EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0252

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Specsavers International Healthcare Ltd et vs Asda Stores Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
Trade marks — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikoli 9(1)(b) u (c), 15(1), u 51(1)(a) — Raġunijiet għal revoka — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ — Trade mark użata flimkien ma’ trade mark oħra jew bħala parti minn trade mark kumplessa — Kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri li fihom tintuża trade mark — Reputazzjoni.
Kawża C‑252/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:497

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Trade marks — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikoli 9(1)(b) u (c), 15(1) u 51(1)(a) — Raġunijiet għal revoka — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ — Trade mark użata flimkien ma’ trade mark oħra jew bħala parti minn trade mark kumplessa — Kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri li fihom tintuża trade mark — Reputazzjoni”

Fil-Kawża C-252/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Specsavers International Healthcare Ltd,

Specsavers BV,

Specsavers Optical Group Ltd,

Specsavers Optical Superstores Ltd

vs

Asda Stores Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Specsavers International Healthcare Ltd, Specsavers BV, Specsavers Optical Group Ltd u Specsavers Optical Superstores Ltd, minn A. Gold u K. Mattila, solicitors, kif ukoll minn J. Mellor u A. Speck, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u V. Cramer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9(1)(b) u (c), 15(1) u 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2

Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Specsavers International Healthcare Ltd, Specsavers BV, Specsavers Optical Group Ltd u Specsavers Optical Superstores Ltd (iktar ’il quddiem “Specsavers”) u, min-naħa l-oħra, Asda Stores Ltd (iktar ’il quddiem “Asda”) rigward l-allegat ksur tat-trade marks Komunitarji rreġistrati mill-grupp Specsavers.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonli

3

L-Artikolu 5C(1) u (2) tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), jipprovdi:

“1)   Jekk, f’pajjiż, l-użu ta’ trade mark irreġistrata jkun obbligatorju, ir-reġistrazzjoni ma tistax tiġi annullata ħlief wara terminu raġonevoli u jekk il-persuna kkonċernata ma tiġġustifikax l-inattività tagħha.

2)   L-użu ta’ trade mark jew ta’ marka tal-kummerċ mis-sid, f’forma li hija differenti, b’elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din tkun ġiet irreġistrata f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, maħluqa skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi] ma jwassalx għall-invalidità tar-reġistrazzjoni u ma jnaqqasx il-protezzjoni mogħtija lit-trade mark.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

4

Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 tipprevedi dan li ġej:

“Billi m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw.”

5

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut” jipprovdi:

“1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

ċ)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

d)

trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[...]

3.   Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

6

Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

[...]

b)

kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-[Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

7

L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu ta’ trade marks Komunitarji”:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

Is-segwenti għandhom ukoll jikkostitwixxu użu fis-sens tal-ewwel subparagrafu:

a)

l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija giet reġistrata;

[...]”

8

L-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, taħt it-titolu “Bażi suffiċjenti għar-revokazzjoni”, jispeċifika:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark [fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni ma l-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati;

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fix-xahar ta’ Ottubru 2009, Asda, proprjetarja ta’ katina ta’ supermarkets, nediet kampanja ta’ reklamar għal prodotti tal-ottika mmirata għall-grupp Specsavers. Dan tal-aħħar huwa, fl-istess waqt, l-ikbar katina ta’ ħwienet tal-ottika fir-Renju Unit u l-kompetitur prinċipali ta’ Asda. Fil-kuntest ta’ din il-kampanja, Asda użat is-slogans “Be a real spec saver at Asda” u “Spec savings at ASDA”, kif ukoll il-logos li ġejjin:

Image

Image

10

Ftit wara l-bidu ta’ din il-kampanja ta’ reklamar, fid-19 ta’ Ottubru 2009, il-grupp Specsavers ressaq, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (Civil division), kawża kontra Asda, ibbażata fuq ksur tat-trade marks Komunitarji li ġejjin:

it-trade marks Komunitarji verbali Nri 1321298 u 3418928, li jikkonsistu fil-kelma “Specsavers”;

it-trade marks Komunitarji figurattivi Nri 449256 u 1321348, li jkopru s-sinjal li ġej (iktar ’il quddiem it-“trade marks bil-logo mdelli”):

Image

it-trade mark Komunitarja figurattiva Nru 5608385, li tkopri s-sinjal li ġej:

Image

u t-trade mark Komunitarja figurattiva Nru 1358589, li tkopri s-sinjal li ġej (iktar ’il quddiem it-“trade mark bil-logo mutu”):

Image

11

B’sentenza mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2010, il-High Court of Justice (England & Wales) qieset li Asda ma kinitx kisret it-trade marks Komunitarji tal-grupp Specsavers. Barra minn hekk, din il-qorti ddikjarat ir-revoka tal-logo mutu minħabba nuqqas ta’ użu. Il-grupp Specsavers appella minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

12

B’sentenza mogħtija fil-31 ta’ Jannar 2012, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet fuq il-kawża f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tat-trade marks Komunitarji verbali Nri 1321298 u 3418928 kif ukoll tat-trade marks Komunitarji figurattivi Nri 449256, 1321348 u 5608385 tal-grupp Specsavers. Hija qieset li, abbażi ta’ dawn it-trade marks u skont l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, dan tal-aħħar seta’ jimpedixxi lil Asda milli tagħmel użu mis-slogans “Be a real spec saver at Asda” u “Spec savings at Asda” kif ukoll mil-logo użat minn Asda fil-kuntest tal-kampanja ta’ reklamar tagħha.

13

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju qieset li, sabiex tiddeċiedi fuq l-aspett tal-kawża prinċipali rigward it-trade mark bil-logo mutu, kellha bżonn tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi fuq il-punti li ġejjin.

14

Minn naħa, u sa fejn Asda talbet ir-revoka tad-drittijiet marbuta mat-trade mark bil-logo mutu minħabba nuqqas ta’ użu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-użu tat-trade mark bil-logo mdelli jistax jikkostitwixxi użu mit-trade mark bil-logo mutu.

15

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk ir-reputazzjoni miżjuda tal-figura ta’ kulur aħdar, li hija dik li għamel dejjem użu minnha l-grupp Specsavers biex jirrappreżenta t-trade mark tiegħu bil-logo mutu, tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, minkejja l-fatt li l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata bl-iswed u l-abjad. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan għandu jkun il-każ, iżda madankollu tqis li d-dritt tal-Unjoni huwa suġġett għal interpretazzjoni f’dan ir-rigward.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fil-każ fejn operatur ikun proprjetarju ta’ reġistrazzjonijiet distinti ta’ trade marks Komunitarji għal

a)

trade mark figurattiva u

b)

trade mark verbali

u jużahom it-tnejn flimkien, tali użu jista’ jikkostitwixxi użu tat-trade mark figurattiva għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 51 tar-Regolament [Nru 207/2009]? F’każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, kif għandu jiġi evalwat l-użu tat-trade mark figurattiva? [...]

2)

Ir-risposta tkun differenti jekk:

a)

it-trade mark verbali hija sovrapożizzjonata fuq l-element figurattiv,

b)

l-operatur irreġistra wkoll, bħala trade mark Komunitarja, it-trade mark ikkombinata komposta mill-element figurattiv u mit-trade mark verbali?

3)

Ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tiddependi minn jekk l-element figurattiv u l-kliem jitqiesux mill-konsumatur medju[, minn naħa,] bħala sinjali distinti; jew[, min-naħa l-oħra,] li kull wieħed minnhom għandu rwol distintiv indipendenti? F’dan il-każ, sa fejn?

4)

Meta trade mark Komunitarja ma hijiex irreġistrata bil-kulur, iżda l-proprjetarju tagħha jkun għamel użu sostanzjali minnha b’kulur jew b’kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari, b’mod li, għall-parti kbira mill-pubbliku (f’parti u mhux fl-intier tal-Komunità), tali trade mark saret assoċjata ma’ dan il-kulur jew ma’ din il-kombinazzjoni ta’ kuluri, il-kulur jew il-kuluri li juża l-konvenut għas-sinjal inkwistjoni huma rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali […] tal-probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 9(1)(b) [tar-Regolament Nru 207/2009, jew] tal-vantaġġ inġust skont l-Artikolu 9(1)(c) [ta’ dan ir-regolament]? F’dan il-każ, sa fejn?

5)

F’każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, il-fatt li l-konvenut stess huwa assoċjat, fil-parti l-kbira tal-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni tal-kuluri partikolari li huwa juża għas-sinjal inkwistjoni huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

17

Bl-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjoni ta’ użu ġenwin minn trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikoli 15(1) u 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 hijiex sodisfatta meta trade mark Komunitarja figurattiva tintuża biss flimkien ma’ trade mark Komunitarja verbali li hija sovrappożizzjonata fuqha, meta l-kombinazzjoni taż-żewġ trade marks tkun, minbarra dan, hija nfisha rreġistrata bħala trade mark Komunitarja.

18

Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu, essenzjalment, li l-użu minn trade mark Komunitarja figurattiva flimkien ma’ trade mark verbali oħra li hija sovrappożizzjonata fuqha jista’ jikkostitwixxi użu ġenwin fis-sens tal-Artikoli 15(1) u 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, sakemm l-imsemmija trade mark figurattiva żżomm rwol distintiv awtonomu fil-konfigurazzjoni ġenerali.

19

Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn trade mark verbali hija sovrappożizzjonata fuq trade mark figurattiva, taqa’ taħt il-każ ipotetiku msemmi fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri dak tal-użu mit-trade mark f’forma differenti minn dik li fiha hija rreġistrata din it-trade mark.

20

Fil-fatt, is-sovrappożizzjoni tas-sinjal verbali “Specsavers” fuq it-trade mark bil-logo mutu tibdel il-forma li fiha kienet ġiet irreġistrata din it-trade mark, għaliex ma hijiex sempliċement it-tqegħid ta’ żewġ elementi ħdejn xulxin (juxtaposition), peress li ċerti partijiet mit-trade mark bil-logo mutu huma, b’dan il-mod, moħbija bis-sinjal verbali.

21

Imbagħad għandu jingħad li mill-kliem tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta direttament li l-użu mit-trade mark f’forma li hija differenti minn dik li fiha ġiet irreġistrata din it-trade mark jitqies li huwa użu fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, sakemm ma jinbidilx il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha tkun ġiet irreġistrata.

22

Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tar-Regolament Nru 207/2009 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih qed tintalab ir-reġistrazzjoni bħala wieħed li ġej minn impriża speċifika u għaldaqstant li dan il-prodott jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, Ġabra p. I-5141, punt 32; tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 66, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C-311/11 P, punt 23).

23

Dan il-karattru distintiv ta’ trade mark irreġistrata jista’ jirriżulta kemm mill-użu, bħala parti ta’ trade mark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta’ trade mark distinta flimkien ma’ trade mark irreġistrata. Fiż-żewġ każijiet, biżżejjed li, minħabba dan l-użu, il-partijiet interessati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz inkwistjoni bħala wieħed li ġej minn impriża speċifika (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C-353/03, Ġabra p. I-6135, punt 30).

24

Għaldaqstant, l-użu mit-trade mark bil-logo mutu flimkien mas-sinjal verbali “Specsavers” sovrappożizzjonat, anki jekk fl-aħħar mill-aħħar dan l-użu jikkorrispondi għal użu bħala parti minn trade mark irreġistrata jew flimkien magħha, jista’ jitqies li jikkostitwixxi użu ġenwin mit-trade mark bil-logo mutu inkwantu tali sakemm l-imsemmija trade mark kif irreġistrata, jiġifieri mingħajr ma parti minnha tkun moħbija bis-sinjal verbali “Specsavers” sovrappożizzjonat, tirreferi dejjem taħt din il-forma għall-prodotti tal-grupp Specsavers koperti bir-reġistrazzjoni, u dan għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

25

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li s-sinjal verbali “Specsavers” kif ukoll il-kombinazzjoni tal-logo mutu flimkien mas-sinjal verbali “Specsavers” sovrappożizzjonat huma wkoll irreġistrati bħala trade marks Komunitarji.

26

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin minn trade mark fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ tiġi sodisfatta jekk it-trade mark tintuża biss permezz ta’ trade mark kumplessa oħra jew meta tintuża biss flimkien ma’ trade mark oħra, u l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, minbarra dan, hija nfisha rreġistrata bħala trade mark, sakemm it-trade mark tibqa’ tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C-12/12, punti 35 u 36).

27

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) li, peress li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jistabbilixxi l-użu minnha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinvoka l-użu li huwa jkun għamel minnha f’forma li hija differenti minn dik li fiha tkun ġiet irreġistrata din it-trade mark mingħajr ma d-differenzi bejn iż-żewġ forom jibdlu l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, u dan minkejja l-fatt li din il-forma differenti tkun, hija nfisha, irreġistrata bħala trade mark (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C-553/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

28

L-argumenti li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 f’dan is-sens jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għall-kuntest tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

29

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata b’mod partikolari permezz tal-għan tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 li, filwaqt li jevita li jitlob konformità stretta bejn il-forma użata fil-kummerċ u dik li fiha tkun ġiet irreġistrata t-trade mark, huwa intiż sabiex jippermetti lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jagħmel il-bidliet, fil-każ tal-użu kummerċjali tagħha, lis-sinjal li, mingħajr ma jbiddlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu li jiġi adattat aħjar għall-eżiġenzi tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Dan l-għan jiġi, fil-fatt, kompromess jekk, sabiex jiġi stabbilit l-użu mit-trade mark irreġistrata, jintalab li tiġi sodisfatta kundizzjoni addizzjonali fis-sens li l-forma differenti li fiha tintuża din it-trade mark ma tkunx għadha ġiet irreġistrata bħala trade mark (ara, b’mod analogu, is-sentenza Rintisch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22).

30

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 hija konformi mal-Artikolu 5C(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, sa fejn ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni li jagħti x’jifhem li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għandha bħala konsegwenza li l-użu minnha ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi invokat sabiex jiġi stabbilit l-użu minn trade mark oħra rreġistrata li tkun differenti minnha biss b’mod li ma jibdilx il-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza Rintisch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

31

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikoli 15(1) u 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ “użu ġenwin”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tista’ tiġi sodisfatta meta trade mark Komunitarja figurattiva tintuża biss flimkien ma’ trade mark verabli oħra li hija sovrappożizzjonata fuqha, u l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, minbarra dan, hija nfisha rreġistrata bħala trade mark, sakemm id-differenzi bejn il-forma li biha tintuża t-trade mark u dik li fiha tkun irreġistrata din it-trade mark ma jibdlux il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark kif irreġistrata.

Fuq ir-raba’ domanda

32

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta trade mark Komunitarja ma tkunx irreġistrata bil-kulur, iżda l-proprjetarju tagħha jkun għamel użu sostanzjali minnha b’kulur jew b’kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari, b’mod li, għall-parti kbira mill-pubbliku, tali trade mark tkun saret assoċjata ma’ dan il-kulur jew ma’ din il-kombinazzjoni ta’ kuluri, il-kulur jew il-kuluri li juża terz sabiex jirrappreżenta sinjal akkużat li jikser l-imsemmija trade mark huma rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

33

Il-grupp Specsavers u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, filwaqt li l-Gvern tar-Renju Unit iqis, bil-kontra, li għandha tingħata risposta fin-negattiv.

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C-120/04, Ġabra p. I-8551, punt 27, u tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 34).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, diversi drabi, li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali li tingħata minn dawn it-trade marks, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-komponenti distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SABEL, punt 23; Medion, punt 28, u UASI vs Shaker, punt 35).

36

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tkun ikbar meta t-trade mark tkun iktar distintiva. B’hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18).

37

Mill-inqas meta s-sitwazzjoni tirrigwarda trade mark irreġistrata, mhux b’kulur speċifiku jew karatteristiku, iżda bl-iswed u bl-abjad, il-kulur jew il-kombinazzjoni ta’ kuluri li bihom, imbagħad, tintuża effettivament it-trade mark jaffettwaw il-perċezzjoni, mill-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati, ta’ din it-trade mark, u għaldaqstant jistgħu jżidu l-probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark preċedenti u s-sinjal akkużat li jiksirha.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx loġiku li jitqies li l-fatt li terz juża għar-rappreżentazzjoni ta’ sinjal akkużat li jikser trade mark Komunitarja preċedenti kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri li saru, għall-parti kbira mill-pubbliku, dawk assoċjati ma’ din it-trade mark preċedenti permezz tal-użu li sar minnha mill-proprjetarju b’dan il-kulur jew b’din il-kombinazzjoni ta’ kuluri ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali sempliċement għaliex l-imsemmija trade mark preċedenti ġiet irreġistrata bl-iswed u bl-abjad.

39

F’dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, mal-eżami tal-vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha wkoll issir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li meta l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark ikunu ikbar, l-eżistenza ta’ ksur tiġi ammessa iktar faċilment (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 44).

40

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li x-xebh bejn it-trade marks tal-grupp Specsavers u s-sinjali użat minn Asda ġie studjat deliberatament sabiex tinħoloq assoċjazzjoni bejn iż-żewġ trade marks f’moħħ il-pubbliku. Il-fatt li Asda użat kulur simili għal dak użat mill-grupp Specsavers bl-għan li tieħu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade marks ta’ dan tal-aħħar huwa fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk tistax tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark (ara, b’mod analogu, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta trade mark Komunitarja ma tkunx irreġistrata bil-kulur, iżda l-proprjetarju tagħha jkun għamel użu sostanzjali minnha b’kulur jew b’kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari, b’mod li, għall-parti kbira mill-pubbliku, tali trade mark tkun ġiet assoċjata ma’ dan il-kulur jew ma’ din il-kombinazzjoni ta’ kuluri, il-kulur jew il-kuluri li juża terz sabiex jirrappreżenta s-sinjal akkużat li jikser l-imsemmija trade mark huma rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq il-ħames domanda

42

Bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li terz li jagħmel użu minn sinjal akkużat li jikser it-trade mark irreġistrata jkun assoċjat, huwa nnifsu, għall-parti kbira mill-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari li huwa juża biex jirrappreżenta dan is-sinjal huwa fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43

Il-grupp Specsavers jipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, filwaqt li l-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni valida, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li jipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif imfakkar fil-punti 34 u 39 ta’ din is-sentenza, kemm il-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll il-vantaġġ inġust fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu evalwati globalment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

45

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest preċiż li fih intuża s-sinjal allegatament simili għat-trade mark irreġistrata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2008, O2 Holdings u O2 (UK), C-533/06, Ġabra p. I-4231, punt 64).

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li t-terz li juża sinjal akkużat li jikser it-trade mark irreġistrata jkun assoċjat, huwa nnifsu, għall-parti kbira mill-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari li huwa juża biex jirrappreżenta dan is-sinjal huwa fattur, fost oħrajn, li jista’ jkun ta’ ċerta importanza fl-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ vantaġġ inġust fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) jew (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

47

Minn naħa, ma jistax jiġi eskluż li fatt bħal dan jista’ jinfluwenza l-perċezzjoni tas-sinjali inkwistjoni li l-pubbliku jkollu, u, għaldaqstant, ikollu impatt fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija sinjali fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmi regolament.

48

B’dan il-mod, fil-kawża prinċipali, il-fatt li Asda hija assoċjata, hija nfisha, mal-kulur aħdar, il-kulur li hija tuża għas-sinjali akkużati li jiksru t-trade marks tal-grupp Specsavers, jista’, fost l-oħrajn, ikollu l-konsegwenza li jnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni bejn dawn is-sinjali u t-trade marks tal-grupp Specsavers, għaliex il-pubbliku rilevanti għandu mnejn jipperċepixxi li l-kulur aħdar tal-imsemmija sinjali huwa dak ta’ Asda, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

49

Min-naħa l-oħra, kif il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li t-terz li jagħmel użu minn sinjal akkużat li jikser it-trade mark irreġistrata jkun assoċjat, huwa nnifsu, għall-parti kbira mill-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni ta’ kuluri li huwa juża biex jirrappreżenta dan is-sinjal jista’ jkun fattur rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu tal-imsemmi sinjal għandux “raġuni valida” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

50

Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-terz li jagħmel użu minn sinjal akkużat li jikser it-trade mark irreġistrata jkun assoċjat, huwa nnifsu, għall-parti kbira mill-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari li huwa juża biex jirrappreżenta dan is-sinjal huwa fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 15(1) u 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ “użu ġenwin”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tista’ tiġi sodisfatta meta trade mark Komunitarja figurattiva tintuża biss flimkien ma’ trade mark verabli oħra li hija sovrappożizzjonata fuqha, u l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, minbarra dan, hija nfisha rreġistrata bħala trade mark, sakemm id-differenzi bejn il-forma li biha tintuża t-trade mark u dik li fiha tkun irreġistrata din it-trade mark ma jibdlux il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark kif irreġistrata.

 

2)

L-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta trade mark Komunitarja ma tkunx irreġistrata bil-kulur, iżda l-proprjetarju tagħha jkun għamel użu sostanzjali minnha b’kulur jew b’kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari, b’mod li, għall-parti kbira mill-pubbliku, tali trade mark tkun ġiet assoċjata ma’ dan il-kulur jew ma’ din il-kombinazzjoni ta’ kuluri, il-kulur jew il-kuluri li juża terz sabiex jirrappreżenta s-sinjal akkużat li jikser l-imsemmija trade mark huma rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-terz li jagħmel użu minn sinjal akkużat li jikser it-trade mark irreġistrata jkun assoċjat, huwa nnifsu, għall-parti kbira mill-pubbliku, mal-kulur jew mal-kombinazzjoni ta’ kuluri partikolari li huwa juża biex jirrappreżenta dan is-sinjal huwa fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-vantaġġ inġust fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top