EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0250

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Novembru 2010.
Vasil Ivanov Georgiev vs Tehnicheski universitet - Sofia, filial Plovdiv.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Rayonen sad Plovdiv - il-Bulgarija.
Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 6(1) - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Professuri universitarji - Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat lil hinn minn 65 sena - Irtirar obbligatorju mat-68 sena - Ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età.
Każijiet Magħquda C-250/09 u C-268/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11869

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:699

Kawżi magħquda C-250/09 u C-268/09

Vasil Ivanov Georgiev

vs

Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Plovdiv)

“Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 6(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Professuri universitarji — Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat lil hinn minn 65 sena — Irtirar obbligatorju mat-68 sena — Ġustifikazzjoni għal trattament differenti bbażat fuq l-età”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Professuri universitarji

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))

Id‑Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol, b’mod partikolari, l‑Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju ta’ professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena u li dawn tal‑aħħar ikomplu bl‑attività tagħhom lil hinn minn 65 sena biss permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn, sakemm din il‑leġiżlazzjoni jkollha għan leġittimu marbut, b’mod partikolari, mal‑politika tal‑impjieg u tas‑suq tax‑xogħol, bħalma huwa t‑twaqqif ta’ tagħlim ta’ kwalità u l‑aħjar tqassim tal‑postijiet ta’ professuri bejn il‑ġenerazzjonijiet, u tippermetti li dan l‑għan jintlaħaq b’mezzi xierqa u neċessarji. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

Fir‑rigward ta’ kawża bejn korp pubbliku u individwu, fil‑każ fejn il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ma tissodisfax ir‑rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din il‑leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 68, 73 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

18 ta’ Novembru 2010 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 6(1) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Professuri universitarji – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat lil hinn minn 65 sena – Irtirar obbligatorju mat-68 sena – Ġustifikazzjoni għal trattament differenti bbażat fuq l-età”

Fil‑Kawżi magħquda C‑250/09 u C‑268/09,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mir‑Rayonen sad Plovdiv (qorti tal‑prim’istanza tal‑Bulgarija), permezz tad‑deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Ġunju 2009, li waslu fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑6 u fl‑10 ta’ Lulju 2009, rispettivament, fil‑proċeduri

Vasil Ivanov Georgiev

vs

Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal V. I. Georgiev, minn K. Boncheva u G. Chernicherska, avukati,

–        għal Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv, minn K. Iliev, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u N. Nikolova, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol  (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Dawn id‑domandi ġew magħmula fil‑kuntest ta’ kawżi bejn V. I. Georgiev u t‑Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv (Università Teknika ta’ Sofia – fergħa ta’ Plovdiv, iktar ’il quddiem, l‑“Università”) dwar, minn naħa, l‑impjieg permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat li kien ilu jokkupa minn meta għalaq il‑65 sena u, min‑naħa l‑oħra, l‑irtirar obbligatorju tiegħu mat‑68 sena.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt tal‑Unjoni

 Id‑Direttiva 2000/78

3        Il‑premessa 25 tad‑Direttiva 2000/78 tipprovdi li:

“Il‑projbizzjoni tad‑diskriminazzjoni marbuta ma’ l‑età hija element essenzjali biex jintlaħqu l‑miri stabbiliti fil‑Linji Gwida ta’ l‑Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d‑diversità fl‑impjieg. Madankollu, id‑differenzi fit‑trattament marbuta ma’ l‑età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is‑sitwazzjoni fl‑Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id‑differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas‑suq tax‑xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4        Skont l‑Artikolu 1 tagħha, “[l]‑iskop ta’ din id‑Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l‑impjieg u x‑xogħol, bi skop li timplimenta fl‑Istati Membri il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament”.

5        L‑Artikolu 2(1) u 2(a) tal‑istess direttiva jipprovdi li:

“1.      Għall‑iskop ta’ din id‑Direttiva, ‘il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall‑ebda raġuni msemmija fl‑Artikolu 1.

2.      Għall‑iskopijiet tal‑paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar‑raġunijiet imsemmija fl‑Artikolu 1”.

6        L‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/78 intitolat “Il‑kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fl‑Artikolu 3(1)(ċ):

“Fil‑limiti tal‑kompetenzi konferiti lill‑Komunità, din id‑Direttiva għandha tapplika għall‑persuni kollha, kemm fis‑settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)      il‑kundizzjonijiet għall‑impjieg u tax‑xogħol, inklużi [l‑kundizzjonijiet ta’] sensji u paga”.

7        L‑Artikolu 6(1) tad‑direttiva jipprovdi li:

“Minkejja l‑Artikolu 2(2), l‑Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil‑kuntest tal‑liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l‑impjieg, tas‑suq tax‑xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il‑mezzi biex jintlaħqu dawk l‑għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it‑trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l‑istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall‑aċċess għall‑impjieg u t‑taħriġ professjonali, l‑impjieg u x‑xogħol, inkluzi l‑kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż‑żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l‑integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il‑protezzjoni tagħhom;

b)      [l]‑iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall‑aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l‑impjieg;

ċ)      l‑iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal‑post inkwistjoni jew fuq il‑ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l‑irtirar.”

 Il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat

8        Il‑klawżola 5(1), tal‑Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl‑Anness tad‑Direttiva tal‑Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il‑ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill‑ETUC, mill‑UNICE u miċ‑CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), hija fformulata kif ġej:

“Sabiex jiġi ipprevenut l‑abbuż ikkawżat mill‑użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], [l‑Istati Membri,] wara konsultazzjoni ma’ l‑imsieħba soċjali skond il‑liġi nazzjonali, il‑ftehim kollettiv jew il‑prattika, u/jew l‑imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l‑abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal‑ħtiġiet tas‑setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill‑miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it‑tiġdid ta’ dawn il‑kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż‑żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat];

ċ)      in‑numru ta’ tiġdid ta’ dawn il‑kuntratti jew relazzjonijiet.”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Il‑Kodiċi tax‑Xogħol Bulgaru (DV Nru 26, tal‑1 ta’ April 1986), fil‑verżjoni emendata tiegħu u ppubblikata fid‑DV Nru 105, tad‑29 ta’ Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem il‑“Kodiċi tax‑Xogħol”) jipprovdi, fil‑punti 1 u 4 tal‑Artikolu 68(1), id‑dispożizzjonijiet li ġejjin:

“1)      Il‑kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa konkluż:

1.      għal żmien determinat li ma jistax jeċċedi tliet snin sakemm liġi jew att adottati mill‑Kunsill tal‑Ministri ma jkunux jipprovdu l‑kuntrarju;

[…]

4)      B’mod eċċezzjonali, kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, imsemmi fil‑punt 1 tal‑Artikolu 68(1), għal żmien ta’ mill‑inqas sena jista’ jiġi konkluż għal xogħlijiet jew attivitajiet li ma humiex ta’ natura temporanja, tal‑istaġun biss jew għal żmien qasir. Kuntratt ta’ xogħol bħal dan jista’ anki jiġi konkluż għal żmien iqsar fuq talba bil‑miktub tal‑ħaddiem jew tal-persuna li timpjega. F’dan il‑każ, il‑kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat imsemmi fil‑punt 1 tal‑Artikolu 68(1) mal‑istess ħaddiem jew mal-persuna li timpjega għall‑istess xogħol jista’ jiġġedded għal darba biss għal perijodu ta’ mill‑inqas sena.”

10      L‑Artikolu 325(3) tal‑Kodiċi tax‑Xogħol jipprovdi li l‑kuntratt tax‑xogħol jintemm mingħajr notifika minn qabel, min‑naħa tal‑partijiet, meta jiskadi t‑terminu stabbilit minnu.

11      Skont l‑Artikolu 328 tal‑Kodiċi tax‑Xogħol:

“1)      Il-persuna li timpjega tista’ ttemm il‑kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ notifika minn qabel bil‑miktub indirizzata lill‑ħaddiem jew lill‑impjegat fit‑termini msemmija fl‑Artikolu 326(2) fil‑każijiet li ġejjin:

[…]

10.      Meta jinkiseb id‑dritt għall‑pensjoni ta’ rtirar, u fil‑każ tal‑professuri, tas‑senior lecturers u tal‑assistenti fil‑livelli I u II u ta’ persuni li għandhom dottorat fix‑xjenza, meta jagħlqu l‑65 sena;

[…]”

12      Il‑Liġi Bulgara dwar l‑Edukazzjoni Terzjarja (DV Nru 112, tas‑27 ta’ Diċembru 1995), fil‑verżjoni emendata u ppubblikata fid‑DV Nru 103, tat‑23 ta’ Diċembru 2005, tipprovdi fil‑paragrafu 11 dispożizzjonijiet tranżitorji u finali:

“Fuq suġġeriment tal‑Kunsill tal‑Professuri u tal‑Kunsill tas-sede Akkademika u/jew tal‑Kunsill tal-fergħa Akkademika, b’deċiżjoni tal‑Kunsill Akkademiku, il‑kuntratti ta’ xogħol tal‑persuni kkwalifikati sabiex jgħallmu jistgħu, meta dawn il‑persuni jilħqu l‑età msemmija fil‑punt 10 tal‑Artikolu 328(1) tal‑Kodiċi tax‑Xogħol, jiġġeddu għal sena, sa massimu ta’ tliet snin meta l‑persuna kkonċernata tkun tokkupa pożizzjoni ta’ ‘professur’ u sa massimu ta’ sentejn meta l‑persuna kkonċernata tkun tokkupa pożizzjoni ta’ ‘senior lecturer’.”

13      Il‑punt 6 tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi dwar il‑Protezzjoni kontra d‑Diskriminazzjoni (DV Nru 86, tat‑30 ta’ Settembru 2003), fil‑verżjoni emendata u ppubblikata fid‑DV Nru 105, tad‑29 ta’ Diċembru 2005, jipprovdi li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni “l‑iffissar ta’ limitu ta’ età għall‑impjieg li jkun marbut mal‑ħtieġa ta’ taħriġ għall‑okkupazzjoni ta’ funzjoni korrispondenti jew mal‑ħtieġa ta’ terminu raġonevoli bejn l‑okkupazzjoni tal‑pożizzjoni u l‑irtirar, sakemm tkun kundizzjoni oġġettiva intiża għat‑twettiq ta’ għan leġittimu b’mezzi li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa realment meħtieġ”.

 Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

14      V. I. Georgiev beda jaħdem fl‑Università fl‑1985 bħala assistant lecturer.

15      Il‑kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie mitmum b’effett mis‑6 ta’ Frar 2006 peress li kien laħaq l‑età tal‑irtirar, stabbilita għal 65 sena.

16      Madankollu, il‑Kunsill Akkademiku tal‑Università awtorizza lil V. I. Georgiev ikompli jaħdem skont il‑paragrafu 11 tad‑dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal‑Liġi dwar l‑Edukazzjoni Terzjarja. Għaldaqstant ġie ffirmat kuntratt ta’ xogħol ġdid għal perijodu ta’ sena għal dan il‑għan, li kien jipprovdi li l‑persuna kkonċernata kienet ser taħdem bħala lecturer fil‑Fakultà tal‑Inġinerija (iktar ’il quddiem il‑“kuntratt”).

17      Bis‑saħħa ta’ addendum tal‑21 ta’ Diċembru 2006, il‑kuntratt iġġedded għal sena.

18      V. I. Georgiev inħatar professur f’Jannar 2007.

19      Bis‑saħħa ta’ addendum ieħor, tat‑18 ta’ Jannar 2008, il‑kuntratt reġa’ ġġedded għal sena.

20      Fl‑2009, is‑sena li matulha V. I. Georgiev għalaq it‑68 sena, intemmet ir‑relazzjoni ta’ xogħol li huwa kellu mal‑Università, bis‑saħħa tal‑Artikolu 325(3) tal‑Kodiċi tax‑Xogħol, permezz ta’ deċiżjoni tad‑Direttur tal‑Università.

21      V. I. Georgiev ippreżenta żewġ rikorsi quddiem il‑qorti tar‑rinviju. L‑ewwel wieħed, li ta lok għall‑kawża C‑268/09, huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l‑klawżola tal‑kuntratt għal żmien determinat tiegħu, li tillimita l‑kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal sena hija nulla u li dan il‑kuntratt għandu jiġi kklassifikat mill‑ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat. It‑tieni rikors, li ta lok għall‑kawża C‑250/09, jirrigwarda d‑deċiżjoni tad‑Direttur tal‑Università li temmet ir‑relazzjoni ta’ xogħol tal‑persuna kkonċernata ma’ din tal‑aħħar meta għalaq it‑68 sena.

22      L‑imsemmija qorti indikat li kellha dubji għal dak li jikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 6 tad‑Direttiva 2000/78 sabiex tagħti deċiżjoni għaż‑żewġ kawżi li għandha quddiemha.

23      Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li r‑Rayonen sad Plovdiv iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lil Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin, fejn l‑ewwel żewġ domandi huma identiċi għaż‑żewġ kawżi, filwaqt li t‑tielet waħda ġiet magħmula biss fil‑Kawża C‑268/09:

“1)      Id‑dispożizzjonijiet tad‑[Direttiva 2000/78], jostakolaw l‑applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li ma tawtorizzax il‑konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal perijodu indeterminat minn professuri li jkunu għalqu l‑65 sena? F’dan ir‑rigward, u b’mod iktar partikolari fir‑rigward tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva, id‑dispożizzjoni [tal‑punt 6] tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi dwar il‑protezzjoni kontra d‑diskriminazzjoni, li tipprovdi limiti ta’ età għal ċerti karigi, hija miżura ġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli minn għan leġittimu u hija proporzjonata, meta jitqies li d‑Direttiva hija kompletament trasposta fil‑leġiżlazzjoni Bulgara?

2)      Id‑dispożizzjonijiet tad‑[Direttiva 2000/78] jostakolaw l‑applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju ta’ professuri li jkunu għalqu t‑68 sena? Fid‑dawl tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża, u fil-każ fejn tiġi kkonstatata inkompatibbiltà bejn id‑dispożizzjonijiet tad‑[Direttiva 2000/78] u l‑leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li biha ġiet trasposta d‑Direttiva, huwa possibbli li l‑interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju twassal sabiex il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix applikata?

3)      Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi l‑għeluq ta’ età speċifika bħala l‑unika kundizzjoni sabiex tintemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu indeterminat u sabiex din ir‑relazzjoni tkun tista’ titkompla bħala waħda għal perijodu determinat bejn l‑istess ħaddiem u l‑istess persuna li timpjega, għall‑istess kariga? Sa fejn, wara li l‑kuntratt għal perijodu indeterminat jiġi mibdul għal kuntratt għal perijodu determinat, il‑liġi nazzjonali tistabbilixxi limitu massimu għall‑kontinwazzjoni u numru massimu ta’ prorogi tar‑relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu determinat mal‑istess impjegat, meta ma jibqax iktar possibbli li r‑relazzjoni ta’ xogħol titkompla bejn il‑partijiet?”

24      Permezz ta’ digriet tal‑President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tal‑14 ta’ Settembru 2009, il‑Kawżi C‑250/09 u C‑268/09 ġew magħquda flimkien għall‑finijiet tal‑proċedura bil‑miktub u orali, kif ukoll tas‑sentenza.

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel żewġ domandi

25      Permezz tal‑ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id‑Direttiva 2000/78, b’mod partikolari, l‑Artikolu 6(1) tagħha, tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil‑kawża prinċipali, li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju tal‑professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena u li dawn tal‑aħħar ikomplu bl‑attività tagħhom lil hinn mill‑65 sena biss permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi għal perijodu ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn. Fil‑każ ta’ risposta pożittiva, din il‑qorti tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tiġi eskluża.

26      Għandu jiġi enfasizzat qabel kollox, kif jirriżulta kemm mit‑titolu u mill‑premessi kif ukoll mill‑kontenut u l‑għan tad‑Direttiva 2000/78, li din tfittex li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura trattament ugwali lil kulħadd “fl‑impjieg u fix‑xogħol”, billi toffri protezzjoni effettiva kontra d‑diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir‑raġunjiet imsemmija fl‑Artikolu 1 ta’ din id‑direttiva, li fosthom hemm l‑età.

27      Sabiex tingħata risposta għall‑ewwel żewġ domandi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tidħolx fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, jekk tintroduċix trattament differenti abbażi tal‑età, u fil‑każ ta’ risposta pożittiva, jekk din id‑direttiva tipprekludix tali trattament differenti.

28      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil‑kawża prinċipali, tidħolx fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, mill‑Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din tal‑aħħar jirriżulta li, fil‑kuntest tal‑kompetenzi mogħtija lill‑Unjoni Ewropea, hija tapplika għall‑persuni kollha għal dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal‑impjieg u tax‑xogħol, inklużi l‑kundizzjonijiet tat‑tkeċċija u tar‑remunerazzjoni.

29      Id‑dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju tal‑professuri universitarji meta jagħlqu t‑68 sena taffettwa l‑kundizzjonijiet tal‑impjieg u tax‑xogħol, fis‑sens tal‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva, billi tipprojbixxi lill‑persuni kkonċernati milli jeżerċitaw l‑attività tagħhom lil hinn minn din l‑età.

30      Għal dak li jirrigwarda d‑dispożizzjoni dwar il‑konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija taffettwa l‑kundizzjonijiet tal‑impjieg u tax‑xogħol, fis‑sens tal‑Artikolu 3(1)(ċ), peress li tipprekludi lill‑professuri universitarji li għandhom iktar minn 65 sena milli jkomplu bl‑attività tagħhom billi jibbenifikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat.

31      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑kwistjoni dwar jekk il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età, fis‑sens tal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2000/87, għandu jitfakkar li skont din id‑dispożizzjoni, “‘il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall‑ebda raġuni msemmija fl‑Artikolu 1” ta’ din id‑direttiva. L‑Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑paragrafu 1 tal‑istess artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar‑raġunijiet imsemmija fl‑Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva.

32      L‑applikazzjoni ta’ liġi li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju tal‑professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena twassal sabiex dawn il‑persuni jkunu trattati b’mod inqas favorevoli minn persuni oħrajn li jeżerċitaw l‑istess professjoni minħabba li jkunu qabżu l-età ta’ 68 sena. Dispożizzjoni bħal din tintroduċi trattament differenti bbażat fuq l-età, fis‑sens tal‑Artikolu 2( 2)(a) tad‑Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 51).

33      Fir‑rigward tad‑dispożizzjoni nazzjonali dwar l‑applikazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-professuri li għalqu l‑65 sena, għandu jiġi kkonstatat li, billi timponi tali tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol fuq dawn tal‑aħħar u billi tipprekludihom milli jkomplu jeżerċitaw l‑attività tagħhom permezz ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tinkludi wkoll trattament differenti fil‑konfront tagħhom meta mqabbla mal‑professuri iżgħar fl‑età, liema professuri ma humiex suġġetti għal tali projbizzjoni.

34      L‑argument tal‑Università u tal‑Gvern Bulgaru li tali leġiżlazzjoni ma hijiex sfavorevoli għall‑professuri kkonċernati inkwantu tippermettilhom, skont il‑każ, li jaħdmu għal tliet snin oħra wara li jkunu laħqu l‑età li jkunu jistgħu jirtiraw bil‑benefiċċju ta’ pensjoni, ma huwiex tali li jinvalida l‑konklużjoni msemmija fil‑punt preċedenti. Fil‑fatt, tali sitwazzjoni ma tipprekludix li , peress li huma ma jibbenifikawx iktar minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, il‑kundizzjonijiet tal‑impjieg ta’ dawn il‑professuri jsiru iktar prekarji minn dawk tal‑professuri li għandhom inqas minn 65 sena.

35      Fit‑tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk it‑trattament differenti li jirriżulta mill‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jistax jiġi ġġustifikat fid‑dawl tal‑Artikolu 6 tad‑Direttiva 2000/78.

36      F’dan ir‑rigward, huwa importanti li jitfakkar li l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 6(1) tal‑imsemmija direttiva jipprovdi li trattament differenti fuq ibbażat fuq l-età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni jekk, fil‑kuntest tal‑liġi nazzjonali, huwa oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal‑impjieg, tas‑suq tax‑xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il‑mezzi biex jintlaħqu dawk l‑għanjiet ikunu xierqa u neċessarji. It‑tieni paragarafu tal‑Artikolu 6(1) jelenka diversi eżempji ta’ trattament differenti bħal dawk imsemmija fl‑ewwel paragrafu.

37      F’dan ir‑rigward għandu jiġi rrilevat li l‑eżempju li jinsabu fl‑Artikolu 6(1)(ċ) tad‑Direttiva2000/78, li ġie traspost fid‑dritt nazzjonali Bulgaru permezz tal‑punt 6 tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi dwar il‑Protezzjoni kontra d‑Diskriminazzjoni, li għalih tirreferi espressament il-qorti tar‑rinviju fl‑ewwel domanda, ma jidhirx li huwa rilevanti f’dan il‑każ. Fil‑fatt, il‑kawża prinċipali tirrigwarda l‑applikazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat mill-età ta’ 65 sena u għaldaqstant, il‑kundizzjonijiet tal‑impjieg wara ċertu età, u mhux dwar l‑età massima għall‑impjieg imsemmija f’din il‑liġi.

38      Għaldaqstant huwa importanti li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jiġu eżaminati fid‑dawl tal‑għanijiet tagħhom.

39      Id‑deċiżjoni tar‑rinviju ma tinkludi ebda informazzjoni fuq dan il‑punt u mill‑proċess ma jirriżultax li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tipprovdi l‑għan li qiegħda tipprova tilħaq.

40      Madankollu, din is‑sitwazzjoni ma timplikax li l‑imsemmija legiżlazzjoni ma għandhiex għan leġittimu. Kif diġà ddeċidiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fin‑nuqqas ta’ preċiżazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni rigward l‑għan li trid tilħaq, huwa importanti li elementi oħrajn, li jirriżultaw mill‑kuntest ġenerali tal‑miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l‑għan wara din il‑miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal‑leġittimità tagħha kif ukoll tan‑natura xierqa u neċessarja tal‑mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il‑għan (ara s‑sentenzi Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tal‑5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 45, u tat‑12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, Ġabra p. I-47, punt 40).

41      L‑Università u l‑Gvern Bulgaru jsostnu li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali għandha l‑għan ta’ politika soċjali marbut mat‑taħriġ u l‑impjieġ tal‑għalliema kif ukoll mal‑applikazzjoni ta’ politika konkreta tas‑suq tal‑impjieg filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari tal‑persunal tas‑suġġett akkademiku kkonċernat, tal‑bżonnijiet tal‑università kkunsidrata u tal‑kwalitajiet professjonali tal‑persuna kkonċernata.

42      Il‑Gvernijiet l‑oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, jiġifieri l‑Gvern Ġermaniż u Slovakk, kif ukoll il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, iqisu li l‑għan leġittimu ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jista’ jinsab fil‑bżonn li tiġi żgurata l‑kwalità tat‑tagħlim u tar‑riċerka, billi jitbiddel il‑korp tal‑għalliema billi jiġu impjegati professuri iżgħar fl‑età, u t‑tqassim tal‑postijiet bl‑aħjar mod possibbli, filwaqt li jiġi stabbilit bilanċ bejn il‑ġenerazzjonijiet.

43      Għandu jiġi kkonstatat li l‑Università u l‑Gvern Bulgaru ma jippreċiżawx b’mod ċar l‑għan tal‑imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u essenzjalement jillimitaw ruħhom sabiex jindikaw li l‑għan tagħha huwa t‑tip ta’ għan imsemmi fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, sabiex tiġi evalwata l‑kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni fid‑dawl ta’ din id‑direttiva, huwa importanti li jiġi eżaminat preċiżament l‑għan tagħha, u dan huwa kompitu tal‑qorti nazzjonali.

44      Sabiex tingħata risposta utli għal dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑osservazzjonijiet ippreżentati mill‑Università u l‑Gvern Bulgaru dwar l‑għan tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, kif ukoll l‑osservazzjonjiet ippreżentati mill‑Gvern Ġermaniz, il‑Gvern Slovakk u l‑Kummissjoni, fuq dan il‑punt.

45      F’dan ir‑rigward, it‑taħriġ u l‑impjieg tal‑għalliema, kif ukoll l‑applikazzjoni ta’ politika konkreta tas‑suq tal‑impjieg li jippermettu li tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari tal‑persunal u tas‑suġġett akkademiku ikkonċernat, invokati mill‑Università u mill‑Gvern Bulgaru, jistgħu jissodisfaw il‑volontà li l‑postijiet ta’ professuri jitqassmu bl‑aħjar mod possibbli bejn il‑ġenerazzjonijiet, b’mod partikolari, billi jiġu impjegati professuri iżgħar fl‑età. Issa, fir‑rigward ta’ dan l‑għan tal‑aħħar, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑promozzjoni tal‑impjiegi tikkostitwixxi, b’mod inkontestabbli, għan leġittimu tal‑politika soċjali jew tal‑impjieg tal‑Istati Membri (sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65), b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess taż‑żgħażagħ għal professjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Għaldaqstant, il‑promozzjoni tal‑impjieg fl‑edukazzjoni terzjarja billi persuni iżgħar fl‑età jiġu offruti postijiet ta’ professuri tista’ tikkostitwixxi tali għan leġittimu.

46      Barra minn hekk, kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 34 tal‑konklużjonijiet tiegħu, il‑koeżistenza ta’ diversi ġenerazzjonijiet ta’ għalliema u riċerkaturi tiffavorixxi l‑iskambju ta’ esperjenzi kif ukoll l‑innovazzjoni u għalhekk l‑iżvilupp tal‑kwalità tat‑tagħlim u tar‑riċerka fi ħdan l‑universitajiet.

47      Madankollu, il‑proċess ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l‑għanijiet imsemmija mill‑Gvern Ġermaniż u dak Slovakk kif ukoll mill‑Kummissjoni jikkorrispondu għal dawk tal‑leġiżlatur Bulgaru. Jeżisti dubju, b’mod partikolari, fid‑dawl tar‑rimarki ta’ V. I. Georgiev fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu. Fil‑fatt, dan tal‑aħħar iqis li l‑Università u l‑Gvern Bulgaru jagħmlu dikjarazzjonijiet sempliċi u jsostnu li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma hijiex adattata għar‑realtà tas‑suq tax‑xogħol ikkonċernat. Huwa jsostni li l‑medja tal‑età tal‑professuri tal‑università hija ta’ 58 sena u li n‑numru tagħhom ma jaqbiżx l‑1000, u din hija sitwazzjoni li tispjega n‑nuqqas ta’ interess minn naħa taż‑żgħażagħ għall‑karriera professjonali. Għaldaqstant, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma sservix sabiex jiġu impjegati ż-żgħażagħ.

48      F’dan ir‑rigward, hija l‑qorti nazzjonali li għandha teżamina s‑sitwazzjoni fattwali u li tivverifika jekk l‑għanijiet allegati mill‑Università u mill‑Gvern Bulgaru jikkorrispondux għar‑realtà tal‑fatti.

49      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il‑mezzi implementati sabiex jintlaħqu tali għanijiet humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji” fis‑sens tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78.

50      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl‑għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil‑qasam tal‑politika soċjali u tal‑impjieg, iżda wkoll fl‑adozzjoni tal‑miżuri biex jintlaħaq tali għan (ara s‑sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 63, u Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

51      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑iffissar ta’ limitu tal‑età għal 68 sena, fil‑punt 70 tas‑sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li skont l‑evoluzzjoni tas‑sitwazzjoni tal‑impjieg fis‑settur ikkonċernat, ma jidhirx irraġonevoli għall‑awtoritajiet ta’ Stat Membru li jikkunsidraw li l‑applikazzjoni ta’ limitu tal‑età, li twassal għall‑ħruġ mis‑suq tax‑xogħol tal‑prattikanti l‑iktar anzjani, tista’ tippermetti li tiffavorixxi l‑impjieg tal‑professjonisti iżgħar fl‑età u li din l‑età tidher suffiċjentement avvanzata sabiex isservi ta’ limitu għall‑awtorizzazzjoni tal‑prattika bħala dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal‑fond tal‑assigurazzjoni tas‑saħħa.

52      Dawn l‑evalwazzjonijiet huma rilevanti wkoll fir‑rigward tal‑eżerċizzju ta’ attività bħalma hija dik ta’ professur universitarju. Fil‑fatt, sa fejn il‑postijiet ta’ professuri universitarji huma ġeneralment ta’ numru limitat u huma riżervati għal persuni li kisbu l‑ogħla kwalifiki fil‑qasam ikkonċernat, u peress li post vakanti għandu jkun disponibbli sabiex professur ikun jista’ jiġi impjegat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Stat Membru jista’ jqis xieraq li jiffissa limitu tal‑età sabiex jilħaq l‑għanijiet ta’ politika tal‑impjieg bħal dawk imsemmija fil‑punti 45 u 46 tas‑sentenza preżenti.

53      Madankollu hija l‑qorti nazzjonali li, fid‑dawl tal‑oġġezzjonijiet ippreżentati minn V. I. Georgiev u mfakkra fil‑punt 47 tas‑sentenza preżenti, għandha tivverifika jekk is‑sitwazzjoni tal‑professuri universitarji fil‑Bulgarija tikkorrispondix għas‑sitwazzjoni ġenerali tal‑professuri universitarji kif deskritta fil‑punt preċedenti.

54      Għal dak li jirrigwarda l‑limitu tal‑età meqjusa mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jiġifieri 68 sena, mill‑proċess jirriżulta li dan huwa ħames snin iktar mill‑età meta l‑irġiel jistgħu normalment jiksbu dritt għall‑pensjoni u jiġu obbligati jirtiraw fl‑Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, hija tippermetti lill‑professuri universitarji, li jkunu jridu jaħdmu sa 68 sena, ikomplu l‑karriera tagħhom għal perijodu relattivament twil. Tali miżura ma tistax titqies bħala waħda li tippreġudika eċċessivament, il‑pretensjonijiet leġittimi tal‑ħaddiema li jiġu obbligati jirtiraw minħabba li jkunu laħqu l‑limitu tal‑età previst, peress li l‑leġiżlazzjoni rilevanti ma hijiex ibbażata biss fuq età speċifika iżda tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l‑fatt li, fit‑tmiem tal‑karriera professjonali tagħhom, il‑partijiet ikkonċernati jibbenifikaw minn kumpens finanzjarju permezz ta’ għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar, bħal dik prevista mis‑sistema nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

55      Minn dan isegwi li l‑iffissar ta’ tali limitu tal‑età għat‑terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ xogħol ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika tal‑impjieg bħal dawk imsemmija fil‑punti 45 u 46 tas‑sentenza preżenti, sakemm l‑imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa dawn l‑għanijiet b’mod koerenti u sistematiku.

56      Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk tali limitu tal‑età verament jissodisfax il‑bżonn li jintlaħqu l‑għanijiet invokati b’mod koerenti u sistematiku (ara s‑sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55, u Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). B’mod partikolari, hija għandha teżamina jekk il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tagħmilx distinzjoni bejn, minn naħa, is‑senior lecturers u l‑professuri universitarji u, min‑naħa l‑oħra, l‑għalliema universitarji l‑oħra billi ma tipprovdix għall‑irtirar obbligatorju ta’ dawn tal‑aħħar, kif isostni V. I. Georgiev. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali distinzjoni tikkorrispondix għal neċessità fid‑dawl tal‑għanijiet li jridu jintlaħqu u tal‑karatteristiċi tal‑għalliema inkwistjoni jew jekk hija tirrilevax, għall‑kuntrarju ta’ dan, inkoerenza fil‑leġiżlazzjoni li ma tissodisfax, b’dan il-mod, il‑kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78.

57      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tan‑natura xierqa u neċessarja tal‑konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat mal‑età ta’ 65 sena, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha l‑okkażjoni teżamina l‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali, li jipprevedu l‑applikazzjoni ta’ tali kuntratti minn ċertu età, mad‑Direttiva 2000/78.

58      Fis‑sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għaldaqstant eżaminat leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuni li jimpjegaw jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ ħaddiema li jkunu għalqu t‑52 sena, mingħajr distinzjoni, ikunux jew le qiegħda qabel il‑konklużjoni ta’ kuntratt, fid‑dawl tal‑għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li tiġi promossa l‑integrazzjoni tal‑ħaddiema qiegħda li għandhom iż‑żmien.

59      Fl‑imsemmija sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, minn naħa, irrilevat li tali leġiżlazzjoni twassal għal sitwazzjoni fejn il‑ħaddiema kkonċernati minnha jistgħu jingħataw kuntratti għal żmien determinat li jistgħu jiġġeddu għal numru indefinit ta’ drabi sakemm jilħqu l‑età meta jkollhom id‑dritt li jirċievu l‑pensjoni ta’ rtirar, billi b’dan il‑mod jirriskjaw, matul parti sostanzjali tal‑karriera professjonali tagħhom, li jiġu esklużi mill‑benefiċċju tal‑istabbiltà tal‑impjieg, liema benefiċċju jikkostitwixxi, skont il‑Qorti tal‑Ġustizzja, element importanti tal‑protezzjoni tal‑ħaddiema (ara s‑sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Min‑naħa l‑oħra, hija ddeċidiet li tali leġiżlazzjoni, sa fejn tistabbilixxi l‑età tal‑ħaddiem ikkonċernat bħala l‑uniku kriterju għall‑applikazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, mingħajr ma jintwera li l‑iffissar ta’ limitu ta’ età, bħala tali, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra marbuta mal‑istruttura tas‑suq tax‑xogħol inkwistjoni u tas‑sitwazzjoni personali tal‑persuna kkonċernata, huwa oġġettivament neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan tal‑integrazzjoni professjonali tal‑ħaddiema qiegħda li għandhom iż‑żmien, għandha tiġi kkunsidrata li tmur lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan tagħha (sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

60      Għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tiddistingwi ruħha b’mod ċar minn dik eżaminata fis‑sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, u kienet tidher li tista’ tiġi ġġustifikata fis‑sens tad‑Direttiva 2000/87.

61      Fl‑ewwel lok, l‑applikazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn, tista tkun tali, eżattament bħal‑limitu tal‑età ta’ 68 sena, li tissodisfa politika tal‑impjieġ intiża, b’mod partikolari, sabiex tiffavorixxi l‑promozzjoni tal‑għalliema iżgħar fl‑età għall‑postijiet ta’ professuri universitarji. Fil‑fatt, sakemm in‑numru ta’ dawn tal‑aħħar ikun limitat, l‑applikazzjoni għal dawn il‑professuri ta’ kuntratti għal żmien determinat, sa mill‑età ta’ 65 sena, tippermetti li t‑tluq tagħhom jinkiseb fi żmien relattivament qasir u għaldaqstant li jiġu impjegati minflokhom professuri iżgħar fl‑età. Madankollu, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika li din hija s‑sitwazzjoni tal‑professuri universitarji koperta mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

62      Fit‑tieni lok, l‑applikazzjoni ta’ dawn il‑kuntratti ma hijiex biss marbuta mal‑kundizzjoni li l‑ħaddiema jkunu laħqu ċertu età.

63      Għall‑kuntrarju ta’ dan, kif jirriżulta mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil‑punti 11 u 12 tas‑sentenza preżenti, il‑fattur determinanti huwa l‑fatt li l‑professur kiseb dritt għal pensjoni ta’ rtirar, kif ukoll il‑fatt li laħaq ċertu età, li barra minn hekk, hija ħafna iktar avvanzata minn dik inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri 65 sena minflok 52 sena.

64      Minn tali leġiżlazzjoni jirriżulta li l‑professuri li jiġu proposti kuntratt għal żmien determinat jistgħu jagħżlu jew li jirtiraw bil‑pensjoni jew li jkomplu jaħdmu lil hinn mill‑65 sena.

65      Barra minn hekk, il‑kuntratti għal żmien determinat inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huma limitati għal sena u ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn, u għalhekk jissodisfaw ir‑rekwiżiti tal‑klawżola 5(1) tal‑Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat sabiex jiġi pprevenut l‑abbuż ikkawżat mill‑użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

66      F’dawn iċ‑ċirkustanzi għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, hija tali li tgħaqqad flimkien kemm il‑bżonnijiet tal‑professuri kkonċernati kif ukoll dawk tal‑universitajiet u tista’ tikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfakkra fil‑punti 45 u 46 tas‑sentenza preżenti, jekk din il‑leġiżlazzjoni tissodisfa dawn l‑għanijiet b’mod koerenti u sistematiku.

67      Fi kwalunkwe każ, kif tfakkar fil‑punt 56 tas‑sentenza preżenti, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tagħmilx distinzjoni bejn, minn naħa, is‑senior lecturers u l‑professuri universitarji u, min‑naħa l‑oħra, l‑għalliema l‑oħra tal‑università, għal dak li jirrigwarda l‑applikazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat mid‑data meta l‑persuna kkonċernata tilħaq l‑età tal‑irtirar. Hija wkoll il‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk tali distinzjoni tikkorrispondix għal neċessità, fid‑dawl tal‑għanijiet li jridu jintlaħqu u tal‑karatteristiċi tal‑għalliema inkwistjoni jew jekk hija tirrilevax, għall‑kuntrarju ta’ dan, inkoerenza fil‑leġiżlazzjoni li ma tissodisfax il‑kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78.

68      Konsegwentement, ir‑risposta għall‑ewwel żewġ domandi għandha tkun li d‑Direttiva 2000/78, b’mod partikolari, l‑Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil‑kawża prinċipali, li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju tal‑professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena u li dawn tal‑aħħar ikomplu bl‑attività tagħhom lil hinn minn 65 sena biss permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn sakemm din il‑leġiżlazzjoni jkollha għan leġittimu marbut, b’mod partikolari, mal‑politika tal‑impjieg u tas‑suq tax‑xogħol, bħalma huwa t‑twaqqif ta’ tagħlim ta’ kwalità u l‑aħjar tqassim tal‑postijiet ta’ professuri bejn il‑ġenerazzjonijiet, u sakemm tippermetti li jintlaħaq dan l‑għan b’mezzi xierqa u neċessarji. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

69      Fil‑każ fejn dawn il‑kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll jekk il‑leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tiġi eskluża.

70      Skont ġurisprudenza stabbilta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, meta r‑rekwiżiti meħtieġa sabiex id‑dispożizzjoni ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill‑individwi kontra l‑Istat quddiem il‑qorti nazzjonali huma sodisfatti, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il‑kwalità li jaġixxi fiha l‑Istat, jiġifieri bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, s‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et., C‑188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 17, u tal‑5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C‑157/02, Ġabra p. I‑1477, punt 23).

71      Mill‑proċess jirriżulta li l‑qorti tar‑rinviju tikkunsidra bħala paċifiku li l‑Università hija korp pubbliku li fil‑konfront tiegħu jistgħu jiġu invokati d‑dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effetti diretti (ara, f’dan ir‑rigward, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punt 26, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ġiet mitluba tippreċiża l‑konsegwenzi li jirriżultaw, fil‑kuntest ta’ kawża bejn individwu u tali entità, minn inkompatibbiltà tad‑dritt nazzjonali mal‑projbizzjoni, fil‑qasam tal‑kundizzjonijiet tal‑impjieg u tax‑xogħol, tad‑diskriminazzjoni abbażi tal‑età, elenkati fl‑Artikoli 2 u 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 2000/78. Hija ddeċidiet li liġi nazzjonali li tmur kontra din id‑direttiva, f’każ bħal dan, ma għandhiex tiġi applikata (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

73      Konsegwentement, ir‑risposta lill-qorti tar‑rinviju għandha tkun li fir‑rigward ta’ kawża bejn korp pubbliku u individwu, fil‑każ fejn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma tissodisfax ir‑rekwiżiti msemmija fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din il‑leġiżlazzjoni.

 Fuq it‑tielet domanda

74      Permezz tat‑tielet domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistieden lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tinterpreta l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

75      F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tinterpreta d‑dritt nazzjonali, peress li dan huwa esklużivament l‑obbligu tal‑qorti tar‑rinviju (ara s‑sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 54).

76      F’ċerti każijiet, il‑Qorti tal‑Ġustizzja setgħet tiddeduċi, mid‑domanda li kienu apparentement jirrigwardaw id‑dritt nazzjonali, problema dwar l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li eżami tagħha mill‑Qorti tal‑Ġustizzja jista’ jgħin lill‑qorti tar‑rinviju tiddeċiedi l‑kawża quddiemha.

77      Madankollu, fil‑Kawża C‑268/09 li fiha tressqet it‑tielet domanda, ma huwiex possibbli li tiġi dedotta tali problema, liema problema kieku tkun distinta minn dik eżaminata b’risposta għall‑ewwel żewġ domandi.

78      Konsegwentement, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat‑tielet domanda.

 Fuq l‑ispejjeż

79      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, minbarra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id‑Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol, b’mod partikolari, l‑Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil‑kawża prinċipali, li tipprovdi għall‑irtirar obbligatorju tal‑professuri universitarji li jkunu għalqu t‑68 sena u li dawn tal‑aħħar ikomplu bl‑attività tagħhom lil hinn minn 65 sena biss permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena li ma jistgħux jiġġeddu iktar minn darbtejn, sakemm din il‑leġiżlazzjoni jkollha għan leġittimu marbut, b’mod partikolari, mal‑politika tal‑impjieg u tas‑suq tax‑xogħol, bħalma huwa t‑twaqqif ta’ tagħlim ta’ kwalità u l‑aħjar tqassim tal‑postijiet ta’ professuri bejn il‑ġenerazzjonijiet, u sakemm tippermetti li jintlaħaq dan l‑għan b’mezzi xierqa u neċessarji. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

Fir‑rigward ta’ kawża bejn korp pubbliku u individwu, fil‑każ fejn il‑leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ma tissodisfax ir‑rekwiżiti msemmija fl‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din il‑leġiżlazzjoni.

Firem


** Lingwa tal‑kawża: il‑Bulgaru.

Top