EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0098

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 22 ta' April 2010.
Francesca Sorge vs Poste Italiane SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Trani - l-Italja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE -Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss - Klawżola 8 - Indikazzjonijiet li għandhom jissemmew f’kuntratt ta’ xogħol għal terminu fiss konkluż bil-għan li jiġi ssostitwit ħaddiem assenti - Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema - Interpretazzjoni konformi.
Kawża C-98/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:221

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-22 ta’ April 2010 1(1)

Kawża C‑98/09

Francesca Sorge

vs

Poste Italiane SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Trani (l-Italja)]

“Direttiva 1999/70/KE – Klawżola 8 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat – Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema – L-ewwel jew l-uniku kuntratt – Indikazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi f’kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat – Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva – Interpretazzjoni konformi”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), u li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u mis-CEEP (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Sorge u l-impriża li timpjegaha, Poste Italiane SpA (iktar ’il quddiem “Poste Italiane”), dwar il‑klawżola tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha li kienet tistipula li dan ġie konkluż għal żmien determinat u li fih ma jissemmew la l-ismijiet tal-ħaddiema ssostitwiti, u lanqas ir-raġunijiet għaliex dawn tal-aħħar kienu assenti. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, dawn l‑indikazzjonijiet kellhom jissemmew f’tali kuntratt ta’ xogħol. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, tas-6 ta’ Settembru 2001 (3) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 368/2001”), li kien applikabbli ratione temporis fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni, tali obbligu ma jeżistix iktar.

3.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża u tiżviluppa l-ġurisprudenza li hija adottat fis-sentenzi Mangold u Angelidaki et (4). Hija mitluba tevalwa r-relazzjoni bejn il-bidla fid-dritt nazzjonali deskritta iktar ’il fuq u l-kunċett ta’ “tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim [Qafas]” previst fil-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas. Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-effetti, fuq il-kawża prinċipali, ta’ nuqqas eventwali ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Ftehim Qafas (5).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni (6)

4.        Id-Direttiva 1999/70 hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE (7) u hija intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, li “li [ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC [CES], UNICE u CEEP) annessi hawn(8).” 

5.        Mill-premessi 3, 6, 7 u 13 sa 17 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-ewwel sat-tielet paragrafu tal-preambolu u mill-punti 3, 5 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas jirriżulta li:

–      il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea permezz ta’ approssimazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, b’mod partikolari fir-rigward ta’ forom partikolari ta’ xogħol ta’ xort’oħra minn xogħol għal żmien indeterminat, sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol u s-sigurtà għall-ħaddiema;

–      dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, tant li ġie kkunsidrat li jkun aħjar li tintuża miżura Komunitarja legalment vinkolanti, elaborata f’kollaborazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali;

–      il-partijiet għall-Ftehim Qafas jirrikonoxxu li, minn naħa, il-kuntratti għal żmien indeterminat huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, peress li dawn jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom, imma li, min-naħa l-oħra, il‑kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġijiet kemm ta’ min jimpjega kif ukoll tal-ħaddiema;

–      il-Ftehim Qafas jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti minimi għal xogħol għal żmien determinat, billi jistabbilixxi, b’mod partikolari, qafas ġenerali intiż biex ikun żgurat trattament ugwali għall-ħaddiema għal żmien determinat waqt li jkunu protetti mid-diskriminazzjoni kif ukoll għal prevenzjoni tal-abbużi kkawżati mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, filwaqt li ssir referenza għall-Istati Membri u għall-imsieħba soċjali għad-definizzjoni tal-arranġamenti dettaljati tal-applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji u rekwiżiti, sabiex jiġu kkunsidrati r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet nazzjonali, settorjali u staġjonali speċifiċi;

–      huwa għalhekk li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li l-instrument adattat għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim Qafas huwa direttiva, peress li din torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, imma tħallilhom l-għażla tal-forma u tal-metodi;

–      fir-rigward b’mod partikolari tal-kliem użat fil-Ftehim Qafas, imma li ma ġiex iddefinit b’mod speċifiku, id-Direttiva 1999/70 tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu dan il-kliem skont id-dritt u/jew il-prattiki nazzjonali, sakemm dawn jirrispettaw il-Ftehim Qafas, u

–      skont il-partijiet firmatarji tal-Ftehim Qafas, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi jikkostitwixxi mezz għall-prevenzjoni tal-abbużi b’detriment għall-ħaddiema.

6.        Il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas tiddetermina l-għan doppju ta’ dan tal-aħħar billi tirreferi, minn naħa, għar-rispett tal-“prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, li huwa stabbilit fil-klawżola 4, u, min-naħa l-oħra, għall-miżuri li għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li huma s-suġġett tal-klawżola 5.

7.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas huwa stabbilit fil-klawżola 2, kif ġej: “ħaddiema għal terminu [żmien] fiss [determinat]”, kunċett li ġie ddefinit fil-klawżola 3, “li għandhom kuntratt ta’ impjieg [xogħol] jew relazzjoni ta’ impjieg [xogħol] kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru”.

8.        Il-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas rigward id-“Dispożizzjonijiet dwar l‑implimentazzjoni”, tipprevedi:

“1. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.

[…]

3. L-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.

[…]

5. Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwisjonijiet u lmenti ikkawżati mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika.

[…]”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.      Il-leġiżlazzjoni abrogata

9.        L-Artikolu 1(1) sa (4) tal-Liġi Nru 230, tat-18 ta’ April 1962, li tirregola l‑kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (9) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 230/1962”), kif emendata sussegwentement, kien jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’l isfel.

Jista’ jiġi stabbilit perijodu għat-tul tal-kuntratt: […]

b) meta r-reklutaġġ isir bil-għan li jiġu ssostitwiti ħaddiema assenti li jkollhom id-dritt iżommu l-pożizzjoni tagħhom, kemm-il darba fil-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jissemmew isem il-ħaddiem issostitwit kif ukoll ir-raġuni għas-sostituzzjoni; […]

L-istipulazzjoni tat-terminu ma għandha ebda effett jekk din ma tkunx irreġistrata bil-miktub.

Min iħaddem għandu jagħti kopja tal-att bil-miktub lill-impjegat.

[…]”

2.      Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ

10.      L-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlativ 368/2001, tas-6 ta’ Settembru 2001, wassal għall-abbrogazzjoni totali tal-Liġi 230/1962 mill-24 ta’ Ottubru 2001, peress li l-Gvern Taljan intervjena abbażi tal-liġi li tawtorizzah jadotta r-regoli meħtieġa għat-traspożizzjoni tal-atti tad-dritt Komunitarju bħad-Direttiva 1999/70 (10).

11.      L-Artikolu 1(1) sa (3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, fil-verżjoni applikabbli f’dan il-każ (11), jipprovdi dan li ġej:

“1. Huwa permess li jiġi ddeterminat terminu għaż-żmien tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet tekniċi, ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni tal-ħaddiema.

2. L-istipulazzjoni tat-terminu ma għandha ebda effett jekk din ma tkunx ġiet irreġistrata, direttament jew indirettament, f’att bil-miktub li jispeċifika r‑raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1. 

3. Min iħaddem għandu jagħti kopja tal-att bil-miktub lill-impjegat f’terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol mill-bidu tal-prestazzjoni. […]”.

III – Il-kawża prinċipali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

12.      Fid-29 ta’ Settembru 2004, F. Sorge kkonkludiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ Poste Italiane li abbażi tiegħu hija kienet ġiet impjegata “għal raġunijiet ta’ sostituzzjoni, marbuta mal-ħtieġa speċifika li jkun sostitwit persunal assenjat mad-dipartiment tad-distribuzzjoni fiċ-ċentru postali tal-Puglia u tal-Basilicata, bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u l-15 ta’ Jannar 2005”.

13.      B’rikors tat-18 ta’ Frar 2008, F. Sorge fetħet kawża kontra Poste Italiane, fejn talbet lit-Tribunale di Trani – Sezione Lavoro (l-Italja) (iktar ’il quddiem it‑“Tribunale di Trani”) li tiġi ddikjarata l-illegalità tal-klawżola taż-żmien determinat inkluża f’dak il-kuntratt. Insostenn tat-talba tagħha, hija invokata li l-isem tal-ħaddiema ssostitwiti u r-raġuni għas-sostituzzjoni tagħhom ma kinux indikati hemmhekk, filwaqt li d-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 kien għadu jeżiġi li dawn l‑indikazzjonijiet jiġu pprovduti fil-każ ta’ reklutaġġ b’kuntratt għal żmien determinat minħabba sostituzzjoni.

14.      Poste Italiane kkontestat l-eżistenza ta’ tali obbligu, billi sostniet li l‑Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi 230/1962 kien ġie abrogat bl-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001, li huwa applikabbli ratione temporis, u li dan ma kien ġie ssostitwit bl-ebda dispożizzjoni li għandha kontenut simili.

15.      B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2008, it-Tribunale di Trani ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja(12):

“1)      Il-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas li jinsab fid-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regoli domestiċi (bħal dawk stabbiliti mill-Artikoli 11 u 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001) li, b’implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE […], abrogaw l-Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi 230/1962, li kien jipprovdi li kien ‘permess li jiġi impost limitu temporali fuq it-tul tal-kuntratt meta r-reklutaġġ seħħ sabiex jissostitwixxi ħaddiema assenti’ li ‘żammew id-dritt għal post tagħhom, bil-kundizzjoni li fil-kuntratt għal perijodu [żmien] determinat’ ‘ingħatat informazzjoni dwar l-isem tal-ħaddiem sostitwit u r-raġunijiet għas-sostituzzjoni tiegħu’, u li ssostitwewh b’dispożizzjoni li ma tipprovdix iżjed l-obbligu li tingħata tali informazzjoni?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti nazzjonali hija marbuta li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju?”

16.      Ir-rikorrenti u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan kif ukoll il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali. Il-Gvern Olandiż ippreżenta biss osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Analiżi

A –    Introduzzjoni

17.      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ġew ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2009 (13), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tenfasizza li l-kwistjoni li din il‑kawża tqajjem hija partikolarment importanti inkwantu, minn naħa, hemm kważi 15 000 kawża bejn Poste Italiane u l-impjegati tagħha u, min-naħa l-oħra, kemm il-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanzi kif ukoll il-qrati supremi Taljani diġà ħadu jew qegħdin jieħdu deċiżjoni rigward it-testi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

18.      Biex tiġġustifika t-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li hemm numru kunsiderevoli ta’ deċiżjonijiet fuq il-mertu ta’ qrati li interpretaw id-Digriet Leġiżlattiv inkwistjoni, u dan b’mod għalkollox differenti. Minbarra d-diversi deċiżjonijiet li F. Sorge ppreżentat f’anness għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, waqt is-seduta, hija rreferiet ukoll għal diversi deċiżjonijiet li ngħataw dan l-aħħar f’dan il-kuntest mill-Corte suprema di cassazione u mill-Corte Costituzionale(14). L-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u d-diversi informazzjoni inkluża fil-proċess mill-partijiet ikkonċernati jagħtu lok, tabilħaqq, għal ċerta konfużjoni rigward il-kontenut tad-dritt nazzjonali f’din il-materja.

19.      Qabelxejn, infakkar ukoll xi prinċipji bażiċi li jistgħu jagħtu gwida rigward l-interpretazzjoni ta’ regoli adottati fil-qasam tal-politika soċjali. Mill-Artikoli 136 KE et seq jirriżulta li l-Istati Membri għandhom kompetenza f’dan il-qasam u li l‑miżuri meħuda f’dan il-kuntest għandhom jikkunsidraw id-diversità tal-prattiki nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività tal-ekonomija tal-Komunità.

20.      L-Artikolu 139 KE għandu t-tendenza jiffavorixxi n-negozjati kollettivi fuq il-livell Komunitarju u jaċċetta anki l-eżistenza ta’ setgħa leġiżlattiva awtonoma tal-imsieħba soċjali. Il-Ftehim Qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, li ġie adottat fuq il-bażi ta’ dan it-test, jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi u għandu għanijiet a priori kuntradittorji, li għaldaqstant jeħtieġu xi kompromessi, jiġifieri, b’mod partikolari li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol għall-impriżi u s-sigurtà tal-impjieg għall-ħaddiema (15), imma anki li jiġu kkunsidrati r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet nazzjonali, settorjali u staġjonali speċifiċi (16).

21.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet differenti ma għandhomx jintesew fl-analiżi tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tiegħi, filwaqt li r-regoli nazzjonali tal-liġi dwar ix-xogħol li għandhom għan protettiv, l-istess bħall-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol individwali, għandhom, f’każ ta’ dubju, jiġu interpretati favur il-parti dgħajfa jiġifieri l-ħaddiem, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi għandhom madankollu jiġu interpretati b’mod strett sabiex ma tiġix żnaturata r-rieda konġunta tal-partijiet kontraenti (17). Għaldaqstant, il-kriterji ta’ applikazzjoni restrittivi li huma stabbiliti mid-diċitura tal-Ftehim Qafas ma jistgħux jiġu mwarrba mingħajr raġunijiet validi. 

B –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

22.      Qabelxejn, Poste Italiane qajmet l-inammissibbiltà u n-nuqqas ta’ rilevanza tad-domandi rrinvijati bid-deċiżjoni tar-rinviju tad-9 ta’ Ġunju 2008, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja, sadanittant, kienet irrispondiet għal domandi simili fis-sentenza Angelidaki et li ngħatat fit-23 ta’ April 2009 (18), biex b’hekk tat lit-Tribunale di Trani l-parametri utli biex jagħti deċiżjoni b’mod indipendenti.

23.      Nikkunsidra li ma hemm l-ebda dubju rigward l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta. Fil-fatt, in-natura innovattiva ta’ domanda preliminari ma tikkostitwix kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-imsemmija domanda. Xejn ma jwaqqaf lil qorti nazzjonali milli terġa’ tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda li hija tkun diġà rrispondiet.

24.      F’każ ta’ din ix-xorta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-possibbiltà li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura (19). Mill-evidenza tad-diċitura ta’ dan it‑test jirriżulta li x-xebh bejn id-domandi magħmula fid-deċiżjoni tar-rinviju ma’ ċerti domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet sussegwentement fis-sentenza Angelidaki et ma huwiex minnu nnifsu kawża ta’ inammissibbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din id-dispożizzjoni proċedurali eżattament f’kawżi fejn ir‑risposta għal domanda identika kienet tirriżulta mill-imsemmija sentenza u setgħet tiġi trasposta għad-domanda magħmula, f’dan il-każ qabel ma ngħatat is‑sentenza(20).

25.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE, il-qorti tar-rinviju – li hija biss għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża li ntalbet tagħti deċiżjoni dwarha u li għandha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu – hija, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm-il ħtieġa għal deċiżjoni preliminari biex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tagħti deċiżjoni, bla ħsara, madankollu, li twettaq eżami tal-kundizzjonijiet li fihom hija ġiet adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tkun tista’ tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni (21).

26.      Issa, jidher li t-Tribunale di Trani sostna t-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu b’mod suffiċjenti biex juri r-rilevanza tagħha, 1) billi ddefinixxa l-kuntest fattwali li fih taqa’ din id-domanda, 2) billi ta indikazzjonijiet utli rigward il‑kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti, 3) billi espona l-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali u l-inċertezzi fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali li wassluh jevalwa l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, 4) billi spjega sa fejn risposta għaż-żewġ domandi magħmula hija meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar il‑kawża prinċipali. Barra minn hekk, fid-data meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ntalbet kienet tirrispondi effettivament għal ħtieġa oġġettiva inerenti għas-soluzzjoni ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju (22).

27.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li l-oġġezzjonijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali ma jistgħux jintlaqgħu u li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

C –    Fuq il-portata tal-klawżola msejħa “ta’ nuqqas ta’ rigressjoni”

28.      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha rigward il‑konformità tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 mad-Direttiva 1999/70 u mal-Ftehim Qafas anness magħha. Fl-ewwel domanda preliminari, din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 1 u 11 ta’ dan id‑digriet leġiżlattiv tawx lok għal tnaqqis ipprojbit tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fis-sens tal-klawżola 8 tal-imsemmi ftehim qafas. Fid-dawl tad-diversi argumenti ppreżentati f’dan il-każ, jidhirli li l-ewwel jeħtieġ li jiġi ddefinit il-kuntest tad-deċiżjoni li għandha tingħata, u b’hekk dak ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas għandu wkoll jiġi ddefinit qabel ma tingħata interpretazzjoni tal-kontenut tagħha.

1.      Fuq ir-restrizzjoni tal-portata tar-risposta għall-portata tad-domanda

29.      Huwa veru li d-diċitura tal-ewwel domanda hija tali li jidher li tirreferi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas. Madankollu, it-Tribunale di Trani indika espressament ukoll li huwa kien qed jitlob kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jistabbilixxi jekk l‑Artikoli 1 u 11 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 jiksrux il-klawżola ġeneralment ikklassifikata bħala “ta’ nuqqas ta’ rigressjoni” li hija inkluża eżattament fil-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas.

30.      Sa fejn ċerti osservazzjonijiet, partikolarment dawk ippreżentati minn F. Sorge, jinkludu żviluppi relatati mal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim Qafas jew ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-Digriet Leġiżlattiv bħal dawk sostnuti mit-Tribunale di Trani(23), għandu jiġi ppreċiżat li l-portata tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja hija delimitata mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mhux mil-linji gwida eventwalment mogħtija mill-partijiet.

31.      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li ma hemmx lok biex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-argumenti ppreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali meta il-partijiet ikunu ppreżentaw osservazzjonijiet li jikkonċernaw problemi li ma ġewx koperti fid-domandi preliminari (24). Barra minn hekk, il-fatt li jingħataw risposti għall-argumenti supplementari msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ma huwiex kompatibbli mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà li l-gvernijiet tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma d-deċiżjonijiet tar-rinviju biss li għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (25).

32.      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l‑konklużjoni ta’ kuntratt wieħed għal żmien determinat, u mhux ta’ kuntratt li huwa parti minn sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Peress li hija biss din is-sitwazzjoni tal-aħħar li hija koperta mill-klawżola 5(1) u (2) tal-Ftehim Qafas, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, u b’mod partikolari tal-kunċett li hija tinkludi ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tiġdid ta’ tali kuntratti (26). Barra minn hekk, fis-sentenza Mangold (27), wara li kkonstatat li l-kuntratt ikkonċernat kien l‑ewwel u l-uniku kuntratt ta’ xogħol li kien konkluż bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-interpretazzjoni tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas kienet manifestament nieqsa mir-rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

33.      Fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, li ġiet invokata wkoll minn F. Sorge, din lanqas ma hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, nixtieq nippreċiża li dawn id-dispożizzjonijiet rigward in‑nondiskriminazzjoni, li għandhom portata ġenerali, jidhirli li huma applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kollha, inkluż l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ din ix-xorta.

2.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas

34.      Id-determinazzjoni tal-portata materjali tal-Ftehim Qafas hija partikolarment importanti għaliex il-klawżola 8(3) tiegħu tipprevdi li l‑projbizzjoni stabbilita minn dik id-dispożizzjoni tikkonċerna biss “[il]-qafas tal-ftehim”. Il-Klawżoli 1 u 2 tal-imsemmi ftehim qafas jiddefinixxu rispettivament l‑iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fehma tiegħi, l-effett ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ġenerali jestendi evidentement għall-klawżola 8. Fi kliem ieħor, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ nuqqas ta’ rigressjoni” jikkoniċidi ma’ dak tal-Ftehim Qafas li hija inkluża fih.

35.      Min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn l-isfera ta’ intervent tad-dispożizzjonijiet speċjali bħall-klawżola 5 ta’ dan il-ftehim, li tikkonċerna speċifikatament il-prevenzjoni tal-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, u l-kamp tal-Ftehim Qafas kollu kif ukoll il-kamp tal-klawżola 8 b’mod partikolari.

36.      Huwa minnu, kif osservat il-Kummissjoni, li l-Ftehim Qafas ma jgħid xejn dwar ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-ewwel kuntratt għal żmien determinat, bil-kontra tal-obbligu li jittieħdu miżuri f’dan ir-rigward li, skont il-klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-ftehim, huwa impost fuq l-Istati Membri, f’każ ta’ tiġdid ta’ tali kuntratti. Il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament iddeċidiet li l‑Ftehim Qafas ma jimponix lill-Istati Membri jadottaw miżura li teżiġi li kull l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi skont il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas, dispożizzjoni li tali kuntratti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (28).

37.      Madankollu, jidhirli li huwa żbaljat li minn dan jiġi dedott, kif għamlet ir‑Repubblika Taljana, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju ma jaffetwawx il-qasam kopert mill-Ftehim Qafas, minħabba li l-obbligu li jiġi ġġustifikat l-ewwel u l-uniku kuntratt għal żmien determinat b’raġunijiet oġġettivi u n-natura ta’ dawn ir-raġunijiet huma materji barranin għall-Ftehim Qafas, u l-emendi introdotti bid-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 b’hekk ma jistgħux jikkostitwixxu tnaqqis ipprojbit mill-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim.

38.      Huwa minnu li sitwazzjonijiet, bħal dawk ta’ F. Sorge, fejn huwa involut kuntratt wieħed għal żmien determinat ma humiex koperti mid-dispożizzjoni speċjali li tikkostitwixxi l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, imma dawn xorta jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. Konsegwentement, id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kuntratti inizjali jew uniċi għal żmien determinat ma jistgħux, minħabba l-fatt biss tal-portata limitata tal-klawżola 5, jiskapulaw il-klawżola msejħa “ta’ nuqqas ta’ rigressjoni” li tkopri, fih nnifisha, qasam daqstant ġenerali daqs dak tal-Ftehim Qafas.

39.      Fil-fatt, huwa stabbilit li, kemm fis-sentenza Mangold (29) kif ukoll fis-sentenza Angelidaki et (30), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-kunċett ta’ “tnaqqis”, fis-sens tal-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas, fir-rigward ta’ ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Wara li kkunsidrat li fid-dawl tal-għanijiet tal-Ftehim Qafas, u b’mod partikolari tal-klawżola 8(3) tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod ristrett (31) u wara li fakkret id-diċitura mhux restrittiva tal-Klawżoli 2 u 3 tal-imsemmi ftehim (32), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod espliċitu li “il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li t-‘tnaqqis’ previst minn din il‑klawżola għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni li kien applikabbli, fl-Istat Membru kkonċernat, kemm għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, kif ukoll għall-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel jew l-uniku kuntratt għal żmien determinat [determinat]” (33).

3.      Fuq l-interpretazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas

40.      Il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas ġeneralment tissejjaħ “klawżola ta’ nuqqas ta’ rigressjoni”. Anki jekk tillimita l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-kompetenza leġiżlattiva nazzjonali, din il-klawżola ma għandhiex l-għan li tipprojbixxi b’mod assolut li Stat Membru jnaqqas il-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema mid-dritt intern. Min-naħa l-oħra, jekk l-Istat Membru jwettaq tali tnaqqis, huwa jrid jassumi din l-għażla, u ma jaħbix il-politika hekk inkluża mal-pjan nazzjonali billi jistkenn wara preżunti obbligi marbuta mat-traspożizzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Ikun iktar eżatt li din id-dispożizzjoni tiġi kklassifikata bħala “klawżola ta’ trasparenza”, kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mangold (34), wara li wera li bl-ebda mod ma kienet “klawżola ta’ stand-still”.

41.      Is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, moqrija flimkien mas-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, tagħti indikazzjonijiet ċari biex ikun evalwat jekk ir-riforma kkonċernata f’dan il-każ hix ipprojbita jew le fis-sens tal-imsemmija klawżola.

42.      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnaqqis invokat mill-qorti tar-rinviju u allegat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkonsisti fil-fatt li d-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 ħassar l-obbligu, preċedentement previst bil-Liġi 230/1962, li fil-kuntratt għal żmien determinat jissemma isem il-ħaddiem issostitwit, li kellu dritt iżomm l-impjieg tiegħu, kif ukoll ir-raġuni għas-sostituzzjoni tiegħu.

43.      Qabelxejn, nixtieq nosserva li, fil-fehma tiegħi, tali riforma tikkostitwixxi b’mod assolut tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. L-obbligu li jissemma isem il-ħaddiem sostitwit iżid il-possibbitajiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll tas-sindakati li jivverifikaw li d-dispożizzjonijiet restrittivi applikabbli fir-rigward ta’ tali kuntratti jiġu osservati minn min iħaddem. Barra minn hekk, l-ineżistenza ta’ tali obbligu tista’ tagħti lok biex dawk li jħaddmu u li jkollhom ammont kbir ta’ ħaddiema, ikollhom livell ogħla ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-kuntratti ta’ sostituzzjoni. Fil-fatt, b’hekk ma jkunx hemm iktar il-ħtieġa li jkun hemm korrispondenza eżatta bejn il-perijodi ta’ assenza u dawk ta’ sostituzzjoni tal-ħaddiema identifikati b’isimhom, imma jkun suffiċjenti li jkun hemm bilanċ nett ekwilibrat bejn in-numru ta’ assenzi u n-numru ta’ sostituzzjonijiet. It-tħassir ta’ dan il-limitu jista’ jiffaċilita l-użu minn dawk li jħaddmu ta’ kuntratti għal żmien determinat biex jiżguraw sostituzzjonijiet, filwaqt li jekk le jkun irid ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom riserva ta’ membri tal-persunal, li jkollhom kuntratti għal żmien indeterminat, għall-btajjel, għal-leave tal-mard u għal kull kawża oħra ta’ assenza possibbli.

44.      Madankollu, dan l-approċċ iċċentrat fuq ix-xorta ta’ kuntratti ta’ xogħol individwali mhux adegwat biex ikun iddeterminat jekk hemmx ksur tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ rigressjoni inkuża fil-Ftehim Qafas. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja (35), għandu jiġi eżaminat sa fejn l-emendi li saru mil-leġiżlazzjoni nazzjonali maħsuba biex tittrasponi d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim Qafas, jistgħu jitqiesu, minn naħa, bħala marbuta mal-“implementazzjoni” ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li jirrigwardaw il-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema fis-sens tal-klawżola 8(3) tiegħu.

45.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ rabta mal-“implimentazzjoni” tal-Ftehim Qafas ikopri kull miżura domestika intiża biex tiggarantixxi li l-għan tad-Direttiva 1999/70 ikun jista’ jintlaħaq, inklużi dawk li, wara t-traspożizzjoni stess, jikkompletaw jew jemendaw ir-regoli domestiċi diġà adottati (36). F’dan il-każ, din l-ewwel kundizzjoni jidhirli li tista’ tiġi sodisfatta (37), fid-dawl tal-preambolu għad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001, li jirreferi espressament għad-Direttiva 1999/70, u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li awtorizzat lill-Gvern Taljan jintervjeni f’dan il-qasam, li jirreferu għaliha wkoll (38). Madankollu, il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas jekk it-tnaqqis li tinvolvi huwa ġġustifikat mhux mill-ħtieġa li jiġi implementat l-imsemmi ftehim, imma minn dik li jiġi promoss għan ieħor, li huwa distint minn din l-implementazzjoni (39).

46.      F’dan ir-rigward, naħseb li huwa utli li ssir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ regoli nazzjonali: l-ewwel nett, dawk li għandhom l-għan li jittrasponu d‑direttiva stricto sensu, li bilfors iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tagħha; it‑tieni nett, dawk li jaqgħu fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Ftehim Qafas li jistabbilixxu biss prinċipji ġenerali u rekwiżiti minimi, limitu li l-Istati Membri huma awtorizzati jaqbżuh; it-tielet nett, dawk li ma għandhom l-ebda rabta mal-kontenut tad-Direttiva jew tal-Ftehim Qafas. Issa, l‑unika u l-istess riforma tad-dritt intern jista’ jkollha dawn it-tliet għanijiet. Fil-każ li l-paragun bejn is-sistema legali li kien hemm qabel traspożizzjoni u s‑sistema legali li tirriżulta mit-traspożizzjoni jagħti riżultat globalment negattiv, dan il-bilanċ jista’ jikkaratterizza tnaqqis ta’ natura ġenerali fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas. Madankollu, jekk wieħed jinterpreta l-imsemmija klawżola bħala li timponi obbligu ta’ trasparenza, ikun possibbli li jinħtieġ li Stat Membru jkun iddikjara b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu jew li jimplementa l-Ftehim Qafas, jew li jilħaq għan ieħor, meta jkun introduċa l-emenda rispettiva.

47.      L-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma pproduċiet provi f’dan ir‑rigward. F’kull każ, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 234 KE, huma l-qrati nazzjonali kompetenti biss li għandhom jinterpretaw id-dritt intern (40). Issa, skont il-qorti li quddiem tressqet il‑kawża prinċipali “l-emenda bi tnaqqis tal-kawża ta’ sostituzzjoni jirriżulta li kienet marbuta mill-qrib mal-osservanza tal-obbligu ta’ adattament tas-sistema legali Taljana għad-direttiva inkwistjoni”(41).

48.      Fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax ikun eskluż li l-fatt li d-Digiret Leġiżlattiv 368/2001 ma jipprevedix iktar l‑obbligu li jissemma isem il-ħaddiem issostitwit u r-raġuni għas-sostituzzjoni huwa marbut mal-implementazzjoni tal-Ftehim Qafas, imma huwa wkoll possibbli li għan totalment differenti mill-imsemmija implementazzjoni wassal għal din ir‑riforma. Għandha tkun il-qorti nazzjonali, iktar milli l-Qorti tal-Ġustizzja, li tidentifika r-raġunijiet li pprevalu fl-adozzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata (42).

49.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni magħmula mis-sentenza Angelidaki et, jiġifieri li t-tnaqqis irid iwassal għal-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” mogħti lill-ħaddiema għal żmien determinat, din timplika li tnaqqis biss fuq skala li tista’ taffetwa b’mod globali l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas (43).

50.      F’dan ir-rigward, għandha titkejjel l-importanza tal-effett li kellhom l‑emendi kkontestati fuq il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat, fir-rigward tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel fid-dritt intern.

51.      Jidher li l-bidliet li saru bl-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 fir-rigward tad-dritt nazzjonali preċedenti ma jaffetwawx lill-ħaddiema kollha li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, imma biss dawk li kienu ġew impjegati bil-għan li jissostitwixxu ħaddiema assenti li kellhom dritt li jżommu l‑impjieg tagħhom, peress li din il-kategorija biss issemmiet fl-Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi 230/1962, li għalih tirreferi d-deċiżjoni tar-rinviju.

52.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (44), sakemm il-ħaddiema rreklutati biex tkun żgurata sostituzzjoni ma jirrappreżentawx parti sinjifikattiva tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat fl-Istat Membru kkonċernat, xi ħaġa li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis tal-protezzjoni li tibbenefika minnha tali kategorija ristretta ta’ ħaddiema ma għandux, bħala tali, jaffetwa b’mod globali l-livell ta’ protezzjoni applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema marbuta b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

53.      Barra minn hekk, nosserva li t-test il-ġdid iżomm, minn naħa, ir-rekwiżit li tkun imsemmija r-raġuni għall-użu ta’ kuntratt għal żmien determinat, billi ssir referenza għal raġunijiet preċiżi ta’ teknikalità, ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiema u, min-naħa l-oħra, is-sanzjoni marbuta ma’ dak ir-rekwiżit, jiġifieri l-invalidità tat-terminu. Fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fil-proċess, wieħed jista’ jistaqsi jekk, kif issostni Poste Italiane, l-emendi introdotti jistgħux ikunu kontrobilanċjati b’garanziji oħrajn, b’tali mod li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mis-sistema attwali jkun paragunabbli, jew saħansitra iktar favorevoli mis-sistema l-antika, kemm b’mod globali kif ukoll b’mod speċifiku, jiġifieri f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat.

54.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-emendi li saru minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma jidhirx li jikkostitwixxu tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema sa fejn dawn jistgħu jitpaċew bl-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn, bħal dawk li jipprevjenu l-użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (45), u ma’ din l-ispjegazzjoni nżid ukoll, il‑miżuri li għandhom l-għan li jipprojbixxu d-diskriminazzjonijiet li jsiru kontra l-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

55.      Fiċ-ċirkustanzi imsemmija iktar ’il fuq, il-projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħti lill-ħaddiema b’hekk ma jimpedixxi li ħaddiem jew kategorija ta’ ħaddiema jistgħu jsibu rwieħhom f’sitwazzjoni inqas favorevoli wara t-traspożizzjoni tal-Ftehim Qafas.

56.      Ikun xi jkun il-każ, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema kif ipprojbit mill-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas, u b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-effett konkret tal-emenda tad-dritt intern ikkontestata, għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien suffiċjenti tal-iżvilupp tas-sistema applikabbli għall-kuntratti għal żmien determinat fid-dritt nazzjonali.

57.      Fl-aħħar, jidhirli li l-emendi li saru minn regoli nazzjonali, li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom l-għan li jittrasponu d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim Qafas, ma jikkostitwux tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, sa fejn – u dan għandha tivverifikah il-qorti tar-rinviju – dawn jirrigwardaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew jistgħu jitpaċew bl-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn ta’ protezzjoni għall-ħaddiema li kkonkludew tali kuntratti.

D –    Fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinstiltu mill-interpretazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ nuqqas ta’ rigressjoni”

58.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hix obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, tinjora l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex konformi ma’ dan id-dritt. Essenzjalment, hija tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li l-Artikoli 1 u 11 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 imorru kontra l-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, hija għandiex tapplika minflokhom id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel l‑adozzjoni ta’ dan it-test, jiġifieri l-Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi 230/1962.

59.      Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta għal domanda simili fis-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, u informazzjoni utli oħra li tippermetti li tingħata risposta għal din id-domanda tirriżulta mis-sentenzi Adeneler et u Impact, kif ukoll mid-digriet Vassilakis et (46), kif ġie rrilevat fid-digriet li ngħata fl-istess ħin fil-kawża Koukou (47).

60.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-effett dirett vertikali tad-direttivi (48) kienet estiża għall-ftehim li, l‑istess bħall-Ftehim Qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, ġew innegozjati bejn l-imsieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju u ġew implementati b’direttiva tal-Kunsill, li huma jiffurmaw parti integrali minnha, skont l-Artikolu 139(1) u (2) KE (49).

61.      Sussegwentement, hija ddeċidiet li, b’kunsiderazzjoni għall-għan tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, u għall-portata limitata tagħha, u anki fid-dawl tad-diċitura tagħha, mill-projbizzjoni stabbilita minn dik id-dispożizzjoni l‑individwi ma jistgħu jiddeduċu l-ebda dritt li l-kontenut tiegħu jkun suffiċjentement ċar, preċiż u bla kundizzjonijiet (50).

62.      Kif diġà rrilevajt, tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni eventwalment subit minn ħaddiem mhux bilfors jimplika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni fis-sens tal-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas. Fi kliem ieħor, ma huwiex eskluż li s‑sitwazzjoni ta’ individwu tirriżulta li tkun inqas favorevoli milli taħt is-sistema legali l-antika, mingħajr ma madankollu r-regola nazzjonali l-ġdida tkun kuntrarja għall-Ftehim Qafas.

63.      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l‑imsemmija klawżola ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun prodott effett dirett (51), li f’dan il-każ kien ikun vertikali (52) filwaqt li f’din il-kawża, jista’ jkun prodott effett dirett orizzontali, possibbiltà li dejjem kienet irrifjutata mill-Qorti tal-Ġustizzja (53).

64.      Għandu jiġi ppreċiżat li n-natura ta’ entità privata jew pubblika ta’ Poste Italiane ġiet diskussa ferm mill-partijiet, mingħajr ma l-proċess jinkludi informazzjoni suffiċjenti biex inkun nista’ nieħu pożizzjoni kategorika f’dan ir‑rigward. Barra minn hekk, ma jidhirlix li hemm għalfejn niċċara din in-natura peress li anki effett dirett vertikali ġie espliċitament miċħud fil-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas.

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi qalet li “[f]’dan il-kuntest, huma l-qrati nazzjonali li għandom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kemm jista’ jkun b’mod li jkunu jistgħu jingħataw applikazzjoni li tkun konformi mal-għan (54) imfittex mill-Ftehim Qafas”, u b’mod partikolari li tingħata intepretazzjoni konformi mal-klawżola 8(3) tal-imsemmi ftehim qafas (55).

66.      L-implikazzjonijiet konkreti ta’ din il-ġurisprudenza ġew analizzati b’mod differenti mill-partijiet. Minn dan, F. Sorge ddeduċiet li l-qorti tar-rinviju kellha tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 230/1962 minflok dawk tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 ikkunsidrati bħala li jmorru kontra l-Ftehim Qafas, b’mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Corte costituzionale u mill-Corte suprema di cassazione Taljani. Min-naħa l-oħra, filwaqt li kienet tikkunsidra li dawn id-deċiżjonijiet kienu jixhdu l-konformità tar-regoli kkontestati mal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, Poste Italiane kienet tal-fehma li t-Tribunale di Trani fl-ebda każ ma seta’ jinjora l-imsemmija regoli. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat biss osservazzjonijiet b’mod sussidjarju fuq din id-domanda, u qalet li l-qorti tar-rinviju kellha diversi mezzi biex tagħti lid-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 interpretazzjoni li tkun tista’ tkun konformi mal-livell ta’ protezzjoni mfittex mill-Ftehim Qafas. Minn naħa tiegħu, il-Gvern Olandiż ikkunsidra li l-interpretazzjoni konformi ma kellhiex twassal lill-qorti nazzjonali biex tħalli inapplikati d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni peress li dan iwassal biex il-klawżola ta’ nuqqas ta’ rigressjoni jkollha effett dirett li ġie rrifjutat. Il-Kummissjoni ma’ ppreċiżatx il‑pożizzjoni tagħha dwar dan il-kap.

67.      Is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, tagħti lill-qorti tar-rinviju xi indikazzjonijiet kemm rigward il-bażi legali (punti 197 u 198) kif ukoll rigward il‑limiti tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi (punti 200 sa 202), u dan, b’analoġija, fir-rigward tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas. B’mod partikolari, tfakkar li l-qrati nazzjonali, l-istess bħall-organi kollha tal-Istati Membri, huma obbligati jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u biex iwasslu għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (56). Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il‑missjoni ma jistax iwassal biex il-qorti tar-rinviju tmur lil hinn mill-prerogattivi tagħha, u b’mod partikolari billi tagħti intepretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, peress li l-leġiżlatur huwa l-uniku wieħed li għandu s-setgħa li jemendah.

68.      Jidhirli li għandu jingħad ukoll li, fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi bl-ebda mod ma jista’ jwassal biex regoli nazzjonali li ma humiex formalment validi u rilevanti, kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis, isiru applikabbli. Hija bilfors ir-regola nazzjonali applikabbli li trid tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/70 u mal-Ftehim Qafas, kif ukoll mad-dritt tal-Unjoni inġenerali. Filwaqt li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tista’ twassal biex regola nazzjonali tibqa’ inapplikata, dan id-dritt ma jistax jagħti validità formali jew applikabbiltà in casu fi ħdan is-sistema legali ta’ Stat Membru lil regola li taqa’ taħtha. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jistax “jirxoxta” dispożizzjoni interna li ma għadhiex fis-seħħ u li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, ma hijiex applikabbli ratione temporis fir-rigward ta’ kawża, kif inhu l-każ tad-dispożizzjonijiet abrogati mil-Liġi 230/1962.

69.      Għandu jiġi ppreċiżat li trid issir distinzjoni bejn ir-rekwiżit kif ġie fformulat u dak li jikkunsidra li l-obbligu ta’ intepretazzjoni konformi għandu jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-dritt intern, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għad-direttiva kkonċernata (57). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-dritt nazzjonali, bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnha, jippermetti f’ċerti ċirkustanzi li dispożizzjoni tas-sistema legali interna tiġi intepretata b’tali mod li jkun evitat kunflitt ma’ regola oħra tad-dritt intern jew li titnaqqas għal dan il-għan il-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi din tkun applikata biss sakemm tkun kompatibbli mal-imsemmija regola, il-qorti għandha l-obbligu li tuża l-istess metodi sabiex tilħaq l-eżitu mfittex mid-direttiva (58).

70.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, kif ġie interpretat, ma jfissirx li qed jiġi ammess de facto l-effett dirett, vertikali jew anki orizzontali, tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, kif jaħseb il-Gvern Olandiż. Nikkunsidra li ma għandhiex issir konfużjoni bejn, minn naħa, l-effett dirett li dispożizzjoni ta’ din ix-xorta jista’ jkollha bħala tali fir-rigward tal-individwi u, min-naħa l-oħra, l-effett li din għandha fuq l-attività kemm leġiżlattiva kif ukoll ġudizzjarja (59) tal-Istati Membri.

71.      Konsegwentement, it-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta fis-sens li, minn naħa, individwu ma jistax jippretendi l-implementazzjoni diretta tal-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 jiġu injorati favur dawk, li huma abrogati, tal-Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi 230/1962; imma, min-naħa l-oħra, li fil-każ fejn id‑dispożizzjonijiet ikkontestati jkunu kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju bħala li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, din għandha tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern applikabbli li tippermetti li jkunu rrispettati kemm it-test kif ukoll l-għan tal-imsemmija klawżola, sakemm ikun possibli u mingħajr ma jinqabżu l-limiti tal-kompetenzi tal-imsemmija qorti.

V –    Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale di Trani kif ġej:

“1)      Il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix regoli domestiċi, bħal dawk inklużi fl-Artikoli 1 u 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, tas-6 ta’ Settembru 2001, li, b’differenza għal regola tad-dritt intern preċedenti, bħall-Artikolu 1(2)(b) tal-Liġi Nru 230/1962, tat-18 ta’ April 1962, li tirregola l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma jipprevedux iktar l-obbligu li min iħaddem jispeċifika, fil-kuntratti għal żmien determinat li għandhom l-għan li jissostitwixxu ħaddiema assenti li għandhom id-dritt li jżommu l-impjieg tagħhom, kemm isem il-ħaddiem issostitwit kif ukoll ir-raġuni għas-sostituzzjoni tiegħu, peress li dawn l-emendi – u dan għandha tivverifikah il-qorti tar-rinviju – jirrigwardaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew tpaċew bl-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li kkonkludew kuntratt għal żmien determinat.

2)      Il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss , konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex ikun hemm effett dirett. Fil-każ fejn emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik introdotta bl-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, tas-6 ta’ Settembru 2001, jirriżulta li tmur kontra l-imsemmija klawżola, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tinjora d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, imma għandha tagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ikun possibbli, intepretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari konformi mal-għan tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


3 – Digriet Leġiżlattiv li jeżegwixxi d-Direttiva 1999/70, (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4).


4 – Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981), kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071).


5 – Din il-qorti dan l-aħħar ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna lil Poste Italiane u li tirrigwarda wkoll id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01 u l-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas: ara l-kawża Vino (C-20/10, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


6 – Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ digriet leġiżlattiv tas-6 ta’ Settembru 2001, ser isir referiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE skont in-numerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


7 – L-Artikolu 139(2) KE jipprevedi li l-imsieħba soċjali jistgħu jitolbu flimkien li l-ftehim konklużi fuq il-livell Komunitarju jkunu implementati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.


8 – Jiġifieri l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (li mill-2007 bdiet tissejjaħ BusinessEurope) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi.


9 – GURI Nru 125, tas-17 ta’ Mejju 1962, p. 2010.


10 – Il-preambolu għad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001 jindika li dan ġie adottat b’eżekuzzjoni tal-Liġi ta’ Awtorizzazzjoni Nru 422, tad-29 ta’ Diċembru 2000, u b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 1 tal-Anness B tagħha, li jikkonċerna d-Direttiva 1999/70 (GURI Nru 16, tal-20 ta’ Jannar 2001, p. 5).


11 – Il-kuntratt ikkontestat kien konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 247 tal-24 ta’ Diċembru 2007 (GURI Nru 301, tad-29 ta’ Diċembru 2007, p. 3) li żiedet, fil-bidu tal-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001, paragrafu li jfakkar: “il-kuntratt ta’ xogħol għandu, bħala regola ġenerali, jiġi konkluż għal żmien indeterminat”.


12 – B’digriet tal-21 ta’ April 2008, it-Tribunale di Trani kien diġà qajjem il-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità fir-rigward tal-Artikoli 1 u 11 tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001, li l-Corte Costituzionale ddeċidiet dwarha permezz tad-Deċiżjoni Nru 214, tat-8 ta’ Lulju 2009.


13 – Għandu jiġi enfasizzat li, l-osservazzjonijiet kollha li ġew ippreżentati mill-partijiet huma sussegwenti għas-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, bil-kontra tad-deċiżjoni tar-rinviju.


14 – Ir-rappreżentant ta’ Poste Italiane ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi tmiem is-seduta, id‑Deċiżjoni Nru 214/2009 mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2009 mill-Corte Costituzionale, kif ukoll tliet sentenzi mogħtija mill-Corte Suprema di Cassazione, Sezione Lavoro (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2009 u tal-14 ta’ Jannar 2010, Nru R.G.N. 22536/2008; sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2009 u tal-14 ta’ Jannar 2010, Nri R.G.N. 21956/2008 u 22465/2008; sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tas-27 ta’ Jannar 2010, Nru R.G.N. 20577/2006).


15 – Żewġ għanijiet maqgħuda fin-neoloġiżmu tal-“flessigurtà”, li b’mod partikolari jintuża f’dokumenti tal-Kummissjoni bħall-Komunikazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007, KUMM/2007/0359 finali.


16 – Ara, f’dan ir-rigward, il-preambolu għall- u l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas.


17 – L-eżistenza ta’ ftehim kollettivi Ewropej bħala strumenti li għandhom valur ġuridiku vinkolanti, u għalhekk l-eżistenza ta’ liġi kollettiva Ewropea dwar ix-xogħol, tiddependi tabilħaqq mill-kunfidenza li l-imsieħba soċjali għandhom fil-fatt li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom ser ikunu konformi mal-kompromessi nnegozjati.


18 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 126 u 208 sa 212).


19 – “Fil-każ li domanda għal deċiżjoni preliminari tkun identika għal domanda li l-Qorti diġà ddeċidiet dwarha, jew fil-każ li t-tweġiba għal tali domanda tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih referenza għas-sentenza preċedenti jew għall-ġurisprudenza kkonċernata”.


20 – Ara d-digrieti tal-24 ta’ April 2009, Koukou (C‑519/08), kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2009, Lagoudakis (C‑162/08 sa C‑164/08).


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 et seq) kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 39 et seq).


22 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


23 – F. Sorge mhux qed tirreferi biss għall-Artikolu 1(1), (2) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv 368/2001, imma anki għall-Artikoli 2(1a), 4,,4a u 5(3) u (4a) ta’ dan it-test.


24 – Fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ tali argumenti u, jekk ikun il-każ, li terġa’ tagħmel rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tikkunsidra li dan huwa meħtieġ sabiex tikseb iktar punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, Ġabra p. 3261, punti 9 et seq) kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 1992, Syndesmos Melon tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et (C‑381/89, Ġabra p. I‑2111, punti 18 et seq).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, (C‑352/95, Ġabra p. I‑1729, punt 14) kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C‑412/96, Ġabra p. I‑5141, punt 24).


26 – Rigward dan il-kunċett, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 66 et seq, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et (C‑364/07, punti 88 et seq).


27 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 40 sa 43).


28 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold (punti 41 sa 43) kif ukoll Angelidaki et (punt 90).


29 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 44 et seq.) F’din il-kawża, il-kawża prinċipali kienet tikkonċerna kuntratt wieħed għal żmien determinat (punt 20 tal-imsemmija sentenza).


30 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 108 et seq.). F’waħda mit-tliet kawżi magħquda, jiġifieri l‑Kawża C‑378/07, il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda sensiela ta’ kuntratti uniċi għal żmien determinat (punt 32 tal-imsemmija sentenza).


31 – Għandu jiġi ppreċiżat li l-kuntest ta’ interpretazzjoni hawnhekk huwa differenti minn dak li analizzajt fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalkemm il-qasam kopert mill-klawżola 8(3) ma għandux jiġi interpretat b’mod iktar ristrett minn dak tal-Ftehim Qafas, madankollu l-qari tad-diċitura tal-Klawżoli 1 sa 3 jindika, fil-fehma tiegħi, li l-kliem użati fil-Ftehim Qafas ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kunċett estensiv.


32 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 111 sa 116). Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Ftehim Qafas, ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punti 40 et seq); tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo (C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punt 32), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 24 et seq).


33 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 121).


34 – Punt 62 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq.


35 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 130).


36 – Sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


37 – Ir-Repubblika Taljana ssostni, naturalment, li l-Artikoli 1 u 11 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv ma jaqgħux fil-qasam kopert mill-Ftehim Qafas, imma l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward ma jikkonvinċunix, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq.


38 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 133).


40 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet Vassilakis et iċċitat iktar ’il fuq (punt 134), kif ukoll is‑sentenzi Marrosu u Sardino iċċitata iktar ’il fuq (punt 54), u tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, Ġabra p. I-3889, punt 30).


41 – Punt III tat-talba għal deċiżjoni preliminari, fejn għandu jiġi ppreċiżat li hija l-espressjoni bil-Latin “reformatio in peius” li hija bil-korsiv fit-test oriġinali.


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 138).


43 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 140).


44 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 142).


45 – Ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 146).


46 – Sentenzi Adeneler et iċċitata iktar ’il fuq (punti 108 sa 124), kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punti 69 sa 80); digriet Vassilakis et iċċitat iktar ’il fuq (punti 56 sa 72).


47 – Digriet iċċitat iktar ’il fuq (punti 125 et seq).


48 –     Ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 193 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


49 – Ara s-sentenza Impact iċċitata iktar ’il fuq (punt 58), li teskludi l-effett dirett tal-klawżola 5(1) ta’ dan il-ftehim qafas imma tirrikonoxxi tali effett għall-klawżola 4(1).


50 – Ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 208 sa 211). L-Avukat Ġenerali Kokott kien ikkonkluda wkoll li l-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas ma tistax tiġi applikata direttament, minħabba “l-użu ta’ termini ġuridiċi vagi” u fuq kollox minħabba li “din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma hija intiża li tagħti lill-individwu drittijiet ta’ protezzjoni tal-interessi tiegħu li huwa jista’ jeżerċita ġudizzjarjament” (punti 125 sa 127 tal-konklużjonijiet ippreżentati f’din il‑kawża).


51 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 208 sa 211).


52 – Id-diversi kawżi prinċipali kienu bejn ħaddiema u l-awtoritajiet territorjali li jimpjegawhom.


53 – Skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax tiġi invokata kontra individwu, filwaqt li din tista’ tiġi invokata kontra Stat, ikun xi jkun l-inkarigu li jkopri dan tal-aħħar, jiġifieri bħala persuna li tħaddem jew awtorità pubblika. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punti 48,49); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punti 24 u 25); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 109); tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C‑356/05, Ġabra p. I‑3067, punt 40), kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 46).


54 – Peress li l-ftehim qafas li jagħmel parti mid-Direttiva 1999/70, għandu l-istess natura ġuridika tagħha, l-għan tal-imsemmi ftehim għandu jkun osservat b’mod sħiħ mill-Istati Membri, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE.


55 – Sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 212 u 213), kif ukoll il-punti 122 sa 128 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati f’dik il-kawża.


56 – Is-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, dan l-aħħar fakkret dawn il-prinċipji (ara l-punt 48).


57 – Ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 197). Nikkunsidra li din il‑kunsiderazzjoni tista’ tiġi applikata biss għad-dispożizzjonijiet li tabilħaqq għandhom valur leġiżlattiv fis-sistema legali interna u mhux għad-dispożizzjonijiet abrogati li għandhom biss eżistenza fattwali, bħala element tal-istorja tad-dritt nazzjonali.


58 – Ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 116).


59 – F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza l-fatt li l-Ftehim Qafas jista’ jkun is-suġġett ta’ kawżi li jikkonċernaw mhux biss lill-individwi imma li jikkonċernaw anki lill-imsieħba soċjali, fuq livell settorjali jew anki nazzjonali, u li l-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u tal-ftehim kollettivi konformi mal-klawżola 8(3) tal-imsemmi ftehim qafas jidhirli li huma wkoll rilevanti fuq dan il-livell li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti individwali ta’ xogħol.

Top