EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0233

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla Estiża) ta' l-10 ta' April 2008.
ir-Renju ta' l-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mill-Istat - Direttiva 2001/81/KE - Miżura nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitrogen oxides - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni - Ammissibbiltà - Vantaġġ - Nuqqas ta’ natura selettiva tal-miżura.
Kawża T-233/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:102

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

10 ta’ April 2008 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Direttiva 2001/81/KE — Miżura nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitrogen oxides — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Ammissibbiltà — Vantaġġ — Nuqqas ta’ natura selettiva tal-miżura”

Fil-Kawża T-233/04,

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. Sevenster, J. van Bakel u M. de Grave, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 1761 finali ta’ l-24 ta’ Ġunju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat N 35/2003 dwar l-iskema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitrogen oxide notifikata mir-Renju ta’ l-Olanda,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 6 KE jipprovdi li:

“Il-Ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji msemmija f’Artikolu 3, partikolarment bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.”

2

L-Artikolu 87 KE jipprovdi li:

“1.   Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.

[…]

3.   It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:

a)

għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta’ l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg;

b)

għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru;

ċ)

għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;

d)

għajnuna biex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;

e)

dawk il-kategoriji oħra ta’ għajnuna li jistgħu jiġu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kunsill, b’votazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni.”

3

Skond il-Linji Gwida dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (ĠU 2001, C 37, p. 3):

“69.

L-Istati Membri u l-Komunità, bħala partijiet għall-Protokoll, ser ikunu jridu jilħqu t-tnaqqas ta’ l-emissjonijiet permezz ta’ politika u miżuri inklużi l-istrumenti ekonomiċi, u wkoll il-mezzi ta’ l-istrumenti illi huma stabbiliti mill-Protokoll ta’ Kjoto nnifsu, prinċiparjament il-kummerċ fl-emissjonijiet internazzjonali, l-implimentazzjoni konġunta u l-mekkaniżmu nadif ta’ l-iżvilupp.

70.

Fin-nuqqas ta’ disposizzjonijiet tal-Komunità f’din l-arja u bla preġudizzju għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni fil-proposta ta’ dawn id-disposizzjonijiet, kull Stat Membru ser ikollu d-dmir illi jifformola l-politika, il-miżuri u l-istrumenti illi huwa jkun jixtieq jadotta sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.

71.

Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni illi wħud mill-mezzi adottati mill-Istati Membri sabiex iħarsu l-għanijiet tal-Protokoll jistgħu jikkostitwixxu għajnuna ta' l-Istat iżda huwa kmieni wisq sabiex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet illi jawtorizzaw tali l-għajnuna.”

4

Skond il-premessa Nru 11 tad-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-livelli nazzjonali massimi ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, p. 22):

“Sett ta’ limiti nazzjonali għal kull Stat Membru għall-emissjonijiet ta’ sulfidju tal-kubrit, nitrogen oxides, volatile organic compounds u ammonja hu mod cost-effective biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji. Dawk il-limiti ta’ emissjonijiet ser jippermettu lill-Komunità u lill-Istati Membri l-flessibilità biex jistabbilixxu kif għandhom jaderixxu magħhom.”

5

Taħt it-titolu “Limiti nazzjonali ta’ emissjonijiet”, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81 jipprovdi:

“1.   Sa mhux aktar tard mis-sena 2010, l-Istati Membri għandhom jagħmlu limitu fuq l-emissjonijiet annwali nazzjonali tagħhom ta’ inkwinanti permezz tad-dijossidju tal-kubrit (SO2), nitrogen oxides (NOx ), komposti organiċi volatili (VOC) u ammonja (NH3 ) għal ammonti li ma jkunux aktar mil-limitu ta’ emissjoni stabbilit fl-Anness I, billi jkunu kkunsidrati xi modifiki magħmula permezz tal-miżuri tal-Komunità adottati wara r-rapporti msemmija fl-Artikolu 9.”

6

Għar-Renju ta’ l-Olanda, l-Anness I tad-Direttiva 2001/81 jiffissa għal 260 kilotunnellata l-limitu ta’ emissjonijiet ta’ nitrogen oxide (NOx ) li għandu jintlaħaq sa l-2010.

7

L-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id- dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw rwieħhom mad-Direttiva 2001/81 qabel is-27 ta’ Novembru 2002 u kellhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet Olandiżi, skond l-Artikolu 88(3) KE, innotifikaw skema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-NOx (iktar ’il quddiem il-“miżura in kwistjoni”) lill-Kummissjoni. Huma talbu lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna, skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).

9

Fl-24 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C(2003) 1761 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat N 35/2003 rigward il-miżura in kwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10

Fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-ewwel nett il-miżura in kwistjoni. Fil-kuntest tal-livell massimu nazzjonali Olandiż ta’ emissjonijiet ta’ NOx iddefinit mid-Direttiva 2001/81, l-awtoritajiet Olandiżi ffissaw objettiv ta’ 55 kilotunnellati ta’ emissjonijiet ta’ NOx fl-2010 għall-installazzjonijiet industrijali kbar tagħhom, jiġifieri għal madwar 250 impriża.

11

Fir-rigward ta’ kif għandha taħdem din l-iskema, il-Kummissjoni tesponi, fil-punt 1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li liġi nazzjonali tiffissa, għal kull installazzjoni industrijali, standard relattiv ta’ emissjonijiet ta’ NOx li għandha tiġi rispettata. L-impriża tista’ tirrispetta l-istandard ta’ emissjonijiet hekk ipprovdut jew billi tadotta miżuri għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ NOx ta’ l-installazzjoni tagħha, jew billi tixtri kwoti ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra, jew inkella billi tgħaqqad iż-żewġ possibbiltajiet. It-tnaqqis fl-emissjonijiet, fil-forma ta’ krediti ta’ NOx jiġu offruti fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet mill-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom huma inferjuri għall-istandard ta’ emissjoni.

12

L-emissjonijiet totali annwali ta’ NOx ta’ installazzjoni, korretta mill-krediti eventwali ta’ NOx mibjugħa jew mixtrija, għandhom jikkorrispondu mal-livell ta’ emissjonijiet awtorizzat għall-imsemmija installazzjoni. L-emissjonijiet annwali awtorizzati — f’termini assoluti — huma kkalkolati skond l-istandard ta’ emissjonijiet relattivi u skond il-kwantità ta’ enerġija użata mill-imsemmija installazzjoni.

13

Fi tmiem kull sena, l-awtoritajiet Olandiżi jivverifikaw jekk l-installazzjonijiet irrispettawx l-istandards ta’ emissjonijiet preskritti. Kull sena, krediti ta’ NOx jistgħu jinxtraw, jiġu mġemmgħin jew mislufin għal perijodi futuri. Jekk installazzjoni taqbeż l-istandard ta’ emissjonijiet preskritt, hija għandha tikkumpensa l-eċċess is-sena ta’ wara. Barra minn hekk, dan l-eċċess li għandu jiġi kkumpensat jiżdied b’25 % sabiex l-installazzjoni tiġi skoraġġita milli twettaq kull qbiż ta’ dan il-limitu. Jekk installazzjoni ma tasalx tirrispetta l-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit fil-konfronti tagħha, l-awtoritajiet Olandiżi jagħtuha multa effettiva, proporzjonata u dissważiva.

14

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, l-impriżi m’għandhomx jakkwistaw kwoti ta’ emissjonijiet sabiex ikunu jistgħu jipproduċu. Huma għandhom sempliċement jirrispettaw l-istandards ta’ emissjoni.

15

Fil-punt 1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-metodu użat għall-kalkolu ta’ l-istandard ta’ emissjoni, imbagħad, fil-punt 1.4 tagħha, id-differenzi li jeżistu bejn l-iskema “cap-and-trade” u l-iskema “dynamic cap”, mit-tip tal-miżura in kwistjoni. Hija ssostni li, skond l-awtoritajiet Olandiżi, il-miżura in kwistjoni hija differenti mill-varjanti l-oħra ta’ l-iskemi ta’ kwoti negozjabbli, jiġifieri l-iskema “cap-and-trade”, fejn il-kwoti ta’ l-emissjonijiet jiġu allokati lill-impriżi. L-impriżi l-ġodda jew dawk li jixtiequ jkabbru l-attività tagħhom għandhom l-ewwel nett jakkwistaw il-kwantità neċessarja ta’ kwoti. Fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, dawn l-impriżi m’għandhomx dan l-obbligu, iżda għandhom sempliċement jirrispettaw l-istandard ta’ emissjonijiet li jikkonċerna lilhom, liema standard jiddependi fuq il-konsum tagħhom ta’ enerġija u li jiġi aġġustat skond dan il-konsum.

16

Fil-punti 1.5 u 1.6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża wara dan, li l-miżura in kwistjoni għandha tapplika għall-impriżi industrijali kollha li għandhom installazzjoni b’saħħa superjuri għal 20 megawatt termiċi (MWth), b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-awtoritajiet Olandiżi għandhom jibqgħu japplikaw il-valuri limitati ta’ emissjonijiet iffissati mill-varji direttivi Komunitarji fis-seħħ.

17

Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura in kwistjoni (punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-ikemi ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u tagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ iskemi, kif ġej:

“1)

Is-sistemi [skemi] fejn il-permessi ta’ emissjonijiet jew ta’ tniġġiż negozzjabbli jiġu kkunsidrati bħala assi intanġibbli li jirrappreżentaw valur kummerċjali li l-Istat seta xorta waħda biegħ jew ħareġ b’offerti, u dan jagħti lok għal nuqqas ta’ qligħ (jew telf tar-riżorsi ta’ l-Istat), b’tali mod li jkun hemm għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE;

2)

is-sistemi fejn il-permessi ta’ emissjonijiet jew ta’ tniġġiż negozzjabbli għandhom jiġu kkunsidrati bħala prova uffiċjali li ċerta produzzjoni ma tistax tinbiegħ jew tinħareġ b’offerta lill-benefiċjaru tal-permess, b’tali mod li ma jkunx hemm nuqqas ta’ qligħ — u għaldaqstant l-ebda riżorsa ta’ l-Istat in kwistjoni — u dan jimplika, min-naħa tiegħu, nuqqas ta’ l-għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.”

18

Sussegwentement, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li wassluha tikkonkludi li kien hemm għajnuna mill-Istat fil-każ tal-miżura in kwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, l-għoti, mingħajr ħlas, min-naħa ta’ l-Istat ta’ krediti ta’ NOx lil grupp speċifiku ta’ impriżi li jikkumerċjaw bejn Stati Membri. Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-possibbiltà li jbiegħu jew li joħorġu b’offerta l-kwoti ta’ emissjonijiet. Għaldaqstant, billi joffri mingħajr ħlas krediti ta’ NOx bħala assi intanġibbli, l-Istat Membru jkun qiegħed jonqos milli jagħmel qligħ. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li din l-iskema tinvolvi riżorsi mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. It-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati taffettwa l-kummerċ bejn l-Stati Membri.

19

Fl-aħħar nett, fil-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni.

20

Bħala konklużjoni, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, filwaqt li żżid li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3) KE u l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex ta’ kull sena jibagħtulha rapport rigward l-implementazzjoni tal-miżura in kwistjoni u sabiex jinnotifikawha minn qabel dwar kull tibdil fil-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna.

Il-proċedura

21

Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2003, ir-Renju ta’ l-Olanda ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata (kawża C-388/03).

22

Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Frar 2004, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ammetta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintervjeni f’dawn il-proċeduri in sostenn tar-Renju ta’ l-Olanda.

23

Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5).

24

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-Renju ta’ l-Olanda u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konklużjonijiet li kellhom jinsiltu mid-digritet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C-164/02, Ġabra p. I-1177), fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Huma ddepożitaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament, fl-14 u fit-12 ta’ Jannar 2005.

It-talbiet tal-partijiet

25

Ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, safejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

prinċipalment, tiddkjara r-rikors inammissibbli, jew sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Renju ta’ l-Olanda għall-ispejjeż.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

27

Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tistaqsi jekk dan ir-rikors huwiex ammissibbli. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni ta’ approvazzjoni li ma tipproduċix effetti legali ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-Renju ta’ l-Olanda. Din id-deċiżjoni ma tistax għaldaqstant tbiddel is-sitwazzjoni ġuridika tagħha u lanqas ma tista’ tippreġudikaha. Skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax, għalhekk, tkun is-suġġett ta’ rikors.

28

Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-208/99, Ġabra p. I-9183), kif ukoll għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-242/00, Ġabra p. I-5603), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni (T-212/00, Ġabra p. II-347). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata reċentement mid-digriet L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, f’kawża simili għal din in kwistjoni.

29

Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ l-Olanda għandha idea wisq wiesgħa tal-kunċett ta’ ammissibbiltà. Mhuwiex suffiċjenti li tiġi invokata l-eventwalità li interessi futuri jistgħu jiġu affettwati. Skond il-Kummissjoni, rikors għal annullament huwa ammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkontestata jkollha effett negattiv u kkaratterizzat b’interessi veri u eżistenti. Issa, dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Il-fatt li terzi persuni jistgħu xi darba, fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali, jinvokaw id-deċiżjoni kkontestata biex isostnu li iskemi paragunabbli għall-miżura in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ma jimplikax li d-deċiżjoni kkontestata tbiddel b’mod negattiv u dettaljat is-sitwazzjoni tar-Renju ta’ l-Olanda.

30

Il-Kummissjoni tħoss barra minn hekk li l-Artikolu 230 KE għandu jinqara fid-dawl ta’ l-Artikolu 233 KE. Il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE għandha tkun limitata għas-sitwazzjonijiet fejn, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, l-istituzzjoni tkun obbligata li tadotta ċerti miżuri eżekutorji tas-sentenza li jbiddlu effettivament u b'mod konkret is-sitwazzjoni ġuridika tar-Renju ta’ l-Olanda. Madankollu, fil-kawża preżenti l-Kummissjoni ma tkunx obbligata li, fil-każ ta’ annullament, tadotta xi att li jbiddel is-sitwazzjoni ġuridika tar-Renju ta’ l-Olanda.

31

Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-rikors tiegħu huwa ammissibbli. Huwa jsostni li huwa suffiċjenti li l-miżura kkontestata tipproduċi effetti legali ta’ natura tali li jaffetwaw l-interessi ta’ l-Istati Membri sabiex ir-rikorsi li dawn jippreżentaw ikunu ammissibbli. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li l-interess Olandiż ikun effettivament affettwat meta jiġi ppreżentat ir-rikors. Rikors jista’ jitressaq fir-rigward ta’ effetti legali futuri u potenzjali.

32

Ir-Renju ta’ l-Olanda jfakkar li l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999. Għalhekk, il-Kummissjoni tkun tista’, iktar ’il quddiem, timponi kull miżura utili, u dan jikkostitwixxi riskju għall-kontinwità u għaċ-ċertezza legali tal-miżura in kwistjoni. Barra minn hekk, it-tibdiliet magħmula fuq din il-miżura jkollhom jiġu nnotifikata lill-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Olanda jkun obbligat li ta’ kull sena jelabora rapport fuq l-implementazzjoni tagħha. Bl-istess mod, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali fir-rigward tar-Renju ta’ l-Olanda minħabba li tagħti lok għall-applikabbiltà, fuq il-miżura in kwistjoni, tad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat.

33

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni li l-allegata għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni tista’ tiġġustifika deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ għajnuna ġdida skond ir-regoli kumulattivi previsti fil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi wkoll preċedent li jġiegħel lill-Istati Membri sabiex fil-futur jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-iskemi paragunabbli. It-terzi persuni jkunu jistgħu, barra minn hekk, jinvokaw id-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali.

34

Fir-rigward tat-tagħlim li jista’ jiġi mislut mid-digriet L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni b’mod partikolari li r-rikors tiegħu huwa intiż, fil-kuntest ta’ din il-kawża, sabiex jinkiseb l-annullament ta’ dikjarazzjoni li tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, ir-rikors huwa dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux kontra wieħed mill-motivi tagħha.

35

Ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, josserva li kien talab lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonferma li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Madankollu, billi kkonkludiet li tali għajnuna kienet teżisti, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha f’dan is-sens. Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan jiddistingwi wkoll il-kawża preżenti minn dik li tat lok għad-digriet L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq.

36

Fl-aħħar nett, skond ir-Renju ta’ l-Olanda, il-miżuri eżekutorji previsti fl-Artikolu 233 KE mhumiex inklużi fost il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tadotta deċiżjoni ġdida li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37

L-Artikolu 230 KE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta’ l-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Stat Membru m’għandux għaldaqstant bżonn jipprova li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu ikun ammissibbli. Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jkun suġġett għal rikors għal annullament, jeħtieġ li jkun ta’ natura tali li jipproduċi effetti legali (ara d-digriet Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 22 sa 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’din il-kawża, wara li r-Renju ta’ l-Olanda nnotifika l-miżura in kwistjoni u wara li talab sabiex il-miżura in kwistjoni tiġi dikjarata bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna, skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li din l-iskema tinvolvi għajnuna mill-Istat, li hija kumpatibbli mas-suq komuni.

39

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, f’ċirkustanzi simili, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala ammissibbli r-rikors ta’ Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551). F’dan ir-rigward, anki jekk huwa minnu li f’dik il-kawża l-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni ta’ l-inammissibbiltà hija waħda ta’ ordni pubblika u għaldaqstant il-qorti Komunitarja tista’ f’kull mument teżamina din il-kwistjoni ex ufficio. Għaldaqstant, il-fatt li fl-imsemmija kawża l-Kummissjoni naqset milli tikkuntesta l-ammissibbiltà tar-rikors ma kienx ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod lura milli teżemina dan il-punt.

40

Sussegwentement, bil-kontra ta’ dak li ġara fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar, meta kkwalifikat il-miżura in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, ma laqgħetx it-talba tar-Renju ta’ l-Olanda.

41

Din il-kwalifika ppermettiet lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni. Hija tinvolvi barra minn hekk l-applikazzjoni tal-proċedura prevista għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti mir-Regolament Nru 659/1999, u b’mod partikolari tal-proċedura prevista fl-Artikoli 17 sa 19 u fl-Artikolu 21 tiegħu, li timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkomunika rapport annwali fuq l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti. Din il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat jista’ jkollha effett ukoll fuq l-għoti ta’ għajnuna ġdida abbażi tar-regoli dwar il-kumulu ta’ għajnuna ta’ oriġini differenti, previsti b’mod partikolari mill-punt 74 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

42

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi, b’mod ċert, effetti legali vinkolanti. Ir-rikors tar-Renju ta’ l-Olanda huwa għaldaqstant ammissibbli.

43

Din il-konklużjoni la hija kkonfutata mill-ġurisprudenza ċċitata u lanqas mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

44

Bil-kontra taċ-ċirkustanzi kkontemplati fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni (T-138/89, Ġabra p. II-2181), id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li jaffettwaw ħażin lir-Renju ta’ l-Olanda (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Barra minn hekk il-pożizzjoni ġuridika tiegħu fir-rigward ta’ l-Artikolu 230 KE lanqas mhi paragunabbli (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) għal dik tar-rikorrenti f’dik il-kawża, li kienet impriża li kellha tiġġustifika l-interess tagħha li tressaq proċeduri (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

45

Barra minn hekk, għalkemm, fid-digriet Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-rikors inammissibbli, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li r-Repubblika Portugiża kienet talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati biss safejn din kienet tindika lir-Repubblika Portugiża bħala d-destinatarja, liema indikazzjoni l-Qorti qieset li kienet superfluwa u mingħajr ebda effett ġuridiku awtonomu (punti 25 u 28). Min-naħa l-oħra, fil-kawża in kwistjoni, ir-Renju ta’ l-Olanda jikkontesta l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat, li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala superfluwa u mingħajr effett ġuridiku awtonomu.

46

Fis-sentenza Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess li jitressqu proċeduri, wara li osservat li r-rikorrenti ma kinitx qed tikkontesta d-dispożittiv tad-deċiżjoni u wara li eżaminat jekk l-evalwazzjoni li hija kienet qiegħda tikkontesta kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tagħha (punti 34 u 38). Madankollu, f’din il-kawża, minn naħa, ir-Renju ta’ l-Olanda m’għandhux l-obbligu li jipprova li huwa għandu interess li jressaq proċeduri (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, huwa jikkonfuta d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li jikkwalifika l-miżura in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, ħaġa li huwa jikkontesta.

47

Fuq dan l-aħħar punt, għandha ssir ukoll distinzjoni bejn il-kawża preżenti u dik li tat lok għad-digriet L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dik il-kawża, fir-rikors tiegħu r-Renju ta’ l-Olanda kien talab l-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni “safejn il-Kummissjoni kkonklud[iet] li l-kontribuzzjonijiet allokati lill-awtoritajiet tal-portijiet […] [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE” (punt 9). Madankollu, din il-konklużjoni ma kinitx tinsab fid-dispożittiv ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

48

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li mill-qari flimkien ta’ l-Artikoli 230 KE u 233 KE jirriżulta li rikors abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE huwa awtorizzat biss meta għandhom jittieħdu l-miżuri eżekutorji previsti mill-Artikolu 233 KE, għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni ma tirriżultax mill-istruttura tat-Trattat. L-Artikolu 233 KE jimponi li l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet li ħarġu l-att annullat, jew li l-astensjoni tagħhom ġiet iddikjarata bħala li tmur kontra t-Trattat, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dan l-artikolu huwa evidentement intiż sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li annullaw att abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 230 KE bl-ebda mod ma jorbot l-applikazzjoni tiegħu ma dik ta’ l-Artikolu 233 KE. Bħala kundizzjoni sabiex jiġi ppreżentat rikors huwa jipprovdi biss li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri mill-istituzzjoni li jkunu adottaw l-att ikkontestat fil-każ li dan jiġi annullat.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

50

Ir-Renju ta’ l-Olanda jressaq żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87 KE u fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

51

Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitiwixxix vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat u, sussidjarjament, li l-kundizzjoni ta’ selettività ma ġietx issodisfata.

Fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat

L-argumenti tal-partijiet

52

Ir-Renju ta’ l-Olanda jqis li r-raġunament tal-Kummissjoni mhuwiex korrett minħabba li huwa bbażat fuq l-għoti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet meta, fil-verità, il-bażi tal-miżura in kwistjoni hija l-impożizzjoni ta’ regola ambjentali ta’ oriġini legali. Dan l-istandard uniformi japplika għall-impriżi industrijali kollha li s-saħħa totali tagħhom taqbeż l-20 MWth. Din tirrappreżenta spiża għall-impriżi u mhux vantaġġ. Il-karatteristika ta’ l-iskema hija li l-impriżi jistgħu jagħżlu l-mod ta’ kif huma jissodisfaw ir-regola, billi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom jew billi jixtru krediti ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra. Il-Kummissjoni żbaljatament tibda’ mill-prinċipju li l-krediti ta’ emissjonijiet jinħolqu mill-awtoritajiet Olandiżi. Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, peress li dawn ma jagħtu l-ebda kwoti ta’ emissjonijiet, huwa ma jistax joħroġhom b’offerta jew ibiegħ dawn il-kwoti.

53

Ir-Renju ta’ l-Olanda jfakkar, f’dan ir-rigward, li wieħed jista’ jitkellem dwar għajnuna mill-Istat biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Huwa jiċċita numru ta’ sentenzi in sostenn ta’ din l-affermazzjoni, fost liema s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li obbligu ta’ xiri impost mil-liġi, u d-diviżjoni ta’ l-ispejjeż finanzjarji bejn l-impriżi privati li tirriżulta minħabba dan, ma jagħtu lok għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Issa, fil-fehma tiegħu, il-miżura in kwistjoni tippreżenta analoġiji ma’ dik eżaminata fl-imsemmija kawża.

54

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ l-Olanda jesponi li l-miżura in kwistjoni mhijiex paragunabbli ma’ l-iskemi Daniżi jew Britanniċi, fejn il-kwoti, li n-numru tagħhom hu ffissat minn qabel, jiġu distribwiti mingħajr ħlas mill-awtoritajiet. Fil-każ ta’ dawn il-pajjiżi, l-offerta jew il-bejgħ jikkostitwixxu mingħajr dubju alternattiva mixtieqa. Il-miżura in kwistjoni iktar tixbah l-iskema Belġjana, fejn il-permess ta’ emissjoni jew ta’ tniġġiż negozzjabbli m’għandu l-ebda valur għall-benefiċjarju ta’ dan il-permess fir-relazzjoni tiegħu ma’ l-Istat u jservi biss bħala prova ta’ ċerti produzzjoni jew emissjoni. F’kull każ, ir-Renju ta’ l-Olanda jqis li t-tentattivi tal-Kummissjoni li tikklassifika l-miżura in kwistjoni f’waħda miż-żewġ kategoriji li ħolqot hija stess iservu biss sabiex jikkumplikaw id-diskussjoni.

55

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ l-Olanda jikkontesta l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, li tgħid li l-għoti ta’ permess ta’ emissjonijiet għandu jiġi meqjus f’ċerti każijiet bħala għajnuna mill-Istat. Huwa jikkontesta wkoll il-fatt li d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32), tenfasizza numru ta’ drabi li l-Artikolu 87 KE japplika għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

56

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka n-nuqqas ta’ vantaġġ għall-impriżi. Anki li kieku kellu jitqies li f’din il-kawża teżisti attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, din tirrappreżenta biss il-konkretizzazzjoni ta’ l-obbligu li jiġi rrispettat il-livell massimu ta’ l-emissjonijiet li ġie stabbilit. Is-sitwazzjoni ta’ l-impriżi marret għall-agħar meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħha, l-impriżi jistgħu jiksbu drittijiet negozjabbli biss permezz ta’ l-isforzi tagħhom stess sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Dan il-vantaġġ ekonomiku ma jistax jiġi attribwit lill-Istat Membru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżbalja meta tapplika għal din il-kawża l-kriterju tar-rinunzja għal dħul ta’ l-Istat, peress li dan il-kriterju mhuwiex adegwat biex tinftiehem, fir-rigward tad-dritt ta’ l-għajnuna, l-attribuzzjoni gratwita ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Dan jirrappreżenta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddeċiedu liberament dwar l-introduzzjoni ta’ spejjeż u ma jistax jiġi pparagunat, fir-rigward tad-dritt ta’ l-għajnuna, mat-trasferiment ta’ beni mill-awtorità pubblika. Il-prinċipju ta’ l-investitur privat taħt kundizzjonijiet normali tas-suq mhuwiex applikabbli, minħabba li l-Istat joffri lill-atturi ekonomiċi qafas restrittiv, mingħajr ma jipparteċipa huwa stess fis-suq.

57

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat, peress li, kull sena, ir-Renju ta’ l-Olanda jagħti, mingħajr ħlas, kwoti ta’ emissjonijiet lill-impriżi kkonċernati. L-Istat joħloq għalhekk assi intanġibli negozzjabbli li huwa joffri mingħajr ħlas lill-imsemmija impriżi, billi jnaqqas l-ispejjeż li normalment kienu jaffetwaw il-finanzi tagħhom.

58

Il-valur ta’ dawn il-kwoti ta’ emissjonijiet huwa fuq kollox minħabba l-fatt li impriża li tħoss li se taqbeż ir-regola tagħha ta’ emissjonijiet tista’, billi tixtri l-kwoti neċessarji, tevita multa imposta mill-awtoritajiet Olandiżi. Dawn il-kwoti diġà jkunu negozzjabbli fil-bidu tas-sena, b’mod li impriża li tiltaqa’ ma’ problema ta’ flus tista’ tbiegħhom. Skond il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ l-Olanda ma jikkontestax il-valur ekonomiku ta’ dawn il-kwoti ta’ emissjonijiet.

59

Il-Kummissjoni ssostni li f’din il-kawża jeżisti trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat taħt forma ta’ telf ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Ir-Renju ta’ l-Olanda jikkunsidra biss it-tieni stadju ta’ l-iskema li matulu l-impriżi jinnegozjaw bejniethom il-permessi ta’ emissjonijiet. L-għajnuna mill-Istat tingħata madankollu matul l-ewwel stadju fejn ir-Renju ta’ l-Olanda jagħti mingħajr ħlas lill-impriżi kkonċernati permessi ta’ emissjonijiet, li huma jistgħu sussegwentement ibiegħu. Il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi joħolqu kwoti negozjabbli u wara dan jagħtuhom mingħajr ħlas lill-imsemmija impriżi minflok ma jbiegħuhom isarraf f’telf ta’ dħul għall-Istat.

60

Il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta’ l-Olanda jista’ jorganizza b’mod differenti l-iskema tiegħu u jbiegħ kwoti ta’ emissjonijiet kull sena. Anki fl-iskema magħżula mill-awtoritajiet Olandiżi, dawn jistgħu jixtru lura, mingħand l-impriżi li l-emissjonijiet tagħhom huma inferjuri mill-istandard, il-kwoti ta’ emissjoni li ma ntużawx. L-Istat jista’ mbagħad ibiegħ dawn il-kwoti bil-valur tas-suq lill-impriżi li għandhom bżonn. Ir-riżultat ikollu effetti simili fuq il-livell ambjentali iżda jkunu l-awtoritajiet Olandiżi li jirċievu kważi t-total tal-prezz tal-krediti li ma jintużawx. Fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, huma bil-kontra ta’ dan, l-impriżi li għandhom u li jbiegħu krediti ta’ NOx li jirċievu l-prezz kollu tas-suq.

61

Rigward il-paragun tal-miżura in kwistjoni ma’ l-iskemi Daniżi u Britanniċi, il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex il-fatt li l-miżura in kwistjoni ma tiffissax minn qabel il-kwantità eżatta ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati lil impriża partikolari li jagħmilha tant differenti minn dawn iż-żewġ iskemi b’tali mod li ma jkunx hemm trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

62

Il-miżura in kwistjoni ma tistax tiġi pparagunata ma’ l-iskema Belġjana u l-ġurisprudenza PreussenElektra, punt 53 iktar ’il fuq, mhijiex applikabbli għall-kawża in kwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63

Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ għajnuna tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jiġu ssodisfati. Skond din id-dispożizzjoni, bħala prinċipju, tista` tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni dik l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tkunu taħt liema forma tkunu, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (is-sentenza GEMO, punt 63 iktar ’il fuq, punt 24).

65

Il-kunċett ta’ għajnuna jista’ jkopri mhux biss provvisti pożittivi bħal sussidji, self jew xiri ta’ ishma fil-kapital ta’ impriżi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta’ l-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza GEMO, punt 63 iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Minn dan jirriżulta li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat miżura li tagħti lil ċerti impriżi vantaġġ li jimplika spiża supplementari għall-awtoritajiet pubbliċi taħt il-forma ta’ rinunzja effettiva ta’ krediti pubbliċi, eżenzjoni minn obbligu ta’ ħlas ta’ multi jew sanzjonijiet oħra li jinvolvu flus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punti 42 u 43).

67

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-miżura in kwistjoni tagħatix lill-benefiċjarji tagħha vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

68

Ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni li huwa ma jagħtix kwoti ta’ emissjonijiet lill-impriżi kkonċernati.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ iskemi oħra, il-miżura in kwistjoni mhijiex ibbażata fuq kwoti ta’ emissjonijiet attribwiti direttament mill-Isat. Barra minn hekk il-Kummissjoni stess tammetti dan fl-ewwel paragrafu tal-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

70

Madankollu, għalkemm huwa minnu li r-Renju ta’ l-Olanda ma jagħtix, direttament, kwoti ta’ emissjonijiet lill-impriżi kkonċernati, madankollu huwa lanqas ma jillimita ruħu li jistabbilixxi fil-konfronti tagħhom standard ta’ emissjonijiet li għandu jiġi rrispettat. Huwa jawtorizza lill-impriżi li huma suġġetti għalih li jinnegozjaw bejniethom il-kwoti ta’ emissjonijiet li jirriżultaw indirettament minn dan l-istandard, fil-limitu massimu applikabbli għal kull waħda minnhom. Issa, billi jagħmel dawn il-kwoti negozzjabbli, ir-Renju ta’ l-Olanda jagħtihom valur fis-suq. Kull impriża li taqa’ taħt din l-iskema tista’, f’kull mument, tbiegħhom.

71

F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Olanda indika, fir-risposta tiegħu għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li kull possessur ta’ awtorizzazzjoni ta’ emissjonijiet għandu kont fir-reġistru ta’ emissjonijiet ta’ NOx u seta’ jbiegħ il-kwoti kollha relatati mas-snin li għalihom kien ġie stabbilit standard, inkluż għas-snin futuri. Minn dan jirriżulta li l-kwoti kollha huma negozzjabbli u mhux biss il-krediti rilaxxati fl-aħħar tas-sena mill-impriżi li kellhom inqas emissjonijiet ta’ NOx mill-istandard stabbilit, liema krediti jirrappreżentaw id-differenza pożittiva bejn l-emissjonijiet ta’ NOx awtorizzati u l-emissjonijiet ta’ NOx effettivi.

72

Ċertament, kif isostni r-Renju ta’ l-Olanda, il-krediti ta’ emissjonijiet li eventwalment jirrilaxxaw ċerti impriżi fl-aħħar tas-sena huma, bħala prinċipju, il-frott tal-prova ta’ l-isforzi tagħhom. Madankollu, li kieku ma kienx hemm il-possibbiltà, prevista mill-iskema, li jiġu nnegozjati dawn il-krediti, huma ma jkollhomx valur fis-suq. Għaldaqstant l-impriżi ma jkunux jistgħu, billi jbiegħuhom, jirkupraw, anki jekk parzjalment, l-ispejjeż sostnuti sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ NOx.

73

Rigward l-impriżi li kellhom iktar emissjonijiet ta’ NOx mill-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit u li l-bilanċ tagħhom ikun għaldaqstant negattiv fl-aħħar tas-sena, il-miżura in kwistjoni tagħtihom il-possibbiltà li jevitaw multa billi jixtru kwoti ta’ emissjonijiet mingħand dawk li rrilaxxaw il-kwoti eċessivi.

74

Minn dan jirriżulta li n-negozzjabbiltà tal-kwoti ta’ emissjonijiet prevista fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi suġġetti għall-istandard ta’ emissjonijiet ta’ NOx stabbilit.

75

Barra minn hekk, billi introduċa skema li tipprovdi l-possibbiltà li l-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ NOx jiġu nnegozjati fis-suq, ir-Renju ta’ l-Olanda ta lil dawn il-kwoti n-natura ta’ assi intanġibbli li l-impriżi kkonċernati jistgħu jbiegħu liberament, anki jekk huma suġġetti għal limitu massimu applikabbli għall-impriża kkonċernata. Madankollu, dawn l-assi ngħataw mingħajr ħlas lill-impriżi kkonċernati, meta setgħu nbiegħu jew ġew irkantati. B’dan il-mod ir-Renju ta’ l-Olanda rrinunzja għal riżorsi ta’ l-Istat.

76

F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Olanda żbaljatament jinvoka x-xebh tal-miżura in kwistjoni ma’ l-iskema Belġjana. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna N 550/2000 — Il-Belġju — Ċertifikati “Électricité verte” [(Elettriku aħdar)] (ĠU C 330, p. 3), il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċertifikati ħodor kienu jipprovdu biss prova uffiċjali li turi li l-elettriku aħdar kien ġie prodott u li għalhekk l-Istat ma kienx aċċetta li jonqos milli jagħmel qligħ billi jagħtihom mingħajr ħlas lill-produtturi.

77

Ir-Renju ta’ l-Olanda huwa wkoll żbaljat billi jinvoka x-xebh tal-miżura in kwistjoni ma’ dik imsemmija fis-sentenza PreussenElektra, punt 53 iktar ’il fuq. Din l-aħħar skema kienet timponi, fil-fatt, obbligu ta’ xiri bejn l-operaturi. Barra minn hekk, ma kinitx tikkonċerna permessi ta’ emissjonijiet jew ta’ tniġġiż.

78

Konsegwentement, il-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq, vantaġġ mogħti lill-impriżi kkonċernati permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

Fuq in-nuqqas ta’ selettività

L-argumenti tal-partijiet

79

Ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li l-kundizzjoni ta’ selettività ma ġietx issodisfata f’din il-kawża. Il-miżura in kwistjoni hija vinkolanti għal madwar 250 impriża industrijali kbar li ma jappartjenu għal ebda settur ta’ produzzjoni speċifiku. Peress li l-installazzjonijiet il-kbar kollha għandhom jirrispettaw l-istess regola, dan il-grupp ta’ impriżi mhuwiex ittrattat b'mod aktar favorevoli.

80

Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 41), jirriżulta li l-paragun għandu jsir fil-konfront ta’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward ta’ l-għan imfittex mill-miżura kkonċernata.

81

Ir-Renju ta’ l-Olanda jenfasizza li l-Kummissjoni ma tindikax fil-konfront ta’ liema impriżi l-installazzjonijiet industrijali kbar imsemija ġew trattati b'mod aktar favorevoli. Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dawn ta’ l-aħħar ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra, safejn dawn mhumiex marbuta li jirrispettaw il-livelli massimi differenti ta’ emissjonijiet.

82

Il-Kummissjoni min-naħa tagħha ssostni li l-impriżi kollha li għandhom uffiċċju reġistrat fl-Olanda huma suġġetti għal livelli massimi ta’ emissjonijiet, filwaqt li l-miżura in kwistjoni tikkonċerna grupp ristrett ħafna ta’ impriżi Olandiżi, li jippossjedu installazzjoni b’saħħa li taqbeż l-20 MWth. Huma dawn l-impriżi biss li jiksbu, mingħajr ħlas, kwoti ta’ emissjonijiet mingħand l-awtoritajiet Olandiżi. Minkejja li dawn l-impriżi ma jipproduċux l-istess prodott, il-kundizzjoni ta’ selettività stabbilita mill-Artikolu 87(1) hija ssodisfata.

83

Billi tinvoka s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tallega li l-fatt li l-impriżi benefiċjarji jappartjenu għal setturi differenti ma jimplikax li l-miżura in kwistjoni hija miżura ġenerali ta’ politika ekonomika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84

Kif jirriżulta mill-kliem użat fl-Artikolu 87(1) KE, vantaġġ ekonomiku mogħti minn Stat Membru jista’ jiġi kkwalifikat bħala għajnuna biss jekk, minħabba li jkollu ċerta selettività, ikun ta’ natura tali li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, punt 34).

85

Konsegwentement, miżura ta’ l-Istat li mingħajr distinzjoni tkun ta’ profitt għall-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali tiegħu mhijiex tali li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, punt 35).

86

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE, ma tagħmilx differenza jekk is-sitwazzjoni ta’ l-allegat benefiċjarju tal-miżura tkunx marret għall-aħjar jew għall-agħar meta mqabbla ma’ l-istat tad-dritt preċedenti jew jekk, bil-kontra ta’ dan, ma tkunx evolviet matul iż-żmien. Għandu biss jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura ta’ l-Istat tkunx tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward ta’ l-għan imfittex mill-miżura kkonċernata (ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Skond l-ewwel paragrafu tal-punt 1.5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura in kwistjoni għandha tapplika għall-installazzjoijiet industrijali kollha li l-kapaċità termika totali tagħhom hija superjuri għal 20 MWth. Fil-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa barra minn hekk indikat li l-miżura in kwistjoni hija intiża għal grupp ta’ impriżi industrijali kbar li joperaw f’setturi differenti u tinvolvi għaldaqstant miżura multisettorjali.

88

Minn naħa, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-installazzjonijiet industrijali kbar kollha huma suġġetti għal-limitu massimu ta’ emissjonijiet ta’ NOx iffissat mill-miżura in kwistjoni u jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ li toffri, f’dan il-kuntest, in-negozzjabbiltà tal-kwoti ta’ emissjonijiet. Il-kriterju għall-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni huwa għaldaqstant oġġettiv, mingħajr ebda kunsiderazzjoni ġeografika jew settorjali. Safejn il-miżura in kwistjoni tirrigwarda l-impriżi li jniġġsu iktar, dan il-kriterju oġġettiv huwa barra minn hekk konformi ma’ l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni ta’ l-ambjent u mal-loġika interna ta’ l-iskema.

89

Min-naħa l-oħra, kif tindika d-deċiżjoni kkontestata, huma biss l-impriżi li jaqgħu taħt din l-iskema li huma suġġetti, taħt piena ta’ multa, għal standard ta’ emissjonijiet jew rata standard ta’ eżekuzzjoni [Performance Standard Rate (PSR)] stretta li titnaqqas progressivament sa l-2010.

90

Għalhekk, kemm fid-dawl ta’ l-għan imfittex kif ukoll ta’ l-obbligi speċifiċi imposti fuq l-installazzjonijiet industrijali kbar fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika ta’ l-impriżi suġġetti għal dan il-limitu massimu ta’ emissjonijiet ta’ NOx ma tistax titqies li hija paragunabbli għal dik ta’ l-impriżi li għalihom dan il-limitu massimu ma japplikax.

91

Fuq dan il-punt, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni invokat l-eżistenza fl-Olanda ta’ liġijiet relatati, minn naħa, ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-ambjent u, min-naħa l-oħra, mat-tniġġiż atmosferiku li ma jinvolvux skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, billi ssuġġeriet li l-impriżi kollha kienu suġġetti għall-istess obbligi fil-qasam tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ NOx. Madankollu, din l-affermazzjoni hija kontradittorja mad-deskrizzjoni tal-miżura in kwistjoni magħmula fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li, fil-fatt, il-kalkolu ta’ l-istandard ta’ emissjonijiet previst mill-miżura in kwistjoni u l-multi li jippenalizzaw il-qbiż ta’ dan l-istandard jikkonċernaw biss l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt din l-iskema (ara l-punti 10 sa 16 iktar ’il fuq).

92

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element preċiż li jistabbilixxi li l-impriżi li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-liġiijiet invokati minnha kienu suġġetti għal obbligi ta’ l-istess natura bħal dawk ta’ l-impriżi kkonċernati mill-miżura in kwistjoni u lanqas li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett lejn dawn l-obbligi, tiġi imposta multa fuq dawk ta’ l-ewwel.

93

Bl-istess mod, l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-impriżi li jikkunsmaw inqas minn 20 MWth jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ l-impriżi kkonċernati mill-miżura in kwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda provi li jistabbilixxu li huma suġġetti għall-PSR.

94

Il-Kummissjoni barra minn hekk lanqas ma stabbilixxiet l-eżistenza ta’ skema ġenerali li tapplika għall-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli ma’ dik ta’ l-installazzjonijiet suġġetti għall-miżura in kwistjoni, iżda li ma toffrix il-vantaġġ li tirrappreżenta n-negozzjabbiltà tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ NOx. Il-miżura in kwistjoni ma tidderoga għaldaqstant minn ebda skema ġenerali.

95

Il-fatt li n-numru ta’ impriżi kkonċernati huwa limitat għal madwar 250 mhuwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jipprova s-selettività tal-miżura. Dan il-grupp ta’ impriżi, anki jekk jista’ jitqies bħala limitat, jirrappreżenta fil-fatt l-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġurudika partikolari, li mhijiex paragunabbli, fir-rigward ta’ l-għan imfittex, ma’ dik li fiha jinsabu l-impriżi li ma jagħmlux parti minn dan il-grupp.

96

Il-miżura in kwistjoni, meħuda kollha kemm hi, ma tiffavorixxix għaldaqstant ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

97

F’kull każ, anke li kieku kellu jitqies li kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-miżura in kwistjoni tikkawża trattament differenzjat bejn l-impriżi u hija, għaldaqstant, selettiva a priori, madankollu għandu jiġi kkonstatat li f’din il-kawża dan it-trattament differenzjat jirriżulta min-natura jew mill-istruttura ta’ l-iskema li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I-7115, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Issa, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tissoddisfax din il-kundizzjoni ta’ selettività dik il-miżura li, minkejja li tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċjarju tagħha, hija ġustifikata minħabba n-natura jew l-istruttura ġenerali ta l-iskema li minnha tagħmel parti (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, punt 42).

99

F’din il-kawża, fil-fatt, id-determinazzjoni ta’ l-impriżi benefiċjarji hija ġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali ta’ l-iskema minħabba l-emissjonijiet importanti tagħhom ta’ NOx u minħabba l-istandard speċifiku ta’ tnaqqis li jorbothom. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika jiġġustifikaw li ssir distinzjoni bejn l-impriżi li jemettu kwantitajiet qawwija ta’ NOx u l-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 80 iktar ’il fuq, punti 49 u 52). L-implementazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6 KE u 87 KE.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, il-miżura in kwistjoni ma tistax għaldaqstant tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv imressaq mir-Renju ta’ l-Olanda, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, safejn din tiddikjara li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

Fuq l-ispejjeż

102

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-Renju ta’ l-Olanda.

103

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) ta’ l-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 1761 finali, ta’ l-24 ta’ Ġunju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat N 35/2003 dwar l-iskema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitorgen oxides innotifikata mir-Renju ta’ l-Olanda hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2008.

E. Coulon

Reġistratur

M. Vilaras

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.

Top