Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0071

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Settembru 2012.
    Bundesrepublik Deutschland vs Y u Z.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
    Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi għall-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(ċ) — Kwalità ta’ ‘refuġjat’ — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘atti ta’ persekuzzjoni’ — Artikolu 10(1)(b) — Reliġjon bħala raġuni tal-persekuzzjoni — Konnessjoni bejn din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni u l-atti ta’ persekuzzjoni — Ċittadini Pakistani membri tal-komunità reliġjuża Ahmadiyya — Atti tal-awtoritajiet Pakistani intiżi sabiex jipprojbixxu d-dritt ta’ manifestazzjoni tar-reliġjon fil-pubbliku — Atti serji biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tibża’ b’mod fondat li tiġi esposta għal persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tagħha — Evalwazzjoni individwali tal-fatti u ċ-ċirkustanzi — Artikolu 4.
    Kawżi magħquda C-71/11 u C-99/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:518

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    5 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

    “Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi għall-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(ċ) — Kwalità ta’ ‘refuġjat’ — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘atti ta’ persekuzzjoni’ — Artikolu 10(1)(b) — Reliġjon bħala raġuni tal-persekuzzjoni — Konnessjoni bejn din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni u l-atti ta’ persekuzzjoni — Ċittadini Pakistani membri tal-komunità reliġjuża Ahmadiyya — Atti tal-awtoritajiet Pakistani intiżi sabiex jipprojbixxu d-dritt ta’ manifestazzjoni tar-reliġjon fil-pubbliku — Atti serji biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tibża’ b’mod fondat li tiġi esposta għal persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tagħha — Evalwazzjoni individwali tal-fatti u ċ-ċirkustanzi — Artikolu 4”

    Fil-Kawżi magħquda C-71/11 u C-99/11,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar u fit-2 ta’ Marzu 2011 rispettivament, fil-kawżi

    Bundesrepublik Deutschland

    vs

    Y (C-71/11),

    Z (C-99/11),

    fil-preżenza ta’:

    Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

    Bundesbeauftragter für Asylangelegenheiten beim Bundesamt für Migration und Flüchtlinge,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Y u Z, minn C. Borschberg u R. Marx, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum kif ukoll minn K. Petersen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(ċ) u 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesministerium des Inneren (Ministeru Federali tal-Intern), huwa stess irrappreżentat mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”), u Y u Z, ċittadini Pakistani, dwar iċ-ċaħda, mill-Bundesamt, tal-applikazzjonijiet għal ażil u għal għoti tal-istatus ta’ refuġjat ippreżentati minn dawn tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffrimata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    4

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-kelma “refuġjat” tapplika għal kull bniedem li “minħabba f’biża’ bir-raġun [biża’ fondat] li jiġi ppersegwitat għar-raġunijiet tar-razza tiegħu, reliġjon, nazzjonalità, sħubija ta’ grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, jinsab barra mill-pajjiż ta’ ċittadinanza tiegħu u li ma jistax, jew, minħabba f’dan il-biża, ma jridx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew jekk persuna hija mingħajr stat u tinsab barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel, għall-istess raġunijiet tal-imsemmi biża’, ma tridx tirritorna lejh”.

    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

    5

    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fl-Artikolu 9 tagħha, intitolat “Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon” tipprovdi:

    “1.   Kull persuna għandha dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

    2.   Il-libertà li wieħed jesprimi r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu tista’ biss tkun ristretta għal dawk li, billi huma previsti bil-liġi, jikkostitwixxu miżuri neċessarji, f’soċjetà demokratika, għas-sigurtà pubblika, għall-protezzjoni tal-ordni, għas-saħħa jew għall-morali pubblika, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

    6

    L-Artikolu 15 tal-KEDB, intitolat “Deroga fi żmien ta’ emerġenza”, jistipula:

    “1.   F’każ ta’ gwerra jew ta’ xi periklu pubbliku ieħor li jhedded il-ħajja tan-nazzjon, kull Parti Kontraenti Għolja tista’ tieħu miżuri li jidderogaw mill-obbligi previsti minn din il-Konvenzjoni, sal-punt strettament meħtieġ skont l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti mal-obbligi l-oħra li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali.

    2.   Id-dispożizzjoni ta’ qabel din ma tawtorizza ebda deroga mill-Artikolu 2 [“Id-dritt għall-ħajja”], ħlief fil-każijiet ta’ mewt li jirriżultaw minn atti leċiti tal-gwerra, u mill-Artikoli 3 [“Il-projbizzjoni tat-tortura”], 4(1) [“Il-projbizzjoni tal-iskjavitù”] u 7 [“Ebda piena mingħajr liġi”].

    [...]”

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    7

    L-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”, jinkludi l-paragrafu 1, li huwa redatt b’mod identiku għall-Artikolu 9(1) tal-KEDB.

    8

    Id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB huma stabbiliti fl-Artikoli 2, 4, 5(1) u 49 tal-Karta.

    Id-Direttiva

    9

    Skont il-premessa 3 tad-Direttiva, il-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati.

    10

    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6(1) TUE, din tirrispetta d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fil-Karta. B’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt ta’ ażil tal-applikanti għal ażil.

    11

    Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

    “(16)

    Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    (17)

    Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

    12

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tippreskrivi livelli minimi dwar, minn naħa, il-kwalifiki ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

    13

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha,

    “(a)

    ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

    [...]

    (ċ)

    ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun [biża’ fondat] li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż [...]

    (d)

    ‘stat ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

    [...]”

    14

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw jew iżommu livelli iktar stabbiliti sabiex jistabbilixxu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawn il-livelli stabbiliti huma kompatibbli mad-direttiva.

    15

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Stima [Evalwazzjoni] ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u, fl-Artikolu 4(3) jipprovdi:

    “L-istima [L-evalwazzjoni] ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

    a)

    il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

    b)

    id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni [...];

    (ċ)

    il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni [...];

    [...]”

    16

    Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, il-fatt li applikant diġà ġie ppersegwitat jew kien suġġett għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni, huwa “indikazzjoni serja tal-biża’ bir-raġun [biża’ fondat] ta’ persekuzzjoni”, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex ikun jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.

    17

    L-Artikolu 6 tad-direttiva, li jinsab fl-imsemmi Kapitolu II u huwa intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju”, jistipula:

    “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

    (a)

    l-Istat;

    (b)

    partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

    (ċ)

    atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

    18

    L-Artikolu 9 tad-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha u intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jiddefinixxi l-atti ta’ persekuzzjoni billi jipprovdi:

    “1.   Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jridu:

    (a)

    jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja [ksur serju] ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet minn liema deroga ma tistax issir skond l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB]; jew

    (b)

    ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet [ksur] ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili kif imsemmi f’(a).

    2.   Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

    (a)

    atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali [...];

    (b)

    miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

    (ċ)

    prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

    [...]”

    19

    L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jirrikjedi l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni imsemmija fl-Artikolu 10 tagħha u dawn l-atti ta’ persekuzzjoni.

    20

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jistmaw [jevalwaw] ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

    [...]

    (b)

    il-kunċett ta’ reliġjoni għandu partikolarment jinkludi ż-żamma ta’ twemmin f’Alla (theistic), mhux f’Alla (non-theistic), u ateu, il-parteċipazzjoni ġo, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew ta’ wieħed waħdu jew f’Komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ ħsieb, jew forom ta’ kondotta personali jew li għandha x’taqsam mal-komun bażati fuq jew mandati minn xi twemmin reliġjuż;

    [...]”

    21

    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istat Membru għandu jagħti l-istatus ta’ refuġjat lil applikant jekk dan jissodisfa, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 9 u tad-Direttiva.

    Id-dritt Ġermaniż

    22

    L-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali (Grundgesetz) jipprovdi:

    “Il-persegwitati politiċi għandhom jibbenefikaw mid-dritt għal ażil.”

    23

    L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-proċedura ta’ ażil (Asylverfahrensgesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798, iktar ’il quddiem l-“AsylVfG”), jistabbilixxi li din il-liġi tapplika għall-barranin li jitolbu l-protezzjoni bħala persegwitati politiċi fis-sens tal-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali jew il-protezzjoni kontra l-persekuzzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Genève.

    24

    L-Artikolu 2 tal-AsylVfG jipprovdi li l-benefiċjarji tad-dritt għal ażil għandhom, fit-territorju nazzjonali, status iddefinit mill-Konvenzjoni ta’ Genève.

    25

    L-istatus ta’ refuġjat kien inizjalment irregolat mill-Artikolu 51 tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Barranin fit-Territorju Federali (Gesetz über die Einreise und den Aufenthalt von Ausländern im Bundesgebiet).

    26

    Permezz tal-Liġi li tittrasponi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dritt ta’ Residenza u ta’ Ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union), tad-19 ta’ Awwissu 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1970), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet, b’mod partikolari, id-Direttiva.

    27

    Fil-preżent, il-kundizzjonijiet sabiex persuna tiġi kkunsidrata refuġjat huma stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-AsylVfG. Skont l-Artikolu 3(1) tiegħu:

    “(1) Barrani jitqies bħala refuġjat skont il-[Konvenzjoni ta’ Genève] meta jkun espost għal theddid fis-sens tal-Artikolu 60(1) tal-Liġi [dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 (BGB1. 2008 I, p. 162, iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”)], fl-Istat fejn huwa għandu ċ-ċittadinanza […]”

    28

    Fl-ewwel u fil-ħames sentenza, l-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz, jipprovdi:

    “Skont il-Konvenzjoni [ta’ Genève], barrani ma jistax jiġi ddeportat lejn Stat Membru li fih, il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu huma mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu […] Sabiex jiġi evalwat jekk teżistix persekuzzjoni fis-sens tal-ewwel sentenza, għandhom jiġu applikati [...] b’mod addizzjonali, l-Artikolu 4(4) u l-Artikoli 7 sa 10 tad-[Direttiva] [...]”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    29

    Fix-xhur ta’ Jannar 2004 u ta’ Awwissu 2003, Y u Z daħlu rispettivament fil-Ġermanja, fejn huma talbu l-ażil u l-protezzjoni bħala refuġjati.

    30

    Insostenn tat-talbiet rispettivi tagħhom, huma sostnew li l-fatt li huma jagħmlu parti mill-komunità Musulmana Ahmadiyya, li huwa moviment riformatur tal-Iżlam, ġegħilhom jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari, Y sostna li fil-villaġġ ta’ oriġini tiegħu, kien hemm diversi drabi fejn grupp ta’ individwi sawtuh u tefgħulu l-ġebel fis-sit tat-talb. Dawn il-persuni heddewh bil-mewt u ressqu rapport kontrih quddiem il-pulizija talli insulta lill-profeta Mohammed. Z sostna li huwa ġie mmaltrattat u mitfugħ il-ħabs minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu.

    31

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 298 C tal-Kodiċi Kriminali Pakistani jipprevedi li l-membri tal-Komunità Ahmadista huma punibbli b’piena ta’ massimu ta’ tliet snin priġunerija jew b’piena ta’ multa jekk huma jiddikjaraw li huma Musulmani, jekk jiddeskrivu l-fidi tagħhom bħala l-Iżlam, jekk huma jippridkaw, ixerrdu r-reliġjon tagħhom jew jekk jistiednu persuni oħra sabiex jissieħbu fir-reliġjon tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 295 C tal-istess Kodiċi Kriminali, huwa punibbli b’piena ta’ mewt jew ta’ priġunerija għal għomru u multa, kull min jimmina l-isem tal-profeta Mohammed.

    32

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u t-8 ta’ Lulju 2004, il-Bundesamt ċaħad l-applikazzjonijiet għal ażil ta’ Y u Z bħala infondati u kkonstata li l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat ma kinux sodisfatti.

    33

    F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Bundesamt ikkonstata wkoll li, fid-dritt nazzjonali applikabbli, ma kien hemm ebda ostakolu għad-deportazzjoni ta’ Y u Z lejn il-Pakistan u ddikjarahom bħala suġġetti għal deportazzjoni lejn dan l-Istat. Sabiex jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu, il-Bundesamt essenzjalment ikkonstata li ma kinux jeżistu elementi biżżejjed li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-applikanti kkonċernati kienu telqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom peress li huma kienu qed jibżgħu, b’mod fondat, li jiġu ppersegwitati hemmhekk.

    34

    Y ippreżenta azzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Leipzig (Tribunal Amministrattiv ta’ Leipzig) li, permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Mejju 2007, annulla d-deċiżjoni tal-Bundesamt kontrih u ordna lil din l-awtorità sabiex tikkonstata li, bħala refuġjat, Y kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ deportazzjoni lejn il-Pakistan.

    35

    Z ikkontesta d-deċiżjoni tal-Bundesamt quddiem il-Verwaltungsgericht Dresden (Tribunal Amministrattiv ta’ Dresden). Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2007, dan ċaħad l-azzjoni tiegħu, billi qies li dan ma kienx telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba biża’ fondat ta’ persekuzzjoni.

    36

    Permezz ta’ sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, is-Sächsisches Oberverwaltungsgericht (Tribunal Amministrattiv Superjuri tal-Land ta’ Sachsen), rispettivament,

    ċaħad l-appell ippreżentat mill-Bundesbeauftragter für Asylangelegenheiten (Kummissarju Federali fil-qasam tal-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Bundesbeauftragter”) mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza fil-kawża li tirrigwarda lil Y, u,

    wara l-appell ippreżentat minn Z mis-sentenza tal-ewwel istanza li tikkonċernah, bidel is-sentenza u obbliga lill-Bundesamt sabiex jikkonstata li Z kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz u li għaldaqstant, huwa kien ipprojbit milli jiddeportah, bħala refuġjat, lejn il-Pakistan.

    37

    Din il-qorti, b’mod partikolari, qieset li ma huwiex ta’ importanza jekk Y u Z ġewx personalment mhedda bil-persekuzzjoni qabel it-tluq tagħhom mill-Pakistan. Dak li kien jimporta huwa li, fil-kwalità tagħhom ta’ Ahmadisti attivi, fi kwalunkwe każ huma se jkunu esposti, fil-Pakistan, għal riskju ta’ persekuzzjoni kollettiva fis-sens tal-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz.

    38

    Fil-fatt, jekk jirritornaw fil-Pakistan, ma jkunx possibbli għalihom li jkomplu jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom fil-pubbliku mingħajr ma jesponu ruħhom għal riskju ta’ persekuzzjoni, liema fattur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ proċedura ta’ ażil intiża sabiex tistabbilixxi jekk għandux jingħatalhom l-istatus ta’ refuġjat.

    39

    Fis-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, is-Sächsisches Oberverwaltungsgericht iqis li, għal Ahmadist li josserva r-reliġjon tiegħu b’mod strett fil-Pakistan u li l-konvinzjonijiet tiegħu jimplikaw b’mod partikolari l-fatt li wieħed jgħix it-twemmin tiegħu b’mod pubbliku, is-sitwazzjoni f’dan l-Istat tikkostitwixxi ksur serju tal-libertà tar-reliġjon. Fir-rigward tas-sanzjonijiet ħorox immens li bihom huwa mhedded u l-attakki numerużi mwettqa f’libertà totali minn gruppi estremisti, is-sens komun jitlob li Ahmadist jastjeni minn kull manifestazzjoni pubblika tal-fidi tiegħu.

    40

    Skont il-konstatazzjonijiet tas-Sächsisches Oberverwaltungsgericht, Y u Z huma marbutin ħafna mal-fidi tagħhom u, fil-Pakistan, huma għexu l-fidi tagħhom b’mod attiv. Fil-Ġermanja, huma għadhom jipprattikaw il-fidi tagħhom u huma jqisu li l-prattika tar-reliġjon tagħhom fil-pubbliku hija neċessarja sabiex jippermettu li huma jippreżervaw l-identità reliġjuża tagħhom.

    41

    Kontra l-imsemmija sentenzi, il-Bundesamt u l-Bundesbeauftragter ippreżentaw rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali), fejn sostnew li l-qorti tal-appell interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10(1)(b) tad-Direttiva b’mod wiesa’ wisq.

    42

    Billi jirreferu għall-ġurisprudenza fis-seħħ fil-Ġermanja qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-2007, ġurisprudenza li bis-saħħa tagħha, l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fir-rigward tad-dritt għal ażil kienet tiġi aċċettata biss f’każ ta’ interferenza għall-“qalba” tal-libertà tar-reliġjon, iżda mhux f’każ ta’ restrizzjonijiet għall-prattika tar-reliġjon fil-pubbliku, huma jqisu li l-limitazzjonijiet imposti fuq l-Ahmadisti fil-Pakistan, li jirrigwardaw il-prattika tal-fidi tagħhom fil-pubbliku, ma jikkostitwixxux interferenza għal din il-“qalba”.

    43

    Barra minn hekk, skont il-Bundesamt u l-Bundesbeauftragter, il-konstatazzjonijiet tas-Sächsisches Oberverwaltungsgericht dwar il-mod li bih Y u Z jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom fil-Ġermanja ma jippermettux li wieħed jistabbilixxi li dawn ma jistgħux jirrinunzjaw għal ċerti prattiki li ma jappartjenux għall-“qalba” tal-attività reliġjuża.

    44

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-kawżi li tressqu quddiemha jirrigwardaw il-kwistjoni dwar liema interferenzi konkreti għal-libertà tar-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 9 tal-KEDB jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva. Filwaqt li tqis li l-interferenzi għal-libertà tar-reliġjon jistgħu jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja” [ksur serju] tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, hija tiddubita jekk interferenzi oħra għal-libertà tar-reliġjon minbarra dawk li jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-identità reliġjuża tal-persuna kkonċernata jistgħux jiġġustifikaw preżunzjoni ta’ persekuzzjoni rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

    45

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħhmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati bi kliem kważi identiku f’kull waħda mill-kawżi C-71/11 u C-99/11:

    “1)

    L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li mhux kull interferenza għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 9 tal-KEDB tikkostitwixxi neċessarjament att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-[ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet], iżda li, ikun hemm ksur serju tal-libertà tar-reliġjon [interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon], bħala dritt fundamentali tal-bniedem, biss jekk dan jikkonċerna l-qalba ta’ din il-libertà tar-reliġjon?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    a)

    Il-qalba tal-libertà tar-reliġjon tinkludi biss id-dikjarazzjoni u l-espressjoni tat-twemmin fiż-żoni tad-dar u l-viċinanzi, jew jista’ jkun hemm att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva [...] anki fil każijiet fejn, fil-pajjiż tal-oriġini, l-espressjoni [il-manifestazzjoni] tat-twemmin fil-pubbliku tagħti lok għal perikolu għall-ħajja, għall-integrità tal-persuna jew għal-libertà fiżika u l-applikant jirrinunzja minn tali espressjoni [manifestazzjoni] għal dawn ir-raġunijiet?

    b)

    Fil-każ li l-qalba tal-libertà tar-reliġjon tista’ wkoll tinkludi ċerti prattiki reliġjużi fil-pubbliku:

    huwa għalhekk suffiċjenti, sabiex ikun hemm ksur serju għal-libertà tar-reliġjon [interferenza serja għal-libertà tar-reliġjon], li l-applikant jikkunsidra li tali espressjoni tat-twemmin tiegħu hija neċessarja għall-finijiet tal-identità reliġjuża tiegħu;

    jew huwa wkoll neċessarju li l-komunità reliġjuża li jassoċċja ruħu magħha l-applikant tqis din l-espressjoni reliġjuża bħala element ċentrali tad-dottrina reliġjuża tagħha,

    jew huwa possibbli li jkun hemm restrizzjonijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċirkustanzi oħra, bħas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż tal-oriġini?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    Hemm biża fondata ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva [...], jekk jiġi stabbilit li l-applikant ser iwettaq ċerti atti reliġjużi — barra dawk li ma jagħmlux parti mill-qalba — wara li jkun irritorna fil-pajjiż tal-oriġini, minkejja li dawn tal-aħħar jagħtu lok għal perikolu għall-ħajja tiegħu, għall-integrità tal-persuna tiegħu u għal-libertà fiżika tiegħu, jew l-applikant huwa raġonevolment mistenni li jonqos milli jwettaq tali atti fil-futur?”

    46

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizza tal-24 ta’ Marzu 2011, il-kawżi C-191/09 P u C-200/09 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    47

    Mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut tagħha ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw rwieħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08, Ġabra p. I-1493, punt 52, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C-31/09, Ġabra p. I-5539, punt 37).

    48

    L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva, billi jiġu rrispettati d-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Saladin Abdulla et, iċċitati iktar ’il fuq, punti 53 u 54; Bolbol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punt 75).

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    49

    Permezz tal-ewwel żewġ domandi f’kull waħda mill-kawżi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u f’liema kundizzjonijiet, interferenza għad-dritt tal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva u jekk hemmx lok li ssir distinzjoni f’dan ir-rigward bejn il-“qalba” tal-libertà tar-reliġjon u l-manifestazzjoni esterna tagħha.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, ir-“refuġjat” huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu “minħabba f’biża’ bir-raġun [biża’ fondat] li jiġi persegwitat” minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, u li ma jistax jew, “minħabba f’din il-biża’”, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-“protezzjoni” ta’ dan il-pajjiż.

    51

    Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għaldaqstant, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u minħabba l-atturi tal-persekuzzjonijiet, jikkonfronta l-biża’ fondat ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq persuntu għal mill-inqas waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Direttiva u fil-Konvenzjoni ta’ Genève, fejn waħda minnhom tkun ir-“reliġjon” tiegħu.

    52

    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istat Membru jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant jekk dan jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 10 tagħha.

    53

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li ċerti atti jitqiesu bħala persekuzzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih fl-ewwel żewġ domandi tagħha, jispeċifika li l-atti rilevanti għandhom ikunu “serji biżżejjed” fin-natura jew repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja [ksur serju] ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”, b’mod partikolari drittijiet assoluti li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli taħt l-Artikolu 15(2) tal-KEDB.

    54

    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva jippreċiża li l-akkumulu ta’ diversi miżuri, inklużi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa “serju biżżejjed” li jaffettwa individwu b’manjiera “simili” għal dak indikat fl-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva għandu wkoll jitqies bħala persekuzzjoni.

    55

    L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jippreċiża li għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni, fosthom dik tar-“reliġjon” iddefinita fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni.

    56

    Id-dritt għal-libertà tar-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB.

    57

    Il-libertà tar-reliġjon tirrappreżenta waħda mill-pedamenti ta’ soċjetà demokratika u hija tikkostitwixxi dritt fundamentali tal-bniedem. Interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tista’ tkun ta’ serjetà tali li titqabbel mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB, li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, b’mod indikattiv, sabiex jiġi stabbilit liema atti għandhom, b’mod partikolari, jitqiesu bħala persekuzzjoni.

    58

    Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li kull interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon iggarantit bl-Artikolu 10(1) tal-Karta tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jagħtu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva lil kull min huwa espost għall-interferenza inkwistjoni.

    59

    Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jirriżulta li l-eżistenza ta’ “vjolazzjoni serja” [ksur serju] tal-imsemmija libertà li taffettwa lill-persuna kkonċernata b’mod sinjifikattiv hija neċessarja sabiex l-atti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni.

    60

    Għaldaqstant, huma esklużi immedjatament l-atti li jikkostitwixxu limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, li huma previsti mil-liġi, mingħajr madankollu ma jinkiser dan id-dritt, peress li huma koperti bl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    61

    L-atti li, ċertament, jiksru d-dritt rikonoxxut fl-Artikolu 10(1) tal-Karta iżda li s-serjetà tagħhom ma tkunx daqs dik tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    62

    Sabiex jiġi ddeterminat b’mod konkret liema huma l-atti li jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, ma huwiex rilevanti li ssir distinzjoni bejn l-atti li jinterferixxu mal-“qalba” (“forum internum”) tad-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon, li ma jkoprix l-attivitajiet reliġjużi fil-pubbliku (“forum externum”), u dawk li ma jaffettwawx din l-allegata “qalba”.

    63

    Din id-distinzjoni ma hijiex kompatibbli mad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon” li tagħti, billi tintegra l-komponenti tagħha kollha, sew jekk pubbliċi jew privati, kollettivi jew individwali, id-Direttiva fl-Artikolu 10(1)(b) tagħha. L-atti li jistgħu jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja” [ksur serju] fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva jinkludu atti serji li jinterferixxu mal-libertà tal-applikant mhux biss li jipprattika t-twemmin tiegħu fi ċrieki privati, iżda wkoll li jgħixha b’mod pubbliku.

    64

    Din l-interpretazzjoni tista’ tiżgura kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jevalwaw kull tip ta’ atti li jinterferixxu mad-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon sabiex jiġi stabbilit jekk, minħabba n-natura tagħhom jew in-natura repetittiva tagħhom, dawn humiex serji biżżejjed sabiex jitqiesu bħala persekuzzjoni.

    65

    Minn dan isegwi li l-atti li, minħabba s-serjetà intrinsika tagħhom kif ukoll dik tal-konsegwenza tagħhom għall-persuna affettwata, jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni, għandhom jiġu identifikati mhux skont l-element tal-libertà tar-reliġjon li qiegħed jiġi interferit, iżda skont in-natura tar-ripressjoni eżerċitata fuq il-persuna kkonċernata u skont il-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    66

    Għalhekk, hija s-serjetà tal-miżuri u s-sanzjonijiet meħuda jew li jistgħu jittieħdu kontra l-persuna kkonċernata li għandha tiddetermina jekk ksur tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkostitwixxix persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

    67

    Għaldaqstant, ksur tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jista’ jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva meta l-applikant għal ażil, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jinsab f’riskju reali, b’mod partikolari, li jiġi ppersegwitat jew jiġi suġġett għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva.

    68

    F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, meta awtorità kompetenti twettaq, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-atti kollha li l-applikant kien f’riskju tagħhom jew qiegħed jirriskja li jiġi espost għalihom sabiex jiġi ddeterminat jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tiegħu, dawn l-atti jistgħux jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

    69

    Billi l-kunċett ta’ “reliġjon” iddefinit fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva jkopri wkoll il-parteċipazzjoni f’qima formali fil-pubbliku, fil-privat jew f’Komunità, il-projbizzjoni ta’ tali parteċipazzjoni tista’ tikkostitwixxi att serju biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva u għaldaqstant persekuzzjoni meta, fil-pajjiż ta’ oriġini kkonċernat, hija toħloq riskju reali, għall-applikant, li jkun ippersegwitat jew li jkun suġġettat għal trattamenti jew pieni inumani jew degradanti minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva.

    70

    Għall-awtorità kompetenti, l-evalwazzjoni ta’ tali riskju tfisser it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sensiela ta’ elementi, sew oġġettivi kif ukoll suġġettivi. Iċ-ċirkustanza suġġettiva li l-osservanza ta’ ċertu prattika reliġjuża fil-pubbliku, li hija suġġetta għar-restrizzjonijiet ikkontestati, hija partikolarment importanti għall-persuna kkonċernata sabiex tippreżerva l-identità reliġjuża tagħha, hija element rilevanti fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju li l-applikant ikun espost għalih fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba r-reliġjon tiegħu, anki jekk l-osservanza ta’ tali prattika reliġjuża ma tikkostitwixxix element ċentrali għall-komunità reliġjuża kkonċernata.

    71

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva jirriżulta li l-kamp ta’ protezzjoni tar-raġuni tal-persekuzzjoni marbuta mar-reliġjon ikopri kemm il-forom ta’ aġir personali jew komunitarju li l-persuna tqis neċessarji għaliha nnifisha, jiġifieri dawk li huma “bażati fuq [...] xi twemmin reliġjuż”, kif ukoll dawn stabbiliti mid-dottrina reliġjuża, jiġifieri dawk “mandati minn xi twemmin reliġjuż” [imposti minn dan it-twemmin].

    72

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li:

    kull interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta ma tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-direttiva;

    l-eżistenza ta’ att ta’ persekuzzjoni tista’ tirriżulta minn interferenza għall-manifestazzjoni esterna tal-imsemmija libertà, u

    sabiex jiġi evalwat jekk interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, jekk din, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tinsabx f’riskju reali b’mod partikolari li tkun ippersegwitata jew tkun suġġetta għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva.

    Fuq it-tielet domanda

    73

    Permezz tat-tielet domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat ikunx fondat meta dan jista’ jevita li jesponi ruħu għal persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu billi jirrinunzja li jeżerċita ċerti atti reliġjużi hemmhekk.

    74

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li din tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-applikant, bħalma huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, għadu qatt ma ġie ppersegwitat jew kien suġġett ta’ theddid dirett ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tiegħu.

    75

    Huwa n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ tali “indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun [biża’ fondat]” tal-applikanti fis-sens tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva li juri l-bżonn li l-qorti tar-rinviju ssir taf sa fejn il-qorti tkun tista’, meta applikant ma jkunx jista’ jibbaża l-biża’ tiegħu fuq persekuzzjoni li jkun diġà sostna minħabba r-reliġjon tiegħu, li teżiġi li, ladarba jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa jkompli jevita r-riskju reali ta’ persekuzzjoni.

    76

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sistema pprovduta mid-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti, meta jevalwaw, skont l-Artikolu 2(ċ) tagħha, jekk applikant jibżax b’mod fondat li jiġi ppersegwitat, għandhom ifittxu sabiex jistabbilixxu jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha raġun li tibża’, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni.

    77

    Din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li, f’kull każ, għandha ssir b’viġilanza u prudenza (sentenza Salahadin Abdulla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90), tistrieħ biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi skont ir-regoli li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

    78

    Ebda waħda minn dawn ir-regoli ma tindika li, fl-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li effettivament wieħed iġarrab atti ta’ persekuzzjoni f’kuntest partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-applikant għandu li jevita riskju ta’ persekuzzjoni billi jirrinunzja għall-prattika reliġjuża inkwistjoni u, konsegwentement, għall-protezzjoni li d-Direttiva hija intiża li tiggarantixxi permezz tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

    79

    Minn dan isegwi li, peress li huwa stabbilit li l-persuna kkonċernata, ladarba tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, se jkollha prattika reliġjuża li se tesponiha għal riskju reali ta’ persekuzzjoni, hija għandha tingħata l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva. Il-fatt li hija tista’ tevita r-riskju billi tirrinunzja għal ċerti atti reliġjużi, fil-prinċipju ma huwiex rilevanti.

    80

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat ikun fondat ladarba l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, iqisu li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa se jwettaq atti reliġjużi li se jesponuh għal riskju reali ta’ persekuzzjoni. Matul l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li l-applikant jirrinunzja għal dawn l-atti reliġjużi.

    Fuq l-ispejjeż

    81

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    kull interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ din id-direttiva;

    l-eżistenza ta’ att ta’ persekuzzjoni tista’ tirriżulta minn interferenza għall-manifestazzjoni esterna tal-imsemmija libertà, u

    sabiex jiġi evalwat jekk interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon li tikser l-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, jekk din, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tinsabx f’riskju reali b’mod partikolari li tkun ippersegwitata jew tkun suġġetta għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83.

     

    2)

    L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat ikun fondat ladarba l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, iqisu li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa se jwettaq atti reliġjużi li se jesponuh għal riskju reali ta’ persekuzzjoni. Matul l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li l-applikant jirrinunzja għal dawn l-atti reliġjużi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top