EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0014

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
Nickel Institute vs Secretary of State for Work and Pensions.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Ambjent u ħarsien tas-saħħa tal-bniedem - Direttiva 67/548/KEE - Regolament (KE) Nru 1272/2008 - Klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikel, tal-idrossidi tan-nikel kif ukoll ta’ diversi sustanzi miġbura fi gruppi bi bażi ta’ nikel bħala sustanzi perikolużi - Validità tad-Direttivi 2008/58/KE u 2009/2/KE kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 790/2009 - Adattament ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet għall-progress tekniku u xjentifiku - Validità - Metodi ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-imsemmija sustanzi - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Bażi legali - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-14/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06609

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:503

Kawża C-14/10

Nickel Institute

vs

Secretary of State for Work and Pensions

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Ambjent u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Direttiva 67/548/KEE —“Regolament (KE) Nru 1272/2008 — Klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikel, tal-idrossidi tan-nikel kif ukoll ta’ diversi sustanzi miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel bħala sustanzi perikolużi — Validità tad-Direttivi 2008/58/KE u 2009/2/KE kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 790/2009 — Adattament ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet għall-progress tekniku u xjentifiku — Validità — Metodi ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-imsemmija sustanzi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Bażi legali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klassifikazzjoni, ippakkjar u ttikkettjar ta’ sustanzi perikolużi — Direttiva 67/548 — Adattament għall-progress tekniku — Klassifikazzjoni ta’ ċerti sustanzi b’bażi ta’ nikel bħala sustanzi perikolużi

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006 u Nru 1272/2008; Regolament tal-Kummissjoni Nru 790/2009; Direttiva tal-Kunsill 67/548; Direttivi tal-Kummissjoni 2008/58 u 2009/2)

F’kuntest tekniku u ġuridiku kumpless, ta’ natura essenzjalment evoluttiva, id-Direttiva 67/548, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, tagħti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-mertu setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-portata tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex l-annessi ta’ din id-direttiva jiġu adattati għall-progress tekniku. Issa, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat KE ta dan il-kompitu.

Fid-dawl tal-portata ta’ dan il-kontroll u fid-dawl tal-konklużjonijiet, ifformulati fit-tmiem ta’ proċess twil ta’ konsultazzjonijiet matul il-perijodu li jkopri s-snin 2000 sal-2008, ta’ diversi evalwazzjonijiet esperti u studji sabiex iwasslu għall-aħħar adattament tad-Direttiva 67/548, li saru meta ġew adottati d-Direttivi 2008/58 u 2009/2, dwar rispettivament it-Tletin u Wieħed-u-Tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548, il-Kummissjoni manifestament ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi bbażat ruħha, sabiex tadotta d-deċiżjonijiet li jikklassifikaw ċerti sustanzi b’bażi ta’ nikel f’livell għoli ta’ perikolożità, fuq l-opinjoni tal-esperti li rrikorrew, b’mod partikolari, għall-metodu tar-read across sabiex jevalwaw il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi tan-nikel inkwistjoni fil-kawża. Lanqas ma jidher li l-Kummissjoni manifestament marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta qieset, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li, f’dan l-istadju ta’ għarfien xjentifiku, hemm progress tekniku xjentifiku suffiċjenti biex jiġġustifika adattament fid-Direttiva 67/548. Għalhekk, l-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548 seta’ validament jikkostitwixxi bażi legali sabiex jiġu adottati l-imsemmija Direttivi 2008/58 u 2009/2.

Il-validità tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija sustanzi bbażata fuq evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi lanqas ma hija mqiegħda inkwistjoni mill-fatt li ċerti karbonati tan-nikel kienu mmaniġġjati jew użati biss f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju. F’dan ir-rigward, minkejja li la d-Direttiva 67/548 u lanqas ir-Regolament 1272/2008, dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, jew ir-Regolament REACH ma jipprovdu definizzjoni ta’ “maniġġjar jew użu normali”, dan il-kunċett jiġbor fih l-immaniġġjar u l-użu kollu li jistgħu jsiru f’ċirkustanzi normali, li jinkludi, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-inċidenti reali u previdibbli.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/58 ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 253 KE, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li dan huwa att ta’ portata ġenerali, li jidħol f’kuntest tekniku u ġuridiku kumpless li jrendi diffiċli motivazzjoni dettaljata u individwali tal-klassifikazzjoni mwettqa, b’mod li l-motivazzjoni hija suffiċjenti meta tiġi kkunsidrata n-natura ta’ dan l-att, u, min-naħa l-oħra, li r-rappreżentanti tal-industrija kkonċernata kienu ġew assoċjati mal-proċess tal-abbozzar tal-imsemmija direttiva u li l-ħsieb xjentifiku u d-data li kienet iġġustifikat il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni kienu jinsabu f’diversi dokumenti u minuti tal-laqgħat tal-esperti li kienu ġew ikkomunikati lill-pubbliku qabel ma ġiet adottata l-imsemmija direttiva.

F’dak li jikkonċerna l-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet inkwistjoni fit-Tabella 3.1 tal-Anness VI, Parti 3 tar-Regolament Nru 1272/2008, il-Kummissjoni ma wettqietx żball billi użat it-tabella ta’ konverżjoni stabbilita fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament pjuttost milli kkunsidrat il-kriterji tal-Anness I tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, repetizzjoni ta’ dan il-proċess ta’ evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 790/2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament Nru 1272/2008, sempliċement jinkorpora fir-Regolament Nru 1272/2008 l-istess klassifikazzjonijiet bħal dawk li kienu bbenefikaw mill-proċedura kumplessa ta’ evalwazzjoni applikabbli fil-kuntest tad-Direttiva 67/548.

Għaldaqstant, ma hemm l-ebda element li huwa ta’ natura li jaffettwa l-validità, minn naħa, tad-Direttivi 2008/58 u 2009/2 kif ukoll, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 790/2009, inkwantu dawn id-direttivi u dan ir-regolament ikklassifikaw bħala kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1, mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u reprotossiċi ta’ kategorija 2 is-sustanzi bħalma huma ċerti karbonati tan-nikel, l-idrossidi tan-nikel u sustanzi oħra miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel.

(ara l-punti 59, 60, 77, 79, 82, 83, 92-95, 102-105, 115, 117, 120 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Lulju 2011 (*)

“Ambjent u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – Direttiva 67/548/KEE – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikel, tal-idrossidi tan-nikel kif ukoll ta’ diversi sustanzi miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel bħala sustanzi perikolużi – Validità tad-Direttivi 2008/58/KE u 2009/2/KE kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 790/2009 – Adattament ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet għall-progress tekniku u xjentifiku – Validità – Metodi ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-imsemmija sustanzi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Bażi legali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑14/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Nickel Institute

vs

Secretary of State for Work and Pensions,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–      għal Nickel Institute, minn D. Anderson, QC, K. Nordlander, avukat, u H. Pearson, solicitor,

–      għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistit minn J. Coppel, barrister

–      għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u B. Klein, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–      għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver, D. Kukovec u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda:

–        il-validità tal-klassifikazzjonijiet ta’ erba’ sustanzi li għandhom il-karbonati tan-nikel inkorporati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/59/KE, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 28, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 67/548”), bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li tipprovdi t-tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548/KEE (ĠU L 246, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Tletin Direttiva APT”);

–        il-validità tal-klassifikazzjonijiet tal-idrossidi tan-nikel u ta’ sustanzi oħra miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel inkorporati fl-Anness I tad-Direttiva 67/548 permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE, tal-15 ta’ Jannar 2009, li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva 67/548 (ĠU L 11, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Wieħed-u-Tletin Direttiva APT”); u

–        il-validità tal-imsemmija klassifikazzjonijiet inkwantu mittieħda mil-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT u inkorporati fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548 u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1 iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”), bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament Nru 1272/2008 (ĠU L 235, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Regolament APT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nickel Institute u s-Secretary of State for Work and Pensions dwar l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri eventwali tal-Gvern tar-Renju Unit intiżi li jimplementaw il-klassifikazzjonijiet magħmula mid-Direttivi Tletin u l-Wieħed-u-Tletin APT kif ukoll mill-Ewwel Regolament APT.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tagħhom – id-Direttivi 67/548 u 93/67/KEE u r-Regolament CLP

 Id-Direttiva 67/548 u t-tletin u l-wieħed-u-tletin adattament tagħha għall-progress tekniku permezz tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT

3        Fil-qasam tal-prodotti kimiċi, id-Direttiva 67/548 kienet l-ewwel direttiva ta’ armonizzazzjoni li tistabbilixxi regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet. Din id-direttiva kienet tinkludi, fl-Anness I tagħha, lista li tarmonizza l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta’ iktar minn 8 000 sustanza u gruppi ta’ sustanzi skont il-perikolożità tagħhom.

4        L-Artikolu 2(2)(l), (m), u (n) tad-Direttiva 67/548 jikklassifika bħala “perikolużi” fis-sens tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari s-sustanzi li huma, rispettivament, “kanċeroġeniċi”, “mutaġeniċi”u “tossiċi għar-riproduzzjoni”.

5        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 67/548 jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li s-sustanzi huma kklassifikati skont il-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom. Abbażi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-lista tas-sustanzi kklassifikati hija riprodotta fl-Anness I ta’ din id-direttiva u d-deċiżjoni li sustanza tiġi inkluża fl-imsemmi Anness I bil-klassifikazzjoni armonizzata tagħha u l-ittikkettjar tagħha tittieħed skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 67/548.

6        Skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 67/548, l-annessi tagħha jistgħu jiġu adattati għall-progress tekniku skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 200, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 1999/468”). Id-Deċiżjoni 1999/468 għandha tinqara konġuntament mal-Punt 1 tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 335).

7        Il-Punt 1.1 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jistabbilixxi b’mod partikolari li l-klassifikazzjoni hija intiża sabiex tidentifika l-proprjetajiet fiżikokimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi kollha tas-sustanzi jew tat-taħlitiet li jisgħu jikkostitwixxu riskju matul l-immaniġġjar jew l-użu normali ta’ dawn is-sustanzi.

8        Il-Punt 1.4 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-ittikkettjar għandu jikkunsidra l-perikoli potenzjali kollha li jistgħu jkunu marbuta mal-immaniġġjar u l-użu normali tas-sustanzi u tat-taħlitiet perikolużi fil-forma li biha dawn jitqiegħdu fis-suq, iżda mhux neċessarjament taħt kwalunkwe forma differenti mill-użu finali, pereżempju fl-istat dilwit.

9        Il-Punt 1.6.1(b) tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jistabbilixxi li d-data meħtieġa għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettjar tas-sustanzi li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tinkiseb:

“[…] minn numru ta’ egħjun differenti, per eżempju:

-       ir-riżultati ta’ eżamijiet li jkunu saru qabel,

-       l-informazzjoni mitluba mir-regoli internazzjonali dwar it-trasport ta’ sustanzi perikolużi,

-       l-informazzjoni miksuba minn xogħolijiet ta’ referenza u l-litteratura, jew,

-       l-informazzjoni imnissla mill-esperjenza prattika.

Ir-riżultati ta’ relazzjonijiet ikkonfermati bejn strutturi u attivitajiet, u ġudizzji esperti wkoll jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni meta jkunu approprjati.”

10      Id-Direttiva 67/548 ġiet emendata, fl-aħħar lok, mid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT, li jikklassifikaw b’mod partikolari ċerti karbonati tan-nikel, l-idrossidi tan-nikel u sustanzi oħra miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) f’livell għoli ta’ perikolożità, fatt li jimplika l-osservanza ta’ rekwiżiti ġodda fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-imballaġġ, kif ukoll konsegwenzi leġiżlattivi u kummerċjali oħra. Dawn id-direttivi APT ikklassifikaw is-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kanċeroġeniċi ta’ kategorija 1 u, għal ċerti oħra, ukoll bħala mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u/jew reprotossiċi ta’ kategorija 2.

 Id-Direttiva 93/67/KEE li tistabbixxi l-prinċipji ta’ evalwazzjoni tar-riskji taħt is-sistema tad-Direttiva 67/548

11      Mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 93/67/KEE, tal-20 ta’ Lulju 1993, li tistabbilixxi l-prinċipji għall-istimi ta’ riskju għall-bniedem u l-ambjent tas-sustanzi nnotifikati skond id-Direttiva 67/548 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 212), moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 5 tal-istess direttiva, jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha skont id-Direttiva 67/548, l-evalwazzjoni tar-riskji rappreżentati minn sustanza tinkludi, bħala l-ewwel stadju, l-identifikazzjoni tal-perikoli, iddefinita bħala l-identifikazzjoni tal-effetti mhux mixtieqa li sustanza hija intrinsikament kapaċi tipprovoka.

12      Mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 93/67/KEE jirriżulta wkoll li l-karatterizazzjoni tar-riskji tikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-inċidenza u tas-severità tal-effetti mhux mixtieqa li jistgħu jseħħu f’popolazzjoni umana jew f’parti mill-ambjent minħabba li jiġu esposti, attwali jew previżibbli, għal sustanza, u li din il-karatterizazzjoni tista’ tinkludi kwantifikazzjoni ta’ din il-probabbiltà jew, fi kliem ieħor, evalwazzjoni tar-riskju.

 Ir-Regolament CLP u l-ewwel adattament tiegħu għall-progress tekniku permezz tal-Ewwel Regolament APT

13      Ir-Regolament CLP jadatta d-Direttiva 67/548, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi kimiċi, għas-sistema ġenerali armonizzata tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettjar tal-prodotti kimiċi (iktar ’il quddiem l-“GHS”). L-GHS tikkonsisti f’ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti kimiċi perikolużi u tinforma lill-utenti dwar il-perikoli li dawn il-prodotti kimiċi jirrappreżentaw permezz ta’ simboli u ta’ frażijiet standard li jinsabu fuq it-tikketti tal-imballaġġi.

14      Skont il-premessa 53 tar-Regolament CLP, sabiex jittieħed kont sħiħ tal-ħidma u tal-esperjenza miksuba fil-kuntest tad-Direttiva 67/548, b’mod partikolari għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettar ta’ sustanzi speċifiċi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, il-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti kollha għandhom jiġu konvertiti fi klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda billi jintużaw il-kriterji ġodda.

15      L-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament CLP jinsabu taħt it-Titolu V, Kapitolu 1 tiegħu, bit-titolu “Stabbiliment ta’ Klassifikazzjoni u Ttikkettar Armonizzati ta’ Sustanzi”, u jistabbilixxu l-proċedura ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati tas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-perikoli bħalma huma l-kanċeroġeniċità, il-mutaġeniċità u t-tossiċità għar-riproduzzjoni.

16      L-Artikolu 37 jagħti d-dritt, b’mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, f’ċirkustanzi iktar limitati, lill-manifatturi, lill-importaturi u lid-distributuri ta’ sustanzi, li jissottomettu proposti dettaljati ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li mill-1 ta’ Ġunju 2008 sostitwixxiet lill-Uffiċċju Ewropew għas-Sustanzi Kimiċi.

17      L-Artikolu 53 tar-Regolament CLP, bit-titolu “Adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku”, jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta miżuri intiżi li jadattaw l-Annessi I sa VII ta’ dan ir-regolament għall-progress tekniku u xjentifiku, inkluż “billi tieħu kont debitu ta’ l-iżvilupp ulterjuri”, u jistabbilixxi li dawn il-miżuri jiġu adottati skont il-proċedura ta’ leġiżlazzjoni bi skrutinju stabbilit fl-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni 1999/468.

18      Abbażi tal-Artikolu 55, punti 2 u 11 tar-Regolament CLP, mill-20 ta’ Jannar 2009 l-Anness I tad-Direttiva 67/548 tħassar u ġie sostitwit bl-Anness VI, Parti 3, ta’ dan ir-regolament. It-Tabella 3.1 ta’ dan l-Anness VI turi l-klassifikazzjoni l-ġdida wara din il-bidla u t-Tabella 3.2 tirriproduċi l-klassifikazzjoni l-antika stabbilita skont id-Direttiva 67/548, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta’ April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva 67/548 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 448)

19      Meta daħal fis-seħħ ir-Regolament CLP, fl-20 ta’ Jannar 2009, dan l-Anness VI ma kienx jirrifletti għalhekk il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni inkorporati bid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletien APT fl-Anness I tad-Direttiva 67/548.

20      L-Artikolu 60 tar-Regolament CLP jipprovdi għat-tħassir tad-Direttiva 67/548 b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2015. Madankollu, l-Artikolu 61(3) tal-istess regolament jistabbilixxi, bħala dispożizzjoni tranżitorja, li, mill-1 ta’ Diċembru 2010 u sal-1 ta’ Ġunju 2015, is-sustanzi għandhom jiġu kklassifikati kemm skont id-Direttiva 67/548 kif ukoll skont ir-Regolament CLP.

21      Il-Punt 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kollha disponibbli li għandha effett fuq id-determinazzjoni tal-perikolu ta’ sustanza, bħalma huma r-riżultati ta’ testijiet in vitro, id-data rilevanti li tirriżulta mit-testijiet fuq l-annimali, l-informazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-approċ skont il-kategoriji (raggruppament, read across) jew anki l-mudelli ta’ relazzjoni struttura/attività, għandha tiġi kkunsidrata konġuntament.

22      L-Anness VII tar-Regolament CLP jinkludi tabella intiża sabiex tiffaċilita l-bidla tal-klassifikazzjoni stabbilita skont id-Direttiva 67/548 għall-klassifikazzjoni korrispondenti stabbilita skont ir-Regolament CLP.

23      Fuq il-bażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament CLP, l-Ewwel Regolament APT ipproċeda bit-trasferiment u bil-bidla tal-klassifikazzjonijiet stabbiliti bid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT lejn l-Anness VI, Parti 3, tar-Regolament CLP, b’mod li dawn ġew inklużi mingħajr emendi fit-Tabella 3.2 tal-Anness VI tar-Regolament CLP filwaqt li, fit-Tabella 3.1 tal-istess anness, dawn il-klassifikazzjonijiet sempliċiment inbidlu f’klassifikazzjonijiet imfassla abbażi tar-Regolament CLP, billi ntużat t-tabella ta’ konverżjoni li tinsab fl-Anness VII tar-Regolament CLP. L-Ewwel Regolament APT daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2009.

 Il-leġiżlazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll ta’ riskji ta’ sustanzi eżistenti - ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament REACH

24      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93, tat-23 ta’ Marzu 1993, dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 212), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 793/93”), ikkompleta s-sistema ta’ notifika tas-sustanzi ġodda previsti bid-Direttiva 67/548.

25      Din tħassret wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Ġunju 2008, tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

26      L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 793/93 jistabbilixxu l-obbligu għall-manifatturi u għall-importaturi li jibagħtu lill-Kummissjoni ċerta data rilevanti dwar is-sustanzi li għandhom jiġu evalwati skont il-kwantità importata jew prodotta u li jagħmlu l-isforzi kollha raġjonevoli biex jiksbu din id-data. Madankollu, fin-nuqqas ta’ informazzjoni, il-manifatturi u l-importaturi ma kinux marbuta li jwettqu testijiet addizzjonali fuq annimali sabiex jissottomettu din id-data.

27      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 793/93, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tal-istess regolament, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa mill-manifatturi u mill-importaturi, il-listi ta’ sustanzi ta’ prijorità li jeħtieġu attenzjoni immedjata minħabba l-effetti potenzjali tagħhom fuq il-bniedem jew l-ambjent kienu ġew adottati skont il-proċedura ta’ komitoloġija bi skrutinju.

28      Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 793/93, bit-titolu “Informazzjoni li għandha tkun fornuta dwar sustanzi li jidhru fil-listi ta’ prijorità”, il-manifatturi u l-importaturi kellhom l-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni kollha disponibbli u r-rapporti ta’ studju korrispondenti sabiex jiġu evalwati r-riskji tas-sustanzi kkonċernati kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, isiru t-testijiet meħtieġa sabiex tinkiseb id-data nieqsa. B’deroga għal din ir-regola, il-manifatturi u l-importaturi jistgħu jippreżentaw talba motivata, quddiem l-awtorità tal-Istat Membru nominata bħala relatur skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, sabiex jiġu eżentati minn parti jew mit-testijiet kollha addizzjonali, għaliex element ta’ informazzjoni partikolari ma kienx meħtieġ għall-evalwazzjoni tar-riskju, jew għaliex kien impossibli li dan l-element jinkiseb.

29      Mill-premessi tar-Regolament REACH jirriżulta li s-sistema attwali, immexxija mill-ECHA, hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll li ssaħħaħ il-kompetittività tas-settur tas-sustanzi kimiċi u l-innovazzjoni. Ir-Regolament REACH jobbliga lill-impriżi li jipproduċu u jimportaw sustanzi kimiċi sabiex jevalwaw il-perikoli u r-riskji li jirriżultaw mill-użu tagħhom u jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jamministraw kull riskju identifikat.

30      Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament REACH, l-informazzjoni pprovduta sabiex jiġu evalwati s-sustanzi kimiċi fir-rigward b’mod partikolari tas-tossiċità għall-ispeċi umana għandha tinkiseb, sa fejn possibbli, permezz ta’ mezzi li ma jinvolvux it-testijiet fuq annimali vertebrati, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ metodi alternattivi, bħal pereżempju l-metodi in vitro jew permezz tal-mudelli tar-relazzjoni struttura-attività kwalitattiva jew kwantitattiva jew permezz tal-użu ta’ informazzjoni dwar sustanzi li strutturalment huma qrib ta’ xulxin (raggruppament jew read across).

31      Il-Punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament REACH jistabbilixxi l-użu tal-metodu tar-read across fl-evalwazzjoni tas-sustanzi kimiċi. F’dan ir-rigward, hemm b’mod partikolari stabbilit li s-sustanzi li l-proprjetajiet fiżikokimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi tagħhom huma probabbilment simili jew isewgu xejra regolari minħabba s-similarità strutturali tagħhom jistgħu jitqiesu bħala grupp, jew “kategorija” ta’ sustanzi. L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ grupp jeżiġi li, b’mod partikolari, il-proprjetajiet fiżikokimiċi kif ukoll l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jistgħu jiġu mbassra fuq il-bażi tad-data marbuta ma’ sustanza jew sustanzi ta’ referenza li jifformaw parti mill-istess grupp, b’interpolazzjoni għal sustanzi oħra tal-grupp (il-metodu ta’ read across).

 Il-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet inkwistjoni

32      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2364/2000, tal-25 ta’ Ottubru 2000, rigward ir-raba’ lista ta’ sustanzi ta’ prijorità kif previst taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 233), il-Kummissjoni inkludiet fil-lista ta’ prijorità stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 793/93 l-karbonat tan-nikel pur u ħatret lir-Renju tad-Danimarka bħala l-Istat Membru responsabbli għall-evalwazzjoni tiegħu.

33      Dan l-Istat Membru ħatar lid-Danish Environmental Protection Agency (aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent Daniż, iktar ’il quddiem, id-“DEPA”) bħala l-awtorità responsabbli mir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ din is-sustanza kif ukoll ta’ erba’ sustanzi oħra b’bażi ta’ nikel (metall tan-nikel, sulfat tan-nikel, klorur tan-nikel u dinitrati tan-nikel).

34      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ DEPA, it-tliet manifatturi u importaturi tan-nikel marbuta jipprovdu d-data fuq dawn is-sustanzi (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji kkonċernati”), rappreżentati mill-kumpannija OMG Harjavalta, ressqu, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 793/93, fis-27 ta’ Mejju 2003, talba ta’ deroga mill-obbligu li jwettqu ċerti testijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ deroga”), billi qiesu li ma hemmx data tossikoloġika fuq il-bniedem fir-rigward tal-idrossikarbonat tan-nikel. Il-kumpanniji kkonċernati indikaw ukoll li, fin-nuqqas ta’ din id-data, il-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza, billi jintużaw il-klassifikazzjonijiet sekondarji għal komposti tan-nikel imħolla fl-ilma, kellha ssegwi x-xenarju l-iktar pessimist (“worst case scenario”).

35      Skont il-kumpanniji kkonċernati, l-idrossikarbonat tan-nikel kien l-uniku karbonat tan-nikel li għandu użu kummerċjali, peress li t-tliet karbonati tan-nikel l-oħra kienu użati biss fil-laboratorji.

36      Wara l-komunikazzjoni tad-DEPA tar-riżultati tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet, fis-16 ta’ April 2004 u skont id-Direttiva 67/548, proposta formali għall-klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikel lill-Uffiċċju Ewropew għas-Sustanzi Kimiċi kif ukoll lill-Kumitat Tekniku għall-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettjar tas-Sustanzi Perikolużu (iktar ’il quddiem is-“CTCE”).

37      Il-klassifikazzjonijiet proposti ġew ukoll diskussi minn grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni u dwar l-ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi li jinkludi esperti speċjalizzati fil-qasam tal-kanċeroġeniċità u tal-mutaġeniċità (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma KE”) matul il-laqgħa li saret fl-20 u fil-21 ta’ April 2004 (dokument ECBI/74/04 Rev. 2). Sussegwentement, il-proposta tad-DEPA ġiet diskussa wkoll mis-CTCE matul il-laqgħat tiegħu li saru mit-12 sal-14 ta’ Mejju 2004 (dokument ECBI/147/04 Rev. 3) kif ukoll mill-21 sal-24 ta’ Settembru 2004 (dokument ECBI/139/04 Rev. 2). Matul din l-aħħar laqgħa, is-CTCE qabel li jirrakkomanda l-proposta ta’ klassifikazzjoni dwar il-karbonati tan-nikel u li din il-proposta tiġi inkluża fl-abbozz ta’ proposta għat-Tletin Direttiva APT li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni.

38      Mill-minuti tal-laqgħa tal-20 u tal-21 ta’ April 2004 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-esperti kkunsidraw il-fatt li ċerta data kienet nieqsa, b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-karbonat tan-nikel u l-bijodisponibbiltà tagħha, jiġifieri l-parti ta’ din is-sustanza li tista’ tiġi assorbita u użata mill-metaboliżmu ta’ organiżmu ħaj. Madankollu, meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjoni finali, huma ddeċidew li ma kienx hemm għalfejn jistennew data eventwali u iktar approfondita fuq il-bijodisponibbiltà ta’ din is-sustanza, li kienet kieku teżiġi, b’mod partikolari, it-twettiq ta’ testijiet addizzjonali fuq l-annimali.

39      Fir-rigward, pereżempju tal-kanċeroġen potenzjali, l-esperti, fl-ewwel stadju u abbażi tad-data eżistenti, kienu essenzjalment ikkonkludew matul din il-laqgħa li jikklassifikaw lis-sulfat tan-nikel u lill-klorur tan-nikel bħala sustanzi kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1. Sussegwentement, billi applikaw il-metodu ta’ read across u billi kkunsidraw li l-grad ta’ solubbiltà fl-ilma (idrosolubbiltà) tad-dinitrati tan-nikel kien jixbah biżżejjed lil dak tas-sulfat tan-nikel u tal-klorur tan-nikel, l-esperti kkonkludew li din is-sustanza għandha titqiegħed fl-istess klassifikazzjoni.

40      L-esperti kkonkludew li l-karbonat tan-nikel jaqa’ wkoll taħt l-istess klassifikazzjoni għaliex, minkejja li din is-sustanza hija biss ftit idrosolubbli, hija hi madankollu solubbli fil-fluwidi bioloġiċi – bħas-sulfat tan-nikel. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li, fl-Anness I tad-Direttiva 67/548, diġà hemm komposti minerali inorganiċi tan-nikel insolubbli kklassifikati bħala kanċeroġeniċi għall-bniedem.

41      F’dan il-kuntest, l-użu tal-kriterju tal-grad ta’ idrosolubbiltà kien ibbażat fuq it-teorija li tipprovdi li, ladarba tinħall fl-ilma, farka tan-nikel, bħall-karbunat tan-nikel, ser ikollha l-istess karatteristiċi tossiċi bħall-frak tan-nikel ieħor li għandu grad ta’ idrosolubbiltà simili għaliex, meta tiddissolvi fl-ilma, l-atomi u l-joni tan-nikel, li l-proprjetajiet tossiċi tagħhom huma magħrufa, jinħallu mis-sustanzi l-oħra magħmula mill-farka tan-nikel iżda jżommu l-istess karatteristiċi.

42      Għaldaqstant, il-klassifikazzjonijiet tas-sustanzi b’bażi ta’ karbonat tan-nikel bħas-sustanzi kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1, mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u reprotossiċi ta’ kategorija 2 ġew sostnuti permezz tal-użu tal-metodu tar-read across ibbażat fuq il-kriterju tal-grad ta’ idrosolubbiltà u fuq id-data eżistenti f’dak li jirrigwarda s-sustanzi l-oħra simili b’bażi ta’ nikel.

43      Wara r-rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ ħidma KE u tas-CTCE, tas-16 ta’ Frar 2007, il-Kumitat għall-adattament għall-progress tekniku (iktar ’il quddiem il-“Kumitat APT), esprima opinjoni favorevoli dwar il-proposta għal Tletin Direttiva APT fl-intier tagħha (dokument JM/30ATP/09/2006).

44      Wara proċedura li saret fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fejn ċerti pajjiżi terzi produtturi tan-nikel opponew l-abbozz tal-proposta, il-Kummissjoni, peress li qieset li din il-proċedura ma kienet ipproduċiet l-ebda element ġdid, adottat sussegwentement it-Tletin Direttiva APT fil-21 ta’ Awwissu 2008. L-Istati Membri kellhom jittrasponuha fid-dritt nazzjonali tagħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2009.

45      Fir-rigward tal-idrossidi tan-nikel u ta’ ħafna sustanzi oħra miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT li pproċediet bil-klassifikazzjoni tagħhom.

46      F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-esperti speċjalizzati matul il-proċedura ta’ komitoloġija li wasslet għall-adozzjoni tat-Tletin Direttiva APT ikkonvinċew lid-DEPA sabiex tipproċedi bl-evalwazzjoni ta’ sensiela ta’ sustanzi oħra b’bażi ta’ nikel u li tressaq fl-2005 proposti addizzjonali għall-klassifikazzjoni ta’ dawn is-sustanzi. L-evalwazzjoni reġgħet saret permezz tal-metodu ta’ read across billi ġiet ibbażata fuq il-grad ta’ idrosolubbiltà ta’ dawn is-sustanzi u fuq id-data eżistenti f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tossiċi tal-joni tan-nikel liberi, minkejja li sa llum ma teżistix data oħra fuq il-bijodisponibbiltà tagħhom.

47      Wara diskussjonijiet li saru fi ħdan is-CTCE, dan irrakkomanda l-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi u, fid-19 ta’ Novembru 2008, il-Kumitat APT unanimament iddeċieda favur il-proposta, b’sitt astenzjonijiet. Il-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT ġiet adottata fil-15 ta’ Jannar 2009. L-istess bħal għat-Tletin Direttiva APT, l-Istati Membri kellhom jittrasponu l-Wieħed-u-Tletin Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2009.

48      L-Anness I tad-Direttiva 67/548 tħassar meta, fl-20 ta’ Jannar 2009, daħal fis-seħħ ir-Regolament CLP, u ġie sostitwit bl-Anness VI tiegħu, li f’dik id-data kien jinkludi biss il-klassifikazzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 67/548, kif emendata, fl-aħħar lok, bid-Direttiva2004/73.

49      Permezz tal-Ewwel Regolament APT, il-kontenut tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin ġie miżjud fl-Anness VI tar-Regolament CLP. Dan ġie adottat fl-10 ta’ Awwissu 2009 fuq il-bażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament CLP wara proposta favorevoli, li ġiet unanimament adottata fil-25 ta’ Marzu 2009 mill-Kumitat APT, u daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2009. Il-proposta favorevoli ta’ dan il-kumitat kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-konklużjonijiet ta’ grupp ta’ ħidma tas-27 espert li ltaqgħu mis-17 sal-24 ta’ Marzu 2009 fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali ta’ Riċerka fuq il-Kanċer (AIRK) li kien qabel mal-klassifikazzjoni tad-derivati tan-nikel bħala sustanzi kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1.

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

50      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Nickel Institute, hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tirrappreżenta l-interessi ta’ 29 kumpannija li, flimkien, ikopru 90 % tal-produzzjoni annwali dinji tan-nikel.

51      Il-konvenut fil-kawża prinċipali, is-Secretary of State for Work and Pensions, huwa l-ministeru responsabbli għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi fir-Renju Unit.

52      Nickel Institute ppreżentat quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), fit-2 ta’ Diċembru 2008 u fid-9 ta’ April 2009, żewġ rikorsi kontra s-Secretary of State for Work and Pensions intiżi li jistħarrġu l-legalità “tal-intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jimplementa l-klassifikazzjonijiet magħmula mid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT kif ukoll mill-Ewwel Regolament APT.

53      Minn naħa, Nickel Institute tikkontesta l-validità tal-klassifikazzjoni li l-Ewwel Regolament APT jagħmel tal-erba’ sustanzi b’bażi ta’ karbonati tan-nikel li inizjalment ġew ikklassifikati taħt l-entrata 028-010-00-0 tal-Anness 1F tat-Tletin Direttiva APT. Min-naħa l-oħra, Nickel Institute tikkontesta l-validità tal-klassifikazzjoni li l-Ewwel Regolament APT jagħmel tal-idrossidi tan-nikel li ġew inizjalment ikklassifikati taħt l-entrata 028-008-00-X tal-Anness 1A tal-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT kif ukoll il-klassifikazzjoni magħmula minn dan ir-regolament ta’ iktar minn mitt sustanza oħra fi gruppi b’bażi ta’ nikel, inizjalment ikklassifikati taħt l-entrati 028-013-00-7 sa 028-052-002 tal-Anness 1B ta’ din il-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“klassifikazzjonijiet inkwistjoni”).

54      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1) [It-tletin Direttiva APT] u/jew l-[Ewwel Regolament APT] huma invalidi, sa fejn huma intiżi sabiex jikklassifikaw jew jirriklassifikaw il-karbonati tan-nikel skont l-effetti rilevanti, peress li:

a)      il-klassifikazzjonijiet saru mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikel skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva [67/548];

b)      ma kienx hemm kunsiderazzjoni xierqa dwar jekk il-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikel jistgħux jippreżentaw riskju waqt immaniġġjar u użu normali, kif meħtieġ mit-Taqsimiet 1.1 u 1.4 tal-Anness VI għad-Direttiva [67/548];

ċ)      ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 28 tad-Direttiva [67/548];

d)      il-klassifikazzjonijiet kienu bbażati illegalment fuq dikjarazzjoni ta’ deroga mħejjija sabiex evalwazzjoni ta’ riskju setgħet issir minn awtorità kompetenti skont ir-Regolament [Nru 793/93]; u/jew

e)      ma ngħatawx ir-raġunijiet għall-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 253 KE?

2)      Il-[wieħed-u-tletin Direttiva APT] u/jew l-Ewwel Regolament APT huma invalidi, sa fejn huma intiżi sabiex jikklassifikaw jew jirriklassifikaw l-idrossidi tan-nikel u sustanzi tan-nikel fi gruppi […] għall-għanijiet diġà invokati, peress li:

a)      il-klassifikazzjonijiet saru mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tan-nikel ikkontestati skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva [67/548], imma pjuttost abbażi ta’ ċerti metodi ta’ referenzi kollettivi;

b)      ma kienx hemm kunsiderazzjoni xierqa dwar jekk il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tan-nikel ikkontestati jistgħux jippreżentaw riskju waqt immaniġġjar u użu normali, kif meħtieġ mit-Taqsimiet 1.1 u 1.4 tal-Anness VI għad-Direttiva [67/548]; u/jew

ċ)       ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 28 tad-Direttiva [67/548]?

3)      L-Ewwel Regolament APT huwa invalidu, sa fejn jikkonċerna l-karbonati tan-nikel u s-sustanzi tan-nikel ikkontestati, peress li:

a)      ma ġewx stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura fl-Artikolu 53 tar-Regolament […] Nru 1272/2008; u/jew

b)      il-klassifikazzjonijiet għat-Tabella 3.1 tal-Anness VI għar-Regolament CLP ġew stabbiliti mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet tal-karbonati tan-nikil u tas-sustanzi b’bażi ta’ nikil ikkontestati skont il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ data stabbilita fl-Anness I tar-regolament CLP, imma pjuttost skont l-Anness VII tar-regolament CLP?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domandi

55      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-ewwel żewġ domandi preliminari jiġu ddikjarati inammissibbli inkwantu jirrigwardaw il-validità tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT li tħassru meta r-Regolament CLP daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2009. Madankollu, matul is-seduta, hija rtirat din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għaliex qieset li, fi kwalunkwe każ, il-klassifikazzjonijiet introdotti fl-Anness VI tar-Regolament CLP, permezz tal-Ewwel Regolament APT, sempliċiment jirriproduċu l-klassifikazzjonijiet diġà magħmula fid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi mressqa minn diversi kumitati ta’ esperti fil-kuntest tad-Direttiva 67/548.

56      Ladarba ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjem motivi oħra ta’ inammissibbiltà, hija għandha tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

57      Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT humiex validi sa fejn dawn jinkludu fl-Anness I tad-Direttiva 67/548 l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni u, konsegwentement, jekk l-Ewwel Regolament APT huwiex ukoll validu inkwantu jinkludi fir-Regolament CLP l-istess klassifikazzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT.

58      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod iktar preċiż, l-ewwel nett, jekk il-metodi magħżula mill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b’dawn il-klassifikazzjonijiet, b’mod partikolari l-użu tal-metodu tar-read across, in-nuqqas ta’ eżami tar-riskji marbuta mal-immaniġġjar jew mal-użu normali tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll l-użu tad-dikjarazzjoni ta’ deroga, humiex konformi mal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni xierqa tal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-bażi legali magħżula għall-adozzjoni taż-żewġ direttivi inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548, kinitx adegwata sabiex tilħaq dan l-għan. It-tielet nett, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza eventwali ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 253 KE, li jista’ jivvizzja l-validità tat-Tletin Direttiva APT.

 Osservazzjonijiet preliminari

59      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-kuntest tekniku u ġuridiku kumpless, li huwa ta’ natura essenzjalment evoluttiva, id-Direttiva 67/548 tagħti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-mertu setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-portata tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex l-annessi ta’ din id-direttiva jiġu adattati għall-progress tekniku [sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 46].

60      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat KE ta dan il-kompitu [sentenza Enviro Tech (Europe), iċċitata iktar ’il fuq, punt 47].

 Fuq l-applikazzjoni tal-metodu ta’ read across fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali

61      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni eċċedietx s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi applikat il-metodu ta’ read across minflok ma evalwat, bl-għajnuna tal-kriterji u tar-rekwiżiti fil-qasam tad-data prevista fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548, il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62      Nickel Institute prinċipalment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħalma huwa impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 67/548 u fil-Punt 1.1 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva. Hija tikkritikaha wkoll talli applikat il-metodu tar-read across għall-klassifikazzjoni ta’ dawn is-sustanzi minkejja li kien hemm nuqqas ta’ data dwar dawn tal-aħħar.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-metodu tar-read across huwa wieħed mill-modalitajiet ta’ evalwazzjoni validi stabbiliti fil-Punt 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP. Dan huwa wkoll spjegat fil-Punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament REACH bħala metodu li permezz tiegħu l-proprjetajiet ta’ ċerti sustanzi jistgħu jiġu mbassra abbażi tad-data eżistenti marbuta ma’ sustanzi ta’ referenza oħra li għandhom struttura simili għal tal-ewwel. Dan jippermetti li jiġi evitat li kull sustanza tiġi ttestjata għal kull effett u jista’, għalhekk, jintuża fil-każ ta’ nuqqas ta’ data dwar is-sustanzi sottomessi għall-evalwazzjoni tar-riskji.

64      Għalkemm dan il-metodu huwa previst b’mod ċar fil-kuntest tar-Regolament REACH u fil-kuntest tar-Regolament CLP, huwa ma jissemmiex bħala tali fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548.

65      Il-lista tas-sorsi li minnha tista’ titnissel id-data meħtieġa għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tinsab fil-Punt 1.6.1(b) tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 hija biss, kif jirriżulta mill-espressjoni “bħala eżempju”, illustrattiva.

66      L-imsemmi Punt 1.6.1(b) jistabbilixxi, madankollu, il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tas-sustanzi kimiċi, ir-riżultati tar-relazzjonijiet struttura/attività vvalidati u l-opinjonijiet tal-esperti.

67      L-evalwazzjoni tas-sustanzi bbażati fuq ir-relazzjonijiet struttura/attività tifforma barra minn hekk parti, bħall-metodu tar-read across, mill-modalitajiet ta’ evalwazzjoni bbażata fuq l-approċċ skont il-kategoriji u tirrappreżenta proċess ta’ tbassir tal-attività ta’ sustanza mfassal fuq evalwazzjoni kwantitattiva tal-istruttura molekulari tagħha li tixbah lil dik ta’ sustanzi oħra jew ta’ grupp ieħor ta’ sustanza li l-effetti tiegħu huma magħrufa.

68      L-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jirreferi espressament għad-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE, tal-24 ta’ Novembru 1986, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għall-għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 292), li fil-kuntest tiegħu l-metodu tar-read across u l-metodu bbażat fuq ir-relazzjoni struttura/attività huma mħeġġa.

69      Barra minn hekk, fl-2007, iċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni ppubblika studju estensiv dwar l-użu tar-read across fil-kuntest tad-Direttiva 67/548 (“A Compendium of Case Studies that helped to shape the REACH Guidance on Chemical Categories and Read across”). Fost l-eżempji analizzati minn dan l-istudju, hemm ukoll il-klassifikazzjonijiet tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

70      Għalhekk, minkejja li huwa minnu li l-metodu bbażat fuq ir-relazzjoni struttura/attività, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, jippreżenta ċertu differenzi meta mqabbel mal-metodu tar-read across, xorta jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ metodi ma għandhomx jitqiesu bħala awtonomi peress li t-tnejn li huma huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ extrapolazzjoni ta’ data eżistenti dwar ċerti sustanzi meħtieġa sabiex jiġu evalwati u kklassifikati sustanzi oħra li għandhom struttura simili u li dwarhom hemm ftit jew xejn data.

71      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT, il-metodu tar-read across, bħala metodu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi magħrufa sew mill-komunità xjentifika, ġie użat bosta drabi matul il-klassifikazzjoni tas-sustanzi fil-kuntest tal-Anness I tad-Direttiva 67/548, jekk xejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kummissjoni 91/632/KEE, tat-28 ta’ Ottubru 1991, li tadatta għal progress tekniku għal ħmistax-il darba d-Direttiva 67/548 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 11).

72      Fir-rigward tal-argumenti xjentifiċi li jsostnu l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni, mill-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma KE, tas-CTCE u tal-Kumitat APT jirriżulta li, minkejja li l-esperti qablu fuq il-fatt li ma tantx kienet teżisti data dwar, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tossiċi tas-sustanzi b’bażi tan-nikel inkwistjoni fil-kawża preżenti, il-bijodisponibbiltà tagħhom ġiet evalwata prinċipalment abbażi tal-grad tal-idrosolubbiltà, billi jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tossiċi magħrufa ta’ ijoni tan-nikel li jsawru dawn is-sustanzi. Il-klassifikazzjoni attwali tas-sustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet deċiża, għalhekk, fuq il-bażi tad-data magħrufa għas-sustanzi l-oħra b’bażi ta’ nikel li għandhom struttura u grad ta’ idrosolubbiltà simili.

73      Dawn il-konklużjonijiet ġew sostnuti wkoll mill-minuti tal-laqgħa tal-4 ta’ Mejju 2006 tal-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Sanitarji u Ambjentali (SCHER) tal-Kummissjoni.

74      Barra minn hekk, ir-Regolament REACH jirrikonoxxi, fl-Artikolu 13 tiegħu, l-importanza tal-użu tal-metodi alternattivi, bħalma huwa l-metodu tar-read across, sabiex tiġi evalwata t-tossiċità għall-bniedem tas-sustanzi kimiċi permezz ta’ mezzi oħra li ma huwiex l-ittestjar fuq l-annimali vertibrali.

75      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tal-metodu tar-read across u l-evalwazzjoni li kkonċernat il-proprjetajiet fiżiko-kimiċi tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu r-riżultat ta’ konsensus li bosta esperti li jifformaw parti minn diversi kumitati xjentifiċi, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-industrija kkonċernata, waslu għalih wara proċess li dam għaddej għal ħafna snin.

76      Sussidjarjament, Nickel Institute ssostni li, anki jekk l-użu ta’ dan il-metodu huwa bħala regola ammissibbli, il-mod ta’ kif ġie applikat f’din il-kawża huwa manifestament difettuż għaliex, fost l-oħrajn, il-kriterju tal-idrosolubbiltà ma jistax waħdu jkun il-bażi għall-klassifikazzjonijiet inkwistjoni, il-prova tal-ipoteżi xjentifika fundamentali li tipprovdi li l-ijoni tan-nikel hija responsabbli għall-effetti bioloġiċi li għandhom jiġu evalwati ma ġietx prodotta u, b’mod ġenerali, il-fatt li ċerti evalwazzjonijiet jirriżultaw mill-“opinjonijiet tal-esperti” ma jikkostitwixxix risposta rilevanti.

77      Madankollu, fid-dawl tal-portata tal-kontroll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel f’dan il-qasam, skont kif intqal fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, dan l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jippermettix waħdu li l-Kummissjoni titqies, fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati wara li diversi kumitajiet xjentifiċi temmew xogħolhom, li marret manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi bbażat ruħha, sabiex tadotta l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni, fuq l-opinjoni tal-esperti li rrikorrew, b’mod partikolari, għall-metodu tar-read across sabiex jevalwaw il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi tan-nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-evalwazzjoni tar-riskji matul immaniġġjar jew użu normali tas-sustanzi

78      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-validità tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT kif ukoll tal-Ewwel Regolament APT hijiex affettwata mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li tlieta mill-erbgħa karbonati tan-nikel la kienu mmaniġġjati u lanqas użati lil hinn mil-laboratorji u li sustanzi oħra b’bażi ta’ nikel ma kinux ġew użati għal skopijiet industrijali. Barra minn hekk, matul l-evalwazzjoni, ir-riskji assoċjati mal-immaniġġjar jew mal-użu normali tas-sustanzi b’bażi tan-nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux ġew ikkunsidrati.

79      F’dan ir-rigward, minkejja li la d-Direttiva 67/548 u lanqas ir-Regolament CLP jew ir-Regolament REACH ma jipprovdu definizzjoni ta’ “maniġġjar jew użu normali”, għandu jiġi aċċettat, kif sostniet il-Kummissjoni, li dan il-kunċett jiġbor fih l-immaniġġjar u l-użu kollu li jistgħu jsiru f’ċirkustanzi normali, li jinkludi, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-inċidenti reali u previdibbli.

80      Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kritika mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment tistrieħ fuq konfużjoni bejn l-evalwazzjoni tal-perikoli u l-evalwazzjoni tar-riskji li sustanza tippreżenta.

81      Fil-fatt, kif b’mod partikolari jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 67/548, moqri flimkien mal-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 93/67, il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi stabbiliti bid-Direttiva 67/548 huma bbażati fuq it-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi. L-evalwazzjoni tal-perikoli tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji, li jirrappreżenta kunċett iktar speċifiku. Barra minn hekk, kemm ir-Regolament CLP kif ukoll ir-Regolament REACH żammew din id-distinzjoni bejn il-perikoli u r-riskji.

82      Barra minn hekk, evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi ma għandhiex tkun ristretta għal kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ użu speċifiku, bħal fil-każ ta’ evalwazzjoni tar-riskji, u tista’ titwettaq b’mod validu irrispettivament mill-post tal-użu tas-sustanza (laboratorju jew f’post ieħor), mill-mezz li bih jista’ jitwettaq il-kuntatt mas-sustanza u mil-livelli eventwali ta’ espożizzjoni għas-sustanza.

83      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest ta’ klassifikazzjoni valida tas-sustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażata fuq evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidra l-fatt li ċerti karbonati tan-nikel kienu mmaniġġjati jew użati biss f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju.

 Fuq l-użu ta’ dikjarazzjoni ta’ deroga

84      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq d-dikjarazzjoni ta’ deroga maħruġa taħt ir-Regolament Nru 793/93 għall-finijiet tal-klassifikazzjonijiet inkwistjoni hijiex ta’ natura li taffettwa l-validità tat-Tletin Direttiva APT u dik tal-Ewwel Regolament ATP.

85      F’dan ir-rigward, Nickel Institute ssostni li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha meta bbażat, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 793/93, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati fuq it-talba ta’ deroga ppreżentata f’Mejju 2003 mill-DEPA f’isem diversi kumpanniji produttriċi tan-nikel, għaliex billi għamlet hekk hija injorat il-kriterji ta’ klassifikazzjoni stabbilita fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548.

86      Issa, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha ta’ klassifikazzjoni fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga. Kif ġie kkonstatat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni saru fil-kuntest tal-proċedura ta’ komitoloġija fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ numru kbir ta’ esperti li vvalidaw l-użu tal-metodu ta’ read across u li deliberament irrinunċjaw li jistennew li jsiru t-testijiet fuq l-annimali, peress li qiesu li l-indikazzjonijiet fuq il-bijodisponibbiltà tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali mnissla mill-grad ta’ idrosolubbiltà tagħhom u mid-data eżistenti dwar is-sustanzi b’bażi ta’ nikel li għandhom struttura simili kienu biżżejjed sabiex jipproċedu bl-imsemmija klassifikazzjonijiet. Barra minn hekk, l-imsemmija klassifikazzjonijiet ikkontestati saru fuq bażi xjentifika, irrispettivament mit-talba għal eżenzjoni mit-testijiet addizzjonali mressqa mill-industrija kkonċernata

87      Min-naħa l-oħra, mill-Punt 4.1.3.1.2.6 fuq il-mutaġeniċità u mill-Punt 4.1.2.7.2.1 fuq il-kanċeroġeniċità tar-Rapport dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskji ppreżentat mid-DEPA f’Marzu 2008 jirriżulta b’mod ċert li, matul il-laqgħa li saret f’April 2004, billi kkunsidraw it-talba ta’ deroga mressqa mis-settur, l-esperti qablu li l-karbonat tan-nikel għandu jiġi kklassifikat bħal mutaġeniku ta’ kategorija 3 u kanċeroġeniku ta’ kategorija 1.

88      Madankollu, din id-dikjarazzjoni ta’ deroga ma baqgħetx tissemma, b’mod partikolari, fil-minuti qosra tal-laqgħa ta’ esperti tekniċi fil-kuntest tal-Kumitat APT tad-29 ta’ Settembru 2008 (dokument SB/31ATP/08/2008) jew fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Wieħed-u-Tletin Direttiva APT li jikkunsidraw il-proposta tad-DEPA li jintuża l-approċċ skont il-kategorija u b’mod partikolari l-metodu ta’ read across għall-evalwazzjoni tal-karbonati tan-nikel li fuqhom ftit li xejn hemm data disponibbli.

89      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jipprovdi li l-Kummissjoni manifestament marret lil hinn mis-setgħat diskrezzjonali tagħha billi bbażat il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni biss fuq it-talba għal deroga għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-għażla tal-bażi legali għad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT

90      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk l-għażla tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548 bħala l-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT kinitx adegwata.

91      F’dan ir-rigward, Nickel Institute ssostni li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548 ma kinux ġew sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjonijiet ikkontestati għaliex il-progress tekniku jew xjentifiku kien insuffiċjenti sabiex jiġġustifika l-adattament.

92      Madankollu, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħat tal-esperti, li jifformaw parti mill-proċess twil ta’ konsultazzjonijiet li saru matul il-perijodu li jkopri s-snin 2000 sal-2008, meta ġew adottati d-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT kienu saru diversi evalwazzjonijiet esperti u studji sabiex iwasslu għall-aħħar adattament tad-Direttiva 67/548.

93      Issa, fid-dawl tal-portata tal-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel f’dan il-qasam u skont dak li ntqal fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati fi tmiem dawn l-evalwazzjonijiet esperti u studji, manifestament marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta qieset li, f’dan l-istadju ta’ għarfien xjentifiku, hemm progress tekniku xjentifiku suffiċjenti biex jiġġustifika adattament fid-Direttiva 67/548.

94      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548 seta’ validament jikkostitwixxi bażi legali sabiex jiġu adottati d-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-Tletin Direttiva APT

95      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-Tletin Direttiva APT hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 253 KE.

96      Nickel Institute tqis, min-naħa tagħha, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha ta’ motivazzjoni imposti bl-Artikolu 253 KE sa fejn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet inkwistjoni ma jidhrux fl-att adottat minnha, u għaliex il-minuti tal-laqgħat tal-esperti ppubblikati sussegwentement ma kinux f’dan ir-rigward biżżejjed.

97      F’dan il-kuntest, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi inkluża fl-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, li din għandha tiġi adottata mill-awtur stess tal-att (ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑378/00, Ġabra p. I‑937, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li l-grad ta’ motivazzjoni meħtieġa jista’ jvarja.

98      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il‑kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u li, fir-rigward ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ippreċiżat li jkun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l-att ikkontestat jirrifletti l-qofol tal-għan segwit mill-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, I‑0000, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-proċedura tal-abbozzar ta’ att jista’ jnaqqas ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni peress li huma jiksbu informazzjoni permezz tal-kontribuzzjoni tagħhom.

101    L-att ikkontestat jidher li jissodisfa dawn ir-regoli.

102    Barra minn hekk, it-Tletin Direttiva APT hija att ta’ portata ġenerali fejn il-premessi tagħha jistabbilixxu li l-miżuri previsti b’din id-direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat APT u jiddikjaraw li l-lista tas-sustanzi relatati għandha tiġi aġġornata sabiex jiġu inklużi s-sustanzi ġodda nnotifikati u sustanzi oħra eżistenti, kif ukoll sabiex jiġu adattati l-entrati eżistenti għall-progress tekniku. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari previst li d-diskussjonijiet mibdija fl-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) fuq il-klassifikazzjoni tad-derivi tan-nikel jingħataw attenzjoni partikolari.

103    Sussegwentement, huwa paċifiku li t-Tletin Direttiva APT tidħol f’kuntest tekniku u ġuridiku kumpless, ta’ natura essenzjalment evoluttiva li trendi diffiċli motivazzjoni dettaljata u individwali tal-klassifikazzjoni mwettqa, b’mod li l-motivazzjoni li tinsab f’din id-direttiva hija suffiċjenti meta tiġi kkunsidrata n-natura ta’ dan l-att.

104    Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li r-rappreżentanti tal-industrija kkonċernata kienu ġew assoċjati mal-proċess tal-abbozzar tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-ħsieb xjentifiku u d-data li kienet iġġustifikat il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni kienu jinsabu f’diversi dokumenti u minuti tal-laqgħat tal-esperti li kienu ġew ikkomunikati lill-pubbliku qabel ma ġiet adottata t-Tletin Direttiva APT.

105    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li f’dan il-kuntest t-Tletin Direttiva APT ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni li jikser l-Artikolu 253 KE.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami tal-ewwel żewġ domandi ma rriżulta l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT u, konsegwentement, dik tal-Ewwel Regolament APT, inkwantu dawn ikklassifikaw bħala kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1, mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u reprotossiċi ta’ kategorija 2 is-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tielet domanda

107    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Ewwel Regolament APT li jinkorpora fl-Anness VI, Parti 3, Tabella 3.1 u 3.2 tar-Regolament CLP l-emendi introdotti fl-Anness I tad-Direttiva 67/548 permezz tad-Direttivi Tletin u Wieħed-u-Tletin APT.

108    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, minn naħa, jekk l-għażla tal-bażi ġuridika tal-Ewwel Regolament APT hijiex valida u, min-naħa l-oħra, jekk il-klassifikazzjonijiet li jinsabu fit-Tabella 3.1 tal-Anness VI, Parti 3 tar-Regolament CLP humiex legali.

 Fuq l-għażla tal-bażi legali tal-Ewwel Regolament APT

109    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-validità tal-Ewwel Regolament APT hijiex affettwata mill-fatt li l-Kummissjoni, sabiex tadotta dan ir-regolament, irrikorriet għall-Artikolu 53 tar-Regolament CLP pjuttost milli għall-Artikolu 37 tal-istess regolament bħala bażi legali.

110    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkritika lill-Kummissjoni talli użat il-proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku stabbilit fl-Artikolu 53 tar-Regolament CLP, inkwantu din għażlet metodu kważi awtomatiku ta’ adattament għall-progress tekniku tal-imsemmi regolament mingħajr ma applikat il-proċedura ta’ evalwazzjoni kumplessa u dettaljata tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali stabbilita fl-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament.

111    Fir-rigward ta’ din l-ewwel kritika, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 37 jagħmel parti mit-Titolu V, Kapitolu I, ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Proċedura għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi”

112    L-użu tal-kelma “proċedura” f’dan il-kuntest jindika li l-proċedura stabbilita fl-imsemmi Artikolu 37 għandha tiġi użata biss waqt l-adozzjoni ta’ klassifikazzjonijiet ġodda. Min-naħa l-oħra, skont il-proċedura tal-Artikolu 53 tar-Regolament CLP, “il-Kummissjoni tista’ taġġusta u tadatta [...] l-Annessi I sa VII għall-progress tekniku u xjentifiku”.

113    Issa, f’din il-kawża, l-Ewwel Regolament APT sempliċiment jinkorpora fir-Regolament CLP il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni diġà adottati fuq il-bażi tal-kriterji u prinċipji stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 67/548.

114    Isegwi li l-Artikolu 53 tar-Regolament CLP seta’ leġittimament jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-Ewwel Regolament APT.

 Fuq il-legalità tal-klassifikazzjonijiet li jinsabu fit-Tabella 3.1 tal-Anness 3, Parti 3 tar-Regolament CLP

115    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, meta ġew adottati l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni fit-Tabella 3.1 tal-Anness VI, Parti 3 tar-Regolament CLP, il-Kummissjoni wettqietx żball billi użat it-tabella ta’ konverżjoni stabbilita fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament pjuttost milli kkunsidrat il-kriterji tal-Anness I tal-imsemmi regolament.

116    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni kellha terġa’ tuża l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament CLP.

117    Kif intqal fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, repetizzjoni ta’ dan il-proċess ta’ evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa fid-dawl tal-fatt li l-Ewwel Regolament APT sempliċiment jinkorpora fir-Regolament CLP l-istess klassifikazzjonijiet bħal dawk li kienu bbenefikaw mill-proċedura kumplessa ta’ evalwazzjoni applikabbli fil-kuntest tad-Direttiva 67/548.

118    Fir-rigward tat-tabella ta’ konverżjoni tal-Anness VII tar-Regolament CLP, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(3) ta’ dan ir-regolament, is-sustanzi kollha għandhom jiġu kklassifikati kemm fis-sistema l-antika kif ukoll fis-sistema l-ġdida sal-1 ta’ Ġunju 2015. Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjonijiet kollha stabbiliti skont id-Direttiva 67/548 għandhom jiġu kkonvertiti, bl-għajnuna tat-tabella ta’ konverżjoni li tinsab fl-imsemmi Anness VII, fil-klassifikazzjonijiet korrispondenti li jirriżultaw mir-Regolament CLP.

119    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeċiedi li tinkorpora l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni fit-Tabella 3.1 tal-Anness VI, Parti 3 tar-Regolament CLP bl-għajnuna ta’ tabella ta’ konverżjoni li tinsab fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami tat-tielet domanda ma jirriżulta l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Ewwel Regolament APT inkwantu dan ir-regolament jikklassifika bħala kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1, mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u reprotossiċi ta’ kategorija 2 is-sustanzi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

121    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Mill-eżami tad-domandi preliminari jirriżulta li ma hemm l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità minn naħa, tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li tipprovdi t-tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE, tal-15 ta’ Jannar 2009, li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, inkwantu dawn id-direttivi u dan ir-regolament ikklassifikaw bħala kanċeroġeniċi għall-bniedem, ta’ kategorija 1, mutaġeniċi ta’ kategorija 3 u reprotossiċi ta’ kategorija 2 is-sustanzi bħalma huma ċerti karbonati tan-nikel, l-idrossidi tan-nikel u sustanzi oħra miġbura fi gruppi b’bażi ta’ nikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top