Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0305

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2014.
    Haeger & Schmidt GmbH vs Mutuelles du Mans assurances IARD (MMA IARD) et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Artikolu 4(1), (2), (4) u (5) – Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet – Kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport – Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija.
    Kawża C‑305/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2320

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    23 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Artikolu 4(1), (2), (4) u (5) — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet — Kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport — Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija”

    Fil-Kawża C‑305/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-ewwel Protokoll, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    Haeger & Schmidt GmbH

    vs

    Mutuelles du Mans assurances IARD (MMA IARD),

    Jacques Lorio,

    Dominique Miquel, bħala stralċatarju ta’ Safram intercontinental SARL,

    Ace Insurance SA NV,

    Va Tech JST SA,

    Axa Corporate Solutions SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Haeger & Schmidt GmbH, minn D. Le Prado, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn J.‑S. Pilczer u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), (2), (4) u (5) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Haeger & Schmidt GmbH (iktar ’il quddiem “Haeger & Schmidt”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż u Mutuelles du Mans assurances IARD (MMA IARD), u J. Lorio, D. Miquel, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċatur ta’ Safram intercontinental SARL (iktar ’il quddiem “Safram”), kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, Ace Insurance SA NV, Axa Corporate Solutions SA kif ukoll Va Tech JST SA (iktar ’il quddiem “Va Tech”) dwar il-kumpens tad-dannu subit minn din tal-aħħar waqt it-trasport ta’ trasformatur li hija kienet xtrat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni ta ’ Ruma

    3

    L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, bit-titolu “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jistipula:

    “1.   Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. Madankollu parti separabbli tal-kuntratt li jkollha rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ eċċezzjonalment tkun regolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

    2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-parti li jkollha tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt kellha, fiż-żmien meta kien konkluż il-kuntratt, ir-residenza abitwali tagħha, jew, fil-każ ta’ korp maqgħud jew mhux maqgħud [kumpannija, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika], l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu. Madankollu jekk il-kuntratt isir minħabba n-negozju jew il-professjoni ta’ dik il-parti, dak il-pajjiż ikun il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post prinċipali tan-negozju jew, fejn skond il-klawsoli tal-kuntratt l-eżekuzzjoni jkollha ssir f’post ta’ negozju li ma jkunx il-post prinċipali tan-negozju, il-pajjiż fejn dak il-post l-ieħor tan-negozju jkun jinsab.

    […]

    4.   Kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija m’għandux ikun soġġett għall-preżunzjoni tal-paragrafu 2. F’kuntratt bħal dan jekk il-pajjiż, li fih, fiż-żmien meta l-kuntratt ikun konkluż, it-trasportatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu jkun ukoll il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post tat-tagħbija jew il-post tal-ħatt jew il-post prinċipali tan-negozju ta’ l-ispeditur, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta ma’ dak il-pajjiż. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu charter-parties ta’ vjaġġ wieħed u kuntratti oħra li l-għan ewlieni tagħhom huwa t-trasport ta’ merkanzija għandhom jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta’ merkanzija.

    5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika jekk il-karatteristika ta’ l-eżekuzzjoni [l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt] ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, u l-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 m’għandhomx jitqiesu jekk miċ-ċirkostanzi kollha jkun jidher li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

    4

    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6.) issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma. Skont l-Artikolu 28 tiegħu, dan ir-regolament japplika għall-kuntratti konklużi sa mis-17 ta’ Diċembru 2009.

    5

    Il-premessa 20 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

    “Meta l-kuntratt ikun manifestament marbut aktar ma’ pajjiż ieħor għajr dak indikat fl-Artikolu 4(1) jew (2), klawżola liberatorja għandha tipprovdi li għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Sabiex jiġi determinat dak il-pajjiż, għandu jitqies, inter alia, jekk il-kuntratt konċernat għandux relazzjoni mill-qrib ħafna ma’ kuntratt jew kuntratti oħra.”

    6

    Skont il-premessa 22 tal-istess regolament:

    “Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ kuntratti dwar it-trasport ta’ merkanzija, m’hi maħsuba l-ebda bidla sostantiva fir-rigward tat-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Konsegwentement, charter-parties għal vjaġġ uniku u kuntratti oħra li l-iskop ewlieni tagħhom ikun it-trasport ta’ merkanzija għandhom jiġu trattati bħala kuntratti ta’ trasport ta’ merkanzija. […]”

    7

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 593/2008, intitolat “Kuntratti ta’ trasport”, jipprovdi:

    “1.   Sa fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ma ġietx magħżula skond l-Artikolu 3, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-post tar-riċezzjoni jew il-post tal-kunsinna jew ir-residenza abitwali tal-kunsinnatur ikunu wkoll f’dak il-pajjiż. Jekk dawk ir-rekwiżiti ma jiġux sodisfatti, għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż tal-kunsinna kif ġie miftiehem bejn il-partijiet.

    […]

    3.   Fejn jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, il-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Skont kuntratt konkluż fl-24 ta’ Diċembru 2002, Va Tech, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż li s-sede tagħha tinsab f’Lyon (Franza), fdat lil Safram, stabbilita f’Dechy (Franza), bl-organizzazzjoni, bħala l-aġent prinċipali tat-trasport, iċ-ċaqliq mill-port ta’ Antwerpen (Il-Belġju) għal Lyon ta’ trasformatur provenjenti mill-Istati Uniti.

    9

    Safram, f’isimha stess, iżda għan-nom ta’ Va Tech, ikkonkludiet ma’ Haeger & Schmidt, li s-sede tagħha tinsab f’Duisburg (Il-Ġermanja), kuntratt ieħor ta’ kummissjoni bl-għan li jitwettaq it-trasport ta’ dan it-trasformatur permezz tax-xmara. Għal dan l-għan Haeger & Schmidt għażlet lil J. Lorio, trasportatur stabbilit fi Douai (Franza), proprjetarju tal-barkun El-Diablo, irreġistrat fil-Belġju.

    10

    Waqt li kienet qegħda ssir it-tagħbija tiegħu f’Antwerpen fit-23 ta’ Jannar 2003, it-trasformatur iżżerżaq fl-istiva, u l-barkun inqeleb u għereq bil-merkanzija b’kollox.

    11

    Va Tech talbet kumpens tad-dannu li sostniet mingħand il-kumpanniji Safram u Haeger & Schmidt quddiem it-tribunal tal-kummerċ ta’ Douai. Dan tal-aħħar sejjaħ fil-kawża bħala garanti lil J. Lorio, bħala t-trasportatur, u lill-assiguratur tiegħu, Mutuelles du Mans assurances IARD (MMA IARD), li s-sede tagħha tinsab fi Franza.

    12

    It-tribunal tal-kummerċ ta’ Douai laqa’ t-talba għad-danni li tressqet quddiemu permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010. Din il-qorti fil-fatt iddeċidiet li l-liġi Franċiża biss hija applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni u ddikjarat lill-kumpanniji Safram u Haeger & Schmidt, fil-kwalità tagħhom ta’ aġenti tat-trasport, responsabbli għad-dannu li seħħ fit-23 ta’ Jannar 2003.

    13

    Haeger & Schmidt appellat minn din is-sentenza.

    14

    Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2011, il-qorti tal-appell ta’ Douai kkonfermat l-imsemmija deċiżjoni u kkundannat lil Haeger & Schmidt tħallas lill-kumpanniji Axa Corporate Solutions SA u Ace Insurance SA NV, assiguraturi surrogati fid-drittijiet ta’ Va Tech, is-somma ta’ EUR 285 659.64 flimkien mal-interessi legali, bħala danni. L-istess dejn intlaqa’ bħala passiv ta’ Safram li, fil-frattemp, kienet tinsab fi stralċ. F’dan ir-rigward, din il-qorti ddeċidiet li l-liġi Franċiża kienet applikabbli fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn id-diversi kumpanniji inkwistjoni u għaldaqstant ikkunsidrat, fir-rigward ta’ Safram u ta’ Haeger & Schmidt, li d-dritt Ġermaniż ma kienx intiż li japplika għal kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, konkluż minn kumpannija Franċiża li għandha s-sede tagħha fi Franza għan-nom ta’ kumpannija Franċiża oħra, meta l-post tal-ħatt ukoll jinsab fi Franza.

    15

    Haeger & Schmidt appellat quddiem il-Cour de cassation billi invokat aggravju uniku, ibbażat fuq determinazzjoni ineżatta tal-liġi applikabbli għall-kawża. F’dan ir-rigward, hija sostniet li hija pprovdiet il-provvista li tikkaratterizza l-kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport li jgħaqqad lill-partijiet u li hija stabbilita fil-Ġermanja. Għaldaqstant, skont din, il-qorti tal-appell ta’ Douai ma setgħetx tapplika l-liġi Franċiża, skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ħlief wara li tkun qabblet ir-rabtiet eżistenti bejn il-kuntratt u, minn naħa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li d-dritt tagħha jidher li huwa applikabbli skont il-preżunzjoni ġenerali ta’ ġurisdizzjoni msemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ din il-konvenzjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża, sabiex, skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li tinsab adita biha din il-qorti, jitfittex il-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-eqreb rabta fis-sens tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmija konvenzjoni.

    16

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport, li għalih prinċipal jaħtar aġent, li jaġixxi f’ismu stess u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-organizzazzjoni ta’ trasport ta’ merkanzija li huwa jkun ser jimplementa permezz ta’ wieħed jew iktar trasportaturi għan-nom tal-prinċipal, jista’, u b’liema kundizzjonijiet, ikollu prinċipalment bħala għan li jwettaq trasport ta’ merkanzija fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-[Konvenzjoni ta’ Ruma]?

    2)

    Jekk il-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 4(4) [tal-imsemmija konvenzjoni], iżda l-preżunzjoni speċjali tad-determinazzjoni tal-liġi li tipprovdi dan it-test tkun inapplikabbli, fl-assenza tal-koinċidenza li dan jirrikjedi, il-kliem tal-ewwel sentenza tiegħu, li jipprovdi li l-kuntratt għat-trasport tal-merkanziji ma huwiex suġġett għall-preżunzjoni ġenerali tal-paragrafu (2), għandu jiġu interpretati fis-sens li l-qorti hija għalhekk mistiedna tfittex il-liġi applikabbli, mhux fuq il-bażi ta’ din il-preżunzjoni, definittivament eliminata, iżda skont il-prinċipju ġenerali ta’ determinazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1), jiġifieri billi jiġi identifikat il-pajjiż li miegħu l-kuntratt jippreżenta rabtiet l-iktar mill-qrib, mingħajr kunsiderazzjoni partikolari għal dak fejn hija stabbilita l-parti li tipprovdi s-servizz karatteristiku tal-kuntratt?

    3)

    Jekk wieħed jassumi li l-kuntratt għal kummissjoni ta’ trasport huwa suġġett għall-preżunzjoni ġenerali tal-Artikolu 4(2), jista’ jiġi ammess, fl-ipoteżi fejn min jagħti l-ordni inizjali jkun ikkonkluda kuntratt mal-ewwel aġent, li kien sussegwentement issostitwit mit-tieni [aġent], li l-liġi applikabbli fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn min jagħti l-ordni u dan it-tieni aġent tiġi ddeterminata skont il-post fejn huwa stabbilit l-ewwel aġent, inkwantu l-liġi tal-pajjiż hekk innominat titqies bħala globalment applikabbli għall-operazzjonijiet kollha ta’ kummissjoni ta’ trasport?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    17

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport u, jekk dan ikun il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jikkunsidra kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport bħala kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija.

    18

    Preliminarjament għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 4 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi l-kriterji ta’ rabta li abbażi tagħhom il-qorti għandha tiddetermina l-liġi applikabbli għal kull kategorija ta’ kuntratt, fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet (ara s-sentenza ICF, C‑133/08, EU:C:2009:617, punt 25).

    19

    Dan l-Artikolu 4 huwa bbażat fuq il-prinċipju ġenerali, stipulat fil-paragrafu (1) tiegħu, li jipprovdi li għad-determinazzjoni tar-rabta ta’ kuntratt ma’ dritt nazzjonali, għandu jiġi ddeterminat il-pajjiż li miegħu dan il-kuntratt għandu “l-eqreb rabta” (ara s-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punt 26).

    20

    Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali hija mtaffa mill-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

    21

    B’mod partikolari, l-imsemmi Artikolu 4(2) jistabbilixxi preżunzjoni ta’ natura ġenerali, li tikkonsisti f’li jitqies bħala kriterju ta’ rabta l-post ta’ residenza tal-parti għall-kuntratt li jipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt.

    22

    Fl-ewwel żewġ sentenzi tiegħu, l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirrifletti l-ispeċifiċità tal-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija, li, għall-inqas f’kuntest transkonfinali, diffiċilment jippermetti rabta mal-pajjiż ta’ residenza tal-parti għall-kuntratt li tipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, peress li, billi l-għan prinċipali ta’ tali kuntratt huwa ċ-ċaqliq tal-merkanzija, il-post ta’ residenza abitwali tat-trasportatur ma għandux rabta oġġettiva mal-imsemmi kuntratt. Għaldaqstant, it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu (4) issemmi b’mod eżawrjenti l-kriterji ta’ rabta speċifiċi dwar il-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratti ta’ trasport.

    23

    Il-paragrafu (5) tal-istess Artikolu 4 fih klawżola ta’ eċċezzjoni li tippermetti li l-imsemmija preżunzjonijiet jitwarrbu meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kuntratt għandu rabta mill-qrib iktar ma’ pajjiż ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punt 27).

    24

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u għall-finijiet li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata t-tielet sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tistabbilixxi li “charter‑parties ta’ vjaġġ wieħed u kuntratti oħra li l-għan ewlieni tagħhom huwa t-trasport ta’ merkanzija għandhom jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta’ merkanzija”.

    25

    Fir-rigward tal-frażi “jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta’ merkanzija” kif ukoll tal-kundizzjonijiet li fihom kuntratt ieħor jista’ jitqies bħala kuntratt ta’ trasport, għandu jitfakkar li huma neċessarji kriterji uniformi u awtonomi sabiex il-Konvenzjoni tiġi żgurata l-effikaċità sħiħa tagħha fid-dawl tal-għanijiet tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Koelzsch, C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Għandu wkoll jitfakkar li, fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza ICF (EU:C:2009:617), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat din l-aħħar sentenza tal-imsemmi Artikolu 4(4) fis-sens li din tippermetti li kuntratti oħra jiġu assimilati mal-kuntratti ta’ trasport, b’wieħed mill-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjoni jkun li jestendi l-applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 4 għal kuntratti li, minkejja li taħt id-dritt nazzjonali huma kklassifikati bħala kuntratti ta’ nolleġġ, għandhom bħala għan prinċipali t-trasport ta’ merkanzija. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-relazzjoni kuntrattwali u, konsegwentement, l-obbligi kollha tal-parti li tipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt.

    27

    L-istess jgħodd għall-kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport li huwa kuntratt distint, bl-eżekuzzjoni li tikkaratterizzah tikkonsisti fl-organizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija. Billi ma għandux iċ-ċaqliq tal-merkanzija bħala l-għan prinċipali tiegħu, il-kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport ma jistax jitqies bħala kuntratt ta’ trasport.

    28

    Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, tal-eżekuzzjoni reali mwettqa u tal-obbligi kollha tal-parti li għandha tipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, u mhux tal-klassifikazzjoni mogħtija lill-kuntratt mill-partijiet, kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport jista’ jkun jirrelata mal-ispeċifiċità ta’ kuntratt ta’ trasport kif imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, jekk huwa jkollu prinċipalment bħala għan it-twettiq taċ-ċaqliq, bħala tali, tal-merkanzija.

    29

    Fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel żewġ kuntratti konklużi, minn naħa, bejn Va Tech u Safram u, min-naħa l-oħra, bejn Safram u Haeger & Schmidt, ġew ikklassifikati mill-qorti tar-rinviju bħala kummissjoni ta’ trasport. Bl-għan li jiġi eżegwit it-trasport tat-trasformatur permezz tax-xmara, Haeger & Schmidt ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport ma J. Lorio, proprjetarju tal-barkun El-Diablo, li nqeleb matul it-tagħbija tal-merkanzija.

    30

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-għan prinċipali tal-kuntratt konkluż bejn Safram u Haeger & Schmidt kien “l-organizzazzjoni globali tat-trasport u mhux is-sempliċi rappreżentazzjoni legali tal-persuna li tikkummissjona”, b’Haeger & Schmidt taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ intermedjarju taħt ir-responsabbiltà tagħha u f’isimha proprju, iżda għan-nom tal-persuna li tikkummissjona, sabiex twettaq l-atti neċessarji għat-trasport tat-trasformatur inkwistjoni.

    31

    Hija l-qorti tar-rinviju, matul analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jirriflettu r-realtà ekonomika u kummerċjali tar-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet u l-għan tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, il-kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport inkwistjoni għandu bħala għan prinċipali t-trasport effettiv tal-merkanzija kkonċernata.

    32

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport biss meta l-għan prinċipali tal-kuntratt ikun jikkonsisti fit-trasport effettiv tal-merkanzija kkonċernata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tieni domanda

    33

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija għandhiex, fil-każ li ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tiġi ddeterminata skont ir-regola ġenerali prevista fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu jew skont il-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu (2) tal-istess artikolu.

    34

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha dejjem tiddetermina l-liġi applikabbli abbażi tal-preżunzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-imsemmija konvenzjoni, liema preżunzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżit ġenerali ta’ prevedibbiltà tal-liġi, u b’hekk taċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punt 62).

    35

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-inapplikabbiltà eventwalment ikkonstatata tal-preżunzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma twassalx għall-impossibbiltà li jsir użu mill-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu (2) tal-istess artikolu u għaldaqstant għan-neċessità li tiġi applikata r-regola ġenerali msemmija fil-paragrafu (1) tiegħu.

    36

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-imsemmija konvenzjoni, il-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija ma huwiex suġġett għall-preżunzjoni tal-paragrafu (2) tal-istess artikolu. Skont it-tieni sentenza tal-paragrafu (4) tiegħu, il-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur jkollu l-post prinċipali ta’ negozju tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jekk, f’dan l-istess pajjiż, jinsab il-post ta’ fejn isseħħ it-tagħbija jew isir il-ħatt tal-merkanzija jew ikun jinsab il-post prinċipali ta’ negozju tal-mittent.

    37

    Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 4 jipprevedi b’mod espliċitu, minn naħa, li l-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu (2) tiegħu ma tapplikax għall-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, huwa jsemmi diversi kriterji ta’ rbit speċifiku li jippermettu li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratt, u l-post ta’ residenza tat-trasportatur, waħdu, ma jitqiesx bħala li huwa biżżejjed f’dan ir-rigward.

    38

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ikun imur kontra sew il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kif ukoll il-loġika ta’ din id-dispożizzjoni jekk wieħed japplika l-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu għal kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk, fl-assenza tal-koinċidenza tal-kriterji msemmija fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu (4), jiġi stabbilit li l-preżunzjoni msemmija f’dan il-paragrafu ma tistax tiġi applikata.

    39

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-punt ta’ qabel dan tikkonċilja ruħha wkoll mal-formulazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ trasport ta’ merkanzija, previsti bir-Regolament Nru 593/2008, li madankollu ma huwiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jeskludi, għall-kuntratti ta’ dan it-tip, fl-assenza ta’ koinċidenza tal-kriterji ta’ rabta msemmija hemmhekk, li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu u huwa jipprovdi b’mod espress li, f’dan il-każ, għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż li fih jinsab il-post tal-kunsinna miftiehem bejn il-partijiet.

    40

    B’hekk, meta l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jkunux issodisfatti, il-qorti nazzjonali jkollha tfittex il-liġi applikabbli għall-kuntratt mhux abbażi tal-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu (2) tal-istess artikolu, li definittivament ma għandhiex tiġi applikata, iżda b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ determinazzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), jiġifieri billi jiġi identifikat il-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-eqreb rabta.

    41

    Fil-fatt, hekk kif ġustament irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sa fejn il-qorti nazzjonali għandha, skont l-Artikolu 4(5) tal-imsemmija konvenzjoni, tapplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-eqreb rabta u twarrab il-liġi applikabbli ddeterminata abbażi tal-preżunzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (2) u (4) tal-istess artikolu, din l-istess qorti għandha, iktar u iktar, tapplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt inkwistjoni għandu l-eqreb rabta, hekk kif huwa previst f’dan l-Artikolu 4(1), meta l-paragrafu (4) ma jippermettix li tingħażel il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punti 63 u 64).

    42

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija għandu, jekk ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi ddeterminat skont ir-regola ġenerali prevista fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri li l-liġi li tirregola dan il-kuntratt hija dik tal-pajjiż li miegħu dan għandu l-eqreb rabta.

    Fuq it-tielet domanda

    43

    Preliminarjament u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi ppreċiżat li t-tielet domanda saret biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tkun ikkonstatat, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi assimilata ma’ kuntratt ta’ trasport u lanqas, għaldaqstant, ma jkun suġġett għall-preżunzjoni ġenerali msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

    44

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali tiddetermina l-liġi applikabbli għal relazzjonijiet kuntrattwali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel aġent tat-trasport ikun ġie ssostitwit minn aġent ieħor li għandu s-sede tiegħu fi Stat membru ieħor, skont il-post ta’ negozju tal-aġent prinċipali biss.

    45

    Hekk kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, skont l-imsemmi Artikolu 4(2) huwa preżunt li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-parti li għandha tipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, ikollha r-residenza abitwali tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali tagħha, il-post prinċipali ta’ negozju tagħha jew post ta’ negozju ieħor li għandu jipprovdi l-eżekuzzjoni.

    46

    Għaldaqstant, meta dan ikun kuntratt li jaqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u meta jkun possibbli li tiġi identifikata l-eżekuzzjoni li tikkaratterizzah, il-qorti nazzjonali għandha, l-ewwel nett, tiddetermina l-liġi applikabbli abbażi tal-kriterji ta’ rabta speċifiċi li jinsabu f’dan il-paragrafu (2), hekk kif tfakkar fil-punt 35 tas-sentenza preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punt 62).

    47

    Hekk kif jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jeskludi b’mod espress il-każ tal-applikazzjoni tal-paragrafu (5) ta’ dan l-artikolu, kif ukoll mill-ġuisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-preżunzjoni tista’ titwarrab meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan il-paragrafu (5) ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICF, EU:C:2009:617, punti 63 u 64).

    48

    Minn dak preċedenti jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, fit-tieni lok, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li għandha quddiemha, hemmx lok jew le li s-soluzzjoni li waslet għaliha b’applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu (2) titwarrab. Għal dan l-għan, din għandha twettaq tqabbil tar-rabtiet eżistenti bejn il-kuntratt u, minn naħa, il-pajjiż li fih il-parti li tipprovdi l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt ikollu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, pajjiż ieħor li miegħu dan il-kuntratt għandu rabtiet mill-qrib.

    49

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi oġġettivi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni kuntrattwali u tevalwa dak jew dawk li, fil-fehma tagħha, huma l-iktar sinjifikattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza Schlecker, C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 40). Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, fost l-elementi sinjifikattivi ta’ rabta, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ rbit mill-qrib tal-kuntratt inkwistjoni ma’ kuntratt ieħor jew diversi kuntratti oħra li jagħmlu parti, jekk ikun il-każ, mill-istess sensiela ta’ kuntratti kif ukoll tal-post tal-kunsinna tal-merkanzija.

    50

    Din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-premessa 20 tar-Regolament Nru 593/2008, li tipprevedi b’mod espliċitu, bħala kriterju ta’ rabta rilevanti, l-eżistenza ta’ sensiela ta’ kuntratti marbuta mal-kuntratt inkwistjoni.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn jiġi sostnut li kuntratt għandu rabta eqreb ma’ pajjiż li ma huwiex dak li l-liġi tiegħu hija msemmija mill-preżunzjoni li tinsab fl-imsemmi paragrafu, il-qorti nazzjonali għandha tqabbel ir-rabtiet eżistenti bejn dan il-kuntratt u, minn naħa, il-pajjiż li l-liġi tiegħu tissemma mill-preżunzjoni u, min-naħa l-oħra, il-pajjiż l-ieħor ikkonċernat. Għal dan l-għan, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, inkluża l-eżistenza ta’ kuntratti oħra marbuta mal-kuntratt inkwistjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratt ta’ kummissjoni ta’ trasport biss meta l-għan prinċipali tal-kuntratt ikun jikkonsisti fit-trasport effettiv tal-merkanzija kkonċernata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    2)

    L-Artikolu 4(4) tal-imsemmija konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija għandu, jekk ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi ddeterminat skont ir-regola ġenerali prevista fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri li l-liġi li tirregola dan il-kuntratt hija dik tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-eqreb rabta.

     

    3)

    L-Artikolu 4(2) tal-istess konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn jiġi sostnut li kuntratt għandu rabta eqreb ma’ pajjiż li ma huwiex dak li l-liġi tiegħu hija msemmija mill-preżunzjoni li tinsab fl-imsemmi paragrafu, il-qorti nazzjonali għandha tqabbel ir-rabtiet eżistenti bejn dan il-kuntratt u, minn naħa, il-pajjiż li l-liġi tiegħu tissemma mill-preżunzjoni u, min-naħa l-oħra, il-pajjiż l-ieħor ikkonċernat. Għal dan l-għan, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, inkluża l-eżistenza ta’ kuntratti oħra marbuta mal-kuntratt inkwistjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top