EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CA0589

Kawża C-589/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas- 16 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (il-Polonja) — Janina Wencel vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku ( “Artikolu 45 TFUE — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 10 — Benefiċċji tax-xjuħija — Residenza abitwali f’żewġ Stati Membri differenti — Benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti f’wieħed minn dawn l-Istati u ta’ pensjoni tal-irtirar fl-ieħor — Tħassir ta’ wieħed minn dawn il-benefiċċji — Irkupru ta’ benefiċċji allegatament indebiti” )

ĠU C 225, 3.8.2013, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (il-Polonja) — Janina Wencel vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku

(Kawża C-589/10) (1)

(Artikolu 45 TFUE - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 10 - Benefiċċji tax-xjuħija - Residenza abitwali f’żewġ Stati Membri differenti - Benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti f’wieħed minn dawn l-Istati u ta’ pensjoni tal-irtirar fl-ieħor - Tħassir ta’ wieħed minn dawn il-benefiċċji - Irkupru ta’ benefiċċji allegatament indebiti)

2013/C 225/05

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Janina Wencel

Konvenuta: Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych — Interpretazzjoni tal-Artikoli 20(2) u 21 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 0 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurta soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) — Benefiċċju tax-xjuħija — Tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza — Projbizzjoni li benefiċċju jitneħħa minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak fejn l-istituzzjoni debitriċi hija stabbilita — Ċittadin tal-Unjoni li rresjeda f’żewġ Stati Membri fl-istess ħin, mingħajr ma għażel post wieħed tal-għajxien tiegħu, u li jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti fi Stat wieħed u minn pensjoni tax-xjuħija fl-Istat l-ieħor — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, f’każ bħal dan, l-eżami mill-ġdid tad-dritt għall-pensjoni u r-rimbors tal-pensjoni mħallsa matul l-aħħar tliet snin

Dispożittiv

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal 14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat fl-aħħar nett bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, persuna ma jistax ikollha, fl-istess ħin, żewġ postijiet ta’ residenza abitwali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri differenti.

Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar partikolari tal-Artikoli 12(2) u 46a tiegħu, istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ma tistax validament, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tneħħi b’mod retroattiv id-dritt għal pensjoni tal-irtirar tal-benefiċjarju u teżiġi r-rimbors ta’ pensjonijiet allegatament imħallsa b’mod indebitu minħabba li dan jieħu pensjoni tas-superstiti fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu huwa kellu wkoll residenza. Madankollu, l-ammont ta’ din il-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru jista’ jitnaqqas fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola nazzjonali kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji.

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li tordna t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji, sakemm din ma twassalx, fir-rigward tal-benefiċjarju ta’ dawn il-benefiċċji, għal sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla ma’ dik li fiha tkun tinsab persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma jkollha l-ebda element transkonfinali u, fejn l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ tiġi kkonstatata, din tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonali għall-għan leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.


(1)  ĠU C 89, 19.3.2011.


Top