EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0125

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Bot tas-26 ta' Marzu 2009.
Erste Group Bank AG et vs Il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Akkordji - Iffissar minn banek Awstrijaċi tar-rati kredituri u debituri - ‘Klabb Lombard’ - Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri - Kalkolu tal-multi - Suċċessjoni ta’ impriżi - Impatt konkret fuq is-suq - Implementazzjoni tal-akkordju.
Każijiet magħquda C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08681

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:192

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

Kawżi magħquda C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P

Erste Group Bank AG, li kienet Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Werrej

 

I — Il-kuntest ġuridiku

 

II — Il-kuntest fattwali

 

III — Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

 

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

V — L-aggravji tal-appelli

 

A — L-aggravji mressqa minn Erste (C-125/07 P)

 

B — L-aggravji mressqa minn RZB (C-133/07 P)

 

C — L-aggravji mressqa minn BA-CA (C-135/07 P)

 

D — L-aggravji mressqa minn ÖVAG (C-137/07 P)

 

VI — It-tgħaqqid tal-appelli u kif ser jiġu trattati fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet

 

VII — Osservazzjonijiet preliminari

 

A — Fuq il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn l-appelli

 

B — Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-istħarriġ tal-prattiċi u tal-ftehim antikompetittivi

 

VIII — Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE

 

A — Fuq l-ewwel aggravju li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

 

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-kapaċità ta’ ftehim, li jkopri t-territorju nazzjonali kollu, li jaffettwa b’mod sinjifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba l-eżami globali tal-effetti transkonfinali tal-akkordju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq applikazzjoni u evalwazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza Komunitarja

 

— F’dak li jikkonċerna s-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni

 

— F’dak li jikkonċerna s-sentenza Bagnasco et.

 

ii) Fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti

 

— Fuq il-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti

 

— Fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni

 

— Fuq ir-riferiment żbaljat għas-sentenza SPO et vs Il-Kummissjoni

 

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ prova li l-akkordju kellu effett sinjifikanti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-assenza ta’ analiżi tal-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

B — Fuq it-tieni aggravju li huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà tal-ksur

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

IX — Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkwantu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont bażiku tal-multa hija vvizzjata bi żbalji ta’ dritt u ta’ motivazzjoni u tikser id-drittijiet tad-difiża

 

A — Fuq l-ewwel aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

 

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni li mhijiex konformi mal-linji gwida

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tan-“natura stess” tal-ksur

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna l-“impatt konkret tal-ksur fuq is-suq”

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

i) L-approċċ tal-qorti Komunitarja

 

ii) Il-fehma tiegħi

 

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna l-“portata tas-suq ġeografiku kkonċernat”

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

5. Fuq il-ħames parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-influwenza tan-natura selettiva tal-proċeduri u tal-ksur tad-dmir tal-motivazzjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

6. Fuq is-sitt parti tal-aggravju li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

7. Fuq is-seba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna t-tqassim tal-appellanti f’kategoriji

 

a) L-ilmenti mressqa mill-appellanti

 

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati

 

— Fuq il-prinċipju ta’ attribuzzjoni u l-kriterji ta’ evalwazzjoni użati għal dan il-għan

 

— Fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

 

ii) Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

iii) Fuq it-tielet ilment li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tar-rwol u tal-funzjonijiet tal-istabbilimenti ċentrali fi ħdan il-gruppi bankarji

 

iv) Fuq ir-raba’ ilment li huwa bbażat fuq determinazzjoni skorretta tal-ishma tas-suq ta’ Erste u tal-grupp tal-banek tat-tfaddil

 

v) Fuq il-ħames ilment li huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati

 

B — Fuq it-tieni aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt, nuqqas ta’ motivazzjoni, żnaturament tal-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza taċ-ċirkustanzi attenwanti

 

a) Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-komportament passiv ta’ ÖVAG

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

— Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq eżerċizzju skorrett tas-setgħa ġudizzjarja tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat

 

— Fuq it-tielet ilment li huwa bbażat fuq l-iżanturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Fuq ir-raba’ ilment li huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi

 

ii) Kunsiderazzjonijiet

 

b) Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fir-round tables bankarji

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Kunsiderazzjonijiet

 

c) Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tan-natura pubblika tal-laqgħat

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Kunsiderazzjonijiet

 

C — Fuq it-tielet aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt, ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-iżbalji ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 

a) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Kunsiderazzjonijiet

 

b) Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-eżami tal-portata tal-kooperazzjoni tal-impriżi, fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja

 

i) Fuq l-ewwel argument ta’ RZB li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura volontarja tar-risposti għat-talbiet għall-informazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

ii) Fuq it-tieni argument li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-espożizzjoni komuni tal-fatti

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

iii) Fuq it-tielet argument li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tar-rikonoxximent min-naħa ta’ RZB tal-għan antikompetittiv tal-ksur u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

iv) Fuq ir-raba’ argument li huwa bbażat fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjon ta’ RZB u fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

v) Fuq il-ħames argument li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt u fuq motivazzjoni kontradittorja fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-valur tad-dokumenti addizzjonali mibgħuta minn BA-CA

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

vi) Fuq is-sitt argument li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti ta’ BA-CA għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Kunsiderazzjonijiet

 

3. Fuq it-tielet parti li hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu dawn jinvolvu d-dritt għal smigħ

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Kunsiderazzjonijiet

 

D — Fuq ir-raba’ aggravju li huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu dawn jinkludu d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jikkonċerna l-konklużjonijiet tagħha fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

X — Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

 

A — Fuq l-ewwel motiv li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont bażiku tal-multa fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

B — Fuq it-tieni motiv li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji ta’ Erste, ta’ RZB u ta’ ÖVAG għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kif ukoll tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

 

1. Fuq id-deċiżjoni inkwistjoni

 

2. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

3. Kunsiderazzjonijiet

 

XI — Fuq l-ispejjeż

 

XII — Konklużjoni

“Appell — Akkordji — Iffissar minn banek Awstrijaki tar-rati ta’ depożitu u ta’ self — ‘Club Lombard’ — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kalkolu tal-multi — Suċċessjoni ta’ impriżi — Impatt konkret fuq is-suq — Implementazzjoni tal-akkordju”

1. 

Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-appelli ippreżentati minn erba’ banek Awstrijaki, jiġifieri Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG ( 2 ) (C-125/07 P), Raiffeisen Zentralbank Österreich AG ( 3 ) (C-133/07 P), Bank Austria Creditanstalt AG ( 4 ) (C-135/07 P) u Österreichische Volksbanken AG ( 5 ) (C-137/07 P), kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni ( 6 ).

2. 

Bis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat, essenzjalment, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/138/ ( 7 ) li kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-impriżi f’serje ta’ ftehim u prattiċi miftehma fis-suq tal-prodotti u servizzi bankarji Awstrijaki li jiksru l-Artikolu 81 KE. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, madankollu, biddlet il-piena imposta fuq Österreichische Postsparkasse AG (iktar ’il quddiem “PSK”) u dan abbażi tal-istħarriġ tagħha tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar id-dewmien tal-ksur u l-kooperazzjoni tal-banek mal-Kummissjoni.

3. 

F’dawn l-appelli, l-appellanti jikkontestaw l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ japplika l-Artikolu 81(1) KE u, b’mod partikolari, dawk dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Barra minn hekk, huma jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 ( 8 ) billi, b’mod partikolari, evalwat b’mod żbaljat il-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Fl-aħħar nett, l-appellanti jagħmlu diversi lmenti kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u l-portata tal-kooperazzjoni fil-proċedura.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żewġ żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

5. 

Fil-fatt, naħseb li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet l-ewwel żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordji biex tikkonkludi dwar l-eżistenza tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Barra minn hekk, insostni li hija għamlet it-tieni żball ta’ liġi u vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, setgħet tattribwixxi lill-Erste, lill-RZB u lill-ÖVAG, inkwantu stabbilimenti ċentrali, is-sehem tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom, minkejja li hija ma addebitatilhomx il-komportament tal-ksur tagħhom.

6. 

Inkwantu, fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni qegħda fl-istat li tiġi deċiża, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv dwar dawn iż-żewġ motivi għal annullament li tqajmu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Wara dan kollu, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni u sabiex tiffissa, billi teżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

I — Il-kuntest ġuridiku

7.

L-Artikolu 81 KE jipprojbixxi “l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”.

8.

Fil-każ li tinkiser din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tista’, “timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn [1000 EUR] sa [miljun EUR], jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10% [tad-dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur”.

9.

Sabiex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha kemm fir-rigward tal-impriżi kif ukoll fir-rigward tal-qrati Komunitarja, il-Kummissjoni, fl-1998, ippubblikat linji ta’ gwida li fihom hija tistabbilixxi l-metodu għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ( 9 ).

10.

Fil-punt 1, il-linji gwida jiddisponu li għall-kalkolu tal-ammont tal-multi, l-ammont bażiku għandu jkun stabbilit skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17, jiġifieri l-gravità u t-tul tal-ksur.

11.

Fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, meta dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (l-ewwel paragrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida). F’dan il-kuntest, il-ksur jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri l-“ksur ftit serju”, li għalih hemm penalità ta bejn EUR 1000 sa EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, fejn l-ammont tal-multi jvarja bejn EUR 1 miljun sa EUR 20 miljun, kif ukoll il-“ksur serju ħafna”, fejn l-ammont tal-multi jaqbeż l-EUR 20 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida).

12.

Fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur għandha tiġi analizzata skont il-karatteristiċi ta’ kull impriża kkonċernata. Fi ħdan kull kategorija, il-livell tal-penalità jippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skont in-natura tal-ksur imwettaq. Il-Kummissjoni, għalhekk, tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ekonomika li jkollhom l-impriżi kkonċernati biex jikkawżaw il-ħsara u tistabbilixxi l-ammont tal-multa f’livell li jiggarantixxi effett diswassiv (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida). Huwa f’dan l-istadju li l-Kummissjoni tista’ tikklassifika l-impriżi fid-diversi kategoriji u tippiża l-ammont inizjali tal-multa għal kull impriża.

13.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur.

14.

Skont il-punti 2 u 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni, imbagħad, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti biex iżżid jew tnaqqas l-ammont bażiku.

15.

Barra minn hekk, skont il-punt 4 tal-linji msemmija, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ akkordji ( 10 ). Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jkunu kkooperaw mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha ta’ akkordju, jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li altrimenti huma kien ikollhom iħallsu.

16.

Il-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni huwa redatt skont kif ġej:

“Tnaqqis sinjifikanti tal-multa

1.

Meta impriża tikkopera mingħajr mal-kundizzjonijiet esposti fit-titoli B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50% tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni

2.

Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk

qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,

wara li tkun rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.”

17.

Bħala kumment ġenerali, l-ewwel paragrafu tal-punt 5(a) tal-linji gwida jippreċiża li l-ammont finali tal-multa ma jista’ qatt jaqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi, kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17.

II — Il-kuntest fattwali

18.

Il-fatti, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru kif ġej:

19.

Fit-30 ta’ Ġunju 1997, il-partit politiku Freiheitliche Partei Österreichs ressaq ilment kontra tmien stabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaki suspettati li pparteċipaw fi ftehim u/jew fi prattiċi miftiehma li jiksru l-Artikolu 81 KE. F’Ġunju 1998, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet għal għarrieda fl-uffiċji ta’ dawn l-impriżi u sussegwentement, f’Settembru 1998, hija bagħtitilhom talba għall-informazzjoni. Il-banek prinċipali kkonċernati offrew lill-Kummissjoni l-“kooperazzjoni” tagħhom fl-eżami tal-każ.

20.

Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni bagħtet lit-tmien banek id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata fil-11 ta’ Settembru 1999. Dawn kellhom aċċess għal fajl u ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huma nstemgħu wkoll. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali lill-banek fit-22 ta’ Novembru 2000, li fuqha l-impriżi kkonċernati setgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom. Essenzjalment, il-Kummissjoni kienet qed takkuża lil dawn l-impriżi li huma implementaw dak li hija sejħet in-“netwerk Lombard”, jiġifieri serje ta’ laqgħat regolari li fihom huma kienu jiftehmu b’intervalli regolari l-komportament tagħhom fir-rigward tal-parametri prinċipali li jirrigwardaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u servizzi bankarji fl-Awstrija.

21.

Fil-11 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni.

22.

Il-Kummissjoni kklassfikat il-fatti kkonstatati bħala ksur kumpless li dam għaddej għal żmien twil. L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni ntgħażlu abbażi tal-frekwenza tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-round tables prinċipali u tar-rwol tagħhom fis-suq bankarju Awstrijak minħabba d-daqs tagħhom.

23.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tesponi li fl-Awstrija l-ftehim bejn banek b’mod partikolari fuq ir-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet, jirriżultaw minn tradizzjoni qadima, parżjalment ibbażata fuq il-liġi nazzjonali. Din il-liġi ġiet abrogata, l-iktar tard, fl-1 ta’ Jannar 1994, meta r-Repubblika ta’ Awstrija aderiet maż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u meta l-liġi fuq is-sistema bankarja (Bundesgesetz über das Bankwesen) ( 11 ) daħlet fis-seħħ. Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat li l-istabbilimenti tal-kreditu komplew jikkonkludu ftehim fil-kuntest ta’ sistema istituzzjonalizzata u strettament konnessa ta’ round tables bankarji.

24.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tesponi kif dawn ir-round tables, li kienu diversi fil-forma daqs kemm kienu estiżi fir-riġward tas-suġġetti, kienu ippermettew lill-istabbilimenti membri li jiftehmu b’mod regolari fuq l-imġiba tagħhom fis-suq, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet bankarji.

25.

Il-“Club Lombard” kienet l-għaqda prinċipali u kien magħmul mir-rappreżentanti tad-diretturi tal-banek Awstrijaki prinċipali. Fuq livell iżgħar, kien hemm ir-round tables tekniċi marbutin ma’ prodotti speċifiċi (self, tfaddil), jew round tables speċjalizzati, iddedikati b’mod partikolari għall-operazzjonijiet magħmula mal-impriżi (pereżempju, is-settur tal-“professjonijiet liberi”), dawk mal-individwi (pereżempju, il-“kumitat ta’ self ipotekarju”) jew dawk li jittrattaw temi li jirrigwardaw il-kompetizzjoni (pereżempju, il-club “Esportazzjoni”). Kienu jinżammu wkoll diversi round tables reġjonali fil-Länder Awstrijaki kollha. Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol partikolari li kellhom il-kumpanniji ewlenin, komunement imsejħa “kumpanniji ewlenin”, fid-dawl tal-koordinazzjoni u tar-rappreżentazzjoni tas-setturi deċentralizzati tagħhom, jiġifieri, f’dak li jikkonċerna Erste, is-settur tal-banek ta’ tfaddil, għal dak li jikkonċerna RZB, is-settur RZB, u għal dak li jikkonċerna ÖVAG, is-settur tal-banek popolari ( 12 ).

26.

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva li t-tmien banek li lilhom hija indirizzata din id-deċiżjoni wettqu ksur tal-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw fi ftehim u fi prattiċi miftiehma fuq il-prezzijiet, fuq il-kummissjonijiet bankarji u fuq parametri oħra tal-kompetizzjoni, li kellhom bħala għan li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-24 ta’ Ġunju 1998, jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi bankarji fl-Awstrija.

27.

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni msemmija jobbliga lill-impriżi affettwati sabiex itemmu l-ksur bla dewmien.

28.

Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni timponi multa fuq kull waħda minn dawn l-impriżi, b’mod partikolari multa ta’ EUR 37.69 miljun lil Erste, EUR 30.38 miljun lil RZB, EUR 30.38 miljun lil Bank Austria AG u ta’ EUR 7.59 miljun lil ÖVAG.

29.

Dawn il-multi ġew ikkalkulati abbażi tal-metodoloġija esposta fil-linji gwida kif ukoll fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

30.

F’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tikklassifika l-laqgħat tal-banek bħala ksur serju ħafna tal-Artikolu 81 KE, mingħajr ma d-daqs relativament ristrettiv tas-suq ġeografiku jbiddel tali evalwazzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni taqsam il-parteċipanti fil-ftehim, skont is-sehem tas-suq rispettiv tagħhom, f’ħames kategoriji. B’dan il-mod, hija attribwit lill-kumpanniji ewlenin is-sehem tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom.

31.

F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tqis il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u Ġunju 1998. Fid-dawl ta’ dan it-tul, hija żiedet l-ammont bażiku tal-multa b’35%.

32.

Il-Kummissjoni ma kkonċediet l-ebda ċirkustanza attenwanti lill-banek. Min-naħa l-oħra, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija kkonċediet tnaqqis ta’ 10% tal-multa minħabba n-“nuqqas ta’ kontestazzjoni” tal-punti ta’ fatt mid-destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni.

III — Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

33.

RZB, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu 2002, sussegwentement Erste, BA-CA u ÖVAG, permezz ta’ att ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2002, kif ukoll banek oħra destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni ppreżentaw rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija.

34.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi tar-rikorrenti u kkundannathom għall-ispejjeż.

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35.

Skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Erste, permezz ta’ att iddepożita fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2007, u RZB, BA-CA u ÖVAG, permezz ta’ atti ppreżentati fis-6 ta’ Marzu 2007, ippreżentaw appelli kontra s-sentenza appellata.

36.

Erste, RZB, BA-CA u ÖVAG jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata inkwantu din tiċħad ir-rikors għall-annullament ippreżentat mill-appellanti u tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta lilhom skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni msemmija;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u

iktar sussidjarjament, Erste u ÖVAG jitolbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

37.

Il-Kummissjoni titlob sabiex fil-kawżi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli tal-appellanti kollha kemm huma;

tikkonferma s-sentenza appellata, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

V — L-aggravji tal-appelli

A — L-aggravji mressqa minn Erste (C-125/07 P)

38.

Erste ressaq tliet aggravji intiżi sabiex jikseb jew l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, jew inkella tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta lilu.

39.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, Erste jinvoka ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti tal-aggravju hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u

it-tieni parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputabbiltà tal-ksur.

40.

Fil-kuntest tat-tieni aggravju, Erste jinvoka l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont inizjali tal-multa. Insostenn ta’ dan l-aggravju, Erste jikkontesta t-tqassim f’kategoriji li għamlet il-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. F’dan ir-rigward, dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti hija bbażata fuq l-iżbalji ta’ liġi imwettqa minħabba l-imputazzjoni tas-sehem tas-suq deċentralizzat tal-banek tat-tfaddil lil Erste, u

it-tieni parti hija bbażata fuq id-determinazzjoni skorretta tas-sehem tas-suq ta’ Erste u tas-settur deċentralizzat tal-banek tat-tfaddil.

41.

Finalment, fil-kuntest tat-tielet aggravji, Erste jinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma semmietx l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tattribwixxilu s-sehem tas-suq tas-settur deċentralizzat tal-banek tat-tfaddil.

B — L-aggravji mressqa minn RZB (C-133/07 P)

42.

RZB iressaq tliet aggravji li huma wkoll essenzjalment intiżi sabiex jinkiseb jew l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, jew inkella għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta lilu.

43.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, RZB jikkontesta l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

44.

Insostenn tat-tieni aggravju, RZB jinvoka ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkwantu l-analiżi dwar il-gravità tal-ksur hija skorretta u hija vvizzjata bi żbalji tad-dritt. Dan l-aggravju jinqasam f’sitt partijiet:

fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet, RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx korrettament in-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-portata ġeografika tiegħu, rispettivament;

insostenn tar-raba’ parti, huwa jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi inkwantu ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura selettiva tal-proċeduri;

fil-kuntest tal-ħames parti, RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma għamlitx analiżi globali tal-gravità tal-ksur, u

insostenn tas-sitt parti, RZB jikkritika t-tqassim f’kategoriji li għamlet il-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huwa jikkontesta l-imputazzjoni li saritlu tas-sehem tas-suq tas-settur deċentralizzat tiegħu u, f’dan ir-rigward, iressaq ħames ilmenti. Din l-imputazzjoni, fl-ewwel lok, hija mingħajr bażi leġali. Fit-tieni lok, hija tikser il-prinċipju ta’ piena adattata għall-gravità tal-fatti, fit-tielet lok, il-prinċipju tan-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u, fir-raba’ lok, il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Finalment, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt hija kontradittorja.

45.

Insostenn tat-tielet aggravju, RZB jinvoka l-iżbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Dan l-aggravju jerġa’ jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti hija bbażata fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat. F’dan ir-rigward, RZB jagħmel żewġ ilmenti; fl-ewwel lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività u, fit-tieni lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

it-tieni parti hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-kooperazzjoni ta’ RZB fil-proċeduri u tinqasam f’erba’ ilmenti:

L-ewwel tliet ilmenti huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna n-natura volontarja tar-risposti għad-domandi għall-informazzjoni; fit-tieni lok, fuq żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-espożizzjoni komuni tal-fatti u, fit-tielet lok, fuq evalwazzjoni skorretta fir-rigward tar-rikonoxximent tal-għan antikompetittiv tal-ksur min-naħa ta’ RZB, u

insostenn tar-raba’ ilment, dan jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza bil-fatt li din wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova f’dak li jikkonċerna l-valur tal-kooperazzjoni tiegħu u, b’dan il-mod, kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

C — L-aggravji mressqa minn BA-CA (C-135/07 P)

46.

BA-CA ressaq erba’ aggravji li kollha kemm huma huma intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta lilu bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

47.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, BA-CA jinvoka ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkwantu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u b’mod partikolari tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija żbaljata. Dan l-aggravju jikkonsisti f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza tal-effetti ekonomiċi kkawżati mir-round tables bankarji, u

it-tieni hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji tal-produzzjoni tal-prova.

48.

Insostenn tat-tieni aggravju BA-CA jinvoka l-evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti. Din tinqasam f’żewġ partijiet:

fl-ewwel parti, BA-CA jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi fil-laqgħat, u

insostenn tat-tieni parti, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ dritt billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-round tables kienu pubbliċi.

49.

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, BA-CA jinvoka diversi żbalji ta’ dritt, kif ukoll ksur tal-prinċipji fundamentali f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Dan l-aggravju jinvolvi tliet partijiet:

insostenn tal-ewwel parti, BA-CA jikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju proprju tagħha;

it-tieni parti hija bbażata fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat u fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

it-tielet parti hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-kooperazzjoni ta’ BA-CA. Din tinqasam f’erba’ ilmenti:

l-ewwel żewġ ilmenti huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-valur tal-espożizzjoni komuni tal-fatti u, fit-tieni lok, il-valur tad-dokumenti addizzjonali mibgħuta mill-appellant,

fit-tielet ilment, BA-CA jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza bil-fatt li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-risposti tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u

ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għas-smigħ.

50.

Insostenn tar-raba’ aggravju, BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tagħha fuq it-talbiet intiżi sabiex ikun hemm tnaqqis tal-multi, kisritlu d-drittijiet tad-difiża tiegħu inkwantu dawn jinkludu d-dritt għas-smigħ tiegħu.

D — L-aggravji mressqa minn ÖVAG (C-137/07 P)

51.

L-istess bħal Erste u RZB, ÖVAG iressaq ukoll tliet aggravji li, huma essenzjalment intiżi sabiex jew jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, jew inkella t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta lilu mill-Kummissjoni.

52.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ÖVAG jikkontesta li kien hemm ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Dan l-aggravju jinqasam fi tliet partijiet:

l-ewwel parti tirrigwarda l-iżbalji ta’ dritt u ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ akkordju purament nazzjonali li jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju;

it-tieni parti tirrigwarda l-iżbalji ta’ dritt li allegatament wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza meta evalwat b’mod globali l-effetti transkonfinali tal-akkordju. F’dan ir-rigward, l-appellant iressaq żewġ ilmenti li huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq evalwazzjoni skorretta tal-ġurisprudenza Komunitarja u fit-tieni lok, fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, u

it-tielet parti tirrigwarda l-fatt li fis-sentenza appellata ma ġewx ipprovati l-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq.

53.

Fil-kuntest tat-tieni lment, l-appellant jinvoka l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkwantu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, u b’mod partikolari tat-tqassim f’kategoriji li għamlet il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, hija żbaljata.

54.

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, ÖVAG jinvoka żbalji ta’ dritt, nuqqas ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

VI — It-tgħaqqid tal-appelli u kif ser jiġu trattati fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet

55.

Minħabba l-konnessjoni ta’ bejniethom, dawn il-kawżi ġew mgħaqqda għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li ċerti aggravji mressqa mill-appellanti huma simili, għażilt li nittrattahom flimkien, u dan għal raġunijiet ta’ ċarezza.

56.

Għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, ser neżamina, fl-ewwel lok, l-aggravji li huma intiżi sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, ser nanalizza l-aggravji intiżi sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE kkontemplata fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

57.

Sussegwentement, ser neżamina l-aggravji intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa stabbilita mill-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni msemmija. F’dan ir-rigward, ser nanalizza l-aggravji bbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tat-tqassim tal-appellanti f’kategoriji. Imbagħad, ser neżamina l-aggravji li jirrigwardaw l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u tal-kooperazzjoni tal-impriżi fil-proċedura. Fl-aħħar nett, ser nanalizza l-aħħar aggravju mressaq minn BA-CA li huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

58.

Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, nixtieq nagħmel, preliminarjament, xi osservazzjonijiet sabiex niċċara l-kuntest ġuridiku li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproċedi għall-eżami ta’ dawn l-appelli.

VII — Osservazzjonijiet preliminari

59.

Dawn l-osservazzjonijiet, minn banda, jirrigwardaw l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell u, mill-banda l-oħra, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-investigar u tal-ippenalizzar ta’ komportamenti antikompetittivi.

A — Fuq il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn l-appelli

60.

Fil-kuntest ta’ appell, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat sabiex teżamina jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żball ta’ liġi hija u teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

61.

Skont l-Artikoli 225(1) KE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ dritt u għandu jkun ibbażat fuq aggravji ibbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem l-istess Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-imsemmija qorti. Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell għandu jispeċifika r-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt invokati.

62.

Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-appelli ippreżentati kontra s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

63.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba ( 13 ).

64.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-appellant ma jistax iqajjem għall-ewwel darba quddiemha motivi jew argumenti li huwa ma jkunx qajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, dan ikun ifisser li parti tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minkejja li, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata ( 14 ).

65.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li l-appell mhuwiex ammissibbli jekk l-appellant jillimita ruħu li jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u jekk huwa ma jispjegax u lanqas ma jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, fil-fatt, li l-appell jikkostitwixxi fir-realtà talba li tippermetti lill-appellant li jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ħaġa din li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). Mill-banda l-oħra, meta l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku l-appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha ( 16 ).

66.

Mid-dispożizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq motivi li jirrigwardaw il-ksur tar-regoli tad-dritt. Il-motivi li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-fatti huma, bħala prinċipju, inammissibbli, ħlief f’żewġ każijiet imsemmija espliċitament fil-ġurisprudenza.

67.

Bħala prinċipju, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza biss li hija kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti. Ukoll, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha, ladarba l-provi li hija tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti jkunu nkisbu b’mod regolari u, ladarba l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati ( 17 ).

68.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss il-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 18 ).

69.

B’hekk, fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 15 tar-Regolament Nru 17, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu għan doppju. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, suffiċjentement skont il-liġi, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità tal-aġir tal-impriża fid-dawl tal-Artikoli 81 KE u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Min-naħa l-oħra, hija għandha tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tatx risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellanti intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa ( 19 ). Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex tissostitwixxi, minħabba motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti kontra impriżi ( 20 ).

70.

Kif diġà indikajt, hemm żewġ każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra lmenti li jirrigwardaw il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti ( 21 ).

71.

L-ewwel każ huwa dak fejn l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċerta konstatazzjonijiet li l-ineżattezza tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess.

72.

It-tieni każ huwa dak fejn l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li tressqu quddiemha. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, li bħala prinċipju, mhijiex kompetenti biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun qieset insostenn tal-fatti, tista’ tipproċedi bi stħarriġ ġudizzjarju. L-appellant, għalhekk, għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti tal-Prim’Istanza u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal dan l-iżnaturament. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 22 ).

73.

Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina l-ammissibbiltà tal-aggravji u tal-argumenti invokati mill-appellanti f’dawn l-appelli.

B — Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-istħarriġ tal-prattiċi u tal-ftehim antikompetittivi ( 23 )

74.

Il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi prattiċi u ftehim antikompetittivi tikkostitwixxi ksur ekonomiku intiż sabiex jimmassimizza l-profitti tagħha, ġeneralment, permezz ta’ limitazzjoni volontarja tal-offerta, tat-tqassim artifiċjali tas-suq u ta’ żieda artifiċjali fil-prezzijiet. L-effett ta’ dawn il-prattiċi jew ta’ dawn il-ftehim huwa li tiġi ristretta l-kompetizzjoni libera u li jiġi ostakolat it-twettiq tas-suq komuni, b’mod partikolari billi jiġi ostakolat il-kummerċ intra-Komunitarju. Peress li dan it-tip ta’ akkordju orizzontali jaffettwa r-rati ta’ interessi, jiġifieri, fl-aħħar mill-aħħar, il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi finali, jikkostitwixxi waħda mill-prattiċi antikompetittivi l-iktar gravi ( 24 ). Il-ftehim dwar ir-rati ta’ interessi tad-debiti u tal-krediti, bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi, huma wieħed mill-mezzi għad-dispożizzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu biex jikkompetu billi joffru rati ogħla fuq ċerti kontijiet tat-tfaddil jew rati iktar baxxi fuq self. F’dan il-każ, l-eżistenza tal-akkordji bejn l-istabbilimenti ta’ kreditu biex jiffissaw dawn ir-rati telimina l-kompetizzjoni, ħaġa li jkollha effett dirett fuq il-konsumaturi peress li dawn jiġu mċaħħda mill-marġni ta’ manuvra tagħhom u ma jibqgħux jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi.

75.

Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament Nru 17 għandhom l-għan li jippermettulha twettaq l-inkarigu mogħti lilha bl-Artikolu 81 KE, jiġifieri dak li tissorvelja l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, huwa konformi mal-interess pubbliku li jiġu evitati u żvelati l-prattiċi u l-ftehim antikompetittivi, u li dawn jiġu ppenalizzati.

76.

Inkwantu l-multi li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi huma magħrufa sewwa, hija prassi komuni li l-attivitajiet involuti fl-organizazzjoni ta’ ftehim antikompetittivi jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, ta’ spiss fi Stati terzi, u li d-dokumentazzjoni relatata tinżamm fil-minimu.

77.

Anke jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li jikkonfermaw b’mod espliċitu xi kuntatt illegali bejn l-operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ xi laqgħa, dawn normalment ikunu frammentarji u mxerrdin b’mod li ta’ spiss ikun meħtieġ li ċerti dettalji jiġu rikostruwiti b’eżerċizzju ta’ deduzzjoni.

78.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tinsilet min-numru ta’ koinċidenzi li, meħudin f’daqqa u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu l-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

79.

Barra minn hekk, bħalma hu l-każ f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni tista’ ssib ruħha kkonfrontata minn diffikultajiet li jkunu inerenti għall-istrutturi kumplessi ta’ ċerti operaturi, minn ristrutturazzjonijiet u minn bdil tal-personalità ġuridika tal-impriżi.

80.

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 81 KE jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi. Għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-bdil fil-forma ġuridika u fl-isem tal-impriża mhux neċessarjament għandu l-effett li joħloq impriża ġdida meħlusa mir-responsabbiltà għall-komportamenti antikompetittivi ta’ dik ta’ qabilha, meta, mill-aspett ekonomiku, dawn iż-żewġ impriżi jkunu impriża waħda ( 25 ).

81.

Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża mingħajr ebda ekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha tkun ser tiġi imposta l-multa u għandha tkun indirizzata lil din il-persuna ( 26 ).

82.

Biex tippriżerva l-effett utli tas-setgħa investigattiva mogħtija lilha mill-Artikolu 11(1) u (5) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill-impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa li tirrigwarda fatti li hija tista’ tkun taf bihom u sabiex tibgħatilha, skont il-bżonn, id-dokumenti relatati ma’ dawn il-fatti li dik l-impriża jkollha, anke jekk dawn jistgħu jservu sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża jew impriża oħra kienet involuta f’komportament antikompetittiv.

83.

Ir-Regolament Nru 17 jimponi l-obbligu tal-kollaborazzjoni attiva fuq l-impriża li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni, dan jimplika li hija tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tirrigwarda s-suġġett tal-investigazzjoni ( 27 ).

84.

Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha madankollu tiżgura li d-drittijiet tad-difiża ma jiġux preġudikati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari li jistgħu jkunu determinanti għall-ġbir tal-provi dwar in-natura illegali tal-komportamenti tal-impriżi b’mod li jiġbdu magħhom ir-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar ( 28 ).

85.

Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-ħarsien tagħhom billi tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali li għalihom l-Istati Membri jkunu kkooperaw jew li jkunu adirixxew magħhom, bħalma hi l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 29 ).

86.

B’hekk, il-Kummissjoni, meta tagħmel talba għall-informazzjoni, ma tistax timponi fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li bihom hija tkun qed tammetti l-eżistenza tal-ksur li l-prova tiegħu għandha ssir mill-Kummissjoni ( 30 ).

87.

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi wkoll li l-impriża ikkonċernata, matul il-proċedura amministrattiva, tingħata l-opportunità li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-relevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkonstatati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat KE ( 31 ).

88.

F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 17 jipprovdi li lill-partijiet għandha tintbagħtilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tgħid, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom tkun qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dak l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ( 32 ), peress li d-dikjarazzjoni msemmija hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jkun fiha huma ta’ natura purament provviżorja ( 33 ). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tista’ u saħansitra għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva sabiex, fost l-oħrajn, tirrinunzja għall-oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw li huma infondati ( 34 ).

89.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li f’dan l-istadju jiġu eżaminati d-diversi aggravji mressqa mill-appellanti f’dawn l-appelli.

VIII — Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE

90.

Essenzjalment, l-appellanti ressqu żewġ aggravji li huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri kkontemplata fl-Artikolu 81(1) KE u, fit-tieni lok, fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà għall-ksur.

A — Fuq l-ewwel aggravju li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

91.

Skont l-Artikolu 81(1) KE, “għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”.

92.

Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet biex japplika l-Artikolu 81(1) KE huma, fl-ewwel lok, li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri, u fit-tieni lok, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 35 ).

93.

Il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jippermetti li jiġi definit il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fil-konfront ta’ dak tad-dritt tal-Istati Membri ( 36 ).

94.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha diversi drabi fuq il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju.

95.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li, skont formula stabbilita, sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri, ftehim jew prattika miftiehma jridu, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jkunu jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li dawn jistgħu jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri ( 37 ). Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta l-ftehim iqassam is-suq nazzjonali, ibiddel it-tendenzi tal-kummerċ jew ibiddel l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni ( 38 ).

96.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta mill-akkumulazzjoni ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, mhumiex neċessarjament determinanti ( 39 ).

97.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li mhuwiex meħtieġ li jintwera li l-kummerċ ġie effettivament affettwat ħażin u li l-prova tal-effett potenzjali hija biżżejjed ( 40 ).

98.

Mill-banda l-oħra, din l-influwenza għandha tkun sinjifikanti ( 41 ). Il-Kummissjoni għandha tevalwaha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-pożizzjoni u l-importanza tal-partijiet fis-suq tal-prodotti inkwistjoni. B’hekk, meta ftehim ma jaffettwax is-suq ħlief b’mod insinjifikanti, u dan minħabba l-pożizzjoni dgħajfa li l-impriżi kkonċernati għandhom fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, dan ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81 KE anke jekk ikun jinvolvi protezzjoni territorjali assoluta ( 42 ).

99.

Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ hija sfavorevoli, bla effett jew favorevoli ma tantx huwa importanti.

100.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li, f’dan il-każ, jeħtieġ li wieħed jevalwa l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-appellanti.

101.

Fil-kuntest, rispettivament, tal-ewwel aggravju tagħhom, Erste, RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ dritt meta kkunsidrat li l-ftehim tal-“Club Lombard” jistgħu jaffetwaw l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Bla ħsara għal ċerti dettalji marbutin mas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom, l-argument tagħhom essenzjalment jikkontesta l-kriterji li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha.

102.

Organizzajt id-diversi lmenti mressqa mill-appellanti f’erba’ partijiet.

103.

Insostenn tal-ewwel parti, RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li akkordju li jkopri t-territorju ta’ Stat Membru jista’ jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Insostenn tat-tieni parti, ÖVAG jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li din għamlet eżami globali tal-effetti transkonfinali tal-akkordju. Fil-kuntest, imbagħad, tat-tielet parti, Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wrietx li dan l-akkordju seta’ jaffetwa b’mod sinjifikanti l-kummerċ intra-Komunitarju. Finalment, insostenn tar-raba’ parti, ÖVAG jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li din ma għamlitx analiżi tal-effetti konkreti tal-ftehim fuq is-suq.

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-kapaċità ta’ ftehim, li jkopri t-territorju nazzjonali kollu, li jaffettwa b’mod sinjifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri

a) L-argumenti tal-partijiet

104.

RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 181 tas-sentenza appellata, qalet li “teżisti preżunzjoni qawwija ( 43 ) li prattika [li tirrestrinġi l]-kompetizzjoni applikata fuq it-territorju [kollu] ta’ Stat Membru tista’ tikkontribwixxi għa[t-tqassim] tas-swieq u tista’ taffettwa l-kummerċ interkomunitarju”.

105.

Minn banda, RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tinterpreta b’mod issimplifikat il-kundizzjoni li tirrigwarda l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri billi ttaffi s-sinjifikat tal-kriterju tal-effett tat-tqassim tas-swieq. Fir-rigward ta’ ÖVAG, dan isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 81(1) KE.

106.

Mill-banda l-oħra, RZB isostni li l-potenzjalità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri mhux biss tissupponi kopertura territorjali, imma teħtieġ ukoll il-prova tal-effett tat-tqassim tas-swieq. Din il-prova hija meħtieġa. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza marret kontra l-ġurisprudenza Komunitarja u b’mod partikolari, fil-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata, marret kontra s-sinjifikat tas-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, billi ddikjarat li s-sempliċi fatt li r-round tables kienu jkopru t-territorju Awstrijak kollu kien biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-kummerċ intra-Komunitarju kien affettwat. F’dan ir-rigward, l-appellant jenfasizza li s-servizzi kkonċernati mil-laqgħat tal-banek kienu pprovduti, prattikament bla eċċezzjoni, fuq livell lokali u li ebda bank barrani ma kien jipparteċipa fir-round tables. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova l-eżistenza tal-effett ta’ tqassim tas-swieq meta akkordju jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 181 u 186 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi invertiet l-oneru tal-prova għal fuq l-impriżi.

107.

ÖVAG iżid igħid li l-impriżi ma għandhomx il-mezzi biex iġibu din il-prova. Barra minn hekk, il-fatt li l-akkordju jista’ jestendi għal fuq it-territorju nazzjonali kollu mhuwiex kriterju suffiċjenti u l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kriterji oħra, bħalma huma l-karatteristiċi tas-settur bankarju.

108.

Iktar minn hekk, ÖVAG jirrileva n-natura kontradittorja u insuffiċjenti tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-effetti tat-tqassim tas-swieq mhumiex indizju qawwi li jippermetti li jiġi konkluż li l-kummerċ bejn Stati Membri kien affettwat, filwaqt li, fil-punt 181 tas-sentenza msemmija, hija ddikjarat, bil-kontra ta’ dan, li hemm rabta stretta bejn l-effett tat-tqassim tas-swieq u l-kapaċità li dan jaffettwa l-kummerċ transkonfinali.

b) Kunsiderazzjonijiet

109.

Fl-opinjoni tiegħi d-diversi lmenti mressqa mill-appellanti għandhom jiġu miċħuda.

110.

Fil-fatt, jidhirli li akkorju, bħalma huwa dak inkwistjoni, li jiġi organizzat fuq livell nazzjonali bejn il-banek Awstrijaki ewlenin, li l-għan tiegħu huwa l-ftehim fuq il-prezzijiet u l-kummissjonijiet bankarji, min-natura tiegħu stess, jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

111.

Għal dak li jikkonċerna fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jinsabu fil-punt 181 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li hemm preżunzjoni li ftehim li jiġi applikat fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru jista’ jikkontribwixxi għat-tqassim tas-swieq u jista’ jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, fl-opinjoni tiegħi dan ir-raġunament huwa korrett għalkemm it-terminu “preżunzjoni” ma naħsibx li huwa xieraq.

112.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-fatt li jkun hemm ftehim bejn impriżi stabbiliti fl-istess Stat Membru wieħed u ma jkunx jirrigwarda ħlief prodotti jew servizzi kkummerċjalizzati f’dak l-Istat ma jfissirx minn daqshekk li l-kummerċ fi ħdan is-suq intern ma jistax jiġi affettwat ( 44 ). Fil-fehma tagħha, bil-kontra ta’ dan tali ftehim għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida tqassim ta’ natura nazzjonali u li jiżgura l-protezzjoni tal-produzzjoni nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE u jaffetwa, a fortiori, il-kummerċ bejn Stati Membri ( 45 ).

113.

L-effett li jkollu l-akkordju nazzjonali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta għalhekk min-natura stess tal-ksur u mhux mill-“preżunzjoni” li semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja.

114.

Konsegwentement, u minkejja l-użu ta’ dan it-terminu, jidhirli li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, espost fil-punt 181 tas-sentenza appellata mhuwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi, u dan b’kuntrast ma’ dak li jsostnu RZB u ÖVAG.

115.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax isostni li b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod wiesa’ l-Artikolu 81(1) KE jew li pprovdiet interpretazzjoni ssimplifikata tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

116.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn RZB u ÖVAG.

117.

Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li jsostni ÖVAG, jidhirli li dan ir-raġunament ma jikkontradixxix dak tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jinsab fil-punt 164 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, f’dak il-punt, l-istess Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat sempliċiment li l-effetti tat-tqassim tas-swieq ma kienux l-uniċi effetti li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi li l-akkordju kien kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

118.

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza tal-effett tat-tqassim tas-suq nazzjonali, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu RZB u ÖVAG, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza wriet, suffiċjentement skont il-liġi u filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-settur bankarju, li l-akkordju, iktar milli kien ikopri sempliċiment it-territorju, kien qed jirriskja li jwassal għat-tqassim tas-suq Awstrijak.

119.

Fil-fatt, wara li fil-punt 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li l-akkordju kkonstatat mill-Kummissjoni kien ikopri t-territorju nazzjonali kollu, l-istess Qorti, fil-punt 183 tas-sentenza, irrilevat li l-prattiċi miftiehma fi ħdan in-“netwerk Lombard” kienu jimplikaw mhux biss l-istabbilimenti kollha ta’ kreditu fl-Awstrija, iżda wkoll firxa kbira ħafna ta’ prodotti u servizzi bankarji, b’tali mod li “setgħu jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan l-Istat Membru kollu”. Barra minn hekk fil-punti 184 u 185 tas-sentenza msemmija hija rrilevat li ma setax jiġi konkluż li l-akkordju ma kellux effett transkonfinali, inkwantu n-netwerk seta’ jikkontribwixxi għaż-żamma tal-istrutturi tas-suq bankarju Awstrijak u, konsegwentement, għaż-żamma tal-ostakli għall-aċċess għas-suq. Dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ġiet esposta fil-punti 111 sa 121 tas-sentenza appellata, fejn hija tindika l-għan li kull round table kellha permezz ta’ dokumenti li ma ġewx ikkontestati mill-appellanti.

120.

Fil-fehma tiegħi, iż-żamma tal-ostakli għall-aċċess għas-suq li ssemmi l-Qorti tal-Prim’Istanza hija biżżejjed biex turi l-eżistenza ta’ riskju ta’ tqassim tas-suq Awstrijak.

121.

Fl-ewwel lok, apparti l-ostakli strutturali li jirriżultaw b’mod partikolari mill-effetti tan-netwerk maħluq mill-kartell, l-appellanti ħolqu u saħħew l-ostakli strateġiċi billi organizzaw ftehim kemm fuq livell nazzjonali, u kif ukoll, f’ċerti reġjuni, fuq livell lokali, fis-settur bankarju, li fih il-banek barranin ma kellhomx sehem, u dan kif ġie rikonoxxut wara kollox minn RZB fl-appell tiegħu ( 46 ).

122.

Fit-tieni lok, in-natura u d-dettall tal-informazzjoni skambjata bejn il-banek, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssemmi fil-punti 111 sa 121 tas-sentenza appellata, joħolqu, f’suq li jkun diġà kkonċentrat ħafna, struttura ta’ trasparenza li timpedixxi kull kompetizzjoni moħbija u ssaħħaħ l-ostakli għall-aċċess għas-suq tal-impriżi li mhumiex membri ( 47 ).

123.

Fit-tielet lok, is-servizzi bankarji inkwistjoni jikkonċernaw attivitajiet ekonomiċi li jista’ jkollhom influwenza importanti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u l-provvista ta’ dan it-tip ta’ servizzi, fil-fehma tiegħi, hija element determinanti għad-dħul fis-suq finanzjarju ta’ Stat Membru minn banek provenjenti minn Stati Membri oħra. Bl-iffissar ta’ rati tal-imgħaxijiet partikolarment baxxi fuq is-self, billi naqqsu r-rati fuq il-krediti jew billi ffissaw rati partikolarment għolja fuq id-depożiti, l-appellanti rnexxielhom jaqbdu l-klijenti b’eżerċizzju ta’ ċaqliq miftiehem tal-prezzijiet u għaldaqstant setgħu jiskoraġġixxu l-banek barranin, li ma kienux kapaċi isegwu l-istess rati, li jidħlu fis-suq Awstrijak jew, fi kwalunkwe każ, għamluha iktar diffiċli jew tawwlu l-penetrazzjoni fis-suq nazzjonali ( 48 ).

124.

Fir-raba’ lok, l-argument ta’ RZB, li huwa bbażat fuq in-natura purament nazzjonali ta’ ċerti servizzi bankarji affettwati mill-ftehim, ma jidhirlix li huwa rilevanti.

125.

Fil-fatt, il-globalizzazzjoni tal-attivitajiet bankarji, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-provvista ta’ servizzi finanzjarji u t-twettiq tas-suq bankarju uniku ffaċilitaw it-twettiq tat-tranżazzjonijiet bankarji bejn l-Istati Membri ( 49 ). Wieħed jista’ b’hekk jimmaġina li klijent Ġermaniż imur f’bank stabbilit fl-Awstrija biex jikkonkludi miegħu kuntratt għal kreditu f’kont kurrenti jekk il-kundizzjonijiet offruti minn dak il-bank jidhrulu li huma iktar favorevoli mill-kundizzjonijiet li japplikaw il-banek stabbiliti fil-Ġermanja. Bl-istess mod, bank ta’ Stat Membru ieħor jista’ jkun irid joffri servizzi bankarji fl-Awstrija mill-Istat tal-oriġni tiegħu jew bil-ftuħ ta’ kumpanniji sussidjarji jew fergħat li huwa jiftaħ fit-territorju Awstrijak. It-twettiq sħiħ tas-suq intern, permezz tal-libertà ta’ istabbiliment ( 50 ), il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-moviment liberu tal-kapital ( 51 ), kif ukoll fil-kuntest tal-politika ekonomika u monetarja, tiffavorixxi, fil-fehma tiegħi, il-Komunitarizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji kollha. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li ftehim rigwardanti s-servizzi bankarji ta’ natura purament nazzjonali ma jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

126.

Konsegwentement, insostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-akkordju inkwistjoni seta’ kellu effetti ta’ tqassim tas-swieq u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

127.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istess punt, setgħet ikkunsidrat li l-appellanti ma invertewx il-“preżunzjoni” li l-akkordju seta’ kellu dawn l-effetti, lanqas ma jista’ jiġi kkritikat.

128.

B’kuntrast ma’ dak li jsostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma invertietx l-oneru tal-prova fuq l-appellant. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ( 52 ). Mill-banda l-oħra, hija l-impriża investigata mill-Kummissjoni li għandha tiddefendi ruħha fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u turi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE mhumiex sodisfatti. F’dan il-każ, kif tirrileva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 154 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni evalwat il-kapaċità tan-“netwerk Lombard” li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-akkordju kien ibiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Awstrija kollha u kien ta’ natura li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ dħul fis-suq ta’ banek barranin. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat biss li l-appellanti ma rnexxilhomx juru li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni kienet żbaljata.

129.

Inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, ma invertietx l-oneru tal-prova, nikkunsidra li l-argument ta’ ÖVAG, li huwa bbażat fuq il-fatt li l-appellanti ma għandhomx il-mezzi biex juru l-assenza ta’ tqassim tas-suq, huwa irrilevanti.

130.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat korrettament il-kapaċità tal-akkordju inkwistjoni li jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u mmotivat suffiċjentement ir-raġunament tagħha fuq dan il-punt.

131.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad bħala infondata l-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju.

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba l-eżami globali tal-effetti transkonfinali tal-akkordju

a) L-argumenti tal-partijiet

132.

ÖVAG isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tiproċedi b’eżami globali tal-effetti transkonfinali tad-diversi round tables bankarji. Skont ÖVAG, il-kapaċità tad-diversi round tables li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri kellha tiġi evalwata separatament għal kull waħda minn dawn ir-round tables.

133.

Insostenn ta’ din il-konklużjoni, huwa jressaq żewġ ilmenti.

134.

L-ewwel ilment huwa bbażat fuq applikazzjoni u evalwazzjoni żbaljati tal-ġurisprudenza Komunitarja.

135.

Minn banda, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx, b’mod separat, u skont is-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni ( 53 ), l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tar-round tables li kienu jirrigwardaw attività separata. Barra minn hekk, u fil-każ fejn id-diversi round tables jikkostitwixxu ksur uniku, ÖVAG isostni li wieħed ma jistax jikkonkludi li kien hemm rabta diretta bejn il-ftehim innegozjati fil-kuntest ta’ dawn ir-round tables, u dan b’kuntrast ma dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 170 tas-sentenza appellata.

136.

Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 171 tas-sentenza appellata. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet eżami separat tal-klawsoli li kienu jikkonċernaw żewġ tranżazzjonijiet bankarji distinti, minkejja li dawn kienu jinsabu f’kundizzjonijiet bankarji uniformi u kienu jirrigwardaw l-istess servizz bankarju.

137.

It-tieni lment huwa bbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti inkwistjoni.

138.

Minn banda, ÖVAG jikkritika r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza espost fil-punt 172 tas-sentenza appellata fejn jingħad li “r-rwol tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jinbidel skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE”. Dan ir-raġunament mhuwiex immotivat u huwa wkoll żbaljat. L-appellant isostni, fil-fatt, li l-identifikazzjoni tas-suq rilevanti għandha ssir abbażi tal-istess kriterji indipendentement mit-tip ta’ proċedura inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, l-ilment magħmul kontra d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni mogħtija mill-Kummissjoni għandu dimensjoni ġuridika indipendenti mill-ilmenti rigwardanti l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. B’dan l-argument, ÖVAG jipprova juri li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza kellhom jevalwaw l-effett fuq il-kummerċ tal-ftehim konklużi fi ħdan id-diversi round tables abbażi ta’ definizzjoni iktar ristretta tas-swieq ikkonċernati.

139.

Mill-banda l-oħra, ÖVAG jirrileva kontradizzjoni bejn, fl-ewwel lok, il-punt 174 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li “is-servizzi bankarji differenti previsti mill-ftehim ma jistgħux jiġu sostitwiti ma’ xulxin” u, fit-tieni lok, il-punt 175 tal-istess sentenza, fejn hija ddikjarat li “il-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina separatament is-swieq ta’ prodotti bankarji differenti previsti [mir-round tables]”.

140.

Fl-aħħar nett, ÖVAG jikkontesta l-fondatezza tal-analoġija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 175 tas-sentenza appellata, mas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni ( 54 ), inkwantu, f’dik il-kawża, hija r-rikorrenti li kienet tat id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni li kienet ġiet, sussegwentement, adottata mill-Kummissjoni.

b) Kunsiderazzjonijiet

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq applikazzjoni u evalwazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza Komunitarja

— F’dak li jikkonċerna s-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni

141.

L-appellanti essenzjalment jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija ma eżaminatx b’mod separat u skont is-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tar-round tables li kienu jirrigwardaw attività distinta.

142.

Jidhirli li dan l-ilment huwa infondat.

143.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju għandu jiġi evalwat abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt li, meħudin b’mod iżolat, mhux bilfors ikunu determinanti ( 55 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-ftehim, jiġifieri n-natura tiegħu, il-prodotti kkonċernati minnu kif ukoll il-pożizzjoni u l-importanza li l-partijiet li ħadu sehem fil-ftehim għandhom fis-suq ( 56 ). Hija tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fi ħdanu jinsab il-ftehim u jekk jistax iwassal, flimkien ma’ fatturi oħra, għal effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni ( 57 ).

144.

Fis-sentenza Windsurfing International vs Il-Kummissjoni ( 58 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 81(1) KE ma jeħtieġx li l-klawsoli kollha ta’ ftehim, minnhom innifishom, jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni japplika għal ftehim bejn impriżi, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Huwa biss meta l-ftehim, fl-intier tiegħu, jista’ jaffettwa l-kummerċ li, skont l-istess Qorti, jeħtieġ li jiġi eżaminat liema huma l-klawsoli tal-ftehim li għandhom bħala għan jew effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 59 ).

145.

Huwa abbażi ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet il-kawża li wasslet għas-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet mitluba tiddeċiedi dwar jekk żewġ tipi ta’ ftehim rigwardanti l-provvista ta’ prodotti tal-florikultura konklużi bejn kooperattiva li tiġbor fi ħdanha koltivaturi Olandiżi tal-fjuri kinux kompatibbli mal-Artikolu 81(1) KE.

146.

L-ewwel tip ta’ ftehim kien jirrigwarda l-kuntratti kummerċjali konklużi bejn il-kooperattiva u d-distributuri stabbiliti fil-qafas tal-kooperattiva, liema kuntratti kienu intiżi għall-esportazzjoni tal-prodotti tal-florikultura Olandiża. Dawn il-kuntratti ġew konklużi abbażi ta’ regoli stabbiliti mill-kooperattiva u li kienu jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-lokatarju fir-rigward tal-esibizzjoni u tal-bejgħ ta’ fjuri li jinqatgħu fil-bini tal-kooperattiva. L-imsemmija kuntratti kienu jipprovdu, b’mod partikolari, għall-ħlas ta’ miżata u kienu jippreskrivu l-obbligi tax-xiri. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni sostniet li l-kuntratti kienu jiffurmaw parti minn serje ta’ deċiżjonijiet u ftehim simili dwar il-provvista ta’ prodotti tal-florikultura li, flimkien, kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u dan kontra l-Artikolu 81(1) KE. Dawn il-ftehim, fil-fatt, kienu jagħmluha iktar diffiċli li l-kompetituri provenjenti minn Stati Membri oħra, jippenetraw is-suq nazzjonali Olandiż. Fis-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni u abbażi tas-sentenza Windsurfing International vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija ddeċidiet li peress li l-kuntratti kummerċjali kienu jiffurmaw parti integrali mir-regoli stabbiliti mill-kooperattiva, ma kinitx tagħmel differenza jekk l-kuntratti, meħudin separatament, kinux jaffetwaw jew le l-kummerċ bejn Stati Membri b’mod suffiċjenti.

147.

It-tieni tip ta’ ftehim, jiġifieri l-“ftehim Cultra”, kienu jirrigwardaw ħames kuntratti individwali ta’ esklużività ta’ bejgħ konklużi bejn il-kooperattiva u ħames bejjiegħa bl-ingrossa Olandiżi stabbiliti fil-qafas tal-istess kooperattiva. L-imsemmija bejjiegħa kienu jintrabtu li jixtru esklużivament mingħand il-kooperattiva prodotti ta’ oriġni Olandiża sabiex jerġgħu jinbiegħu lil ħwienet li jbiegħu bl-imnut, esklużi mill-bejgħ bl-irkant, fil-forma ta’ “cash and carry”. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn il-ftehim ma kellhomx rabta diretta mal-aspetti l-oħra tar-regoli tal-kooperattiva. Fil-fatt, huma ma kienux jiffurmaw parti essenzjali minn dawn ir-regoli li jirrigwardaw il-bejgħ bl-irkant jew il-provvista diretta lid-distrubuturi sabiex, b’mod partikolari, jiġu esportati l-prodotti kkonċernati, imma kienu pjuttost jaqgħu taħt attività addizzjonali u distinta, jiġifieri l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tal-kooperattiva lill-ħwienet li jbiegħu bl-imnut bil-metodu “cash and carry”. Huwa f’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dawn il-ftehim, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-influwenza tagħhom fuq il-kummerċ intra-Kommunitarju kellha tiġi evalwata separatament u mhux fil-kuntest tar-regoli kollha stabbiliti mill-kooperattiva.

148.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tirrileva, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, li “ l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ta’ ftehim li bejniethom teżisti rabta diretta u li jagħmlu parti intergrali ta’ element wieħed għandhom jiġu eżaminati flimkien, filwaqt li ftehim li bejniethom ma hemmx rabta diretta u li jikkonċernaw attivitajiet distinti għandhom jiġu eżaminati separatament”. Din il-konklużjoni hija effettivament konformi mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

149.

Il-kwistjoni hija għalhekk li jiġi analizzat jekk, bħal fil-każ tal-“ftehim Cultra”, il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx obbligata li teżamina l-effetti fuq il-kummerċ tal-ftehim li kienu konklużi fi ħdan ir-round tables speċifiċi tan-“netwerk Lombard”.

150.

Fl-opinjoni tiegħi, dan mhuwiex il-każ.

151.

Il-ftehim li kienu konklużi fi ħdan ir-round tables tekniċi jew speċjalizzati tan-“netwerk Lombard” kienu jirrigwardaw effettivament prodotti u tranżazzjonijiet bankarji speċifiċi. Madankollu u b’kuntrast mal-“ftehim Cultra” kkontemplati fis-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dawn ir-round tables kienu jiffurmaw parti minn ftehim globali, li kien involva kważi l-istabbilimenti kollha Awstrijaki ta’ kreditu u kien infirex fuq diversi snin kif ukoll fuq il-firxa kollha ta’ prodotti u servizzi bankarji offruti fl-Awstrija. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 111 sa 125 tas-sentenza appellata, dawn il-ftehim kienu jiffurmaw parti minn ksur uniku u huwa dan li, fil-fehma tiegħi, huwa determinanti. Dawn il-ftehim kienu jiffurmaw parti minn pjan wieħed, jiġifieri n-“netwerk Lombard”, li huwa kkaratterizzat minn serje ta’ sforzi li kellhom għan ekonomiku wieħed, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi bankarji. ÖVAG ma jikkontestax dan. Ir-round tables kienu strettament marbutin ma’ xulxin, kemm fuq livell ta’ kontenut kif ukoll fuq livell organizzattiv, u huwa l-“Club Lombard” li kien jieħu d-deċiżjonijiet fundamentali, li kienu jiġu ppreparati minn dawn ir-round tables, u li kien jirregola l-problemi ta’ dixxiplina fir-rigward tal-osservanza tal-ftehim.

152.

Fil-każ fejn il-ftehim ġie kklassifikat bħala ksur uniku, jidhirli li jkun perfettament artificjali u inkoerenti li dan l-akkordju jerġa’ jinqasam skont l-għan speċifiku ta’ kull round table, u dan għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti li huwa jista’ jkollu fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni għandha tkun globali, u dan fid-dawl tal-ftehim kollha konklużi fi ħdan ir-round tables.

153.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nista biss naqbel mar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza espost fil-punt 170 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li bejn ftehim li jiffurmaw parti minn ksur uniku hemm rabta li tiġġustifika u teħtieġ eżami globali tal-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ intra-Komunitarju.

154.

Il-kritika li f’dan ir-rigward jagħmel ÖVAG għandha, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

155.

Fid-dawl tas-suespost, fl-opinjoni tiegħi il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tas-sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

— F’dak li jikkonċerna s-sentenza Bagnasco et.

156.

ÖVAG isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, applikat u interpretat is-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod skorrett.

157.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi, preliminarjment, dwar jekk ċerti kundizzjonijiet bankarji uniformi li l-assoċjazzjoni bankarja Taljana kienet timponi fuq il-membri meta dawn jikkonkludu kuntratti rigwardanti l-għoti ta’ kreditu f’kont kurrenti u fuq il-garanziji ġenerali, kinux kompatibbli mal-Artikolu 81(1) KE. L-ewwel klawsola inkwistjoni kienet tippermetti lill-banek sabiex, fil-kuntratti dwar l-għoti ta’ kreditu f’kont kurrenti, ibiddlu fi kwalunkwe żmien ir-rata tal-interessi minħabba l-bdil li jseħħ fis-suq monetarju, u dan permezz ta’ komunikazzjoni mwaħħla fil-bini tagħhom. It-tieni klawsola kienet tirrigwarda l-modalitajiet tal-garanziji ġenerali li għandhom jiggarantixxu l-għoti ta’ kreditu f’kont kurrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet eżami separat ta’ kull waħda minn dawn il-klawsoli.

158.

Fl-appell tiegħu, ÖVAG isostni li l-oġġezzjoni proposta mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ma ssegwix din il-ġurisprudenza hija żbaljata. Fil-fatt, hija sostniet li, fis-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-eżami globali tal-effetti transkonfinali tal-kundizzjonijiet bankarji inkwistjoni ma qamitx, inkwantu, fir-rigward tal-ewwel klawsola, il-kundizzjonijiet bankarji uniformi ma kellhomx bħala għan jew effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, mentri t-tieni klawsola li kienet tirrigwarda l-garanziji ġenerali ma setgħetx taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

159.

Fl-opinjoni tiegħi r-raġunijiet imressqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titbiegħed mill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentena Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, huma effettivament iġġustifikati.

160.

Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri huwa kundizzjoni meħtieġa biex ikun japplika l-Artikolu 81 KE u element kostituttiv tal-ksur ikkontemplat f’din id-dispożizzjoni.

161.

Konsegwentement, jekk jiġi kkonstatat li waħda miż-żewġ klawsoli ma tistax taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, allura din ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-kwistjoni tal-eżami globali tal-effetti transkonfinali tal-kundizzjonijiet bankarji ma tqumx.

162.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tas-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, u għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan l-ilment.

ii) Fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti

— Fuq il-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti

163.

Fl-appell tiegħu, ÖVAG jikkontesta l-mod li bih il-qorti komunitarja tevalwa l-ilmenti mressqa fil-konfront tad-definizzjoni tas-suq rilevanti adottata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

164.

ÖVAG jindika, b’mod partikolari, il-punt 172 tas-sentenza appellata. L-ewwel nett, huwa jikkritika r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħid li r-“rwol tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jinbidel skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE.” L-appellant jikkontesta, imbagħad, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li “l-ilmenti fformulati kontra d-definizzjoni tas-suq adottat[a] mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament minn dawk li jikkonċernaw l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u dawk li jikkonċernaw [l-effett ħażin fuq il-] kompetizzjoni”. Dan ir-raġunament mhuwiex immotivat u huwa żbaljat fid-dritt.

165.

Għalkemm parzjalment naqbel mal-kritika magħmula minn ÖVAG, dan l-ilment jidher li huwa bla effett, inkwantu ma jistax iwassal għall-illegalità tas-sentenza appellata.

166.

Fil-fatt, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret biss, preliminarjament, il-ġurisprudenza Komunitarja li l-appellanti ġustament tikkontesta. Madankollu, ir-riferiment għal din il-ġurisprudenza ma affettwax il-kumplament tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li l-istess Qorti, fil-punti 173 sa 175 tas-sentenza appellata, eżaminat sewwasew il-kontestazzjoni ta’ ÖVAG fuq id-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni.

167.

Nixtieq, madankollu, nagħmel ftit kummenti fuq ir-raġunament li adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 172 tas-sentenza appellata, inkwantu parzjalment naqbel mar-riżervi magħmula mill- appellanti.

168.

Fil-fatt, għalkemm ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza stabbilita tagħha ( 60 ), fl-opinjoni tiegħi d-definizzjoni tas-suq rilevanti għandha, mill-banda l-oħra, l-istess rwol kemm jekk jiġi applikat l-Artikolu 81 KE li jipprojbixxi l-akkordji antikompetittivi, jew inkella l-Artikolu 82 KE, li jipprojbixxi l-abbużi tal-pożizzjoni dominanti, jew ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi ( 61 ). Huma biss in-natura tal-komportament eżaminat mill-Kummissjoni u l-utilità li jiġi definit is-suq li jinbidlu.

169.

F’dawn it-tliet proċeduri, id-definizzjoni tas-suq rilevanti tippermetti li jiġi identifikat u definit il-perimetru li fih tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni bejn l-impriżi sabiex jinftiehem aħjar il-funzjonament tas-suq. Din id-definizzjoni, kemm fuq il-livell ta’ prodotti u kif ukoll fuq il-livell tad-dimensjoni ġeografika tas-suq rilevanti, għandha tippermetti li jiġi stabbilit jekk jeżistux kompetituri konkreti fis-suq, li huma kapaċi jaffettwaw il-komportament tal-impriżi inkwistjoni jew li jipprekluduhom milli jaġixxu indipendentement mill-pressjonijiet li teżerċita l-kompetizzjoni effettiva.

170.

Definizzjoni korretta tas-suq inkwistjoni hija għalhekk rekwiżit preliminari u meħtieġ għad-deċiżjoni fuq il-komportament allegatament antikompetittiv, kemm jekk fil-kuntest tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE jew f’dak tar-Regolament Nru 4064/89 ( 62 ). Il-Kummissjoni esponiet ukoll il-prinċipji bażiċi u l-elementi ta’ evalwazzjoni li fuqhom hija tibbaża ruħha sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni f’komunikazzjoni adottata fid-9 ta’ Diċembru 1997 ( 63 ). F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-metodu bażiku u l-kriterji ta’ evalwazzjoni li japplikaw, bla ebda distinzjoni, għat-tliet tipi ta’ proċeduri.

171.

Mill-banda l-oħra, kif jirriżulta mill-imsemmija komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tapplika dawn il-kriterji bi flessibbiltà u pragmatiżmu, u tippiżhom, jiġifieri tagħtihom importanza ikbar jew iżgħar, skont in-natura tal-problema tal-kompetizzjoni inkwistjoni, il-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati kif ukoll l-obbjettivi mfittxa minnha ( 64 ). B’hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-punt 25 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, id-deċiżjoni tittieħed abbażi ta’ numru ta’ kriterji u ta’ elementi ta’ evalwazzjoni differenti, peress li, f’ċerti każijiet, ċerti tipi ta’ elementi huma determinanti skont il-karatteristiċi tas-settur jew tas-servizzi kkonċernati, filwaqt li f'każijiet oħra dawn l-elementi jistgħu jkunu irrilevanti.

172.

Il-mod li bih il-Kummissjoni tiddefinixxi s-suq jiddependi għalhekk fuq in-natura tal-problema tal-kompetizzjoni inkwistjoni u fuq l-ispeċifiċità ta’ ċerti swieq. F’dan is-sens, id-definizzjoni tas-suq hija strument li jippermetti lill-Kummissjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha skont l-għan tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.

173.

Fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE, il-qorti Komunitarja ssostni li d-definizzjoni tas-suq rilevanti tikkostitwixxi rekwiżit indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tal-impriża ( 65 ), ħaġa li hija meħtieġa qabel ma tiġi eżaminata l-eżistenza tal-abbuż.

174.

Mill-banda l-oħra, fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti Komunitarja tqis li d-definizzjoni preliminari tas-suq rilevanti mhijiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni minnu nnifsu għandu għan antikompetittiv, jiġifieri meta l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi, mingħajr ma tiddefinixxi preliminarjament is-suq, li l-ftehim inkwistjoni kien iwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u li seta’ li jaffettwa b’mod sinjifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri ( 66 ). F’dan il-każ, il-qorti Komunitarja tikkunsidra l-akkordji l-iktar gravi li huma espliċitament projbiti taħt l-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE. Huwa f’dan il-każ, ikkontemplat fil-punt 172 tas-sentenza appellata li l-qorti Komunitarja tikkunsidra li l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni skorretta tas-suq huma bla effett u huwa proprju fuq dan il-punt li, fil-fehma tiegħi, tinsab id-differenza mal-proċedura segwita fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE ( 67 ).

175.

Mill-banda l-oħra, apparti f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti Komunitarja tikkunsidra li d-definizzjoni tas-suq hija rekwiżit preliminari meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-ftehim għandux bħala għan jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jekk jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri ( 68 ).

176.

Fil-fatt, id-definizzjoni tas-suq tippermetti, b’mod partikolari, li ssir magħrufa n-natura tal-prodott inkwistjoni u li jiġi ddeterminat is-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati. Minn banda, dan jippermetti li jiġu analizzati l-effetti li ftehim jipproduċi fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tkun imbagħad f’pożizzjoni li tkun taf jekk kienx hemm restrizzjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni jew jekk, mill-banda l-oħra, l-ftehim jistax jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3)(b) KE jew taħt xi regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategoriji ( 69 ), jew jekk l-istess ftehim jikkostitwixxix ftehim ta’ ftit importanza ( 70 ). Mill-banda l-oħra, dan jippermetti li jsir magħruf jekk ftehim huwiex kapaċi li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

177.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li l-qorti Komunitarja ssostni, kif jirriżulta mill-punt 172 tas-sentenza appellata, li l-ilmenti ibbażati fuq-definizzjoni skorretta tas-suq ma jistgħux jiġu kkunsidrati “separatament” minn dawk li jikkonċernaw l-effett ħażin fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ( 71 ). Fi kliem ieħor, l-argumenti li jipprovdu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti rigwardanti l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

— Fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni

178.

ÖVAG isostni li s-sentenza appellata, u b’mod partikolari l-punti 174 u 175 tagħha, hija vvizzjati b’motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

179.

Fil-fatt, għalkemm, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li d-diversi provvisti bankarji ikkontemplati mill-ftehim ma jistgħux jiġu sostitwiti b’xulxin, fil-punt 175 tas-sentenza msemmija, hija tammetti li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina separatament is-swieq ta’ dawn id-diversi prodotti bankarji.

180.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-ilment huwa infondat.

181.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat b’mod korrett ir-raġunijiet li għalihom ma għandhiex tingħata definizzjoni ristretta tas-suq, li tkun ibbażata biss fuq is-sostitwibbiltà tal-prodotti inkwistjoni. Kif hija rrilevat ġustament, tali definizzjoni kienet tkun artifiċjali f’dan is-settur ta’ attivitajiet, inkwantu, minn banda, il-parti l-kbira tal-klijenti jitolbu, mingħand il-banek tagħhom, pakketti ta’ servizzi bankarji u, mill-banda l-oħra, il-kompetizzjoni bejn il-banek tista’ tikkonċerna dawn is-servizzi kollha. Huwa minnu li kif jirrileva ÖVAG fl-appell tiegħu, numru ta’ klijenti jistgħu jmorru f’bank ieħor sabiex jiksbu servizz iktar partikolari, pereżempju, self. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, kull persuna jkollha kont ma’ bank li joffri diversi servizzi, bħalma huwa l-għoti ta’ strumenti għall-ħlas (cards, ġbid u trasferimenti) li jippermettu lill-klijent li jwettaq operazzjonijiet fil-kont tiegħu (kreditu jew debitu) filwaqt li jħallas l-interessi u l-ispejjeż stabbiliti mill-bank. Għaldaqstant huwa ċar li kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-eżami separat ma jippermettix li jinftehmu b’mod sħiħ l-effetti tal-ftehim inkwistjoni.

182.

Kif esponejt diġà fil-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-kriterji definiti fil-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, li fosthom hemm is-sostitwibbiltà tal-prodotti, bi flessibbiltà u pragmatiżmu, u tippiżhom skont in-natura tal-problema tal-kompetizzjoni inkwistjoni, il-karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll l-obbjettivi mfittxa minnha ( 72 ).

183.

F’dawn il-kawżi, fid-dawl tal-mod kif ġie implementat dan il-ftehim, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li eżami separat tas-swieq tad-diversi prodotti bankarji ma kienx jippermetti li tinftiehem l-portata kif ukoll l-importanza tal-imsemmi ftehim u, evidentement, ma kienx ikun jirrifletti r-realtà.

184.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tal-firxa ta’ prodotti u ta’ servizzi bankarji li n-“netwerk Lombard” kopra, mhuwiex eskluż li, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-effett intra-Komunitarju jista’ jkun indirett u li s-suq li dan jista’ jiġi affettwat mhux neċessarjament ikun identiku għas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi bankarji li fuqhom ftehmu l-partijiet. Fir-rigward, pereżempju, tar-rata annwali effettiva globali li kull bank irid jistabbilixxi meta jipproponi xi kreditu, din tiġi kkalkulata abbażi mhux biss tar-rata ta’ interessi tad-debiti, imma wkoll abbażi tal-ispejjeż konnessi, bħalma huma l-ispejjeż marbutin mal-ġestjoni tal-fajl, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni u dawk marbutin mal-għoti ta’ card għall-ħlas.

185.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina separatament is-swieq tad-diversi prodotti bankarji koperti mir-round tables minkejja li l-prodotti inkwistjoni mhumiex sostitwibbli. F’dan il-kuntest, jidhirli li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, esposta fil-punti 174 u 175 tas-sentenza appellata, ma tistax tkun ikkritikata.

— Fuq ir-riferiment żbaljat għas-sentenza SPO et vs Il-Kummissjoni

186.

ÖVAG jikkontesta l-fondatezza tal-analoġija li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, għas-sentenza SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u dan fid-dawl tal-fatt li, f’dik il-kawża, il-Kummissjoni adottat id-definizzjoni tas-suq proposta mir-rikorrenti.

187.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-ilment huwa f’kull każ irrilevanti u, konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħdu.

188.

Fid-dawl tas-suespost, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tagħmel analiżi globali tal-effett transkonfinali tar-round tables bankarji, ma wettqet ebda żball ta’ liġi u mmotivat suffiċjentement u bla ebda kontradizzjoni, ir-raġunament tagħha.

189.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju bħala infondat.

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ prova li l-akkordju kellu effett sinjifikanti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

a) L-argumenti tal-partijiet

190.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, Erste jfakkar li l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex l-unika kundizzjoni meħtieġa biex tapplika din id-dispożizzjoni. Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 167 tas-sentenza appellata, huwa meħtieġ ukoll li jintwera li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ huwa sinjifikanti. F’dan il-każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet li n-“netwerk Lombard” kellu potenzjalment jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, madankollu hija ma wrietx li dan l-effett seta’ jkun sinjifikanti. Skont l-appellant, jekk l-ftehim konkluż bejn il-banek kellu effetti transkonfinali, dawn kienu biss effetti estremament limitati.

b) Kunsiderazzjonijiet

191.

Il-kriterju li jirrigwarda l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jinkludi element kwantitattiv li jillimita l-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju biss għal dawk l-akkordji li jista’ jkollhom effetti sinjifikanti. Peress li dawn l-akkordji jaffetwaw il-kummerċ biss b’mod insinjifikanti, huma ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni kontemplata fl-Artikolu 81(1) KE.

192.

Fl-appell tiegħu, Erste jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija ma wrietx li n-“netwerk Lombard” seta’ jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju b’mod sinjifikanti.

193.

Għalkemm wieħed jista’ effettivament jilmenta mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx espliċitament li l-kummerċ ġie affettwat b’mod sinjifikanti, jidhirli, madankollu, li dan jirriżulta b’mod ċar ħafna min-natura tal-ftehim inkwistjoni u mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jinsabu fil-punti 111 sa 121, 179 u 183 sa 185 tas-sentenza appellata.

194.

Skont ġurisprudenza stabbilita u kif jirriżulta mill-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 81(1) KE ma jeżiġix li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affetwaw sensibbilment il-kummerċ intra-Komunitarju (skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-prova hija fil-fatt diffiċli ħafna li tinġieb), iżda jeżiġi biss li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji huma ta’ natura li jkollhom dan l-effett ( 73 ). B’hekk, fil-kawża Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien biżżejjed il-fatt li l-Kummissjoni wriet, abbażi ta’ ċerti punti ta’ fatt, li l-perikolu ( 74 ) tal-effett sinjifikanti kien jeżisti ( 75 ).

195.

Barra minn hekk, kif indikajt, l-impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ diversi fatturi ( 76 ). L-evalwazzjoni tan-natura sinjifikanti tal-impatt tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u għandha tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħalma huma l-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-akkordju ( 77 ), in-natura tiegħu, il-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati u, fl-aħħar nett, il-pożizzjoni kif ukoll l-importanza li l-persuni kkonċernati għandhom fis-suq inkwistjoni.

196.

F’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fis-sentenza appellata, li l-ftehim mhux biss kien jiġbor kważi l-istabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaki kollha (fosthom l-ikbar banek), imma kien ikopri wkoll firxa wiesgħa ħafna ta’ prodotti u ta’ servizzi bankarji, b’mod partikolari d-depożiti u l-krediti, u kien jinfirex fuq it-territorju nazzjonali kollu, u għalhekk kien qed jirriskja li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Istat Membru kollu. Apparti dak li rrilevajt iktar ’il fuq fil-punti 118 sa 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura stess ta’ dan il-ftehim, jidhirli li dawn il-konstatazzjonijiet huma biżżejjed biex jintwera li l-imsemmi ftehim seta’ jaffettwa b’mod sinjifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri.

197.

Konsegwentement, jidhirli li l-kritika ta’ Erste mhijiex rilevanti u nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tielet parti tal-ewwel aggravju.

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-assenza ta’ analiżi tal-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq

a) L-argumenti tal-partijiet

198.

ÖVAG jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma għamlitx analiżi tal-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq, minkejja li din kienet “evalwazzjoni a posteriori ta’ ksur li għadda”. Il-ġurisprudenza invokata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-effetti potenzjali ta’ akkordju fuq il-kummerċ bejn Stati Membri huma biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, ma tapplikax għal dan il-każ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet għalhekk żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-prova tal-effett potenzjali tal-akkordju kienet biżżejjed f’dawn il-kawżi, minkejja li kien perfettament possibbli li tiġi eżaminata l-eżistenza tal-effetti allegati. Kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet din l-analiżi, hija kienet tikkonstata li l-ftehim ma kellhom ebda impatt fuq il-kummerċ transkonfinali.

b) Kunsiderazzjonijiet

199.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

200.

Fil-fat, minn ġurisprudenza stabbilita indikata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 166 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Artikolu 81(1) KE ma jeżiġix li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu effettivament affettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri, imma jeżiġi biss li jiġi stabbilit li l-ftehim huma ta’ natura li jkollhom dan l-effett ( 78 ).

201.

Din il-ġurisprudenza ma tagħmilx distinzjoni skont jekk tkunx qed tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ ftehim fil-kuntest ta’ stħarriġ ex-post, li jirrigwarda ftehim li jkun diġà ġie konkluż jew implementat, jew, fil-kuntest ta’ stħarriġ ex-ante, jiġifieri meta l-ftehim jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni sabiex jiġi eżentat.

202.

Jekk wieħed jaċċetta t-teżi ta’ ÖVAG, dan ikun ifisser li tiġi introdotta differenza fl-approċċ u fl-istħarriġ skont jekk hemmx analiżi a priori jew a posteriori ta’ ftehim. Dan it-tip ta’ approċċ ma kienx previst fil-ġurisprudenza.

203.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi.

204.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, evalwat korrettament il-kapaċità tan-“netwerk Lombard” li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u mmotivat korrettement l-analiżi tagħha.

205.

Kemm il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-Kummissjoni, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni, għalhekk setgħu leġittimament isostnu li l-ftehim konklużi bejn l-appellanti kienu jikkostitwixxu ksur li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE.

206.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan l-ewwel aggravju bħala infondat.

B — Fuq it-tieni aggravju li huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà tal-ksur

207.

Dan l-aggravju huwa intiż li jikkontesta l-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni magħmula fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni.

1. L-argumenti tal-partijiet

208.

Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ dritt u ta’ evalwazzjoni meta, fil-punt 327 et seq tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li Erste għandu jitqies bħala responsabbli għall-ksur imwettaq minn GiroCredit Bank der österreichischen Sparkassen AG (iktar ’il quddiem “GiroCredit”) għall-perijodu ta’ qabel l-akkwist tiegħu.

209.

Fl-ewwel lok, Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx b’mod korrett ir-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi eżistenti bejn GiroCredit u l-grupp Bank Austria. F’dan ir-rigward, Erste jfakkar li, sa qabel l-akkwist tal-maġġoranza tal-kapital tiegħu fl-20 ta’ Mejju 1997, GiroCredit kien fil-parti l-kbira tiegħu proprjetà tal-grupp Bank Austria, li pparteċipa huwa wkoll fil-“Club Lombard”. Dan il-grupp kien jikkontrolla lil GiroCredit mhux biss permezz tas-sehem maġġoritarju fil-kapital tiegħu, imma wkoll permezz tal-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tas-Sorveljanza u tal-okkupazzjoni tal-ogħla karigi fl-amministrazzjoni ta’ GiroCredit minn impjegati provenjenti minn Bank Austria AG. Konsegwentement, fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, il-komportament ta’ GiroCredit kellu jiġi imputat lil BA-CA. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li GiroCredit kien il-persuna legali responsabbli għall-attivitajiet bankarji hija żbaljata fid-dritt, peress li din il-kumpannija kienet ukoll ikkontrollata u mmexxija mill-grupp Bank Austria.

210.

Fit-tieni lok, Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi ukoll fil-punti 328 sa 336 tas-sentenza appellata meta sostniet li l-Kummissjoni kellha l-għażla li tippenalizza jew lill-kumpannija sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, jew lill-kumpannija parent li kienet tikkontrollaha matul dak il-perijodu, u dan anke fl-ipoteżi ta’ suċċessjoni ekonomika.

211.

Il-Kummissjoni tenfasizza li jeħtieġ li ssir distinzjoni netta bejn il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-persuna legali responsabbli mill-impriża li pparteċipat fil-ksur u l-kundizzjonijiet li fihom il-komportament ta’ kumpannija sussidjarja, mogħnija b’personalità legali distinta, jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent. Hija tirrileva li l-approċċ tagħha ma jwassal għal ebda inġustizzja inkwantu Erste nnifsu pparteċipa fl-akkordju.

2. Kunsiderazzjonijiet

212.

B’dan l-aggravju, Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha d-dritt li timputalu r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn GiroCredit qabel l-akkwist tiegħu, minkejja li dan tal-aħħar kien, fil-mument tat-twettiq tal-ksur, proprjetà tal-grupp Bank Austria.

213.

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina jekk il-fatt li GiroCredit kien ikkontrollat minn kumpannija parent oħra fil-mument meta huwa wettaq il-ksur jeskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni timputa l-komportament illegali ta’ din il-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent il-ġdida Erste.

214.

Fl-opinjoni tiegħi, dan mhuwiex il-każ.

215.

L-ewwel nett, jeħtieġ li jitfakkra l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja siltet fil-qasam tal-imputabbiltà tal-ksur fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi u fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.

216.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ “impriżi” u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha ( 79 ).

217.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-responsabbiltà għat-twettiq ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE hija ta’ natura personali, minħabba mhux biss in-natura tal-ksur inkwistjoni, imma wkoll in-natura u l-grad ta’ severità tal-pieni marbutin miegħu ( 80 ).

218.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-persuna fiżika jew legali li kienet tmexxi l-impriża fil-mument li twetaq il-ksur li għandha titqies responsabbli għal dak il-ksur, u dan anke jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra ( 81 ). Sakemm il-persuna legali li kienet tmexxi l-impriża fil-mument tal-ksur tkun teżisti, ir-responsabbiltà għall-komportament illegali tal-impriża ssegwi lil dik il-persuna legali, anke jekk l-elementi materjali u umani li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur ittieħdu minn terz wara l-perijodu tal-ksur ( 82 ).

219.

Mill-banda l-oħra, meta entità li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tibqax teżisti legalment jew ekonomikament wara li jseħħ il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-kriterju magħruf bħala “tal-kontinwità ekonomika”  ( 83 ).

220.

L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jippermetti li jiġi evitat li l-impriżi jevitaw il-pieni imposti mill-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-identità tagħhom inbidlet wara ristrutturazzjonijiet, assenjazzjonijiet jew tibdil ieħor ġuridiku jew fuq livell organizzattiv u għaldaqstant tiżgura l-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 84 ).

221.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti ssostni li, meta, bejn il-mument li fih jitwettaq il-ksur u dak li fih l-impriża inkwistjoni jkollha tirrispondi għal dak il-ksur, il-persuna responsabbli mit-tmexxija ta’ dik l-impriża ma tibqax teżisti legalment, huwa meħtieġ li, fl-ewwel lok, jiġu identifikati l-elementi materjali u umani kollha li jkunu kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur sabiex, fit-tieni lok, tiġi identifikata l-persuna li tkun saret responsabbli mit-tmexxija ta’ dawn l-elementi kollha ( 85 ).

222.

F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-imputabbiltà tal-ksur f’kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-fatt li kumpannija sussidjarja jista’ jkollha personalità ġuridika distinta mhuwiex biżżejjed biex tiġi skartata l-possibbiltà li l-komportament tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta l-kumpannija sussidjarja ma tistabbilixxix b’mod indipendenti l-komportament tagħha fis-suq, imma essenzjalment tapplika d-direttiva maħruġa mill-kumpannija parent ( 86 ).

223.

B’dawn l-elementi fl-isfond, jeħtieġ issa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-ilmenti mressqa mill-appellanti.

224.

Insostenn tal-ewwel ilment tiegħu, l-appellant essenzjalment jikkontesta l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Huwa jikkontesta d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punt 327 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li GiroCredit, fil-mument tat-twettiq tal-ksur, kien il-persuna legali responsabbli għall-attivitajiet bankarji. F’dan ir-rigward, huwa jipprovdi numru ta’ elementi intiżi li juru li l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà għall-komportament ta’ kumpannija sussidjarja tista’ tiġi attribwita lill-kumpannija parent kienu sodisfatti f’dak li jikkonċerna lil Bank Austria AG u GiroCredit.

225.

Insostni li dawn l-argumenti mhumiex ammissibbli fir-rigward tal-prinċipji li esponejt fil-punti 65 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza esposti fil-punt 327 tas-sentenza appellata, dawn huma evalwazzjonijiet fattwali li ma jistgħux jiġu diskussi fil-kuntest ta’ appell. F’dak li jikkonċerna, imbagħad, l-elementi li jipprovdi l-appellant insostenn tat-teżi tiegħu, dawn huma biss riproduzzjoni testwali tal-elementi li huwa ppreżenta diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’dan l-ewwel ilment, l-appellant, fir-realtà, jixtieq jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Primm’Istanza u evalwazzjoni ġdida tal-fatti, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

226.

Insostenn tat-tieni lment tagħha, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-responsabbiltà għall-komportament ta’ GiroCredit qabel ma dan ġie ttrasferit, għandha tiġi imputata lill-kumpannija parent il-ġdida, jiġifieri Erste, u mhux lill-ex kumpannija parent, jiġifieri Bank Austria AG.

227.

Fl-opinjoni tiegħi, dan l-ilment mhuwiex ġustifikat għar-raġunijiet li ġejjin.

228.

Fid-dawl tal-prinċipji mħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja, GiroCredit kien responsabbli għall-ksur li huwa wettaq b’mod individwali fis-suq. Fil-fatt, minkejja s-sehem maġġoritarju tal-grupp Bank Austria ( 87 ), mill-punt 479 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li l-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija sussidjarja ma kinitx influwenzata mill-kumpannija parent tagħha, u lanqas iddeterminata minn impriża terza. Mill-istess punt 479 jirriżulta wkoll li GiroCredit kienet tiddefendi b’mod indipendenti l-interessi tagħha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u mingħajr ma tirċievi ebda direttiva. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, l-ex kumpannija parent, għalhekk, ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-komportament tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

229.

Minħabba l-akkwist tagħha min-naħa ta’ Erste, il-persuna legali li kienet responsabbli mit-tmexxija ta’ GiroCredit ma baqgħetx teżisti ġuridikament, u, skont il-kriterju tal-kontinwità ekonomika, Erste saret il-persuna legali responsabbli mill-elementi materjali u umani kollha ta’ dik l-impriża, l-istess elementi li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur. L-akkwist ta’ din l-impriża involva, għaldaqstant, it-trasferiment tal-assi u obbligi kollha tal-impriża lil Erste, inkluż ir-responsabblitajiet tal-istess impriża minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju ( 88 ).

230.

Konsegwentement, il-fatt li GiroCredit kien taħt il-kontroll ta’ kumpannija parent differenti fil-mument li hija wettqet il-ksur b’mod individwali, ma kienx jippermetti li jiġi eskluż li Erste, il-kumpannija parent il-ġdida, tinżamm responsabbli għall-komportament ta’ din il-kumpannija sussidjarja qabel ma din ġiet akkwistata. Altrimenti, dan iwassal finalment biex tiġi kkontestata l-awtonomija li ngħatat lill-imsemmija kumpannija sussidjarja.

231.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tqis li l-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn GiroCredit lil Erste ma setax jiġi eskluż minħabba s-sempliċi fatt li GiroCredit kien ikkontrollat minn kumpannija parent oħra fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

232.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Erste ma setax jinjora l-komportament antikompetittiv ta’ GiroCredit fil-mument tal-akkwist tiegħu, inkwantu t-tnejn li huma kienu pparteċipaw, għal madwar tliet snin, fil-ksur ikkonċernat bid-deċiżjoni inkwistjoni ( 89 ). Għaldaqstant, l-appellant akkwista din l-impriża bl-għarfien ta’ kollox.

233.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fl-opinjoni tiegħi l-aggravju mressaq minn Erste li huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà għall-ksur, jista’ jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra.

234.

Minn dak kollu suespost jirriżulta li l-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda kollha kemm huma.

IX — Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkwantu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont bażiku tal-multa hija vvizzjata bi żbalji ta’ dritt u ta’ motivazzjoni u tikser id-drittijiet tad-difiża

235.

Dawn l-aggravji huma intiżi biex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq l-appellanti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni. L-aggravji huma intiżi biex jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, u fit-tielet lok, il-kooperazzjoni tal-appellanti fil-proċedura.

A — Fuq l-ewwel aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

236.

BA-CA, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, kif ukoll Erste u RZB, fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

237.

Skont il-metodu preskritt fil-punt 1 tal-linji gwida, il-kalkolu tal-ammont tal-multi jsir skont iż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17, jiġifieri l-gravità u t-tul tal-ksur ( 90 ).

238.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida huwa redatt skont kif ġej:

“Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista' jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.

Ksur ftit serju:

 

Dawn jistgħu jkunu restrizzjonijiet kummerċjali, ġeneralment ta' natura vertikali, imma b'impatt fuq is-suq limitat u li jaffettwa parti sostanzjali imma relattivament limitata tas-suq tal-Komunità.

Penalità applikabbli: 1000 [EUR] sa[] 1 miljun [EUR]

Ksur serju:

 

Dawn ikunu ħafna drabi restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali ta' l-istess tip ta' hawn fuq, imma applikati b'mod aktar strett, b'impatt usa' fuq is-suq, u b'effetti f'żoni estensivi tas-suq komuni. […]

Multi applikabbli: 1 miljun [EUR] sa 20 miljun [EUR].

Ksur serju ħafna:

 

Dawn ġeneralment ikunu restrizzjonijiet or[]i[zz]ontali bħal konsorzji ta' prezzjiet u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiċi oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq wieħed […]

Multi applikabbli: aktar minn 20 miljun [EUR].”

239.

Il-gravità tal-ksur tiġi, imbagħad, analizzata fil-konfront tal-karatteristiċi ta’ kull impriża kkonċernata. F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, il-livell tal-piena adottata tippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skont in-natura tal-ksur li jitwettaq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva li l-impriżi kkonċernati għandhom li jikkaġunaw il-ħsara u tistabbilixxi l-ammont tal-multa f’livell li għandu jiżgura li l-multa tkun dissważiva. Huwa f’dan l-istadju li l-Kummissjoni tista’ tikklassifika l-impriżi f’diversi kategoriji u tippiża l-ammont inizjali tal-multa għal kull waħda mill-impriżi.

240.

Bl-isfond ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li issa jiġu eżaminati l-ilmenti kollha mressqa minn Erste, RZB u BA-CA li huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur.

241.

Kif indikajt fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan li jeżamina sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-fatturi li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-komportament tal-impriża fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni li mhijiex konformi mal-linji gwida

a) L-argumenti tal-partijiet

242.

RZB jsostni li hemm kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza appellata. Fil-fatt, minkejja li fil-punt 226 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni ma tistax ma tużax il-metodu li hija stabbiliet fil-linji gwida, fil-punt 237 tas-sentenza msemmija, hija qalet li l-fatt li l-Kummissjoni ppreċiżat l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma jipprekludihiex milli tevalwa l-ksur skont elementi li ma jissemmewx espliċitament fil-linji gwida. L-appellant jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma użatx il-metodu espost fil-linji gwida għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li din l-evalwazzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kriterji li ma jissemmewx espliċitament fil-linji gwida, minkejja li dawn joħolqu ċerti aspettattivi leġittimi fi ħdan l-impriżi.

243.

Il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm hija effettivament limitata bil-linji gwida li hija stabbiliet, dan ma jgħoddx għall-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-linji gwida jistabbilixxu biss “programm minimu” li ma jagħtix elenku eżawrjenti tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa possibbli wkoll li, f’ċerti ċirkustanzi ġġustifikati, wieħed ma jimxix skont dan il-programm.

b) Kunsiderazzjonijiet

244.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-ilment huwa infondat.

245.

Effettivament, nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-metodu deskritt mill-Kummissjoni fil-linji gwida ma kienx jipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li ma kienux imsemmija espliċitament fl-istess linji gwida.

246.

Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni elementi diversi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, u fil-limiti preskritti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ( 91 ).

247.

Fost dawn l-elementi msemmija fil-punt 1(A) tal-linji gwida, hemm mhux biss dawk li huma marbutin man-natura tal-ksur, mal-impatt tiegħu u mal-portata ġeografika tiegħu, imma wkoll elementi li huma marbutin mal-karatteristiċi stess tal-impriżi u man-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv. Huwa bl-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi li l-Kummissjoni tasal biex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi proprji tal-ksur, fatturi li l-linji gwida ma jistgħux jelenkaw b’mod eżawrjenti ( 92 ).

248.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq id-diversi fatturi li l-Qorti tal-Ġustizzja stess idenitifikat fil-ġurisprudenza tagħha ( 93 ).

249.

L-ewwel nett, hija tista’ tevalwa l-gravità tal-ksur skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv u ekonomiku tal-komportament ikkontestat. Meta teżamina n-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut, it-tul, in-numru, l-intensità u l-portata ġeografika tal-ftehim kif ukoll il-valur tal-merkanzija ikkonċernata minnu. Hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll in-numru u l-importanza relattiva li l-partijiet li ħadu sehem fil-ftehim għandhom fis-suq billi teżamina, b’mod partikolari, sehemhom fis-suq, id-daqs tagħhom, il-komportament tagħhom u r-rwol tagħhom fil-ħolqien tal-ftehim. Il-Kummissjoni tista’ teżamina wkoll is-sitwazzjoni tas-suq fiż-żmien li fih ikun twettaq il-ksur u tieħu inkunsiderazzjoni d-deterjorazzjoni li tkun sofriet l-ordni pubblika ekonomika. Fl-aħħar nett, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju li l-ftehim inkwistjoni jirrappreżenta għall-obbjettivi tal-Komunità Ewropea.

250.

F’dan l-isfond, ma naħsibx li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-metodu li hija stabbiliet fil-linji gwida u kisret iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati ( 94 ).

251.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, insostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt mhija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi u ma għandha ebda kontradizzjoni fil-motivi tagħha.

252.

Din l-ewwel parti, għaldaqstant, għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tan-“natura stess” tal-ksur

a) L-argumenti tal-partijiet

253.

Insostenn tat-tieni parti, RZB iressaq erba’ ilmenti.

254.

Fl-ewwel lok, RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 240 tas-sentenza appellata ddeċidiet li n-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni sabiex il-ksur jiġu kklassifikati bħala serji ħafna, mentri l-kriterji l-oħra, jiġifieri l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u l-portata ġeografika tas-suq ikkonċernat, huma inqas importanti.

255.

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi ukoll meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi li ma jinstabux fil-linji gwida, jiġifieri l-importanza tas-settur bankarju għall-ekonomija, il-firxa wiesgħa tal-prodotti bankarji ikkonċernati mill-akkordju u l-parteċipazzjoni tal-maġġor parti tal-banek Awstrijaki fil-laqgħat.

256.

Fit-tielet lok, l-appellant jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-politika tal-gvern intiża li tipproteġi s-settur bankarju mill-kompetizzjoni ħielsa. Barra minn hekk, jakkużaha li kienet żbaljata meta qieset li l-intervent tal-awtoritajiet Statali f’komportamenti li jaqgħu taħt il-kappa tal-Artikolu 81 KE, kien ċirkustanza aggravanti għall-multa.

257.

Fir-raba’ lok, RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett dissważiv biex teżamina l-gravità intrinsika tal-ksur, minkejja li hija kienet favur l-evalwazzjoni globali.

b) Kunsiderazzjonijiet

258.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tiddeċiedi li n-natura stess tal-ksur għandha effettivament rwol ewlieni biex il-ksur jiġu kklassifikati bħala serji ħafna.

259.

Minn banda, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet minn dejjem kienu meqjusa bħala li jiffurmaw parti mill-ksur l-iktar serji tad-dritt Komunitarju, inkwantu jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni ( 95 ). F’dan il-każ, jidher li huwa ċar li akkordju fuq l-iffissar tal-prezzijiet, bħalma huwa n-“netwerk Lombard”, ta’ portata bħal dik li ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni, li jirrigwarda settur ekonomiku daqshekk importanti bħas-settur bankarju, ma jistax ma jiġix ikklassifikat bħala ksur serju ħafna.

260.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni ( 96 ), iddeċidiet li l-gravità tal-ksur tista’ tiġi stabbilita b’riferiment għan-natura u l-għan tal-komportamenti abbużivi, u li l-elementi li jaqgħu taħt l-għan ta’ komportament jista’ jkollhom iktar importanza għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa minn dawk li jirrigwardaw l-effetti tiegħu ( 97 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ meta kkunsidrat li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma kienx kriterju determinanti għall-evalwazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa ( 98 ).

261.

Finalment, kif ġustament ġie rilevat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 240 tas-sentenza appellata, mil-linji gwida u, b’mod partikolari, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna jirriżulta li l-akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna abbażi tan-natura tagħhom biss u mingħajr mal-Kummissjoni tkun obbligata turi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jew li tevalwa l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat ( 99 ). B’hekk, mill-istess natura tiegħu, dan it-tip ta’ ftehim jista’ jikkostitwixxi ksur serju ħafna, indipendentement mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u mill-portata ġeografika tiegħu.

262.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li ddeċidiet li t-tliet kriterji msemmija fil-punt 1(A) tal-linji gwida ma għandhomx l-istess importanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

263.

F’dak li jikkonċerna t-tieni ilment, diġà esponejt fil-punti 245 sa 251 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tevalwa l-gravità tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra li mhumiex dawk imsemmija espliċitament fil-linji gwida. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad dan l-ilment bħala infondat.

264.

F’dak li jikkonċerna t-tielet u r-raba’ ilment, l-appellant essenzjalment jikkritika l-ippiżar tal-kriterji li ppermettew li tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Fid-dawl tar-rwol li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha fil-kuntest ta’ appell, jidhirli li mhuwiex l-obbligu tagħha li tagħmel dan l-eżami. Konsegwentement, nipproponi lill-istess Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara dawn l-ilmenti bħala inammissibbli.

265.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fl-opinjoni tiegħi t-tieni parti ta’ dan l-aggravji għandha tiġi miċħuda.

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna l-“impatt konkret tal-ksur fuq is-suq”

a) L-argumenti tal-partijiet

266.

RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-Kummissjoni li mis-sempliċi “implementazzjoni” tal-ftehim tinferixxi l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Din l-evalwazzjoni tmur kontra l-kliem użat fil-linji gwida u turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qed tħawwad l-“implementazzjoni” tal-ftehim, li hija rekwiżit sabiex japplika l-Artikolu 81 KE, mal-kriterju iktar ristrett tal-“impatt konkret fuq is-suq”, li huwa rilevanti biex tiġi ġġustifikata l-gravità tal-ksur. Is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tmur kontra r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 100 ). Barra minn hekk, il-perizja ekonomika prodotta mill-appellanti turi li l-ftehim li jirrigwardaw il-prodotti essenzjali ma kellhom ebda impatt fuq il-kundizzjonijiet li ġew effettivament applikati.

267.

Fir-rigward ta’ BA-CA, huwa jsostni li r-riperkussjonijiet konkreti tal-ksur fuq is-suq ġew evalwati b’mod żbaljat. Fil-fatt, il-perizja ekonomika prodotta mill-appellanti turi li l-laqgħat ma kienux jipproduċu dawn l-effetti fuq is-swieq Awstrijaki.

268.

Barra minn hekk, skont BA-CA, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji tal-produzzjoni tal-prova fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-perizja ekonomika. Effettivament, billi eżiġiet li din il-perizja tkun tirrigwarda l-“effetti potenzjali kollha tal-ftehim fuq is-suq”, il-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet dak li huwa possibbli li jintalab minn perizja ekonomika intiża biex tipprova l-assenza tal-implementazzjoni tal-akkordji u l-assenza tar-rabta ta’ kawżalità bejn ir-round tables bankarji u l-kompetizzjoni fis-suq.

269.

Il-Kummissjoni tirrileva, min-naħa tagħha, li l-perizja ppreżentata mill-banek kienet tirrigwarda biss żewġ prodotti bankarji u mhux l-effetti potenzjali tal-ftehim fuq is-suq. Fi kwalunkwe każ, l-implementazzjoni, anke jekk parzjali, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv hija biżżejjed biex tiġi skartata l-possibbiltà li wieħed jikkonkludi li l-ftehim ma kellux impatt fuq is-suq.

b) Kunsiderazzjonijiet

270.

L-ilment imressaq mill-appellanti huwa, fil-fehma tiegħi, wieħed mill-iktar punti delikati ta’ dan il-proċess.

271.

Fil-fatt, la l-linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza Komunitarja mhuma partikolarment ċari fuq il-ħtieġa u l-mod li bih għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju bbażat fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

272.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi evalwat l-impatt ta’ ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kienet kieku normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur ( 101 ). Barra minn hekk, meta jkun hemm ksur intrinsikament serji tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija ssostni li dan mhuwiex element determinanti sabiex jiġi kklakoluat l-ammont xieraq tal-multa ( 102 ).

273.

Barra minn hekk, skont il-punt 1(A) tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat. Fi kliem ieħor, nifhem li, jekk dan l-impatt ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat, il-Kummissjoni ma tistax tieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa.

274.

Mill-banda l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, mil-linji gwida u, b’mod partikolari, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna jirriżulta li dawn l-akkordji jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna, abbażi biss tan-natura stess tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata li turi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jew tevalwa l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat ( 103 ). F’dan il-każ ipotetiku, l-impatt konkret tal-ksur jikkostitwixxi element fost elementi oħra li, jekk ikun jista’ jiġi kkalkolat, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li żżid il-multa għal iktar mill-livell ta’ 20 miljun EUR.

275.

Għalkemm il-linji gwida ppermettew li jiġi ċċarat il-mod li bih il-Kummissjoni tevalwa l-gravità tal-ksur, jeżistu madankollu diversi inċertezzi fir-rigward ta’ x’jinkludu t-termini “fejn dan jista’ jkun ikkalkolat”. Sa fejn għandha l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkalkula l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq biex tieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa? Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, turi li l-ftehim jkunu ġew implementati biex tiddeduċi li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, jew għandha l-Kummissjoni tipprovdi indizji oħra?

276.

Jidhirli li r-risposta tal-qorti Komunitarja fuq dan il-punt mhijiex ċara peress li għad hemm inċertezza fuq l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

i) L-approċċ tal-qorti Komunitarja

277.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tikkwantifika l-impatt konkret tal-ksur bi preċiżjoni jew li tipprovdi evalwazzjoni biċ-ċifri ( 104 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva d-diffikultajiet li tista’ tiffaċċja l-Kummissjoni, inkwantu, skont l-istess Qorti, il-“prova [tal-effetti konkreti tal-ksur] timplika l-paragun tas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan il-ksur mas-sitwazzjoni li kienet tiġi osservata fin-nuqqas tal-istess ksur, li hija minnha nnifisha ipotetika”  ( 105 ).

278.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-impatt konkret ta’ akkordju fuq is-suq għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement ippruvat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tagħti indizji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġjonevoli, li l-ftehim kellu impatt fuq is-suq ( 106 ).

279.

Huwa fl-isfond ta’ dan kollu li sussegwentement ġew żviluppati żewġ linji ġurisprudenzjali.

280.

Skont l-ewwel linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Kummissjoni tista’ leġittimament tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju biex tasal għall-konklużjoni li kien hemm impatt fuq is-suq.

281.

Din hija l-linja ta’ ħsieb li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat fis-sentenza appellata, bi qbil ma’ serje ta’ kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ( 107 ), u Brasserie nationale vs Il-Kummissjoni ( 108 ).

282.

Din il-linja ta’ ħsieb għandha t-tendenza li tnaqqas l-importanza tal-kriterju bbażat fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u r-rekwiżiti marbutin mal-prova tiegħu inkwantu, fil-każijiet ta’ ftehim fuq l-iffissar tal-prezzijiet jew tat-tqassim tas-swieq, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tieħdu inkunsiderazzjoni fis-sens tal-linji gwida biex tikklassifika dak il-ksur bħala serju ħafna ( 109 ).

283.

Fil-każ ta’ ftehim fuq l-iffissar tal-prezzijiet, bħalma huwa n-“netwerk Lombard”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti fuq is-suq minħabba l-fatt li l-membri ta’ l-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma ( 110 ). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, meta l-implementazzjoni tal-akkordju tkun stabbilita, l-Kummissjoni mhijiex obbligata li turi sistematikament li l-ftehim effettivament ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju u dan minħabba li din il-prova tassorbi riżorsi kunsiderevoli u peress li dan ikun jirrikjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi ( 111 ).

284.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti importanza deċiżiva lir-rieda tal-partijiet li jagħtu effett konkret lill-ftehim tagħhom. Hija, għaldaqstant tgħid li “[d]ak li seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal-membri tal-akkordju” u tgħid li l-istess membri tal-ftehim ma jistgħux jinvokaw favurihom il-fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom ( 112 ).

285.

Din il-ġurisprudenza ġiet riprodotta mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’numru ta’ sentenzi riċenti tagħha, fosthom is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni ( 113 ) u Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq ( 114 ).

286.

Fit-tieni linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Prim’Istanza teżiġi mingħand il-Kummissjoni iktar provi mis-sempliċi implementazzjoni tal-akkordju sabiex tiddikjara li dan kellu impatt konkret fuq is-suq.

287.

Fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni ( 115 ), din il-qorti rrilevat li “l-implementazzjoni ta’ ftehim ma timplikax neċessarjament li huwa kellu effetti konkreti” fuq is-suq ( 116 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, ma setgħetx tibbaża ruħha esklużivament fuq ir-rapport bejn kawża u effett u tillimita ruħha li tosserva li l-ftehim kien ġie implementata biex tiddeduċi l-eżistenza tal-impatt konkret fuq is-suq.

288.

Barra minn hekk, fis-sentenzi Roquettes Frères vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni ( 117 ), dwar l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li, “min-natura tagħha ta’ kundizzjoni preliminari għall-impatt [konkret] ta’ akkordju, l-implementazzjoni effettiva [tiegħu] tikkostitwixxi [indizju inizjali] tal-eżistenza ta’ impatt [konkret] tal-akkordju”  ( 118 ). Dan jista’ jkun indizju qawwi tal-eżistenza ta’ effetti fuq is-suq, dejjem sakemm il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha għal din l-analiżi ( 119 ).

289.

B’hekk, fiż-żewġ kawżi li wasslu għal dawn iż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet mhux biss irrilevat l-eżistenza tal-implementazzjoni “bir-reqqa” tal-ftehim, imma wriet ukoll qbil bejn il-prezzijet iffissati bl-akkordju u dawk li ġew mitluba realment mill-impriżi kkonċernati fis-suq. Il-Kummissjoni kienet enfasizzat ukoll l-importanza tas-sehem tas-suq li l-impriżi kellhom fis-suq inkwistjoni kif ukoll l-isforzi li huma kienu iddedikaw għall-organizzazzjoni, l-osservanza u s-sorveljanza tal-ftehim ( 120 ).

290.

Barra minn hekk, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni u Archer Daniels Midland II, dwar l-akkordju fis-suq tal-aċidu ċitriku, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet evalwat b’mod korrett l-impatt konkret tal-ftehim fuq is-suq billi wriet l-eżistenza ta’ implementazzjoni “bir-reqqa” tal-ftehim u ta’ qbil bejn il-prezzijiet iffissati bl-akkordju u dawk li ġew realment mitluba mill-impriżi kkonċernati, u billi enfasizzat l-importanza ta’ sehemhom tas-suq fis-suq inkwistjoni u t-tul tal-ftehim ( 121 ).

291.

Finalment, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, BPB vs Il-Kummissjoni u Lafarge vs Il-Kummissjoni, dwar l-akkordju fis-suq tal-plasterboards, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, ħlief għall-istabbiltà tas-sehem tas-suq, il-Kummissjoni kienet ippruvat suffiċjentement l-effetti tal-ksur billi wriet li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom il-parti l-kbira tas-suq ikkonċernat, li l-arranġamenti miftehma bejn il-partijiet kienu ġew implementati u kienu intiżi sabiex iwasslu għal prezzijiet għola minn dak li kienu jilħqu mingħajr dawn l-arranġamenti. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-indikazzjonijiet kollha juru li l-ksur kien kapaċi li joħloq effetti antikompetittivi sinjifikanti ( 122 ).

292.

Dawn is-sentenzi mhumiex ħlief eżempju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ttendi li teżiġi mingħand il-Kummissjoni iktar provi mis-sempliċi implementazzjoni tal-akkordju. Fl-imsemmija sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-okkażjoni li tippreċiża l-importanza li kienet għandha tingħata lil kull wieħed minn dawn l-indizji.

293.

F’dak li jikkonċerna l-indizju bbażat fuq l-implementazzjoni tal-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-piż ta’ dan l-indizju jista’ jiżdied iktar ma jtul il-ftehim. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-iżvolġiment tajjeb ta’ akkordju kumpless li jirrigwarda l-iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-swieq u l-iskambju ta’ informazzjoni jinvolvi spejjeż kunsiderevoli ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija. Għaldaqstant, kien leġittimu li wieħed jaħseb li, l-fatt li l-impriżi dewmu l-ksur u assiguraw l-effiċjenza tat-tmexxija amministrattiva tiegħu matul perijodu daqshekk twil, u dan minkejja r-riskji inerenti għal tali attivitajiet illegali, jindika li l-membri tal-akkordju għamlu ċertu profitt minn dan il-ftehim, u, għaldaqstant, li huwa kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat ( 123 ).

294.

F'dak li jirrigwarda l-indizju bbażat fuq l-importanza u l-istabbiltà tas-sehem tas-suq tal-impriżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan il-fattur mhuwiex biżżejjed minnu nnifsu biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ impatt konkret. Effettivament, il-fatt li l-partijiet fl-akkordju kellhom sehem maġġoritarju mis-suq, dan, fil-fehma tagħha, jaqa’ taħt l-għan iktar milli taħt l-effetti tal-ftehim. Konsegwentement, din hija indikazzjoni li turi li l-ksur seta’ jkollu effetti antikompetittivi sinjifikanti u mhux li dan kien effettivament il-każ ( 124 ). Fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni għandha b’hekk tevalwa dan il-fattur billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat qabel l-akkordju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-piż ta’ dan l-indizju jiżdied iktar ma jtul l-akkordju ( 125 ).

295.

F’dak li jikkonċerna l-indizji bbażati fuq żvilupp koordinat tal-prezzijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat żewġ approċċi.

296.

Fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni u Archer Daniels Midland II, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, għall-finijiet ta’ kontroll tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, “għandha fuq kollox tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-effetti maħluqa mill-akkordju fuq il-prezzijiet”. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonstata, b’livell raġjonevoli ta’ probabbiltà, illi l-ftehim inkwistjoni kienu effettivament jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet ogħla minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ akkordji. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha oġġettivi tas-suq ikkonċernat, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u eventwalment regolamentari li jipprevali, u għandha turi li, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ħielsa, il-livell tal-prezzijiet ma kienx jiżviluppa b’mod identiku għal dak tal-prezzijiet mitluba ( 126 ).

297.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkunsidrat li l-eżistenza ta’ paralleliżmu permanenti bejn il-prezzijiet stabbiliti mill-membri tal-akkordju u l-prezzijiet effettivament mitluba lill-klijenti “[turi], skont kif rikjest mil-liġi li l-akkordju kellu impatt [konkret] fuq is-suq li kien, fis-sens tal-linji gwida, ‘jitqies’ permezz ta’ paragun bejn il-prezz ipotetiku li jkun jipprevali fin-nuqqas ta’ ftehim u l-prezz applikat f’dan il-każ wara li sar l-akkordju.” ( 127 )

298.

Mill-banda l-oħra, fis-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat riċentament mill-Qorti tal-Prim’Istanza, din il-Qorti ikkunsidrat li, meta l-implementazzjoni ta’ akkordju tiġi pprovata, il-Kummissjoni mhijiex obbligata turi sistematikament li l-ftehim effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz għall-bejgħ ogħla minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju. Din il-prova, fil-fehma tagħha, tassorbi riżorsi kunsiderevoli u tkun tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom hija diffiċli li tiġi mitħarrġa mill-qorti. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet uriet suffiċjentement skont il-liġi l-impatt konkret tal-akkordju fuq il-prezzijiet billi bbażat ruħha fuq il-pubblikazzjoni tal-listi tal-prezzijiet u fuq l-iffissar tal-prezzijiet, impatt li, għalkemm huwa indikattiv, fil-fehma tagħha, jaffettwa l-kompetizzjoni ħielsa ( 128 ).

299.

Fis-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li dawn l-indizji għandhom, barra minn hekk, ikunu bbażati fuq fatturi ekonomiċi oġġettivi u ma għandhomx joħorġu minn konġetturi puri ( 129 ).

300.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li jeħtieġ li f’dan il-każ tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilment imressaq minn RZB.

ii) Il-fehma tiegħi

301.

Kif indikajt, l-appellant essenzjalment jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ppermettiet lill-Kummissjoni li mis-sempliċi implementazzjoni tal-akkordju tiddeduċi l-eżistenza tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, u dan għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

302.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-ilment huwa fondat.

303.

Fil-fatt, naħseb li huwa importanti li jinżamm livell għoli ta’ prova fir-rigward tal-Kummissjoni meta din tiddikjara li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

304.

Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-linji gwida, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-ksur fuq is-suq meta l-ksur jkun partikolarment serju, bħalma huwa l-ftehim inkwistjoni.

305.

Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ssostni l-eżistenza tal-impatt konkret tal-ksur, dan jippermettilha li ssaħħaħ il-gravità tal-istess ksur u żżid l-ammont bażiku tal-multa iktar mil-livell iffissat mil-linji gwida.

306.

F’dan il-każ, jidhirli li l-multi msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 huma, min-natura u l-importanza tagħhom, paragunabbli ma’ piena penali minkejja li huma għandhom, fis-sens strett tat-terminu, in-natura ta’ piena amministrattiva. L-intervent tal-Kummissjoni, li qabel xejn huwa ripressiv, għandu għalhekk jirrispetta, kemm fuq il-livell proċedurali kif ukoll fil-mertu, il-prinċipji tad-dritt ripressiv u għalhekk din għandha tressaq il-prova tal-elementi li fuqhom hija tibbaża ruħha sabiex tikkalkula l-ammont tal-piena.

307.

Dan huwa iktar importanti fil-każ ta’ ksur serju ħafna peress li l-Kummissjoni hija marbuta biss mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. B’kuntrast mal-ksur ikklassifikati bħala ftit serji jew serji, il-Kummissjoni tista’, fil-fatt, tmur ħafna iktar lilhinn mil-livell tal-20 miljun EUR msemmi fit-tielet subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, ħaġa li tħallilha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa.

308.

F’dan il-kuntest, jekk il-Kummissjoni tagħżel li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq biex tevalwa l-gravità tiegħu u biex tistabbilixxi l-ammont tal-multa fir-rigward tiegħu, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li juru l-eżistenza tal-effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq kif ukoll ir-rabta’ kawżali bejn l-ftehim antikompetittiv u l-bdil fil-kompetizzjoni ħielsa fis-suq.

309.

F’dan il-każ, dan mhuwiex l-approċċ li adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

310.

Fil-fatt, minkejja li hija setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 288 tas-sentenza appellata, li “[]l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni ta’ l-akkordju”, fil-fehma tiegħi, hija wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li tali analiżi kienet suffiċjenti biex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq.

311.

Minn banda, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jidhirli li l-implementazzjoni ta’ ftehim ma timplikax neċessarjament li huwa jkollu effett konkret fuq is-suq. Dawn l-effetti, fil-fehma tiegħi, inqas jistgħu jiġu “kkalkolati” fis-sens tal-punt 1(A), tal-linji gwida. L-implementazzjoni ta’ ftehim tikkostitwixxi għalhekk indizju importanti peress li din hija rekwiżit preliminari għall-impatt konkret fuq is-suq, iżda, fil-fehma tiegħi, din hija biss indizju inizjali ( 130 ).

312.

Fl-opinjoni tiegħi l-Kummissjoni għandha tkun tista’, barra minn hekk, tiġbor indizji bbażati fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet jew tal-ishma tas-suq tal-impriżi, mingħajr ma dan ma jkun jinvolvi l-użu ta’ riżorsi kunsiderevoli. Fil-kuntest, pereżempju, ta’ ftehim għall-iffissar tal-prezzijiet, bħalma huwa n-“netwerk Lombard”, jidhirli li huwa essenzjali u perfettament koerenti mal-prova li għandha tressaq il-Kummissjoni, li l-istess Kummissjoni teżamina l-effetti tal-ftehim fuq il-prezzijiet fid-dawl tal-kundizzjonijiet oġġettivi tas-suq ikkonċernat. Din l-analiżi tista’ tippermetti li tiġi kkonstatata żieda jew tnaqqis fil-prezzijiet insegwitu għall-implementazzjoni tal-ftehim, jew l-eżistenza ta’ paralleliżmu bejn il-prezzijiet stabbiliti bl-akkordju u l-prezzijiet effettivament mitluba. Huwa fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, u hekk kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza stess fil-punt 284 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha, sabiex tevalwa l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. Għalkemm huwa diffiċli li l-Kummissjoni tintalab iġġib evalwazzjoni biċ-ċifri, jidhirli madankollu li hija tista’, abbażi ta’ paragun bejn is-sitwazzjoni tas-suq qabel ma seħħ il-ksur u dik ta’ wara l-implementazzjoni tiegħu, turi ċerti tendenzi.

313.

Konsegwentement, lanqas ma naqbel mar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, espost fil-punt 287 tas-sentenza appellata, li jgħid li mhux meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-prezzijiet effettivament miksuba, u dan peress li l-prezz seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra li ma kinux jiddependu mill-kontroll tal-membri tal-akkordju. Fil-fatt, ma hemmx għalfejn jitfakkar li l-għan tal-istħarriġ tal-Kummissjoni huwa dak li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet, u dan kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u leġiżlattiv.

314.

Finalment, nixtieq biss nirrimarka li, għalkemm naqbel mat-tħassib tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tad-diffikultajiet li jista’ jkollha l-Kummissjoni biex iġġib il-prova tal-impatt konkret tal-akkordju ( 131 ), jidhirli li dan ma jistax, f’dan il-każ, jiġġustifika l-insuffiċjenza tal-provi tal-Kummissjoni, speċjalment meta din tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq indizju uniku bbażat fuq l-implementazzjoni tal-ftehim.

315.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, għall-fini tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju biex tikkonkludi li kien hemm impatt konkret fuq is-suq.

316.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li din it-tielet parti tal-aggravju hija fondata.

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna l-“portata tas-suq ġeografiku kkonċernat”

a) L-argumenti tal-partijiet

317.

RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li, fil-punti 308 sa 313 tas-sentenza appellata, ma eżaminatx l-argument li jgħid li d-daqs manifestament u inkontestabbilment limitat tat-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija jipprekludu li l-ksur jiġi kklassifikat bħala serju ħafna. Barra minn hekk, dan ir-raġunament imur kontra l-kliem użat fil-linji gwida u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

b) Kunsiderazzjonijiet

318.

Fl-opinjoni tiegħi, din il-parti hija infondata.

319.

Minn banda, u b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 308 sa 313 tas-sentenza appellata, esponiet b’mod ċar u suffiċjentement motivat ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, il-portata limitata tas-suq ġeografiku kkonċernat ma kinitx tipprekludi li l-ksur ikkonstatat jiġi kklassifikat bħala serju ħafna.

320.

Kif hija ġustament esponiet fil-punt 240 tas-sentenza appellata, u kif irrilevajt fil-punt 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ftehim fuq l-iffissar tal-prezzijiet, bħalma huwa dawk inkwistjoni, jistgħu, minħabba min-natura tagħhom stess, jikkostitwixxu ksur serju ħafna, indipendentement mill-impatt tagħhom fuq is-suq u mill-portata ġeografika tas-suq ikkonċernat.

321.

Barra minn hekk, nixtieq infakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi ta’ qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 132 ). Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-informazzjoni misluta minn din il-prassi għandha biss karattru indikattiv ladarba ċ-ċirkustanzi tal-każijiet, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi ( 133 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant ma jistax jinvoka deċiżjonijiet preċedenti mogħtija mill-Kummissjoni.

322.

Finalment, nixtieq inżid li la t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17, la l-linji gwida, u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li huma biss ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw swieq mifruxin ħafna li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serji ħafna. Kif ġustament irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-territorju kollu ta’ Stat Membru wieħed, jew saħansitra parti żgħira minnu, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni. Barra minn hekk, kif esponejt iktar ’il fuq, il-ksur ikkonstatat f’dan il-każ ma jaffettwax biss lir-Repubblika tal-Awstrija, imma jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

323.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda.

5. Fuq il-ħames parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-influwenza tan-natura selettiva tal-proċeduri u tal-ksur tad-dmir tal-motivazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

324.

Insostenn tal-ħames parti, RZB iressaq żewġ ilmenti.

325.

Fl-ewwel lok, RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li din ċaħdet l-argument tiegħu li jgħid li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna hija inkompatibbli mal-għażla tal-Kummissjoni li tibda proċeduri biss fil-konfront ta’ wħud mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur.

326.

Fit-tieni lok, RZB isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ma rrispondietx għall-argumenti li jgħidu li, minn banda, il-livell għoli tal-multa jikkuntradixxi n-natura simbolika tal-proċedura mmexxija b’mod definittiv kontra s-settur bankarju Awstrijak kollu, u mill-banda l-oħra, li dan il-livell għoli jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-multa ngħatat lil 10% biss mill-banek. Fl-aħħar nett, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna mhijiex konċiljabbli mal-ilment tal-“inġustizzja għall-impriżi individwali”.

b) Kunsiderazzjonijiet

327.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, naqbel mal-Kummissjoni li dan huwa riproduzzjoni testwali ta’ motiv li tressaq diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ma jidentifika ebda żball ta’ liġi. Skont il-prinċipji mfakkra fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan l-ilment bħala inammissibbli.

328.

F’dak li jikkonċerna t-tieni ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, jidhirli li dan ma għandux jintlaqa’ ( 134 ).

329.

L-ewwel nett, nixtieq infakkar li skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, “[i]s-sentenzi għandhom ikunu motivati”.

330.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 135 ). Fir-rigward ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jimplika b’mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-motivi għal annullament invokati mir-rikorrenti u tagħti r-raġunijiet li jkunu wassluha li tiċħad il-motiv jew l-annullament tal-att ikkontestat. Fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx, suffiċjentement skont il-liġi l-argumenti kollha invokati mill-appellanti għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa ( 136 ).

331.

Madankollu, fis-sentenza Connolly vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet ċerti limiti fuq dan l-obbligu li l-qorti għandha tirrispondi għall-motivi invokati ( 137 ). Hija qalet li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni ( 138 ) u ma tistax teżiġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrispondi “fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrenti, b’mod partikolari jekk dan ma jkunx suffiċjentement ċar u preċiż u ma jkunx ibbażat fuq provi detalljati”  ( 139 ).

332.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx obbligata li tirrispondi għall-argumenti inkwistjoni mressqa mill-appellant.

333.

Fil-fatt, fil-punt 315 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-premessa tal-appellant, li tgħid li l-Kummissjoni kienet għażlet lill-impriżi b’mod selettiv u simboliku kienet żbaljata. Hija rrilevat li l-Kummissjoni, fir-realtà, kienet għażlet lid-destinatarji tad-deċiżjoni abbażi tal-parteċipazzjoni frekwenti tagħhom fir-round tables l-iktar importanti ( 140 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx obbligata teżamina l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellant u li huma bbażati fuq din il-premessa.

334.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din il-ħames parti hija inammissibbli u infondata.

6. Fuq is-sitt parti tal-aggravju li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur

a) L-argumenti tal-partijiet

335.

RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma għamlitx evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur, li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha msemmija fil-linji gwida (in-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tal-ksur, u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat) kif ukoll l-elementi esterni, jiġifieri l-importanza ekonomika tas-settur bankarju Awstrijak, l-assenza tal-ħtieġa ta’ effett dissważiv u n-natura selettiva tal-proċeduri. Kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet din l-analiżi, kien jirriżulta li l-ksur inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala serju ħafna.

b) Kunsiderazzjonijiet

336.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, fl-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju kkunsidrajt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienet wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra li mhumiex dawk imsemmijin espliċitament fil-linji gwida, u b’mod partikolari elementi “esterni”  ( 141 ) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur. Fir-realtà, l-appellant qajjem parti li, fil-fehma tiegħi, hija purament u sempliċiment inkontradizzjoni ma’ dak li huwa sostna fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju.

337.

Konsegwentement, din is-sitt parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

7. Fuq is-seba’ parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna t-tqassim tal-appellanti f’kategoriji

338.

Mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li s-suq bankarju Awstrijak huwa kkaratterizzat bil-preżenza ta’ gruppi bankarji li għandhom struttura fuq diversi livelli, magħrufin bħala “deċentralizzati”.

339.

Il-banek tat-tfaddil kif ukoll il-banek popolari għandhom stuttura fuq żewġ livelli u l-banek tal-krediti agrikoli (banek Raiffeisen), min-naħa tagħhom, għandhom struttura fuq tliet livelli. F’kull waħda minn dawn l-istutturi fuq diversi livelli (iktar ’il quddiem is-“settur tal-banek tat-tfaddil”, is-“settur Raiffeisen” u s-“settur tal-banek popolari”, u, flimkien is-“setturi deċentralizzati”) hemm stabbiliment ċentrali, imsejjaħ, fil-lingwa normali, “kumpannija ċentrali”, li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ servizz u assistenza għall-banek tas-settur. Erste, RZB u ÖVAG, huma l-istabbilimenti ċentrali tas-settur tal-banek tat-tfaddil, tas-settur Raiffeisen u tas-settur tal-banek popolari rispettivament.

340.

Bis-saħħa tal-punt 1(A), tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista’, f’dak li jikkonċerna l-ksur serji ħafna, taġġusta l-ammont bażiku tal-multa skont il-kapaċità ekonomika effettiva li l-awturi tal-ksur għandhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

341.

F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni inkwistjoni, sostniet li dan it-tip ta’ trattament differenzjat kien meħtieġ inkwantu kien hemm differenzi konsiderevoli fid-daqs bejn l-impriżi u l-gruppi bankarji li pparteċipaw fin-“netwerk Lombard”.

342.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni qassmet lid-destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni f’ħames kategoriji, skont l-informazzjoni disponibbli fuq sehemhom tas-suq. F’dak li jikkonċerna Erste, RZB u ÖVAG, hija kkunsidrat li, bħala kumpanniji ewlenin tas-setturi deċentralizzati tal-banek tat-tfaddil, tal-banek Raiffeisen u tal-banek popolari rispettivament, kien jinħtieġ li jiġi attribwit lilhom is-sehem tas-suq tas-setturi rispettivi tagħhom sabiex tiġi evalwata aħjar is-saħħa ekonomika tagħhom fis-suq. Għaldaqstant, Erste u RZB ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, filwaqt li ÖVAG ġie kklassfikat fit-tielet kategorija.

a) L-ilmenti mressqa mill-appellanti

343.

Fl-ewwel lok, bla ħsara għal ċerti dettalji karatteristiċi marbutin mas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom, Erste, RZB u ÖVAG jikkontestaw il-prinċipju ta’ din l-attribuzzjoni. Huma jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq livell ġuridiku, injorat il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni setgħet tattribbwilhom, bħala stabbilimenti ċentrali tas-setturi deċentralizzati, l-ishma tas-suq tas-setturi rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li din l-attribuzzjoni tikser l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

344.

Fit-tieni lok, Erste, RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

345.

Fit-tielet lok, huma jsostnu li hija ma evalwatx korrettament ir-rwol u l-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-gruppi bankarji.

346.

Fir-raba’ lok, Erste jsostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tas-sehem tas-suq tal-grupp ta’ banek tat-tfaddil huma żbaljati.

347.

Fil-ħames lok, ÖVAG isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti u l-provi prodotti quddiemha.

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati

348.

Erste, RZB u ÖVAG iressqu diversi argumenti insostenn ta’ dan l-ilment.

— Fuq il-prinċipju ta’ attribuzzjoni u l-kriterji ta’ evalwazzjoni użati għal dan il-għan

349.

Erste, RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 356 u 373 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li bil-fatt li attribwitilhom l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma imputatilhomx il-komportament illegali ta’ dawn il-banek u ppenalizzathom biss “għall-imġiba tagħhom stess”.

350.

Fil-fehma tagħhom, din l-attribuzzjoni, fir-realtà tfisser li huma ġew addebitati bir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom peress li l-pożizzjoni ta’ dawn il-banek fis-suq ittieħdet inkunsiderazzjoni kollha kemm hi għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Erste, RZB u ÖVAG isostnu għaldaqstant, li din l-attribuzzjoni kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, jiġifieri l-possibbiltà ta’ kontroll tal-impriża u l-eżistenza ta’ unità ekonomika.

351.

Meta bbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ relazzjonijiet stabbli fi ħdan il-gruppi bankarji u fuq il-funzjonijiet ta’ servizz u assistenza mogħtija mill-istabbilimenti ċentrali, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza evitaw l-eżiġenzi stretti stabbiliti mill-ġurisprudenza.

352.

Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju determinanti għall-finijiet tat-tqassim f’kategoriji huwa l-paragun tas-saħħa reali fis-suq, li hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet stabbli tal-banek deċentralizzati mal-kumpanniji ewlenin tagħhom.

— Fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

353.

Erste jsostni li l-attribuzzjoni lill-kumpanniji ewlenin (GiroCredit jew Erste) ( 142 ) tal-ishma tas-suq ta’ madwar 70 bank tat-tfaddil Awstrijaki tikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 flimkien mas-sitt subparagrafu tal-punt 1(A), tal-linji gwida. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li impriża tiġi imputata bis-sehem tas-suq ta’ impriżi terzi li jkunu joperaw fl-istess settur ta’ attività.

354.

Erste u RZB isostnu wkoll li din l-attribuzzjoni tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għat-twettiq ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena.

355.

Finalment, RZB u ÖVAG jiddikjaraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza. F’dan ir-rigward, RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li assimilat l-istabbilimenti ċentrali tas-setturi deċentralizzati mal-banek ċentralizzati l-kbar għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji. Skont l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina jekk kienx meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni parti biss mill-ishma tas-suq ta’ kull settur ikkonċernat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta stabbiliment ċentrali bħalma huwa RZB jipparteċipa fir-round tables interbankarji, huwa jillimita ruħu li jagħti informazzjoni u dan peress li huwa ma jistax jintervjeni f’isem il-banek u ma jistax jagħti struzzjonijiet biex jiġu implementati l-ftehim eventwali.

356.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq fid-deċiżjoni inkwistjoni mhijiex ibbażata fuq konstatazzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni effettiva fil-ksur tal-banek deċentralizzati, imma biss fuq il-fatt li l-Kummissjoni ppenalizzat lill-kumpanniji ewlenin minħabba l-imġiba tagħhom stess. Hija tippreċiża li f’dan il-każ ebda komportament ta’ terzi ma ġie imputat.

357.

F’dak li jikkonċerna l-argumenti mressqa minn RZB, il-Kummissjoni tindika, l-ewwel nett, li l-multi imposti fuq il-kumpanniji ewlenin ma jaqbżux il-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, din hija differenti mis-sitwazzjoni li fiha kien ikun meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp kieku l-kumpannija ċentrali u l-banek deċentralizzati kienu ġew meqjusa bħala unità ekonomika. Il-Kummissjoni tirrileva mbagħad li l-appellant ma jippreċiżax b’liema mod sitwazzjonijiet differenti ġew trattati bl-istess mod mingħajr ġustifikazzjoni xierqa.

358.

Finalment, il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-argument li jikkontesta l-proporzjonalità tal-multa, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, minħabba motivi ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

ii) Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

359.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Erste u ÖVAG akkużaw lill-Kummissjoni li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma semmietx l-intenzjoni tagħha li tattribbwixxi lill-istabbilimenti ċentrali l-ishma tas-suq tal-gruppi rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

360.

Fl-appell rispettiv tagħhom, Erste u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta, fil-punt 369 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-indikazzjoni, li hemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li huma kienu kumpanniji ewlenin tas-settur tal-banek tat-tfaddil u tas-settur tal-banek popolari kienet suffiċjenti.

361.

Erste u ÖVAG isostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex tillimita ruħha għal sempliċi dikjarazzjoni ġenerali u kellha tinforma lill-impriżi bil-konklużjonijiet li hija kien beħsiebha tislet mill-punti ta’ fatt kollha rigwardanti l-ksur.

iii) Fuq it-tielet ilment li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tar-rwol u tal-funzjonijiet tal-istabbilimenti ċentrali fi ħdan il-gruppi bankarji

362.

Erste, RZB u ÖVAG jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li evalwat b’mod żbaljat ir-rwol u l-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-gruppi bankarji.

363.

Erste jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, esposta fil-punt 401 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa kellu l-inkarigu li “jirrappreżenta” s-settur tal-banek tat-tfaddil waqt ir-round tables bankarji.

364.

Min-naħa tiegħu, ÖVAG jirrileva li, b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa ma għandu l-ebda possibbiltà li jorbot lill-banek popolari indipendenti u ma jiffurmax unità ekonomika magħhom.

365.

RZB isostni, min-naħa tiegħu, li huwa ma kellux “għarfien espert [ikbar] u informazzjoni aħjar” meta mqabbel mal-banek tas-settur deċentralizzat tiegħu, b’kuntrast ma’ dak li jinsab indikat fis-sentenza 405 tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, huwa jsostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-rabtiet li huwa kellu mas-settur deċentralizzat kien jimpedixxi li jiġi imputat lilu l-ishma kollu tas-suq ta’ dan is-settur. Fl-aħħar nett, l-appellant jirrileva li huwa ma għandux kapaċità paragunabbli ma’ dik tal-banek il-kbar organizzati b’mod ġerarkiku, li jikkaġuna ħsara lill-individwi u jenfasizza li huwa lanqas ma qiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika mill-prattiċi kkontestati, u dan fin-nuqqas ta’ sehem individwali sinjifikanti tas-suq jew parteċipazzjoni fil-profitti tal-banek tas-settur.

iv) Fuq ir-raba’ ilment li huwa bbażat fuq determinazzjoni skorretta tal-ishma tas-suq ta’ Erste u tal-grupp tal-banek tat-tfaddil

366.

Erste jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ma kkonstatatx li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq evalwazzjoni għolja ħafna tal-ishma tas-suq biex tikklassifikah f’waħda mill-kategoriji. Fil-fatt, kemm qabel u kif ukoll wara l-għaqda tiegħu ma’ GiroCredit, is-sehem tiegħu tas-suq kien iżgħar sew minn dak li l-Kummissjoni kkonstatat u li ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 455 u 458 tas-sentenza appellata.

367.

Għaldaqstant, fil-punt 457 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Erste kellu jibqa’ kklassifikat fl-ewwel kategorija u li l-ilment, anke jekk jitqies fondat, ma setax jaffettwa d-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-proporzjonalità billi ma ddistingwietx bejn iż-żamma ta’ sehem tas-suq ta’ 30% u dik ta’ sehem tas-suq ta’ 17%, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji.

368.

Il-Kummissjoni ssostni li, kien x’kien is-sehem eżatt tas-suq, hija kellha s-setgħa li tikklassifika lil Erste fl-ewwel kategorija wara l-għaqda tiegħu ma’ GiroCredit. F’dak li jikkonċerna l-argument li jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni għal darbtejn is-sehem tas-suq u l-komportament ta’ Erste Österreichische Spar-Casse-Bank AG (jiġifieri Erste qabel ma ngħaqdet ma’ GiroCredit, iktar ’il quddiem “EÖ”), hija tinvoka l-inammissibbiltà tiegħu minħabba li Erste qiegħed b’hekk jipprova jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tal-fatti, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

v) Fuq il-ħames ilment li huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi

369.

ÖVAG isostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta minn żnaturament tal-provi li jinsabu fil-proċess. Fil-fatt, l-iskambji ta’ informazzjoni u l-attivitajiet ta’ ÖVAG bħala l-allegat koordinatur u rappreżentant tal-banek popolari deċentralizzati qatt ma ġew ipprovati (punti 401 sa 406 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta invokat is-sentenza tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) (l-Awstrija) tat-23 ta’ Ġunju 1993 biex tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq tal-banek tas-settur (punti 392 sa 401 tas-sentenza appellata). Fil-fatt, ÖVAG jirrileva li huwa ma pparteċipax f’dik il-proċedura u li dik is-sentenza kienet tikkonċerna biss aspetti marbutin mar-“riżervi likwidi”. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ fatt kif ukoll żball ta’ liġi u, barra minn hekk, qabżet il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha. Finalment, l-appellant jirrileva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx espliċitament is-sitwazzjoni tiegħu u dan b’kuntrast ma’ dak li hija għamlet fir-rigward ta’ Erste u RZB kif ukoll fir-rigward tal-banek tas-setturi rispettivi tagħhom.

370.

Il-Kummissjoni tirrileva n-nuqqas ta’ spjegazzjoni min-naħa tal-appellant u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud. Fir-rigward tal-iżball imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta rreferiet għas-sentenza tal-Verfassungsgerichtshof, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ xi allegat żnaturament. Fil-fatt, il-qorti Awstrijaka ddeċidiet formalment u b’mod ġenerali fuq ir-relazzjonijiet bejn l-“istabbilimenti ċentrali” u “l-banek primarji” tagħhom, u l-banek popolari jinsabu espliċitament kontemplati f’dik is-sentenza. Skont il-Kummissjoni, ÖVAG ma jsostnix li r-rwol tiegħu bħala kumpannija ewlenija huwa differenti minn dak tal-kumpanniji ewlenin ta’ setturi oħra.

b) Kunsiderazzjonijiet

i) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati

371.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment iqajjem punt delikat ieħor tal-proċess. Dan jikkonċerna l-mod li bih il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont tal-piena fid-dawl tar-responsabbiltajiet li għandu jassumi l-awtur tal-ksur meta jwettaq l-istess ksur.

372.

F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont tal-multa li riedet timponi fuq Erste, fuq RZB u fuq ÖVAG, bħala kumpanniji ewlenin, billi attribwitilhom l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom. Dan ippermettielha li tevalwa, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, l-kapaċità ekonomika tagħhom.

373.

Fil-punti 356 u 373 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, billi aġġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma imputatilhomx il-komportament illegali tal-banek tas-setturi tagħhom u “ppenalizzat[hom] għall-imġiba tagħhom stess”.

374.

Fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan ir-rigward, wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi.

375.

Fil-fatt, b’dan ir-raġunament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li l-kumpannija ewlenija mhijiex responsabbli għall-ksur imwettaq mill-banek tas-settur deċentralizzat tagħha, imma li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, jeħtieġ xorta waħda li jiġu attribwiti lilha l-ishma tas-suq tal-grupp kollu.

376.

Dan ma jagħmilx sens loġiku. Il-Kummissjoni tista’ jew timputa r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija ewlenija, peress li din tifforma unità ekonomika waħda mas-settur deċentralizzat, u tista’, f’dan il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dan is-settur kollu, jew inkella, il-Kummissjoni tista’ taġixxi kontra l-kumpannija ewlenija għall-parteċipazzjoni tagħha b’mod individwali fil-ksur u tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, is-sehem tagħha tas-suq, indipendentement mill-ishma li għandu s-settur deċentralizzat tagħha.

377.

Għaldaqstant, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex koerenti. Huwa ċar li l-fatt li l-ammont tal-piena jiġi kkalkulat abbażi tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati jkun ifisser li l-kumpanniji ewlenin jiġu “ppenalizzati” għall-komportament illegali ta’ dawn il-banek.

378.

Fl-opinjoni tiegħi, fil-kalkolu tal-piena u, f’dan il-każ, tal-multa, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi li hija tkun iddeċidiet li huma responsabbli għall-ksur li jkun twettaq fis-suq. Dan joħroġ ċar ħafna mir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A), tal-linji gwida li jsemmi espliċitament li “l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika” ( 143 ). F’dan il-każ, fid-deċiżjoni inkwistjoni, huma biss il-kumpanniji ewlenin li ġew meqjusa li huma responsabbli għall-ksur. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva dan hija stess fil-punt 356 tas-sentenza appellata meta hija tippreċiża li “id-deċiżjoni inkwistjoni ma tibbażax l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq fuq il-konstatazzjonijiet speċifiċi, relatati mal-parteċipazzjoni effettiva tal-banek deċentralizzati fil-ksur” u li l-“Kummissjoni ppenalizzat il-kumpanniji ewlenin għall-imġiba tagħhom stess”.

379.

F’dan l-istadju tal-eżami tiegħi, jidhirli li l-ewwel ilment li huwa bbażata fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tas-setturi deċentralizzati, huwa fondat u dan mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma mill-appellanti u li s-seba’ parti ta’ dan l-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa.

380.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nsostni li t-tielet u s-seba’ parti tal-ewwel aggravju huma fondati. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li dan l-aggravju, li huwa bbażat fuq iżbalji ta’ dritt f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, huwa fondat u tannulla s-sentenza appellata inkwantu hija vvizzjata:

bi żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li mis-sempliċi implementazzjoni tal-ftehim l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq, u dan għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, kif ukoll

bi żball ta’ liġi u b’kontradizzjoni ta’ motivi, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, setgħet tattribwixxi lil Erste, lil RZB u lil ÖVAG l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom, minkejja li hija ma imputatilhomx il-komportament illegali ta’ dawn l-istess banek.

381.

Madankollu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkompli l-analiżi tal-aggravji l-oħra mressqa mill-appellanti, inkwantu dawn huma intiżi wkoll sabiex jinkiseb tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

B — Fuq it-tieni aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt, nuqqas ta’ motivazzjoni, żnaturament tal-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza taċ-ċirkustanzi attenwanti

382.

Skont il-punt 3 tal-linji gwida, jekk jiġu pprovati, is-segwenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi attenwanti:

jekk l-impriża jkollha rwol esklussivament passiv jew emulattiv fil-ksur,

nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi lleċiti,

tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni;

eżistenza ta’ dubju raġjonevoli min-naħa tal-impriża dwar jekk il-komportament restrittiv jikkostitwixxix verament ksur,

ksur magħmul b’riżultat ta’ negliġenza jew mhux intenzjonat,

kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura, meta din il-kooperazjoni tkun tmur lilhinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

383.

La l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni (punti 525 sa 542) u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata (punti 469 sa 511), ma ddeċidew li kien hemm ċirkustanzi attenwanti li setgħu jibbenefikaw minnhom l-appellanti.

384.

F’dawn l-appelli, ÖVAG jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma rrikonoxxietx bħala ċirkustanza attenwanti l-komportament passiv tiegħu matul il-ksur. BA-CA jsostni, min-naħa tiegħu, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet ukoll żbalji ta’ dritt meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fir-round tables bankarji kif ukoll in-natura pubblika tagħhom.

a) Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-komportament passiv ta’ ÖVAG

i) L-argumenti tal-partijiet

385.

Essenzjalment, ÖVAG jikkritika l-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat il-komportament tiegħu matul il-ksur għall-finijiet taċ-ċirkustanzi attenwanti. F’dan ir-rigward, huwa jressaq diversi lmenti.

— Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq eżerċizzju skorrett tas-setgħa ġudizzjarja tal-Qorti tal-Prim’Istanza

386.

L-appellant jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkuntentat ruħha li tirriproduċi t-test tal-linji gwida mingħajr ma teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, ir-rwol partikolari ta’ ÖVAG fi ħdan in-“netwerk Lombard”.

— Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat

387.

L-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 483 tas-sentenza appellata, meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kriterju tal-parteċipazzjoni tal-banek fir-round tables li ntuża wkoll fil-kuntest tat-tqassim tal-banek f’kategoriji. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaqqdet il-kwistjoni tat-tqassim tal-banek skont is-setgħa tagħhom fis-suq ma’ dik tar-rikonoxximent li teżisti ċirkustanza attenwanti. F’dan il-każ, skont l-appellant, ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti ma jistax jiddependi fuq in-natura “sporadika” tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-laqgħat. Fil-fatt, il-linji gwida jobbligaw lill-Kummissjoni sabiex tagħmel evalwazzjoni differenzjata tar-rwoli u mhux preżentazzjoni Manikeja tat-tip “kollox jew xejn”.

— Fuq it-tielet ilment li huwa bbażat fuq l-iżanturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

388.

Skont l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-espożizzjoni tagħha u kif ukoll il-fatti riżultanti mill-proċess dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, hija qatt ma sostniet li hija kienet iddistakkat ruħha mill-akkordju, imma dejjem enfasizzat ir-rwol modest li hija kellha.

— Fuq ir-raba’ ilment li huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi

389.

Skont ÖVAG, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija kontradittorja inkwantu huwa ġie kklassifikat bħala “bank kbir” u “rappreżentant tas-settur”, minkejja li l-Kummissjoni ma għamlitx investigazzjonijiet fl-uffiċċji tiegħu, minkejja li l-appellant ma kienx jifforma parti minn “ċirku magħluq ta’ banek” u minkejja li huwa pparteċipa biss f’numru limitat ta’ laqgħat.

390.

Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ilmenti huma irrilevanti minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal raġunijiet ta’ ekwità.

ii) Kunsiderazzjonijiet

391.

Fl-opinjoni tiegħi din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

392.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, jidhirli li l-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza eżerċitat l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ma jistax jiġi kkritikat. Fil-fatt, infakkar li fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel stħarriġ ġudizzjarju limitat, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni biex tiffissa l-ammont tal-multi. Fl-eżami tal-ilmenti mressqa minn ÖVAG, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa għalhekk limitat għall-verifika li jkunu ġew osservati r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll dik tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żbalji ta’ dritt, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punti 484 u 487 tas-sentenza appellata, li r-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żbalji fattwali jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, jew ukoll abbuż ta’ poter fil-kuntest tal-analiżi tagħha.

393.

B’kuntrast ma’ dak li jsostni l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkuntentatx ruħha li sempliċement tirriproduċi l-linji gwida, peress li, fil-punti 482 u 486 tas-sentenza appellata, hija indikat biċ-ċar il-ġurisprudenza applikabbli qabel ma eżaminat, fil-punti 483 sa 489 ta’ din is-sentenza, il-mod li bih il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-komportament ta’ kull impriża u, b’mod partikolari, ta’ ÖVAG, matul ir-round tables bankarji.

394.

Konsegwentement, jidhirli li dan l-ilment jista’ jiġi faċilment miċħud bħala infondat.

395.

F’dak li jikkonċerna t-tieni lment, dan għandu jiġi miċħud ukoll. Minn banda, il-kriterju ta’ evalwazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, jiġifieri dak li huwa bbażat fuq il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-membri tal-akkordju, huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, msemmija espliċitament fil-punt 482 tas-sentenza appellata. Dan il-kriterju jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-komportament partikolari ta’ impriża matul l-akkordju. Mill-banda l-oħra, b’kuntrast ma’ dak li jsostni ÖVAG, dan il-kriterju huwa differenti minn dak użat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-appellanti f’kategoriji, li huwa bbażat biss fuq is-saħħa ekonomika tal-impriżi.

396.

F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment, jidhirli li dan mhuwiex ammissibbli peress li l-argumenti ta’ ÖVAG ma jinvolvu ebda element serju li jista’ juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-espożizzjoni tiegħu jew l-atti tal-proċess li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tiegħu fl-akkordju. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li bil-fatt li enfasizza l-modestja tar-rwol tiegħu fi ħdan ir-round tables bankarji, l-appellant ried juri d-distakk li huwa kien adotta fil-konfront tal-membri l-oħra tal-akkordju.

397.

Finalment, f’dak li jikkonċerna r-raba’ ilment, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħdu mill-ewwel bħala infondat, peress li l-fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx investigazzjonijiet għal għarrieda fl-uffiċċji tal-appellant bl-ebda mod ma jikkontradixxi l-fatt li huwa jista’ jiġi kklassifikat bħala “bank kbir” u bħala “rappreżentant tas-settur tal-banek popolari”.

398.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

b) Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fir-round tables bankarji ( 144 )

i) L-argumenti tal-partijiet

399.

Essenzjalment, BA-CA jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi fil-laqgħat bħala ċirkustanza attenwanti. B’dan il-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, inkwantu BA-CA ġie ttrattat b’mod differenti meta mqabbel ma’ impriżi oħra kkonċernati minn deċiżjoniijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

400.

Skont l-appellant, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tolleranza ta’ komportament min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fil-laqgħat jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti u jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa, u dan indipendentement mid-daqs tal-impriżi kkonċernati ( 145 ). B’mod partikolari, BA-CA jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fil-punt 505 tas-sentenza appellata hija ddeċidiet li t-tolleranza tal-ksur min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni “fid-dawl, b’mod partikolari, tal-mezzi li jiddisponu minnhom il-banek sabiex jingħataw informazzjoni ġuridika preċiża u korretta”. Minn banda, din il-kundizzjoni mhijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF ( 146 ). Mill-banda l-oħra, tali kundizzjoni twassal għal diskriminazzjoni għad-detriment ta’ ċerti impriżi, skont l-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

ii) Kunsiderazzjonijiet

401.

Fl-opinjoni tiegħi, il-kritika magħmula minn BA-CA mhijiex fondata.

402.

Fl-ewwel lok, fil-punt 505 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-elementi prodotti mir-rikorrenti, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi fil-laqgħat, ma kienux suffiċjenti biex jiġġustifikaw li jkun hemm dubju raġjonevoli fir-rigward tal-fatt li r-round tables kienu jikkostitwixxu ksur fid-dawl tad-dritt Komunitarju. Fil-fehma tiegħi, din hija evalwazzjoni li ma għandiex tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, u dan skont il-prinċipji li esponejt fil-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

403.

Fit-tieni lok, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-approvazzjoni jew it-tolleranza tal-ksur min-naħa tal-awtoritajiet Awstrijaki me setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti ma jmurx kontra l-ġurisprudenza Komunitarja u, fil-fehma tiegħi, ma jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

404.

Minn banda, jidhirli li l-appellant ma jistax jinvoka s-sentenza CIF, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’din il-kawża, l-akkordju kien iffaċilitat b’liġi nazzjonali. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti Komunitarja, fil-punt 57 tas-sentenza msemmija, qalet li “waqt id-determinazzjoni tal-livell tal-piena, il-komportament tal-impriżi kkonċernati jista’ jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti li jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku nazzjonali”. Dan il-każ ma jinvolvix sitwazzjoni simili, peress li l-liġi Awstrijaka inkwistjoni, li tippermetti lill-istabbilimenti bankarji li jiftiehmu, ġiet imħassra mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994, jiġifieri sena qabel il-perijodu tal-ksur kopert mid-deċiżjoni inkwistjoni.

405.

Mill-banda l-oħra, nsostni li BA-CA ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba l-fatt li huwa ġie ttrattat b’mod differenti meta mqabbel mal-impriżi l-oħra kkonċernati minn deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni.

406.

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li l-Kummissjoni għandha tirrispetta fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 81 KE. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat ( 147 ). Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-qorti Komunitarja rrikonoxxiet li ċertu trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa inerenti għal-applikazzjoni tal-metodu magħżul mil-linji gwida ( 148 ). Fil-fatt, dawn il-linji gwida jippermettu lill-Kummissjoni li tindividwalizza l-piena skont l-imġiba u l-karatteristiċi tal-impriżi stess, sabiex tiżgura li r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni jkunu effikaċi.

407.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li “l-[prassi] deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni” ( 149 ). Fil-fatt, kif tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja, l-insenjamenti misluta minn din il-prattika jista’ jkollhom biss karattru indikattiv ladarba ċ-ċirkustanzi tal-każijiet, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi ( 150 ).

408.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-insenjamenti eventwali li jistgħu joħorġu mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

409.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c) Fuq it-tielet parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tan-natura pubblika tal-laqgħat ( 151 )

i) L-argumenti tal-partijiet

410.

BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ dritt meta ma kkonċediet ebda tnaqqis tal-multa, minkejja li n-notorjetà pubblika tar-round tables bankarji kienet ippruvata. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li l-akkordju ma kienx magħruf pubblikament, fil-firxa kollha tiegħu, minkejja li d-diversi elementi pprovduti fir-rikors, u b’mod partikolari, l-artikli tal-istampa kienu juru li l-pubbliku kien jaf bis-suġġetti tal-laqgħat u bir-rabta diretta eżistenti bejn ir-round tables bankarji u ċ-ċaqliq fir-rati tal-interessi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, konsegwentement, kisret il-prinċipji tal-produzzjoni tal-prova meta ma eżaminatx, fuq il-mertu, id-dokumenti prodotti mill-appellant. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet dak li hija tista’ titlob meta sostniet li l-opinjoni pubblika għandha tkun taf perfettament bil-laqgħat sabiex ikun hemm il-possibbiltà li jingħata tnaqqis fil-multa. Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza rriproduċiet b’mod skorrett l-espożizzjoni tal-appellant, inkwantu hija effettivament ma sostnietx li n-notorjetà pubblika tal-laqgħat kienet twassal biex dawn jitqiesu legali.

411.

Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Hija tippreċiża li ma teżisti ebda ġurisprudenza li tgħid li l-parteċipanti f’akkordju jistgħu jqisu li l-prattiċi tagħhom ikunu legali minħabba l-fatt li ċerti komportamenti jkunu magħrufa. Kieku dan kien il-każ, ikun biżżejjed allura li ċerti prattiċi jiġu reżi pubbliċi sabiex jiġu evitati pieni finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza turi biċ-ċar li n-notorjetà mhijiex determinanti.

ii) Kunsiderazzjonijiet

412.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad mill-ewwel din il-parti bħala inammissibbli.

413.

Fil-fatt, BA-CA essenzjalment jipprova jikkontesta numru ta’ evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 506 tas-sentenza appellata. L-appellant jillimita ruħu li jikkritika l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma juri l-iżbalji li allegatament wasslu lil din l-istess Qorti għall-iżnaturament tal-provi. Għalhekk, il-kritika tiegħu tikkostitwixxi biss, tentattiv biex jissostitwixxi l-verżjoni tiegħu tal-ġrajjiet mal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

414.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħala inammissibbli.

415.

Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li t-tieni aggravju dwar l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, u sabiex tiċħdu.

C — Fuq it-tielet aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt, ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

416.

Fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq xi akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-istess multa li kieku huma kien ikollhom iħallsu (titolu A, punt 3).

417.

F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għall-appellanti, huwa paċifiku li l-komportament tagħhom għandu jiġi evalwat taħt it-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Tnaqqis sinjifikanti tal-ammont tal-multa”.

418.

Skont it-titolu D, punt 1 tal-komunikazzjoni msemmija, “Jekk impriża tikkoopera meta l-kundizzjonijiet esposti fit-titoli B u Ċ ma jkunux sodisfatti kollha, hija għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 sa 50% tal-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta lilha kieku hija ma tikkooperax”.

419.

It-titolu D, punt 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jippreċiża:

“Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ jekk:

qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni, id-dokumenti jew il-provi l-oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur li jkun twettaq,

wara li tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tkun qed tibbaża l-akkużi tagħha.”

420.

Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 530 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk il-komportament tal-impriża inkwistjoni jkun iffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni u jkun ippermettielha li tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultajiet, u jekk ikun il-każ, li twaqqaf l-istess ksur.

421.

Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikoli 11(1) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu 81 KE, tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-impriżi u mingħand l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li, skont il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu, huma obbligati li jipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba. Jekk impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni jew tipprovdi l-informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, titlob dik l-informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, fejn l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tkun b’hekk qed tesponi ruħha għall-multa jew għal pagamenti ta’ penalitajiet perjodiċi fil-każ li tirrifjuta persistentement li tipprovdi l-imsemmija informazzjoni.

422.

F’dan ir-rigward, kif ġustament fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 529 tas-sentenza appellata, il-kooperazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħti dritt għal ebda tnaqqis tal-multa meta dik il-kooperazzjoni ma teċċedix dak li fil-fatt huwa l-obbligu tagħha li tagħmel taħt l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17. Mill-banda l-oħra, fil-każ meta impriża, b’risposta għal talba għall-informazzjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, tipprovdi informazzjoni li teċċedi dak li jista’ jintalab minnha mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dak l-Artikolu, l-impriża inkwistjoni tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa.

423.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq l-appellanti skont l-ewwel subparagrafu tat-titolu D, punt 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tirriżultax minn evalwazzjoni żbaljata.

424.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni evalwat il-kooperazzjoni tal-banek fid-dawl tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Hija tat lil dawn il-banek tnaqqis ta’ 10% tal-multa tagħhom, skont it-tieni inċiż tal-punt 2 tat-Titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, u dan minħabba li huma ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ( 152 ). Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni rrifjutat li tnaqqsilhom il-multa skont l-ewwel inċiż tal-punt 2 tat Titolu D tal-komunikazzjoni msemmija, li jipprovdi li l-multa tista’ titnaqqas jekk “qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni, id-dokumenti jew [provi oħra] li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur li jkun twettaq.”

425.

F’dak li jikkonċerna r-risposti għat-talbiet għall-informazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-komunikazzjoni tad-dati u tal-ismijiet tal-parteċipanti fir-round tables kif ukoll il-komunikazzjoni tad-dokumenti rigwardanti l-imsemmija informazzjoni ma kienux volontarji. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, dawn il-komunikazzjonijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “kooperazzjoni” ( 153 ).

426.

F’dak li jikkonċerna l-espożizzjoni komuni tal-fatti ppreżentat mill-banek, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma żied ebda valur għal dak li kien legalment mitlub. Hija rrikonoxxiet li din l-espożizzjoni kienet teċċedi l-informazzjoni mitluba billi kienet tiddeskrivi fid-dettall il-kuntest storiku tan-“netwerk Lombard” u kienet tiġbor fil-qosor il-kontenut tad-diversi round tables. Madankollu, fil-fehma tagħha, l-imsemmija espożizzjoni ma servietx sabiex jiġu ppreċiżati l-fatti, imma iktar bħala difiża għall-banek.

427.

Fir-rigward tad-dokumenti mibgħuta mal-espożizzjoni komuni tal-fatti, il-Kummissjoni rrilevat li l-banek ma kienux f’pożizzjoni li, fuq talba tagħha, jidentifikaw id-dokumenti li fihom fatti ġodda meta mqabbla mal-fatti li jinsabu fid-dokumenti li nġabru waqt l-investigazzjonijiet jew li kellhom jiġu prodotti wara t-talba għall-informazzjoni u hija kkonkludiet li dawn id-dokumenti ma kienu kkontribwew l-ebda valur miżjud ( 154 ).

428.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi kollha bbażati fuq il-ksur tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ma kienet tiġġustifika ebda tnaqqis addizzjonali tal-multa li ġiet imposta lilhom.

429.

Fil-kuntest tal-appell rispettiv tagħhom, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma evalwatx korrettament il-portata tal-kooperazzjoni tagħhom fid-dawl tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li kisret, f’dan ir-rigward, il-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-aspettattivi leġittimi. Huma jsostnu li, skont it-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, huma kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multa li ġiet imposta lilhom.

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju li hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

a) L-argumenti tal-partijiet

430.

BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx b’mod korrett il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kif ukoll il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Fil-fatt, il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-punti dwar jekk, minn banda, l-informazzjoni pprovduta mill-impriża ffaċilitatx ix-xogħol tal-Kummissjoni u, mill-banda l-oħra, jekk l-impriża li kkooperat għandhiex tingħata tnaqqis tal-multa. Ir-riferiment għas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, lanqas mhuwa tali li jiġġustifika li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni bla limiti. Barra minn hekk, u b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 532 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ impriża hija suġġetta għal ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, l-appellant jirreferi għas-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li teżamina jekk it-tnaqqis tal-ammont tal-multa, imposta mill-Kummissjoni fuq l-impriża skont l-ewwel subparagrafu tat-titolu D, punt 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kienx jirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-kooperazzjoni tal-impriża, b’mod partikolari fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ( 155 ).

b) Kunsiderazzjonijiet

431.

Ma naqbilx mal-appellant fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

432.

Fil-fatt, kif indikajt diġà, il-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan il-kuntest, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi bil-kundizzjoni li tibqa’ fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. F’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ impriża fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espliċitament fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li il-Kummissjoni għandha setgħa [diskrezzjonali] f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kitba stess ta[t-titolu D, punt 2, tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni], u b’mod partikolari, [mill]-kliem introduttivi “Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ […]”. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-limiti stabbiliti b’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali biex tevalwa jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti li jkunu ġew volontarjament ipprovduti mill-impriżi, iffaċiltawx ix-xogħol tagħha u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża skont dik il-komunikazzjoni ( 156 ).

433.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif tirrileva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 532 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni għandha għalhekk tkun biss is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat.

434.

Finalment, nixtieq nenfasizza li fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat effettivament jekk it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ngħata mill-Kummissjoni lill-impriża inkwistjoni taħt l-ewwel subparagrafu tat-titolu D, punt 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kienx jirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-kooperazzjoni tagħha u jekk kienx jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Madankollu, nfakkar lill-appellant li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 458 ta’ dik is-sentenza, irrifjutat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni billi kkunsidrat li “l-fatt biss li [din tal-aħħar] attribwiet, fil-[prassi] deċiżjonali preċedenti tagħha, ċertu grad ta’ riduzzjoni għal komportament determinat ma jimplikax li hija obbligata li tagħti l-istess riduzzjoni proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ komportament simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri”.

435.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad din l-ewwel parti bħala infondata.

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju li hija bbażata fuq l-iżbalji ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

436.

RZB u BA-CA jressqu żewġ ilmenti fir-rigward ta’ din il-parti.

a) Fuq l-ewwel ilment li huwa bbażat fuq l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

i) L-argumenti tal-partijiet

437.

RZB u BA-CA jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet titlob li l-kooperazzjoni għandu jkollha “valur miżjud” sabiex ikun jista’ jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa ( 157 ).

438.

Skont BA-CA, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta użat dan il-kriterju. Minn banda, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonċedilu tnaqqis ikbar fl-ammont tal-multa tiegħu, inkwantu l-kooperazzjoni tiegħu kienet inkontestabbilment ikbar u kwalitattivament aħjar minn dawk ta’ impriżi oħra. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 534 tas-sentenza appellata, iddeċidiet b’mod żbaljat li l-fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċertu rata ta’ tnaqqis għal imġiba determinata ma jimplikax li hija għandha tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali waqt l-evalwazzjoni ta’ imġiba simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri.

ii) Kunsiderazzjonijiet

439.

F’dak li jikkonċerna l-argumenti ta’ RZB u ta’ BA-CA fir-rigward tal-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, skont il-prinċipji msemmija fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tiċħadhom mill-ewwel bħala inammissibbli. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li RZB u BA-CA jillimitaw ruħhom li jirriproduċu l-argumenti li huma ppreżentaw diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

440.

Għal dak li jikkonċerna l-argument ta’ BA-CA li huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, naħseb li dan huwa infondat.

441.

Kif indikajt diġà, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali ( 158 ). Il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jinkiser meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat.

442.

Madankollu, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-qorti Komunitarja rrikonoxxiet li ċertu trattament differenti bejn l-impriżi kkonċenrati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa inerenti għall-applikazzjoni tal-metodu magħżul mil-linji gwida ( 159 ). Għal dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni ta’ impriża fil-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet għalhekk, fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li differenza ta’ trattament bejn l-impriżi inkwistjoni tista’ tkun dovuta għal-livelli ta’ kooperazzjoni li mhumiex paragunabbli, b’mod partikolari inkwantu dawn kienu jikkonsistu fit-tressiq ta’ informazzjoni differenti jew fit-tressiq ta’ dik l-informazzjoni fi stadji differenti tal-proċedura amministrattiva, jew f’ċirkustanzi mhux analogi ( 160 ).

443.

Insostenn tal-ilment tiegħu, l-appellant jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkonċeditlux tnaqqis ikbar skont it-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, inkwantu huwa kkoopera fil-proċedura iktar mill-banek l-oħra kkonċernati. Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument ma jistax jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, peress li b’hekk hija tkun qed tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

444.

Fi kwalunkwe każ, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li dan l-argument huwa ammissibbli, jidhirli li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament u mingħajr ma twettaq ebda żball ta’ liġi li jista’ jiġi kkontestat fi stadju ta’ appell, tiddeċiedi li, il-kooperazzjoni tal-appellant setgħet, bħala prinċipju, taqa’ taħt sitwazzjoni li tippermetti tnaqqis tal-ammont tal-multa skont it-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, iżda din il-kooperazzjoni mhux bilfors kellha twassal lill-Kummissjoni biex tikkonċedilu tnaqqis ikbar tal-multa.

445.

Finalment, b’kuntrast ma’ dak li jsostni BA-CA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 534 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni mhijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Fil-fatt, kif diġà esponejt fil-punt 407 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra għandhom karattru indikattiv f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li BA-CA ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba l-fatt li huwa ġie ttrattat b’mod differenti meta mqabbel ma’ impriżi oħra msemmija fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

446.

Fid-dawl tas-suespost, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li dan l-ewwel ilment huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

b) Fuq it-tieni lment li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-eżami tal-portata tal-kooperazzjoni tal-impriżi, fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja

447.

Dan l-ilment tressaq minn RZB u BA-CA

448.

Bla ħsara għall-karatteristiċi partikolari marbutin mas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom, huma essenzjalment isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni matul id-diversi stadji tal-proċedura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx b’mod korrett l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kisret il-prinċipji tat-trattament ugwali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja fis-sentenza appellata.

i) Fuq l-ewwel argument ta’ RZB li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura volontarja tar-risposti għat-talbiet għall-informazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

— L-argumenti tal-partijiet

449.

RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kklassifikatx ir-risposti li huwa ta wara t-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, bħala risposti “volontarji”, ħaġa li, fil-fehma tiegħu, kellha twassal għat-tnaqqis tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza tippermetti lill-Kummissjoni sabiex, malli jibda jkollha dubju dwar il-laqgħat bejn il-kompetituri, tindirizza talba għall-informazzjoni miktuba f’termini vagi ħafna u li jkollha ċerti konsegwenzi fuq l-impriżi li ma jirrispondux għaliha. Il-Kummissjoni b’hekk teżerċita pressjoni irreżistibbli fuq dawn l-impriżi billi tindirizzalhom sempliċi domandi standard li jġielgħuhom jixhdu kontrihom stess. Dan ir-raġunament jikser id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi msemmija, kif kien ġie stabbilit fis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq ( 161 ).

450.

Skont il-Kummissjoni, RZB ma kkunsidrax il-fatt li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tiġi minn kooperazzjoni “volontarja” fis-sens tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni biss jekk din l-informazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni fil-konstatazzjoni u t-twaqqif tal-ksur u tkun tikkostitwixxi sinjal ta’ kooperazzjoni vera. F’dan il-każ, l-informazzjoni pprovduta mill-appellant kienet tiddeskrivi biss il-kuntest storiku tan-“netwerk Lombard” u l-kontenut tal-laqgħat tal-akkordju, provi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Għaldaqstant ma kien hemm ebda valur miżjud. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li hija kienet infurmata, fil-mument meta hija interrogat lill-appellanti, li l-prodotti bankarji kollha kienu ġew diskussi fid-diversi round tables u li dawn kienu jidħlu f’netwerk, b’mod li l-kuntest tal-ksur u għaldaqstant is-suġġett tal-investigazzjoni kienu identifikati b’mod ċar, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-impriżi parteċipanti, in-natura tal-ksur u l-għan tal-ftehim. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li d-domandi kienu jirrigwardaw ir-round tables kollha li seħħew b’mod regolari, b’mod li l-impriżi ma kellhomx biex jagħżlu jew jevalwaw il-laqgħat li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE.

— Kunsiderazzjonijiet

451.

Fil-21 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni indirizzat talba għall-informazzjoni lil diversi stabbilimenti bankarji li kienu ssuspettati li pparteċipaw f’akkordji jew fi prattiċi antikompetittivi, u dan skont l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 17.

452.

Il-portata tat-talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni indirizzati lid-diversi banek kienet tvarja bejn 30 domanda (BA-CA) u 3 domandi (ÖVAG u Bank der Österreichischen Postsparkasse AG, iktar ’il quddiem “PSK-B”). Id-domandi li jinsabu fit-talbiet l-iktar dettaljati u li għalihom irrispondew il-banek kienu intiżi li jiksbu, b’mod partikolari, id-dettalji tal-parteċipanti fir-round tables (ismijiet, impriżi li lilhom jappartjenu u l-funzjonijiet), il-produzzjoni tad-dokumenti kollha interni relatati magħhom kif ukoll id-deskrizzjoni tal-kontenut tal-laqgħat. It-talbiet għall-informazzjoni kien fihom, barra minn hekk, domandi tat-tip li ġej:

“Jekk jogħġobkom ipprovdu l-minuti kollha, noti tal-fajl, korrispondenza jew dokumenti oħra li jirreferu għal-laqgħat, [għad-]diskussjonijiet jew għall-kuntatti oħra tal-impriża tagħkom ma stabbilimenti tal-krediti Awtsrijaċi oħra fil-kuntest tar-round tables ċċitati iktar ’l isfel jew ma round tables eventwali oħra li seħħew b’mod regolari (kemm jekk seħħew qabel, matul jew wara dawn il-kuntatti). Jekk jogħġobkom indikaw id-dati, inklużi dawk tal-ewwel u tal-aħħar laqgħa, u l-parteċipanti (isem, impriża u funzjoni)” (flimkien ma’ elenku ta’ ċerti round tables).

453.

Fl-opinjoni tiegħi din il-kritika hija infondata.

454.

Fil-fatt, jidhirli li l-appellant qed iħawwad l-obbligi li huwa għandu fil-kuntest ta’ talba għall-informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-benefiċċji offruti lilu fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

455.

Ir-risposti li l-appellant ta għat-talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni jaqgħu fil-qafas tas-setgħet ta’ investigazzjoni li din l-awtorità għandha.

456.

Skont l-Artikolu 11 (1) sa (5) tar-Regolament Nru 17 u kif jirriżulta mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija intitolata li tobbliga lil impriża, jekk ikun il-każ, permezz ta’ deċiżjoni, li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa li tirrigwarda l-fatti li hija tista’ tkun taf bihom u sabiex tibgħatilha, skont il-bżonn, id-dokumenti li jirreferu għalihom li jkunu fil-pussess tagħha ( 162 ). Dan japplika wkoll meta dawn id-dokumenti jistgħu jservu sabiex “jistabbilixxu l-eżistenza ta’ komportament antikompetittiv fil-konfront ta’ impriża jew fil-konfront ta’ impriża oħra” u dan fil-limitu tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża ( 163 ). Kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 17 jimponi fuq l-impriża l-obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi kollha ta’ informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni ( 164 ). F’din il-kawża, għaldaqstant, l-appellant ma kienx f’kuntest ta’ kooperazzjoni “volontarja” fil-proċedura li tista’ taqa’ taħt is-sitwazzjonijiet imsemmija mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

457.

F’din is-sitwazzjoni, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament, tirrifjuta li tikklassifika l-kontribuzzjoni tal-appellant bħala purament “volontarja” u li tikkonċedilu, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tnaqqis fl-ammont tal-multa tiegħu.

458.

Barra minn hekk, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-appellant, u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

459.

Huwa magħruf li l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridika Komunitarja li għandu jiġi osservat fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għal xi penalità ( 165 ). Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dawn id-drittijiet għandhom jiġu rrispettati mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari, peress li dan jista’ jkun determinanti għall-istabbiliment tal-provi dwar in-natura illegali tal-komportament tal-impriżi ( 166 ).

460.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprova ssib bilanċ bejn l-esiġenzi marbutin mal-iskoperta kif ukoll mal-eliminazzjoni ta’ akkordji antikompetittivi u dawk marbutin mar-rispett meħtieġ tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni tal-Kummissjoni.

461.

L-eżerċizzju li jinstab dan il-bilanċ jidher li huwa delikat ħafna u dan kif jidher mill-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn jingħad, “għalkemm, biex jiġi ppriżervat l-effett utli tal-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ tobbliga lill-impriża biex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa li tirrigwarda l-fatti li hija tista’ tkun taf bihom u sabiex tibgħatilha, jekk ikun il-każ, id-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħha, anke jekk dawn jistgħu jservu biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ komportament antikompetittiv fil-konfron tal-impriża jew fil-konfrontt ta’ impriża oħra, hija ma tistax madankollu, permezz ta’ deċiżjoni ta’ talba għall-informazzjoni, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża li għandha l-impriża” ( 167 ). Dan ifisser li, kif tindika l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, “il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li bihom hija tkun qed tammetti l-eżistenza tal-ksur li l-prova tiegħu trid titressaq mill-Kummissjoni” ( 168 ).

462.

Din il-ġurisprudenza, li minn ċerti aspetti, tidher li hija kontradittorja, tiżvela d-diffikultajiet li tista’ tiltaqa’ magħhom il-qorti Komunitarja fl-istħarriġ tagħha tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi f’din it-tip ta’ proċedura.

463.

Dan l-istħarriġ għandu neċessarjament isir każ b’każ. Id-domanda li tqum hija b’mod partikolari dik dwar liema hija dik l-informazzjoni li tista’ tkun tali li tiżvela l-komportament antikompetittiv tal-impriżi fis-suq.

464.

Dawn il-kawżi ma jidhrux li jqajmu xi diffikultajiet konkreti f’dan ir-rigward.

465.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-domandi dwar il-laqgħat tal-impriżi, li huma intiżi biss sabiex jiksbu informazzjoni fattwali fuq il-kontenut ta’ dawn il-laqgħat u l-kapaċità tal-parteċipanti, kif ukoll it-trażmissjoni tad-dokumenti relatati magħhom ma jistgħux jiġu kkritikati ( 169 ).

466.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll li l-informazzjoni dwar is-suġġett u l-iżvolġiment tal-laqgħat li għalihom l-impriżi pparteċipaw kif ukoll ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat huma inkompatibbli mad-drittijiet tad-difiża, peress li huma ta’ natura li jobbligaw l-impriża kkonċernata tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ( 170 ).

467.

F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li t-talbiet tal-Kummissjoni kienu intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni sempliċiment fattwali fuq ir-round tables kollha, konstatazzjoni li, kif diġà għidt, ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

468.

Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tiddeċiedi, fil-punti 541 u 544 tas-sentenza appellata, li l-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni ma kienux tali li jiksru d-drittijiet tad-difiża tal-appellant.

469.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-ewwel argument ta’ RZB li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura volontarja tar-risposti għat-talbiet għall-informazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

ii) Fuq it-tieni argument li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-espożizzjoni komuni tal-fatti

— L-argumenti tal-partijiet

470.

Dan it-tieni argument tressaq minn RZB u BA-CA.

471.

Fl-ewwel lok, dawn iż-żewġ impriżi jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 556 tas-sentenza appellata kkunsidrat li spjegazzjonijiet kuntestwali rigwardanti prattiċi li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala kooperazzjoni fil-proċedura fis-sens tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u dan minħabba li huma jistgħu jikkostitwixxu mezz ta’ difiża għall-impriżi. Skont BA-CA, m’hemm ebda regola ta’ dritt li tgħid li dokument li l-partijiet jużaw għad-difiża tagħhom ma jistax, fl-istess ħin, jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni prezzjuża u utli fuq il-mertu, li jikkontribwixxu għall-konstatazzjoni tal-ksur.

472.

Fit-tieni lok, RZB isostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija skorretta peress li r-raġunament tal-Kummissjoni jmur kontra l-prassi deċiżjonali tagħha stess. F’dan ir-rigward, l-appellant jirreferi għall-kapitoli II, titolu A, punt 9(a) u IV tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-2006 ( 171 ).

473.

Fit-tielet lok, BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-utilità tal-kooperazzjoni volontarja tal-banek, il-fatt li dawn ma pprovdewlhiex “id-dokumenti kollha li jirrigwardaw ir-round tables” flimkien mal-espożizzjoni komuni tal-fatti. Fil-fehma tiegħu, ma teżisti ebda regola f’dan is-sens. Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata tal-ksur, l-appellant seta’ jipprovdi dawn id-dokumenti biss bil-mod maż-żmien.

474.

Fir-raba’ lok, BA-CA jsostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-espożizzjoni komuni tal-fatti kkontribwixxiet sabiex jiġi kkonstatat il-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonċediet ebda tnaqqis tal-multa lill-appellant.

— Kunsiderazzjonijiet

475.

Essenzjalment, RZB u BA-CA jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma annullatx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-banek użaw l-espożizzjoni komuni tal-fatti bħala motiv ta’ difiża. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad, mill-ewwel, dan l-argument bħala infondat, peress li hija l-Kummissjoni biss li għandha tevalwa safejn l-impriżi setgħu jikkooperaw għall-proċedura billi jipprovdu espożizzjoni komuni tal-fatti u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx ħlief irrispettat il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam.

476.

Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument ta’ RZB, nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tilqgħux. Minn banda, kif indikjat diġà, il-Kummissjoni mhijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Mill-banda l-oħra, RZB ma jistax jinvoka t-termini tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-2006, jiġifieri erba’ snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

477.

F’dak li jikkonċerna t-tielet argument imressaq minn BA-CA, dan jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll. Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, ġustament, tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam biex tiddeċiedi li din setgħet, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni tal-impriża, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura mhux kompluta tal-annessi mal-espożizzjoni komuni tal-fatti.

478.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nqis li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-espożizzjoni komuni tal-fatti pprovdut mill-appellanti mhija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi u ma fiha ebda kontradizzjoni.

479.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad il-kritika kollha magħmula f’dan ir-rigward minn RZB u BA-CA.

iii) Fuq it-tielet argument li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tar-rikonoxximent min-naħa ta’ RZB tal-għan antikompetittiv tal-ksur u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

— L-argumenti tal-partijiet

480.

RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fil-punt 559 tas-sentenza appellata hija injorat il-valur speċifiku tal-ammissjoni tiegħu, minkejja li l-Kummissjoni rreferiet espliċitament għaliha fil-kuntest tal-analiżi tagħha. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza jmur kontra l-ġurisprudenza tagħha peress li fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija rrikonoxxiet li r-rikonoxximent min-naħa ta’ impriżi dwar l-eżistenza ta’ akkordju illegali jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, din l-analiżi twassal biex jinkiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li, minkejja l-ammissjonijiet tiegħu, RZB ġie ttrattat bl-istess mod bħall-banek l-oħra. Għaldaqstant, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti tnaqqis ta’ mill-inqas 10% tal-multa li ġiet imposta lilu.

481.

Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni meħtieġa biex jinkiseb tnaqqis tal-multa b’iktar minn 10% ma kinitx sodisfatta, peress li hija diġà kellha xi dokumenti meħtieġa sabiex jiġu kkonstatati l-fatti essenzjali. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tikkostitwixxi strument ta’ investigazzjoni mogħni b’inċentivi finanzjarji u mhux miżura ta’ gratifikazzjoni fl-interess tal-impriżi li jaċċettaw li jikkooperaw mal-Kummissjoni, u tfakkar li hija għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk informazzjoni tikkontribwixxix sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ ksur.

— Kunsiderazzjonijiet

482.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

483.

Huwa minnu li, fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li “l-fatt li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ akkordju jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni iktar mis-sempliċi rikonoxximent tal-materjalità tal-fatti” ( 172 ). Dan huwa element bażiku tal-prinċipju li jeħtieġ, madankollu, li jiġi applikat għal kull każ ineżami, ħaġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet espliċitament fil-punt 559 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-impriżi fil-proċedura. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament u mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li jista’ jiġi kkontestat fl-istadju tal-appell, tikkunsidra li kienet il-Kummissjoni li kellha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ individwali, jekk tali ammissjoni ffaċilitatx effettivament ix-xogħol tagħha.

484.

F’dak li jikkonċerna, barra minn hekk, l-argument ta’ RZB ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali inkwantu huwa ġie ttrattat bl-istess mod bħall-banek l-oħra, u dan minkejja l-ammissjoni tiegħu, jidhirli li dan ma jistax ireġġi.

485.

Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-ammissjonijiet tal-appellant ma ffaċilitawx ix-xogħol tal-Kummissjoni, kriterju li fuqu jista’ jingħata tnaqqis fil-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkunsidra li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata tagħmel differenza bejn din l-impriżi u impriżi oħra billi tikkonċedilha, f’dan ir-rigward, tnaqqis addizzjonali mill-ammont tal-multa tagħha.

iv) Fuq ir-raba’ argument li huwa bbażat fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjon ta’ RZB u fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

— L-argumenti tal-partijiet

486.

RZB jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li invertiet l-oneru tal-prova meta, fil-punti 546 sa 551 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li biex jikseb tnaqqis tal-multa ta’ iktar minn 10% l-appellant kellu jipprova li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova l-ksur mingħajr il-provi offruti. Minn banda, din l-analiżi tmur kontra t-tieni inċiż tat-titolu D, punt 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u tikser, konsegwentement, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Mill-banda l-oħra, l-imsemmija analiżi mhijiex konċiljabbli mal-obbligu li l-Kummissjoni għandha li, fil-proċeduri amministrattivi, tistabbilixxi kemm iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li huma favorevoli u kif ukoll dawk li mhumiex favorevoli.

— Kunsiderazzjonijiet

487.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan l-argument. Fil-fatt, jidhirli li RZB iħawwad mill-ġdid il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, dwar it-talbiet għall-informazzjoni li tista’ tagħmel il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, u l-każijiet li fihom huwa jista’ jibbenefika minn tnaqqis tal-multa fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

488.

RZB jikkontesta r-raġunament li adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 551 tas-sentenza appellata. Dan ir-raġunament jidħol fil-kuntest tar-risposti għat-talbiet għall-informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 17. L-appellant, għaldaqstant, ma jistax jinvoka ksur tat-test tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, a fortiori, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

489.

Barra minn hekk, RZB ma jistax issostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tmur kontra r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova.

490.

Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni hija strument ta’ investigazzjoni li jippermetti lill-Kummissjoni tikseb informazzjoni fuq l-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni billi tinċentiva finanzjarjament lill-impriżi sabiex jikkooperaw fil-proċedura. Kif indikajt fil-punti 420 u 422 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża sseħħ fil-kuntest ta’ talba għall-informazzjoni magħmula skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, l-istess impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa biss jekk l-informazzjoni li hija tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni tkun ħafna iktar minn dik li l-Kummissjoni tista’ titlob bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Il-komportament ta’ din l-impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni u jippermettilha tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultajiet.

491.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha effettivament iġġib il-prova tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li hija tikkonstata ( 173 ), mill-banda l-oħra, hija l-impriża li titlob it-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha li għandha turi li l-kollaborazzjoni tagħha għenet lill-Kummissjoni fit-twettiq ta’ xogħolha.

492.

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma invertiet l-oneru tal-prova fuq l-impriżi meta, fil-punt 551 tas-sentenza appellata, ddeċidiet li “r-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-dokumenti mogħtija bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni kienu neċessarji sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tidentifika r-[round tables] essenzjali kollha u lanqas li fin-nuqqas tagħhom [il-provi] miksuba permezz tal-investigazzjonijiet kienu insuffiċjenti sabiex turi s-sustanza tal-ksur u sabiex tadotta deċiżjoni li timponi multi”,

493.

Għaldaqstant, jidhirli li r-raba’ argument imressaq minn RZB huwa infondat.

v) Fuq il-ħames argument li huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt u fuq motivazzjoni kontradittorja fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-valur tad-dokumenti addizzjonali mibgħuta minn BA-CA

— L-argumenti tal-partijiet

494.

Essenzjalment, BA-CA jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-valur ta’ 33 fajl li kien fihom iktar minn 10000 paġna ta’ dokumenti, li huwa bagħat lill-Kummissjoni.

495.

Fl-ewwel lok, BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żvalutat il-kooperazzjoni tiegħu meta saħqet bla waqfien fuq ir-rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti biex wieħed jibbenefika minn tnaqqis tal-multa. L-appellant jikkritika, b’mod partikolari, il-paragun li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza bejn il-valur li jeħtieġ li jingħata lil dawn id-dokumenti u l-valur li għandu jingħata lill-espożizzjoni komuni tal-fatti.

496.

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa kontradittorju, peress li dan iwassal għar-rifjut, minħabba l-espożizzjoni komuni tal-fatti, li jingħata tnaqqis tal-multa fin-nuqqas ta’ dokumenti ġodda, minkejja li huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-preżentazzjoni volontarja tad-dokumenti, huwa bagħat 10000 paġna ta’ dokumenti ġodda li parti minnhom ġew bla dubju użati fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni.

497.

Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument peress li dan jirriproduċi argument li tressaq diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li dokumenti jkunu ġodda, jiġifieri jkunu għadhom ma ġewx ippreżentati, mhuwiex biżżejjed minnu nnifsu sabiex l-imsemmija dokumenti jkunu ta’ kontribut utli għall-finijiet tal-kooperazzjoni.

— Kunsiderazzjonijiet

498.

Fil-punt 560 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali minn wieħed mill-banek ikkonċernati tista’ tiġġustifika tnaqqis ulterjuri fil-multa tiegħu fuq bażi individwali biss jekk din il-kooperazzjoni tkun effettivament ipprovdiet provi ġodda u utli meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti flimkien mill-impriżi kollha.

499.

Minn banda, din l-analiżi jidhirli li hija perfettament loġika u koerenti, inkwantu l-valur tal-kooperazzjoni volontarja jiddependi qabel xejn fuq ir-rilevanza tad-dokumenti prodotti u l-utilità tal-istess dokumenti sabiex jiġi kkonstatat il-ksur.

500.

Mill-banda l-oħra, l-imsemmija analiżi ma tidhirx li hija vvizzjata b’ebda kontradizzjoni. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li jsostni BA-CA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrifjutatx li tnaqqas l-ammont tal-multa tal-appellanti minħabba li l-espożizzjoni komuni tal-fatti ma kienx fiha ebda element ġdid. Hija ddeċidiet sempliċiment, kif jirriżulta mill-punti 552 sa 558 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkonċediet ebda tnaqqis addizzjonali minħabba li din l-espożizzjoni ma kinitx iffaċilitatilha xogħolha.

501.

Kemm fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-espożizzjoni komuni tal-fatti u kif ukoll f’dak tal-eżami tagħha tal-valur tad-dokumenti addizzjonali miġjuba minn BA-CA, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat raġunament perfettament koerenti li huwa bbażat fuq l-istess kriterju waħdieni, jiġifieri l-utilità għax-xogħol tal-Kummissjoni u r-rilevanza tal-informazzjoni mibgħuta mill-appellanti.

502.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tkun is-suġġett ta’ ebda kritika min-naħa tal-appellant u nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan il-ħames argument bħala infondat.

vi) Fuq is-sitt argument li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti ta’ BA-CA għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

— L-argumenti tal-partijiet

503.

BA-CA jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 564 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni, bħala kooperazzjoni, ir-risposta tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, l-appellant, b’din ir-risposta, ipprovda l-prova dwar l-iskambju tal-informazzjoni li sar fi ħdan is-setturi deċentralizzati, ħaġa li ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur. Barra minn hekk, m’hemm xejn li jeskludi l-kooperazzjoni ta’ impriża wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

— Kunsiderazzjonijiet

504.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument mhuwiex ammissibbli, peress li BA-CA jillimita ruħu li jirriproduċi testwalment argument li huwa espona diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fid-dawl tal-prinċipji li fakkart fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-argument ma jistax għalhekk jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

505.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jidhirli li t-tieni parti li hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

3. Fuq it-tielet parti li hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu dawn jinvolvu d-dritt għal smigħ

a) L-argumenti tal-partijiet

506.

BA-CA jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt għal smigħ tiegħu meta rrifjutat li tisma’ xhud partikolari, li f’dan il-każ kien uffiċjal tal-Kummissjoni, li seta’ jippermetti lill-qorti Komuitarja li tevalwa aħjar il-kooperazzjoni tal-appellant fil-proċedura permezz tad-dokumenti li huwa kien bagħat.

b) Kunsiderazzjonijiet

507.

Fl-opinjoni tiegħi din il-parti għandha tiġi miċħuda.

508.

Fil-punt 563 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx din it-talba għal miżuri istruttorji minħabba li “din l-offerta ta’ prova [ma kinitx] direttament rilevanti sabiex tiġi evalwata l-utilità tal-imsemmija dokumenti”. Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-użu tad-dokumenti ma jurix, fih innifsu, li l-produzzjoni tagħhom kienet iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni fuq livell sostanzjali.

509.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-Qorti tal-Prim’Istanza biss li għandha tiġġudika dwar in-neċessità eventwali li l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi li jkollha quddiemha jiġu kkompletati. Il-valur probatorju ta’ dawn il-provi jidħol fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni, għalhekk, ma tistax tiġi mistħarrġa minnha meta hija tkun qed tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, sakemm il-partijiet ma jsostnux li kien hemm żnaturazzjoni tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta mill-atti tal-proċess ( 174 ).

510.

L-ebda indikazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-appell ippreżentat minn BA-CA ma tippermettili naħseb li dan kien il-każ f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li ma laqgħetx l-offerta ta’ prova tal-appellant.

511.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi t-tielet parti tat-tielet aggravju hija infondata u għandha tiġi miċħuda.

512.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara t-tielet aggravju, dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-impriżi fil-proċedura, parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli u sabiex tiċħdu.

D — Fuq ir-raba’ aggravju li huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu dawn jinkludu d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jikkonċerna l-konklużjonijiet tagħha fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi

1. L-argumenti tal-partijiet

513.

Fil-kuntest tal-appell tiegħu, BA-CA jikkritika l-konklużjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jikkonċerna t-talbiet kollha intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi. Huwa jsostni li, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza semmiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-ammont tal-multi li jridu jiġu imposti, huwa kellu jingħata l-opportunità li jinstema’.

514.

Il-Kummissjoni tirrileva li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 566 tas-sentenza appellata mhumiex ħlief kunsiderazzjonijiet addizzjonali u finali, li jesponu l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

2. Kunsiderazzjonijiet

515.

Fil-punt 566 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li, “fid-dawl tal-gravità tal-ksur, li skontha l-livell tal-multi ffissati mill-Kummissjoni dehru ftit għolja, Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ma tiġġustifika, f’dan il-każ, ebda tnaqqis addizzjonali tal-multi imposti fuqhom.”

516.

Barra minn hekk, fil-punt 570 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li il-motivi tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi abbażi ta’ stħarriġ tal-legalità għandhom jiġu miċħuda u li, fl-opinjoni tagħha, ma hemmx lok li jingħata tnaqqis tal-multi, abbażi tal-eżerċizzji tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għal raġunijiet oħra.

517.

Ma jidhirlix li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet obbligata li, qabel tagħti l-konklużjonijiet tagħha, tistieden lil BA-CA jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Nikkunsidra, fil-fatt, li l-appellant seta’ jagħti l-fehma tiegħu b’mod utli f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tal-multa.

518.

Dan joħroġ, fl-ewwel lok, mill-argument invokat minn BA-CA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u fit-tieni lok, mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti msemmija, u fit-tielet lok, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata.

519.

Fl-ewwel lok, nirrileva li erba’ mis-sitt motivi mressqa mill-appellant quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienu intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta. Dawn il-motivi kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-ksur, l-eżistenza taċ-ċirkustanzi attenwanti u l-kooperazzjoni tal-appellant fil-proċedura.

520.

Fit-tieni lok, nikkonstata li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet diversi mistoqsijiet, li kellhom jitwieġbu bil-miktub mill-appellant, dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u l-kooperazzjoni tiegħu fil-proċedura.

521.

Fit-tielet lok, fis-sentenza appellata, u fid-dawl tal-argumenti kollha magħmula quddiemha, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, b’mod dettaljat ħafna, l-elementi rilevanti kollha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa.

522.

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 216 sa 571 tas-sentenza appellata, it-talbiet kollha intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi li ġew imposti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, ikkonfermat, fil-punti 217 et seq ta’ din is-sentenza, l-applikabbiltà tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Hija kkonfermat, sussegwentement, fil-punt 315 tas-sentenza msemmija, in-natura serja ħafna tal-ksur imwettaq mill-appellanti. F’dan l-isfond, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 463 tas-sentenza appellata, iddeċidiet fuq it-tqassim f’kategoriji tal-impriżi li kienet għamlet il-Kummissjoni, u fil-punt 468 tal-istess sentenza, iddeċidiet fuq iż-żieda tal-ammont tal-multi li l-Kummissjoni effetwatt minħabba t-tul tal-ksur. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, imbagħad, fil-punt 511 tas-sentenza msemmija, ċaħdet l-ilmenti kollha tal-appellanti rigwardanti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti kif ukoll, fil-punt 565 tas-sentenza appellata, il-motivi kollha bbażati fuq il-ksur tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

523.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li BA-CA seta’ jesponi b’mod adegwat il-fehma tiegħu dwar l-elementi rilevanti kollha relatati mal-iffissar tal-ammont tal-multa.

524.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan ir-raba’ aggravju peress li huwa infondat.

X — Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

525.

Kif indikajt diġà, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żewġ żbalji ta’ dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi.

526.

Fil-fatt, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet l-ewwel żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-ftehim biex tasal għall-konklużjoni li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq. Inqis, barra minn hekk, li hija wettqet it-tieni żball ta’ liġi u vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, meta attribwiet lil Erste, lil RZB u lil ÖVAG l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom, ippenalizzathom biss għall-komportament tagħhom stess.

527.

Peress li l-kawża qiegħda, fil-fehma tiegħi, fl-istat li tiġi deċiża, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq dawn iż-żewġ motivi għal annullament imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

A — Fuq l-ewwel motiv li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont bażiku tal-multa fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

1. L-argumenti tal-partijiet

528.

Fir-rikors għal annullament li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-banek kollha kkonċernati kkontestaw il-mod li bih il-Kummissjoni stabbiliet l-ammont bażiku tal-multi ( 175 ). Huma sostnew li l-ksur ġie żbaljatament kklassifikat bħala serju ħafna. L-appellanti jakkużaw, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni li ma eżaminatx l-impatt konkret tal-ksur fuq is-swieq ikkonċernati u li kkuntentat ruħha biss li tiddikjara, abbażi tas-sempliċi allegazzjoni tal-implementazzjoni tal-akkordju, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq, mingħajr ma eżaminat l-importanza tiegħu, u dan bi ksur tal-linji gwida. Konsegwentement, id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa hija żbaljata.

2. Kunsiderazzjonijiet

529.

Jidhirli li dan il-motiv huwa fondat, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

530.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-ksur, tal-portata ġeografika tiegħu u tal-eżistenza ta’ effett tal-akkordju fuq is-suq. Dan l-element ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ksur u għaldaqstant fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata bis-sempliċi qari litterali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

531.

Fil-punt 430 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ effetti konkreti fuq is-suq bankarju li jirriżultaw, f’dan il-każ, mill-implementazzjoni tal-ftehim kollużivi, u dan anke jekk hija tiddikjara, fil-premessa 436 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li mhuwiex possibbli li dawn jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni, jiġifieri li tiġi stabbilita kull rata u kull kummissjonijiet li l-banek kienu japplikaw li kieku ma kienx hemm ftehim. L-effetti konkreti tal-akkordju li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa jinsabu fil-premessi 508 sa 510 tad-deċiżjoni msemmija. Dawn jirreferu għall-premessi 410 u 430 sa 436 tad-deċiżjoni inkwistjoni li ma jagħmlux ħlief jiddeskrivu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-mod li bih il-banek applikaw il-ftehim inkwistjoni.

532.

Il-punt 431 tad-deċiżjoni inkwistjoni tirreferi għal eżempji konkreti tal-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-kartell, bħalma huma t-tnaqqis fir-rati fuq il-krediti jew il-bdil tar-rati fuq id-depożiti tat-tfaddil. Il-punt 432 ta’ din id-deċiżjoni tispjega li l-banek inqdew, għal dan il-għan, bl-informazzjoni miġbura waqt ir-round tables u l-premessa 433 tad-deċiżjoni msemmija tgħid li l-banek evalwaw huma stess l-applikazzjoni konkreta tal-ftehim tagħhom. Fil-punt 434 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tirrileva li, li kieku l-laqgħat ma kellhom ebda effett, il-banek ma kinux jiltaqgħu regolarment u daqshekk ta’ spiss. Finalment, fil-punt 435 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni kkaġuna fuq il-metodi u l-parametri tal-kalkolu għandhom jitqiesu li huma iktar gravi meta r-rati tal-interessi tal-banek ikunu baxxi.

533.

Mid-deċiżjoni inkwistjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni ppruvat, kemm jista’ jkun, teżamina b’mod separat l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq. Fl-analiżi tagħha, jidhirli li l-Kummissjoni ma ssemmi ebda fattur ekonomiku oġġettiv li jippermetti li jitkejjel, fis-sens strett tal-kelma, l-impatt konkret tal-ftehim fuq is-suq Awstrijak tal-prodotti u servizzi bankarji. Fil-fatt, imkien ma ssir riferenza għas-sitwazzjoni tas-suq, kif ukoll għall-prezzijiet u l-kummissjonijiet bankarji imposti qabel ma twettaq il-ksur u wara li l-istess ksur ġie implementat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa effettivament diffiċli li jintwera safejn l-implementazzjoni tal-ftehim setgħet realment tinfluwenza l-istruttura tas-suq jew il-livell tal-prezzijiet li l-akkordju inkwistjoni kien proprju intiż biex jikkontrolla ( 176 ). Barra minn hekk, l-indizju msemmi fil-punt 434 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li huwa bbażat fuq il-laqgħat regolari tal-banek, fil-fehma tiegħi, huwa biss konġettura.

534.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nħoss li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont id-dritt u għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq tal-prodotti u servizzi bankarji għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1995 u Lulju 1998.

535.

F’dan l-istadju jeħtieġ li tiġi analizzata l-portata ta’ din il-konklużjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur u fir-rigward tal-ammont bażiku adottat mill-Kummissjoni.

536.

Fl-ewwel lok, jien jidhirli li l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna.

537.

Fil-fatt, għar-raġunijiet li semmejt diġà fil-punti 259 sa 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ftehim li jiffissaw il-prezzijiet, bħalma huma dawk inkwistjoni, jistgħu, minħabba n-natura tagħhom stess, jikkostitwixxu ksur serju ħafna, indipendentement mill-impatt konkret tagħhom fuq is-suq u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li dawn il-ftehim jinsabu fost l-eżempji ta’ akkordji li huma espliċitament iddikjarati bħala li huma inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(a) KE. Apparti l-bdil serju fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jġibu magħhom, dawn l-akkordji, inkwantu jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw il-prezzijiet, joħolqu ostakli għad-dħul fis-suq, u b’hekk ixejnu l-obbjettiv prinċipali ta’ integrazzjoni tas-suq Komunitarju tat-Trattat KE.

538.

Barra minn hekk, jidhirli li l-Kummissjoni, fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, ma tatx importanza kbira lill-kriterju tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi oħra wkoll, jiġifieri l-konstatazzjoni li l-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala serju ħafna minħabba n-natura tiegħu stess (punti 506 u 507 tad-deċiżjoni inkwistjoni) u minħabba l-livell li l-impriżi kkonċernati, minħabba l-kapaċità ekonomika tagħhom, setgħu jiddistorċu l-kompetizzjoni (punti 515 sa 519 tal-motivi tal-istess deċiżjoni).

539.

Konsegwentement, inħoss li l-Kummissjoni setgħet legalment tikklassifika l-ksur bħala serju ħafna.

540.

Mill-banda l-oħra, insostni li l-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx l-allegati effetti tal-ksur fuq is-suq jikkonfuta l-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa stabbilit skont il-gravità tal-istess ksur. Fil-fatt, kif esponejt preċedentement, il-Kummissjoni stabbiliet l-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi ksur, fil-fehma tagħha, kellu effetti fuq is-suq, minkejja li tali impatt ma ġiex ippruvat fir-rigward tal-perijodu li matulu l-akkordju dam fis-seħħ.

541.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ dan il-motiv u, filwaqt li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tbiddel l-ammont inizjali tal-multi li l-Kummissjoni stabbiliet fil-konfront tal-appellanti fil-punt 520 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

542.

Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi indikat il-metodu li l-Kummissjoni adottat biex tikkalkula l-ammont ta’ dawn il-multi.

543.

Mill-punti 515 sa 519 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ppiżat l-ammont tal-multa stabbilit fil-linji gwida, għall-każijiet ta’ ksur serji ħafna, fl-ammont ta’ EUR 20 miljun, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, minn banda, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, u mill-banda l-oħra, il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull impriża, kif ukoll sabiex tiġi żgurata n-natura dissważiva tal-multa ( 177 ).

544.

F’dan ir-rigward, mill-punt 519 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi f’ħames kategoriji, skont l-informazzjoni disponibbli fuq sehemhom tas-suq. Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 143 tar-risposta tagħha, għal kull kategorija ta’ impriżi l-Kummissjoni ffissat valuri ta’ gwida li madwarhom jinsabu l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati. Mill-punt 520 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li hija stabbiliet ukoll ammont fiss tal-multa għal kull kategorija ta’ impriżi.

545.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, skont il-ġurisprudenza, id-differenzi bejn dawn il-valuri ta’ gwida huma koerenti u oġġettivament iġġustifikati għal dak li jikkonċerna l-ewwel sar-raba’ kategorija ( 178 ). Fir-rigward tal-ħames kategorija, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet, fil-punti 424 sa 427 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi kklassifikat lill-impriżi kollha li s-sehem tas-suq tagħhom huwa ta’ inqas minn 1% f’din il-kategorija, minkejja d-differenzi fid-daqs tagħhom.

546.

Din hija l-bażi tal-kalkolu tal-Kummissjoni:

 

Valuri ta’ gwida tal-ishma tas-suq

Ammont bażiku tal-multa (f’miljuni ta’ EUR)

Kategorija I (GiroCredit/Erste u RZB)

> 22%

25

Kategorija II (BA u CA)

11%

12,5

Kategorija III (Erste qabel ma ngħaqad ma’ GiroCredit, BAWAG u ÖVAG)

5,5%

6,25

Kategorija IV (PSK u PSK-B)

2,75%

3,13

Kategorija V (NÖ-Hypo u RBW/RLB)

< 1%

1,25

547.

Ma nafx sa fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju bbażat fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq biex tikkalkula l-ammont bażiku tal-multa. Lanqas ma naf il-parti li dan il-kriterju kellu meta mqabbel maż-żewġ kriterji l-oħra bbażati fuq is-saħħa ekonomika tal-impriża u fuq in-natura dissważiva tal-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nsostni li ż-żieda li għamlet il-Kummissjoni tikkostitwixxi ammont wieħed indiviżibbli.

548.

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-impriżi li jaqgħu fl-ewwel kategorija, jiġifieri GiroCredit/Erste (wara li ngħaqdu) u RZB, nikkonstata li l-ammont bażiku stabbilit fl-ammont ta’ 20 miljun EUR għall-ksur serju ħafna ġie miżjud b’5 miljun EUR sabiex jieħu inkunsiderazzjoni dawn it-tliet kriterji. Biex jixxejjnu l-effetti marbutin maż-żieda tal-multa li seħħet minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni, żbaljat, tal-kriterju bbażat fuq l-impatt konkret tal-ksur u fid-dawl tal-kummenti li għadni kif esponejt, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tnaqqas dan l-ammont għal 20 miljun ewro, jiġifieri l-ammont stabbili għal ksur serju.

549.

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-impriżi li jaqgħu fil-kategoriji l-oħra, fosthom BA-CA u ÖVAG, nikkonstata li dan l-ammont ġie mnaqqas, b’mod sostanzjali, minħabba s-saħħa ekonomika ridotta ta’ dawn l-impriżi. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplikalhom rata ta’ tnaqqis ekwivalenti għal dik li nipproponi fir-rigward tal-impriżi fl-ewwel kategorija, jiġifieri tnaqqis ta’ għoxrin fil-mija tal-ammont bażiku tal-multa.

550.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fid-dawl tan-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, tbiddel l-ammonti bażiċi tal-multi li ġew imposti mill-Kummissjoni lil Erste, lil RZB, lil BA-CA u lil ÖVAG skont il-gravità tal-ksur kif ġej:

 

Destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni

Ammont bażiku tal-multa fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (f’miljuni ta’ ewro)

Kategorija I

GiroCredit/Erste (wara li ngħaqdu)

20

 

RZB

20

Kategorija II

BA

10

 

CA

10

Kategorija III

Erste (EÖ qabel ma ngħaqad ma’ GiroCredit)

5

 

ÖVAG

5

B — Fuq it-tieni motiv li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji ta’ Erste, ta’ RZB u ta’ ÖVAG għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kif ukoll tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

551.

Fir-rikors għal annullament li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Erste, RZB u ÖVAG sostnew li l-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji kienet illegali peress li l-Kummissjoni attribwitilhom, bħala kumpanniji ewlenin, rispettivament, tas-setturi deċentralizzati tal-banek ta’ tfaddil, tal-banek Raiffeisen u tal-banek popolari, l-ishma tas-suq tas-setturi kollha rispettivi tagħhom.

1. Fuq id-deċiżjoni inkwistjoni

552.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tiġġustifika l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, tal-ishma tas-suq tas-setturi deċentralizzati rispettivi tagħhom permezz tal-premessi li ġejjin:

“(515)

Għal dak li jikkonċerna l-ksur li għandu f’dan il-każ jiġi kkaratterizzat bħala serju ħafna, l-iskala tal-multi li għandhom jiġu imposti tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikanti. [Din l-iskala tippermetti] ukoll li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa għal livell li jassigura li hija għandha effett suffiċjentement dissważiv. Dan it-tip ta’ trattament iddivrenzjat huwa b’mod partikolari neċessarju f’dan il-każ, peress li hemm differenzi kbar bejn l-impriżi u l-gruppi li pparteċipaw fil-ksur.

(516)

F’dan il-każ, il-partikolaritajiet tas-suq bankarju Awstrijak għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ma jkunx fil-fatt realistiku li tiġi ridotta l-importanza ta’ Erste, ta’ RZB u ta’ ÖVAG fi ħdan in-netwerk, kif ukoll il-kapaċità effettiva tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni b’detriment għal konsumaturi, għall-attivitajiet tagħhom rispettivi bħala banek kummerċjali.

(517)

Għall-kuntrarju, il-fajl juri b’mod ċar ħafna li dawn l-impriżi, bħala mexxejja tal-gruppi rispettivi tagħhom, ikkontribixxew għall-effiċjenza tan-netwerk fl-Awstrija kollha permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni intensivi fi ħdan il-grupp. Dawn l-istabbilimenti ma rrappreżentawx biss l-interessi proprji tagħhom, iżda wkoll dawk tal-gruppi rispettivi tagħhom, u kienu, f’dan is-sens, ikkunsidrati mill-parteċipanti l-oħra bħala r-rappreżentanti ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, ma kienx hemm biss ftehim bejn il-banek differenti, iżda wkoll bejn il-gruppi.

(518)

Il-fatt li jiġu injorati l-gruppi wara l-istituzzjonijiet li jmexxuhom — gruppi tal-banek ta’ tfaddil, gruppi tal-[banek Raiffeisen] u gruppi ta’ banek popolari — ikun jammonta għall-iffissar ta’ multi mhux xierqa u ’l bogħod mir-realtà ekonomika u li ma jkollhom ebda effett dissważiv. Il-multi jkollhom effett dissważiv biss jekk dawn il-kumpanniji li jmexxuhom ma jipparteċipawx iktar fil-futur fil-prattiċi miftiehma bħala rappreżentanti tal-gruppi tagħhom rispettivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

553.

Fil-punt 519 tad-deċiżjoni inkwistjoni, għaldaqstant il-Kummissjoni kklassifikat lil GiroCredit/Erste kif ukoll lil RZB fl-ewwel kategorija u lil ÖVAG fit-tielet kategorija, u kkalkulat l-ammont bażiku tal-multa tagħhom abbażi ta’ dan it-tqassim.

2. Sunt tal-argumenti tal-partijiet ( 179 )

554.

Fl-ewwel lok, Erste, RZB u ÖVAG jiddikjaraw li l-Kummissjoni kisret, fuq livell ġuridiku, il-kundizzjonijiet li fihom hija ammissibbli l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq ta’ impriża lill-oħra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huma jesponu li l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, tal-ishma tas-suq tal-banek li jappartjenu għas-setturi deċentralizzati rispettivi tagħhom twassal biex jiġi imputata lilhom il-komportament ta’ dawn il-banek kollha. Huma jiddikjaraw li din l-imputazzjoni hija nieqsa minn bażi legali u tmur kontra n-natura personali tar-responsabblità għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u dan peress li s-setturi ma jistgħux jitqiesu bħala unitajiet ekonomiċi.

555.

Fit-tieni lok, Erste u ÖVAG isostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u l-obbligu ta’ motivazzjoni. Erste jakkuża lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu inkwantu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tirreferi għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li timputa lill-istabbiliment ċentrali l-ishma tas-suq tal-gruppi tagħhom. Barra minn hekk, Erste u ÖVAG isostnu li la l-allegata komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-banek deċentralizzati u lanqas l-allegata rappreżentanza tagħhom mill-kumpanniji ewlenin ma ssemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

556.

Fit-tielet lok, Erste, RZB u ÖVAG jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni biex tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti. Huma essenzjalment jakkużaw lill-Kummissjoni li injorat l-indipendenza ġuridika u ekonomika tal-banek deċentralizzati, billi enfasizzat li huma ma setgħux jagħtu struzzjonijiet lill-istabbilimenti tas-setturi tagħhom.

557.

Fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji ewlenin u l-banek deċentralizzati, RZB jammetti li tali skambju seħħ fi ħdan is-settur tiegħu, imma huwa jikkontesta li kienu speċifikatament inħolqu mekkaniżmi interni u ta’ rappreżentazzjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-ftehim.

558.

Barra minn hekk, Erste u RZB jikkontestaw il-konstatazzjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fil-punti 61 u 517 tad-deċiżjoni inkwistjoni, fejn jingħad li huma kienu r-“rappreżentanti” tas-setturi deċentralizzati tagħhom u/jew kienu meqjusa bħala tali mill-banek l-oħra. Finalment, Erste jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-allegata influwenza tar-round tables ta’ Vjenna fuq dawk li kien hemm fuq livell reġjonali biex tiġġustifika l-imputazzjoni kkontestata.

559.

Il-Kummissjoni ssostni fuq kollox li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-imputazzjoni tal-komportament illegali ta’ impriża lil impriża oħra u l-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, u hija tiddikjara li ppenalizzat lil kull waħda mill-kumpanniji ewlenin biss għall-komportament tagħha stess, jiġifieri għall-kontribuzzjoni tagħha fil-funzjonament tal-akkordju fit-territorju Awstrijak kollu permezz tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni destinata għall-istabbilimenti tas-settur deċentralizzat tagħha jew provenjenti minnhom. Skont il-Kummissjoni, l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ unità ekonomika u fuq ir-regoli applikabbli għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għaldaqstant mhumiex rilevanti. Hija ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma tas-suq kien iġġustifikat, fid-dawl tal-linji gwida, mill-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva tal-kumpanniji ewlenin li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-kumpanniji ewlenin, flimkien mal-gruppi tagħhom, jiffurmaw unitajiet li jeżerċitaw attività ekonomika komuni, li huma paragunabbli mal-unitajiet ekonomiċi.

3. Kunsiderazzjonijiet

560.

Fl-opinjoni tiegħi l-ewwel ilment imressaq minn Erste, RZB u ÖVAG huwa fondat.

561.

Fil-fatt, jidhirli li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkalkula l-ammont tal-piena li hija riedet timponi fuq dawn l-impriżi, bħala kumpanniji ewlenin, billi tattribwilhom l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom, minkejja li hija ma imputatilhomx il-komportament illegali ta’ dawn il-banek.

562.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss il-“kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur” għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

563.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li ħlief fir-rigward ta’ RLB, li huwa wieħed mit-tmien banek reġjonali tas-settur Raiffeisen, l-Kummissjoni ma fittxitx, skont l-Artikolu 81(1) KE, lill-banek tas-setturi deċentralizzati.

564.

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni lanqas ma riedet timputa lill-kumpanniji ewlenin ir-responsabbiltà għall-ksur li setgħu wettqu l-banek tas-setturi deċentralizzati.

565.

Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni hija indirizzata biss lil Erste, lil RZB u lil OVÄG, bħala stabbilimenti ċentrali, imma ma tirrigwardjahomx bħala rappreżentanti, li jaġixxu f’isem u fl-interess tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom.

566.

Qari sempliċi tal-punt 9 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tirrigwarda l-istabbilimenti ta’ kreditu destinatarji tad-deċiżjoni msemmija, huwa biżżejjed biex juri dan:

“b)

[Erste]

Bl-għaqda ma’ GiroCredit Bank Aktiengesellschaft der Sparkassen […], li saret effettiva fl-4 ta’ Ottubru 1997, Erste saret il-kumpannija ewlenija fin-netwerk ta’ banek ta’ tfaddil [in-netwerk tal-banek ta’ tfaddil huwa kkaratterizzat b’rabtiet partikolari, li jagħtuh struttura assimilabbli ma dik ta’ grupp. Fil-kwalità tiegħu ta’ kumpannija ewlenija, Erste għandu joffri numru ta’ servizzi lill-istabbilimenti marbutin miegħu, bl-istess mod li huwa obbligat iwettaq xogħlu fl-osservanza tal-interessi tagħhom — u minn dan jitwieled netwerk strett ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi], li jgħodd madwar 70 stabbiliment […]. In-netwerk ta’ banek ta’ tfaddil, Erste inkluż, għandu sehem tas-suq ta’ madwar 30% [waħdu, Erste għandu sehem tas-suq ta’ kważi 7%] […]

ċ)

[RZB]

RZB hija l-kumpannija ewlenija tal-grupp ta’ banek Raiffeisen. Dan il-grupp huwa kkostitwit fuq struttura bi tliet livelli [l-ewwel livell huwa kompost minn madwar 615-il bank lokali li għandhom personalità ġuridika. Fit-tieni livell, jiġifieri fil-livell tal-Bundesländer, hemm joperaw tmien banek reġjonali (ir-Raiffeisen-Landesbanken). It-tielet livell huwa kkostitwit minn RZB, li l-ishma tagħha huma miżmuma b’iktar minn 80% mill-banek reġjonali. Il-banek lokali huma entitajiet indipendenti, li mhumiex suġġetti għal ebda struzzjonijiet kwalsiasi min-naħa tal-banek reġjonali u/jew ta’ RZB]. Il-grupp għandu sehem tas-suq ta’ madwar 22% […]. Apparti l-funzjoni tiegħu ta’ rappreżentant tal-grupp ta’ banek Raiffeisen, RZB jwettaq huwa stess operazzjonijiet bankarji u jispeċjalizza fl-attivitajiet barra mill-pajjiż u l-pariri finanzjarji lill-klijenti l-kbar [waħdu RZB jirrappreżenta sehem tas-suq ta’ kważi 2%].

[…]

f)

[ÖVAG]

ÖVAG hija l-kumpannija ewlenija tal-grupp ta’ banek popolari, kostitwit fuq stuttura b’żewġ livelli, peress li huwa jgħodd, bażikament, xi 60 stabbiliment indipendenti. Il-banek popolari jaħdmu f’kooperazzjoni stretta f’oqsma importanti, […] u huma, barra minn hekk, azzjonisti maġġoritarji [ta’] ÖVAG. Is-sehem tas-suq tal-grupp tal-banek popolari huwa ta’ madwar 7% [waħdu, ÖVAG jirrappreżenta sehem tas-suq ta’ inqas minn 1%] […]

[…]

h)

[RLB]

Fl-1997, [RBW] ġie assorbit minn RLB, li kien l-azzjonist prinċipali tiegħu [qabel, RLB kien jinnegozja f’ismu stess biss b’mod limitat ħafna]. Il-kamp ta’ attività ta’ RLB/RBW huwa limitat għall-belt ta’ Vjenna, fejn huwa għandu sehem tas-suq ta’ madwar 5%” ( 180 ).

567.

Din l-espożizzjoni tagħtina indikazzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-entitajiet li l-Kummissjoni riedet tfittex taħt l-Artikolu 81(1) KE. Din tippermetti li wieħed jifhem aħjar l-istruttura tal-gruppi bankarji u tindika b’mod ċar ħafna li ċerti banek tas-setturi deċentralizzati, f’dan il-każ dawk li jappartjenu lis-settur Raiffeisen, “huma entitajiet indipendenti, li mhumiex suġġetti għal ebda struzzjonijiet kwalsiasi min-naħa tal-banek reġjonali u/jew ta’ RZB”  ( 181 ).

568.

La minn din l-espożizzjoni u saħansitra lanqas mill-elementi indikati fil-kumplament tal-analiżi tal-Kummissjoni ma jirriżulta li l-kumpanniji ewlenin kienu jiffurmaw unità ekonomika mal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom u li setgħu, fid-dawl tar-rwol tagħhom fi ħdan il-gruppi bankarji, jorbtu lill dawn il-banek ( 182 ).

569.

Dan joħroġ b’mod iktar ċar mill-fatt li l-Kummissjoni fittxet, b’mod individwali, lil RLB, jiġifieri wieħed mill-banek reġjonali tas-settur Raiffeisen, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fin-“netwerk Lombard” u imponietlu multa li hija kkalkulat fuq is-sehem tas-suq stess tal-impriża. Għal dak li jikkonċerna s-settur Raiffeisen, il-Kummissjoni, għalhekk, fittxet speċifikatament lil bank tat-tieni livell, li kien jopera fuq livell reġjonali, jiġifieri RLB u bank tat-tielet livell, li kien jopera fuq livell ċentrali, jiġifieri RZB.

570.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, ma kellha ebda possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-banek tas-setturi deċentralizzati u inqas u inqas li tattribwixxiha lill-kumpanniji ewlenin li ġew imfittxija minħabba l-komportament tagħhom stess.

571.

Il-fatt li l-Kummissjoni ssemmi fil-punt 517 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li jgħid li Erste, RZB u ÖVAG, bħala kumpanniji ewlenin, ikkontribwixxew għall-effiċjenza tan-netwerk grazzi għall-iskambju intensiv ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp, ma kienx raġuni suffiċjenti u lanqas mhuwa kriterju li jippermetti lill-Kummissjoni li tattribwixxilhom l-ishma tas-suq ta’ dan il-grupp kollu.

572.

Fil-fatt, irid ikun hemm rabta loġika u koerenti bejn l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur u l-kalkolu tal-piena relatata. B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn mhumiex żewġ proċeduri distinti li għandhom jiġu implementati abbażi ta’ kriterji differenti. Waħda timplika lill-oħra u l-ammont tal-piena jista’ jiġi kkalkulat biss abbażi tal-elementi li jkunu ġew ikkonstatati kontra l-awtur tal-ksur, hekk kif ġew ippreċiżati, f’dan il-każ, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni la ppruvat u saħansitra lanqas ma evalwat mill-perspettiva tal-Artikolu 81(1) KE, l-iskambji ta’ informazzjoni li setgħu seħħew bejn il-kumpanniji ewlenin u l-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom. Bil-fatt li ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-iskambji ta’ informazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni mhux biss tbiddel in-natura tal-ksur li bih ġew akkużati l-appellanti, iżda taggrava wkoll is-sitwazzjoni tagħhom.

573.

Huwa ċar li dan ir-raġunament huwa nieqes minn kull bażi legali.

574.

Dan ir-raġunament huwa wkoll ivvizzjat b’kontradizzjoni. Fil-fatt, nixtieq nfakkar li l-Kummissjoni fittxet, b’mod individwali, lil RLB, li mhuwiex ħlief wieħed mill-banek reġjonali tas-settur Raiffeisen. Kif jirriżulta mill-premessa 519 tad-deċiżjoni inkwistjoni, RLB ġie kklassifikat fil-ħames kategorija, u dan minħabba s-sehem tiegħu tas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni, darbtejn, l-ishma tas-suq ta’ din l-impriża, l-ewwel darba meta hija attribwiet lil RZB l-ishma tas-suq tal-banek kollha tas-settur Raiffeisen, u t-tieni darba, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni f’kategoriji ta’ RLB.

575.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li l-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tattribwixxi lil Erste, lil RZB u lil ÖVAG l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji. Erste, RZB u ÖVAG jistgħu għaldaqstant jiġu ppenalizzati biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju bħala banek kummerċjali u mhux bħala mexxejja tas-setturi deċentralizzati tagħhom.

576.

Konsegwentement, insostni li l-klassifikazzjoni ta’ Erste u ta’ RZB fl-ewwel kategorija u dik ta’ ÖVAG fit-tielet kategorija hija żbaljata, u li l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni imponietilhom hija, għaldaqstant, skorretta.

577.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ l-motivi mressqa fl-ewwel istanza minn dawn it-tliet impriżi, li huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni peress li l-Kummissjoni kkalkulat l-ammont tal-multi imposti lil Erste, lil RZB u lil ÖVAG abbażi ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat.

578.

F’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-kategorija li fiha tidħol kull waħda mill-impriżi u tbiddel, jekk ikun il-każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont bażiku tal-multi li ġew imposti lilhom.

579.

Għal dan il-għan, jeħtieġ li dan il-kalkolu jiġi bbażat fuq il-metodu ta’ analiżi adottat mill-Kummissjoni u sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni li jiena pproponejt li ssir fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq.

580.

Fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi adottat mill-Kummissjoni, nixtieq infakkar li l-istess Kummissjoni qasmet il-banek u l-gruppi bankarji kkonċernati f’ħames kategoriji, skont l-informazzjoni disponibbli fuq sehemhom tas-suq. Kif jirriżulta mit-tabella li esponejt fil-punt 546 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll valuri ta’ gwida għal kull kategorija ta’ impriżi li madwarhom jinsabu l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati kif ukoll l-ammont tal-multa stabbilita.

581.

Għal dak li jikkonċerna l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, dawn jinsabu indikati, fil-parti l-kbira tagħhom, fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 17 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Iċ-ċifri jirreferu għall-operazzjonijiet imwettqa mal-klijentela individwali kif ukoll mal-klijentela kummerċjali (operazzjonijiet attivi u passivi), u nħarġu mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bankarji ( 183 ), mir-rapporti annwali kif ukoll minn pubblikazzjonijiet u sorsi uffiċjali oħra. Kif jirriżulta mill-punt 190 tar-risposta tal-Kummissjoni, dawn iċ-ċifri jirrigwardaw is-snin 1997 sa 1999.

582.

Mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni inkwistjoni la tindika s-sehem tas-suq tan-netwerk tal-banek ta’ tfaddil qabel ma ġie assorbit minn Erste u lanqas is-sehem tas-suq ta’ GiroCredit qabel din l-operazzjoni. Madankollu, mill-punt 145 tar-risposta tal-Kummissjoni jirriżulta li l-istess Kummissjoni evalwat l-ewwel sehem tas-suq bħala li jammonta għal 23%. Ir-risposti tal-Kummissjoni għall-mistoqsija numru tnax, punt (b) tal-Qorti tal-Prim’Istanza juru, barra minn hekk, li s-sehem tas-suq individwali ta’ GiroCredit ġie stmat fl-ammont ta’ 4.8% abbażi ta’ ċifri indikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni IV/M.873 tal-11 ta’ Marzu 1997, Bank Austria/Creditanstalt ( 184 ).

583.

Dawn huma ċ-ċifri disponibbli f’dan l-istadju ( 185 ):

 

Ishma tas-suq

Analiżi tal-Kummissjoni

Korrezzjoni nru 1

 

 

Ishma tas-suq meħud inkunsiderazzjoni

Kategorija

Multa

Multa fin-nuqqas ta’ impatt konkret

Erste/GiroCredit (wara li ngħaqdu)

Grupp ta’ banek ta’ tfaddil, Erste inkluż, wara li ngħaqdu: 30% — Erste: 7% Grupp ta’ banek tat-tfaddil, qabel ma saret l-għaqda, GiroCredit inkluż: 23% — GiroCredit: 4,8%

30%

I

25

20

RZB

Grupp Raiffeisen: 22% — RZB: 2%

22%

I

25

20

Erste (EÖ qabel ma ngħaqad)

7%

7%

III

6,25

5

ÖVAG

Grupp ta’ banek popolari: 7% — ÖVAG: 1%

7%

III

6,25

5

584.

F’dan l-istadju jeħtieġ li jsir tqassim ġdid tal-appellanti f’kategoriji filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni is-sehem tagħhom tas-suq (korrezzjoni numru 2).

585.

Għal dak li jikkonċerna lil Erste/GiroCredit, nsostni li, wara l-akkwist ta’ GiroCredit f’Ottubru 1997, Erste sar responsabbli għall-ksur li wettaq GiroCredit mill-1 ta’ Jannar 1995, bħala bank kummerċjali u mhux bħala kumpannija ewlenija tas-settur tal-banek ta’ tfaddil. Jeħtieġ għalhekk li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq ta’ Erste u ta’ GiroCredit li jammontaw, fit-total, għal 11.8%

586.

Konsegwentement, insostni li Erste/GiroCredit, wara li ngħaqdu, ġew jaqgħu taħt it-tieni kategorija. Għal din il-kategorija, il-Kummissjoni ffissat multa b’ammont bażiku ta’ 12.5 miljun EUR li, sussegwentement, ikkoreġejt u naqqast għal 10 miljun EUR.

587.

Għal dak li jikkonċerna lil RZB u lil ÖVAG, sehemhom tas-suq kien ta’ 2% u 1% rispettivament. Dawn iż-żewġ impriżi, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu kklassifikati fir-raba’ kategorija. Għal din il-kategorija l-Kummissjoni stabbiliet multa b’ammont bażiku ta’ 3.13 miljun EUR li, sussegwentement, ikkoreġejt u naqqast għal 2.5 miljun EUR fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq.

588.

Dan huwa t-tqassim ġdid f’kategoriji ta’ Erste, ta’ RZB u ta’ ÖVAG kif ukoll l-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur li, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi impost lilhom:

 

Ishma tas-suq skont id-deċiżjoni inkwistjoni

Korrezzjoni nru 2

 

 

Ishma tas-suq li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni

Kategoriji

Ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur (f’miljuni ta’ EUR)

Erste/GiroCredit (wara li ngħaqdu)

Erste: 7% GiroCredit: 4,8%

11,8%

II

10

Erste (EÖ qabel ma ngħaqad)

7%

7%

III

5

RZB

2%

2%

IV

2,5

ÖVAG

1%

1%

IV

2,5

589.

F’dan l-istadju, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-ammont definittiv tal-multa imposta lill-appellanti kollha fid-dawl, l-ewwel nett, taż-żieda li l-Kummissjoni effettwat minħabba t-tul tal-ksur.

590.

F’dan ir-rigward, l-ammonti bażiċi stabbiliti fid-dawl tal-gravità tal-ksur ġew miżjuda kollha kemm huma b’35%, ħlief għal dak li jirrigwarda lil Erste qabel ma ngħaqad ma’ GiroCredit (EÖ). Fil-każ ta’ din l-impriża, il-Kummissjoni effettwat biss żieda ta’ 30% peress li t-tul tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ksur, bħala bank kummerċjali, kien biss ta’ tliet snin ( 186 ).

591.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma rrikonoxxiet ebda ċirkustanza attenwanti jew aggravanti ( 187 ), iżda kkonċediet, madankollu, tnaqqis ta’ 10% lil kull impriża destinatarja tad-deċiżjoni inkwistjoni inapplikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ( 188 ).

 

Ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur (f’miljuni ta’ EUR)

Ammont bażiku tal-multa skont il-gravità u t-tul tal-ksur (f’miljuni ta’ EUR)

Ammont tal-multa fid-dawl tal-kooperazzjoni tal-impriżi (f’miljuni ta’ EUR)

BA

10

13,5

12,15

Erste/GiroCredit (wara li ngħaqad)

10

13,5

12,15

CA

10

13,5

12,15

Erste (EÖ qabel ma ngħaqad)

5

6,5

5,85

RZB

2,5

3,375

3,037

ÖVAG

2,5

3,375

3,037

592.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffissa l-ammont finali tal-multa imposta lil BA-CA, lil Erste, lil RZB u lil ÖVAG skont kif ġej:

BA-CA: 24300000 EUR

Erste: 18000000 EUR

RZB: 3037000 EUR

ÖVAG: 3037000 EUR

XI — Fuq l-ispejjeż

593.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

594.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

595.

Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

596.

F’dawn il-kawżi, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti tilfu l-parti l-kbira tat-talbiet tagħhom.

597.

Fil-fatt, l-aggravji għal annullament li huma ressqu, li huma intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda. Fil-fehma tiegħi, l-appellanti effettivament kisru l-Artikolu 81(1) KE, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni msemmija. Fir-rigward tal-aggravji għal annullament imressqa mill-appellanti, li huma intiżi għat-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ffissata mill-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, dawn, fil-fehma tiegħi, wasslu effettivament għall-annullament tas-sentenza appellata u għall-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, l-ammont bażiku tal-multa ġie mbiddel biss fir-rigward ta’ żewġ kriterji ta’ evalwazzjoni.

598.

L-ammont tal-multa tbiddel fil-konfront tal-erba’ appellanti minħabba n-nuqqas ta’ prova ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. Barra minn hekk, Erste, RZB u ÖVAG ibbenefikaw minn tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa tagħhom fid-dawl tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tqassim tagħhom f’kategoriji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

599.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lil BA-CA sabiex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 80% tal-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni.

600.

F’dak li jikkonċerna lil Erste, RZB u ÖVAG, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundannahom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll 70% tal-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni.

XII — Konklużjoni

601.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li:

“1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropea tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02) hija annullata peress li hija vvizzjata:

bi żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, mis-sempliċi implementazzjoni tal-akkordju, setgħet tiddeduċi li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq, u dan għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, kif ukoll

bi żball ta’ liġi u b’kontradizzjoni ta’ motivi, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, setgħet tattribwixxi lil Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, lil Raiffeisen Zentralbank Österreich AG u lil Österreichische Volksbanken AG l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom, minkejja li hija ma imputatilhomx il-komportament illegali ta’ dawn il-banek.

2)

Il-kumplament tal-appelli huma miċħuda.

3)

Ir-rikorsi għall-annullament ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, intiżi għal ksib tal-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/138/KE, tal-11 ta’ Ġunju 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (fil-Kawża COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki — “Club Lombard”), huma milqugħa inkwantu:

Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG, Bank Austria Creditanstalt AG, u Österreichische Volksbanken AG talbu l-annullament tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/138, peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma wrietx li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u evalwat, b’mod żbaljat, l-ammont tal-multa relatat, u inkwantu

Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG u Österreichische Volksbanken AG talbu l-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni 2004/138 peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej attribwitilhom, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, is-sehem tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom.

4)

L-ammont tal-multi stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/138 qiegħed jinbidel skont kif ġej:

fil-kawża C-125/07 P, l-ammont tal-multa imposta lil Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG qed jitnaqqas għal 18000000 EUR;

fil-kawża C-133/07 P, l-ammont tal-multa imposta lil Raiffeisen Zentralbank Österreich AG qed jitnaqqas għal 3037000 EUR;

fil-kawża C-135/07 P, l-ammont tal-multa imposta lil Bank Austria Creditanstalt AG qed jitnaqqas għal 24300000 EUR, u

fil-kawża C-137/07 P, l-ammont tal-multa imposta lil Österreichische Volksbanken AG qed jitnaqqas għal 3037000 ewro.

5)

Fil-kawżi C-125/07 P, C-133/07 P u C-137/07 P, Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG u Österreichische Volksbanken AG qegħdin jiġu kkundannati sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll 70% tal-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tbati 30% tal-ispejjeż tagħha stess.

6)

Fil-kawża C-135/07 P, Bank Austria Creditanstalt AG qed jiġi kkundannat sabiex ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll 80% tal-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tbati 20% tal-ispejjeż tagħha stess.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem “Erste”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem “RZB”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem “BA-CA”. BA-CA huwa stabbiliment li rriżulta wara li f’Settembru 1998, il-Bank Austria AG (BA) ingħaqad ma’ Creditanstalt AG (CA). L-isem tal-kumpannija tbiddel fit-13 ta’ Awwissu 2002.

( 5 ) Iktar ’il quddiem “ÖVAG”.

( 6 ) T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”).

( 7 ) Deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (fil-Każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki — “Club Lombard”) (ĠU 2004, L 56, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

( 8 ) Regolament tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/1999, tal-10 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 148, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 17”). Jeħtieġ li jingħad li dan ir-Regolament ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementaazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 9 ) Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

( 10 ) ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”.

( 11 ) BGBl. 3903/1993.

( 12 ) Kif indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 6 tas-sentenza appellata, fl-Awstrija hemm distinzjoni bejn il-banek li għandhom struttura fuq livell wieħed u l-gruppi bankarji li għandhmo struttura fuq diversi livelli, magħrufin ukoll bħala “deċentralizzati”.

( 13 ) Sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq JCB Service vs Il-Kummissjoni (punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 128); tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni (C-359/01 P, Ġabra p. I-4933, punt 47); tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 244), kif ukoll tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 69).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (punt 129); British Sugar vs Il-Kummissjoni (punt 48), u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (punt 245).

( 21 ) Ara s-sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq JCB Service vs Il-Kummissjoni (punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll PKK u KNK vs Il-Kunsill (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) F’dan ir-rigward, jiena nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 53 et seq tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, Nru 2000-D-28, tad-19 ta’ Settembru 2000, dwar is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tas-self fuq l-immobbli (BOCCRF Nru 13, tal-5 ta’ Diċembru 2000), u s-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-appelli ppreżentati minn SA Caisse nationale du crédit agricole, SA Société générale, SA BNP Paribas, SA Crédit lyonnais, Confédération nationale du crédit mutuel, Fédération du crédit mutuel océan, caisse régionale du Crédit agricole de la Loire-Atlantique, SA Caisse nationale des caisses d’épargne et de prévoyance (CNCEP) u minn Caisse d’épargne des Alpes kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Nru 2000-D-28, tad-19 ta’ Settembru 2001, dwar is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tas-self fuq l-immobbli (BOCCRF, Nru 2, tal-31 ta’ Jannar 2002).

( 25 ) F’dan is-sens ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 9).

( 26 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni (C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 21).

( 27 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punt 27).

( 28 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 15).

( 29 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C-7/98, Ġabra p. I-1935, punti 25 u 26), kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punti 37 u 38).

( 30 ) Ara s-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 31 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10), kif ukoll tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punt 21).

( 32 ) Ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).

( 33 ) F’dan is-sens ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70).

( 34 ) Ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).

( 35 ) F’dak li jikkonċerna din it-tieni kundizzjoni, sabiex ftehim jew prattika miftiehma tkun tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE, huwa meħtieġ li huwa jew hija jkollhom “għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma għandhomx għan antikompetittiv. Jekk dan ikun il-każ, bħal f’dawn il-kawżi, il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE tapplika, indipendentement minn kwalsiasi effett (punti 426 sa 429 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Jekk l-għan mhuwiex ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeħtieġ allura li ssir analizi intiża li tistabbilixxi jekk jirriżultax dan l-effett jew le [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C-234/89, Ġabra p. I-935, punt 13), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni (T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 152)].

( 36 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 16), kif ukoll Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34). Ara wkoll, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 170), kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 20).

( 38 ) Idem.

( 39 ) Sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131, punt 15), u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et (C-215/96 u C-216/96, Ġabra p. I-135, punt 48).

( 41 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk (5/69, Ġabra p. 295, punt 5), kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (punt 15) u Asnef-Equifax u Administración del Estado (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Sentenza Javico, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Enfasi tiegħi.

( 44 ) Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni (73/74, Ġabra p. 1491, punt 25), kif ukoll Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Sentenzi Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra p. 2545, punt 22); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 48); tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 95), kif ukoll Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Punt 6.

( 47 ) Ara l-punt 160 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, l-eżempji li jinsabu fil-punt 431 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 49 ) Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE, tal-15 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u s-segwiment tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li temenda d-Direttiva 77/780/KEE (ĠU L 386, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/26/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 269), għamlitha iktar faċli għall-banek Ewropej biex jaċċedu għas-swieq bankarji tal-Istati Membri li mhumiex l-Istat tal-oriġni tagħhom billi armonizzat il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività bankarja, billi stabbiliet prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività bankarja li jingħataw mill-Istati Membri lill-istabbilimenti ta’ kreditu u billi organizzat il-kontroll tagħhom mill-Istat membru tal-oriġni tagħhom biss.

( 50 ) Skont l-Artikolu 43 KE, l-istabbilimenti ta’ kreditu jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment l-istess bħall-operaturi ekonomiċi kollha l-oħra.

( 51 ) Is-settur bankarju jibbenefika wkoll, skont l-Artikolu 49 KE, mil-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi flimkien mal-possibbiltà li jiġu pprovduti tali servizzi lil persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra mingħajr l-ebda diskriminazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(2) KE, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-banek u tal-assigurazzjoni li huma marbutin ma’ movimenti tal-kapital għandha sseħħ b’armonija mal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital.

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58), u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 86). Ara, wkoll, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 li jippreċiża li, fil-proċeduri nazzjonali u Komunitarji kollha ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, hija dik il-parti jew l-awtorità li tallega l-ksur tal-Artikolu 81 KE li għandha l-oneru tal-prova..

( 53 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1997 (T-77/94, Ġabra p. II-759).

( 54 ) T-29/92, Ġabra p. II-289.

( 55 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C-250-92, Ġabra p. I-5641, punt 54) kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Landewyck vs Il-Kummissjoni (punt 170) u Remia et vs Il-Kummissjoni (punt 22); Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (punt 20); Javico (punt 16); Bagnasco et (punt 47), u British Sugar vs Il-Kummissjoni (punt 27).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import (22/71, Ġabra p. 949, punt 18), u Javico, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).

( 57 ) Sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 140).

( 58 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1986 (193/83, Ġabra p. 611).

( 59 ) Punt 96.

( 60 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 833); tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230), kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni (T-61/99, Ġabra p. II-5349, punt 27).

( 61 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31.

( 62 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni (T-68/89, T-77/89 u T-78/89, Ġabra p. II-1403, punt 159).

( 63 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq”).

( 64 ) Punti 10 u 25 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq.

( 65 ) Sentenza SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

( 66 ) Infakkar, fil-fatt, li l-prattika antikompetittiva tista’ wkoll, bl-għan tagħha biss, taqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE. Għal eżempju, ara s-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 1094), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 99).

( 67 ) Din il-ġurisprudenza tidher li tista’ tiġi kkontestata mill-aspett tad-drittijiet u taċ-ċertezza legali tal-impriżi. Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li fiha hija tikkonstata l-parteċipazzjoni tal-impriżi fi ksur kumpless, kollettiv u mhux interrott, bħal dik li ġiet adottata f’dawn il-kawżi, hija għandha, fil-fehma tiegħi, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tinvolvi r-responsabbiltà personali ta’ kull destinatarja, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li għandu jiġi definit biċ-ċar. Peress li l-imsemmija deċiżjoni tista’ ġġib magħha xi konsegwenzi fuq livell ċivili, il-Kummissjoni għandha, fil-fehma tiegħi, teżamina u tiddefinixxi s-suq rilevanti bi preċiżjoni fid-deċiżjoni.

( 68 ) Digriet tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni (C-111/04 P, punt 31).

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000, tad-29 ta’ Novembru 2000, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 19).

( 70 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod sinjifikattiv l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis) [1] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125).

( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 834 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 72 ) Fil-punt 22 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, barra minn hekk, li, f’ċerti setturi, bħal dak tal-karta, fejn il-konsumaturi jqisu li d-differenza fil-kwalità ma tistax tiġi sostitwita, hija ma tistax tiddefinixxi suq separat għal kull kwalità ta’ karta u għal kull użu tagħha. F’dan il-każ, il-kwalitajiet differenti tal-karta jinġabru f’suq wieħed u l-bejgħ tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod konġunt sabiex ikun stmat il-valur totali tas-suq.

( 73 ) Sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 74 ) Enfasi tiegħi.

( 75 ) Punt 15 ta’ din is-sentenza.

( 76 ) Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Ara s-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (punt 19) kif ukoll Bagnasco et (punt 48).

( 79 ) Enfasi tiegħi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).

( 81 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 71); Cascades vs Il-Kummissjoni (C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78); Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 37); SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punt 25), kif ukoll ETI et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).

( 83 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 145).

( 84 ) Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-obbjettiv li jiġu eliminati l-komportamenti li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi assigurat li dawn ma jerġgħux iseħħu permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi jiġi kompromess (ara s-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 85 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 953).

( 86 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni (C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27) u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 96).

( 87 ) Mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza esposti fil-punt 7 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ishma ta’ GiroCredit kienu miżmuma fil-parti l-kbira tagħhom mill-grupp Bank Austria.

( 88 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet biċ-ċar din il-ġurisprudenza fil-punti 323 sa 326 u 330 sa 333 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Il-prattiċi inkwistjoni waqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 1995. Erste xtrat lil GiroCredit f’Mejju 1997. Iż-żewġ entitajiet ingħaqdu f’Ottubru 1997.

( 90 ) Dan il-metodu jinsab espost fil-punti 9 sa 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 91 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 92 ) F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi konsistentement li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni [sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (punt 33) kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (punti 240 u 241)].

( 93 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661, punt 176), u tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 612), kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (punt 38); Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (punti 90 u 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (punti 241 u 242 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 94 ) Fil-punti 209 sa 213 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-linji gwida jassiguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati u jippermettulhom li jkunu jafu l-metodi ta’ kalkolu użati mill-Kummissjoni meta hija timplementa l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

( 95 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118); tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 103), u tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni (T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 262).

( 96 ) T-203/01, Ġabra p. II-4071.

( 97 ) Punti 258 u 259.

( 98 ) Sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 118).

( 99 ) Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, (T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 447). Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appelli attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P). Dawn l-appelli, madankollu, ma jirrigwardawx dan il-punt.

( 100 ) Punti 53 u 62.

( 101 ) Ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 619 u 620), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni (T-73/04, Ġabra p. II-2661, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 102 ) Sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 118).

( 103 ) Ara wkoll is-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 447), kif ukoll is-sentenza appellata (punt 240).

( 104 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (T-322/01, Ġabra p. II-3137, punti 71 sa 80, speċjalment il-punt 75, u 133 sa 144); Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 151 sa 163, speċjalment il-punt 155); Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T-59/02, Ġabra p. II-3627, iktar ’il quddiem is-sentenza “Archer Daniels Midland II”, punti 157 sa 168, speċjalment il-punt 161); tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T-52/03, punti 388 sa 415, speċjalment il-punt 392); BPB vs Il-Kummissjoni (T-53/03, Ġabra p. II-1333, punti 297 sa 322, speċjalment il-punt 301), u Lafarge vs Il-Kummissjoni (T-54/03, punti 575 sa 604, speċjalment il-punt 583).

( 105 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni (T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 231).

( 106 ) Idem.

( 107 ) Fil-kuntest tal-appell kontra din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba tiddeċiedi fuq dan il-punt.

( 108 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005 (T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033).

( 109 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (punt 150) u Brasserie nationale vs Il-Kummissjoni (punti 178 u 179) kif ukoll is-sentenza appellata (punt 240).

( 110 ) Is-sentenza appellata, (punt 285).

( 111 ) Ibidem (punt 286 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 112 ) Ibidem (punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 113 ) T-410/03, Ġabra p. II-881, punti 345 u 348.

( 114 ) Punti 84 sa 87.

( 115 ) T-30/05. Fil-preżent, din is-sentenza qiegħda fl-istadju ta’ appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-534/07 P).

( 116 ) Punt 110.

( 117 ) T-329/01, Ġabra p. II-3255, iktar ’il quddiem is-“sentenza Archer Daniels Midland I”.

( 118 ) Punti 77 u 180, rispettivament.

( 119 ) Punti 78 u 181, rispettivament.

( 120 ) Punti 76 sa 78 u 179 sa 181, rispettivament.

( 121 ) Punti 156 sa 159 u 162 sa 166, rispettivament.

( 122 ) Punti 393 u 394, 302 u 303 kif ukoll 585 u 586, rispettivament.

( 123 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (punt 79) u Archer Daniels Midland I (punt 182).

( 124 ) Sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 232).

( 125 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punt 159) kif ukoll Archer Daniels Midland II (punti 165 u 166). Ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (punti 395 u 403); BPB vs Il-Kummissjoni (punti 304 u 312), kif ukoll Lafarge vs Il-Kummissjoni (punti 587 u 594).

( 126 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punti 177 sa 190, speċjalment il-punt 179) u Archer Daniels Midland II (punti 180 sa 192, speċjalment il-punt 182). Ara wkoll l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 224).

( 127 ) Punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 128 ) Sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 587 sa 593). Ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (punti 396 sa 402) u BPB vs Il-Kummissjoni (punti 307 sa 311).

( 129 ) Punt 240 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 130 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 118.

( 131 ) Ara l-punt 286 tas-sentenza appellata.

( 132 ) Sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 205). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T-241/01, Ġabra p. II-2917, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 133 ) Ara s-sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 201).

( 134 ) Nixtieq infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx għall-motivi tal-partijiet u mmotivat regolarment is-sentenza tagħha tikkostitwixxi punt ta’ dritt li, bħala tali, jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 135 ) Ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punti 32 sa 34), u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni (C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 70), kif ukoll id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et [C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 58]; tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni [C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 52], u tal-25 ta’ Ġunju 1998, Antilles néerlandaises vs Il-Kunsill [C-159/98 P(R), Ġabra p. I-4147, punt 70].

( 136 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet

( 137 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001 (C-274/99 P, Ġabra p. I-1611).

( 138 ) Punt 120.

( 139 ) Punt 121. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 81).

( 140 ) Punt 470 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 141 ) Punti 245 sa 251 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 142 ) Din l-imputazzjoni kienet tikkonċerna lil GiroCredit għall-perijodu bejn is-sena 1995 u Ottubru 1997, meta dan kien l-istabbiliment ċentrali tas-settur, u kienet tirrigwarda lil Erste għall-perijodu ta’ bejn Ottubru 1997 u Ġunju 1998, meta dan, wara li akkwista lil GiroCredit, sar il-kumpannija ewlenija tas-settur.

( 143 ) Enfasi tiegħi.

( 144 ) Punti 261 u 504 sa 506 tas-sentenza appellata.

( 145 ) L-appellant jirreferi għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 77/237/KEE tad-19 ta’ April 1977 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/28.841 — ABG/Impriżi petroliferi li joperaw fl-Olanda) (ĠU L 117, p. 1); 92/204/KE, tal-5 ta’ Frar 1992 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.572 u 32.571 — Industrija tal-kostruzzjoni fl-Olanda) (ĠU L 92, p. 1) (ara l-punt 141 tad-deċiżjoni), u 1999/271/KE tad-9 ta’ Diċembru 1998 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/34.466 — Bastimenti tal-passiġġieri Griegi (ĠU L 109, p. 24), kif ukoll is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 88).

( 146 ) C-198/01, Ġabra p. I-8055, punt 57.

( 147 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni (T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309), u Archer Daniels Midland I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 107).

( 148 ) Ara, f’dan ir-rigward is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 238).

( 149 ) Punt 205. Ara wkoll is-sentenza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 150 ) Sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 201).

( 151 ) Punt 506 tas-sentenza appellata.

( 152 ) Punti 558 u 559 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 153 ) Punti 545 u 546 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 154 ) Punti 547 sa 557 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 155 ) Punt 456.

( 156 ) Punti 393 u 394.

( 157 ) Fl-appell tiegħu, BA-CA jirreferi għall-kunċett tal-kooperazzjoni “prezzjuża” (“Hilfreiche”) tal-impriża. Dan it-terminu ma jinsabx fis-sentenza appellata.

( 158 ) Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 453).

( 159 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 238).

( 160 ) Punt 454.

( 161 ) Punti 32 et seq.

( 162 ) Punt 34.

( 163 ) Idem.

( 164 ) Punt 27.

( 165 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 7); Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15), kif ukoll Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 32 u 33).

( 166 ) Punt 33.

( 167 ) Enfasi tiegħi.

( 168 ) Ara wkoll is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 sa 65).

( 169 ) Sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

( 170 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 540 tas-sentenza appellata u b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 71 sa 73 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

( 171 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 2006 C 298, p. 17).

( 172 ) Punt 276.

( 173 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 174 ) Ara b’mod partikolari d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2006, Autosalone Ispra vs Il-Kummissjoni (C-129/06 P, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 175 ) Apparti l-appellanti, kienu ppreżentaw rikors ukoll il-Bank für Arbeit und Wirtschaft AG (iktar ’il quddiem “BAWAG”), PSK, Niederösterreichische Landesbank-Hypothekenbank AG (iktar ’il quddiem “NÖ-Hypo”) u Raiffeisenlandesbank Niederösterreich-Wien AG (iktar ’il quddiem “RLB”). RLB, fl-1997, akkwista lir-Raiffeisen Wien AG (iktar ’il quddiem “RBW”).

( 176 ) Punt 426 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 177 ) L-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-punt 1(A) tal-linji gwida.

( 178 ) Il-valur ta’ gwida tat-tieni sar-raba’ kategorija jikkorrispondu, kull darba, għal nofs dak tal-kategorija ogħla, u l-istess japplika għall-ammont inizjali korrispondenti (ara l-punt 424 tas-sentenza appellata).

( 179 ) Nixtieq nirreferi għall-espożizzjoni tal-argumenti tal-partijiet li tinsab fil-punti 339 sa 354 tas-sentenza appellata.

( 180 ) Enfasi tiegħi.

( 181 ) Punt 9(ċ) tad-deċiżjoni inkwistjoni, iċċitata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 182 ) Ara l-punti 58 sa 62, 358 sa 361 u 516 sa 518 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 183 ) Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2000, COMP/M.2140, BAWAG/PSK (punt 9); tal-14 ta’ Novembru 2000, COMP/M.2125, HypoVereinsbank/Bank Austria (punt 21), u tat-2 ta’ Lulju 2001, COMP/M.2402, Creditanstalt/RZB/JV (punt 15). Dawn id-deċiżjonijiet kollha jinsabu ppubblikati fuq is-sit http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases.

( 184 ) Din id-deċiżjoni hija disponibbli wkoll fuq is-sit http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases.

( 185 ) L-ammont tal-multi huwa espress f’miljuni ta’ euro.

( 186 ) Punti 521 u 522 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 187 ) Punti 525 sa 542 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 188 ) Punti 543 sa 559 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

Top