EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0223

Kawża C-223/12 P: Appell ippreżentat fl- 14 ta’ Mejju 2012 mir-Repubblika tal-Awstrija kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat- 28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08 — Land Burgenland u Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 194, 30.6.2012, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/17


Appell ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2012 mir-Repubblika tal-Awstrija kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08 — Land Burgenland u Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-223/12 P)

2012/C 194/26

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: C. Pesendorfer, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Land Burgenland

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fit-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08;

tiddiċiedi definittivament il-kawża hija stess u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implementata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (ĠU L 239, p. 32) u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

sussidjarjament għat-talba fit-tieni inċiż, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex taqta’ l-kawża fid-dawl tal-punti ta’ liġi deċiżi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell qed isir kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fit-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implementata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland.

L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji:

(1)   Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-offerti, ir-riskji li jirriżultaw mis-sistema ta’ garanzija (Ausfallhaftung) għal-Land Burgenland.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta bbażat ruħha fuq ġurisprudenza li ma hijiex applikabbli għal din il-kawża jew, jekk hija applikabbli fil-prinċipju, hija inkonsistenti mar-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ġurisprudenza oħra li hija inkonsistenti mar-raġunament tagħha.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li r-riskji li jirriżultaw mis-sistema ta’ garanziji ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, minkejja li tali sistema tikkostitwixxi għajnuna eżistenti u, għaldaqstant, leċita.

(2)   Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li la l-eżitu u lanqas it-tul tal-proċeduri quddiem il-Finanzmarktaufsichtsbehörde (l-awtorità tas-suq finanzjarju Awstrijaka, iktar ’il quddiem il-“FMA”) ma kienu jiġġustifikaw il-bejgħ tal-Bank Burgenland lil Grazer Wechselseitige Versicherung

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li xejn ma kien jindika li l-FMA kienet ser tipprojbixxi l-akkwist mill-konsorzju; madankollu, hija żbaljat meta assumiet li l-informazzjoni mogħtija mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA la kienet rilevanti u lanqas ma ttieħdet inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali injorat provi konkreti prodotti mill-appellanti meta hija rrilevat li xejn ma kien jindika li t-tul tal-proċeduri quddiem il-FMA kien ippreġudika serjament il-possibbiltà ta’ privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali applikat kriterji ta’ evalwazzjoni u ta’ stħarriġ żbaljati.


Top