EUR-Lex Hozzáférés az európai uniós joghoz

Vissza az EUR-Lex kezdőlapjára

Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.

Dokumentum 62012TJ0403

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2015.
Intrasoft International SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Assistenza teknika għall-amministrazzjoni tad-dwana Serba fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tas-sistema doganali – Kunflitt ta’ interessi – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tas-Serbja – Ċaħda impliċita tal-ilment imressaq kontra ċ-ċaħda tal-offerta.
Kawża T-403/12.

Határozatok Tára – Általános EBHT

Európai esetjogi azonosító: ECLI:EU:T:2015:774

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Assistenza teknika għall-amministrazzjoni tad-dwana Serba fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tas-sistema doganali — Kunflitt ta’ interessi — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tas-Serbja — Ċaħda impliċita tal-ilment imressaq kontra ċ-ċaħda tal-offerta”

Fil-Kawża T‑403/12,

Intrasoft International SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn S. Pappas, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u E. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tal-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 tal-Kummissjoni, li taġixxi permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Serbja, li tgħid li l-kuntratt għal servizzi għas-sejħa għall-offerti EuropeAid/131367/C/SER/RS, intitolat “Assistenza teknika għall-amministrazzjoni tad-dwana Serba fil-kuntest tal-immordenizzar tas-sistema doganali” (ĠU 2011/S 160-262712), ma setax jiġi attribwit lill-konsorzju li fih Intrasoft International SA kienet tagħmel parti, min-naħa l-oħra, ta’ talba għall-annullament ta’ allegata deċiżjoni impliċita li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Intrasoft International SA, hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

2

Fit-23 ta’ Awwissu 2011, avviż ta’ kuntratt bir-referenza EuropeAid/131367/C/SER/RS (iktar ’il quddiem “l-avviż ta’ kuntratt”) ġie ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 160‑262712).

3

Dan l-avviż kellu bħala suġġett l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi intitolat “Assistenza teknika għall-amministrazzjoni tad-dwana Serba fil-kuntest tal-immordenizzar tas-sistema doganali”. Il-perijodu oriġinarjament skedat għall-implementazzjoni tal-kuntratt kien ta’ 24 xahar u l-baġit massimu kien jammonta għal EUR 4100000.

4

Is-sejħa għal offerti kienet tagħmel parti mill-istrument ta’ għajnuna ta’ preadeżjoni, stabbilit u rregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006, tas-17 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, p. 82). Dan l-istrument jipprovdi assistenza lil diversi pajjiżi, fosthom lis-Serbja, sabiex jikkonformaw ruħhom gradwalment mar-regoli, mal-politiki u l-acquis tal-Unjoni Ewropea, għall-finijiet tas-sħubija futura tagħhom. Din l-assistenza hija pprovduta, b’mod partikolari, permezz tal-introduzzjoni u l-għoti, mill-Kummissjoni Ewropea, ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista ta’ servizzi li l-konċessjonarji ta’ dawn il-kuntratti jipprovdu lill-pajjiż benefiċjarju, jiġifieri, f’dan il-każ, is-Serbja.

5

L-awtorità kontraenti kienet l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, li taġixxi permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Serbja (iktar il quddiem l-“awtorità kontraenti”).

6

Skont l-avviż ta’ kuntratt, dan tal-aħħar kellu jingħata lill-offerta li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament fil-kuntest ta’ proċedura limitata li kienet tinkludi żewġt istadji, jiġifieri l-preselezzjoni u l-għoti.

7

Għall-finijiet tal-istadju ta’ preselezzjoni, il-persuni kkonċernati kellhom jissottomettu l-kandidaturi tagħhom sat-terminu tat-30 ta’ Settembru 2011, flimkien ma’ ċerta informazzjoni dwar il-kapaċitajiet finanzjarji, tekniċi u professjonali tagħhom li jwettqu l-għan tal-kuntratt. Wara l-evalwazzjoni tal-kandidaturi, kumitat ta’ evalwazzjoni kellu jfassal lista mqassra tal-kandidati eliġibbli, li tikkonsisti minn erba’ sa tmien kandidati, mistiedna sabiex jipparteċipaw fit-tieni stadju tal-proċedura, dik tal-għoti tal-kuntratt.

8

Matul din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rikorrenti għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-awtorità kontraenti konformement mal-punt 3.3.5, intitolat “Informazzjoni addizzjonali matul il-proċedura”, tal-Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Kummissjoni, redatt mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni konkreta tal-assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem il-“Gwida prattika”). B’mod partikolari, hija staqsiet jekk kumpannija jew espert, li għandu l-intenzjoni li jattendi l-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, għandu jitqies f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fl-eżekuzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti, fil-proġett EuropeAid/128180/C/SER/RS.

9

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-26 ta’ April 2012, l-awtorità kontraenti wieġbet lir-rikorrenti li “l-kumpannija jew l-espert li pparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-proġett EuropeAid/128180/C/SER/RS u għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti EuropeAid/131367/C/SER/RS ma humiex f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, [peress li] s-sejħa għal offerti EuropeanAid/128180/C/ser/RS ma kinitx tinkludi l-preparazzjoni tad-dokumentazzjoni għas-sejħa għal offerti EuropeAid/131367/V/SER/RS”.

10

Ir-rikorrenti ippreżentat il-fajl tagħha bil-għan li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti, fi ħdan konsorzju kkostitwit minn Serbian Business Systems d.o.o. u Belit d.o.o.

11

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, l-awtorità kontraenti indikat lir-rikorrenti li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012”). Din l-ittra kien fiha d-dettalji segwenti:

ir-rikorrenti kellha aċċess privileġġat għal ċertu numru ta’ dokumenti li huma parti sħiħa mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti li għadha għaddejja u li jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-attivitajiet koperti mill-kuntratt inkwistjoni. L-aċċess privileġġat li hija ingħatat kien relatat mal-parteċipazzjoni tagħha fir-redazzjoni tal-imsemmija dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti EuropeAid/128180/C/SER/RS; għalhekk, l-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 2.3.6 tal-Gwida prattika, tqis il-kundizzjoni dwar il-kunflitt ta’ interessi bħala mwettqa;

l-awtorità kontraenti kienet f’pożizzjoni li tivverifika b’mod dettaljat iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ biss wara li eżaminat b’attenzjoni il-kandidaturi kollha każ b’każ;

ir-rikorrenti setgħet tiddikjara li ma taqbilx jew titlob informazzjoni addizzjonali sas-17 ta’ Awwissu 2012, data li fiha l-awtorità kontraenti kompliet bil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

12

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-13 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti talbet lill-awtorità kontraenti sabiex tbiddel id-deċiżjoni tagħha, li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, li ċaħdet l-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu u talbet ukoll is-sospensjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti sakemm tirċievi iktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-imsemmija ċaħda.

13

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, l-awtorità kontraenti infurmat lir-rikorrenti li ma setgħetx tagħti l-kuntratt lill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu, minħabba l-kunflitt ta’ interessi msemmi fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, u kkomunikatilha wkoll l-isem tal-konsorzju li kellu jingħatalu l-kuntratt skont il-parir tal-kumitat ta’ evalwazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-12 ta’ Settembru 2012”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 u l-allegata deċiżjoni impliċita li ċaħdet l-ilment tagħha.

15

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, tal-allegata deċiżjoni impliċita li ċaħdet l-ilment tagħha kif ukoll tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, li seħħet wara l-preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

16

Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Novembru 2012, Intrasoft International vs Il-Kummissjoni (T-403/12 R, EU:T:2012:600), il-qorti għall-miżuri provviżorji ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji minħabba nuqqas ta’ urġenza.

17

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

18

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

19

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2015.

20

Il-proċedura orali ngħalqet fit-12 ta’ Frar 2015.

21

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tas-Serbja li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 kif ukoll tal-allegata deċiżjoni impliċita li ċaħdet l-ilment tagħha kontra din id-deċiżjoni, b’mod li tista’ tiġi awtorizzata tipparteċipa fl-istadji ulterjuri tas-sejħa għal offerti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tagħha u tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti kif ukoll tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑403/12 R.

23

Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula matul is-seduta u kif kien uffiċjalment irrekordjat fil-proċess verbal tas-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, mibgħuta mill-awtorità kontraenti l-għada tal-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ma kinitx is-suġġett tal-imsemmi rikors jew adattament tal-konklużjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti spjegat li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 kienet biss miżura li tikkonferma l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 u, għaldaqstant, għandha tiġi ttrattata bl-istess mod.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

24

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-atti li huma s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), huma l-ewwel nett, l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, li indikat li l-kuntratt ta’ servizzi inkwistjoni ma setax jingħata lill-konsorzju li r-rikorrenti kienet tagħmel parti minnu fuq il-bażi li din tal-aħħar kellha kunflitt ta’ interessi, u, it-tieni nett, l-allegata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ ilment tar-rikorrenti kontra l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012.

25

Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tressaq, fir-risposta tagħha, argumenti li jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-atti kkontestati.

26

Hija ssostni li l-ittra tal-10 t’ Awwissu 2012 ma hijiex att kontestabbli fis-sens li hija sempliċiment intiża sabiex tinforma lir-rikorrenti li l-kandidatura tagħha kienet tqieset bħala li tirrappreżenta każ ta’ kunflitt ta’ interessi u tipprovdi r-raġunijiet għal din l-evalwazzjoni. L-uniku att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament hija d-deċiżjoni kkomunikata permezz tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, li jekk ma kinitx ikkontestata fil-ħin, kienet issir finali fir-rigward tar-rikorrenti.

27

Rigward l-allegata deċiżjoni impliċita li tiċħad l-ilment, il-Kummissjoni tiddikjara li t-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol sabiex tirrispondi għal ilment, isemmi fil-punt 2.4.15.1 tal-Gwida prattika, jikkostitwixxi biss “regola ta’ l-aqwa sforz”, stabbilita fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, u li, konsegwentement, l-assenza ta’ tweġiba f’dan it-terminu ma tistax titqies bħala deċiżjoni impliċita li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Gwida prattika ma setgħetx toħloq regoli mandatorji rigward it-termini sabiex jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

28

Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament jirriżulta li, sabiex jikkwalifikaw l-atti kkontestati, wieħed għandu jiffoka fuq is-sustanza tagħhom kif ukoll l-intenzjoni tal-awtur stess. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu, bħala regola, atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, u li ma għandhomx tali effetti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-att ikkonċernat jekk dan jissodisfax jew le ċerti rekwiżiti formali, jiġifieri jekk huwiex intitolat debitament mill-awtur tiegħu, jekk huwiex immotivat biżżejjed jew jekk isemmix id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu. Għalhekk huwa irrilevanti li dan l-att ma huwiex indikat bħala “deċiżjoni” jew li ma jkunx fih ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li jipprovdu rimedji disponibbli kontra tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni tkun tista’ tevita l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni billi sempliċiment tinjora rekwiżiti formali bħal dawn. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li peress li l-Unjoni hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-trattat, ir-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi li l-qrati tal-Unjoni jiġu aditi bihom għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’tali mod li dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk, kif issostni -rikorrenti, l-atti kkontestati, imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, huma atti li jikkawżaw preġudizzju u li jistgħu jkunu suġġett ta’ rikors għal annullament.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors dirett kontra l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012

32

L-effetti tad-dritt obbligatorji ta’ att għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħalma hu l-kontenut ta’ dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra, EU:C:1997:164, punt 9) billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, id-digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C‑50/90, Ġabra, EU:C:1991:253, punt 13 u s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra, EU:C:2010:40, punt 58) kif ukoll il-poteri tal-istituzzjoni li kienet l-awtur tal-att (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra, EU:C:2005:727, punt 28).

33

F’dan il-każ huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, f’termini tal-kontenut tagħha, tal-kuntest fattwali u ġuridiku li fih inkitbet u l-poter disponibbli lill-awtorità li adottatha, tista’ titqies bħala deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti.

34

F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi indikat, l-ewwel nett, li ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ li l-atti kkontestati, redatti mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika Serba, huma attribwibbli lill-Kummissjoni, li għalhekk hija l-konvenuta leġittima fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, kif issostni ġustament r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-atti adottati mill-imsemmija delegazzjoni, li taġixxi bħala uffiċjal awtorizzat subdelegat tal-Kummissjoni, ma jippermettulhiex li tiġi rikonoxxuta bħala l-konvenuta, u huwa, f’dan il-każ, attribwibbli lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Elti vs Delegazzjoni tal-Unjoni għal Montenegro, T 395/11, Ġabra, EU:T:2012:274, punt 64).

35

It-tieni nett, lanqas ma huwa kkontestat li r-rikorrenti, bħala membru tal-konsorzju, hija d-destinatarja tal-atti indirizzati lilha, minħabba l-istruttura trasparenti tal-imsemmi konsorzju fir-rigward tal-membri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaiki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑50/05, Ġabra, EU:T:2010:101, punt 40).

36

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut tal-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, għandu jitfakkar li din hija abbozzata fit-termini segwenti:

“Jiddispjaċini ninformak [...] li ġie deċiż li l-kandidatura tiegħek tinvolvi kunflitt ta’ interessi u [li l-kuntratt] għalhekk ma setax jingħata lill-konsorzju tiegħek, [L]-awtorità kontraenti waslet għall-konklużjoni li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju [li inti tagħmel parti minnu] għaliex inti tinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. [L-]awtorità kontraenti, skont il-punt 2.3.6 tal-[Gwida prattika] tqis li l-kundizzjonijiet [li jiddeterminaw] l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi huma ssodisfatti [...]”

37

Għalhekk, mill-kliem ta’ din l-ittra jirriżulta li l-awtur tagħha jkun informa mhux biss lir-rikorrenti, kif issostni l-Kummissjoni, bl-intenzjoni tiegħu li jeskludiha mill-għoti tal-kuntratt, iżda ġiet ikkomunikata lilha wkoll id-deċiżjoni li ma tagħtix il-kuntratt lill-konsorzju li hija kienet tagħmel parti minnu.

38

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bir-riferiment, fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, għal terminu sabiex turi lill-awtorità kontraenti n-nuqqas ta’ qbil jew li titlobha informazzjoni addizzjonali. Tali riferiment, konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.4.15.1 tal-Gwida prattika, intiża, minn naħa, b’mod partikolari sabiex tirrikonoxxi lid-destinatarju tal-att, permezz ta’ lment, il-possibbiltà li jipproteġi l-interessi tiegħu affettwati mid-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma jkollu għalfejn jieħu azzjoni legali, u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun jista’ jikseb kjarifiki ta’ deċiżjoni diġà meħuda.

39

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tagħmel ilment, kif indikat b’mod partikolari fil-punt 2.4.15.3 tal-Gwida prattika u fin-nota spjegattiva fil-qiegħ tal-paġna li għalihom isir riferiment f’dan il-punt, ma jippreġudikax id-dritt tad-destinatarju tal-att li jadixxi lill-Qorti Ġenerali, fit-termini espressament imsemmija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il-Kummissjoni, T‑407/07, EU:T:2011:477, punt 103). Minn dan isegwi li tali possibbiltà ma teħlisx lir-rikorrenti mill-obbligu li tosserva l-imsemmija termini għall-preżentata ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fiha l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 inkitbet, għandu jiġi nnutat li din tal-aħħar tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-esklużjoni tal-offerenti magħżula għall-għoti tal-kuntratt, bħal ma huma elenkati fil-punt 2.3.3 tal-gwida prattika, skont l-indikazzjoni li tinsab fil-punt 15 tal-avviż ta’ kuntratt. Tali evalwazzjoni nkisbet bl-indikazzjoni li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti. Fil-fatt, mid-dokumenti fil-proċess ma jirriżultax li, wara l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, evalwazzjoni tal-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti reġgħet twettqet.

41

Għandu jingħad ukoll li, fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, l-awtur tagħha indika li, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet jew ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali, “[huwa] ikompli bil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt skont ir-regoli tal-Gwida prattika”. Issa, għandu jiġi osservat li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, mibgħuta lir-rikorrenti l-għada tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, fiha l-isem tal-offerent propost mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Minn dan jirriżulta li, minkejja t-talba tar-rikorrenti, li tinsab fl-ilment tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2012, li tissospendi l-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet għaddejja, l-awtorità kontraenti baqgħet għaddejja u indikat, minn fost il-bqija tal-kandidati, l-offerent rebbieħ potenzjali.

42

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li r-riferiment, fl-aħħar linja tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, għall-possibbiltà, skont il-punt 2.4.15 tal-Gwida prattika, ta’ rikors sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt lil offerent ieħor. Għalhekk, l-indikazzjoni inkwistjoni ma hijiex deċiżiva sabiex tikklassifika l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 bħala deċiżjoni finali ta’ esklużjoni tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, tali indikazzjoni turi, għal darba oħra, u kif ġustament issostni r-rikorrenti, li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma ġietx sospiża u kienet konkluża bl-indikazzjoni tal-offerent rebbieħ potenzjali mill-kumitat ta’ evalwazzjoni.

43

Għalhekk, huwa ċar li, minħabba l-kuntest li fih inkitbet l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, l-awtur tagħha ikun ħa pożizzjoni fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tipparteċipa fil-fażi tal-għoti tal-kuntratt, u indika wkoll li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u, għalhekk, bħala konsegwenza, stabbilixxa li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju li r-rikorrenti kienet tagħmel parti minnu.

44

Fit-tielet u l-aħħar lok, rigward is-setgħat li kellu l-awtur tal-ittra kkontestata, jiġifieri d-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tas-Serbja, kif ġie rrilevat fil-punt 5 hawn fuq, din tal-aħħar operat bħala awtorità kontraenti subdelegata tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-att inkwistjoni ma huwiex sempliċi parir tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-esklużjoni ta’ offerent għal raġunijiet ta’ kunflitt ta’ interessi, iżda deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li hija kapaċi toħloq effetti ġuridiċi vinkolanti għad-destinatarju.

45

Mill-osservazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minħabba l-kontenut tagħha, il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih inkitbet kif ukoll is-setgħat tal-awtorità li adottatha, l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 setgħet toħloq effetti ġuridiċi li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, b’tali mod li tikkawżalha preġudizzju u li tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

46

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti, quddiem att li jikkawżalha preġudizzju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 sa 30 u 32 hawn fuq, korrettement ippreżentat dan ir-rikors fit-termini kkalkolati mill-adozzjoni tal-imsemmi att. Hija ma kellhiex tistenna tweġiba għall-ilment tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2012 sabiex tippreżenta dan ir-rikors, u dan kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, u barra minn hekk, tal-punti 2.4.15.1 u 2.4.15.3 tal-Gwida prattika.

47

Peress li l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 ġiet deskritta bħala att kontestabbli, it-tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, skont liema l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 tinkludi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, li peress li ma kinitx ikkontestata fit-termini tar-rikors kontenzjuż, kienet tirrendi definittiva l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti minħabba kunflitt ta’ interessi. Argument bħal dan jirrikjedi li jiġi vverifikat jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrenti jkompli, wara l-adozzjoni mill-awtorità kontraenti tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, li jeħtieġ li r-rikors ikun responsabbli, jekk jirnexxi, li jipproduċi vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Ġunju 2014, Accorinti et vs BĊE, T‑224/12, EU:T:2014:611, punt 68)

48

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-annullament ta’ att ta’ konferma huwa marbut mal-att preċedenti, b’tali mod li l-annullament tal-att preċedenti jimplika awtomatikament dak tal-att ta’ konferma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra, EU:C:1998:192, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, fil-każ fejn id-deċiżjoni kkonfermata ma tkunx saret finali, il-persuna ikkonċernata hija intitolata li tikkontesta jew id-deċiżjoni oriġinali, jew l-att ta’ konferma, jew kemm waħda kif ukoll l-oħra minn dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑188/95, Ġabra, EU:T:1998:217, punt 108 u ġurisprudenza ċċitata).

49

L-ewwel nett, huwa meħtieġ f’dan il-każ li jiġi osservat li r-riferiment li jinsab fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 għall-parir tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jagħti l-kuntratt lil konsorzju ieħor ma jistax jikkonferixxi fuq l-ittra inkwistjoni n-natura ta’ att li jissostitwixxi l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 dwar iċ-ċaħda tal-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti. Fil-fatt, dan ir-riferiment la jbiddel l-motivazzjoni, la l-kontenut u lanqas l-effetti tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti għal raġunijiet ta’ kunflitt ta’ interessi u ċ-ċaħda sussegwenti tal-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti.

50

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-indikazzjoni li l-awtorità kontraenti tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-punti invokati mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2012, għandu jiġi nnutat li, għalkemm huwa minnu li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 hija risposta għall-ilment tar-rikorrenti, il-punti invokati minn din tal-aħħar f’din l-ittra ma jikkostitwixxux fatti ġodda jew sostanzjali fir-rigward ta’ dawk diġà magħrufa mill-awtorità kontraenti fil-mument tal-adozzjoni tal-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, kif tqisha l-ġurisprudenza dwar il-klassifikazzjoni tal-fatti bħala “ġodda u sostanzjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra, EU:T:2001:42, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-punti ppreżentati mir-rikorrenti huma limitati sabiex ifakkru lill-awtorità kontraenti li din tal-aħħar kienet diġà eskludiet l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrenti u informatha b’dan il-punt permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-26 ta’ April 2012 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 ma tipprovdix informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-pożizzjoni tar-rikorrenti jew tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha magħmula wara li ntbagħtet l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012.

51

Barra minn hekk, jekk, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, l-offerenti esklużi jkollhom l-opportunità li jitolbu bil-miktub lill-awtorità kontraenti sabiex tipprovdilhom “informazzjoni addizjonali dwar ir-raġunijiet għar-rifjut”, il-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni addizzjonali ma għandhiex l-effett li tissostitwixxi d-deċiżjoni li permezz tagħha l-offerta tal-offerent inkwistjoni ġiet miċħuda, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni għal deċiżjoni bħal din jista’ jitwettaq f’diversi stadji (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni, T‑6/10, EU:T:2012:245, punt 29 u ġurisprudenza ċċitata).

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtorità kontraenti, permezz tal-ittra tagħha tat-12 ta’ Settembru 2012, essenzjalment, ittenni l-pożizzjoni diġà murija fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Awwissu 2012, ibbażata fuq l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi. Ebda informazzjoni f’din l-ittra ma tikkostitwixxi punt ġdid jew sostanzjali tan-natura li jagħti lil din tal-aħħar il-karattru ta’ deċiżjoni dwar l-esklużjoni tar-rikorrenti, li tibdel jew tissostitwixxi l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012.

53

Konsegwentement, l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 ma ċaħditx dan ir-rikors, ippreżentat kontra d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, mill-għan tagħha, b’tali mod li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, sabiex tirrimedja l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u għaċ-ċaħda tal-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu, jippersisti f’dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tallega, u kif diġà ntqal fil-punt 46 hawn fuq, ir-rikorrenti ġustament ippreżentat rikors bil-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 bħala miżura b’effetti ġuridiċi li taffettwa l-interessi tagħha u li timponilha obbligi. Fil-każ kuntrarju, hija tkun fir-riskju li tkun ikkonfrontata mill-Kummissjoni minħabba t-tardività tar-rikors tagħha fuq il-bażi li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 ma hijiex fis-sustanza, u kif issostni ġustament ir-rikorrenti, ħlief att li jikkonferma l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012.

54

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, meta rikorrent iħalli jiskadi terminu sabiex tittieħed azzjoni kontra deċiżjoni li tkun waqqfet b’mod inekwivoku miżura b’effetti legali li jaffettwaw l-interessi tiegħu u li timponi obbligi fuqu, ma jistax iġedded dan it-terminu billi jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ lura fuq id-deċiżjoni tagħha u li jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonferma d-deċiżjoni meħuda preċedentement (ara d-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2006, Evropaiki Dynamik vs Il-Kummissjoni, T‑106/05, EU:T:2006:299, punt 55 u ġurisprudenza ċċitata).

55

Huwa xieraq għalhekk li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 jiġi dikjarat ammissibbli.

Fuq id-deċiżjoni impliċita taċ-ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti

56

Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament impliċita li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk din l-allegata deċiżjoni tistax tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-skiet oppost minn istituzzjoni meta mistiedna sabiex tieħu pożizzjoni ma jistax, fih innifsu u bħala tali, jipproduċi effetti legali, ħlief fejn dan ir-riżultat huwa espressament previst minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet espressi tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il-Kummissjoni, T‑189/95, T‑39/96 u T-123/96, Ġabra, EU:T:1999:317, punti 26 u 27).

58

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Gwida prattika hija għodda sempliċi tax-xogħol li tispjega l-proċeduri applikabbli f’ċertu settur u li ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi bażi legali għall-introduzzjoni ta’ ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Solegma vs AER, T‑411/06, Ġabra, EU:T:2008:419, punt 66). Bl-istess mod, f’dan il-każ, l-imsemmija Gwida ma tistax tifforma l-bażi legali għall-introduzzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza għall-benefiċċju tal-awtorità responsabbli li twieġeb għal ilment. Konsegwentement, l-inerzja tal-awtorità kontraenti meta jiskadi t-terminu ffissat fil-punt 2.4.15.1 tal-gwida prattika ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Gwida prattika ma tipprevedi ebda effett li jirriżulta mill-iskadenza tat-terminu inkwistjoni.

59

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli f’dak li jirrigwarda t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti.

Fuq il-mertu

60

Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv jinkludi żewġ ilmenti, wieħed ibbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, l-ieħor ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “Ir-Regolament Finanzjarju”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

61

Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, it-tieni motiv tar-rikors.

62

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, bħala l-ewwel ilment, li hija ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma ġiet eskluża b’mod permanenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u min-naħa l-oħra, bħala t-tieni ilment, li l-ebda prova effettiva li ssostni l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fejn jikkonċerna lir-rikorrenti ma ġiet prodotta. Hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju (sentenza tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05, Ġabra, EU:T:2007:107, punt 67) kif ukoll għall-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika sabiex issostni, essenzjalment, li l-esklużjoni ta’ offerent għandha tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ kunflitt ta’ interessi, sostnuta miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, filwaqt li jħalli lill-persuna kkonċernata l-opportunità li turi l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi.

63

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elementi li jeskludu l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma pparteċipatx fir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet jew tal-kundizzjonijiet relatati mal-proġett ta’ sejħa għal offerti EuropeAid/131367/C/SER/RS. Barra minn hekk, hija tindika li ma kellhiex f’idejha elementi iktar minn dawk li kienu disponibbli għall-offerenti kollha. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-fatt li hija pparteċipat fir-redazzjoni ta’ ċerti dokumenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti oħra, mingħajr li din il-preparazzjoni ma intervjenietx fil-perspettiva tal-kuntratt il-ġdid, fih innifsu, ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti għall-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li tikkonċerna lir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, EU:C:2005:127) jirriżulta li l-esperjenza miksuba taħt kuntratt preċedenti ma tistax toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, għaliex f’dan il-każ il-biċċa l-kbira tal-offerenti għandhom jiġu esklużi minn proċeduri ġodda ta’ sejħa għal offerti għal din ir-raġuni.

64

Il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 tirrikonoxxi espressament il-possibbiltà li tikkjarifika s-sitwazzjoni tagħha qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012. Barra minn hekk, minn din l-aħħar ittra jirriżulta li l-awtorità kontraenti “tieħu inkunsiderazzjoni kif jixraq l-elementi li [r-]rikorrenti kienet spjegat fl-ittra [tagħha] tat-13 ta’ Awwissu [2012]”, u bbażat ruħha fuq l-analiżi ta’ offerti konkreti.

65

Rigward il-provi ta’ kunflitt ta’ interessi inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li, kif jirriżulta mill-ittra tat-12 ta’ Settembru 2012, ċertu numru ta’ dokumenti redatti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ kuntratt preċedenti kienu ġew mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti l-ġdida. Dawn id-dokumenti “ser[vew] bħala bażi għal parti sinjifikattivaa mill-attivitajiet koperti mill-offerta attwali”. Il-Kummissjoni ma tikkontestax, hekk kif issostni r-rikorrenti li d-dokumenti kienu disponibbli għall-kandidati potenzjali kollha. Madankollu, hija ssostni li r-rikorrenti kellha aċċess għall-imsemmija dokumenti qabel l-offerenti l-oħra, u għalhekk ibbenefikat minn vantaġġ kompetittiv, b’mod partikolari meta jfittxu esperti kkwalifikati. Barra minn hekk, mingħajr ma tippretendi li dan huwa l-każ hawnhekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li, peress illi pparteċipat fir-redazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tidderiġi dawn id-dokumenti inkwistjoni sabiex tikseb vantaġġ kompetittiv fil-kuntratt inkwistjoni.

66

Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti (is-sentenza Fabricom, punt 63 iktar ’il fuq, EU:C:2005:127, punti 29 u 36) ma ssostnix it-teżi ta’ din tal-aħħar, iżda ssostni minflok il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-persuna li ħadet sehem f’ċerti xogħlijiet preparatorji tista’ tkun iffavorita sabiex tipprepara l-offerta tagħha, minħabba l-informazzjoni li hija setgħet tikseb dwar il-kuntratt pubbliku inkwistjoni waqt li qed tagħmel l-imsemmija xogħlijiet preparatorji. Issa, l-offerenti kollha għandu jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom, Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa biżżejjed il-fatt li hija stabbilixxiet l-eżistenza ta’ riskju li jikkonsisti f’vantaġġ kompetittiv għar-rikorrenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li l-imsemmi vantaġġ kellu konsegwenzi konkreti f’dan il-każ.

67

Għandu jiġi ppreċiżat li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi mill-Kummissjoni huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel taqsima tar-Regolament Finanzjarju.

68

Il-bażi legali tal-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 tinsab fl-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, riprodott fil-punt 15 tal-ispeċifikazzjonijiet. Ir-regolament inkwistjoni japplika, fi kliemu stess, għall-kuntratti pubbliċi kollha ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit Komunitarju u issa tal-Unjoni.

69

L-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Kuntratt m;għandux jiġi aġġudikat lil kandidati jew offerenti li, matul il-proċedura ta’ akkwist għal dak il-kuntratt:

a)

ikunu soġġetti għal kunflitt ta’ interessi [...]”

70

Il-paragrafu 15 tal-ispeċifikazzjonijiet, intitolat “Raġunijiet għal esklużjoni”, jipprovdi:

“L-offerenti għandhom jissottomettu flimkien mal-offerta, dikjarazzjoni ffirmata, inkluża f’formola standard, li ma jinsabux f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-punt 2.3.3 tal-[Gwida prattika].”

71

Skont il-punt 2.3.3 tal-Gwida prattika:

“Kuntratt m’għandux jiġi aġġudikat lil kandidati jew offerenti li, matul il-proċedura ta’ akkwist għal dak il-kuntratt:

a)

ikunu soġġetti għal kunflitt ta’ interessi;

[...]

Għandu jitfakkar, li qabel ma tipproponi (kumitat ta’ evalwazzjoni u tiddeċiedi (awtorità kontraenti) li teskludi kandidat/offerent/applikant, li l-prinċipji bħal ma huma d-drittijiet tad-difiża u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati. Għal dan il-għan, sakemm l-evidenza hija tali li ebda kwistjoni oħra hija meħtieġa (pereżempju, jekk il-kandidat/offerent/applikant jirrikonoxxi espliċitament il-fatti li wasslu għall-esklużjoni), l-esklużjoni tkun ibbażata fuq proċedura kontenzjuża mal-kandidat/offerent/applikant ikkonċernat”.

72

Fil-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika, msemmija fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, jinsab il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interess, spjegata kif ġej:

“Kunflitt ta’ interessi: ikun hemm kunflitt ta’ interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tal-awtorità kontraenti jew meta t-trattament ugwali ta’ kandidat/offerent/applikant b’rabta ma’ proċedura ta’ għoti jew l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kull raġuni oħra ta’ interess komuni mal-benefiċjarju ta’ programmi ffinanzjati mill-[Unjoni]. Hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interessi meta, per eżempju, individwu li jipparteċipa fil-proċedura (kumitat ta’ evalwazzjoni, awtorità kontraenti eċċ) tista’ tagħti lilu jew oħrajn vantaġġi diretti jew indiretti mhux iġġustifikati billi jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura; jew meta espert/kumpannija [għandha] il-possibbilità li tikseb informazzjoni pirvileġġjata li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta fil-proċeduri sussegwenti jew relatati.

Pereżempju, kull kumpannija jew kull espert li pparteċipa fil-preparazzjoni ta’ proġett (per eżempju fl-abbozzar tat-termini ta’ referenza) għandhom, b’mod ġenerali, jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fl-offerti li jirriżultaw kemm-il-darba ma tipprovdix provi lill-awtorità kontraenti li l-involviment [tiegħu] fl-istadji preċedenti tal-offerta ma jikkostitwixxix kompetizzjoni inġusta.

Il-kandidati/offerenti/applikanti li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt/għoti ta’ sussidju għandhom jiġu esklużi mill-proċedura. Ir-raġunijiet għall-esklużjoni għandhom jiġu analizzati każ b’każ. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-esklużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ kunflitt ta’ interessi, sostnut miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni. Esklużjoni awtomatika ċċaħħad lill-kandidat/offerent/applikant mid-dritt li jippreżenta evidenza li jista’ jiġi eskluż kull suspett ta’ kunflitt ta’ interessi.

[...]”

73

F’dan il-każ, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtorità kontraenti setgħetx tqis li kien hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regolament Finanzjarju, kif interpretat mill-ġurisprudenza, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkluża l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012.

74

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju jippermettili jiġi eskluż offerent fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku biss jekk is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi hija reali u mhux ipotetika. Dan ma jfissirx li riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex biżżejjed biex jeskludi offerta. Fil-fatt, huwa bħala regola ġenerali biss li waqt l-eżekuzzjoni li kunflitt ta’ interessi jista’ jinsab li jimmaterjalizza. Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, kunflitt ta’ interessi jista’ jkun biss potenzjali u din id-dispożizzjoni tar-Regolament Finanzjarju għalhekk timplika raġunament f’termini ta’ riskju. Madankollu, dan ir-riskju għandu fil-fatt jiġi kkonstatat, wara evalwazzjoni konkreta tal-offerta u s-sitwazzjoni tal-offerent, sabiex ikun jista’ jiġi eskluż mill-proċeduri. Is-sempliċi possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi ma tistax tkun biżżejjed għal dan l-iskop (sentenza Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, punt 62 hawn fuq, EU:T:2007:107, punt 67).

75

Il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi għandu karattru oġġettiv u, sabiex tikkaratterizzah, wieħed għandu jinjora l-intenzjonijiet tal-partijiet, b’mod partikolari il-bona fide tagħhom (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Nexans France vs Enterprise commune Fusion for Energy, T‑415/10, Ġabra, EU:T:2013:141, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Ma hemmx obbligu assolut fuq l-awtoritajiet kontraenti sabiex jiġu esklużi b’mod sistematiku l-offerenti f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, peress li tali esklużjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każijiet fejn huwa possibbli li din is-sitwazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma hemmx riskju reali li l-prattiki li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-offerenti jseħħu. Madankollu, l-esklużjoni ta’ offerent f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi huwa essenzjali meta ma jkunx hemm rimedju iktar xieraq sabiex jiġi evitat kull ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza (Nexans France vs Enterprise commune Fusion for Energy, punt 75 iktar ’il fuq, EU:T:2013:141, punti 116 u 117).

77

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, bħala konsegwenza, l-osservanza tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet għall-offerenti kollha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaiki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑250/05, EU:T:2007:225, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-opportunitajiet jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza, li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-offerenti kollha. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T-437/05, Ġabra, EU:T:2009:318, punti 114 u 115). Il-prinċipju ta’ trasparenza jirrikjedi, barra minn hekk, li l-informazzjoni teknika kollha rilevanti sabiex wieħed jifhem l-avviż ta’ kuntratt jew l-ispeċifikazzjonijiet huma disponibbli, mill-iktar fis possibbli, għall-impriżi kollha li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, b’tali mod, minn naħa, li tippermetti l-offerenti kollha li huma raġonevolment informati u normalment diliġenti li jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità kontraenti hija f’pożizzjoni li tivverifika jekk effettivament l-offerti tal-offerenti jissodisfaw il-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, European Dynamics Belgium et vs EMA, T‑158/12, EU:T:2014:36, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 74 sa 78 hawn fuq jirriżulta li r-raġunament f’termini ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jeħtieġ evalwazzjoni konkreta, minn naħa, tal-offerta u, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni tal-offerent ikkonċernat, u li l-esklużjoni ta’ dan l-offerent huwa rimedju li għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ opportunitajiet indaqs tal-offerenti.

80

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, kienx hemm ksur tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-analiżi oġġettiva li tinjora l-intenzjonijiet tar-rikorrenti, jekk ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jirriżultax mis-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar u minn evalwazzjoni konkreta tal-offerta tagħha.

81

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-Kummissjoni, l-esklużjoni tar-rikorrenti għal raġunijiet ta’ kunflitt ta’ interessi għandha l-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-rikorrenti kellha aċċess qabel l-oħrajn għal ċerti dokumenti użati bħala bażi għal uħud mill-attivitajiet relatati mal-proġett ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, għar-raġuni li r-rikorrenti kienet tagħmel parti mill- konsorzju li abbozza d-dokumenti inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti. Mill-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 li tali aċċess ipprovda lir-rikorrenti bid-disponibbiltà ta’ “informazzjoni privileġġata” kif definit fil-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika. Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis, b’mod konformi ma’ dak li huwa ddikjarat fl-ittra inkwistjoni, li tali aċċess qabel l-offerenti l-oħra kien ipprovda lir-rikorrenti vantaġġ kompetittiv fuq dawn tal-aħħar.

82

Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jista’ jkun ibbażat fuq is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kellha aċċess, qabel l-offerenti l-oħra, għal dokumenti li jappartjenu lil proċedura ta’ sejħa għal offerti oħra minħabba li hija kienet tagħmel parti minn konsorzju li abbozza dawn id-dokumenti li, iktar tard, kienu magħżula sabiex jintużaw bħala riferiment għal attivitajiet relatati mas-sejħa għal offerti inkwistjoni f’dan il-każ.

83

Fil-fatt, l-argument tal-Kummissjoni skont liema r-rikorrenti, minħabba li tagħmel parti mill-konsorzju li abbozza d-dokumenti inkwistjoni, setgħet influwenzat ir-redazzjoni sabiex tieħu vantaġġ kompetittiv fis-sejħa għal offerti inkwistjoni f’dan il-każ ma jistax jintlaqa’. Bħala tali, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 74 u 75 hawn fuq jirriżulta b’mod ċar li l-kunflitt ta’ interessi għandu jkollu karattru oġġettiv li jirrikjedi li jinjora l-intenzjonijiet tar-rikorrenti u li s-sempliċi possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex biżżejjed, għaliex l-imsemmi riskju għandu attwalment ikun ikkonstatat f’dan il-każ. Għalhekk, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma jistax ikun ibbażat fuq is-sempliċi preżunzjoni li fiż-żmien tar-redazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti, ir-rikorrenti kienet taf l-intenzjoni tal-awtorità kontraenti li ser tippubblika avviż ġdid ta’ sejħa għal offerti u l-intenzjoni tagħha li tagħżel id-dokumenti redatti mill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu bħala bażi għal ċerti attivitajiet involuti fil-kuntratt pubbliku kopert mis-sejħa għal offerti l-ġdida.

84

Fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq kif ukoll fil-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika, jeżisti r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi għall-persuna nkarigata mix-xogħlijiet preparatorji fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, li tipparteċipa f’dan l-istess kuntratt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja użat, fil-punt 29 tas-sentenza Fabricom, punt 63 iktar ’il fuq (EU:C:2005:127), l-espressjoni “xogħlijiet preparatorji” hija kienet qed tirreferi għal xogħlijiet magħmula fil-kuntest tal-istess proċedura għal sejħa għal offerti.

85

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tassimila r-redazzjoni ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti għall-każ ta’ xogħlijiet preparatorji fuq is-sejħa għal offerti inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, sakemm ma jurux oġġettivament u b’mod konkret, minn naħa, li l-imsemmija dokumenti kienu ġew ippreparati għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li huma kienu wasslu għal benefiċċju reali lir-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ tali dimostrazzjoni, id-dokumenti redatti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti u magħżula mill-awtorità kontraenti bħala riferiment għal xi wħud mill-attivitajiet ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti differenti ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu bħala “xogħlijiet preparatorji” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, u lanqas fis-sens tal-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika, li jidentifika b’mod partikolari bħala xogħlijiet preparatorji dawk li jikkonċernaw it-“tħejjija tal-proġett”, bħar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

86

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-għoti tal-kuntratt kienet ibbażata fuq is-sempliċi fatt li hija kienet tagħmel parti minn konsorzju li rrediġa d-dokumenti relatati ma’ proċedura għal sejħa għal offerti preċedenti, meta ma ġiex sostnut li l-offerenti l-oħra ma kienx ikollhom aċċess għal dawn l-istess dokumenti fiż-żmien dovut. Barra minn hekk, ir-redazzjoni tal-imsemmija dokumenti ma tinvolvix il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni. Għalhekk, ma ġiex muri li r-rikorrenti kellha iktar informazzjoni mill-offerenti l-oħra, li kien jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.

87

Minn dan isegwi li d-dokumenti inkwistjoni ma jikkostitwixxux “informazzjoni privileġġata” fis-sens tal-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika. L-esklużjoni tar-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, għalhekk ma hijiex koperta mill-imsemmija punt tal-Gwida prattika u għalhekk ma hijiex iġġustifikata minn ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.

88

Barra minn hekk, li tiddeskrivi d-dokumenti abbozzati fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti bħala “xogħlijiet preparatorji” fuq il-bażi li dawn kienu magħżula mill-awtorità kontraenti bħala riferiment għal attivitajiet relatati ma’ proċedura ta’ sejħa għal offerti sussegwenti, ikun, kif ġustament targumenta r-rikorrenti, li tikkunsidra awtomatikament li l-esperjenza miksuba minħabba l-parteċipazzjoni fi proċedura għal sejħa għal offerti preċedenti tista’ twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni.

89

Fit-tieni lok, ma jidhirx li d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012 ġiet adottata wara evalwazzjoni konkreta tal-offerta tar-rikorrenti. Fil-fatt, din l-ittra tillimita ruħha li tafferma, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi attribwit lir-rikorrenti, kif imsemmi fil-punt 2.3.6 tal-gwida prattika, ġie validament stabbilit wara eżami tal-kandidaturi tal-offerenti każ b’ każ.

90

Issa, effettivament, ir-riferiment għal eżami “każ b’każ” kif imsemmi fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, juża l-kliem tal-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika, li huwa ispirat mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali riferiment ma huwiex sostnut minn ebda prova li turi li tali eżami konkreta seħħet.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel darba fir-risposta, u mingħajr ma kienet imsemmija fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ressqet l-ipoteżi li r-rikorrenti, minħabba l-allegat “aċċess privileġġat” tagħha għal ċerti dokumenti magħżula sabiex iservu bħala bażi għal parti sinjifikattiv mill-attivitajiet koperti mill-kuntratt inkwistjoni setgħet kisbet vantaġġ kompetittiv fl-għażla tal-esperti kkwalifikati sabiex iwettqu l-imsemmija attivitajiet.

92

Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova sabiex issir verifika jekk ikun jidher mill-kliem tal-offerta tar-rikorrenti li kien ikollha iktar informazzjoni dwar l-offerenti l-oħra, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 86 hawn fuq, huwa ċar li d-dokumenti inkwistjoni kienu ġew redatti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti, ma jinvolvux ir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni u li dawn kienu disponibbli għall-offerenti kollha bħala parti minn din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

93

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-għażla ta’ esperti kkwalifikati, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova ma ġiet prodotta fil-proċess li tista’ turi rabta bejn id-dokumenti kkonċernati u l-imsemmija għażla magħmula mir-rikorrenti, lanqas a fortiori li l-imsemmija għażla setgħet taffettwa l-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-offerta tar-rikorrenti.

94

Mill-osservazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-awtorità kontraenti ma kinitx intitolata li tqis li kien seta’ ġie stabbilit riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrenti wara evalwazzjoni konkreta tal-offerta ta’ din tal-aħħar. Madankollu, huwa meħtieġ li jitqies li r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma ġiex stabbilit b’mod oġġettiv u ċ-ċaħda tal-offerta tal-konsorzju li tagħmel parti minnu r-rikorrenti hija inġustifikata u tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju.

95

Konsegwentement, mingħajr li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv u lanqas l-ewwel ilment tat-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, huwa meħtieġ li tilqa’ t-tieni motiv u li tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012, fejn tistabbilixxi li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti. Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-punt 59 iktar ’il fuq, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament impliċita ta’ ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti hija miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

96

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti essenzjali tat-talbiet tagħha u kif mitlub mir-rikorrenti, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors preżenti u t-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tal-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu Intrasoft International SA, li tinsab fl-ittra tal-10 ta’Awwissu 2012 redatta mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Serbja bħala awtorità kontraenti subdelegata tal-Kummissjoni Ewropea u dwar il-proċedura ta’ sejħa għal offerti EuropeAid/131367/C/SER/RS, intitolata “Assistenza teknika lill-amministrazzjoni tad-dwana Serba bħala parti mill-modernizzazzjoni tas-sistema doganali”, qed tiġi annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ottubru 2015*.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Az oldal tetejére