EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0220

Kawża C-220/10: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Mejju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

ĠU C 209, 31.7.2010, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/14


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Mejju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-220/10)

()

2010/C 209/22

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Guerra u Andrade u S. Pardo Quintillán, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li billi r-Repubblika Portugiża:

identifikat bħala żoni inqas sensittivi l-ibħra kostali kollha tal-gżira ta’ Madeira u l-ibħra kostali kollha tal-gżira ta’ Porto Santo mingħajr ma applikat il-kriterji previsti fl-Anness II tad-Direttiva 91/271/KEE (1), flimkien mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva u, b’mod partikolari, mingħajr ma wettqet studji eżawrjenti li jindikaw li l-iskariki rispettivi ma jiddeterjorawx l-ambjent, hija ma implementatx id-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 91/271/KEE;

ssuġġettat għal trattament inqas rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4 tad-direttiva, l-ilma urban mormi li jiġi mill-agglomerazzjonijiet b’popolazzjoni ogħla minn 10 000 persuna bħal ma huma l-agglomerazzjonijiet ta’ Funchal u ta’ Câmara de Lobos, skarikati fl-ibħra kostali tal-gżira ta’ Madeira, mingħajr ma wettqet studji eżawrjenti li jindikaw li l-iskariki rispettivi ma jiddeterjorawx l-ambjent, hija ma implementatx l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-aggolmerazzjoni ta’ Albufeira/Armação de Pêra l-eżistenza ta’ sistemi għall-ġbir ta’ ilma urban mormi skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 3 u trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, hija ma implementatx l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Beja, trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5, hija ma implementatx l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Chaves, trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, hija ma implementatx l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-ħames agglomerazzjonijiet tal-estwarju tax-xmara Tejo, Barreiro/Moita, Fernão Ferro, Montijo, Quinta do Conde u Seixal, l-eżistenza ta’ sistemi għall-ġbir ta’ ilma urban mormi skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 3; ma ggarantietx, f’sitt agglomerazzjonijiet li jiskarikaw fin-naħa tax-xellug tal-estwarju tat-Tejo, Barreiro/Moita, Corroios/Quinta da Bomba, Fernão Ferro, Mintija, Quinta do Conde u Seixal, trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4 skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5, hija ma implementatx l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Elvas, trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5, hija ma implementatx l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Tavira, trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, hija ma implementatx l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Viseu, l-eżistenza ta’ sistemi għall-ġbir ta’ ilma urban mormi skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 3, kif ukoll trattament iktar rigoruż minn dak previst fl-Artikolu 4, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5, hija ma implementatx l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 91/271/KEE;

tiddikjara li r-Repubblika Portugiża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Jeżistu numru ta’ agglomerazzjonijiet li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva, sebgħa fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 u tnax fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5.

Uħud mill-agglomerazzjonijiet inkwistjoni ma implementaw ebda tip ta’ trattament tal-ilma mormi rispettiv tagħhom.

Fir-rigward tal-iskariki ta’ ilma urban mormi f’żoni sensittivi, id-Direttiva tirrikjedi trattament iktar rigoruż tal-ilma skarikat minn dak li hu rikjest fir-rigward ta’ ilma skarikat f’żoni oħra.

Skont il-Parti B tal-Anness II, massa jew żona ta’ ilma baħar tista’ tiġi identifikata bħala żona inqas sensittiva jekk l-emissjoni ta’ ilma mormi ma jkunx jaffettwa lill-ambjent b’mod negattiv bħala konsegwenza tal-morfoloġija, idroloġija jew il-kundizzjonijiet idrawliċi f’din iż-żona.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom l-ilma urban mormi skarikat f’żoni inqas sensittivi jista’ jiġi ssuġġettat għal trattament inqas rigoruż. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-ilma urban mormi li jiġi mill-agglomerazzjonijiet b’popolazzjoni bejn 10 000 u 150 000 li jiġi skarikat fl-ibħra ta’ mal-kosta biss jista’ jiġi ssuġġettat għal trattament inqas rigoruż jekk ikunu saru studji eżawrjenti li jindikaw li l-iskariki rispettivi ma jiddeterjorawx l-ambjent, filwaqt li l-informazzjoni rilevanti dwar dawn l-istudji għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26)


Top