EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0287

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 29 ta' Marzu 2007.
D. P. W. Hendrix vs Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Centrale Raad van Beroep - l-Olanda.
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f'pajjiż ieħor -Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE u 39 KE - Regolament (KEE) Nru 1408/71 -Artikoli 4(2a), u 10a, kif ukoll Anness IIa - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 7(1) - Benefiċċji speċjali mhux kontributorji -Benefiċċju Olandiż għal żgħażagħ b'diżabbiltà - Natura mhux esportabbli.
Kawża C-287/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06909

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:196

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 20071(1)

Kawża C-287/05

D.P.W. Hendrix

vs

Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Centrale Raad van Beroep)

“Sigurtà soċjali – Benefiċċji speċjali mhux kontributorji – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea”





I –    Introduzzjoni

1.        Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà residenti fl-Olanda, li l-inkapaċità tagħhom għax-xogħol hija totali jew parzjali, igawdu minn benefiċċju fi flus bis-saħħa tal-Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten (liġi dwar l-għoti ta’ għajnuna liż-żgħażagħ b’diżabbiltà milqutin minn inkapaċità għax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“liġi Wajong”). Il-benefiċċju jissostitwixxi l-paga jew jikkompletaha sakemm tintlaħaq il-paga minima.

2.        Fis-sentenza Kersbergen-Lap u Dams-Schipper(2), li ngħatat wara d-digriet li ta lok għal din id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-benefiċċju prevista mil-liġi Wajong huwa wieħed speċjali ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament 1408/71(3), li skond l-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament ma titħallasx lil min ma jkunx residenti. Madankollu, fil-kawża msemmija r-rikorrenti ma kinux jeżerċitaw attività professjonali, u għalhekk il-benefiċċju fil-konfront tagħhom, issostitwixxa in toto dħul professjonali.

3.        Bil-kontra ta’ dan, is-sur Hendrix, l-appellant fil-kawża prinċipali, huwa impjegat. Billi l-paga tiegħu kienet inqas mid-dħul minimu legali, sakemm kien joqgħod fl-Olanda kien jirċievi, biex jikkompleta l-paga tiegħu, kontribuzzjoni fi flus prevista mil-liġi Wajong. Wara li ttrasferixxa ruħu fil-Belġju, il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni ġie sospiż.

4.        Għaldaqstant, minbarra ż-żieda fil-benefiċċju skond ir-Regolament Nru 1408/71, is-Centrale Raad van Beroep iqajjem għaldaqstant il-kwistjoni jekk ħaddiem jistax jinvoka l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront ta’ l-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, meta huwa jkun impjegat fl-istess Stat Membru, u ttrasferixxa biss ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Jekk f’dan il-każ japplika l-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi stabbilit b’liema mod ir-regoli fir-Regolament Nru 1408/71 fuq il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji jikkonformaw ma’ dan il-prinċipju. Il-qorti titlob wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq il-kompattibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni msemmi stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

5.        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68(4) jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

6.        L-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jistabbilixxi dan li ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffetwa miżuri meħudin skond l-Artikolu 51 tat-Trattat”.

7.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

"1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)      benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

[...]

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji, u għall-iskemi li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbilità ta’ min iħaddem jew is-sid ta’ bastiment rigward il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1.

2a.      Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li huma pprovduti taħt leġiżlazzjoni jew skemi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1 jew esklużi permezz tal-paragrafu 4, billi dawn il-benefiċċji huma maħsuba:

a)      jew sabiex jipprovdu protezzjoni suplimentari, sostitwita jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (h), jew

b)      unikament bħala protezzjoni speċifika għall-persuni b’diżabilità.

2b      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet fil-liġijiet ta’ Stat Membru li jikkonċernaw benefiċċji speċjali mhux kontributorji, imsemmija fl-Anness II, it-Taqsima III, u li l-validità tagħhom hija limitata għal parti mit-territorju tiegħu.

[...].

4.      Dan ir-Regolament ma għandux japplika [...] għall-għajnuna soċjali u dik medika”.

8.        Għal dak li għandu x’jaqsam mal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji skond l-Artikolu 4(2a), l-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u tat-Titolu III, il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jingħataw il-benefiċċji fi flus non-kontributorji speċjali li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 4(2a) esklussivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih jabitaw, skond il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, basta tali benefiċċji jkunu mniżżla fl-Anness IIa. Tali benefiċċji jingħataw minn u bi spejjeż ta’ l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza”.

9.        Fl-Anness IIa, punt Q, tar-Regolament Nru 1408/71 hemm il-liġi Olandiża fir-rigward tal-benefiċċji ta’ għajnuna lil żgħażagħ b’diżabbiltà milqutin b’inkapaċità li jaħdmu.

10.      L-Artikolu 95b(8) tar-Regolament 1408/71 jgħid hekk:

“L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1247/92 tista’ ma tirriżultax fit-tneħħija ta’ benefiċċji li kienu ngħataw qabel l-1 ta’ Ġunju 1992 mill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt it-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 li għalih huwa applikabbli l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ l-aħħar”.

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Fl-Olanda, il-ħaddiema impjegati, sa mill-ewwel jum ta’ xogħol igawdu minn assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol bis-saħħa tal-Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering (liġi dwar l-assigurazzjoni minħabba inkapaċità għax-xogħol − WAO). Il-persuni li minħabba diżabbiltà ma jistgħux jaħdmu jew kellhom minn dejjem kapaċità limitata għax-xogħol ma jirċievu l-ebda benefiċċju taħt il-WAO.

12.      Sal-bidu ta’ l-1998 kienet applikabbli fl-Olanda l-Algemene Arbeidsongeschiktheidswet (liġi ġenerali fuq l-inkapaċità għax-xogħol) (AAW), li stabbiliet assigurazzjoni għall-inkapaċità għax-xogħol għall-persuni kollha li huma residenti fl-Olanda u li ma kinux assigurati taħt il-WAO. Skond dik il-liġi, b’mod partikolari, dawk li kellhom inkapaċità għax-xogħol fl-għeluq is-17-il sena tagħhom setgħu jitolbu, meta jagħlqu tmintax-il sena, ammont ta’ benefiċċju minimu għaż-żgħażagħ b’diżabbiltà. Il-benefiċċji mogħtija skond l-AAW kienu ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurati, u l-ammont tagħhom kien jiddependi mid-dħul taxxabbli rispettiv.

13.      Mill-1 ta’ Jannar 1998 l-AAW, safejn huwa rilevanti f’dan il-każ, ġiet issostitwita mill-Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten (liġi dwar il-benefiċċji ta’ għajnuna għaż-żgħażagħ milqutin minn inkapaċità għax-xogħol) ta’ l-24 ta’ April (Liġi Wajong). Il-liġi Wajong tistabbilixxi għall-kategorija speċjali ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà benefiċċju li jikkorrispondi għal dak li huwa kkunsidrat fl-Olanda bħala l-minimu għall-għixien.

14.      Id-dritt għall-benefiċċji taħt il-liġi Wajong, iffinanzjati kważi għal kollox mir-riżorsi statali, ma jiddipendix mill-istat ta’ bżonn personali. Madankollu l-benefiċċji jitnaqqsu jekk il-benefiċjarju jkollu dħul minn xogħol.

15.      Kuntrarjament għall-każ taħt l-AAW ta’ qabel, il-benefiċċji taħt il-liġi Wajong jingħataw biss lil residenti b’diżabbiltà li joqgħodu fl-Olanda. Mill-1 ta’ Settembru 2002 ġiet introdotta klawżola fil-liġi Wajong għall-każijiet fejn ikun hemm diffikultajiet soċjali, li biha huwa possibbli li ssir deroga mir-rekwiżit ta’ residenza meta t-tmiem tad-dritt għall-benefiċċju jwassal għal sitwazzjoni ta’ diffikultà inġusta, li tiġi rikonoxxuta, per eżempju fil-każ meta żagħżugħ b’diżabbiltà jkollu bżonn ta’ trattament mediku barra mill-pajjiż, jekk ikun jista’ jikseb post tax-xogħol barra b’ċertu prospetti ta’ integrazzjoni jew jekk l-persuna li jiddependi minnha għall-għajnuna tkun imġiegħla toqgħod barra mill-Olanda.

16.      Skond il-Wet op de (re)integratie arbeidsgehandicapten [liġi dwar ir-(re)integrazzjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà – Wet REA), min jimpjega jista’ jiġi eżonerat mill-obbligu ta’ ħlas tal-paga minima legali lil ħaddiema b’diżabbiltà li jagħmlu xogħol manifestament inferjuri għal dak normali.

III – Il-fatti u l-proċedura

17.      D.P.W. Hendrix, ċittadin Olandiż, twieled fis-26 ta’ Settembru 1975. Huwa għandu diżabbiltà mentali u minħabba f’hekk huwa meqjus li jbati minn inkapaċità għax-xogħol ta’ bejn 80 % u 100 %. B’effett mis-26 ta’ Settembru 1993 huwa ngħata benefiċċju skond l-AAW.

18.      Mill-1 ta’ Frar 1994 Hendrix kien impjegat f’ħanut ta’ l-għodda fl-Olanda. Skond il-Wet REA, min kien jimpjegah kien eżonerat mill-obbligu li jħallsu l-paga minima stabbilita mil-liġi. Għaldaqstant, Hendrix kien jaqla’ 70 % biss tal-paga minima legali u, għal dik ir-raġuni, kien jingħatalu benefiċċju skond il-liġi Wajong, ta’ ammont ekwivalenti għal dak dovut fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol ta’ bejn 25 u 35 %.

19.      Fl-1 ta’ Ġunju 1999, Hendrix ittrasferixxa ruħu fil-Belġju, iżda madankollu żamm l-impjieg tiegħu fl-Olanda. B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 1999, ir-Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (iktar ’il quddiem il-“konvenut”) waqqaf il-benefiċċju Wajong mill-1 ta’ Lulju 1999. Peress li l-eżenzjoni rigward il-paga minima mogħtija lil min jimpjega baqgħet fis-seħħ u peress li dan ta’ l-aħħar ċaħad it-talba għal żieda fil-paga, ġie xolt il-kuntratt tax-xogħol. Mill-5 ta’ Lulju 1999 Hendrix huwa impjegat f’ħanut ieħor ta’ l-għodda fejn jirċievi l-paga minima legali(5). Fl-2001 Hendrix mar lura l-Olanda.

20.      Billi l-kawża amministrattiva baqgħet mingħajr eżitu, Hendrix ressaq rikors kontra s-sospensjoni tal-benefiċċju Wajong quddiem ir-Rechtbank Amsterdam, li ċaħad it-talba b’sentenza tas-16 ta’ Marzu 2001. B’digriet tal-5 ta’ Lulju 2005, il-qorti ta’ l-appell, is-Centrale Raad van Beroep, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari skond l-Artikolu 234 KE:

1.      Jekk benefiċċju mħallas skond il-liġi Wajong, imsemmija fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, għandux jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju, skond l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1480/71, b’tali mod li għal individwu bħall-appellant fil-kawża prinċipali għandhiex tapplika għalih esklużivament ir-regola tal-koordinazzjoni li hemm fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71? Jekk għat-tweġiba ta’ din id-domanda huwiex rilevanti l-fatt li l-individwu kkonċernat kien irċieva oriġinarjament benefiċċju AAW (ta’ natura kontributorja) għal żgħażagħ b’diżabbiltà, li mill-1 ta’ Jannar 1998, inbidel ipso jure f’benefiċċju taħt il-liġi Wajong?

2.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ħaddiem jistax jinvoka l-Artikolu 39 KE, kif implementat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, fil-konfront ta’ Stat Membru li huwa ċittadin tiegħu, jekk ikun ħadem esklużivament f’dan l-istess Stat Membru, iżda huwa residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u t-tieni domanda, l-Artikolu 39 KE kif implementat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, għandux jinftiehem fis-sens li huwa dejjem kompatibbli ma’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tissuġġetta l-għoti jew iż-żamma ta’ benefiċċju għar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju ta’ l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tapplika, meta s-sistema msemmija tipprovdi għal benefiċċju speċjali, mhux kontributorju, skond l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u li jissemma’ fl-Anness IIa tar-Regolament stess?

4.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u t-tieni domanda u f’każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda, għandux id-dritt Komunitarju jiġi interpretat (ara partikolarment l-Artikoli 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u 39 KE, kif ukoll l-Artikoli 12 u 18 KE), fis-sens li n-natura tal-liġi Wajong tirrappreżenta ġustifikazzjoni suffiċjenti biex ikun hemm il-ħtieġa tar-rekwiżit tar-residenza fil-konfront ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jiżvolġi xogħol full-time fl-Olanda u jkun f’dak ir-rigward suġġett esklużivament għal-liġi ta’ l-Olanda?

IV – Il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari − In-natura tal-benefiċċju bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju, fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71

21.      L-ewwel domanda mibgħuta mir-Raad van Beroep hija intiża biex tistabbilixxi jekk benefiċċju mħallas abbażi tal-liġi Wajong għandux jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1407/71, fejn għandha tiġi applikata r-regola ta’ koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament.

22.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat-tweġiba fl-affermattiv fis-sentenza Kersbergen, għaliex il-benefiċċju in kwistjoni huwa msemmi fl-Anness IIa tar-Regolament 1408/71 u huwa kemm ta’ natura mhux kontributorja u speċjali(6). Huwa għandu n-natura ta’ benefiċċju speċjali għaliex minn naħa għandu l-karatteristiċi ta’ benefiċċju għall-invalidità tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 u min-naħa oħra ta’ għajnuna soċjali. Il-benefiċċju huwa fil-fatt maħsub biex jiggarantixxi dħul minimu lil kategorija li hija soċjalment dgħajfa (iż-żgħażagħ b’diżabbiltà)(7).

23.      Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-għoti tal-benefiċċju Wajong mhuwiex marbut ma’ l-eżami tas-sitwazzjoni tal-bżonn finanzjarju individwali(8) ma jqiegħedx fid-dubju l-fatt li hija simili għal għajnuna soċjali. Huwa biżżejjed, għal dan l-iskop, li l-kategorija ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà li tieħu dan il-benefiċċju, ma jkollhiex mezzi suffiċjenti ta’ għixien(9).

24.      Bl-ewwel domanda preliminari, is-Centrale Raad van Beroep tistaqsi ukoll jekk huwiex rilevanti l-fatt li l-individwu kkonċernat kien irċieva oriġinarjament benefiċċju AAW ta’ natura kontributorja mogħti lil żagħżagħ b’diżabbiltà li ma kienx suġġett għar-rekwiżit tar-residenza, imma li mill-1 ta’ Jannar 1998 inbidel f’benefiċċju taħt il-liġi Wajong.

25.      F’dan ir-rigward, dejjem fis-sentenza Kersbergen, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li ma jistax jiġi invokat il-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet miksuba meta l-benefiċjarju jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu barra mill-pajjiż wara li l-benefiċċju AAW jkun inbidel bil-benefiċċju Wajong(10). Ladarba Hendrix mar il-Belġju fl-1 ta’ Ġunju 1999, huwa ma jistax jinvoka dak il-prinċipju legali. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ sistema tranżitorja ta’ natura differenti, l-effetti legali tat-trasferiment tar-residenza għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv fis-seħħ f’dik id-data.

26.      F’dan il-każ partikolari, l-Artikolu 95a(8) tar-Regolament Nru 1408/71 mhuwiex ta’ utilità għaliex, qabel l-1 ta’ Ġunju 1992, Hendrix ma kienx għadu qed jirċievi l-benefiċċji li qed jintalab li jkomplu jingħataw skond dik id-dispożizzjoni.

27.      Għalhekk għandu jitqies fl-ewwel lok li benefiċċju mħallas abbażi tal-liġi Wajong għandu jitqies bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju skond l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, li għalih tapplika r-regola ta’ koordinazzjoni li hemm fl-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament. L-istess raġunament jgħodd ukoll fil-każ li l-individwu kkonċernat jirċievi fil-bidu benefiċċju ta’ natura kontributorja li tinbidel, mill-1 ta’ Jannar 1998, f’benefiċċju taħt il-liġi Wajong.

28.      Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżit ta’ residenza li jinsab fl-Artikolu 10a tar-Regolament 1408/71, fil-kundizzjonijiet ta’ dan il-każ partikolari, huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari −Possibbiltà li jiġi invokat l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront ta’ Stat Membru li l-ħaddiem huwa ċittadin tiegħu

29.      Bit-tieni domanda tagħha, is-Centrale Raad van Beroep tistaqsi jekk ħaddiem jistax jinvoka l-Artikolu 39 KE kif implementat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 fil-konfront ta’ Stat Membru li huwa ċittadin tiegħu, jekk huwa jaħdem u jkompli jaħdem esklużivament f’dak l-istess Stat Membru, iżda jkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

30.      Il-benefiċċju Wajong jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, għaliex ġeneralment jingħata lill-ħaddiema ċittadini minħabba l-fatt oġġettiv li huma ħaddiema jew għas-sempliċi fatt li huma residenti fit-territorju nazzjonali(11).

31.      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa l-implementazzjoni tal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni, diġà stabbilita fl-Artikolu 39 KE, fl-għoti ta’ vantaġġi soċjali(12). Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, l-Istat Membru li jospita ma jistax jagħti lill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħrajn, minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, trattament differenti minn dak tal-ħaddiema li huma ċittadini tiegħu. B’dak il-mod, id-dispożizzjoni tidher li ma tilħaqx il-livell ta’ garanzija fl-Artikolu 39 KE li kull ċittadin Komunitarju jista’ jinvoka jekk ikun eżerċita d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema indipendentement mill-post ta’ residenza u ta’ ċittadinanza tagħhom(13). Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika ż-żewġ dispożizzjonijiet b’mod parallel u tagħti lill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 l-istess interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE(14). Għalhekk, anki f’din il-kawża tista’ ssir referenza għal dawn id-dispożizzjonijiet flimkien.

32.      Ir-regoli tat-Trattat rigward il-moviment liberu u l-atti meħuda għall-implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma għandhom l-ebda element ta’ rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju u li l-elementi tagħhom jinsabu kollha fi Stat Membru wieħed(15). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ differenza fit-trattament minħabba ċ-ċittadinanza u fejn ħaddiem jinvoka l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront ta’ l-Istat Membru tiegħu, jinħtieġ element ulterjuri ta’ moviment bejn il-fruntieri biex il-fatti partikolari tal-każ ikunu jistgħu jidħlu fl-isfera ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

33.      F’dan il-każ, l-element transkonfini jidher fil-fatt li Hendrix joqgħod fil-Belġju u huwa impjegat fl-Olanda, u b’hekk kuljum imur, bħala ħaddiem fuq il-fruntiera(16), minn Stat Membru għal ieħor biex jeżerċita hemmhekk l-attività professjonali tiegħu.

34.      Il-konvenut u l-Gvernijiet ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit isostnu li ħaddiem jista’ jinvoka l-Artikolu 39 KE fil-konfront ta’ Stat Membru li jkun ċittadin tiegħu fil-każ biss li jkun eżerċita d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema(17). Skond is-sentenza Werner(18), dan mhuwiex il-każ meta l-individwu kkonċernat ikun ittrasferixxa fi Stat Membru ieħor biss ir-residenza, filwaqt li jibqa’ jaħdem fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.

35.      Madankollu, fis-sentenza ta’ wara Van Pommeren-Bourgondiën(19), f’sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li jiġi invokat il-moviment liberu tal-ħaddiema. Ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet ta’ nazzjonalità Olandiża, kienet toqgħod fil-Belġju iżda ħadmet fl-Olanda matul il-ħajja professjonali kollha tagħha. Minħabba r-residenza tagħha, fl-Olanda ġiet ikkunsidrata, għall-finijiet tas-sigurtà soċjali, bħala assigurata volontarjament u mhux b’mod obbligatorju, u kellha tħallas kontribuzzjonijiet ogħla minn dawk imħallsin mir-residenti, prassi li ġiet ikkunsidrata li mhijiex kumpatibbli mar-Regolament Nru 1408/71.

36.      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kundizzjoni ta’ residenza mitluba mil-leġiżlatur Olandiż sabiex tkun tista’ titkompla l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali mhijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni volontarja mhumiex iktar sfavorevoli mill-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni obbligatorja, għall-istess friegħi ta’ sigurtà soċjali, li jibbenifikaw minnhom ir-residenti(20). Il-fatt li Van Pommeren-Bourgondiën ħadmet dejjem fl-Olanda, u kienet tmur il-Belġju għall-finijiet biss ta’ residenza, ma kienx jeskludi manifestament l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

37.      Fis-sentenza Ritter-Coulais (21) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fi kliem ċar ħafna din il-fehma meta ddikjarat:

“[...] li kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak tar-residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat [...]

Jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-konjuġi Ritter-Coulais, li kienu jaħdmu fi Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab ir-residenza reali tagħhom, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat [li wara emenda sar l-Artikolu 39 tat-Trattat]”.

38.      Jingħad ukoll li ż-żewġ konjuġi kellhom (f’kull każ ukoll)(22) ċittadinanza Ġermaniża, u għalhekk kienu ċittadini ta’ l-Istat fejn jaħdmu u li fil-konfront tiegħu kellhom id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema. L-element transkonfini kien biss wieħed ta’ residenza fi Stat Membru ieħor(23).

39.      Fis-sentenza N., il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan il-prinċipju b’analoġija mad-dritt ta’ l-istabbiliment. Anki f’dan il-każ ir-rikorrenti kienet ittrasferiet ir-residenza tagħha mill-Istat tan-nazzjonalità tagħha u fejn kellha l-attività ekonomika tagħha għal Stat Membru ieħor mingħajr ma bdiet hemmhekk attività ekonomika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik is-sitwazzjoni kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ l-istabbiliment(24).

40.      M’hijiex konvinċenti l-approċċ adottat fis-sentenza Ritter-Coulais għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-fatt li l-moviment liberu ġenerali taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-moviment liberu tal-kapitali, invokati mir-rikorrenti, kienu għadhom ma japplikawx, ratione temporis, għall-fatti tal-każ(25). Minn naħa, is-sentenza Van Pommeren-Bourgondiën turi li tipprevali l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, kompletament indipendentement mis-sitwazzjoni partikolari tal-kawża Ritter-Coulais. Min-naħa l-oħra, mhuwiex sostenibbli, mil-lat ġuridiku, li ssir interpretazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema iktar wiesgħa jew ristretta skond jekk tapplikax libertà fundamentali oħra jew le għall-fatti.

41.      Il-ġurisprudenza msemmija hija bbażata fuq il-kunċett ta’ suq wieħed intiż bħala arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, tas-servizzi u kapitali huwa żgurat kif deskritt fl-Artikolu 14(2) KE. L-Artikolu 39 KE jimplementa prinċipju fundamentali stabbilit fl-artikolu 3(ċ) KE li jgħid li, għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 KE, l-azzjonijiet tal-Komunità jimplikaw it-tneħħija, fost l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni(26). Ma tantx huwa importanti f’dan ir-rigward jekk dawn l-ostakoli jiġux mill-Istat ta’ oriġini jew minn dak li jospita(27).

42.      L-interpretazzjoni restrittiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema sostnuta mill-konvenut u mill-Gvernijiet intervenjenti huwa f’kuntradizzjoni mal-prinċipju fundamentali tas-suq intern. F’żona mingħajr fruntieri interni, dak li jħalli l-Istat ta’ residenza tiegħu biex imur jaħdem fl-Istat li tiegħu huwa ċittadin, għandu jkun inqas ostakolat minn min, minħabba x-xogħol, jivvjaġġa bejn l-Istat li tiegħu huwa ċittadin u Stat Membru ieħor.

43.      Id-definizzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema tidher li hija bbażata b’mod eċċessiv fuq iċ-ċittadinanza ta’ l-individwu kkonċernat pjuttost milli fuq l-element transkonfini tal-fatti, u b’hekk issir distinzjoni skond jekk min jaqsam il-fruntiera biex jaħdem huwiex ċittadin ta’ l-Istat in kwistjoni jew ċittadin barrani. Jekk Hendrix, wara li mar fil-Belġju, sab impjieg fil-Ġermanja u kien imur hemmhekk kuljum biex jaħdem, huwa seta’ mingħajr l-iċken dubju jinvoka l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema. M’hemmx raġuni għaliex huwa għandu jkun ittrattat b’mod differenti fil-każ li huwa jmur jaħdem kuljum fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Olanda.

44.      Fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Hartmann, l-Avukat Ġenerali Geelhoed iddikjara ruħu favur interpretazzjoni dejqa ta’ l-Artikolu 39 KE. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-konvenut u mill-Gvernijiet intervenjenti f’din il-kawża. In sostenn ta’ din l-interpretazzjoni, huwa sostna li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod esklużiv biex tiggarantixxi l-moviment tal-ħaddiema, li mhuwiex il-każ fis-sitwazzjoni ta’ sempliċi bdil tar-residenza(28).

45.      Inkwantu dispożizzjoni nazzjonali tintrabat direttament mal-bdil tar-residenza privata, fil-każ, per eżempju, billi toħloq ostakoli fiskali jew amministrattivi għat-trasferiment, għandu jiġi eżaminat jekk b’dawn il-miżuri jkunx hemm indħil fil-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni stabbilita bl-Artikolu 18 KE. Jekk, madankollu, meta jkun hemm il-bdil tar-residenza, il-ħsara tiġi mill-fatt li l-post ta’ residenza u l-post tax-xogħol ma jkunux iktar l-istess, tipprevali l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Minn dan il-mument, jiġi ostakolat il-moviment tal-ħaddiema mill-Istat (il-ġdid) ta’ residenza fl-Istat fejn jaħdem il-ħaddiem.

46.      Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE mhuwiex element deċiżiv il-fatt li s-sitwazzjoni transkonfini tiġi mill-bdil tal-post ta’ residenza jew inkella dak tal-post tax-xogħol. Inkella jkun hemm ir-riskju ta’ riżultati kompletament fortuwiti. B’dan il-mod, Hendrix li ħadem mingħajr interruzzjoni fl-Olanda u ttrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat ieħor, ma jistax jinvoka preliminarjament il-moviment liberu tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, jekk wara l-bdil tar-residenza kellu jitlef il-post tax-xogħol u jikseb, wara din l-interruzzjoni, xogħol ieħor fl-Olanda, japplika l-moviment liberu tal-ħaddiema billi, f’dak il-punt, iċ-ċaqliq mill-Belġju għall-Olanda iseħħ sabiex huwa jidħol f’attività ġdida ta’ impjieg.

47.      Huwa minnu li, f’ħafna każijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ħaddiem jista’ juża l-Artikolu 39 KE fil-konfront ta’ Stat Membru li jkun ċittadin tiegħu wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema(29). Il-Qorti tal-Ġustizzja qabblet din is-sitwazzjoni ma’ dik fejn l-individwu kkonċernat jikseb diploma jew kwalifika professjonali barra mill-pajjiż(30).

48.      Madankollu, f’dawn il-kawżi, l-individwi kkonċernati kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, stabbilew mill-ġdid ir-residenza tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, u invokaw fil-konfront ta’ dan ta’ l-aħħar id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema. B’hekk peress li kuntrarjament għall-każ ta’ Hendrix, il-post tax-xogħol u dak tar-residenza ma kinux baqgħu distinti, kien jeħtieġ li jseħħ qabel moviment transkonfini biex jirriżulta l-istatus ta’ ħaddiem migrant. Madankollu, minn dawn is-sentenzi ma jistax jiġi dedott li l-istatus ta’ ħaddiem migrant ma jistax jinkiseb bit-trasferiment tar-residenza.

49.      It-tweġiba għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li ħaddiem jista’ jinvoka l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 fil-konfront ta’ Stat Membru li huwa ċittadin tiegħu, jekk ħadem u jkompli jaħdem esklużivament f’dan l-Istat Membru, minkejja li joqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari – Ir-rabta bejn, minn naħa, ir-Regolament Nru 1408/71 u min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 39 KE

50.      Bit-tielet domanda tagħha s-Centrale Raad van Beroep tistaqsi jekk dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti jew iż-żamma ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali mar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju ta’ l-Istat Membru huwiex dejjem kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE u ma’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għaliex il-benefiċċju huwa benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 li jingħata biss, skond l-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament, lir-residenti.

51.      F’dan ir-rigward il-konvenut u l-Gvernijiet ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit isostnu li r-Regolament Nru 1408/71 huwa aktar speċifiku mir-Regolament Nru 1612/68, u għalhekk huwa applikabbli esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu(31). Ir-Regolament Nru 1612/68 ma jistax iwassal sabiex l-esportazzjoni tal-benefiċċji, li hija eskluża skond l-Artikolu 10a tar-Regolament 1408/71, tkun tista’ tiġi mitluba.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddikjarat li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jista’ japplika għal vantaġġi soċjali li huma, fl-istess waqt, suġġetti għal regolamentazzjoni speċifika tar-Regolament Nru 1408/71(32). Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma applikabbli kontemporanjament billi m’għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni ratione personae(33), peress li l-kunċett ta vantaġġ soċjali fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa usa’ minn dak ta’ għajnuna soċjali skond ir-Regolament Nru 1408/71(34), u, fl-aħħar nett, billi r-Regolament 1612/68, inerenti fil-moviment liberu tal-ħaddiema(35), huwa ta’ portata ġenerali. Għalhekk, il-fatt li benefiċċju ma jaqax, jew ma jaqax mingħajr kundizzjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u li, minħabba f’hekk, dak ir-Regolament ma jitlobx l-esportazzjoni tiegħu, ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1612/68 għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju(36).

53.      Mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza(37) u Scrivner(38), imsemmija mill-konvenut u mill-Gvern Olandiż ma jirriżulta xejn differenti. F’dawn iż-żewġ kawżi ma ġietx diskussa l-eventwali prevalenza tar-Regolament Nru 1408/71, peress li ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament(39).

54.      Bl-istess mod, meta mill-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ["Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa miżuri meħudin skond l-Artikolu 51 tat-Trattat (li, wara li ġie emendat sar l-Artikolu 42 KE)."] jiġi dedott li r-Regolament Nru 1408/71 jipprevali fuq ir-Regolament Nru 1612/68, dan l-argument ma jidhirx li huwa konvinċenti(40). L-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma jitkellimx fuq prevalenza tad-dispożizzjonijiet adottati skond l-Artikolu tat-Trattat 51, iżda jipprovdi biss li “m’għandhom jaffettwaw” dawk id-dispożizzjonijiet. Minn dan il-kliem ma jirriżultax li r-Regolament Nru 1612/68 għandu jassumi rwol subordinat; pjuttost tirriżulta validità reċiprokament awtonoma, jiġifieri parallela(41).

55.      Lanqas il-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa fformulat b’mod ġenerali – filwaqt li r-Regolament Nru 1408/71 jinkludi regoli konkreti fis-settur tas-sigurtà soċjali – ma jiġġustifika l-konklużjoni li, inkwantu lex specialis, ir-Regolament Nru 1408/71 jipprevali fuq ir-Regolament Nru 1612/68. Fil-fatt it-teknika leġiżlattiva użata fiż-żewġ atti ma tagħtix indikazzjoni, minnha nnifisha, fuq l-ordni ta’ prijorità bejn iż-żewġ regolamenti.

56.      Kontra l-prevalenza tar-Regolament Nru 1408/71 fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa qabel kollox l-argument li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa fil-fatt espressjoni partikolari biss tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 39 KE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dik id-dispożizzjoni(42). Madankollu l-prinċipji imposti mit-Trattat inkwantu sors ta’ dritt ta’ livell superjuri għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-każijiet kollha ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Il-fatt li dispożizzjoni nazzjonali tikkonforma ma’ dispożizzjoni tad-dritt derivat, f’dan il-każ l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, m’għandhiex l-effett li teskludi din id-dispożizzjoni mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat(43).

57.      Ostaklu għal-libertajiet fundamentali għandu għaldaqstant jiġi ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali anki meta jirriżulta minn regolament Komunitarju jew minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija konformi mad-dritt derivat. Huwa minnu li l-leġiżlatur Komunitarju u l-leġiżlatur nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ liġijiet ta’ interess ġenerali li jolqtu l-libertajiet fundamentali. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina jekk il-leġiżlatur qabiżx il-limiti ta’ din id-diskrezzjoni u għaldaqstant kiser il-libertajiet fondamentali.

58.      Ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li regolament ta’ Stat Membru li jissuġġetta l-għoti jew iż-żamma ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali għar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu mhuwiex dejjem kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għall-fatt biss li l-benefiċċju huwa benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a), tar-Regolament Nru 1408/71, mogħti skond l-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament, lir-residenti biss.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari – Kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ residenza ma’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u ma’ l-Artikolu 39 KE, kif ukoll ma’ l-Artikoli 12 u 18 KE

59.      Bir-raba’ domanda tagħha, is-Centrale Raad van Beroep tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll l-Artikoli 12 u 18 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-liġi Wajong, li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ l-Unjoni, li jagħmel xogħol full-time fl-Olanda bil-kuntratt ta’ impjieg irregolat esklużivament mil-leġiżlazzjoni Olandiża, jista jibbenefika minn benefiċċju tas-sigurtà soċjali biss jekk ikun joqgħod fl-Istat Membru stess.

1.      Kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68

60.      Skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorji kollha tal-Komunità u jipprekludu l-miżuri li jistgħu ma jkunux favorevoli għal dawn iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (44).

61.      Skond l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċju Wajong jingħata biss lill-persuni li joqgħodu fl-Olanda. Dan jirriżulta fi trattament inqas favorevoli għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fl-Olanda mingħajr ma jgħixu hemmhekk. Madankollu, il-preġudizzju li jiġi mir-residenza jista’ jkun iġġustifikat jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendentement miċ-ċittadinanza(45).

62.      Ir-rekwiżit tar-residenza fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 iservi biex juri l-kompetenza ta’ l-Istati Membri għall-ħlas tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li għandhom, minbarra karatteristiċi ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, anki elementi ta’ għajnuna soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li r-residenza hija kriterju xieraq għal dan l-iskop.

63.      Minn naħa, fis-sentenza Snares il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema billi huma marbutin mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali(46). Billi l-punt ċentrali ta’ l-eżistenza ta’ persuna jinsab, normalment, fil-post fejn joqgħod, fl-ewwel lok huwa l-Istat ta’ residenza li huwa mistenni li jiddefinixxi, wara li jqis l-ambjent soċjali lokali (per eżempju kemm huwa l-għoli tal-ħajja), jekk u b’liema mod għandu jingħata l-benefiċċju speċjali biex jiġi assigurat l-għixien minimu.

64.      Min-naħa l-oħra, il-limitu ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji skond l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li dawn il-benefiċċji huma l-espressjoni tas-solidarjetà fi ħdan Stat Membru, kif tosserva tajjeb il-Kummissjoni. L-Istat li wieħed ikun parti mill-komunità solidali tiegħu, għandu jiggarantixxi wkoll għixien minimu. Fis-sentenza Tas-Hagen u Tas il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet reċentement li d-dritt għall-benefiċċju speċjali jista’, bħala regola ġenerali, jiġi suġġett għall-kundizzjoni ta’ rabta mas-soċjetà ta’ Stat Membru li tidher permezz tar-residenza fl-Istat ikkonċernat (47).

65.      Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tal-kriterju ta’ residenza, l-Artikoli 10 u 10a tar-Regolament Nru 1408/71 jiddistingwu ġustament bejn benefiċċji tas-sigurtà soċjali u benefiċċji speċjali mhux kontributorji. Il-kompetenza għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali klassiċi ġeneralment hija dik ta’ l-Istat fejn il-ħaddiem huwa impjegat u fejn huwa membru tas-sistema tas-sigurtà soċjali li jħallas lilha l-kontribuzzjonijiet. Dwar il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji, ma teżistix affiljazzjoni korrispondenti għal kategorija soċjali speċifika ta’ assigurati. Minflokha tidhol l-integrazzjoni tas-sistema soċjali tar-residenti kollha fit-territorju ta’ l-Istat. L-għoti tal-benefiċċji speċjali jista’ jiġi ristrett biss għalihom, filwaqt li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jistgħu jintalbu indipendentement mill-post tar-residenza.

66.      Il-fatt li l-għoti ta’ benefiċċji speċjali jkun marbut mal-post tar-residenza joħloq rabta bejn id-dritt tal-benefiċċji u l-obbligu tal-finanzjament simili għal dak li jirriżulta mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji. Fil-fatt il-benefiċċji speċjali jiġu ffinanzjati permezz tat-taxxi. Ir-residenti huma suġġetti mingħajr limitu għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat tagħhom ta’ residenza. Huma jikkontribwixxu bil-konsum personali tagħhom sabiex jiġġeneraw ir-riżorsi fiskali.

67.      Madankollu l-importanza tal-kriterju ta’ residenza ssir relattiva għall-ħaddiema fuq il-fruntieri li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huma wkoll marbuta mill-qrib ma’ l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li Hendrix kien mar f’lokalità Belġjana viċin ħafna tal-fruntiera ma’ l-Olanda u huwa għalhekk(48) suġġett, skond il-konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Olanda kontra t-taxxa doppja, għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul mill-Olanda, għat-taxxa fuq id-dħul Olandiża.

68.      Fil-każ ta’ ħaddiema fuq il-fruntieri, għandu jiġi stabbilit jekk ir-residenza biss hijiex kriterju xieraq biex jiġi ddeterminat jekk wieħed huwiex parti minn komunità solidali. F’dawk il-każijiet tista’ tiġi eżaminata l-opportunità li wieħed jirrikorri għall-kriterji oħra li juru l-livell ta’ integrazzjoni f’ambjent ekonomiku u soċjali bħal, per eżempju, il-post tax-xogħol, id-distanza bejn il-post tax-xogħol u l-fruntiera, il-post fejn isiru l-ispejjeż tal-konsum jew il-fulkru tar-relazzjonijiet soċjali.

69.      Madankollu f’każijiet bħal dak preżenti, hija esluża rabta mal-post tax-xogħol. Fil-fatt, il-benefiċċju Wajong iservi bħala sussidju tal-post tax-xogħol u jirrappreżenta prattikament l-unika possibbiltà li jiġi impjegat ħaddiem b’diżabbiltà. Jekk min iħaddem jimpjega persuna b’diżabbiltà, huwa ma għandux l-obbligu li jħallas il-paga minima legali; bil-benefiċċju Wajong il-persuna b’diżabbiltà tirċievi d-differenza bejn is-salarju effettiv u s-salarju minimu. Mingħajr dan il-benefiċċju mill-Istat, ikun impossibbli għall-persuni b’diżabbiltà li għandhom inkapaċità parzjali għax-xogħol li jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-paga mimima legali. L-impjieg ta’ benefiċjarju tal-benefiċċju Wajong huwa għaldaqstant ir-riżultat tal-benefiċċju speċjali mogħti mill-Istat. Ikun hemm ċirklu vizzjuż fl-argument jekk l-impjieg ġewwa pajjiż jikkostitwixxi b’mod konkomitanti l-kriterju tar-rabta tad-dritt ma’ dan il-benfiċċju ta’ solidarjetà.

70.      B’mod differenti mill-kriterju tar-residenza, il-kriterji l-oħrajn huma kkaratterizzati bil-fatt li ma jippermettux rabta ċara ma’ ambjent ekonomiku u soċjali, iżda huma biss aspetti konkreti li jippermettu f’kuntest ta’ evalwazzjoni komplessiva li jiġi stabbilit l-ambjent ekonomiku u soċjali kkonċernat.

71.      Madankollu, il-koordinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fl-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandu jkollha kriterji ċari li, fil-kuntest ta’ amministrazzjoni tal-massa, jippermettu eżami rapidu u riżultati preċiżi biżżejjed. Għalhekk, ir-rabta mas-sistemi soċjali ta’ l-Istati Membri tista’ teżisti skond kriterji astratti li, ċertament ma jqisux iċ-ċirkustanzi kollha ta’ każ partikolari, iżda li, fil-kuntest ta’ metodu astratt, juru rabta predominanti ma’ Stat Membru partikolari. Eżami ddettaljat tal-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ partikolari mhuwiex mezz xieraq, li jippermetti tqassim, ċar u raġjonevolment faċli sabiex jitmexxa, tal-kompetenzi.

72.      Għandu wkoll jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali(49), u għalhekk għandhom poter wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jagħżlu l-kriterji ta’ eżami tar-rabta mas-soċjetà ta’ Stat(50). Il-leġiżlatur Komunitarju ma llimitax volontarjament dan il-marġni diskrezzjonali, partikolarment fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji. Anzi, huwa ddikjara espliċitament l-ammissibbiltà tal-klawżoli ta’ residenza fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71.

73.      Fid-dawl ta’ din il-libertà ta’ l-Istati Membri li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi għall-għoti ta’ benefiċċji speċjali, huma bbażati fuq metodu astratt, ir-rabta ma’ kriterju wieħed ta’ residenza jidher li huwa legali, għalkemm f’każijiet speċifiċi, per eżempju fil-każ ta’ xogħol fuq il-fruntieri, jistgħu jkunu determinanti anki fatturi oħrajn.

74.      Prima facie din il-konklużjoni tidher li hija f’kontradizzjoni ma’ dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meeusen (51), jiġifieri li anki l-ħaddiema fuq il-fruntiera (52), skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom dritt għall-vantaġġi soċjali fl-Istat fejn jaħdmu indipendentement mill-post tar-residenza tagħhom(53).

75.      L-Istati Membri kienu sostnew li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-ħaddiema fuq il-fruntiera d-dritt li joħorġu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mill-Istat ta’ impjieg għall-Istat ta’ residenza(54). Fil-fehma tagħhom, din id-dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema migranti fl-Istat Membru li jospita. Madankollu, il-ħaddiema fuq il-fruntiera mhumiex soċjalment integrati f’dan l-Istat, iżda fil-post tar-residenza rispettiva tagħhom.

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68 jinkludi wkoll il-ħaddiema fuq il-fruntiera(55). Minbarra dan, iddikjarat li l-prinċipju tat-trattament ugwali fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi lill-Istat li jospita milli jiddiskrimina kontra l-ħaddiema migranti pparagunati mal-ħaddiema nazzjonali billi l-għoti ta’ benefiċċju jiġi suġġett għar-rekwiżit tar-residenza fit-territorju nazzjonali.

77.      Id-dikjarazzjonijiet magħmula fis-sentenza Meeusen kienu jirriferu madankollu għall-finanzjament ta’ l-istudju favur ulied il-ħaddiem migrant u ma jistgħux japplikaw b’analoġija għan dan il-każ. B’mod differenti mis-sitwazzjoni marbuta mal-finanzjament ta’ l-istudju, mhuwiex possibbli li tiġi mqabbla sic et simpliciter il-pożizzjoni tal-persuni li joqogħdu fit-territorju ta’ l-Istat jew barra mill-pajjiż li jkollhom bżonn ta’ benefiċċji diretti biex jiggarantixxu l-għixien minimu. Dawn il-benefiċċji huma konnessi iktar mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-benefiċjarju.

78.      Barra minn dan, huwa l-benefiċċju Wajong, kif diġà ġie osservat, li joħloq il-kundizzjoni sabiex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabbiltà b’tali mod li impjieg f’territorju nazzjonali ma jkunx fl-istess ħin, fattur ta’ leġittimazzjoni favur il-benefiċċju. Bil-kontra, il-finanzjament ta’ l-istudju huwa pjuttost benefiċċju inċidentali li fir-rigward tiegħu l-impjieg u, għaldaqstant, l-obbligu ta’ taxxa li jirriżulta minnu, jistgħu minflok jirrappreżentaw rabta biex ikun jista’ jitgawda l-benefiċċju.

79.      Il-limitazzjoni ta’ l-għoti ta’ benefiċċji tat-tip previst mill- Wajong lill-persuni li joqgħodu fl-Olanda hija għaldaqstant kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

2.      Kompatibbiltà ma’ l-Artikoli 12 u 18 KE

80.      Ladarba l-prinċipju ġenerali tal-moviment liberu msemmi fl-Artikolu 18 KE huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-moviment liberu tal-ħaddiema msemmi fl-Artikolu 39 KE(56), ma jidhirx li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ residenza ma’ l-Artikoli 12 u 18 KE.

V –    Konklużjoni

81.      Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb id-domandi preliminari mibgħuta mis-Centrale Raad von Beroep bil-mod li ġej:

1.      Il-benefiċċju mħallas skond il-liġi Olandiża ta’ l-24 ta’ April 1997 dwar benefiċċji ta’ għajnuna liż-żgħażagħ b’diżabbiltà milqutin minn inkapaċità għax-xogħol (Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten) għandu jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 tat-8 ta’ Frar 1999, li għaliha tapplika r-regola ta’ koordinazzjoni li tinsab fl-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament. Dan jgħodd ukoll għall-każ meta l-individwu kkonċernat irċieva inizjalment benefiċċju kontributorju, li inbidel, mill-1 ta’ Jannar 1998, f’benefiċċju taħt il-liġi Wajong.

2.      Ħaddiem jista’ jinvoka l-Artikolu 39 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KKE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità fil-verżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 tas-27 ta’ Lulju 1992, fil-konfront ta’ Stat Membru li huwa ċittadin tiegħu, jekk ikun ħadem u jibqa’ jaħdem esklużivament f’dan l-istess Stat Membru, iżda joqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

3.      Dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti jew iż-żamma ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali għar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu mhux dejjem hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għas-sempliċi raġuni li l-benefiċċju huwa benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a), tar-Regolament Nru 1408/71, mogħti skond l-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament, lir-residenti biss.

4.      L-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-liġi Wajong, li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ l-Unjoni, li jagħmel xogħol full-time fl-Olanda bil-kuntratt ta’ impjieg irregolat esklużivament mil-leġiżlazzjoni Olandiża, jista jibbenefika minn benefiċċju tas-sigurtà soċjali biss jekk ikun joqgħod fl-Istat Membru stess.


1 – Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper (C‑154/05, Ġabra p. I‑6249) - iktar ’il quddiem is-“sentenza Kersbergen”.


3 – Ir-Regolament tal-Kunsill 1408/71/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, p. 2), fil-verżjoni emendata u aġġornata tar-Regolament tal-Kunsill 118/97/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU 1997, L 28, p. 1), li mbagħad ġie emendat mir-Regolament tal-Kunsill 307/99/KE tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU L 38, p. 1).


4 – Regolament tal-Kunsill 1612/68/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), fil-verżjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2434/92/KEE tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1).


5 – Il-kwistjoni kollha għalhekk għandha x’taqsam mad-dritt għall-benefiċċju Wajong fl-erbat ijiem li għaddew bejn l-1 u l-4 ta’ Lulju 1999, kif jenfasizza ġustament il-Gvern Olandiż.


6 – Ara rigward ir-rekwiżit tal-preżenza kontemporanja ta’ dawn ir-rekwiżiti s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch (C‑215/99, Ġabra p. I‑1901, punt 21), u Kersbergen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 25).


7 – Is-sentenza Kersbergen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 30 u 31). Ara wkoll, ġeneralment, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ikklassifikar bħala benefiċċju speċjali, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Novembru 1997, Snares (C‑20/96, Ġabra p. I‑6057, punt 33), u d-29 ta’ April 2004, Skalka (C‑160/02, Ġabra p. I‑5613, punt 25).


8 – Ara b’mod partikolari rigward dan ir-rekwiżit, il-konklużjonijiet tiegħi ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Hosse (C‑286/03, Ġabra p. I‑1771, punti 66 sa 69).


9 – Dan huwa argument li mad-daqqa t’għajn jista’ jidher sorprendenti. Fil-fatt biex talba klassika għall-għajnuna soċjali tiġi milqugħa, normalment mhuwiex biżżejjed li jintwera lill-awtorità tas-sigurtà soċjali li wieħed ikun jaqa’ taħt kategorija soċjalment dgħajfa mingħajr ma juri konkretament x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti hija ġustifikabbli għall-fatt li n-natura ta’ benefiċċju bħala benefiċċju speċjali għandha tkun subordinata biss għal ċertu xebh ma’ l-għajnuna soċjali, li jkun biżżejjed biex tagħtih il-bażi ta’ natura mħallta, mingħajr ma jkun eżattament għajnuna soċjali.


10 – Sentenza Kersbergen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 41 et seq.).


11 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini (32/75, Ġabra p. 1085, punti 10 sa 13); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, Ġabra p. I‑3289, punt 22), u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, Ġabra p. I‑8275, punt 35).


12 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑205/04, Ġabra p. I‑31, punt 15).


13 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C‑385/00, Ġabra p. I‑11819, punt 76); tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling (C‑209/01, Ġabra p. I‑13389, punt 23), u tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 31).


14 – Ara per eżempju s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, Ġabra p. I‑2617, punt 19); tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 29); tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punti 77 u 88), u Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 15). Ta’ fehma differenti huwa l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2006, De Cuyper (C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punti 34‑37), u l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 1996, Hoever u Zachow (kawżi magħquda C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895, punti 93 sa 100).


15 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (kawżi magħquda C‑64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 16); Terhoeve (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 26); tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et (kawżi magħquda minn C‑95/99 sa C‑98/99 u C‑180/99, Ġabra p. I‑7413, punt 69), u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, Ġabra p. I‑0000, punt 29).


16 – Kunċett iddefinit fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 1408/71.


17 – Ara fir-rigward is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra p. 399, punt 24); tas-7 ta’ Lilju 1992, Singh (C‑370/90, Ġabra p. I‑4265, punt 23); tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz (C‑419/92, Ġabra p. I‑505, punt 9); Terhoeve (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27), u de Groot (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 76).


18 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Werner (C‑112/91, Ġabra p. I‑429, punt 16 u 17), dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment. L-Avukat Ġenerali Geelhoed esprima ruħu favur idea restrittiva adottata fis-sentenza [konklużjonijiet ppreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2006, Hartmann (C‑212/05, Ġabra p. I‑0000, punti 32 sa 42)].


19 – Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, (C‑227/03, Ġabra p. I‑6101).


20 – Ibidem, punt 40.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 31 u 32.


22 – Ritter-Coulais kienet ċittadina Franċiża wkoll. Madankollu, kif indika tajjeb l-Avukat Ġenerali Léger, il-konjuġi kienu intaxxati flimkien fil-Ġermanja b’mod li l-kunsiderazzjoni b’mod separat taċ-ċittadinanza Franċiża tal-mara kien ikun artifiċjali [ara l-konklużjonijiet ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2005, Ritter-Coulais (C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 36)].


23 – Kien ikun aħjar kieku l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ritter-Coulais iddikjarat b’mod espliċitu l-abbandun tal-ġurisprudenza Werner li Avukat Ġenerali Léger kien ibbaża ruħu fuqha b’mod determinanti (konklużjonijiet Ritter-Coulais, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 5 et seq.). Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss tagħmel referenza għas-sentenza Werner.


24 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N. (C‑470/04, Ġabra p. I‑0000, punt 28).


25 – Dan huwa dak li jippreċiża l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet ppreżentati fil-kawża Hartmann (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 37).


26 – Sentenzi Terhoeve (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 36); Singh (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 15), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer (C‑302/98, I‑4585, punt 31).


27 – Ara s-sentenzi Terhoeve (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 37 u 39); Sehrer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 32 u 33), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen (C‑520/04, Ġabra p. I‑0000, punti 14 u 15).


28 – Konklużjonijiet Hartmann (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 41). Ara wkoll l-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 1992 f’Werner (C‑112/91, Ġabra p. I‑429, punt 30).


29 – Ara per eżempju s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


30 – Sentenzi Knoors (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 24), u tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punti 15 u 16).


31 – Ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Hartmann (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 50).


32 – Sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑111/91, Ġabra p. I‑817, punt 21), u tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 27).


33 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 20).


34 – Ara l-konklużjonijiet Hosse (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 104).


35 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 21).


36 – Ara l-konklużjonijiet Hosse (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 104).


37 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑35/97, Ġabra p. I‑5325, punt 47).


38 – Sentenza tas-27 Marzo 1985, Scrivner e Cole (122/84, Ġabra p. 1027).


39 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 35), u Scrivner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 21). Għaldaqstant tiżbalja wkoll is-sentenza tal-Qorti ta’ l-EFTA tat-3 ta’ Mejju 2006, EFTA vs Awtorità tas-Sorveljanza vs In-Norveġja (E-3/05, EFTA Court Report, p. 102, punt 63), fejn is-sentenza Scrivner tiġi ċċitata bħala prova li r-Regolament Nru 1408/71 jipprevali fuq ir-Regolament Nru 1612/68.


40 – Ara madankollu l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Hartmann (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 50) u s-sentenza tal-Qorti ta’ l-EFTA Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA vs In-Norveġja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 63).


41 – F’dan is-sens anki l-verżjoni Franċiża ta’ l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1612/68 tadotta l-kliem “Le présent règlement ne porte pas atteinte aux dispositions prises conformément à l’article 51 du traité”. Lanqas il-verżjoni Ingliża ma tagħti l-impressjoni li r-Regolament Nru 1408/71 jipprevali, “This Regulation shall not affect measures taken in accordance with Artic[l]e 51 of the Treaty”.


42 – Ara iktar ’il fuq, punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inklużi r-referenzi indikati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


43 – Sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 25), u tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 47).


44 – Sentenzi Singh (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 16); Terhoeve (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 37); Sehrer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 32), u Ritter-Coulais (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 33).


45 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Chateignier (C‑346/05, Ġabra p. I‑0000, punto 32), b’referenza għas-sentenzi O’Flynn (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19), u tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punto 66). Fir-rigward tar-rabta bejn l-Artikolu 18 KE u r-Regolament Nru 1408/71, ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 40).


46 – Sentenza Snares (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 42). Ara f’dan ir-rigward ukoll is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, Ġabra p. 5391, punt 16); tal-31 ta’ Mejju 2001, Leclere u Deaconescu (C‑43/99, Ġabra p. I‑4265, punt 32), u Kersbergen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 33).


47 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, (C‑192/05 Ġabra p. I‑0000, punti 34 u 35). F’dan is-sens ara s-sentenzi preċedenti tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 38); Collins (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 67); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 57), u Ioannidis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 30).


48 – Fil-fatt, sakemm ma jirċevix paga minima legali, Hendrix lanqas ma għandu jħallas taxxa fuq id-dħul.


49 – Sentenza Snares (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45).


50 – Konklużjonijiet Tas-Hagen (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 61).


51 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


52 – Fil-premessi tar-Regolament Nru 1612/68, jiġi użat bil-Ġermaniż, b’mod differenti mir-Regolament Nru 1408/71, il-kunċett ta’ “Grenzarbeitnehmer” (ħaddiema fuq il-fruntiera). Bit-Taljan u fil-verżjonijiet l-oħra lingwistiċi insibu l-istess terminu fiż-żewġ regolamenti (per eżempju “travailleur frontalier”).


53 – F’dan is-sens ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 40).


54 – Sentenza Meeusen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, Ġabra p. I‑6689, punt 49).


55 – Sentenzi Meeusen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 21 u 22), u Meints (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 50).


56 – Sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, Ġabra p. I‑929, punt 22); tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 26); tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis (C‑92/01, Ġabra p. I‑1291, punt 18); tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, Ġabra p. I‑12013, punt 33), u Ioannidis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 37).

Top