EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0042

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tad-19 ta' Marzu 2010.
Bruno Gollnisch vs il-Parlament Ewropew.
Privileġġi u immunitajiet - Membru tal-Parlament Ewropew - Deċiżjoni li ma jiġux imħarsa l-privileġġi u l-immunitajiet - Rikors għal annullament - Telf tal-interess ġuridiku - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni - Rikors għad-danni - Aġir li huwa akkużat bih il-Parlament - Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi - Rabta kawżali.
Kawża T-42/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:102

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T‑42/06,

Bruno Gollnisch, residenti f’Limonest (Franza), irrappreżentat minn W. de Saint Just u G. Dubois, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn H. Krück, C. Karamarcos u A. Padowska, imbagħad minn H. Krück, D. Moore u A. Padowska, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Diċembru 2005, li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ B. Gollnisch u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni subiti minn B. Gollnisch minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1. Protokoll fuq il-privileġġi u l-immunitajiet

1. L-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, anness l-ewwel mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill uniku u Kummissjoni unika tal-Komunitajiet Ewropej, wara, skont it-Trattat ta’ Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), jipprovdi:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

2. L-Artikolu 10 tal-Protokoll jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

(a) fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom;

(b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

2. Regolament intern tal-Parlament

3. L-Artikolu 5(1) tas-16-il Edizzjoni (Lulju 2004) tar-Regolament intern tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1) jipprovdi li “[i]l-Membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet skond il-[Protokoll]”.

4. L-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament intern tal-Parlament jipprovdi:

“1. Fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

[…]

3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.”

5. L-Artikolu 7(6) tar-Regolament intern tal-Parlament jipprovdi:

“F’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi joħolqux xkiel amministrattiv jew ta’ xort’oħra mqiegħed fuq il-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa’ l-Parlament jew fuq opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jidħlu fl-aspetti ta’ l-Artikolu 10 tal-[Protokoll] li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

3. Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża

6. L-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprovdi:

“L-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi suġġett għal proċeduri kontrih, jiġi mfittex, arrestat, detenut jew iġġudikat minħabba opinjonijiet jew voti espressi minnu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Fil-qasam kriminali jew penali, Membru tal-Parlament, jista’ jiġi arrestat jew suġġett għal kull miżura oħra privattiva jew restrittiva tal-libertà biss bl-awtorizzazzjoni tal-[K]umitat tal-[A]ssemblea li jagħmel parti minnu. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ flagranza tar-reat jew ta’ kundanna definittiva.

Id-detenzjoni, il-miżuri li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà, jew il-proċeduri kriminali kontra Membru tal-Parlament għandhom jiġi sospiżi għal tul is-sessjoni jekk l-[A]ssemblea li tagħha jkun membru titlob hekk […]”

Il-fatti li wasslu għal kawża

7. Ir-rikorrent, B. Gollnisch, huwa deputat tal-Parlament Ewropew u Kunsillier Reġjonali tar-Reġjun Rhône-Alpes (Franza).

8. Fil-11 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent żamm konferenza stampa fil-kostitwenza tiegħu f’Lyon (Franza).

9. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent tkellem dwar is-suġġetti segwenti: il-kwistjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea, il-proċess ta’ ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, il-każ tal-ostaġġi fl-Iraq, is-sitwazzjoni politika u soċjali u, fl-aħħar nett, ir-rapport tal-Kumitat fuq ir-razziżmu u n-negazzjoniżmu fl-università Jean Moulin Lyon-III mibgħut lill-Ministru tal-Edukazzjoni Franċiż (imsejjaħ ir-“rapport Rousso”), dwar, b’mod partikolari, l-opinjonijiet politiċi ta’ ċerti universitarji li jittrattaw l-istorja tat-Tieni Gwerra Mondjali fl-Ewropa.

10. Fil-15 ta’ Ottubru 2004, il-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż ordna l-ftuħ ta’ inkjesta tal-pulizija dwar ċerti dikjarazzjonijiet li għamel ir-rikorrent waqt din il-konferenza stampa, li ntqiesu li kkontestaw ir-reati kontra l-umanità mwettqa mir-reġim nazzjonal soċjalista.

11. B’ittra tad-29 ta’ Novembru 2004, il-prokuratur ġenerali fi ħdan il-Qorti tal-Appell (qorti tal-appell) ta’ Lyon ta istruzzjonijiet lill-prokuratur tar-Repubblika f’Lyon sabiex jibda proċeduri kontra r-rikorrent għal kontestazzjoni tar-reati kontra l-umanità. Il-prokuratur tar-Repubblika f’Lyon beda proċeduri kriminali kontra r-rikorrent abbażi tal-Artikolu 24a tal-liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 fuq il-libertà tal-istampa ( Bulletin des Lois,  1881, Nru 637, p. 125). Dan l-artikolu, li jipprojbixxi b’mod partikolari l-espressjoni pubblika ta’ diskors li jikkontesta l-eżistenza ta’ reati kontra l-umanità, taħt piena ta’ sanzjoni penali, ġie adottat permezz tal-Artikolu 9 tal-liġi Nru 90-615, tat-13 ta’ Lulju 1990, intiża sabiex tippenalizza kull att razzist, antisemita jew ksenofobu (JORF tal-14 ta’ Lulju 1990, p. 8333).

12. Fis-7 ta’ April 2005, Luca Romagnoli, deputat tal-Parlament Ewropew, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament intern tal-Parlament, bagħat ittra lill-President sabiex jitolbu, skont it-termini segwenti, li jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali jitlob l-ħarsien tal-immunità parlamentari tar-rikorrent:

“Ninsabu […] fil-preżenza ta’ każ manifest ta’ fumus persecutionis, li fihom qed jitressqu proċeduri kontra membru parlamentari tal-oppożizzjoni fuq livell personali minn membru tal-poter eżekuttiv li barra minn hekk huwa avversarju tiegħu fuq livell lokali.

Skont l-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 10(a) tal-[Protokoll], l-immunità parlamentari li jibbenefika minnha B. Gollnisch hija dik prevista mid-dritt kostituzzjonali Franċiż. L-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprovdi li l-Assemblea li l-parlamentari li tagħha jkun parti għandha teżiġi s-sospensjoni tal-proċeduri kriminali.

Abbażi tal-Artikolu 6(3) [tar-Regolament intern tal-Parlament], għandi l-unur naġixxi f’dan is-sens għall-ħarsien tal-immunità ta’ B. Gollnisch, bil-kunsens tiegħu.”

13. Matul is-sessjoni plenarja tal-Parlament, fl-14 ta’ April 2005, il-President tal-Parlament ħa nota tal-ittra ta’ L. Romagnoli u bagħat it-talba tal-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali kompetenti f’dan il-qasam.

14. Waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-21 ta’ April 2005, D. Wallis, deputata tal-Parlament, ġiet innominata relatur għal dan il-każ.

15. Fil-25 ta’ April 2005, L. Romagnoli bagħat ittra oħra lill-President tal-Parlament, wara li r-rikorrent irċieva taħrika sabiex jidher fis-26 ta’ April 2005 quddiem il-qorti kriminali ta’ Lyon.

16. Matul is-seduta quddiem il-qorti kriminali ta’ Lyon, il-kawża ġiet iddifferita għal data oħra, peress li t-talba tal-ħarsien għall-immunità tar-rikorrent kienet għada ma ġietx eżaminata mill-Parlament.

17. Fid-9 ta’ Ġunju 2005, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament kiteb lill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiża sabiex, minn naħa, jinformah bl-eżistenza ta’ talba tal-ħarsien għall-immunità tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, sabiex jagħmillu ċerti mistoqsijiet dwar il-proċeduri ġudizzjarji li kienu għaddejjin kontra dan tal-aħħar.

18. Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-President tal-Parlament kiteb lir-rappreżentant permanenti ta’ Franza fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex jinformah bl-istat tal-proċeduri quddiem il-Parlament u talbu jressaq lill-awtoritajiet ġudizzjarji talba sabiex jissospendu momentaneament il-proċeduri kriminali sabiex jippermettu lill-Parlament jeżamina l-każ u jieħu deċiżjoni fuq it-talba tal-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent.

19. Matul il-laqgħa li saret fl-14 ta’ Lulju 2005 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, ittieħed vot indikattiv u wara D. Wallis intalbet tipprepara abbozz ta’ rapport intiż għall-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent.

20. B’risposta għall-ittra tal-President tal-Parlament tat-13 ta’ Lulju 2005, il-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż, fit-18 ta’ Lulju 2005, kitbulu dan li ġej:

“Hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, wara dibattitu pubbliku u kontradittorju, tiddeċiedi dwar l-eżistenza u s-suffiċjenza tal-provi prodotti mill-akkuża, peress li s’issa l-akkużat għadu jgawdi minn preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-kwalità tiegħi ta’ Ministru tal-Ġustizzja, ma nista’ nagħmel l-ebda evalwazzjoni fuq dan il-punt.

Barra minn hekk, nosserva li, fil-kuntest tal-inkjesta ġudizzjarja, B. Gollnisch, minkejja li ma ppreżentax ruħu għat-taħrika li kienet saritlu mill-pulizija, ma ġiex arrestat mill-pulizija u ma kienx suġġett għal miżuri ta’ sigurtà, għaliex dawn il-miżuri huma l-uniċi li, fir-rigward tal-parlamentari nazzjonali, skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni [Franċiża], jeżiġu awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Assemblea li tagħhom ikunu parti.”

21. Wara li ltaqgħu diversi drabi u wara li eżaminaw tliet abbozzi ta’ rapporti, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament adotta, matul is-seduta tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2005, ir-raba’ abbozz tar-rapport ta’ D. Wallis, intiż għaċ-ċaħda tat-talba tal-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent.

22. L-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan ir-rapport hija s-segwenti:

“4. Sa mill-ewwel leġiżlatura tiegħu ta’ ħames snin, il-Parlament Ewropew iddeċieda fuq ċertu numru ta’ talbiet għal tneħħija tal-immunità. Id-deliberazzjonijiet tal-Parlament fuq dawn it-talbiet ippermettew li jiġu stabbiliti ċerti prinċipji ġenerali, li huma stabbiliti fir-riżoluzzjoni li l-Parlament adotta matul is-seduta tiegħu tal-10 ta’ Marzu 1987 abbażi tar-rapport ta’ G. Donnez dwar l-abbozz ta’ Protokoll dwar ir-reviżjoni tal-[Protokoll] f’dak li jikkonċerna l-Membri tal-Parlament Ewropew (A2-121/86). Jidher utli li jitfakkru fil-qosor uħud mill-prinċipji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

(a) Immunità parlamentari mhijiex privileġġ għall-benefiċċju ta’ xi membru tal-Parlament, imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament u tal-membri tiegħu vis-à-vis istituzzjonijiet oħrajn.

(b) Il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-[Protokoll] jirreferi għall-immunità rrikonoxxuta lill-membri tal-parlamenti nazzjonali ma jfissirx li l-Parlament Ewropew ma jistax joħloq ir-regoli tiegħu fil-qasam tat-tneħħija tal-immunità parlamentari. Id-deċiżjonijiet tal-Parlament ftit ftit żviluppaw kunċett koerenti ta’ immunità parlamentari Ewropea, li bħala regola hija awtonoma meta mqabbla mad-diversi prattiċi tal-parlamenti nazzjonali. Dan jippermetti li jiġi evitat li deputati jiġu ttrattati b’mod differenti skont in-nazzjonalità tagħhom. Konsegwentement, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-immunità rikonoxxuta mid-dritt nazzjonali, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji tiegħu, kostanti, sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li titneħħa l-immunità ta’ deputat.

L-immunità parlamentari hija intiża li tipproteġi l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ dibattitu politiku tad-deputati. Għalhekk, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dejjem qies li huwa prinċipju fundamentali li, fil-każijiet kollha fejn l-atti li jkunu akkużati bihom id-deputati jkunu parti mill-attività politika tagħhom jew ikunu direttament marbuta magħha, l-immunità ma titneħħiex.

Dan jinkludi, pereżempju, l-espressjoni ta’ opinjonijiet meqjusa li jagħmlu parti mill-attività politika ta’ deputat li jsiru waqt manifestazzjonijiet, laqgħat pubbliċi, f’pubblikazzjonijiet politiċi, fl-istampa, fi ktieb, fit-televiżjoni, b’firma ta’ manifesti politiċi u anki quddiem qorti.

(ċ) Ma’ dan il-prinċipju hemm ukoll kunsiderazzjonijiet oħrajn li jaħdmu favur jew kontra t-tneħħija tal-immunità, b’mod partikolari l- fumus persecutionis , jiġifieri l-preżunzjoni li l-azzjoni kriminali hija ispirata mill-intenzjoni li toħloq dannu lill-attività politika tad-deputat. Kif stabbilit fil-motivi tar-rapport Donnez, il-kunċett ta’ fumus persecutionis ifisser, essenzjalment, li l-immunità ma titneħħiex meta jkun hemm suspett li fl-oriġini tal-azzjoni kriminali jkun hemm l-intenzjoni li jsir dannu lill-attività politika tad-deputat.

Għalhekk, meta jinbdew proċeduri legali minn avversarju politiku, sakemm ma titressaqx prova kuntrarja, l-immunità ma titneħħiex inkwantu għandu jiġi kkunsidrat li l-proċeduri huma intiżi li jikkawżaw dannu lid-deputat ikkonċernat u mhux li jinkiseb ħlas għal dannu. Bl-istess mod, meta jinbdew proċeduri f’ċirkustanzi li jindkaw li l-uniku skop tagħhom huwa li jinħoloq dannu lid-deputat, l-immunità ta’ titneħħiex.

III. Motivi għad-deċiżjoni meħuda.

1. Il-Kumitat tal-affarijiet ġuridiċi studja fid-dettall l-Artikoli tal-[Protokoll] li jistgħu japplikaw. Il-Kumitat iddeċida li dan il-każ għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-[Protokoll], flimkien mal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq.

L-Artikolu 9 jipprovdi li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijithom’. Għalhekk, l-immunità assoluta tikkonċerna biss opinjonijiet jew voti mogħtija mid-[deputati] fil-qadi ta’ dmirijithom.

Il-Parlament kostantement iddefenda l-prinċipju fundamentali li jipprovdi li l-immunità ma tista’ titneħħa bl-ebda mod fil-każ fejn l-atti li jkun akkużat bihom deputat isiru fil-kuntest tal-qadi tad-dmirijiet politiċi tad-deputat tal-Parlament Ewropew jew ikunu direttament marbuta ma’ dawn id-dmirijiet. L-istess prinċipji għandhom japplikaw fil-każ ta’ talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari.

(a) Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, il-Kumitat josserva li, peress li B. Gollnisch esprima l-opinjoni tiegħu waqt konferenza stampa fil-11 ta’ Ottubru 2004, huwa ma kienx qed juża l-libertà ta’ espressjoni tiegħu ‘fil-qadi tad-[dmirijiet]’ ta’ deputat tal-Parlament Ewropew.

Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtijia minn B. Gollnisch, huwa esprima ġudizzju fuq il-massakru ta’ Katyn bħala risposta għal domandi tal-ġurnalisti dwar il-kritika kbira li kien għamel dwar is-suġġett ta’ ndħil politiku fir-rapport Rousso dwar l-opinjonijiet politiċi tal-universitarji tal-Univeristà Lyon-III. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu direttament marbuta mal-attivitajiet professjonali ta’ B. Gollnisch bħala professur fl-Università ta’ Lyon-III u ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-funzjonijiet tiegħu ta’ deputat fil-Parlament Ewropew.

Għalhekk, ma jistax jiġi allegat li kien qed jaġixxi ‘fil-qadi tad-[dmirijiet]’ ta’ deputat tal-Parlament Ewropew.

(b) L-Artikolu 7(6) tar-Regolament [intern tal-Parlament] ġie sodisfatt. Skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja Franċiż, l-inkjesta kriminali mibdija kontra B. Gollnisch ma tikkostitwixxix ostakolu għall-eżerċizzju tal-mandat tiegħu li twaqqfu, pereżempju, milli jipparteċipa fil-perijodi ta’ sessjoni tal-Parlament, għal-laqgħat tal-Kumitat eċċ. Minn din l-informazzjoni jirriżulta li B. Gollnisch ma għandux jidher fis-seduta u li jista’ jiġi rrappreżentat mill-avukat tiegħu. Barra minn hekk, fuq talba ta’ B. Gollnisch, is-seduta tista’ tiġi ddifferita.

2. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament [intern tal-Parlament], il-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għandha biss tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba ta’ ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

IV. Konklużjonijiet

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu preċedentement, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra l-ħarsien tal-immunità, jirrakkomanda li t-talba ta’ ħarsien tal-immunità ta’ B. Gollscher tiġi miċħuda.”

23. Permezz tad-Deċiżjoni 2005/2072 (IMM), tat-13 ta’ Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, il-Parlament segwa din il-proposta u, filwaqt li sempliċement semma r-rapport adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u mingħajr ma adotta motivi oħrajn, iddeċieda li “ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi” tar-rikorrent.

24. Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, il-Qorti tal-Appell ta’ Lyon ikkonfermat is-sentenza tal-qorti kriminali li kienet ikkundannat lir-rikorrent għal tliet xhur ħabs sospiżi u għal multa ta’ EUR 5 000 kif ukoll kundanna għall-ħlas tad-danni lill-partijiet ċivili.

25. Madankollu, b’sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti tal-Kassazzjoni (Qorti tal-Kassazzjoni ta’ Franza) ħassret u annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Lyon tat-28 ta’ Frar 2008. Il-Qorti tal-Kassazzjoni ddeċidiet, essenzjalment, li l-fatti li kien akkużat bihom ir-rikorrent ma setgħux jagħtu lok għal proċeduri kontrih u għalhekk temmet definittivament il-proċeduri kriminali mibdija kontrih.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26. Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2006 (li fl-1.12.2009 saret il-Qorti Ġenerali), ir-rikorrent ressaq rikors, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-ħlas tad-danni morali li huwa allegatament sofra.

27. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2006, ir-rikorrent ressaq, bis-saħħa tal-Artikolu 242 KE talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2006, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

28. Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2006, L. Romagnoli ressaq talba sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. B’digriet tal-14 ta’ Frar 2008, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

29. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2006, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli fit-totalità tiegħu.

30. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.

31. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu b’digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Jannar 2008.

32. Fl-14 ta’ Marzu 2008, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu.

33. Permezz ta’ ittra mir-reġistru tal-1 ta’ April 2008, ir-rikorrent intalab iressaq ir-replika tiegħu.

34. Ir-rikorrent naqas milli jippreżenta r-replika tiegħu fit-terminu stabbilit, imma madankollu iktar tard ikkonferma l-interess tiegħu għas-soluzzjoni tal-kawża.

35. Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

36. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2009.

37. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti Ġenerali, b’digriet tad-9 ta’ Lulju 2009, iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jipproduċu dokumenti u jwieġbu għal mistoqsijiet dwar l-imsemmija sentenza. Din it-talba ġiet sodisfatta.

38. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali, fis-17 ta’ Settembru 2009, ingħalqet il-proċedura orali.

39. Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

– tordna l-ħlas tas-somma ta’ EUR 8 000 bħala danni morali;

– tordna l-ħlas tas-somma ta’ EUR 4 000 għall-ispejjeż inkorsi għall-preżentata u l-preparazzjoni tar-rikors tiegħu.

40. Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tikkonstata li r-rikors sar mingħajr skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni wara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni mogħtija fit-23 ta’ Ġunju 2009;

– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq it-talba għal annullament

L-argumenti tal-partijiet

41. Ir-rikorrent, mitlub mill-Qorti Ġenerali jieħu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni fuq dawn il-proċeduri, essenzjalment isostni li huwa għad għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, sabiex jevita li din id-deċiżjoni toħloq preċedent, it-tieni nett, għaliex huwa s-suġġett ta’ proċeduri ġodda mibdija kontrih għal fatti ġodda u li għalhekk huwa importanti li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dawn il-kwistjonijiet ta’ liġi li tqajjem id-deċiżjoni kkontestata, sabiex il-Parlament, fil-futur, ma jerġax jieħu deċiżjoni simili, it-tielet nett, għaliex id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni ma annullatx kompletament id-dannu morali li kkawżatlu d-deċiżjoni kkontestata u r-raba’ nett, għaliex sofra dannu materjali minħabba l-ispejjeż li kellu jagħmel sabiex jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata.

42. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

43. Ir-rikorrent iressaq sitt motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel nett huwa jallega li l-Parlament wettaq abbuż ta’ proċedura, it-tieni nett, li kiser l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll, it-tielet nett, li l-Parlament għamel ħsara lill-prattika kostanti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-libertà ta’ espressjoni, u min-naħa l-oħra, il- fumus persecutionis , ir-raba’ nett, li l-Parlament kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-ħames nett, li l-Parlament għamel ħsara lill-indipendenza tad-deputat u, fl-aħħar sitt nett, li l-Parlament kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament intern tiegħu dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ deputat.

44. Il-Parlament isostni, essenzjalment, li r-rikorrent ma għadx għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-proċedura kriminali kontrih issa kienet intemmet b’mod irrevokabbli wara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009 u konsegwentement il-kwistjoni tal-immunità tar-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-kawża ma baqgħetx teżisti. Skont il-Parlament, minn dan jirriżulta li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jkollu l-ebda konsegwenza legali għar-rikorrent.

45. Il-Parlament jikkunsidra li fil-fatt ir-rikorrent bir-rikors tiegħu jrid jikseb li huwa jkollu jerġa’ jeżamina l-każ u li, wara dan l-eżami mill-ġdid, dan tal-aħħar iħares l-immunità tiegħu u li jiddeċiedi li hemm lok li jiġu sospiżi l-proċeduri kontrih, li issa huwa impossibbli fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni.

46. Għaldaqstant, filwaqt li jsostni li r-rikors huwa inammissibbli, il-Parlament iqis li, anki fl-ipoteżi li r-rikors jitqies li huwa ammissibbli, xorta ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

47. F’dak li jikkonċerna l-ammissibbilta, il-Parlament isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex effetti legali minħabba, minn naħa, in-natura tagħha u, min-naħa l-oħra, minħabba s-sistema ġenerali tal-immunitajiet parlamentari, u li, għaldaqstant, dan ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat.

48. F’dak li jikkonċerna l-mertu, il-Parlament isostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li r-rikors huwa intiż kontra r-rapport stabbilit mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u, b’mod partikolari, kontra l-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan ir-rapport; issa, hija biss deċiżjoni adottata matul is-seduta plenarja li tista’ tikkostitwixxi att tal-Parlament, filwaqt li la l-proposta ta’ deċiżjoni li tinsab fir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u lanqas l-espożizzjoni tal-motivi ma jistgħu jitqiesu li huma atti tal-Parlament.

49. It-tieni nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-atti dwar il-ħarsien tal-immunità ma jistgħux ikunu bbażati direttament fuq il-Protokoll u li, għalhekk, il-bażi legali magħżula kienet dik li tinsab fir-Regolament intern tiegħu fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti ta’ ħarsien tal-immunità.

50. It-tielet nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li, fil-kuntest ġuridiku tal-ħarsien tal-immunità, deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità setgħet teoretikament tittieħed kemm abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll kif ukoll abbażi tal-Artikolu 10 tiegħu.

51. Ir-raba’ nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-applikazzjoni neċessarja tal-imsemmi Artikolu 10 ma jqajmu la l-kwistjoni tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas dik tal-evalwazzjoni fil-mertu.

52. Il-ħames nett, il-Parlament jallega, essenjzalment, f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tas-sospensjoni tal-proċeduri, li r-rikorrent ma jsostnix, fir-rikors tiegħu, li l-Parlament kellu japplika t-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, imma li deċiżjoni ta’ ħarsien tal-immunità eventwali tar-rikorrent kellha jkollha l-effett previst minn din id-dispożizzjoni kostituzzjonali u li, skont dan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll ma jirreferix għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża.

53. Is-sitt nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li, anki kieku seta’ japplika din id-dispożizzjoni kostituzzjonali fir-rigward tar-rikorrent, huwa seta’, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jadotta l-istess deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

54. Is-seba’ nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, kienet, minn naħa, twassal għall-kwistjoni ta’ jekk kellux jaġixxi direttament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, pjuttost milli jsegwi proċedura prevista mir-Regolament intern tiegħu, peress li dan jippresupponi l-eżistenza ta’ immunità sabiex proċedura ta’ ħarsien tal-immunità tkun tista’ tirnexxi, filwaqt li, fil-kuntest tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, ma teżisti l-ebda immunità qabel id-deċiżjoni tal-Assemblea. Barra minn hekk, anki kieku aġixxa abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, il-Parlament iqis li seta’ jadotta deċiżjoni negattiva u li s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent xorta ma kinitx tinbidel.

55. Min-naħa l-oħra, skont il-Parlament, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ sospensjoni tal-proċeduri kienet tqajjem problema fir-rigward tal-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “sessjoni”, li għandha tiġi kkunsidrata fit-tifsira Komunitarja tagħha, li kien iwassal sabiex deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kienet tispiċċa bla effett fit-tmiem tas-sessjoni annwali 2005/2006, jiġifieri t-tieni Tlieta tax-xahar ta’ Marzu 2006, ħlief jekk ikun hemm tiġdid, mill-Parlament, tad-deċiżjoni li titlob is-sospensjoni tal-proċeduri.

56. It-tmien nett, il-Parlament isostni, essenzjalment, li r-rikorrent ma setax utilment jibbaża ruħu fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Parlament ma offrilux garanziji preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti li jippermettulu jaħseb li l-immunità tiegħu kienet se tiġi mħarsa, u dan peress li l-Parlament igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-qasam.

57. Id-disa’ nett, il-Parlament isostni li r-rikorrent ma ressaq l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel ħsara lill-indipendenza tiegħu bħala deputat.

58. Fl-aħħar u l-għaxar nett, il-Parlament isostni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament intern tal-Parlament huma infondati peress li din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda rabta mad-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent għadx għandu interess ġuridiku u, konsegwentement, jekk għadx hemm interess li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament.

60. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent fid-dawl tas-suġġett tar-rikors għandu jeżisti, taħt piena ta’ inammissibbiltà, fil-ġurnata meta jiġi ppreżentat dan ir-rikors. Barra minn hekk, l-interess tar-rikorrent sabiex jikseb sodisfazzjon għandu jibqa’ sa ma tingħata d-deċiżjoni tal-qorti taħt piena li ma jibqax lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42).

61. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq talba għal annullament meta rikorrent ikun tilef l-interess tiegħu fl-annullament tal-att ikkontestat minħabba avveniment li jkun seħħ matul l-istanza (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il‑Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata) li jwassal għall-konsegwenza li l-annullament ta’ dan l-att, waħdu, ma jkollux l-effett li joħloq konsegwenzi legali (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1997, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T‑25/96, Ġabra p. II‑363, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62. Barra minn hekk, ġie deċiż li, anki jekk l-interess li jkollu rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, dan għandu jistabbilixxi li l-effett fuq din is-sitwazzjoni jkun ċert (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33, u tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 26).

63. Matul l-istanza, il-Qorti tal-Kassazzjoni kkunsidrat li l-fatti li huwa akkużat bihom ir-rikorrent ma setgħux iwasslu għal proċeduri kontrih. Għalhekk twaqqfu definittivament il-proċeduri kriminali mibdija kontra r-rikorrent, li kienu taw bidu għat-talba li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

64. L-annullament waħdu tad-deċiżjoni kkontestata ma għadux jista’ jkollu konsegwenzi legali. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni, huwa eskluż li l-Parlament jieħu d eċiżjoni ġdida dwar l-immunità tar-rikorrent dwar il-fatti li wasslu għal din il-kawża, peress li ġie deċiż mill-Qorti tal-Kassazzjoni li dawn il-fatti ma setgħux iwasslu għal proċeduri kontrih.

65. Għalhekk, ir-rikorrent ma għadx għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament.

66. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrent fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali sabiex tikseb l-opinjoni tiegħu fuq l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009.

67. Fir-risposta tiegħu għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent jallega li kien suġġett għal proċeduri oħra fuq inizjattiva ta’ organizzazzjonijiet ostili għall-formazzjoni tiegħu, minħabba stqarrija għall-istampa ppubblikata minn grupp ta’ eletti li huwa jagħmel parti minnhom, u li, peress li opponew l-immunità tiegħu f’din l-okkażjoni, huwa għalhekk utli li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi f’dan il-każ.

68. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikorrent jista’ jżomm interess ġuridiku sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni jekk l-illegalità allegata tkun tista’ terġa’ tirrepeti ruħha fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ li ta lok għar-rikors ippreżentat minn dan ir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 50 sa 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69. Issa, anki fl-ipoteżi li, kif qed jallega, ir-rikorrent ikun suġġett għal proċeduri ġodda kontrih għal fatti ġodda, ma huwiex stabbilit li l-illegalità allegata f’dan il-każ tista’ terġa’ tirrepeti ruħha fil-futur, u dan indipendentement miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Fil-fatt, ir-rikorrent ma jikkontestax il-legalità tad-dispożizzjonijiet li huma applikati għalih, imma jsostni l-illegalità tal-mod kif użahom il-Parlament fiċ-ċirkustanzi tal-każ li wassal għal din il-kawża. Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq ma hijiex applikabbli fil-każ inkwistjoni u li, konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax utilment jallega li din l-illegalità tista’ terġa’ tirrepeti ruħha indipendentement miċ-ċirkustanzi relatati mal-każ inkwistjoni sabiex jiġġustifika l-interess ġuridiku tiegħu.

70. Barra minn hekk, ir-rikorrent għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jistabbilixxi li t-talba għal danni tiegħu, intiża għall-ħlas ta’ danni minħabba attakk fuq l-unur tiegħu li huwa jallega l-eżistenza tiegħu, hija fondata.

71. Huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikors għal annullament ma huwiex inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku sempliċement minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-istituzzjoni li għamlet l-att tista’ ssib ruħha fl-impossibbiltà, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li twettaq l-obbligu li għandha skont it-Trattat. F’każ bħal dan, ir-rikors jibqa’ jżomm interss ġuridiku tal-anqas bħala bażi għal rikors għal danni eventwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, 76/79, Ġabra p. 665, punt 9, u tal-31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 74).

72. Madankollu, f’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ressaq talba għad-danni flimkien mat-talba tiegħu għal annullament u li għalhekk il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ żball, eventwalment imwettaq mill-Parlament, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi fuq it-talba għal annullament. Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax utilment juża din il-ġurisprudenza sabiex jiġġustifika l-interess ġuridiku tiegħu.

73. Fl-aħħar nett, il-ħlas tal-ispejjeż għall-preżentata tar-rikors jaqgħu taħt evalwazzjoni fuq l-ispejjeż u lanqas dawn ma jistgħu jkunu ta’ bażi għall-interess ġuridiku tar-rikorrent sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

74. Għalhekk, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament.

2. Fuq it-talba għad-danni

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

75. Il-Parlament isostni, essenzjalment, li r-rikorrent fir-rikors tiegħu ma jressaq l-ebda element konkret, jew l-ebda prova, li tistabbilixxi li jeżistu t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għar-responsabbiltà tal-Komunità, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat ta’ istituzzjoni Komunitarja, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat, u li, għaldaqstant, it-talba għal danni hija inammissibbli.

76. L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis, essenzjalment, li wera suffiċjentement skont il-liġi l-illegalità tal-aġir tal-Parlament, billi fakkar il-motivi li huwa invoka insostenn tat-talba tiegħu għal annullament u, b’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet abbażi ta’ bażi legali manifestament inadegwata. It-tieni nett, huwa jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tesponih għal dannu morali u għal “persekuzzjoni ġudizzjarja”, dannu li jfisser attakk fuq l-unur tiegħu li jirriżulta mill-fatt li l-istampa Franċiża u internazzjonali interpretat ir-rifjut li tiġi mħarsa l-immunità bħala rinnegament tal-Parlament. It-tielet nett, huwa jqis li ġiet stabbilita rabta kawżali bejn l-att illegali tal-Parlament u d-dannu li jirriżulta minnu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77. Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi invokati. Rikors intiż għall-ħlas ta’ danni kkawżati allegatament minn istituzzjoni għandu jinkludi, sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża bih lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom iqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa allegatament sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Lulju 2005, Polyelectrolyte Producers Group vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑376/04, Ġabra p. II‑3007, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-anqas fil-qosor, imma b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikorrent stess (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, T‑308/05, Ġabra p. II‑5089, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-indikazzjonijiet li jinsabu fir-rikors kinux suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar it-talba mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu.

79. Għandu jiġi kkontstat li mill-qari tar-rikors, partikolarment dettaljat, jirriżulta li l-aġir li huwa akkużat bih il-Parlament huwa identifikat b’mod ċar, li jindika li d-deċiżjoni kkontestata tesponi lir-rikorrent għal dannu morali u għal “persekuzzjoni ġudizzjarja” u jinkludi talba għall-kundanna tal-Parlament għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 8 000 bħala ħlas għad-danni morali.

80. Jidher li dawn l-indikazzjonijiet huma biżżejjed sabiex jippermettu lill-Parlament jiddefendi ruħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq it-talba għad-danni.

81. Għalhekk, it-talba għal danni għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

82. Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-aġir tal-Parlament huwa vvizzjat b’illegalità u kkawżalu dannu morali, dannu li huwa ppreċiża li kien attakk fuq l-unur tiegħu. Huwa jikkwantifika dan id-dannu għal EUR 8 000. Madankollu, huwa jirrikonoxxi li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Kassazzjoni naqqset parti minn dan id-dannu.

83. Għandu jitfakkar li r-rikorrent, essenzjalment isostni, l-ewwel nett, li l-Parlament wettaq abbuż ta’ proċedura, it-tieni nett, li kiser l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll, it-tielet nett, li l-Parlament għamel ħsara lill-prassi kostanti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-libertà ta’ espressjoni u, min-naħa l-oħra, il- fumus persecutionis , ir-raba’ nett, li l-Parlament kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-ħames nett, li l-Parlament għamel ħsara lill-indipendenza tad-deputat u, fl-aħħar u s-sitt nett, li l-Parlament kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament intern tiegħu dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ deputat.

84. Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, essenzjalment, li l-Artikolu 9 tal-Protokoll, li jsemmi l-opinjonijiet jew il-voti mogħtija mill-parlamentari fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li huwa meqjus mill-Parlament bħala bażi tad-deċiżjoni tiegħu li ma jħarisx l-immunità tiegħu, ma setax japplika f’dan il-każ, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss l-opinjonijiet u l-voti mogħtija fil-kuntest tal-assemblea plenarja u f’laqgħat ta’ organi parlamentari, bħall-kumitati jew il-gruppi politiċi, u mhux l-opinjonijiet espressi waqt kungress jew matul kampanja elettorali.

85. Ir-rikorrent isostni, min-naħa l-oħra, li huwa l-Artikolu 10 tal-Protokoll li japplika f’dan il-każ, peress li din id-dispożizzjoni fil-fatt tikkonċerna, b’mod partikolari, l-atti li ma jikkostitwixxux opinjonijiet jew voti, kemm jekk jitwettqu fil-kuntest tal-Parlament Ewropew jew le. L-opinjonijiet li minħabba fihom tressqu proċeduri kontrih intqalu waqt konferenza stampa li nżammet sabiex jitfakkar il-bidu tal-attivitajiet politiċi wara l-pawża tas-sajf, fil-bini tal-partit politiku li huwa jirrappreżenta.

86. Billi rrefera biss għall-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Parlament wettaq żball ta’ liġi.

87. Il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Komunità ma humiex sodisfatti u li t-talba għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

88. Fir-rigward tal-legalità tal-aġir li huwa akkużat bih, il-Parlament isostni, essenzjalment, fil-kuntest tat-talba għal annullament, l-ewwel nett, li r-rikors huwa, fil-fatt, intiż kontra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, filwaqt li hija biss id-deċiżjoni li adotta huwa stess li tista’ tikkostitwixxi wieħed minn dawn l-atti, peress li la l-proposta ta’ deċiżjoni li tinsab fir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u lanqas il-motivi ma jistgħu jitqiesu li huma atti tal-Parlament; it-tieni nett, li, peress li l-atti relatati mal-ħarsien tal-immunità ma jistgħux jiġu bbażati direttament fuq il-Protokoll, il-bażi legali magħżula kienet dik li tinsab fir-Regolament intern tiegħu dwar il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti ta’ ħarsien tal-immunità; it-tielet nett, li deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità teoretikament setgħet tittieħed kemm abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll kif ukoll abbażi tal-Artikolu 10 tiegħu; ir-raba’ nett, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-applikazzjoni neċessarja tal-Artikolu 10 tal-Protokoll ma jaqgħu la taħt il-kwistjoni tal-bażi legali tal-att u lanqas taħt l-evalwazzjoni tal-mertu; il-ħames nett, li skont hu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll ma jirreferix għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, u li r-rikorrent ma jsostnix li l-Parlament kellu japplika l-imsemmi tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, imma li deċiżjoni ta’ ħarsien tal-immunità eventwali tar-rikorrent kellha jkollha l-effett previst minn din id-dispożizzjoni kostituzzjonali; is-sitt nett, li anki kieku seta’ japplika din id-dispożizzjoni kostituzzjonali fir-rigward tar-rikorrent, il-Parlament, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, seta’ jadotta l-istess deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata; is-seba’ nett, li l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża wasslet sabiex tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Parlament kellux jaġixxi direttament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, pjuttost milli jsegwi l-proċedura prevista mir-Regolament intern tiegħu, u li, anki jekk il-Parlament kien aġixxa abbażi tal-imsemmi tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, xorta seta’ jadotta deċiżjoni negattiva u li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent kienet tibqa’ l-istess; barra minn hekk, l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kontrih kienu jispiċċaw fl-aħħar tas-sessjoni plenarja 2005/2006, jiġifieri t-tieni Tlieta tax-xahar ta’ Marzu 2006 – ħlief jekk il-Parlament iġedded id-deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċeduri kontrih –, jiġifieri qabel ma r-rikorrent jiġi ġġudikat mill-qorti kriminali; it-tmien nett, li r-rikorrent ma setax utilment isostni ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; id-disa’ nett, li r-rikorrent ma jressaq l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel ħsara lill-indipendenza tiegħu bħala deputat; fl-aħħar u l-għaxar nett, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament intern tal-Parlament huma infondati.

89. Fir-rigward tar-rabta ta’ kawżalità, il-Parlament isostni li huwa ma huwiex responsabbli għall-fatt li terzi interpretaw b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata u raw fiha preżunzjoni ta’ ħtija tar-rikorrent.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44).

91. Dawn it-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità huma kumulattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 14, u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T‑43/98, Ġabra p. II‑3519, punt 59). Għalhekk, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex rikors għal annullament jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, DLD Trading vs Il-Kunsill, T‑146/01, Ġabra p. II‑6005, punt 74).

92. F’dan il-każ, l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet dwar l-illegalità tal-aġir tal-Parlament.

– Fuq l-aġir li huwa akkużat bih il-Parlament

93. Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, imsemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, huwa dak ta’ nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi minn din l-istituzzjoni tal-limiti applikabbli għas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew ineżistenti, is-sempiċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur biżżejjed serju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 43 u 44, u tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134).

94. Barra minn hekk, għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Komunità Ewropea mill-Protokoll huma ta’ natura funzjonali sa fejn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Komunitajiet (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 1989, Générale de Banque vs Il-Kummissjoni, 1/88 SA, Ġabra p. 857, punt 9, u tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et , C‑2/88 IMM, Ġabra p. I-3365, punt 19), xorta jibqa’ l-fatt li dawn ingħataw espressament lill-Membri tal-Parlament kif ukoll lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Komunità. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet huma previsti fl-interess pubbliku Komunitarju jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija esklużivament lill-Komunità u mhux ukoll lill-uffiċjali tagħha, lill-aġenti l-oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jiġi ppreżentat rikors skont it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlement, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punt 28; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs Il‑Belġju, 6/60, Ġabra p. 1125, 1148).

95. Għandu jiġi kkonstatat li L. Romagnoli, fl-ittra li bagħat lill-President tal-Parlament bid-data tas-7 ta’ April 2005 sabiex jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali jħares l-immunità parlamentari tar-rikorrent, filwaqt li rrefera għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, indika li l-immunità parlamentari li jibbenefika minnha B. Gollnisch kienet dik prevista fl-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, li jipprovdi li l-Assemblea li l-parlamentari jagħmel parti minnha tista’ teżiġi s-sospensjoni tal-proċeduri kontrih. Għalhekk kien qiegħed jaġixxi, abbażi tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament intern tal-Parlament, għall-ħarsien tal-immunità ta’ B. Gollnisch, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar.

96. Matul is-seduta, il-Parlament ammetta li l-għan tat-talba ta’ L. Romagnoli kien speċifikament li jikseb mill-Parlament li dan jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll u tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża.

97. Għandu jiġi kkonstatat li, billi mexa fuq il-proposta li kienet saritlu mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali sabiex ineħħi l-immunità ta’ B. Gollnisch u billi semma, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rapport ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma fformula ebda riżerva fir-rigward tal-kontenut tal-motivi li jinsabu f’dan id-dokument, il-Parlament għamel tiegħu l-motivi tar-rapport.

98. Minn dan jirriżulta li l-kritika magħmula fl-ewwel parti tal-motivi tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandha tiġi kkunsidrata li hija diretta kontra l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mote vs Il-Parlament, punt 94 iktar ’il fuq, punt 59).

99. Mill-abbozzi tar-rapporti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jirriżulta li:

– fl-ewwel abbozz tar-rapport, il-konklużjoni proposta kienet li titħares l-immunità tar-rikorrent abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll;

– fit-tieni abbozz tal-istess rapport, il-konklużjoni proposta kienet li ma titħarisx l-immunità tar-rikorrent abbażi ta’ raġunament ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll;

– fit-tielet abbozz, il-konklużjoni kienet li ma titħarisx l-immunità tar-rikorrent la abbażi tal-Artikolu 9 u lanqas abbażi tal-Artikolu 10 tal-Protokoll;

– fl-aħħar verżjoni tiegħu, il-konklużjoni tar-rapport, hekk kif adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u, sussegwentement, mill-Parlament stess, hija li ma titħarisx l-immunità tar-rikorrent filwaqt li ġie ppreċiżat fil-paragrafu 1 taħt it-titolu “III. Motivi għad-deċiżjoni proposta”, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li dan il-każ kellu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

100. Fid-dawl tal-kontenut tat-talba li kienet saret lill-Parlament li l-għan tagħha kien intiż sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-proċeduri taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll u tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, il-Parlament, billi ddeċieda li jeżamina din it-talba fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll biss, għandu jitqies li rrifjuta li jeżaminaha fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tiegħu.

101. Għandu jiġi rrikonoxxut li l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li kellu intenzjoni jagħti lid-deċiżjoni fir-rigward ta’ talba bħal dik li tressqet f’dan il-każ.

102. Xorta jibqa’ l-fatt li, peress li, f’dan il-każ, il-Parlament intalab jagħti deċiżjoni dwar talba għal sospensjoni tal-proċeduri abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, li kien mingħajr ambigwità, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kellhiex tittieħed abbażi tal-Artikolu 9 jew abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll ma kinitx taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Parlament.

103. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma ddeċidiex li jilqa’ jew li ma jilqax it-talba li kienet saritlu, ħaġa li kienet tikkostitwixxi deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

104. Min-naħa l-oħra, ir-risposta tal-Parlament għat-talba li kienet saritlu kienet li ma kellux intenzjoni li jħares l-immunità tar-rikorrent fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

105. Għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament, billi astjena milli jiddeċiedi abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, ma ħax deċiżjoni fir-rigward ta’ sospensjoni eventwali tal-proċeduri, hekk kif previst bl-Artikolu 26(3) tal-Kostituzzjoni Franċiża.

106. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll jimplikaw li l-estensjoni u l-portata tal-immunità li jgawdu minnha d-deputatati fit-territorju nazzjonali tagħhom jiġu ddeterminati mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni.

107. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tal-att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (ĠU 1976, L 278, p. 5), sa mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004, il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-Parlament nazzjonali, huwa l-Parlament Ewropew li għandu jiżgura l-effettività tal-immunitajiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, ħaġa li ġiet ammessa mill-Parlament matul is-seduta.

108. Peress li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 94 iktar ’il fuq, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll, li għandu l-għan – flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirreferi għalih – li tiġi stabbilita sistema ta’ immunitajiet li jgawdu minnhom il-Membri tal-Parlament fit-territorju nazzjonali tagħhom matul is-sessjonijiet tal-Parlament, joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni msemmija u, għalhekk, jikkostitwixxi, regola ta’ liġi li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-Membri tal-Parlament li jibbenefikaw minnhom, minn dan isegwi li, billi ma ddeċidiex abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, il-Parlament kiser b’mod serju biżżejjed regola ta’ liġi li għandha l-iskop li tagħti dritt lill-individwi.

109. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, jiġifieri dawk relatati ma’ dannu u mal-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità.

– Fuq ir-rabta ta’ kawżalità

110. Skont ġurisprudenża stabbilita fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità hija sodisfatta fil-mument li tkun teżisti rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-att imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipprova. Il-Komunità tista’ tinżamm responsabbli biss għal dannu li jirriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25, u d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2007, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑255/06 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 61), jiġifieri li dan l-aġir għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Royal Olympic Cruises et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑201/99, Ġabra p. II‑4005, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, ma hijiex il-Komunità li għandha tħallas għal kull konsegwenza dannuża, anki mill-bogħod, tal-aġir tal-organi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21).

111. Ir-rikorrent jallega li l-illegalitajiet imwettqa mill-Parlament, li huma mfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq, huma l-oriġini tal-attakk għall-unur tiegħu li huwa jinvoka.

112. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent sostna, fir-risposta tiegħu tat-23 ta’ Lulju 2009 għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni ma kinitx ikkanċellat kompletament id-dannu morali li kkawżatlu d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrent jidentifika huwa stess il-proċeduri mressqa kontrih mill-awtoritajiet Franċiżi bħala l-oriġini tad-dannu jew ta’ parti minnu.

113. Għalhekk, l-illegalità mwettqa mill-Parlament, li hija li rrifjuta li jeżamina t-talba skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, u, ukoll, li ma rrispondiex fuq din il-bażi, ma tikkostitwixxix il-kawża diretta u determinanti tal-attakk għall-unur – jew, tal-anqas, ta’ parti mill-attakk għall-unur – li huwa jsostni.

114. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-illegalita li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tikkostitwixxi l-kawża diretta u determinanti tal-attakk għall-unur li jsostni r-rikorrent.

115. Fil-fatt, kif jirrikonoxxi r-rikorrent fir-risposta tiegħu bil-miktub għad-domanda tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni, għalkemm il-Parlament ibbaża ruħu fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(a) tal-Protokoll, huwa seta’ jieħu kemm id-deċiżjoni li jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri, kif ukoll deċiżjoni li ma jitlobx is-sospensjoni tal-proċeduri.

116. Id-deċiżjoni li jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri fil-fatt ma tikkostitwixxix il-konsegwenza neċessarja tat-tressiq ta’ talba f’dan is-sens magħmula lill-Parlament, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Parlament f’dan il-qasam.

117. Għaldaqstant, il-fatt li l-Parlament ma laqax it-talba li saritlu sabiex jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri fuq bażi legali żbaljata ma jistax ikun il-kawża diretta u determinanti tad-dannu allegat, fil-każ li dan jiġi stabbilit.

118. Peress li r-rabta ta’ kawżalità ma ġietx stabbilita, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-aħħar kundizzjoni għar-responsabbiltà tal-Komunità, jiġifieri d-dannu.

Fuq l-ispejjeż

119. Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Parlament jiġi kkundannat iħallsu s-somma ta’ EUR 4 000 għall-ispejjeż inkorsi għall-avukat u għall-preparazzjoni tar-rikors tiegħu. Huwa jafda fl-għaqal tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba tiegħu.

120. Il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-indikazzjoni ta’ ħlas f’somma waħda kif indikat mir-rikorrent ma huwiex previst mill-Artikoli 87 et seq tar-Regoli tal-Proċedura u għaldaqstant, li t-talba intiża għall-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż hija inammissibbli.

121. Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat.

122. Minkejja li ma għandux dritt għal somma waħda, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tar-rikorrent hija intiża għall-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż. Għaldaqstant, ma hijiex inammissibbli.

123. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

124. Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

125. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż inkorsi mir-rikorrent, inkluż ukoll dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1) Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament.

2) It-talba għad-danni hija miċħuda.

3) Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti minn Bruno Gollnisch, inklużi wkoll dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

4) B. Gollnisch għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu, inklużi wkoll dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Top