u li s-servizzi inklużi fil-klassi 42 kienu ddestinati lejn professjonisti. Huwa qies li dawn il-prodotti u dawn is-servizzi kollha kienu jistgħu wkoll jindirizzaw pubbliku speċjalizzat, bħall-intermedjarji. Huwa żied jgħid li l-grad ta’ attenzjoni kien, fir-rigward tal-konsumaturi, għoli jew medju skont it-tip ta’ prodotti jew ta’ servizzi, u għoli fir-rigward tal-professjonisti (punti 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Bord tal-Appell irrileva li l-kelma “winnetou” ma kienet marbuta ma’ ebda mil-lingwi tal-Unjoni Ewropea u li kien jikkonvjeni, inizjalment, iwettaq l-analiżi tiegħu fir-rigward tal-konsumaturi li jitkellmu bil-ġermaniż, peress li l-karattru deskrittiv tat-trade mark fil-Ġermanja kien speċifikament invokat (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

8

Minbarra dan, il-Bord tal-Appell indika, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestat, li Winnetou kienet il-karattru prinċipali ta’ serje ta’ novelli tal-awtur Karl May, kif ukoll il-protagonist ta’ films, ta’ wirjiet teatrali jew bir-radju. Huwa żied jgħid li, skont is-sentenzi mogħtija mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) u l-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi”), iċċitati mill-intervenjenti, il-kelma “winnetou” kienet tevoka, għall-konsumatur Ġermaniż, kap Indjan fittizju, nobbli u tajjeb u li, skont il-Bundesgerichtshof, kienet, fil-Ġermanja, deskrittiva għall-prodotti tal-istampar, il-produzzjoni ta’ films, il-pubblikazzjoni u l-editjar ta’ kotba u rivisti (punti 22 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm il-Bord tal-Appelli fakkar li ma kienx marbut bil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, huwa enfasizza li, f’dan il-każ, sa fejn qorti nazzjonali suprema kienet evalwat li l-kelma “winnetou” kienet deskrittiva fil-Ġermanja, it-trade mark ikkontestata xorta kellha, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, titqies bħala li ma kinitx tista’ tiġi protetta għall-prodotti u servizzi marbutin mal-kotba max-xandir bir-radju u mat-televiżjoni (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Bord tal-Appell qies li, għall-“films, b’mod partikolari kartûns animati, films tal-vidjo”, it-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski”, il-“films esposti, l-istess bħall-użu ċinematografiku” tal-klassi 9, il-“materjal stampat”, il-“materjal għal-legatura tal-kotba”, ir-“ritratti” tal-klassi 16, u s-servizzi ta’ “attivitajiet tar-rikreazzjoni, attivitajiet kulturali u sportivi, il-kiri ta’ films taċ-ċinema u ta’ reġistrazzjonijiet bl-awdjo”, ta’ “produzzjoni u wiri ta’ filmati”, ta’ “fotografija”, ta’ “divertiment”, ta’ “attivitajiet f’park ta’ divertiment u vaganzi”, ta’ “kampeġġ (għall-vaganza)”, ta’ “użu ta’ postijiet ta’ kampeġġ” u ta’ “użu tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali”, tal-klassijiet 41 u 42, is-sinjal WINNETOU kien jiddiskrivi jew kien jindika direttament il-kontenut tal-imsemmija prodotti u servizzi, għaliex il-konsumatur kien jippreżumi sempliċiment li jirrigwarda prodotti jew servizzi b’Winnetou jew fuq it-tema ta’ Winnetou (punti 28 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi oħra, il-Bord tal-Appell irrileva li, bl-eċċezzjoni tat-“tipa tal-printer” u tal-“inċiżjonijiet tal-istampar” inklużi fil-klassi 16, li ma kienu jippreżentaw ebda rabta mal-karattru ta’ Winnetou, il-kotba, il-films jew il-festivals, il-prodotti l-oħra li kienu jistgħu jiġu kklassifikati bħala prodotti ta’ “merchandising” li jippreżentaw rabta diretta ma’ Winnetou u li ċerti prodotti jew servizzi bħall-ikel jew is-servizzi ta’ “trasport”, ta’ “akkomodazzjoni u catering” kienu jippreżentaw rabta diretta mal-festivals (punti 32 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Bord tal-Appell iddeċieda li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva għal dawn il-prodotti u servizzi kollha.

9

Finalment, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet mingħajr karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti u s-servizzi marbutin ma’ kap Indjan b’qalb nobbli jew ma’ karattru ta’ novella, il-konsumatur jekk wieħed jassumi li t-trade mark jiddeskrivi l-kontenut jew il-fini tal-prodotti u tas-servizzi. Min-naħa l-oħra, għat-“tipa tal-printer” u l-“inċiżjonijiet tal-istampar”, inklużi fil-klassi 16, huwa indika li t-trade mark ikkontestata kienet distintiva, il-konsumaturi li jipperċepixxu t-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti bħala isem immaġinattiv (punti 48 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

11

Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub. L-UASI u l-intervenjenti rrispondew fit-terminu stabbilit. Ir-rikorrenti ma kkonformatx ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit, iżda, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Bord tal-Qorti Ġenerali, ir-risposti tar-rikorrenti ġew inklużi fil-proċess.

12

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13

L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors ;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14

Matul is-seduta, ir-rikorrenti speċifikat titlob, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

15

L-intervenjenti targumenta favur l-inammissibbiltà tal-Annessi A.12 sa A.17 tar-rikors, minħabba li dawn id-dokumenti huma ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti u l-UASI ma tawx il-fehma tagħhom fuq din l-allegazzjoni.

16

Dawn l-annessi jikkorrispondu għal riżultati ta’ riċerki li twettqu fir-reġistri tal-UASI għall-Anness A.12, għal estratt tal-manwal li jikkonċerna l-proċeduri quddiem l-UASI għall-Anness A.13, għal digrieti tal-Bundespatentgericht għall-Annessi A.14 u A.15, għal estratt tax-xogħol ta’ Ingerl u Rohnke intitolat Markengesetz (it-3 edizzjoni) għall-Anness A.16 u għal artikolu tal-istampa estratt minn ġurnal Weser-Kurier tal-1 ta’ Lulju 2013 għall-Anness A.17.

17

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-Annessi A.12 u A.17 tar-rikors mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

18

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Annessi A.13 sa A.16, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li dawn l-punti huma prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, din hija fi dritt li tagħmel riferiment għalihom. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma setgħu jiġu pprojbiti jispiraw lilhom nfushom minn punti miksubin mil-leġiżlazzjoni, mill-ġurisprudenza u mill-kummentarji nazzjonali, peress li ma jirrigwardax li jiġi kkritikat il-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li invoka ġudizzji jew kummentarji insostenn ta’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni ħażina mill-Bord tal-Appell ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra, EU:T:2006:202, punt 71]. Barra minn hekk, il-punti sottomessi fl-Anness A.13 ma jikkostitwixxux provi fihom infushom, iżda jikkonċernaw l-prattika deċiżjonali tal-UASI li fiha parti għandha d-dritt li tagħmel riferiment (is-sentenza ARTHUR ET FELICIE, punt 17 iktar ’il fuq, EU:T:2005:420, punt 20).

19

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Annessi A.12 u A.17 tar-rikors huma inammissibbli.

Fuq il-mertu

20

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u indipendenza tat-trade mark Komunitarja u tad-dritt tat-trade mark Komunitarja, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tielet, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-motivi ta’ annullament li ma kinux ġew invokati fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

21

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina qabelxejn it-tielet motiv, imbagħad l-ewwel motiv, qabel ma tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ motivi ta’ annullament li ma kinux ġew invokati fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

22

Permezz tat-tielet motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ motivi ta’ annullament li ma kinux ġew invokati fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ħa deċiżjoni ultra petita u qabeż il-kompetenzi tiegħu peress li bbaża l-annullament tat-trade mark ikkontestata fuq il-motiv ta’ annullament li jidher fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, minkejja li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti kienet ibbażata biss fuq l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

23

L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

24

Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ikkunsidrat li t-talba bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba, minn naħa, li din it-talba kienet ġiet ifformulata fl-istadju tar-replika u, min-naħa l-oħra, li ma kinitx teżisti differenza ta’ reviżjoni bejn il-motivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell, qabelxejn, irrileva li, skont il-formula tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009. Sussegwentement, huwa indika li, fin-nota tagħha li tesponi l-motivi tat-talba tagħha, l-intervenjenti kienet invokat l-motivi ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma tagħmel distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ motivi ta’ rifjut. Finalment, huwa kkonkluda, wara li enfasizza li l-intervenjenti kienet għamlet riferiment espliċitu għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li hija kienet ħadet pożizzjoni fit-talba tagħha fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, li kellu jiġi ddeterminat jekk it-trade mark kkontestata kellha tiġi annullata fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut li jidhru fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

25

Għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet issemmi wkoll l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod li l-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jaqbeż il-kompetenzi tiegħu, jeżamina jekk it-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat fuq liema motivi hija bbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandha tiġi eżaminata t-talba fl-intier tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-istqarrija dettaljata tal-motivi insostenn tagħha [sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Cybergun vs UASI – Umarex Sportwaffen (AK 47), T‑419/09, EU:T:2011:121, punt 21].

27

Madankollu, f’dan il-każ, kif jargumenta ġustament l-UASI, mis-sostanza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u mill-motivazzjonijiet tal-intervenjenti matul il-proċedura quddiem l-UASI jirriżulta li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata mhux biss fuq l-assenza tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll fuq il-karattru deskrittiv tal-imsemmija trade mark skont l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

28

B’hekk, huwa stabbilit li l-intervenjenti, fil-formula tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċċekjat il-kaxxa li ssemmi l-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, fl-istqarrija tal-motivi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti b’mod espliċitu ċċitat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, madankollu, hija xorta waħda ressqet argumenti dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata kif din tirriżulta ċarament fil-paġni 46 u 48 tal-proċess tal-proċedura quddiem l-UASI sottomess lill-Qorti Ġenerali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk l-intervenjenti semmiet espliċitament l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 biss fl-istadju tar-replika quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tirrigwarda kemm l-assenza tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll il-karattru deskrittiv tagħha fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament u li, għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja u tas-sistema tat-trade marks Komunitarji

30

Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja u tas-sistema tat-trade marks Komunitarji sa fejn il-Bord tal-Appell ibbaża esklużivament id-deċiżjoni tiegħu fuq dawk tal-qrati Ġermaniżi, mingħajr ma wettaq evalwazzjoni awtonoma fuq il-bażi ta’ paragun tal-kriterji stabbiliti għal dan il-għan fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni. Dan il-pass imur kontra l-prinċipju li s-sistema tat-trade mark tal-Unjoni hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn regoli flimkien u li jsegwu għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali.

31

L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

32

Qabelxejn, l-UASI jammetti li n-nullità ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata fuq il-bażi biss tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda jsostni li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni awtonoma fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-ġurisprudenza li tagħmel riferiment għalihom. Sussegwentement, l-UASI jirrileva li l-Bord tal-Appell kien obbligat, bis-saħħa tad-digriet tat-12 ta’ Frar 2009, Bild digital u ZVS (C‑39/08 u C‑43/08, EU:C:2009:91), li jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza Ġermaniża peress li kienet ittrattat l-istess trade mark, li kienet ġejja minn qorti nazzjonali suprema, li kienet tirrigwarda prodotti u servizzi parzjalment identiċi u kienet saret ftit żmien wara l-preżentazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkontestata. Finalment, l-UASI jenfasizza li l-Bord tal-Appell ma straħx fuq sentenza waħda biss, iżda fuq erba’ deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi, li huwa attestazzjoni b’hekk ta’ ġurisprudenza stabbilita sew.

33

L-intervenjenti jqis li l-Bord tal-Appell straħ effettivament fuq il-ġurisprudenza Ġermaniża, iżda fil-kuntest ta’ evalwazzjoni awtonoma u dettaljata tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tenfasizza b’hekk li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni tiegħu stess tal-perċezzjoni tas-sinjal WINNETOU mill-pubbliku rilevanti fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi msemmija.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma, magħmula minn grupp ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, fejn l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Rivella International vs UASI, C‑445/12 P, Ġabra, EU:C:2013:826, punt 48 u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI, T‑32/00, Ġabra, EU:T:2000:283 punt 47).

35

B’hekk, il-karattru li jista’ jiġi rreġistrat ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C‑202/08 P et C‑208/08 P, Ġabra, EU:C:2009:477, punt 58). Għalhekk l-UASI ma huwiex marbut minn deċiżjonijiet li intervenew fl-Istati Membri, u dan anki fil-każ fejn dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata bis-saħħa tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI – Herold Business Data (WEISSE SEITEN), T‑322/03, Ġabra, EU:T:2006:87, punt 30; tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T‑207/06, Ġabra, EU:T:2007:179, punt 42, u tal-14 ta’ Novembru 2013, Efag Trade Mark Company vs UASI (FICKEN), T‑52/13, EU:T:2013:596, punt 42]. Għandu jingħad ukoll li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tobbliga l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti Ġenerali biex jinkisbu riżultati identiċi għal dawk miksuba mill-amministrazzjonijiet jew il-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 49; tat-8 ta’ Novembru 2007, MPDV Mikrolab vs UASI (manufacturing score card), T‑459/05, EU:T:2007:336, punt 27, u tal-10 ta’ Settembru 2010, MPDV Mikrolab vs UASI (ROI ANALYZER), T‑233/08, EU:T:2010:382, punt 43].

36

Minn ġurisprudenza stabbilita wkoll jirriżulta li, għalkemm l-UASI ma huwiex marbut mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, mingħajr ma jkunu vinkolanti jew ukoll deċiżivi, madankollu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-UASI, bħala indiċijiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA), T‑127/02, Ġabra, EU:T:2004:110, punt 70; tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASi – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra, EU:T:2008:268, punt 45, u tal-25 ta’ Ottubru 2012, riha vs UASI – Lidl Stiftung (VITAL&FIT), T‑552/10, EU:T:2012:576, punt 66].

37

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, barra mill-każ imsemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 li fil-kuntest tiegħu l-UASI huwa obbligat li japplika id-dritt nazzjonali, inkluż hemm il-ġurisprudenza nazzjonali relatata, l-UASI jew il-Qorti Ġenerali ma kinux jistgħu jintrabtu mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali.

38

F’dan il-każ, jirriżulta qabelxejn mid-deċiżjoni kkontestata li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, għalkemm il-Bord tal-Appell enfasizza effettivament fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa ma kienx marbut mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, madankollu huwa żied jgħid fl-istess punt li, f’dan il-każ, sa fejn qorti nazzjonali suprema kienet qieset li l-kelma “winnetou” kienet deskrittiva fil-Ġermanja, it-trade mark Komunitarja kellha wkoll tiġi kkunsidrata bħala li ma tistax tiġi protetta għall-prodotti u għas-servizzi marbutin mal-kotba, max-xandir tar-radju u mat-televiżjoni.

39

Barra minn hekk, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, matul l-analiżi tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-prodotti tal-“merchandising”, il-Bord tal-Appell indika li, sa fejn s-sentenza tal-Bundesgerichtshof kienet ngħatat biss xi xhur wara li tressqet it-talba, wieħed kellu wkoll jippreżumi li l-motiv tar-rifjut kien jeżisti diġà fil-mument tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

40

Minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ikkorroborati mill-punti 23, 25, 26, 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-enumerazzjoni ta’ xogħlijiet ddedikati għal Winnetou li jidhru fil-punt 24 tal-istess deċiżjoni, il-Bord tal-Appell irriproduċa l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-ġurisprudenza Ġermaniża fir-rigward tal-karattru li jista’ jiġi rreġistrat tas-sinjal WINNETOU, il-perċezzjoni ta’ dan is-sinjal u l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, mingħajr ma wettaq evalwazzjoni awtonoma fid-dawl tal-argumenti u tal-punti ppreżentati mill-partijiet.

41

B’hekk, mill-punti 25, 26, 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-evalwazzjoni li jipprovdi li s-sinjal inkwistjoni jindika direttament il-kontenut tal-“films, b’mod partikolari kartûns animati”, “films tal-vidjo”, it-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”, “diski”, il-“films esposti, l-istess bħall-użu ċinematografiku” tal-klassi 9, il-“materjal stampat”, il-“materjal għal-legatura tal-kotba”, ir-“ritratti” tal-klassi 16, u s-servizzi ta’ “attivitajiet tar-rikreazzjoni, attivitajiet kulturali u sportivi”, “il-kiri ta’ films taċ-ċinema u ta’ reġistrazzjonijiet bl-awdjo”, ta’ “produzzjoni u wiri ta’ filmati”, ta’ “fotografija”, ta’ “divertiment”, ta’ “attivitajiet f’park ta’ divertiment u vaganzi”, ta’ “kampeġġ (għall-vaganza)”, ta’ “użu ta’ postijiet ta’ kampeġġ” u ta’ “użu tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali”, tal-klassijiet 41 u 42, ma huwiex il-frott ta’ evalwazzjoni awtonoma tal-Bord tal-Appell, peress li dan huwa speċifikat fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata li, “mill-ġurisprudenza Ġermaniża, il-konsumatur ser jippreżumi li ‘winnetou’ tiddiskrivi sempliċement il-fatt li jirrigwarda film jew ktieb b’Winnetou jew prodott ieħor ta’ dan it-tip”.

42

Għaldaqstant, dawn il-punti jiksru l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq peress li l-Bord tal-Appell ta lid-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi mhux valur indikattiv bħala indiċijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti inkwistjoni, iżda valur imperattiv f’dak li jirrigwarda l-karattru li jista’ jiġi rreġistrat tat-trade mark ikkontestata.

43

Din il-konstatazzjoni ma tistax tinqaleb mill-argument tal-UASI bbażat fuq id-digriet Bild digital u ZVS, punt 32 supra (EU:C:2009:91), li bih huwa jsostni li l-Bord tal-Appell għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza Ġermaniża peress li huwa ttratta l-istess trade mark, li ġej mill-qorti nazzjonali suprema, jirrigwarda prodotti u servizzi parzjalment identiċi u għamel żmien qasir ħafna wara l-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

44

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li d-digriet invokat mill-UASI jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/104 u jirrigwarda speċifikament l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni jew le ċ-ċirkustanza li sinjali komposti b’mod identiku jew paragunabbli diġà ġew irreġistrati bħala trade mark. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva f’dan id-digriet li, meta, insostenn tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fi Stat Membru, iċ-ċirkustanza li trade mark simili jew identika diġà ġiet irreġistrata hija invokata, jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti għar-reġistrazzjoni għandha, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ tali applikazzjoni u sa fejn għandha informazzjoni f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet diġà meħudin fuq applikazzjonijiet simili u tistaqsi b’attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni jekk hemm lok jew le li tittieħed deċiżjoni fl-istess sens, hija ma tista’ f’ebda każ tintrabat minnhom. Għaldaqstant, għalkemm tali kunsiderazzjoni tapplika b’analoġija mal-eżami li twettaq mill-istanzi tal-UASI fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll speċifikat li l-awtorità inkwistjoni ma tista’ f’ebda każ tintrabat minn dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ applikazzjonijiet simili.

45

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, jekk jista’ jiġi dedott minn dan id-digriet li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi f’dak li jirrigwarda s-sinjal WINNETOU u jistaqsi b’attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni jekk kien hemmx lok jew le li tittieħed deċiżjoni fl-istess sens, jirriżulta wkoll mill-imsemmi digriet li d-deċiżjonijiet preċedenti ma setgħux jorbtu l-Bord tal-Appell, anki jekk huma fir-rigward tal-istess sinjal. Madankollu, f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkritikat il-Bord tal-Appell li ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi, iżda li kien qies li kien marbut minn dawn id-deċiżjonijiet, liema fatt jmur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq u għalhekk ma huwiex imminat mill-argument tal-UASI.

46

Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata annullata peress li tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn l-iżball tad-dritt identifikat fil-punt 42 iktar ’il fuq jivvizzja kemm l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll dak fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. Fil-fatt, fil-punti 50 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark ikkontestata kienet mingħajr karattru distintiv għall-prodotti u s-servizzi minbarra t-“tipa tal-printer” u l-“inċiżjonijiet tal-istampar”, billi din tal-aħħar ma kinitx adattata li teżerċita l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi, billi tagħmel riferiment għall-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-karattru deskrittiv tagħha fir-rigward tal-kontenut u tal-fini tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

47

Għalkemm jirriżulta minn din il-konstatazzjoni, dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar għandha tiġi annullata peress li hija laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Qorti Ġenerali qieset ukoll neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat ex officio il-kwistjoni jekk il-Bord tal-Appell immotivax biżżejjed l-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata.

Fuq il-motiv imqajjem ex officio bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

48

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, li għandha, jekk ikun il-każ, titqajjem ex officio [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra, EU:C:1997:73, punt 24, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra, EU:T:2002:260, punt 59]. F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti ma invokatx nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li tiġi eżaminata ex officio il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed. Il-partijiet ġew mistoqsija permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fuq il-karattru suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

49

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni awtonoma u, min-naħa l-oħra, li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tal-prodotti u servizzi differenti u tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala prodotti ta’ “merchandising”, ma hijiex motivata biżżejjed.

50

L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

51

L-UASI jargumenta li, anki jekk il-Bord tal-Appell ma pprovdiex motivazzjoni speċifika tal-kontenut deskrittiv tas-sinjal WINNETOU għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi msemmija, tali motivazzjoni ma hijiex meħtieġa, għaliex il-motivazzjoni pprovduta tapplika għall-prodotti u servizzi kollha kkonċernati. L-UASI jżid jgħid li, fir-rigward tal-prodotti tipiċi ta’ “merchandising”, is-sinjal WINNETOU jfisser li jirrigwarda “prodotti Indjani” jew prodotti “ta’ stil Indjan” li għalihom il-konsumatur jopera rabta bejn Winnetou, perċepit bħala kap Indjan nobbli, u l-prodotti.

52

L-intervenjenti tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti, għaliex il-Bord tal-Appell evalwa l-fatti u l-mezzi ta’ prova u silet konklużjonijiet legali bbażati fuq id-dritt fuq it-trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti peress li l-Bord tal-Appell eżamina l-prodotti u servizzi differenti kkonċernati u espona b’suffiċjenza l-kunċett u l-ambitu tal-“merchandising” permezz tar-riferiment għal deċiżjoni preċedenti.

53

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. L-obbligu tal-motivazzjoni hekk stabbilita għall-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE li tipprovdi li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiki kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C-447/02 P, Ġabra, EU:C:2004:649, punti 63 sa 65).

54

B’mod iktar partikolari, meta l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, huwa għandu, sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jindika r-raġunijiet għal rifjut, assoluti jew relattivi, li jipprekludu din ir-reġistrazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata din ir-raġuni u għandu jesponi ċ-ċirkustanzi fattwali li huwa qies bħala li ġew ippruvati u li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni invokata. Tali motivazzjoni hija, fil-prinċipju, suffiċjenti (sentenza Mozart, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2008:268, punt 46).

55

Fir-rigward tar-raġuni assoluta għal rifjut li tidher fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-iskop tal-projbizzjoni imsemmija minn din id-dispożizzjoni, għandu jippreżenta mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni rapport suffiċjentement dirett u konkret ta’ natura li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jipperċepixxu minnufih, u mingħajr riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra, EU:T:2005:247, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ April 2013, ABC-One vs UASI (SLIM BELLY), T‑61/12, EU:T:2013:226, punt 17]. L-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal ma tistax isseħħ ħlief, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li huwa kompost mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra EU:T:2002:41, punt 38].

56

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha tal-evalwazzjonijiet miġjuba mill-Bord tal-Appell fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

57

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sinjal WINNETOU, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata li s-sinjal WINNETOU jindika l-karattru prinċipali ta’ serje ta’ novelli tal-awtur Karl May u li din il-konstatazzjoni ma kinitx ikkontestata mill-partijiet, Huwa żied jgħid, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont id-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi, il-konsumatur Ġermaniż kien jifhem is-sinjal WINNETOU bħala li jagħmel riferiment għal kap Indjan fittizju u nobbli. Minbarra dan, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li, minbarra l-kotba, il-karattru ta’ Winnetou kien ukoll l-eroj ta’ diski, ta’ cassettes, ta’ films u ta’ wirjiet tat-teatru. Huwa żied jgħid li dawn id-drammi tar-radju jew tat-teatru kienu “adattamenti ta’ tip partikolari” li fihom l-azzjoni kienet qed isseħħ fil-Far West u r-rwol prinċipali ta’ Winnetou kien jikkorrispondi għal Indjan nobbli.

58

B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata u wkoll mill-iskritturi u mir-risposti tal-UASI għad-domandi magħmula matul is-seduta jirriżulta li, għall-Bord tal-Appell, is-sinjal WINNETOU huwa iktar ipperċepit ġeneralment mill-pubbliku rilevanti bħala marbut mal-kunċetti ta’ “Indjan” u ta’ “kap Indjan”.

59

Madankollu, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda analiżi speċifika li hija intiża li tistabbilixxi li s-sinjal WINNETOU, lil hinn mis-sinjifikat konkret tiegħu bħala evokazzjoni ta’ karattru fittizju, kien ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għall-kunċetti ta’ “Indjan” u ta’ “kap Indjan”. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi dedott mill-elementi msemmija fil-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa stabbilixxa tali perċezzjoni tas-sinjal WINNETOU. Fil-fatt il-Bord tal-Appell illimita lilu nnifsu li jiddiskrivi x-xogħlijiet iddedikati lil Winnetou bħala karattru ta’ kap Indjan fittizju u nobbli. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda evalwazzjoni, lanqas konklużjoni, dwar il-perċezzjoni tas-sinjal bħala li jagħmel riferiment għall-kunċetti ta’ “Indjan” u ta’ “kap Indjan” b’mod ġenerali.

60

Din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, fir-rigward ta’ kunsiderazzjoni li għandha importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, trendi impossibbli il-fehma, b’mod ċar u mhux ekwivoka, tal-konklużjoni marbuta mar-raġunament imfittex mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tiegħu tal-perċezzjoni tas-sinjal.

61

Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-UASI fl-iskritturi tiegħu u matul is-seduta li jgħid li l-pubbliku ġenerali jagħmel riferiment għal films, għal kotba jew għad-drammi tat-teatru msejħa “Winnetou”, bħala kotba jew films fuq l-Indjani, b’mod li s-sinjal WINNETOU huwa perċepit bħala marbut iktar globalment mat-tema “Indjana” u ta’ “kap Indjan”, ma jistax, anki jekk wieħed jippreżumi li huwa fondat, jingħata rimedju għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma huwiex permess lill-UASI li jressaq, matul l-istanza, supplimenti ta’ motivi ta’ deċiżjoni li jbatu minn nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE [ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, CFCMCEE vs UASI (P@YWEB CARD u PAYWEB CARD), T‑405/07 u T‑406/07, Ġabra, EU:T:2009:164, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata].

62

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sinjal WINNETOU, li tmur lil hinn mis-sinjifikat konkret tiegħu bħala evokazzjoni ta’ karattru fittizju, kif jagħmel riferiment iktar ġenerali għall-kunċetti ta’ “Indjan” u ta’ “kap Indjan”.

63

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rapport bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti u servizzi kkonċernati, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kellha tiġi annullata ħlief għat-“tipa tal-printer” u l-“inċiżjonijiet tal-istampar” inklużi fi klassi 16 għaliex dawn il-prodotti ma kinux jippreżentaw ebda rabta mal-karattru ta’ Winnetou. Għal ċerti prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 41 u 42, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata għandha titqies bħala deskrittiva, peress li l-konsumatur jippreżumi li s-sinjal WINNETOU kien jiddiskrivi sempliċement il-fatt li kien jirrigwarda film jew ktieb b’Winnetou jew ta’ prodott ieħor ta’ dan it-tip (punti 28 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-prodotti l-oħra kkonċernati, ikklassifikati bħala prodotti ta’ “merchandising”, il-Bord tal-Appell indika li, għall-pubbliku rilevanti, is-sinjal WINNETOU kien jiddiskrivi sempliċement il-fatt li l-prodotti kienu marbutin mal-films jew ma’ karattru tan-novella, kemm jekk kienu ta’ still Indjan, kienu marbutin mal-festivals jew ukoll iddistribwiti jew mibjugħa matul il-festivals (punti 32 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-servizzi ta’ “trasport ta’ persuni” li jaqgħu taħt il-klassi 39 u ta’ “Akkomodazzjoni u catering” li jaqgħu taħt il-klassi 43, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet tindika destinazzjoni ta’ vjaġġ fil-Ġermanja, jiġifieri l-festivals (punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, fir-rigward tal-“materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)” li jaqgħu taħt il-klassi 16 u tal-“apparat u strumenti tat-tagħlim li jaqgħu taħt il-klassi 9, it-trade mark ikkontestata tindika, skont il-Bord tal-Appell, il-fatt li t-tagħlim huwa trażmess bl-għajnuna tal-istorji ta’ Winnetou (punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

64

Huwa manifest li l-Bord tal-Appell wettaq motivazzjoni globali b’mod partikolari għall-prodotti tal-“merchandising”.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l‑oħra, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi (ara d-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, Ġabra, EU:C:2010:153, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Huwa veru li, meta l-istess raġuni għal rifjut titqajjem għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-UASI jista’ sempliċement jagħti motivazzjoni globali għall‑prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha (ara d-digriet CFCMCEE vs UASI, punt 65 iktar ’il fuq, EU:C:2010:153, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Madankollu, din il-possibbiltà ma tistax tkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tar-raġunijiet għal dan ir-rifjut (ara d-digriet CFCMCEE vs UASI, punt 65 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għaldaqstant, il-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jagħti motivazzjoni globali għal serje ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ testendi biss għal prodotti jew għal servizzi li għandhom konnessjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, sal-punt li huma jifformaw kategorija suffiċjentement omoġenja sabiex tippermetti li l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, jispjegaw suffiċjentement ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi li jappartjenu għal din il-kategorija u, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu applikati mingħajr distinzjoni għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Zuffa vs UASI (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑118/06, Ġabra, EU:T:2009:100, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

69

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti f’dak li jirrigwarda rabta diretta u konkreta li għandha tiġi stabbilita bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati u s-sinjal WINNETOU għall-finijiet li jiġi konkluż il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata.

70

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti kklassifikati bħala prodotti ta’ “merchandising” ma jippreżentawx bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta sal-punt li tiġi fformata kategorija omoġenja li għaliha l-Bord tal-Appell jista’ jwettaq motivazzjoni globali fis-sens tal-ġurisprudenza.

71

B’hekk, il-Bord tal-Appell, taħt il-kategorija ta’ prodotti ta’ “merchandising”, reġa’ ġabar flimkien numerużi prodotti li jaqgħu taħt ħdax-il klassi differenti, li jinkludu b’mod partikolari l-“fwejjaħ”, iż-“żjut essenzjali”, il-“kożmetiċi”, il-“metalli prezzjużi u l-ligi tagħhom”, il-“ġojjelli”, l-“istrumenti li juru l-ħin u kronometriċi”, il-“karti”, l-istikers (kartolerija)”, il-“kartoleriji”, l-“oġġetti żgħar tal-ġilda, b’mod partikolari portmonijiet”, il-“bsaten”, id-“drappijiet u artikli tat-tessuti”, ix-“xedd ir-ras”, il-“logħob u ġugarelli”, id-“dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied”, l-“oġġetti tal-ġinnastika u tal-isport”, il-“kalkulaturi”, il-“kompjuters”, l-“apparat u strumenti fotografiċi”, ir-“reċipjenti għad-dar u għall-kċina”, il-“pettnijiet u sponoż”, l-“oġġetti neċessarji għall-uffiċċju”, il-“materjal tal-plastik għall-ippakkjar”, il-“laħam”, il-“ħut”, il-“ġammijiet”, il-“frott ippreservat jew misjur fix-xropp”, il-“ġelati”, u l-“ħelu”.

72

Dawn il-prodotti jippreżentaw differenzi bejniethom tali, fir-rigward tan-natura tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tal-użu intenzjonat tagħhom u tal-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, li ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu kategorija omoġenja. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ prodotti ta’ “merchandising” fid-deċiżjoni kkontestata, ma hija s-suġġett ta’ ebda motivazzjoni partikolari barra mid-dikjarazzjoni li tgħid li dawn il-prodotti saru komuni fl-oqsma kollha possibbli u immaġinabbli. Madankollu, tali dikjarazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit għal liema raġunijiet prodotti hekk eteroġeni jippreżentaw omoġenità suffiċenti, minkejja differenzi evidenti, biex jiġi kkostitwit grupp ta’ prodotti fid-dawl ta’ liema tista’ tiġi pprovduta motivazzjoni globali.

73

Barra minn dan, il-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda r-rabta diretta u konkreta bejn dawn il-prodotti u s-sinjal WINNETOU hija eċċessivament ġenerali u astratta u għaldaqstant ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq.

74

B’hekk, l-uniċi elementi ta’ motivazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fid-dawl ta’ dawn il-prodotti jirrisjedu fid-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-punti 32 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu li, għall-prodotti ta’ “merchandising”, is-sinjal WINNETOU jiddiskrivi li fir-rigward ta’ prodotti marbutin mal-films jew mal-karattru tan-novella li għalihom il-konsumatur jippreżumi li dawn huma sempliċement prodotti tar-reklamar imsejħa “Winnetou” mingħajr ma jiġi dedott l-oriġini tal-prodotti.

75

Madankollu, tali motivazzjoni hija insuffiċjenti u ma tippermettix li wieħed jifhem permezz ta’ liema raġunament il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark ikkontestata kienet tippreżenta mal-prodotti inkwistjoni rabta suffiċjentement diretta u konkreta ta’ natura li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jipperċepixxi minnufih, u mingħajr riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ prodotti ta’ “merchandising” u d-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-punti 32 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata huma affermazzjonijiet ġenerali u mingħajr kull analiżi speċifika fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, li, barra minn hekk, ma jifformawx kategorija omoġenja ta’ prodotti.

76

Konsegwentement, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 peress li ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali li tressaq stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni kkontestata.

77

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi imminata mill-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ċerti prodotti u servizzi li jidhru fil-punti 34, 36, 37 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata.

78

Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Bord tal-Appell illimita lilu nnifsu li jiddikjara li dawn il-prodotti kienu jistgħu jkunu ta’ stil Indjan, ikunu marbutin mal-karattru Winnetou u mat-tema b’konnessjoni ma’ dan il-karattru, jew ukoll mal-festivals.

79

Madankollu, qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni li tgħid li s-sinjal WINNETOU huwa pperċepit bħala marbut mal-kunċetti ta’ “Indjan” u ta’ “kap Indjan” ma huwiex motivat suffiċjentement. Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet li jgħidu li fir-rigward ta’ prodotti mibjugħa fil-ħwienet tas-souvenirs, ta’ ħwejjeġ imsejħa “Winnetou”, jiġifieri ħwejjeġ li ntlibsu minn Winnetou jew li jagħmlu riferiment għal Winnetou, basktijiet tal-ivvjaġġar bi xbiha ta’ Winnetou, nutcracker f’forma ta’ kap Indjan jew ikel li jintbiegħ matul festivals, ma jippermettux iktar li jinftiehem preċiżament, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell li jasal għall-konklużjoni li tgħid li t-trade mark ikkontestata, li, barra minn hekk, hija sinjal verbali u mhux trade mark figurattiva li tirrappreżenta Indjan, hija deskrittiva tal-imsemmija prodotti.

80

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja kif ukoll għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tal-istess regoli, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

83

F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti u li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-9 ta’ Lulju 2013 (Każ R 125/2012-1) hija annullata sa fejn din laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 

2)

L-UASI huwa kkundannat li jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn Karl-May-Verlag GmbH.

 

3)

Constantin Film Produktion GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Marzu 2016

Firem


( *1 )   *Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top