EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0514

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013.
Liga para a Protecção da Natureza (LPN) u Ir-Repubblika tal-Finlandja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Informazzjoni dwar l-ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Artikolu 6(1) — Dokumenti dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu li jsir eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti li hemm riferiment għalihom fit-talba għal aċċess — Interess pubbliku superjuri.
Kawżi magħquda C‑514/11 P u C‑605/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:528

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑514/11 P u C‑605/11 P

Liga para a Protecção da Natureza (LPN) (C‑514/11 P),

Ir-Repubblika tal-Finlandja(C‑605/11 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti li tirrigwarda proġett ta’ diga fuq ix-xmara Bas Sabor (il-Portugall) — Artikolu 4 — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Obbligu li jsir eżami konkret u individwali — Interess pubbliku superjuri — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Artikolu 6 — Informazzjoni dwar l-ambjent”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Liga para a Protecção da Natureza (iktar ’il quddiem il-“LPN”) u r-Repubblika tal-Finlandja ( 2 ) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni (T-29/08, Ġabra p. II-6021, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tal-LPN intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni kkonfermat iċ-ċaħda, fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 3 ) li jingħata, lil LPN, aċċess għal dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija u pendenti kontra r-Repubblika Portugiża dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ diga fuq ix-xmara Sabor (il-Portugall), li seta’ jmur kontra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( 4 ), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ( 5 ).

2.

Dawn l-appelli essenzjalment jirrigwardaw l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ( 6 ).

3.

L-appelli jqajmu żewġ kwistjonijiet ta’ prinċipju:

l-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-punt dwar jekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun għadha pendenti, il-Kummissjoni hijiex obbligata teżamina individwalment u b’mod konkret kull dokument li għalih tkun saret talba għal aċċess fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi vverifikat jekk kull wieħed mid-dokumenti inkwistjoni jaqax taħt l-eċċezzjoni tad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki jew jekk, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dawk id-dokumenti kollha, hija tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti jkun kontra l-objettivi ta’ dawk l-attivitajiet speċifiċi;

it-tieni domanda li tqum f’din il-kawża hija dwar jekk ir-Regolament Nru 1367/2006 u b’mod iktar partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) ta’ tali regolament, li tipprevedi interpretazzjoni stretta tal-motivi ta’ ċaħda meta l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, jimmodifikax din l-evalwazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

4.

Ir-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 15 TFUE.

5.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għad-dokument ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

6.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom dawk li huma rilevanti jinsabu fl-Artikolu 4(2), li jipprovdi:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

l-għan ta’ l-[ispezzjonijiet], l-investigazzjonijiet u l-verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku [superjuri] fl-iżvelar tiegħu.”

7.

L-eċċezzjonijiet li hemm riferiment għalihom, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument.

B – Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

8.

Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, “[f]ejn ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. […]”

9.

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, “[i]r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha.

[…]”

10.

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament […] Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

III – Il-fatti

11.

L-LPN hija organizzazzjoni mhux governattiva, stabbilita fil-Portugall u rikonoxxuta bħala entità pubblika, li għandha bħala skop il-ħarsien tal-ambjent. B’ittra tat-22 ta’ April 2003, il-LPN ppreżentat ilment quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni li permezz tiegħu hija sostniet li l-proġett ta’ diga inkwistjoni kien qiegħed jagħmel ħsara lis-siti ta’ importanza komunitarja ta’ “Morais” u tax-xmajjar “Sabor u Maçãs” bi ksur tad-Direttiva 92/43. Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża u kkuntattjat lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex tivverifika sa fejn il-proġett tad-diga seta’ jmur kontra d-Direttivi 79/409 u 92/43.

12.

Permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Marzu 2007 u tas-16 ta’ Lulju 2007, l-LPN talbet lid-DĠ “Ambjent” aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tal-ilment u għal konsultazzjoni ta’ dokumenti mfassla mill-“grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni” kif ukoll dawk skambjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi.

13.

Dik it-talba ġiet miċħuda b’mod definittiv mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

14.

Insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti li kienu s-suġġett tal-korrispondenza bejnha u l-awtoritajiet Portugiżi kienu kollha koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni indikat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jkun hemm sfond ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex hija tkun tista’ tibda proċess ta’ negozjati u ta’ kompromess bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju għat-tilwim mingħajr ma tinbeda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jistabbilixxi li l-iżvelar għandu jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ma japplikax għal investigazzjonijiet relatati ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju, bħal f’dan il-każ.

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ma laqgħetx l-ilment tal-LPN. Wara l-għeluq tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u b’mod partikolari bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni tat lil LPN aċċess għal kważi d-dokumenti kollha mitluba.

IV – Is-sentenza appellata

16.

Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-LPN, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, allegat li l-Kummissjoni, minn naħa, kisret diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-imsemmi Regolament u, min-naħa l-oħra, applikat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tikkonċerna b’mod partikolari l-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

17.

Dan l-aħħar motiv kien maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, il-LPN allegat li l-Kummissjoni b’mod illegali naqset milli teżamina u timmotiva, b’mod konkret u individwali, jekk u sa liema grad din l-eċċezzjoni tapplika għal kull wieħed mid-dokumenti li għalih kien intalab aċċess. Fit-tieni lok, b’mod żbaljat il-Kummissjoni naqset milli tevalwa jekk, minn tal-inqas, kellux jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-interessi pubbliċi, kif invokati fit-talba għall-aċċess.

18.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kien hemm pendenti proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li l-Kummissjoni, fil-prinċipju, kellha dritt tinvoka l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 7 ).

19.

Skont il-LPN, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-prinċipju, rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza reċenti, li jawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata tirrinunzja għal eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati fuq il-bażi li dawn id-dokumenti kollha jiffurmaw parti mill-istess kategorija ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 8 ). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kollha li kienu jinsabu fil-fajl tal-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti fil-qasam tad-dritt tal-ambjent.

20.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fuq il-bażi kemm tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tar-Regolament Nru 1367/2006 u li kien neċessarju li teżamina, fl-ewwel lok, jekk kif jallegaw il-LPN u l-partijiet intervenjenti, dan l-aħħar Regolament setax jimmodifika l-portata tal-obbligu li jsir eżami konkret u individwali li għandha l-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 9 ).

A – Fuq l-effetti tar-Regolament Nru 1367/2006 fuq il-portata tal-obbligu ta’ eżami mill-Kummissjoni

21.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li jeżistu diversi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li jintalab aċċess għalihom. Dan ikun il-każ meta jkun ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud (jekk, pereżempju, ċerti dokumenti kienu manifestament koperti fit-totalità tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess) jew meta għall-kuntrarju jkollu jingħata (għaliex ċerti dokumenti jkunu b’mod ċar aċċessibbli fit-totalità tagħhom) jew meta d-dokumenti kkonċernati diġà kienu suġġetti għal evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili ( 10 ).

22.

Skont il-Qorti Ġenerali, “bħala prinċipju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, inkluż fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura, bil-kundizzjoni li hija tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li tkun intalbet tiżvela” ( 11 ).

23.

Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li la l-premessi u lanqas id-dispożizzjonijiet tar-Regolament nru 1367/2006 ma kienu jinkludu indikazzjoni li tista’ tikkonkludi li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali msemmija iktar ’il fuq ( 12 ) ma huma applikabbli għal talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent ( 13 ).

24.

Hija ddeċidiet li għalkemm l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jippreskrivi l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess u għall-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti, “din il-konstatazzjoni ma tinċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata għandhiex twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti jew tal-informazzjoni mitluba” ( 14 ). Skont il-Qorti Ġenerali, “il-kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza li jawtorizzaw lil din l-istituzzjoni tirrinunzja, eċċezzjonalment, għal tali eżami konkret u individwali, japplikaw mutatis mutandis meta d-dokumenti kkonċernati jaqgħu b’mod ċar fl-istess kategorija li tista’ tkun koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, b’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji legali, anki jekk jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent hija inapplikabbli fil-kuntest ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-dokumenti kollha li jirriżultaw minn tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jiġu protetti bħala kategorija” ( 15 ).

B – Fuq l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ eżami tad-dokumenti kkonċernati

25.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li f’dan il-każ kien ċar, minn naħa, li d-dokumenti kollha kkonċernati kienu jaqgħu, fir-rigward tal-kontenut kollu tagħhom, taħt l-istess kategoriji ta’ dokumenti u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għal din il-kategorija ta’ dokumenti kellu jiġi miċħud fuq il-bażi tal-eċċezzjoni invokata. Fil-fehma tagħha, ma kienx konċepibbli li l-Kummissjoni setgħet tagħti aċċess għal wieħed biss minn dawn id-dokumenti jew għal parti mill-kontenut tagħhom, mingħajr ma tippreġudika n-negozjati pendenti mal-awtoritajiet Portugiżi. Hija kkunsidrat li l-iżvelar parzjali tad-dokumenti kkonċernati effettivament seta’ jmur kontra l-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati tar-Repubblika Portugiża b’rabta mal-proġett ta’ diga ( 16 ).

26.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-LPN u tal-intervenjenti li jallegaw li, għalkemm il-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrinunzja għal eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati, hija ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-interess pubbliku fl-iżvelar fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ( 17 ).

27.

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li l-pożizzjoni tal-ilmentaturi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Medjatur Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fir-rigward ta’ ksur tad-dritt Komunitarju 2002/C 244/03 ( 18 ) kienet fundamentalment differenti minn tagħhom, pereżempju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, li matulha l-lanjanti jkollhom garanziji proċedurali speċifiċi li l-osservanza tagħhom tkun suġġett għal kontroll ġudizzjarju effettiv fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ( 19 ).

28.

Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-partijiet ikkonċernati kellhom id-dritt li juru li dokument partikolari li jintalab l-iżvelar tiegħu ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 20 ). Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, la l-LPN u lanqas l-intervenjenti ma ressqu provi li jistgħu jikkonfutaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni li skontha d-dokumenti kollha kkonċernati kienu koperti bl-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 21 ).

C – Fuq l-interess pubbliku superjuri fl-iżvelar

29.

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża kienet pendenti, il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma tapplikax f’dan il-każ, b’mod li lanqas ma kien neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dokumenti kkonċernati kienx fihom jew le informazzjoni li effettivament tikkonċerna “emissjonijiet” fl-ambjent ( 22 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għall-kuntrarju tal-osservazzjoinjiet tal-LPN u tal-intervenjenti, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, bħala lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet teskludi tisħiħ tat-trasparenza fil-qasam ambjentali sabiex jinsab bilanċ bejn l-interessi diverġenti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta d-dokumenti kkonċernati jkunu jinsabu fil-fajl ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti ( 23 ).

30.

Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 “tipprevedi biss l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri dawk previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001” ( 24 ). Dejjem skont l-istess Qorti Ġenerali, “it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi biss għal ‘interess pubbliku’ fl-iżvelar u mhux għal interess pubbliku “[superjuri]” fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001” ( 25 ). B’hekk, kellu jiġi miċħud “l-argument ta’ LPN u tal-intervenjenti li, f’dan il-każ, il-prinċipji ta’ trasparenza msaħħa, ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, ta’ parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadin fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta’ leġittimità ikbar jikkostitwixxu madankollu interess pubbliku u anki interess pubbliku [superjuri] li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati […]” ( 26 ).

31.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li la l-LPN u lanqas l-intervenjenti ma setgħu jidentifikaw il-possibbiltà ta’ interess pubbliku superjuri barra minn dak tal-allegata trasparenza msaħħa fil-qasam tal-ambjent, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward ta’ dan il-każ, u lanqas ma kienu kapaċi jispjegaw jekk u sa liema punt l-informazzjoni mitluba kienet marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ( 27 ).

V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2012, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

33.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2012, ir-Repubblika tal-Estonja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali.

34.

Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, intervenjenti fl-ewwel istanza, isostnu t-talbiet tal-LPN u tar-Repubblika tal-Finlandja.

35.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mil-LPN, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju tal-Isvezja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Matul is-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013 ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rikorrenti u mill-intervenjenti, inkluża r-Repubblika tal-Estonja.

VI – L-appelli

36.

Il-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja jinvokaw tliet aggravji prinċipali insostenn tal-appell tagħhom.

37.

L-ewwel aggravju tagħhom jallega ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni aggravju tagħhom jallega ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. It-tielet aggravju tagħhom jallega ksur tal-Artikolu 4(2) in fine tar-Regolament Nru 1049/2001.

38.

Barra minn hekk, il-LPN ssostni li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-punti 141 u 143 tas-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi. Il-LPN tiddikjara wkoll li fis-sentenza appellata hemm żewġ inkoerenzi relatati mal-identifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

VII – Analiżi

39.

Qabel ma jiġu eżaminati l-aggravji ssollevati mil-LPN u mir-Repubblika tal-Finlandja insostenn tal-appell tagħhom, għandha tingħata risposta għall-argument li tqajjem LPN fl-appell tagħha dwar l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni mhux governattiva fil-qasam tal-ambjent. Skont l-LPN, talba għal aċċess għal dokumenti dwar għajnuna mill-Istat ippreżentata minn parti li tiddefendi l-interessi privati tagħha, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iktar ’il quddiem is-“sentenza TGI” ( 28 ) ma tistax tiġi assimilata ma’ talba bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li minn naħa, toriġina minn organizzazzjoni li tiddefendi interessi pubbliċi, li tagħtiha interess partikolari sabiex tipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, tikkonċerna dokumenti dwar emissjonijiet fl-ambjent, ipoteżi li tissemma speċifikament fir-Regolament Nru 1367/2006.

40.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma jiddependix min-natura tal-interess partikolari li l-applikant għall-aċċess jista’ jew ma jistax ikollu sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba.

41.

Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill ( 29 ) jirriżulta li l-iskop tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jagħti lok għal dritt ta’ aċċess tal-pubbliku ġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux li jistabbilixxi regoli intiżi li jipproteġu l-interess speċifiku li persuna partikolari jista’ jkollha għal aċċess għal dokument minnhom ( 30 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedix li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti interessi speċifiċi li persuna tista’ tinvoka sabiex tikseb aċċess għal dokument partikolari ( 31 ). Jidhirli li l-istess raġunament japplika għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 applikabbli f’din il-kawża li l-iskop tagħhom ikun li jagħtu lok għal dritt ta’ aċċess tal-pubbliku ( 32 ) għal informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea.

42.

Għaldaqstant, l-istatus partikolari tal-LPN ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

1. Argumenti

43.

L-LPN tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tirrileva li l-proċess inkwistjoni jinkludi diversi tipi differenti ta’ dokumenti u huwa totalment żbaljat u sproporzjonat li jiġi affermat li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti “id-dokumenti kollha li jirriżultaw minn tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jiġu protetti bħala kategorija” ( 33 ).

44.

Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkontesta l-argument fundamentali, li jinsab fis-sentenza appellata, li jipprovdi li bis-saħħa tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti kollha relatati ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jiġu protetti bħala li jifformaw kategorija waħda, b’mod li istituzzjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dawn id-dokumenti kollha billi tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti fil-prinċipju jippreġudika l-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

45.

Ir-Repubblika tal-Finlandja u l-LPN huma tal-fehma li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat, ma tistax tiġi applikata fil-każ inkwistjoni.

46.

Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali marret kontra t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta applikat preżunzjoni ġenerali sabiex teskludi l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma jikkunsidraw li, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika in concreto jekk l-iżvelar ta’ kull wieħed minn dawk id-dokumenti jippreġudikax l-objettivi tal-attivitajiet tal-investigazzjoni. Huma jirrilevaw li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat preżunzjonijiet ġenerali f’każijiet ferm limitati u għal raġunijiet iddefiniti b’mod ċar, li ma humiex applikabbli f’din il-kawża.

47.

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkunsidraw li għandha tiġi applikata preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippreġudika l-protezzjoni tal-objettivi ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huma jirrilevaw li kieku l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat kellha tiġi żvelata, tkun ippreġudikata r-rieda ta’ kooperazzjoni f’atmosfera ta’ kunfidenza. Skont il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tiġi applikata b’analoġija f’din il-kawża, peress li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija varjant tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu adattata għall-problemi partikolari li jinħolqu mill-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

2. Evalwazzjoni

48.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-LPN talbet aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Portugiża fil-qasam tad-dritt ambjentali. Din it-talba ġiet ippreżentata meta l-proċedura amministrattiva kienet għadha pendenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika lil LPN id-dokumenti mitluba billi invokat l-eċċezzjoni tad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ibbażata fuq il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma vverifikatx għal kull dokument mitlub jekk l-iżvelar kienx imur kontra l-objettiv tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Portugiża billi kkunsidrat globalment li l-iżvelar tad-dokumenti kollha, f’dan l-istadju, imur kontra l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

49.

Dan l-approċċ ġie kkonfermat fis-sentenza appellata.

50.

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet tinsab pendenti, il-Kummissjoni setgħet titlaq mill-prinċipju li preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv imur kontra l-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet tal-investigazzjoni, tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati ( 34 ).

51.

Ma huwiex ikkontestat, f’dawn l-appelli, li kif jingħad fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni fil-prinċipju kellha dritt li tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni inkwantu proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet pendenti fil-mument tat-talba inkwistjoni. Għall-kuntrarju, hemm inkwistjoni n-natura u l-intensità tal-verifika mwettqa mill-Kummissjoni matul l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għad-dokumenti inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk din l-istituzzjoni kinitx obbligata tagħmel evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti jew setgħetx għall-kuntrarju sempliċement tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li kienet ser tiġi ppreġudikata l-protezzjoni tal-objettivi tal-proċedura applikabbli għad-dokumenti kollha mitluba.

52.

Hija ġurisprudenza stabbilita li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, id-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ( 35 ). Madankollu, dan id-dritt huwa xorta waħda suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew ta’ interess privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li jintalab l-iżvelar tiegħu, hija jkollha l-obbligu, fil-prinċipju, li tispjega kif l-aċċess għal dak id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni. Peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett ( 36 ).

53.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi osservat il-prinċipju essenzjali ta’ trasparenza, il-Kummissjoni fil-prinċipju kienet obbligata mhux biss li teżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba mil-LPN sabiex tiddetermina jekk l-iżvelar effettivament jippreġudikax l-objettiv tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Portugiża, iżda wkoll li tispjega, għal kull dokument inkwistjoni, kif l-aċċess totali jew parzjali għal kull wieħed minn dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika dan l-objettiv.

54.

Madankollu, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 113 et seq tas-sentenza appellata, jeżistu eċċezzjonijiet li joriġinaw mill-ġurisprudenza għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li għalihom ikun intalab aċċess.

55.

Skont din il-ġurisprudenza ( 37 ), eżami individwali u konkret ta’ kull dokument jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun ċar li l-aċċess għad-dokumenti għandu jiġi rrifjutat, jew bil-kontra, jingħata. F’dawn il-każijiet, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura ( 38 ).

56.

L-iktar ġurisprudenza reċenti tipprovdi li meta l-aċċess jiġi rrifjutat abbażi ta’ tali preżunzjoni ġenerali, il-partijiet ikkonċernati jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, juru li dokument partikolari li jintalab l-iżvelar tiegħu, ma jkunx kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 39 ).

57.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali, li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti minflok ma jiġi eżaminat kull dokument individwalment u konkretament qabel ma jiġi rrifjutat l-aċċess għalih, ma hijiex insinjifikanti. Din mhux biss għandha l-effett li tinkwadra l-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, l-Artikolu 15 TFUE u r-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll u neċessarjament li tillimita fil-prattika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Konsegwentement, jidhirli li l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet sodi u konvinċenti. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament il-possibbiltà li tirrikorri għal tali preżunzjonijiet ġenerali fi tliet ċirkustanzi speċifiċi, jiġifieri, il-proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat ( 40 ), il-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ( 41 ) u l-proċeduri pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 42 ).

58.

Fl-ewwel lok, fis-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet li preżunzjoni ġenerali tapplika għar-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-partijiet ikkonċernati ( 43 ), bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna, ma għandhomx, skont ir-Regolament Nru 659/1999 ( 44 ) dritt jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kieku dawn il-persuni interessati kienu f’pożizzjoni li jiksbu aċċess, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ verifika tal-għajnuna tal-Istat titpoġġa f’dubju.

59.

Sussegwentement, fis-sentenzi Agrofert u Odile Jacob, iċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet li preżunzjoni ġenerali tintuża wkoll sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn l-impriżi, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprevedi regoli stretti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

60.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, aċċess ġeneralizzat, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi huwa ta’ tali natura li jpoġġi f’periklu l-bilanċ li ried jiżgura l-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali li tista’ tkun sensittiva sabiex tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni prevista mas-suq komuni, minn naħa waħda, u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa li hija marbuta, fuq il-bażi tas-segretezza professjonali u s-segretezza tan-negozju, mal-informazzjoni mibgħuta b’dan il-mod lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra ( 45 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li teżisti preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati tippreġudika, fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti fl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kif ukoll fil-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati mal-proċedura ta’ kontroll ta’ dik l-operazzjoni ( 46 ).

61.

Finalment, fis-sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jikkawża preġudizzju għall-protezzjoni ta’ din il-proċedura, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta dawn il-proċeduri jkunu għadhom pendenti ( 47 ).

62.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi obbligi ta’ trasparenza fuq ċerti istituzzjonijiet ma għandux iwassal sabiex, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti, tiġi kompromessa l-pożizzjoni proċedurali tagħhom fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, mingħajr distinzjoni bejn l-istadji differenti tal-proċedura, hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġi ggarantit, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li l-argumenti bejn il-partijiet, kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni, jipproċedu mingħajr problemi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi bbażat ruħha, b’analoġija, fuq is-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, li tali preżunzjoni hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tal-fatt li la l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdu dritt ta’ aċċess ta’ terzi għan-noti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

63.

L-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, għall-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, japplika wkoll għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Jiena ma naħsibx li dan kien il-każ.

64.

Jirriżulta mhux biss mis-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll mis-sentenzi Agrofert u Odile Jacob, iċċitati iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat jew konċentrazzjonijiet, billi bbażat b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ regoli stretti li jillimitaw l-aċċess għall-fajl f’dawk il-proċeduri. Fi kliem ieħor, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod bħal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma stabbilixxiet ebda ġerarkija bejn ir-regoli inkwistjoni ( 48 ), hija inkwadrat l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 1049/2001 permezz ta’ dawn il-preżunzjonijiet ġenerali, meta l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv jippreġudika l-objettiv speċifiku tar-regoli intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja proprja tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u tal-konċentrazzjonijiet.

65.

Għalkemm, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ dawn il-preżunzjonijiet ġenerali, l-eżistenza ta’ dawn ir-regoli speċifiċi li jillimitaw l-aċċess tal-pubbliku għall-fajl amministrattiv, fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri, għandha ċerta importanza fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss fis-sentenza TGI iċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll fis-sentenzi Agrofert u Odile Jacob, iċċitati iktar ’il fuq ( 49 ), jidhirli, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-LPN u tar-Repubblika tal-Finlandja, li dan il-fatt ma huwiex deċiżiv fih innifsu.

66.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dawn il-preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment dettata mir-raġuni imperattiva li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi ggarantit li l-objettivi tagħhom ma jkunux kompromessi.

67.

F’dan ir-rigward, nirrileva li fis-sentenza L-Isvezja et vs API, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali u n-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-proċedura sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ dawn il-preżunzjonijiet ġenerali. In-nuqqas ta’ dritt ta’ aċċess ta’ terzi għan-noti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji ġie indirizzat f’din is-sentenza biss fuq bażi sekondarja sabiex tiġi ġġustifikata l-eżkluzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 mill-attività ġudizzjarja bħala tali.

68.

Minn dan isegwi li l-fattur ta’ unifikazzjoni tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi kollha ( 50 ) kien il-fatt li l-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri kien fil-fatt inkompatibbli mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u kien hemm riskju li dawn jiġu kompromessi. Barra minn hekk, mis-sentenzi TGI, Agrofert u Odile Jacob, iċċitati iktar ’il fuq, jirriżulta li l-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess tinkorpora d-dokumenti kollha mhux ippubblikati relatati mal-fajl amministrattiv tal-proċeduri inkwistjoni.

69.

Nikkunsidra li dan il-fattur ta’ unifikazzjoni huwa applikabbli wkoll għall-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rregolata mill-Artikolu 258 TFUE, anki jekk dik il-proċedura ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istati jew tal-konċentrazzjonijiet jew għal proċedura ġudizzjarja, peress li dawn tal-aħħar ma humiex ekwivalenti bejniethom.

70.

Madankollu, wieħed għandu jinnota r-rabta partikolari li teżisti bejn il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-proċedura dwar kontroll tal-għajnuna mill-Istat li t-tnejn huma intiżi sabiex jiżguraw li l-Istati Membri josservaw id-dritt tal-Unjoni. F’każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE jeżenta lill-Kummissjoni mill-fażi prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 258 TFUE u jekk it-terminu stabbilit fid-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni ( 51 ) sabiex l-Istat jikkonforma magħha jkun għadda, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 52 ). Minn dan isegwi li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, id-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni dwar għajnuna illegali tissostitwixxi b’xi mod il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

71.

Għandu jitfakkar ukoll li, bħal fil-proċeduri relatati ma’ għajnuna mill-Istat jew ma’ pjanijiet ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha rwol prinċipali matul il-proċedura kollha ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, fir-rwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattat FUE, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa li tiddeċiedi b’mod sovran jekk ikunx opportun li tinfetaħ proċedura ta’ qabel il-kawża, billi tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni u li din tiġi segwita b’opinjoni mmotivata ( 53 ). Din il-proċedura prekontenzjuża li, billi tingħata lill-Istat Membru l-possibbiltà li jiddikjara l-motivi tad-difiża tiegħu, li tinkiseb l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni waqt li jekk jista’ jkun jiġi evitat rikors ġudizzjarju.

72.

Barra minn hekk, naqbel mal-konstatazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata li l-fażi prekontenżjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija ta’ natura bilaterali, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, u dan minkejja l-fatt li, bħal f’din il-kawża, din il-proċedura tista’ tkun inbdiet permezz ta’ ilment, peress li l-lanjant ma għandu ebda dritt fis-segwitu tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 54 ). Kif tiddikjara l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, “fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jkun hemm sfond ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex hija tkun tista’ tibda proċess ta’ negozjati u ta’ kompromess bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju għat-tilwim mingħajr ma tinbeda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”.

73.

Barra minn hekk, għalkemm il-proċedura prekontenzjuża ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura ġudizzjarja, din tista’ twassal għal tali proċeduri peress li l-Kummissjoni tista’, matul dik il-proċedura, tirrikorri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tikkonstata n-nuqqas allegat fil-konfront tal-Istat Membru ( 55 ).

74.

L-għan uniku li tiġi pperżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi preżunzjoni ġenerali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ( 56 ) jew tal-konċentrazzjonijiet ( 57 ) jew fi proċedura ġudizzjarja ( 58 ), b’hekk jidhirli li huwa applikabbli għall-fażi prekontenzjuża tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

75.

B’hekk jidhirli li l-aċċess, anki jekk parzjali, tal-pubbliku għal dokumenti relatati ma’ din il-proċedura meta tkun pendenti, jippreġudika t-twettiq tal-objettivi tagħha u jiġġustifika, konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali, bħal dik rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri l-oħrajn.

76.

L-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja argumentaw korrettament li l-kontenut ta’ fajl fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent huwa neċessarjament eteroġenu u jista’, lil hinn mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru inkwistjoni, jinkludi biss, pereżempju, studji tekniċi u xjentifiċi. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li fil-fajl inkwistjoni kien hemm biss korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru ( 59 ). Iżda anki kieku dan ma kienx il-każ, waqt li huwa minnu li d-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jistgħu mingħajr dubju jkunu ta’ natura varjata u li kull proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra Stat Membru għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, dan b’ebda mod ma jneħħi l-possibbiltà li jiġi protett l-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura billi tiġi llimitata l-interferenza ta’ terzi persuni. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat fil-punt 121 tas-sentenza appellata li d-dokumenti relatati ma’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu kategorija unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess fuq il-bażi tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni.

77.

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, eċċezzjoni hija applikabbli biss matul il-perjodu li fih il-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument ( 60 ). Meta l-proċedura tingħalaq, l-aċċess għall-fajl ikollu jingħata, jekk ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tkun applikabbli.

78.

F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar mill-punti 28 sa 35 tas-sentenza appellata li wara li ġie arkivjat l-ilment tagħha dwar il-proġett ta’ diga fit-28 ta’ Frar 2008, il-LPN kellha aċċess għal kważi d-dokumenti kollha mitluba ( 61 ).

79.

Għaldaqstant, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju bħala infondat.

B – Fuq it-tieni aggravju li jallega ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

1. Argumenti

80.

L-LPN issostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Qorti Ġenerali fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, qari bir-reqqa tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2001 flimkien mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu li “teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li jintalab aċċess għalihom” ( 62 ). Hija targumenta li għalkemm l-investigazzjonijiet jikkostitwixxu eċċezzjoni mill-ewwel parti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dawn jaqgħu inevitabbilment u loġikament taħt it-tieni parti tal-imsemmi Artikolu. Skont il-LPN, inkwantu ma jistax jiġi preżunt li jeżisti interess pubbliku superjuri sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti koperti mill-investigazzjonijiet, għandhom jiġu interpretati b’mod strett il-motivi potenzjali ta’ dan ir-rifjut billi jiġi analizzat jekk l-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-ambjent huwiex prevalenti jew le f’din il-kawża fuq interessi possibbli oħrajn li għandhom jiġu protetti billi ma jiġux żvelati, u billi jiġi vverifikat b’mod konkret jekk l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba tkunx marbuta jew le ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

81.

Ir-Repubblika tal-Finlandja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja u mir-Renju tad-Danimarka, issostni li fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 billi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni “tipprevedi biss l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri dawk previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

82.

Il-Kummissjoni targumenta li, billi eskluda mill-preżunzjoni legali prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 l-investigazzjonijiet relatati man-nuqqasijiet possibbli mid-dritt Komunitarju, huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tagħhom. B’hekk, il-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-parametri tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma jistax jiġi dedott mir-Regolament Nru 1367/2006 li l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti mill-istess proċeduri f’oqsma oħrajn fir-rigward tal-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti li jinsabu f’dawk il-fajl jippreġudika l-objettiv tal-investigazzjoni.

83.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma timmodifikax il-kriterju ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti dwar l-ambjent li tibqa’ rregolata mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement ittenni r-rekwiżit, stabbilit mill-qrati Ewropej, ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-motivi ta’ deroga u ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ambjentali fl-imsemmija evalwazzjoni.

2. Evalwazzjoni

84.

Dan l-aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli dwar l-aċċess għall-informazzjoni, fil-qasam tal-ambjent, għandhomx effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti relatati mal-fajl amministrattiv ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent.

85.

Jidhirli li l-Qorti Ġenerali indikat b’mod korrett fil-punt 105 tas-sentenza appellata li “[ir-Regolament Nru 1367/2006] jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 billi jissostitwixxi, ibiddel jew jippreċiża ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda “informazzjoni dwar l-ambjent” jew informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” ( 63 ).

86.

Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 3 tar-Regolament nru 1367/2006 li r-Regolament nru 1049/2001 japplika għal kull talba ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-portata tar-Regolament nru 1367/2006 fil-qasam tal-aċċess għal informazzjoni hija ferm limitata; l-emendi għar-Regolament nru 1049/2001 huma speċifiċi ħafna.

87.

Il-premessa 15 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jippreċiżaw l-interazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006.

88.

Fl-ewwel lok, mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li fil-prinċipju l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom japplikaw totalment, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tar-Regolament Nru 1367/2006.

89.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza “fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” billi tipprovdi li l-iżvelar tagħhom jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri.

90.

Madankollu, ċerti eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri “[l-]investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja” huma esklużi espressament mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza msaħħa. Il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar ma japplikax għall-informazzjoni li tinsab f’fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.

91.

Il-kwistjoni tibqa’ dwar jekk dawn il-proċeduri jaqgħux għall-kuntrarju taħt it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 6, tar-Regolament Nru 1367/2006. Skont din it-tieni sentenza, “fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra” stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, waqt li jitqies l-interess pubbliku li jippreżenta l-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

92.

L-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja jikkunsidraw li l-“eċċezzjonijiet l-oħra” jinkludu neċessarjament, b’mod awtomatiku, il-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma tapplikax għalihom. Fil-prinċipju, din tobbliga lill-Kummissjoni teżamina individwalment u konkretament d-dokumenti kollha relatati mal-fajl amministrattiv ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent u tipprekludi l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali.

93.

Ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

94.

Prinċipalment, jidhirli li jirriżulta mhux biss mill-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 iżda wkoll mill-iskema ġenerali u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni ( 64 ) li din tapplika biss għal eċċezzjonijiet li ma ssemmewx fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 issemmi espressament l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ( 65 ) anki jekk dan huwa sabiex jitqiesu bħala derogi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

95.

Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni sentenzi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jelimina l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-portata tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fl-intier tiegħu.

96.

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 japplikaw għall-aċċess għad-dokumenti relatati mal-fajl amministrattiv ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent u li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma għandhiex effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex twettaq eżami konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma japplikax għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

97.

Sussidjarjament, jidhirli li anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tapplika għal proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-eżitu ta’ dan l-aggravju jibqa’ l-istess. Dik id-dispożizzjoni, bl-istess mod bħall-ġurisprudenza stabbilita marbuta mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 66 ), tfakkar l-obbligu li jiġu interpretati b’mod strett il-motivi ta’ rifjut ta’ aċċess, meta jitqies l-interess pubbliku li jippreżenta l-iżvelar u ma żżid xejn f’dan ir-rigward mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li hija rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża jew għall-kwistjoni dwar jekk hijiex applikabbli preżunzjoni ġenerali.

98.

Fil-fatt, mill-punti 73 u 74 tas-sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti.

99.

Barra minn hekk, jidhirli li l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar “jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent” hija ċertament marbuta mal-obbligu, li hija ssaħħaħ, li jiġu interpretati b’mod strett il-motivi ta’ rifjut ta’ aċċess. Madankollu, jidhirli li dan l-obbligu lanqas ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet ġenerali għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti.

100.

B’hekk jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet fil-punt 136 tas-sentenza appellata li “fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-LPN u l-intervenjenti lanqas ma jistgħu jinvokaw b’mod utli t-tielet sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006” u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni aggravju bħala infondat.

C – Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) in fine tar-Regolament Nru 1049/2001

1. Argumenti

101.

L-LPN, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tad-Danimarka jargumentaw li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 132 sa 138 tas-sentenza appellata dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar hija żbaljata.

102.

Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li d-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni kienet konformi mal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 67 ), minkejja li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri, kif kellha tagħmel (ex ufficio skont ir-Renju tal-Isvezja) bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 4(2) in fine tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jagħtiha ebda eżenzjoni f’dan ir-rigward.

103.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

2. Evalwazzjoni

104.

Fil-punti 134 sa 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jestendix l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent relatati ma’ dawn il-proċeduri ma jitqisx li jippreżenta interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) in fine tar-Regolament Nru 1049/2001.

105.

Fid-dawl tar-risposta tiegħi għat-tieni aggravju, jidhirli li din l-evalwazzjoni hija korretta.

106.

Fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-LPN u l-intervenjenti la kienu kapaċi jidentifikaw il-possibbiltà ta’ interess pubbliku superjuri għajr dik tal-allegata trasparenza msaħħa fil-qasam tal-ambjent, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward ta’ dan il-każ, u lanqas ma kienu kapaċi jispjegaw jekk u sa liema punt l-informazzjoni mitluba kienet marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Jidhirli li din il-konstatazzjoni fattwali ma tistax tiġi kkontestata f’dan l-istadju ta’ appell ( 68 ).

107.

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-LPN llimitat ruħha li targumenta fl-ewwel istanza li t-trasparenza ikbar fil-qasam ambjentali tikkostitwixxi fiha nfisha interess pubbliku superjuri. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 157 u 158 tas-sentenza L-Isvezja et vs API, iċċitata iktar ’il fuq, nikkunsidra li kunsiderazzjonijiet daqstant ġeneriċi ma jistgħux ikunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza jippreżenta, f’din il-kawża, element partikolari li jista’ jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-punt 62 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li ma hijiex ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li teżamina ex ufficio jekk interess pubbliku superjuri jistax jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-partijiet ikkonċernati setgħu jġibu prova ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ( 69 ).

108.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

VIII – It-talba supplimentari tal-LPN

109.

L-LPN tallega li fis-sentenza appellata hemm żewġ inkoerenzi relatati mal-identifikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

110.

Fl-ewwel lok, hija tirrileva li l-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tat-22 ta’ Novembru 2007 u mhux id-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008 imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. B’hekk, il-LPN titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fl-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li r-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata tat-22 ta’ Novembru 2007.

111.

Fit-tieni lok, l-LPN tikkunsidra li l-punt 46 tas-sentenza appellata huwa fformulat ħażin u għandu jiġi fformulat skont kif ġej:

“L-LPN rrinunzjat it-talba tagħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni [tat-22 ta’ Novembru 2007] fir-rigward tat-tielet motiv ippreżentat fir-rikors, li jallega nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001[…]”.

112.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-LPN.

113.

Jidhirli li l-LPN naqset milli tippreċiża kif l-allegati inkoerenzi affettwaw is-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Barra minn hekk, bl-istess mod bħall-Kummissjoni jidhirli li din it-talba hija inammissibbli, peress li ma tikkonsistix fi kwistjoni ta’ liġi fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, anki jekk nassumu li kien hemm inkonsistenza, huwa fil-kompetenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali li tirrettifikaha skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

114.

Minn dan isegwi li din it-talba għandha tiġi miċħuda.

IX – Fuq il-kontestazzjoni mil-LPN tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġneerali dwar l-ispejjeż

115.

L-LPN ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż, fil-punti 141 u 143 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

116.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-LPN.

117.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn l-aggravji l-oħrajn kollha tal-appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet li jirrigwardaw l-allegata rregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li appell ma jistax jirrigwarda biss l-oneru u l-ammont tal-ispejjeż ( 70 ).

118.

Sa fejn jidhirli li l-aggravji l-oħra kollha tal-appell invokati mil-LPN għandhom jiġu miċħuda, l-aħħar aggravju mressaq kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tqassim tal-ispejjeż, għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat inammissibbli.

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jidhirli li hemm lok li jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom kemm l-appell ippreżentat mil-LPN fil-Kawża C‑514/11 P kif ukoll dak ippreżentat mir-Repubblika tal-Finlandja fil-Kawża C‑605/11 P.

X – Fuq l-ispejjeż

120.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-imsemmi Artikolu 184(1), l-Istati Membri li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-proċeduri ta’ appell għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

121.

Jidhirli li hemm lok li l-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-Kawżi C‑514/11 P u C‑605/11 P, rispettivament, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika tal-Estonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

XI – Konklużjoni

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lil Liga para a Protecçao da Natureza (LPN) għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appell fil-Kawża C‑514/11 P;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appell fil-Kawża C‑605/11 P; u

tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja u lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż tagħhom stess relatati mal-appelli fil-Kawżi magħquda C‑514/11 P u C‑605/11 P.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) L-appelli tal-LPN u tar-Repubblika tal-Finlandja ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 u fit-30 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p.331.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1,p. 98.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

( 6 ) ĠU L 264, p. 13.

( 7 ) Ara l-punt 101 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Ara l-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Ara l-punti 113 sa 114 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Ara l-punt 115 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Ara l-punti 113 sa 115 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Ara l-punt 116 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Ara l-punt 117 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Ara l-punt 117 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Ara l-punt 121 tas-sentenza appellata.

( 17 ) Ara l-punt 122 tas-sentenza appellata.

( 18 ) ĠU 1997 C 244, p. 5.

( 19 ) Ara l-punt 126 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara l-punt 128 tas-sentenza appellata.

( 21 ) Ara l-punt 129 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Ara l-punt 134 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Ara l-punt 135 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Ara l-punt 136 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Ara l-punt 136 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Ibidem (punt 136).

( 27 ) Ibidem (punt 138).

( 28 ) C-139/07 P, Ġabra p. I-5885.

( 29 ) C-266/05 P, Ġabra p. I-1233.

( 30 ) Ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħti dritt ta’ aċċess estensiv ħafna għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u l-benefiċċju ta’ dan id-dritt ma huwiex suġġett, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għal ġustifikazzjoni tat-talba. Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C-362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 56).

( 31 ) Ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 32 ) Il-“pubbliku” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament nru 1367/2006 f’termini iktar wiesa’ bħala “tfisser persuna, jew persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi ta’ tali persuni”.

( 33 ) Ara l-punt 117 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Ara l-punt 127 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 33), kif ukoll is-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).

( 36 ) Ara s-sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50), TGI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54), tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, punt 57), u Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C-404/10 P; iktar ’il fuq, “Odile Jacob”, punt 116); kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TGI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54), Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57), Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 116) u API, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TGI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62), Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68), Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 126).

( 40 ) Ara s-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq.

( 41 ) Ara s-sentenzi Agrofert u Odile Jacob, iċċitati iktar ’il fuq.

( 42 ) Ara s-sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq.

( 43 ) Jiġifieri, b’mod partikolari, il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-kompetituri tagħhom.

( 44 ) ĠU L 83, p. 1.

( 45 ) Ara s-sentenzi Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62) u Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 121).

( 46 ) Ara s-sentenzi Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64) u Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 123).

( 47 ) Ara s-sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq (punt 94).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52) u Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 110) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament ġerarkija bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, “għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minnhom li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u għaldaqstant tippermetti applikazzjoni koerenti tiegħu”.

( 49 ) Fis-sentenzi Agrofert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56) u Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punt 115), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ukoll fuq l-objettiv tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali billi kkonstatat li dak l-objettiv u dawk iż-żewġ attivitajiet ta’ investigazzjoni kienu marbuta mill-qrib.

( 50 ) Jiġifieri s-sentenzi TGI, Agrofert, Odile Jacob u API, iċċitati iktar ’il fuq.

( 51 ) Jew jekk ikun il-każ, it-terminu li l-Kummissjoni tistabbilixxi sussegwentement. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I-11887, punt 53).

( 52 ) Ibidem (punt 53).

( 53 ) Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, hija għandha tevalwa jekk ikun opportun li tittieħed azzjoni kontra dak l-Istat, tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kiser u tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jeffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha. Ara, fuq dan il-punt, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 27); u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 66).

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni COM(2002) 141 finali.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni (247/87, Ġabra p. 291, punt 12), u tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 46). Il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija kkaratterizzata mill-prinċipju ta’ opportunità. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-531/06, Ġabra p. I-4103, punti 23 u 24). L-evalwazzjoni tal-opportunità li taġixxi fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

( 56 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ibidem (punti 59 u 60).

( 58 ) Ibidem (punti 61 u 62).

( 59 ) Ara l-punt 121 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Ara s-sentenza Suède u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70).

( 61 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara l-punt 113 tas-sentenza appellata.

( 63 ) Ara wkoll il-punt 135 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Ara wkoll l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 u l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament.

( 65 ) Ara l-punt 136 tas-sentenza appellata.

( 66 ) Sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

( 67 ) Ara l-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata.

( 68 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva, minn naħa waħda, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti fil-fajl ippreżentati lilha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawk il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawk il-fatti u l-konsegwenzi legali li jkunu nsiltu mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 96, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C-47/10 P, Ġabra p. I-1007, punt 57). Nirrileva li, f’din il-kawża, la l-LPN u lanqas ir-Repubblika tal-Finlandja ma jallegaw ineżattezza materjali fir-rigward tal-fatt ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata.

( 69 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punt 31), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 124)

Top