EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0209

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 4 ta' Settembru 2008.
Competition Authority vs Beef Industry Development Society Ltd u Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
Kompetizzjoni - Artikolu 81(1) KE - Kunċett ta’ ‛ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’ - Ftehim għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni - Laħam taċ-ċanga u tal-vitella.
Kawża C-209/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08637

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:467

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-209/07

Competition Authority

vs

Beef Industry Development Society Ltd

u

Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — Il-kuntest ġuridiku

 

III — Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

 

A — Il-fatti

 

B — Il-proċedura quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi tal-kompetizzjoni u l-proċedura ġudizzjarja fil-kawża prinċipali

 

C — Id-domanda preliminari

 

IV — Il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — L-argumenti tal-partijiet

 

VI — Kunsiderazzjonijiet legali

 

A — Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim

 

1. Kontenut, struttura u applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

 

a) Struttura tal-Artikolu 81 KE

 

b) Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

 

2. Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

 

a) Kriterju tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

 

b) Il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan huwa limitat għar-restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni?

 

c) Teżisti lista eżawrjenti tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan?

 

d) Kuntest ġuridiku u ekonomiku

 

3. Konklużjoni

 

B — Ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni?

 

1. Restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika li huma jkollhom l-intenzjoni li jsegwu fis-suq

 

2. Tibdil tal-kundizzjonijiet tas-suq

 

a) Tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-settur tal-ipproċessar kollu

 

b) Il-ħruġ mis-suq

 

c) Ħlas ta’ kontribuzzjonijiet

 

d) Dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu u tat-tneħħija

 

e) Konklużjoni

 

3. Teħid inkunsiderazzjoni tal-obbjettivi tal-kuntratti BIDS

 

4. Konklużjoni

 

C — Evalwazzjoni finali tal-elementi ta’ ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS

 

VII — Konklużjoni

“Kompetizzjoni — Artikolu 81(1) KE — Kunċett ta’ ‘ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’ — Ftehim għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella”

I — Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE minħabba l-għan tal-ftehim. Il-kwistjoni għandha l-isfond ekonomiku tal-eċċessi ta’ kapaċità, kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, li jaffettwaw is-settur tal-ipproċessar tal-laħam taċ-ċanga fl-Irlanda (iktar ’il quddiem, is-“settur tal-ipproċessar”). Is-settur tal-ipproċessar jixtri l-annimali tal-ifrat minn stabbilimenti tat-trobbija, joqtolhom, jiddissussahom u mbagħad ibiegħ il-laħam fit-territorju nazzjonali u barra mill-pajjiż. Dawk li jipproċessaw il-laħam jixtiequ jnaqqsu l-eċċessi ta’ kapaċità permezz ta’ ftehim.

2.

Il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ipprovduta mill-Artikolu 81(1) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-ftehim ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam. Għalhekk id-domanda preliminari hija limitata taħt żewġ aspetti. Minn naħa, din tirrigwarda biss il-ftehim li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bl-esklużjoni ta’ ftehim li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni hija biss dwar jekk il-ftehim jaqgħux taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previst fl-Artikolu 81(1) KE; mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, minħabba l-effetti pożittivi tagħhom, il-ftehim jistgħux minkejja kollox ikunu kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 81(3) KE.

II — Il-kuntest ġuridiku

3.

Abbażi tal-Artikolu 81(1) KE, għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju;

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment;

ċ)

it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;

d)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv;

e)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skont l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.

4.

Madankollu, skont l-Artikolu 81(3) KE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) jistgħu jiġu ddikjarati inapplikabbli:

fil-każ ta’ akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi;

fil-każ ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

u

fil-każ ta’ prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew biex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, iżda li ma:

a)

jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba tal-għanijiet ta’ hawn fuq;

b)

jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

5.

L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 2 ) jiddisponi:

“1.   Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma maqbudin mill-Artikolu 81(1) tat-Trattat li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat [huma] pprojbiti, l-ebda deċiżjoni għal dan l-effett mhux bż[]onjuża.

2.   Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma maqbudin mill-Artikolu 81(1) tat-Trattat li [jissodisfaw] il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat [mhumiiex] ipprojbiti, l-ebda deċiżjoni għal dan l-effett mhux bż[]onjuża.”

III — Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

A — Il-fatti

6.

L-eċċessi ta’ kapaċità li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, jirrigwardaw is-settur tal-ipproċessar fl-Irlanda huma partikolarment ir-riżultat ta’ politika li, fil-passat, inkoraġġiet bil-qawwa l-kostruzzjoni u t-tagħmir tal-impjanti tal-ipproċessar mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni d-domanda reali għal-laħam taċ-ċanga. Iktar minn hekk, il-volum ta’ annimali tal-ifrat għall-ipproċessar kien ivarja sew skont l-istaġun. Waqt l-aqwa tiegħu, dawk li jipproċessaw il-laħam kellhom għalhekk jiffaċċjaw ammont kbir ta’ prodott għall-ipproċessar. Biż-żmien, it-trobbija tal-annimali tal-ifrat tilfet min-natura staġjonali tiegħu. Ċertament, wieħed għadu jista’ josserva ċerti varjazzjonijiet staġjonali, iżda l-kapaċità globali tal-impjanti tal-ipproċessar madankollu qiegħda tkompli taqbeż b’madwar 32 % l-prodott li jrid jiġi pproċessat u dan anke waqt l-aqwa tal-istaġun.

7.

Peress li s-settur tal-laħam taċ-ċanga għandu rwol importanti fl-ekonomija Irlandiża, il-Gvern Irlandiż u r-rappreżentanti tas-settur tal-ipproċessar ikkommissjonaw studju mingħand uffiċċju ta’ konsulenti. L-għan ta’ dan l-istudju kien li jiġu identifikati l-miżuri li fit-tul, jistgħu jżidu l-vijabbiltà tal-operaturi kollha tas-settur tal-laħam taċ-ċanga fl-Irlanda.

8.

L-istudju tas-suq ippubblikat fl-1998 ikkonstata l-eżistenza ta’ eċċessi ta’ kapaċità sostanzjali fis-settur tal-ipproċessar u ħabbar li dawn kienu ser iwasslu għal tnaqqis fil-vijabbiltà tas-settur kollu tal-ipproċessar. Dan it-tbassir kien ibbażat essenzjalment fuq ir-raġunament segwenti: il-qligħ ta’ dak li jipproċessa l-laħam jistrieħ essenzjalment fuq id-differenza bejn, minn naħa, il-prezz tax-xiri tal-bhima u l-ispejjeż tal-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-bejgħ tal-laħam. L-ammont ta’ qligħ jiddependi b’mod partikolari fuq kemm jintużaw l-impjanti tal-ipproċessar u kemm hemm eċċessi ta’ kapaċità. Użu iktar intens tal-kapaċitajiet jippermetti ekonomiji ta’ skala, li jnaqqsu l-ispejjeż tal-ipproċessar. L-eċċessi ta’ kapaċità jistimulaw il-kompetizzjoni bejn dawk li jipproċessaw il-laħam waqt il-bejgħ tal-laħam taċ-ċanga u għaldaqstant jiġġeneraw tnaqqis fil-prezzijiet. L-istudju jħabbar ukoll li t-tnaqqis fil-vijabbiltà ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam iwassal sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, numru minnhom ikollhom joħorġu mis-suq.

9.

Is-soluzzjoni proposta mill-istudju tas-suq hija li jitnaqqas in-numru ta’ operaturi fis-settur tal-ipproċessar, bl-għajnuna ta’ skema ta’ kumpens li tinkoraġġihom iħallu s-suq. L-istudju tas-suq enfasizza l-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw minn dan kollu għas-settur tal-ipproċessar u kkwantifikahom fl-ammont ta’ 18-il miljun sterlina Irlandiża (IEP); il-miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni li jakkumpanjaw din l-iskema jistgħu jwasslu għall-iffrankar ta’ IEP 14-il miljun oħra.

10.

Il-grupp ta’ ħidma fuq il-laħam taċ-ċanga (Beef Task Force) li twaqqaf mill-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel (Minister for Agriculture and Food) elabora rapport fl-1999, fejn huwa qabel mal-konklużjonijiet tal-istudju tas-suq u stieden lill-industrija tal-ipproċessar sabiex timplementahom.

11.

F’Ġunju 2002, uħud minn dawk li jipproċessaw il-laħam ħolqu l-Beef Industry Development Society Ltd (iktar ’il quddiem, il-“BIDS”). Il-membri attwali tal-BIDS jipproduċu madwar 93 % tal-laħam taċ-ċanga kkummerċjalizzat fl-Irlanda. L-għan tal-kumpannija BIDS huwa li timplementa l-istudju tas-suq tal-uffiċċju ta’ konsulenti u r-rapport tal-grupp ta’ ħidma fuq il-laħam taċ-ċanga. Għal dan il-għan, il-BIDS elaborat ftehim (iktar ’il quddiem, il-“ftehim BIDS”) li għandu l-għan li f’sena waħda jnaqqas il-kapaċità totali tas-settur tal-ipproċessar b’25 %. Għal dan il-għan, il-ftehim BIDS jipprovdi s-segwenti:

12.

Uħud minn dawk li jipproċessaw il-laħam, li huma membri tal-BIDS (iktar ’il quddiem, “il-membri li ser joħorġu”) għandhom jimpenjaw ruħhom kontrattwalment mal-BIDS li joħorġu mis-settur tal-ipproċessar, li jagħlqu n-negozji tagħhom u li, għal sentejn, josservaw klawżola ta’ non-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem, il-“kuntratti għall-ħruġ”). Barra minn hekk, il-kuntratti għall-ħruġ għandhom jinkludu l-impenn li, għal tul ta’ ħames snin, dawn il-membri ma jużawx l-art tan-negozju magħluq tagħhom għall-iskop tal-ipproċessar tal-laħam taċ-ċanga (iktar ’il quddiem, “restrizzjoni fir-rigward tal-użu”) u sabiex ma jbiegħux lil dawk li jipproċessaw il-laħam fl-Irlanda t-tagħmir destinat għall-ipproċessar primarju tal-annimali tal-ifrat ħlief sabiex iservu ta’ tagħmir għall-użu f’każ ta’ emerġenza jew għall-biċċiet, jew inkella jbiegħu dan it-tagħmir barra mill-Irlanda (iktar ’il quddiem, “restrizzjoni fir-rigward tat-tneħħija”). Mhuwiex previst li min jipproċessa l-laħam jista’ jagħlaq biss ftit mill-impjanti tal-ipproċessar tiegħu. Il-BIDS diġà kkonkluda kuntratt għall-ħruġ ma’ Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd, li hija kumpannija li tipproċessa l-laħam (iktar ’il quddiem, “Barry Brothers”).

13.

Bħala kumpens, huwa previst li l-membri li joħorġu mis-settur jiġu kkumpensati mill-BIDS. Fuq livell intern, il-kumpensi ser ikunu ffinanzjati mill-membri tal-BIDS li jibqgħu fis-settur tal-ipproċessar (iktar ’il quddiem, il-“membri li jibqgħu”).

14.

L-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri li jibqgħu, huwa skont skali: huwa ta’ EUR 2 ir-ras meta dawk li jipproċessaw il-laħam ma jaqbżux l-ammont ta’ volum li huma joqtlu normalment, u jitla’ għal EUR 11 għal kull bhima maqtula lil hinn min dan il-volum. Il-volum normali ta’ qtil jikkorrispondi għall-volum ta’ qtil medju ta’ dak li jipproċessa l-laħam matul it-tliet snin li jiġu qabel l-implementazzjoni tal-ftehim BIDS.

B — Il-proċedura quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi tal-kompetizzjoni u l-proċedura ġudizzjarja fil-kawża prinċipali

15.

Matul il-ħolqien ta’ dan il-programm, il-BIDS fittxet li ssib qbil mal-Competition Authority Irlandiża (iktar ’il quddiem, l-“Awtorità”). Fil-5 u s-26 ta’ Ġunju 2003, l-Awtorità infurmat lil BIDS li hija kienet tqis li l-ftehim BIDS u l-kuntratt għall-ħruġ konkluż ma’ Barry Brothers (iktar ’il quddiem, il-ftehim BIDS u l-kuntratt għall-ħruġ konkluż ma’ Barry Brothers ser jiġu msejħin kollettivament bħala “kuntratti BIDS”) ma kinux kumpatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni Irlandiża. Fit-, l-Awtorità talbet lill-High Court Irlandiża (iktar ’il quddiem, il-“High Court”) sabiex tiddikjara li l-kuntratti BIDS kienu jiksru l-Artikolu 81 KE.

16.

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2006, il-High Court ċaħdet din it-talba tal-Awtorità minħabba li l-kuntratti BIDS ma kinux jaqgħu taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE. Fil-fehma tagħha, il-kuntratti BIDS m’għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni peress li dawn la jirrigwardaw ftehim fuq il-prezzijiet, la fuq it-tqassim tal-klijenti u lanqas fuq il-limitazzjoni tal-produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1)(a) sa (ċ) KE. Hija ssostni li t-tnaqqis tal-kapaċità globali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala limitazzjoni tal-produzzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li l-kuntratti BIDS m’għandhomx l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, peress li tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità globali jista’ jillimita l-kompetizzjoni biss jekk dan iwassal għal nuqqas ta’ kapaċità li tlaħħaq mad-domanda li tissarraf f’żieda fil-prezzijiet. Jekk wieħed jitlaq mill-premessa li fil-futur, il-produzzjoni globali tal-laħam taċ-ċanga fl-Irlanda mhux ser tiżdied iżda pjuttost x’aktarx ser titbaxxa, il-High Court issostni li l-ipproċessar tal-annimali tal-ifrat kollha, huwa garantit anke jekk il-kapaċità globali titnaqqas b’25 %. Bl-istess mod, fil-fehma tagħha, mhuwiex previst li l-prezzijiet kienu ser jogħlew. Fil-fatt, anke jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet iżid l-ispejjeż tal-ipproċessar għal min jipproċessa, xorta ma kinux ser jogħlew il-prezzijiet partikolarment minħabba l-ekonomiji ta’ skala tal-membri li jibqgħu minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità globali, u tas-saħħa fin-negozjati tal-klijenti ta’ min jipproċessa l-laħam.

17.

Skont il-High Court, lanqas ir-restrizzjonijiet fil-qasam tal-użu u t-tneħħija ma jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni. Hija ssostni li għalkemm, ċertament, ma jagħmilx sens, mill-aspett ekonomiku, li wieħed jibni impjanti ta’ pproċessar ġodda fis-sitwazzjoni attwali tas-suq, madankollu, il-kompetituri potenzjali jibqgħalhom il-possibbiltà li jidħlu s-suq billi jixtru l-impjanti tal-ipproċessar (jiġifieri mingħand dawk li jibqgħu jew mingħand dawk li jipproċessaw il-laħam li mhumiex membri tal-BIDS).

18.

Bħala konklużjoni, hija ssostni li l-kuntratti BIDS ma jistgħux jiġu kkontestati b’mod li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom.

19.

Barra minn hekk, il-High Court sostniet li peress li BIDS ma wrietx li l-konsumaturi kienu ser jingħataw sehem ġust mill-benefiċċji, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE mhumiex sodisfatti, madankollu dan il-fatt huwa rrilevanti peress li l-ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni pprovduta milll-Artikolu 81(1) KE.

20.

L-Awtorità kkontestat id-deċiżjoni tal-High Court quddiem is-Supreme Court Irlandiża (iktar ’il quddiem, is-“Supreme Court”).

C — Id-domanda preliminari

21.

Is-Supreme Court tqis li l-kawża tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE u li din il-kwistjoni hija deċiżiva għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 234 KE, hija għamlet id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta jkun ġie stabbilit mill-qorti li:

a)

hemm eċċess ta’ kapaċità fis-settur tal-ipproċessar tal-laħam taċ-ċanga, li huwa stmat li huwa ta’ madwar 32 % meta kkalkolat fi żmien il-produzzjoni massima;

b)

l-effetti ta’ dawn l-eċċessi ta’ kapaċità ser ikollhom effetti serji fuq il-vijabbiltà tas-settur kollu fuq medda ta’ żmien medju;

ċ)

għalkemm, hekk kif ġie stabbilit, l-effetti ta’ dawn l-eċċessi għadhom ma bdewx jinħassu b’mod sinjifikattiv, xi konsulenti indipendenti indikaw li fuq medda ta’ żmien medju, dawn l-eċċessi ta’ kapaċità mhux ser ikunu jistgħu jiġu eliminati fil-kors normali tas-suq; anzi, fiż-żmien, huma ser iġibu magħhom telf kbir u finalment iwasslu sabiex xi wħud minn dawk li jipproċessaw il-laħam joħorġu mis-suq;

d)

xi wħud minn dawk li jipproċessaw il-laħam li jirrappreżentaw madwar 93 % tal-offerta tal-laħam taċ-ċanga fis-settur ftehmu li jieħdu xi miżuri sabiex jeliminaw l-eċċessi ta’ kapaċità u huma disposti li jħallsu xi kontribuzzjonijiet intiżi sabiex jiffinanzjaw il-kumpens li jrid jingħata lil dawk il-persuni li jipproċessaw il-laħam li jaċċettaw li jtemmu l-produzzjoni tagħhom, u li

dawk li jipproċessaw il-laħam, li jirrappreżentaw għaxar impriżi, jiffurmaw persuna morali (Society) ( 3 ) bil-għan li jiġi implementat ftehim li fih il-karatteristiċi segwenti:

1.

l-impriżi ( 4 ) li joqtlu u jipproċessaw 420000 bhima fis-sena, li jirrappreżentaw madwar 25 % tal-kapaċitajiet attivi ser jilħqu ftehim mal-impriżi li jibqgħu ( 5 ) bil-għan li joħorġu mis-settur taħt il-kundizzjonijiet segwenti;

2.

dawk li joħorġu jintrabtu bi klawżola ta’ non-kompetizzjoni li tkun valida għal sentejn, fir-rigward tal-ipproċessar tal-bhejjem fl-Irlanda kollha;

3.

l-impriżi li joħorġu jkollhom jagħlqu;

4.

l-artijiet tal-impriżi magħluqa ma jkunux jistgħu jintużaw għal xogħol ta’ pproċessar tal-laħam taċ-ċanga għal ħames snin;

5.

dawk li joħorġu jingħataw kumpens li jitħallas bin-nifs, permezz ta’ self li jingħata minn dawk li jibqgħu lill-kumpannija;

6.

jitħallsu kontribuzzjonijiet volontarji lill-kumpannija minn dawk kollha li jibqgħu bir-rata ta’ EUR 2 għal kull bhima inkluża fil-volum normali tal-qtil, espress f’persentaġġ, u ta’ EUR 11 ir-ras għal kull bhima maqtula lil hinn minn dan il-volum;

7.

il-kontribuzzjonijiet volontarji ser iservu sabiex jitħallas lura s-self, u dawn il-kontribuzzjonijiet jintemmu malli s-self jitħallas lura kollu;

8.

it-tagħmir ta’ dawk li joħorġu li jkun użat fl-ipproċessar primarju tal-laħam taċ-ċanga jinbiegħ lil dawk li jibqgħu biss sabiex iservi ta’ tagħmir għall-użu f’każ ta’ emerġenza jew għal biċċiet, jew inkella jinbiegħ barra mill-Irlanda;

9.

m’għandiex tiġi mittiefsa l-libertà ta’ dawk li jibqgħu f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni, il-prezzijiet, il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, l-importazzjoni u l-esportazzjoni, iż-żieda fil-kapaċità jew punti oħra,

u fejn jirriżulta li tali ftehim jista’, għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE, ikollu effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri, tali ftehim għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu bħala għan, li huwa distint mill-effett tiegħu, li jostakola, jirrestrinġi jew jiddistorċi l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u konsegwentement, bħala inkumpatibbli mal-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?”

IV — Il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2007. Il-BIDS, l-Awtorità, il-Gvern tal-Belġju u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tal-, l-Awtorità, il-BIDS u l-Kummissjoni issostanzjaw is-sottomissjonijiet tagħhom.

V — L-argumenti tal-partijiet

23.

Il-BIDS, l-Awtorità, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-punti segwenti: l-Artikolu 81(1) KE jagħmel distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Mhuwiex meħtieġ li jiġi ppruvat li restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tipproduċi effett. Sabiex wieħed jipprova l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut tal-ftehim, imma wkoll il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu.

24.

Il-partijiet ma jaqblux fuq kif għandha tinftiehem ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u fuq il-punt dwar jekk il-kuntratti tal-BIDS jaqgħux taħt din id-definizzjoni, fejn għandu jiġi indikat li l-BIDS tiddefendi t-teżi li l-kuntratti BIDS ma jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, filwaqt li l-Awtorità, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni jsostnu mod ieħor.

25.

Il-BIDS ixxebbah ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mar-restrizzjonijiet intranżiġenti tal-kompetizzjoni u mal-ftehim li min-natura tagħhom jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-BIDS issostni li din il-kategorija ta’ ftehim għandha tiġi interpretata b’mod strett u li tinkludi biss numru limitat ta’ restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni, bħalma huma l-ftehim fuq il-prezzijiet, il-limitazzjonijiet tal-produzzjoni jew it-tqassim tas-swieq jew tal-klijenti. Ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija limitata esklużivament għal ftehim li juru tali livell ta’ gravità u noċività.

26.

Il-BIDS issostni li l-kuntratti BIDS ma jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. L-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħhom juri biċ-ċar li dawn ma jaqgħux taħt il-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-BIDS tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-konstatazzjonijiet tal-High Court fir-rigward tal-assenza ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni globali u żieda fil-prezzijiet fil-futur, kif ukoll fuq is-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni li timponi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi ( 6 ). Barra minn hekk, hija tosserva li m’hemm l-ebda restrizzjoni tal-libertà ta’ dawk li jibqgħu fir-rigward ta’ kwoti ta’ produzzjoni, ishma tas-suq u prezzijiet. Hija tenfasizza wkoll li l-kuntratti BIDS għandhom l-għan leġittimu li jnaqqsu l-eċċessi ta’ kapaċitajiet. Il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, il-klawżoli ta’ non-kompetizzjoni u r-restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija huma miżuri li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fl-aħħar nett, hija tippreċiża li hija ma kinitx aġixxiet bil-moħbi.

27.

Skont il-BIDS, mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi jirriżulta li l-kuntratti BIDS la huma evidenti u lanqas antikompetittivi sal-punt li jaqgħu fil-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom.

28.

Skont l-Awtorità, ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan f’każ ta’ restrizzjonijiet evidenti jew intranżiġenti tal-kompetizzjoni, iżda ma teżistix lista eżawrjenti ta’ dawn ir-restrizzjonijiet. Hija ssostni li mhuwiex meħtieġ li wieħed ifittex li jsir jaf liema huma l-għanijiet persegwiti mill-partijiet u li mhuwiex possibbli li mis-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni ( 7 ) jiġu mislutin konklużjonijiet li jolqtu din il-proċedura.

29.

Skont l-Awtorità, il-kontenut tal-kuntratti BIDS juri li dawn il-kuntratti għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-ħruġ mis-settur ippjanat għal dawk li jipproċessaw il-laħam f’porzjon ekwivalenti għal madwar 25 % tal-kapaċità globali jikkostitwixxi limitazzjoni tal-produzzjoni jew, minn tal-inqas, limitazzjoni fuq il-kapaċità li wkoll tirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-Awtorità barra minn hekk, tiġbed l-attenzjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet dovuta għall-kontribuzzjonijiet, fuq ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu u t-tneħħija imposti fuq dawk li joħorġu u fuq il-fatt li dawk li jibqgħu mhumiex neċessarjament dawk l-iktar effiċjenti. Fil-fehma tagħha, dawn l-elementi tal-kuntratti BIDS jistgħu wkoll jiġu kkwalifikati bħala restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni minħabba l-għan.

30.

Fil-fehma tagħha, l-effetti pożittivi tal-kuntratti BIDS għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE.

31.

Fl-interpretazzjoni li huwa jagħti lill-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ir-Renju tal-Belġju jibbaża ruħu fuq l-istruttura tal-Artikolu 81 KE. Peress li wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, huwa fl-obbligu tal-impriżi li jevalwaw huma stess il-ftehim tagħhom, jeħtieġ li tiġi enfasizzata d-differenza bejn l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 81(3) KE. L-eżami li jsir skont l-Artikolu 81(1) KE jirrigwarda biss il-preżenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kwistjoni li hija distinta minn dik dwar jekk ftehim li jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE jistax ikun kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 81(3) KE.

32.

Skont ir-Renju tal-Belġju, ftehim intiż li jirrazzjonalizza s-settur tal-ipproċessar u li jkun intenzjonat li jagħmel dan billi jħajjar lil dawk li jipproċessaw il-laħam biex joħorġu mis-suq f’persentaġġ ta’ 25 % mill-kapaċità globali, huwa ftehim li huwa intiż li jbiddel il-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk il-kuntratti BIDS jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

33.

Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm il-ġurisprudenza Komunitarja fuq il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għall-ewwel, kienet tirrigwarda kawżi konċernanti restrizzjonijiet intranżiġenti, madankollu, sussegwentement il-qrati Komunitarji kienu kkwalifikaw ukoll bħala ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu, dawk il-ftehim li kellhom għanijiet leġittimi. Għalhekk, il-persegwiment ta’ għan leġittimu ma jeskludix li l-istess ftehim jiġi kklassifikat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu u, għaldaqstant, l-Artikolu 81(1) KE japplika wkoll għal ftehim li l-għan tagħhom ikun li jikkonfronta kriżi. Il-Kummissjoni ssostni li interpretazzjoni differenti ma tkunx kumpatibbli mad-diċitura tal-Artikolu 81 KE. Hija ssostni, barra minn hekk, li mhuwiex meħtieġ li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni tkun evidenti, u li mhuwiex rilevanti jekk il-kuntratti BIDS ġewx innegozjati u konklużi b’mod sigriet jew pubblikament.

34.

F’dak li jirrigwada l-evalwazzjoni tal-kuntratti BIDS, il-Kummissjoni ssegwi sostanzjalment il-fehma tal-Awtorità.

VI — Kunsiderazzjonijiet legali

35.

Peress li l-partijiet għandhom fehma differenti dwar il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jiena l-ewwel ser nittratta din il-kwistjoni (A), qabel ma neżamina jekk ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (B). Fl-aħħar jiena ser nittratta l-mod li bihom għandhom jiġu analizzati d-diversi elementi fid-dawl, b’mod partikolari tal-Artikolu 81(1)(b) KE, u tad-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 81(1) KE (Ċ).

A — Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim

36.

Ċertament, kif osservajt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domanda preliminari hija limitata għall-interpretazzjoni tal-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li jinsab fl-Artikolu 81(1) KE. Tali interpretazzjoni, madankollu, ma tistax tingħata mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li taħtu jaqa’ dan il-kunċett. Konsegwentement, fl-elaborazzjonijiet li ser isegwu, jiena ser nittratta l-ewwel il-kontenut, l-istruttura u l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (1), u fit-tieni lok, it-tifsira ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim” (2).

1. Kontenut, struttura u applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

a) Struttura tal-Artikolu 81 KE

37.

L-Artikolu 81(1) KE bħala prinċipju jipprojbixxi l-ftehim kollha bejn l-impriżi li għandhom bħala għan jew effett tagħhom ir-restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni ( 8 ). Il-fatt li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew l-effett hija kundizzjoni ta’ natura alternattiva ( 9 ). Malli jiġi stabbilit li l-ftehim għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tiegħu tkun superfluwa ( 10 ). Konsegwentement, sabiex ikun japplika l-prinċipju tal-projbizzjoni pprovdut fl-Artikolu 81(1) KE huwa biżżejjed li l-ftehim ikollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

38.

Madankollu, il-prinċipju tal-projbizzjoni pprovdut fl-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi ddikjarat inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Għal dan il-għan, hemm erba’ kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti kumulattivament, jiġifieri, fl-ewwel lok, li l-ftehim iwassal għal xi benefiċċju billi jikkontribwixxi biex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku u, fit-tieni lok, li jassigura li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnu. It-tielet u r-raba’ kundizzjoni rispettivament, huma li l-ftehim ma jimponix fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet u li ma jagħtix lil dawn l-impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

39.

Għalhekk, l-Artikolu 81 KE jipprovdi għal analiżi maqsuma f’żewġ stadji. Għalhekk, ftehim ikun kumpatibbli mas-suq komuni jekk huwa ma jaqax taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE jew jekk, għalkemm jaqa’ taħt il-projbizzjoni, huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE. Il-konstatazzjoni fattwali li ftehim għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u għaldaqstant, li huwa jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE ma tippermettix li jiġi konkluż b’mod definittiv li l-imsemmi ftehim huwa inkumpatibbli mas-suq komuni. Hemm bżonn li din id-differenza bejn l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 81(3) KE tinżamm amment waqt l-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

b) Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

40.

Qabel l-1 ta’ Mejju 2004, id-distinzjoni bejn l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 81(3) KE kellha rwol importanti fuq livell proċedurali. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 85 (li sar l-Artikolu 81 KE) u 86 (li sar l-Artikolu 82 KE) tat-Trattat ( 11 ) kien stabbilixxa sistema ta’ projbizzjoni suġġetta għal eżenzjoni: kull ftehim li kien jaqa’ taħt il-kappa tal-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE u li ma kienx jaqa’ taħt xi regola ta’ eżenzjoni dovuta għall-kategorija kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li kienet hi biss li setgħet teżenta l-imsemmi ftehim mill-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE.

41.

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 ( 12 ) kellu bħala effett li jissostitwixxi din is-sistema b’waħda ta’ awto-evalwazzjoni. Il-ftehim li jaqgħu taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE iżda jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE m’għandhomx ikunu pprojbiti, mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni għal dak il-għan ( 13 ). Illum il-ġurnata huma l-impriżi kkonċernati li għandhom l-obbligu — billi jirrikorru eventwalment għas-servizzi ta’ konsulenza legali — li jeżaminaw jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 81(3) KE ( 14 ).

2. Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

42.

L-għan tal-ftehim għandu jkun jikkonsisti f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Ċertament, dan huwa kriterju li huwa diffiċli li wieħed jifhmu ( 15 ). L-Artikolu 81 KE jipproteġi l-kompetizzjoni b’mod partikolari minħabba l-funzjoni tagħha fil-ħolqien tas-suq uniku li toħloq kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ suq intern u minħabba l-funzjoni tagħha li tissodisfa bl-aħjar mod il-bżonnijiet tal-konsumaturi ( 16 ). Sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim jippreġudikax dan l-interess ġuridikament protett, il-qrati Komunitarji jikkunsidraw jekk dan il-ftehim jirrestrinġix il-libertà ta’ impriża, jew ta’ diversi impriżi, li jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika li huma jkollhom intenzjoni li jsegwu fis-suq komuni (esiġenza ta’ awtonomija) u jekk din ir-restrizzjoni fuq il-libertà tagħhom taffettwax sostanzjalment il-kundizzjonijiet tas-suq ( 17 ).

43.

Skont il-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji, sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim għandux bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, wieħed għandu jibbaża fuq il-kontenut ta’ dak il-ftehim, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu ( 18 ). Fl-elaborazzjonijiet segwenti, jien ser nittratta l-ewwel nett il-kwistjoni dwar liema huwa l-kriterju determinanti sabiex jiġi evalwat jekk ftehim għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (a). Sussegwentement, jien ser nanalizza l-punt dwar jekk dan il-kunċett huwiex limitat għar-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni evidenti (b) u jekk teżistix lista eżawrjenti tar-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan (ċ). Fl-aħħar nett jien ser nesponi liema huma l-elementi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li jistgħu jkunu rilevanti sabiex ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u liema huma dawk li mhumiex rilevanti (d).

a) Kriterju tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

44.

Kif jissuġġerixxi l-isem stess, il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jagħmel l-enfasi, l-ewwel nett, fuq l-għan tal-ftehim. Il-qrati komunitarji sabu li jkun hemm għan jew tendenza antikompetittiva, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ftehim li jinvolvu neċessarjament ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 19 ). F’dan il-każ, il-partijiet jistgħu biss isostnu li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma kinitx intenzjonata jew li l-ftehim kellu wkoll għan ieħor ( 20 ).

45.

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tfissirx li l-volontà tal-partijiet ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Hija tesprimi biss l-idea li l-impriżi li jaġixxu b’mod razzjonali f’kuntest partikolari, jkunu jafu bil-konsegwenzi verosimili tal-ftehim, tant li jkunu preżunti li xtaquhom, minn tal-inqas sa ċertu punt ( 21 ).

46.

Fir-realtà, min-natura alternattiva tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett ipprovduti fl-Artikolu 81(1) KE ( 22 ), kif ukoll mill-fatt li, fil-parti tal-alternattiva li tikkostitwixxi r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-Artikolu 81(1) KE jippreżenta ruħu bħala reat ta’ periklu astratt (“abstraktes Gefährdungsdelikt”) ( 23 ), jirriżulta li jeħtieġ li wieħed ma jibbażax ruħu esklużivament fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw neċessarjament mill-ftehim. Il-volontà tal-partijiet f’dan il-ftehim tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni ( 24 ). B’mod partikolari din tista’ tiġi dedotta mill-ġenesi tal-ftehim ( 25 ).

b) Il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan huwa limitat għar-restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni?

47.

Minn dak li ntqal sa issa jirriżulta li l-kategorija ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tistax tiġi ridotta għall-ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod evidenti. Peress li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut tal-ftehim, imma wkoll il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, il-kwalifika tiegħu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tistax tiddependi fuq il-fatt li dan l-għan huwa rikonoxxibbli mal-ewwel daqqa t’għajn jew li dan ma jkunx jidher ħlief wara eżami dettaljat taċ-ċirkustanzi u tal-volontà tal-partijiet ( 26 ).

c) Teżisti lista eżawrjenti tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan?

48.

Fil-fehma tiegħi, l-istess bħal kategorija ta’ restrizzjonijiet, lanqas il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jista’ jiġi ridott għal lista eżawrjenti. L-użu tal-kelma “partikolarment” fl-Artikolu 81(1) KE hija biżżejjed biex tindika li l-lista tal-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE ma teżawrixxix il-każijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jistax jiġi limitat għall-eżempji tal-Artikolu 81(1)(a) sa (ċ) KE ( 27 ).

49.

Sussegwentement, il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jistax jiġi ridott għall-iffissar tal-prezzijiet, għat-tqassim tas-swieq jew għall-kontroll tal-ħwienet. Il-fatt li diversi deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ttrattaw dawn it-tipi ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ma jfissirx li l-ftehim li jkollhom suġġett differenti ma jistgħux ikollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ( 28 ).

d) Kuntest ġuridiku u ekonomiku

50.

Jiena diġà osservajt li waqt l-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, jeħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut tiegħu, imma wkoll il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu ( 29 ). Din ir-regola għandha tittieħed bis-serjetà, pero’ jkun żbaljat li wieħed jifhimha bħala bieb miftuħ għall-elementi kollha li jistgħu jkunu favur il-kumpatibbiltà tal-ftehim mas-suq komuni. Fir-realtà, mill-istruttura tal-Artikolu 81 KE jirriżulta li l-elementi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li huma rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE huma dawk biss li huma tali li jitfgħu dubju fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 30 ).

51.

F’dan l-istadju, jiena nixtieq nesponi tliet eżempji fejn il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ ftehim jista’ jwassal biex ineħħi jew, minn tal-inqas, jitfa’ dubju fuq il-preżenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 31 ).

52.

L-ewwel eżempju jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fejn ir-restrizzjoni tal-libertà tal-impriżi li jiddeterminaw il-politika tagħhom b’mod awtonomu ma jkollhiex effetti rilevanti fir-rigward tal-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk il-kontraenti fil-ftehim jikkompetux kontra xulxin ( 32 ). Jista’ jkun ukoll li jkun hemm każijiet fejn lanqas ma jkun hemm ċertezza li hemm kompetizzjoni suffiċjenti li tista’ tiġi ristretta bil-ftehim ( 33 ).

53.

It-tieni eżempju jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fejn il-ftehim ikollu effetti ambivalenti fuq il-kompetizzjoni. Jekk ftehim ikun intiż li jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni, pereżempju biex isaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq, sabiex jiftaħ suq jew biex jippermetti d-dħul ta’ kompetitur ieħor fis-suq, il-limitazzjoni tar-rekwiżit tal-awtonomija li hija meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan, fil-kuntest tal-analiżi globali, tista’ ssir sekondarja għall-għan marbut mal-istimulazzjoni tal-kompetizzjoni ( 34 ).

54.

It-tielet eżempju jikkonċerna r-restrizzjonijiet aċċessorji li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq għan prinċipali ( 35 ). Għall-finijiet ta’ din il-proċedura preliminari, din il-kategorija għandha twassal għad-distinzjoni segwenti: għalkemm l-obbjettiv prinċipali persegwit ma jaqax taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE, peress li huwa newtrali fuq il-livell tal-kompetizzjoni jew fil-fatt jiffavoriha, ir-restrizzjonijiet aċċessorji li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-obbjettiv lanqas ma jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 81(1) KE. ( 36 ) F’dawn il-każijiet, ma jistax ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Bil-kontra ta’ dan, ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni meta l-obbjettiv prinċipali persegwit jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE ( 37 ).

55.

L-elementi li mhumiex tali li jqajmu dubju fuq il-preżenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bħalma huma t-titjib tal-produzzjoni grazzi għall-ekonomiji ta’ skala, jistgħu — anke meta, fl-aħħar mill-aħħar, huma jtendu favur il-kumpatibbiltà ta’ ftehim mal-Artikolu 81 KE — jittieħdu inkunsiderazzjoni biss abbażi tal-Artikolu 81(3) KE u mhux abbażi tal-Artikolu 81(1) KE ( 38 ).

56.

Din id-distinzjoni toħroġ mid-diċitura stess tal-Artikolu 81(3) KE, li tistabbilixxi li l-effetti ta’ dan it-tip għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Din id-distinzjoni hija bbażata fuq l-idea segwenti: l-idea ġenerali tal-Artikolu 81 KE hija dik li l-bżonnijiet tal-konsumaturi jiġu sodisfatti bl-aħjar mod ( 39 ). Madankollu, l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 81(3) KE jikkontemplaw aspetti differenti ta’ dan il-benesseri tal-konsumaturi. Bħala prinċipju, l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi ( 40 ) l-ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-suq u għaldaqstant, b’mod partikolari, il-funzjoni tiegħu hija dik li l-konsumaturi jiġu sodisfatti bl-aħjar mod billi jiġu forniti bi prodotti bl-irħas prezz possibbli ( 41 ) jew bi prodotti innovattivi ( 42 ). Dawn il-ftehim jaffettwaw direttament il-benesseri tal-konsumaturi u, għaldaqstant, bħala prinċipju huma pprojbiti.

57.

Madankollu, l-Artikolu 81(3) KE jirrikonoxxi li l-ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-suq iwasslu, inter alia, għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni u li dan it-tnaqqis jista jikkontribwixxi indirettament għall-benesseri tal-konsumaturi ( 43 ). Madankollu, peress li l-produtturi huma l-ewwel nies li jibbenefikaw direttament minn dan it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni ( 44 ), skont l-Artikolu 81(3) KE, il-kumpatibbiltà ta’ tali ftehim mas-suq komuni hija suġġetta inter alia għall-kundizzjoni li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji li jirriżultaw. Il-leġiżlatur Komunitarju ttraspona din l-idea fir-regoli tal-evidenza billi eżiġa li l-kontraenti fi ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ikollhom juru li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti, u b’mod partikolari li l-konsumaturi bbenefikaw minnu wkoll ( 45 ).

58.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-elementi li mhumiex tali li jnibbtu dubju fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bħalma hija r-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni grazzi għall-ekonomiji ta’ skala, jistgħu — anke meta, fl-aħħar mill-aħħar, huma jtendu favur il-kumpatibbiltà ta’ ftehim mal-Artikolu 81 KE — jittieħdu inkunsiderazzjoni biss abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, u mhux abbażi tal-Artikolu 81(1) KE ( 46 ).

3. Konklużjoni

59.

Mis-suespost jirriżulta li wieħed ma jistax isegwi l-interpretazzjoni restrittiva tal-BIDS. Il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tissupponix xi restrizzjoni evidenti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ma teżistix lista eżawrjenti tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-kuntest ġuridiku u ekonomiku għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss safejn dan ikun tali li jnibbet dubju fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Elementi oħra, anke jekk dawn għandhom jiġu evalwati pożittivament fid-dawl tas-suq komuni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-istadju tal-Artikolu 81(3) KE.

B — Ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni?

60.

Preliminarjament, għandu jingħad li l-Artikolu 81(1) KE japplika għal attività u għall-prodotti tas-settur tal-ipproċessar ( 47 ). Kif spjegajt iktar ’il fuq ( 48 ), l-iskema ta’ analiżi sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom hija s-segwenti: l-ewwel nett jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn il-ftehim jinvolvux neċessarjament restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jew jekk humiex intiżi li jirrestrinġu l-libertà tal-partijiet li jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika li huma jkollhom l-intenzjoni li jsegwu fis-suq (1) u, minħabba dan, jekk humiex intiżi li jbiddlu l-kundizzjonijiet tas-suq (2). Wara dawn, jien ser neżamina f’analiżi waħda jekk l-elementi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni humiex neċessarji biex jintlaħaq xi għan li jiffavorixxi l-kompetizzjoni jew xi għan prinċipali li ma jaqax taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni pprovdut fl-Artikolu 81(1) KE (3).

1. Restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika li huma jkollhom l-intenzjoni li jsegwu fis-suq

61.

Ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS jinvolvu restrizzjoni tal-libertà ta’ dawk li joħorġu u ta’ dawk li jibqgħu milli jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika tagħhom fis-suq. B’mod partikolari, huwa previst li dawk li joħorġu, fil-kuntratt tal-ħruġ, jimpenjaw ruħhom li joħorġu mis-suq, li jirrispettaw klawżola ta’ non-kompetizzjoni, li josservaw ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu u t-tneħħija tal-impjanti li ma jibqgħux jintużaw ( 49 ). Skont il-ftehim BIDS, dawk li jibqgħu, min-naħa tagħhom, għandhom jintrabtu li jħallsu kontribuzzjonijiet.

2. Tibdil tal-kundizzjonijiet tas-suq

62.

Jeħtieġ li dawn il-limitazzjonijiet tar-rekwiżit tal-awtonomija jwasslu għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li, bħala prinċipju, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal deċiżjoni preliminari mhuwiex li tistħarreġ il-konstatazzjonijiet fattwali magħmulin mill-qrati nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas m’għandha l-obbligu li teżamina jekk is-Supreme Court hijiex marbuta mill-konstatazzjonijiet tal-High Court. Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dritt Komunitarju b’tali mod li l-qorti nazzjonali tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tapplikah b’mod korrett. Għal dan il-għan, huwa fl-obbligu tagħha li tistabbilixxi liema huma l-elementi fattwali li huma importanti għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u dawk li mhumiex.

63.

Il-punt dwar jekk ftehim ibiddilx il-kundizzjonijiet tas-suq jista’ jiġi deċiż permezz ta’ paragun bejn żewġ sitwazzjonijiet ipotetiċi ( 50 ).

64.

L-ewwel parti ta’ dan il-paragun (iktar ’il quddiem l-“ewwel ipoteżi ta’ paragun”) tikkonsisti f’li wieħed jimmaġina kif tkun is-sitwazzjoni fin-nuqqas tal-kuntratti BIDS. Il-punti (a) sa (d) tad-domanda preliminari, b’mod partikolari, jippermettu li wieħed jifforma idea fuq din il-kwistjoni. Mill-punt (ċ) tad-domanda preliminari u mill-fajl tal-kawża, jiena niddeduċi li sal-lum, dawk li jipproċessaw il-laħam għadhom ma ħarġux mis-suq f’proporzjonijiet sinjifikattivi u li, mingħajr il-ftehim BIDS, dawk li joħorġu mis-suq mhumiex ser jilħqu, minn tal-inqas fi żmien qasir, il-25 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tas-settur kollu tal-ipproċessar.

65.

It-tieni parti ta’ dan il-paragun (iktar ’il quddiem it-“tieni ipoteżi ta’ paragun”) tikkonsisti f’li wieħed jimmaġina s-sitwazzjoni kif tkun fil-każ li jiġu implementati l-kuntratti BIDS. Dan jinvolvi li wieħed jeżamina jekk il-kuntratti BIDS humiex intiżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. F’din it-tieni ipoteżi, jeħtieġ għaldaqstant — kif jien esponejt preċedentement ( 51 ) — li wieħed jikkunsidra l-effetti li jirriżultaw neċessarjament mid-dispożizzjonijiet deskritti fil-punti 1 sa 9 tad-domanda preliminari, kif ukoll l-effetti li l-partijiet jixtiequ jilħqu permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

66.

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ftehim BIDS huwa ftehim orizzontali, jiġifieri ftehim bejn kompetituri li jinsabu fl-istess livell tas-suq. Anke l-kuntratt tal-ħruġ huwa ftehim orizzontali bejn persuna li tipproċessa l-laħam u l-BIDS, li huwa grupp ta’ persuni li jipproċessaw il-laħam.

a) Tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-settur tal-ipproċessar kollu

67.

L-għan tal-kuntratti BIDS huwa li bil-ħruġ mis-suq ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam, il-kapaċità tal-produzzjoni tas-settur tal-ipproċessar kollu titnaqqas b’25 %. Il-ħruġ mis-suq ta’ dawk li jipproċessaw u l-projbizzjoni prevista dwar l-użu tat-tagħmir tagħhom tal-ipproċessar jidhirli li fundamentalment huma tali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn dawk li jibqgħu fuq is-suq ( 52 ).

68.

Il-kompetizzjoni ma taħdimx biss meta l-produtturi jkunu jistgħu jisfruttaw kompletament il-kapaċitajiet tagħhom, imma wkoll meta jkun hemm eċċessi ta’ kapaċità. Il-produttur ibati spejjeż fissi skont id-disponibbiltà u l-manutenzjoni tal-impjant ta’ produzzjoni. Meta t-tagħmir ta’ produzzjoni ftit li xejn ikun intuża, dawn l-ispejjeż fissi jkollhom riperkussjonijiet ikbar fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità milli f’każ ta’ użu intensiv u dan peress li, f’din l-aħħar ipoteżi li semmejt, is-sehem tal-ispejjeż fissi jonqos fl-ispejjeż tal-produzzjoni bl-unità (fenomenu magħruf bħala “l-ekonomiji ta’ skala”). Għaldaqstant, fundamentalment, il-produttur għandu interess li jwettaq ekonomiji ta’ skala billi jagħmel użu massimu mill-kapaċità tal-impjanti ta’ produzzjoni tiegħu ( 53 ).

69.

Il-BIDS tikkonfuta dan kollu, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi segwenti: fil-fehma tagħha, it-tnaqqis tal-kapaċitajiet globali ma jwassalx għal tnaqqis tal-produzzjoni totali, u lanqas għal żieda fil-prezz tal-prodotti ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam. Hija ssostni li dan jirrigwarda tnaqqis uniku tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-suq kollu. Qabel ma nittratta dawn l-elementi, jiena nixtieq niġbed l-attenzjoni mill-ġdid għall-fatt li f’dan l-istadju tal-analiżi, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss elementi li jistgħu jqajmu dubju fuq l-eżistenza tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 54 ).

70.

L-ewwel nett, jidhirli li loġikament, bħala prinċipju, bi produzzjoni globali kostanti ( 55 ), ikun hemm iktar kompetizzjoni bejn l-operaturi ta’ suq ikkaratterizzat minn eċċessi kbar ta’ kapaċità milli f’suq fejn hemm eċċessi żgħar ta’ kapaċità jew fil-fatt fejn m’hemm xejn. F’suq fejn hemm eċċessi kbar ta’ kapaċità, ikun iktar diffiċli għal produttur medju li jilħaq l-istess livell ta’ użu tal-impjanti ta’ produzzjoni tiegħu milli f’suq b’eċċessi żgħar ta’ kapaċità. Peress li l-ekonomiji ta’ skala jitbaxxew skont il-koeffiċjent tal-użu, produttur medju huwa suġġett għal pressjoni tal-kompetizzjoni iktar qawwija f’suq b’eċċessi kbar ta’ kapaċità milli f’suq b’eċċessi żgħar ta’ kapaċità. L-ekonomisti jirrikonoxxu r-rabta ta’ interdipendenza bejn l-eċċessi ta’ kapaċità, l-ekonomiji ta’ skala u l-pressjoni tal-kompetizzjoni ( 56 ).

71.

F’dan il-każ, jiena ma narax għalfejn l-eżistenza ta’ din l-interdipendenza għandha tiġi eskluża. B’mod partikolari, il-fatt li l-eċċessi ta’ kapaċità jkunu r-riżultat ta’ politika ta’ inkoraġġiment għall-bini u l-iżvilupp ta’ impjanti tal-ipproċessar u ta’ tqassim iktar ibbilanċjat tal-prodott inizjali li jrid jiġi pproċessat, iktar milli ta’ tnaqqis fid-domanda, ma jidhirlix li huwa sinjifikattiv fir-rigward tal-eżistenza ta’ din ir-rabta ta’ interdipendenza. Il-fatt li l-istudju tas-suq wera wkoll din l-interdipendenza jikkonfortani f’dan is-sens. Għaldaqstant, l-assenza ta’ tnaqqis fil-produzzjoni globali mhijiex minnha nnifisha tali li teskludi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 57 ).

72.

It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-prezzijiet mhumiex ser jogħlew lanqas mhuwa ta’ natura tali li jeskludi l-eżistenza tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Din hija biss kwistjoni dwar jekk ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-preżenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti potenzjali ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet huma żewġ kwistjonijiet li għandhom jiġu distinti minn xulxin, u dan għaliex il-prezzijiet jistgħu jiġu influwenzati minn serje sħiħa ta’ fatturi li mhumiex kollha kemm huma tali li jeskludu l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

73.

F’dan il-każ, żidiet fil-prezzijiet huma allegatament esklużi minħabba l-ekonomiji ta’ skala mwettqa minħabba t-titjib tal-użu tal-kapaċitajiet u minħabba s-setgħa tal-klijenti ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam. Ċertament, huwa possibbli li t-tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni tas-settur kollu tal-ipproċessar iġib miegħu, f’ċerti każijiet, ekonomiji ta’ skala. Madankollu, dawn mhumiex tali li jeskludu l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE iżda, peress li huma l-produtturi l-ewwel nies li jibbenefikaw direttament minn dan it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE ( 58 ). Is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti ta’ dawk li jipproċessaw il-laħam, anke fl-ipoteżi fejn din is-setgħa timpedixxi ż-żieda fil-prezzijiet, lanqas ma tista’ titfa dubju fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u, konsegwentement, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE ( 59 ).

74.

Lanqas ma jista’ jsir paragun bejn is-sitwazzjoni eżistenti fil-kawża preżenti u l-fatti li wasslu għas-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni ( 60 ). F’din il-kawża — li barra minn hekk tikkonċerna kontroll vertikali tal-prezzijiet — il-prezzijiet mitlubin lill-konsumaturi finali kienu jiġu ddeterminati fil-parti l-kbira tagħhom minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi u, għalhekk, fil-parti l-kbira protetti mill-effetti tal-offerta u tad-domanda ( 61 ). F’każ bħal dan, jista’ jkun hemm xi dubji dwar jekk kontroll vertikali tal-prezzijiet huwiex tali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ( 62 ). Madankollu, il-kawża preżenti ma tistax tiġi mqabbla mal-kawża GlaxoSmithKline Services u dan peress li fil-kawża preżenti m’hemmx dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistgħu jimpedixxu li l-ekonomiji li jirriżultaw mill-kompetizzjoni bejn dawk li jibqgħu jiġu mgħoddija għal fuq il-konsumaturi.

75.

Barra minn hekk, il-fatt li l-prezzijiet m’għandhomx jiżdiedu ma jeskludix kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva. Bil-kontra ta’ dan, f’suq mimli b’eċċessi ta’ kapaċità u bi produzzjoni globali kostanti, il-fatt li jitbaxxew il-prezzijiet hija miżura klassika ta’ kompetizzjoni. Din tippermetti lill-produttur li jiġbed parti relattivament importanti tad-domanda lejn il-prodotti tiegħu u għalhekk iżid il-koeffiċjent tiegħu tal-użu tal-kapaċitajiet u jagħmel l-ekonomiji ta’ skala ( 63 ). Konsegwentement, il-fatt li l-prezzijiet m’għandhomx jiżdiedu mhuwiex ta’ natura tali li jeskludi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

76.

It-tielet nett, ma nistax nifhem kif il-fatt li dan huwa tnaqqis “ta’ darba” tal-kapaċità globali jista’ jeskludi l-eżistenza tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba t-tnaqqis fil-kapaċitajiet globali. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-effetti tal-kuntratti tal-ħruġ u l-ftehim BIDS mhumiex xi okkażjonijiet iżolati. Għalhekk, il-klawżola ta’ non-kompetizzjoni għal dawk li joħorġu hija valida għal sentejn u r-restrizzjonijiet għall-użu u t-tneħħija huma validi għal ħames snin.

77.

Bħala konklużjoni, jiena la mill-elementi li ġew esposti mill-BIDS u lanqas minn elementi oħra tal-kawża prinċipali ma nista’ nislet xi raġuni għaliex wieħed għandu jiddubita mir-rabta bejn, minn naħa, it-tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità kollha ta’ produzzjoni fis-settur tal-ipproċessar, li tirriżulta bit-tluq ta’ ċerti persuni li jipproċessaw il-laħam u, min-naħa l-oħra, restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fir-realtà, il-ftehim jikkonsisti f’xiri tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tat-tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità globali, jiena m’għandi l-ebda dubju serju fir-rigward tal-effett kunsiderevoli ta’ tali miżura fuq il-kompetizzjoni. Bla ħsara għall-analiżi globali li fadalli nagħmel fil-paragrafu 3, jiena nikkonkludi minn dan li t-tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-settur kollu tal-ipproċessar jidher li x’aktarx jissarraf f’restrizzjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni ( 64 ).

b) Il-ħruġ mis-suq

78.

Kif semmejt qabel ( 65 ), mill-punt (ċ) tad-domanda preliminari u mill-fajl tal-kawża, jiena niddeduċi li sal-lum, dawk li jipproċessaw il-laħam għadhom ma ħarġux mis-suq f’proporzjoni sinjifikattivi u li, migħajr il-ftehim BIDS, il-ħruġ mis-suq, tal-inqas fil-qrib, ma jilħaqx il-25 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-settur kollu tal-ipproċessar.

79.

Għall-kompletezza, f’dan l-istadju jiena ser nittratta, b’mod sussidjarju, il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi meqjus li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-każ fejn ikun hemm, fl-ewwel ipoteżi ta’ paragun (mingħajr ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS), fenomenu ta’ portata paragunabbli ta’ ħruġ mis-suq, imma li jkun joriġina mill-mekkaniżmi tas-suq.

80.

Skont l-Artikolu 81(1) KE, kull restrizzjoni fuq ir-rekwiżit tal-awtonomija hija pprojbita meta din twassal għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, u dan fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-istess suq ( 66 ).

81.

Fl-ewwel ipoteżi ta’ paragun (mingħajr il-kuntratti BIDS), bħala prinċipju l-funzjoni selettiva tal-kompetizzjoni twassal sabiex fuq is-suq jibqgħu dawk li jipproċessaw il-laħam l-iktar effiċjenti, jew dawk li jissodisfaw bl-aħjar mod ir-rekwiżiti tal-klijenti tagħhom u finalment tal-konsumaturi. Għalkemm, fit-tieni ipoteżi ta’ paragun (bil-kuntratti BIDS), l-għażla ta’ dawk li jibqgħu ssir mhux permezz tal-mekkaniżmi tas-suq, imma permezz ta’ ftehim bejn dawk li jipproċessaw, il-funzjoni selettiva tal-kompetizzjoni tiġi mibdula. B’mod partikolari, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-ftehim BIDS ma jipprovdix li dak li jipproċessa l-laħam jista’ jwaqqaf biss uħud mill-impjanti tiegħu. Għalhekk, il-ftehim BIDS ma jippermettix li dak li jipproċessa l-laħam iwaqqaf biss dawk l-impjanti tal-ipproċessar li ma jkunux vijabbli u jżomm fis-suq dak li huwa vijabbli.

82.

Bla ħsara għall-analiżi globali li baqagħli nagħmel fil-paragrafu 3, jidhirli li dan id-dannu għall-funzjoni selettiva tal-kompetizzjoni jista’ jservi ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni ( 67 ).

c) Ħlas ta’ kontribuzzjonijiet

83.

L-ewwel nett jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet jimpedixxi lil dawk li jibqgħu milli jiddisponu liberament mill-ammonti inkwistjoni u jżid l-ispejjeż tal-ipproċessar tagħhom. Minħabba din iż-żieda fl-ispejjeż tal-ipproċessar, dawk li jibqgħu jilħqu iktar malajr l-istat fejn ikollhom defiċit. Minn dan tista’ tirriżulta restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fil-każ fejn l-ammonti mħallsa bħala kontribuzzjonijiet ikollhom effett kunsiderevoli fuq l-imġieba ta’ dawk li jibqgħu fis-suq ( 68 ). Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk il-kontribuzzjonijiet, indipendentement mill-ammont tagħhom, jistgħux jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-imġieba ta’ dawk li jibqgħu fis-suq.

84.

Barra minn hekk, iż-żieda fl-ammont tal-kontribuzzjoni fil-każ ta’ qtil li jmur lil hinn mill-volum normali ta’ qtil hija tali li twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn dawk li jibqgħu. Għalkemm il-BIDS ippreżentat il-kontribuzzjoni bħala li hija sempliċi “prezz” li jrid jitħallas għat-teħid tal-ishma tas-suq ta’ dawk li joħorġu minn dawk li jibqgħu. Madankollu, dawk li jibqgħu jkun għad fadlilhom jiġġieldu biex jeħduhom, fejn kull wieħed minnhom ibati dan bi spiża ta’ 11-il ewro. Għaldaqstant, il-kompetizzjoni bejn dawk li jibqgħu ma tiġix ristretta.

85.

F’dan l-istadju huwa biżżejjed li jiġi osservat li tali leġiżlazzjoni twassal neċessarjament sabiex ikunu protetti dawk li jibqgħu f’dak li jikkonċerna s-sehem normali tagħhom tas-suq. Persuna li tipproċessa li tibqa’ li tkun diġà laħqet il-volum normali ta’ qtil (persuna li tipproċessa l-laħam bi prestazzjoni superjuri) u li tkun f’kompetizzjoni ma’ persuna oħra li tibqa’ li tkun għadha ma laħqitx il-volum normali ta’ qtil tagħha (persuna li tipproċessa l-laħam bi prestazzjoni inferjuri) tiġi ppenalizzata b’9 ewro fir-rigward ta’ din tal-aħħar, sakemm din tilħaq il-volum normali ta’ qtil tagħha. Konsegwentement, it-tqassim fi skali tal-kontribuzzjoni għandu t-tendenza li jipproteġi lil kull min jibqa’ fil-kuntest tal-volum normali ta’ qtil tiegħu. Madankollu, dawk li jibqgħu huma f’kompetizzjoni kontra xulxin mhux biss f’dak li jikkonċerna l-akkwist tal-ishma tas-suq ċeduti minn dawk li joħorġu, iżda anke fil-kuntest tal-volumi normali ta’ qtil. Għalhekk it-tqassim fi skali tal-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxi restrizzjoni addizzjonali fuq il-kompetizzjoni f’dak li jikkonċerna l-volum normali ta’ qtil. Għalkemm dak li jipproċessa, billi jibbaża ruħu fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, jista’ jissupponi li l-produzzjoni globali, fil-futur, sejra tibqa l-istess jew tinżel ( 69 ), huwa jista’, barra minn hekk, jipprevedi b’mod preċiż ħafna l-mument minn meta huwa jaqbeż il-volum normali ta’ qtil tiegħu.

86.

Għar-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq ( 70 ), ma tagħmilx differenza li l-kontribuzzjonijiet la jwasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni globali u lanqas għal żieda fil-prezzijiet. Il-fatt li, bħala prinċipju, il-kontribuzzjonijiet huma limitati għal sena lanqas ma jista’ jeskludi b’mod ġenerali l-possibbiltà li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

d) Dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu u tat-tneħħija

87.

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu u tat-tneħħija, safejn l-għan tagħhom huwa dak li jipprekludi lil dawk li joħorġu mis-suq milli jerġgħu jidħlu fis-suq, hija miżura li tiżgura l-effettività u għaldaqstant issaħħaħ l-effetti tal-ħruġ mis-suq. F’dan ir-rigward, jiena nirreferi għall-analiżi preċedenti tiegħi ( 71 ).

88.

Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija jista’ wkoll ikollhom it-tendenza li jiskoraġġixxu l-kompetizzjoni potenzjali min-naħa ta’ terzi persuni li mhumiex membri tal-BIDS. Għalkemm huwa paċifiku li, mill-aspett ekonomiku, il-bini ta’ impjanti ġodda tal-ipproċessar mhuwiex raġonevoli fil-kundizzjonijiet preżenti tas-suq ( 72 ), madankollu restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija, kif previsti fil-kuntratti BIDS, jidhirli li huma fundamentalment tali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni potenzjali provenjenti minn terzi.

89.

Il-kompetizzjoni potenzjali hija protetta wkoll mill-Artikolu 81(1) KE ( 73 ). Peress li huwa paċifiku li, fil-passat, kien hemm kompetituri ġodda li setgħu jippenetraw is-suq b’suċċess, ma jidhirlix li huwa biss purament ipotetiku li dan jista’ jerġa’ jseħħ fil-futur ( 74 ). Konsegwentement, wieħed ikun ġustifikat jaħseb li d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu u tat-tneħħija jirrestrinġu l-aċċess għas-suq tal-kompetituri potenzjali.

90.

Il-kwistjoni dwar jekk it-terzi kompetituri potenzjali għandhomx possibbiltajiet oħra li jaċċedu għas-suq, fil-fehma tiegħi, tista tkun rilevanti biss fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effett sostanzjali tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Peress li madwar 25 % tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni totali għandhom jintlaqtu bil-projbizzjoni fuq l-użu u t-tneħħija, jidher probabbli ħafna li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jkollha effett sostanzjali.

91.

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk jeżistux kompetituri potenzjali li jistgħu jidħlu fis-suq u jekk dawn jistgħux ikollhom interess li, għal dan il-għan, jirrikorru għall-impjanti tal-ipproċessar ta’ dawk li joħorġu.

92.

Barra minn hekk, dawk li jibqgħu ma jistgħux jużaw l-istabbilimenti li jkunu ngħalqu sabiex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom. Din il-projbizzjoni tirrappreżenta hija wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni, speċjalment meta l-bini ta’ impjanti ġodda tal-ipproċessar ma jkunx ekonomikament raġonevoli fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq ( 75 ).

93.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq ( 76 ), huwa irrilevanti li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-użu u t-tneħħija la jinvolvu tnaqqis tal-produzzjoni globali u lanqas żieda fil-prezzijiet.

e) Konklużjoni

94.

Konsegwentement, bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għan tal-kuntratti BIDS li jiffavorixxi l-kompetizzjoni, jew ta’ għan prinċipali li ma jqajjem ebda oġġezzjoni mill-aspett ta’ kompetizzjoni, jiena nikkonkludi b’mod provviżorju li minn tal-inqas it-tliet elementi segwenti tal-ftehim, jiġifieri t-tnaqqis previst ta’ 25 % tal-kapaċità kollha ta’ produzzjoni tas-settur tal-ipproċessar li jirriżulta mill-ħruġ mis-suq ta’ wħud minn dawk li jipproċessaw il-laħam, it-tqassim fi skali tal-kontribuzzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija, jinvolvu neċessarjament restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

95.

Għall-kompletezza, f’dan ir-rigward nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-BIDS ma aġixxietx fuq ordni tal-Istat ( 77 ). Il-fatt li l-istudju tas-suq kien ġie ffinanzjat mill-Gvern Irlandiż u li l-grupp ta’ ħidma fuq il-laħam taċ-ċanga kien stieden lis-settur tal-ipproċessar sabiex jimplementa dan l-istudju ma jistax jitqies bħala ordni tal-Istat.

3. Teħid inkunsiderazzjoni tal-obbjettivi tal-kuntratti BIDS

96.

Il-BIDS issostni li l-kuntratti BIDS għandhom l-għan li jirrestrinġu l-eċċessi ta’ kapaċità u li joħolqu ekonomiji ta’ skala. Hija tafferma li s-sistema ta’ kontribuzzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija huma ġġustifikati, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan l-obbjettiv leġittimu.

97.

L-ewwel nett, f’dan l-istadju nixtieq infakkar li dan l-eżami jirrigwarda esklużivament il-punt dwar jekk ftehim għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-eżami taħt l-Artikolu 81(1) KE ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hijiex evidenti jew kontestabbli sal-punt li tista’ tiġi pparagunata ma’ akkordju intranżiġenti.

98.

It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li s-settur għaddej minn kriżi ċiklika jew strutturali ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ( 78 ).

99.

It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, il-fatt li l-ftehim għandu għan leġittimu ma jeskludix li jista’ jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ( 79 ).

100.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq ( 80 ), is-sitwazzjoni tkun differenti biss meta l-ftehim ikollu għan li jew jiffavorixxi l-kompetizzjoni jew inkella li jkun newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni. Fil-kawża preżenti, peress li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhija sodisfatta, l-għan li tiżdied il-vijabbiltà tas-settur kollu tal-ipproċessar permezz tat-tnaqqis b’25 % tal-eċċessi ta’ kapaċità jwassal neċessarjament għal restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni ( 81 ).

101.

Ir-raba’ nett, l-għan tal-BIDS jikkonsisti f’li jinkisbu xi vantaġġi f’termini ta’ produzzjoni permezz tal-ekonomiji ta’ skala. Madankollu mill-qari flimkien tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 81(3) KE jirriżulta li tali għan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss abbażi tal-Artikolu 81(3) KE ( 82 ).

4. Konklużjoni

102.

Bħala konklużjoni, jeħtieġ li jingħad li ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

C — Evalwazzjoni finali tal-elementi ta’ ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS

103.

F’dan l-istadju, ser nesponi kif għandhom jiġu evalwati d-diversi elementi ta’ ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS fid-dawl tal-eżempji pprovduti fl-Artikolu 81(1)(b) KE u fid-dawl tal-klawżola ġenerali tal-Artikolu 81(1) KE.

104.

Huwa minnu li, fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li wieħed ikollu ċerti riżervi fir-rigward tal-kategorizzazzjoni eċċessiva tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-kontenut ta’ ftehim għandu dejjem jiġi eżaminat fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu. Fil-fehma tiegħi, din il-kawża turi li approwċ li jinvolvi paragun bejn ftehim u l-eżempji tipiċi ta’ restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni mhux dejjem ikun rilevanti u fil-fatt jista’ jwassal ukoll sabiex tiġi evitata l-kwistjoni vera u proprja dwar jekk teżistix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Iktar minn hekk, peress li l-eżempji kontemplati fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE jikkostitwixxu lista ta’ eżempji mhux eżawrjenti, tali kategorizzazzjoni lanqas ma hija assolutament meħtieġa. Legalment, fir-realtà, huwa biżżejjed li wieħed jeżamina jekk l-elementi li jikkostitwixxu l-klawżola ġenerali humiex sodisfatti fil-kawża inkwistjoni.

105.

Madankollu, jista’ jkun utli għall-impriżi u għall-konsulenti legali tagħhom li jinħolqu kategoriji, partikolarment fil-kuntest tas-sistema ta’ awto-evalwazzjoni li issa tinsab fis-seħħ. Konsegwentement, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikklassifika r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li ġew identifikati preċedentement fil-kategoriji li ġejjin:

106.

It-tnaqqis fil-kapaċità globali huwa minnu nnifsu restrizzjoni tal-kompetizzjoni li taqa’ taħt il-klawżola ġenerali tal-Artikolu 81(1) KE. Mhux meħtieġ li jiġi deċiż jekk dan it-tnaqqis jistax jiġi kklassifikat ukoll bħala limitazzjoni tal-produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1)(b) KE ( 83 ). Safejn — bħal fil-kawża preżenti — ir-restrizzjoni tal-kapaċità globali tintlaħaq permezz tal-ħruġ mis-suq ta’ ċerti persuni li jipproċessaw il-laħam, jiġifieri permezz tal-waqfien tal-produzzjoni tagħhom, teżisti wkoll limitazzjoni tal-produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1)(b) KE. Jidhirli li hemm diversi elementi li jindikaw li din il-kundizzjoni mhux neċessarjament tikkontempla esklużivament il-limitazzjoni tal-produzzjoni globali, imma li tista’ tkun kwistjoni ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni ta’ operatur wieħed biss: l-ewwel nett, il-mod stess kif inhu redatt l-Artikolu 81(1)(b) KE; it-tieni nett, ix-xebh mal-eżempji l-oħra kkontemplati; it-tielet nett, l-għan tad-dispożizzjoni. Jidhirli li l-għan ta’ protezzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, li huwa li tiġi ppreservata l-kompetizzjoni fil-funzjoni tagħha li tissodisfa bl-aħjar mod il-bżonnijiet tal-konsumaturi billi tipprovdilhom prodott bl-iktar prezz baxx possibbli, japplika mill-ewwel malli operatur wieħed fis-suq jirrestrinġi jew iwaqqaf kompletament il-produzzjoni tiegħu.

107.

It-tqassim fi skali tal-kontribuzzjonijiet huwa tali li jiskoraġġixxi lil dak li jibqa’ milli jiżviluppa sehemu mis-suq a skapitu tas-sehem tas-suq normali ta’ xi ħadd ieħor li jibqa’ fis-suq. Konsegwentement, dan ukoll jikkostitwixxi limitazzjoni tal-produzzjoni.

108.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu u t-tneħħija huma wkoll tali li jillimitaw l-espansjoni tal-produzzjoni li persuna li tipproċessa l-laħam tista’ tilħaq billi żżid il-kapaċità tagħha, u għaldaqstant għandhom jiġu kklassifikati wkoll bħala limitazzjonijiet tal-produzzjoni.

VII — Konklużjoni

109.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supreme Court:

“Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda preliminari, ftehim li għandu kontenut kif spjegat fl-istess domanda preliminari għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, għaldaqstant, mhuwiex kumpatibbli mal-Artikolu 81(1) KE dejjem sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU 2003, L 1, p. 1.

( 3 ) Il-BIDS.

( 4 ) L-espressjoni bejn il-virgoletti “li joħorġu” ġiet maqbuża.

( 5 ) L-espressjoni bejn il-virgoletti “li jibqgħu” ġiet maqbuża.

( 6 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, (T-168/01, Ġabra p. II-2969).

( 7 ) Iċċitata iktar ’il fuq.

( 8 ) Ara t-test kollu tal-Artikolu 81(1) KE fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359).

( 10 ) Ibid, u tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496).

( 11 ) ĠU 1962, L 13, p. 204.

( 12 ) Ir-Regolament Nru 1/2003 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

( 13 ) Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003.

( 14 ) Madankollu, is-sistema ta’ analiżi maqsuma f’żewġ partijiet tal-Artikolu 81 KE għandha rwol fil-kuntest tat-tqassim tal-oneru tal-prova. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa l-obbligu tal-parti jew tal-awtorità li tkun qiegħda tibbaża ruħha fuq il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE, li tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istess Artikolu huma sodisfatti, mentri l-parti li tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan il-prinċipju għandha ġġib il-prova tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE.

( 15 ) Dwar il-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ara Bellamy & Child, European Community Law of Competition, Oxford, Is-Sitt Edizzjoni 2008, Nri 2.062 sa 2.120; R. Wish, Competition Law, Londra, Il-Ħames Edizzjoni 2003, p. 106 sa 128; J. Faull/A. Nikpay, The EC Law of Competition, Oxford, 1999, punti 2.56 sa 2.99.

( 16 ) Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, Ġabra p. 1875, punt 20); tat-, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 117), u tat-, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 52); dwar l-aspett tal-benesseri tal-konsumatur, b’mod partikolari, ara H. Leupold, G. Weidenbach, “Neues zum Verhältnis zwischen Art. 81 Abs. 1 und Art. 81 Abs. 3 EG-Vertrag?”, Wirtschaft und Wettbewerb, 2006, p. 1003, 1008, nota 28 bir-referenzi addizzjonali.

( 17 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117, u tat-, Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52. Ara s-sentenza prinċipali fuq il-kwistjoni tal-effetti sostanzjali, tad-, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punti 5 sa 7).

( 18 ) Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 359; tat-, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punti 25 sa 28, 26), u tas-, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110.

( 19 ) Sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131, punt 7), u tat-, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28.

( 20 ) Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 24); tal-, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, u tat-, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28.

( 21 ) Kif ġustament ikkonstata l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra p. I-3173), il-partijiet ma jistgħux lanqas jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li ma kinux jafu bil-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE (ignoratia legis non excusat). Ara wkoll V. Emmerich, f’Immenga/Mestmäcker, Wettbewerbsrecht, Volum I, Munich, Ir-Raba’ Edizzjoni, 2007.

( 22 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf li kien avukat ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni (T-1/89, Ġabra p. II-867, I-945).

( 24 ) Ara l-punt 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fis-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; O. Odudu, “Interpreting Art. 81 (1): object as subjective intention”European Law Review, 2001, p. 61, 62.

( 25 ) Punt 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, iċċitati iktar ’il fuq.

( 26 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novemrbru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat is-sistema ta’ kontroll bl-użu ta’ tikketti ta’ konformità. Mis-sentenza tas-, General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60, 64 u 65, jirriżulta wkoll li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni m’għandhiex tkun bilfors evidenti. Is-sentenza tal-, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 136) titkellem fl-istess sens. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dik is-sentenza, ikkonstatat li l-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ma kienx meħtieġ fil-każ ta’ ftehim li jinvolvi restrizzjonijiet ovvji tal-kompetizzjoni bħalma huma l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq jew il-kontroll tal-ħwienet, turi biss li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku jista’ jieħu forma sommarja f’każijiet ċari. Madankollu wieħed ma jistax jiddeduċi li l-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan huwa limitat għall-każijiet evidenti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

( 27 ) Fl-istess sens, ara: J. Aicher/F. Schuhmacher, fi Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Volum 2, Munich, Suppliment 34, Jannar 2008, Arikolu 81, punt 1; Bellamy & Child, op. Cit, nota 402 taħt il-punt 2.097, li ġustament josserva li ftehim oħra jistgħu wkoll iwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. R. Wish, op. cit., p. 106, jirrileva huwa wkoll li l-lista hija illustrattiva.

( 28 ) Ara R. Wish, R., op. cit., p. 112 sa 114. Għalkemm dan jiddefendi l-interpretazzjoni restrittiva ħafna tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (m’hemmx ċertezza li l-Artikolu 81(1) KE jitkellem fuq kategorija ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni per se [p. 116 u 117]), (huwa jgħid espressament li l-lista ta’ dawn il-ftehim mhijiex eżwarjenti. Il-konnessjoni bejn l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 81(3) KE, ukoll mhijiex favur li dan il-kunċett jiġi limitat għal dan it-tip ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 81(1) KE jikkonsisti biss f’li wieħed jeżamina jekk il-ftehim għandux l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-konstatazzjoni fattwali li ftehim għandu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma tippermettix li wieħed jislet konklużjonijiet definittivi fir-rigward tal-kumpatibbiltà tiegħu mas-suq komuni. Il-ftehim inkwistjoni, fil-fatt, jista’ jkun kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 81(3) KE. Madankollu, il-ftehim li għandhom l-għan li jiffissaw il-prezzijiet, iqassmu s-swieq jew li jikkontrollaw il-ħwienet huma partikolarment danneġġjanti. Konsegwentement, ġeneralment dawn mhumiex kumpatibbli mas-suq komuni. Madankollu, kull min jillimita l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għal dawn it-tipi ta’ ftehim partikolarment danneġġjanti ikun qiegħed jinjora l-fatt li jista’ jkun hemm ukoll restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li jkunu kumpatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Fil-fehma tiegħi, tali approwċ mhuwiex kumpatibbli mal-istruttura tal-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward ara wkoll Bellamy & Child, op. cit., nota 291 taħt il-punt 2.069.

( 29 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni (C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 114 sa 128).

( 31 ) Dawn it-tliet eżempji ċertament mhumiex definiti bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex kull każ partikolari jkun jista’ jiġi assenjat b’ċertezza taħt xi weħed minnhom. Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huwa biżżejjed li wieħed jeżamina jekk ftehim jistax jiġi kklassifikat taħt wieħed minn dawn it-tliet kategoriji.

( 32 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq: il-kompetizzjoni potenzjali ma ġietx ippruvata.

( 33 ) Sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 114 sa 147: id-dubji jirrigwardaw l-effetti tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet u dan peress li l-prezzijiet applikabbli għall-konsumaturi finali, fil-parti l-kbira tagħhom, ma jintlaqtux mill-effett tal-provvista u d-domanda. Jiena ser nanalizza din is-sentenza f’iktar dettall fil-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, iċċitata iktar ’il fuq, p. 360: ftehim dwar dritt ta’ bejgħ esklużiv għall-penetrazzjoni tas-suq; tat-, Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni (258/78, Ġabra p. 2015, punti 44 sa 58): għoti ta’ liċenzja miftuħa għad-distribuzzjoni ta’ teknoloġija ġdida, u tal-, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 sa 22: kanali ta’ distribuzzjoni adattati għal prodotti ta’ kwalita u teknikalità avvanzata.

( 35 ) Bħala eżempji ta’ restrizzjonijiet aċċessorji wieħed jista’ jiċċita l-klawżoli ta’ non-kompetizzjoni li mingħajrhom il-bejgħ ta’ impriża ma kienx ikun possibbli (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punti 19 u 20), il-projbizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni jew ir-restrizzjonijiet fuq l-attività, safejn dawn huma meħtieġa għall-funzjonament ta’ impriża li l-għan tagħha huwa kumpatibbli mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-, DLG, C-250/92, Ġabra p. I-5641, punti 30 sa 45), kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq l-attività meħtieġa sabiex jiġu osservati r-regoli tad-deontoloġija tal-professjonijiet liberi (sentenza tad-, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 97), jew ta’ regolamenti anti-doping (sentenza tat-, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C-519/04 P, Ġabra p. I-6991, punti 42 sa 44).

( 36 ) Dan ġie ġustament affermat f’Bellamy & Child, op. cit., punt 2.112.

( 37 ) Għall-finijiet ta’ din il-proċedura mhuwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk huwiex il-kunċett tar-restrizzjoni aċċessorja li japplika f’dawn il-każijiet (f’dan is-sens, ara Bellamy & Child, op. cit.), jew l-Artikolu 81(3) KE biss.

( 38 ) Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1992, Montedipe vs Il-Kummissjoni (T-14/89, Ġabra p. II-1155, punt 265); tas-, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni (T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109), u tat-, M6 et vs Il-Kummissjoni (T-112/99, Ġabra p. II-2459, punti 72 sa 74).

( 39 ) H. Leupold, G. Weidenbach, op. cit. p. 1008, nota ta’ qiegħ il-paġna 28, flimkien mar-referenzi addizzjonali.

( 40 ) Ara H. Leupold, G. Weidenbach, op. cit., p. 1008, 1009, li jikklassifikaw dawn il-funzjonijiet bħala “effiċjenzi allokattivi u dinamiċi”; O. Odudu, “Art.81(3) Discretion and Direct Effect”, European Competition Law Review, 2002, p. 20.

( 41 ) Din il-funzjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi affettwata b’mod partikolari mill-ftehim fuq il-prezzijiet, fuq limitazzjonijiet tal-produzzjoni (Artikolu 81(1)(a) KE), kif ukoll fuq it-tqassim tas-swieq (Artikolu 81(1)(ċ) KE).

( 42 ) Din l-funzjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi affettwata b’mod partikolari mill-ftehim li jillimitaw l-investimenti (Artikolu 81(1)(a) KE).

( 43 ) H. Leupold, G. Weidenbach, op. cit., p. 1008, 1009 jikklassifikah bħala “effiċjenzi produttivi”; O. Odudu, “Art. 81 (3) Discretion and Direct Effect”, op. cit., p. 20.

( 44 ) O. Odudu, “Art. 81 (3) Discretion and Direct Effect”, op. cit., p. 20.

( 45 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 46 ) Sentenzi , Montedipe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 265; Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109, u M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 sa 74.

( 47 ) Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li jinsab fl-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, il-ftehim bħalma huma l-kuntratti BIDS ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ħlief jekk ikun japplika għalihom l-Artikolu 81 KE. Fil-kawża preżenti l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE tirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Nru 30, p. 993), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 49, tad-, li jemenda d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ ċerti atti rigward il-politika agrikola komuni (ĠU 1962, 53, p. 1571), u mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26, kif emendat mir-Regolament Nru 49. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1184/2006, tal-, li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU L 214, p. 7), ma biddel xejn mis-sitwazzjoni legali f’dan ir-rigward.

( 48 ) Ara l-punti 42 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Dan jiddistingwi lill-kuntratti BIDS minn sitwazzjonijiet oħrajn fejn l-impriżi jiddeċiedu unilateralment li joħorġu mis-suq.

( 50 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, iċċitata iktar ’il fuq, p. 359.

( 51 ) Ara l-punti 42 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T-395/94, Ġabra p. II-875, punt 56); fl-istess sens, ara R. Jürgens, Strukturkrisenkartelle im deutschen und europäischen Kartellrecht, Peter Lang, Frankfurt am Main, 2007, p. 95.

( 53 ) Fuq ir-rabtiet bejn l-eċċessi tal-kapaċità, l-ekonomiji ta’ skala u ż-żieda fil-kompetizzjoni, ara N. Schulz, Wettbewerbspolitik, Tübingen, 2003, p. 84 sa 86.

( 54 ) Ara l-punti 50 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Il-High Court telqet mill-prinċipju li l-produzzjoni globali ma tvarjax b’mod sinjifikattiv.

( 56 ) Fuq ir-rabtiet bejn l-eċċessi tal-kapaċità, l-ekonomiji ta’ skala u ż-żieda fil-kompetizzjoni, ara N. Schulz, op. cit., p. 84 sa 86.

( 57 ) L-eżempju li ġej iwassal biex jestendi “ad absurdum” it-teżi tal-BIDS: jekk f’sitwazzjoni ta’ suq fejn hemm duopolju, ikun hemm eċċessi kbar ta’ kapaċità min-naħa tal-provvista, u jekk wieħed miż-żewġ produtturi jwaqqaf il-produzzjoni tiegħu bi ftehim mal-produttur l-ieħor, mingħajr ma jkun hemm tnaqqis tal-produzzjoni globali, allura tali ftehim, skont il-BIDS, m’għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, dak it-tibdil tal-istruttura tas-suq iwassal għall-esklużjoni wiesa’ tal-kompetizzjoni, inkwantu l-produttur li jibqa’ fis-suq, filwaqt li jkun f’sitwazzjoni ta’ monopolju, ma jkunx espost għal kompetizzjoni potenzjali.

( 58 ) Ara l-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet; Bellamy & Child, op. cit., punt 3.029; O. Odudu, “Art. 81 (3), Discretion and Direct Effect”, op. cit., p. 19; H. Leupold, G. Weidenbach, op. cit, p. 1008 u 1009.

( 59 ) Fuq is-setgħa ta’ nnegozjar tal-klijenti ara s-sentenza Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 114 sa 128. Skont il-punt 116 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti kienet sostniet b’mod partikolari li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ikkunsidrat is-saħħa kuntrattwali qawwija tal-konsumaturi. Fil-punt 127 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li tali elementi ma jistgħux ikunu ta’ importanza ħlief meta l-kuntest ekonomiku jeskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva.

( 60 ) Iċċitata iktar ’il fuq.

( 61 ) Ibid, punti 114 sa 134.

( 62 ) F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat eżattament jekk ġietx affettwata l-funzjoni tal-kompetizzjoni konsistenti f’li tissodisfa bl-aħjar mod lill-konsumatur billi tipprovdilu prodott bl-irħas prezz possibbli (fuq din il-kwistjoni, ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 63 ) N. Schulz, op. cit., p. 84 sa 86.

( 64 ) F’dan is-sens ara R. Jürgens, op. cit., p. 95.

( 65 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 116 u 117.

( 67 ) F’dan is-sens ukoll, R. Jürgens, op. cit., p. 95.

( 68 ) Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punti 90 sa 97).

( 69 ) Konstatazzjoni magħmula mill-High Court.

( 70 ) Ara l-punti 70 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Ara l-punti 67 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Konstatazzjoni magħmula mill-High Court.

( 73 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C-234/89, Ġabra p. I-935, punt 21).

( 74 ) Il-High Court kienet ġibdet l-attenzjoni għad-dħul fis-suq ta’ Exel Meats Limited.

( 75 ) Konstatazzjoni magħmula mill-High Court.

( 76 ) Ara l-punti 70 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Fil-prinċipju, dan l-element għandu jiġi eżaminat biss meta jiġi invokat mill-impriża kkonċernata, ara s-sentenza Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 128.

( 78 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni (T-217/03 u T-245/03, Ġabra p. II-4987, punt 90), u tal-, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 740).

( 79 ) Sentenza IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 sa 25.

( 80 ) Ara l-punti 52 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Ara l-punti 67 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ara l-punti 55 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 83 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56.

Top