EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0452

Kawża C-452/11 P: Appell ippreżentat fit- 2 ta’ Settembru 2011 minn Heineken Nederland BV u Heineken NV mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) mogħtija fis- 16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T-240/07, Heineken Nederland BV u Heineken NV vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 340, 19.11.2011, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 340/9


Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2011 minn Heineken Nederland BV u Heineken NV mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T-240/07, Heineken Nederland BV u Heineken NV vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-452/11 P)

2011/C 340/15

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Heineken Nederland BV u Heineken NV (rappreżentanti: T.R. Ottervanger u M.A. de Jong, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, fl-intier tagħha jew parzjalment, b’mod konformi mal-aggravji invokati f’dan l-appell, sa fejn din tiċħad ir-rikors [tal-appellanti];

tannulla d-deċiżjoni (1), fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn din tikkonċerna [lill-appellanti];

tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq [l-appellanti];

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont il-punti ta’ liġi deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw sitt aggravji:

 

Fl-ewwel aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali iddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti l-aċċess għar-risposta ta’ Inbev għall-ilmenti.

 

Fit-tieni aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis, fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar, li l-aġir tal-impriżi kkonċernati jikkwalifika bħala ftehim u/jew prattiki miftiehma.

 

Fit-tielet aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha u wettqet żball ta’ liġi bil-mod ta’ kif din evalwat il-konstatazzjoni tal-punt tat-tluq tal-ksur.

 

Fir-raba’ aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-appellanti ngħataw multa għolja wisq għall-fatt biss tad-dewmien tal-proċedura amministrattiva, ikkawżata mill-Kummissjoni stess.

 

Fil-ħames aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari minħabba li din ma wettqitx (jew fi kwalunkwe każ, ma wettqitx biżżejjed) paragun mal-produttur tal-birra Belġjan Interbrew/Alken-Maes, wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat li l-Kummissjoni ma aġixxietx bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

 

Fis-sitt aggravju , l-appellanti jsostnu li t-tnaqqis b’5 % tal-multa mogħtija mill-Qorti Ġenerali, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, ma huwiex biżżejjed peress li l-multa li ġiet imposta fuqhom hija partikolarment elevata, u minħabba l-fatt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma ġġustifikat l-iskadenza tat-terminu raġonevoli.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] (Każ COMP/B/37.766 — Is-suq Olandiż tal-birra).


Top