EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0215

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-16 ta' Frar 2006.
Marius Pedersen A/S vs Miljøstyrelsen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Østre Landsret - id-Danimarka.
Skart - Vjaġġ bil-baħar ta' skart - Skart iddestinat għal ħidma ta' rkupru - Kunċett ta' 'notifikatur' - Obbligi tan-notifikatur.
Kawża C-215/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:108

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta' Frar 2006 (*)

"Skart – Vjaġġ bil-baħar ta' skart – Skart iddestinat għal ħidma ta' rkupru – Kunċett ta' 'notifikatur' – Obbligi tan-notifikatur"

Fil-kawża C-215/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (Id-Danimarka), permezz ta' Deċiżjoni tat-14 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Mejju 2004, fil-proċedura

Marius Pedersen A/S

vs

Miljøstyrelsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Marius Pedersen A/S, minn H. Banke, advokat,

–       għall-Miljøstyrelsen, minn P. Biering, advokat,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde u P. Biering, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Belġjan, minn D. Haven, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta 14 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2(g), 6(5), u 7(1) u (2)u(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Marius Pedersen A/S (iktar 'il quddiem "Pedersen"), impriża b'liċenzja għall-ġbir ta' l-iskart ta' tagħmir elettroniku li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fid-Danimarka u l-Miljøstyrelsen (l-Aġenzija nazzjonali ta' l-ambjent), rigward il-vjaġġi bil-baħar lejn il-Ġermanja ta' l-iskart għall-irkupru.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond id-disa' premessa tar-Regolament Nru 259/93:

"[…] vjaġġi bil-baħar ta' skart għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw li dawn ikunu informati kif xieraq partikolarment bit-tip, ċaqlieq u rimi jew irkupru ta' skart, sabiex dawn l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inkluża l-possibbiltà li jitqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar il-vjaġġ bil-baħar".

4       L-Artikolu 2(g) ta' dan ir-Regolament jiddefinixxi n-"notifikatur" kif ġej:

"[…] persuna naturali jew korp ġuridiku li lilhom jew lil min id-dover tan-notifika [komunikazzjoni] jkun assenjat, jiġifieri l-persuna li hemm referenza dwarha minn hawn 'il quddiem li tipproponi li tikkonsenja l-iskart jew li tkun ikkonsenjat l-iskart:

i)      il-persuna li l-attivitajiet tagħha jipproduċu l-iskart (il-produttur oriġinali)

jew

ii)      meta dan ma jkunx possibbli, kollettur illiċenzjat [awtorizzat] għal dan il-għan minn Stat Membru jew negozjant reġistrat jew illiċenzjat jew intermedjarju li jirranġa għar-rimi jew l-irkupru ta' l-iskart.

[…]"

5       L-Artikolu 6 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

"1.      Meta n-notifikatur jkollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal irkupru […] minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor […] hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopji tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-transitu u lir-riċevent.

[…]

4.      Meta jagħmel in-notifika, in-notifikatur għandu jimla n-nota tal-konsenja u għandu, jekk mitlub mill-awtoritajiet kompetenti, jforni informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali.

5.      In-notifikatur għandu jissupplixxu fuq in-nota tal-konsenja l-informazzjoni partikolarment f'dak li jirrigwarda:

–       l-oriġini, il-kompożizzjoni u l-kwantità ta' skart għal irkupru, inkluża l-identità tal-produttur u, fil-każ ta' skart, minn diversi sorsi, inventarju dettaljat ta' l-iskart u, jekk magħrufa, l-identità tal-produttur oriġinali,

[…]"

6       Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 259/93:

"1.      Mal-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol, tibgħat konferma lin-notifikatur u kopji ta' din lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra u lir-riċevent.

2.      L-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tat-tluq u tat-transitu ikollhom 30 jum wara t-tluq tal-konferma biex joġġezzjonaw għal konsenja. Oġġezzjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq il-paragrafu 4. Kull oġġezzjoni għandha tkun ippreżentata bil-miktub lin-notifikatur u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati fi żmien 30 jum.

[…]

4.      a)     L-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni jistgħu iqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar il-vjaġġ bil-baħar ippjanat:

–       skond id-Direttiva 75/442/KEE, partikolarment l-Artikolu 7 tagħha,

jew

–       jekk din ma tkunx skond il-liġijiet nazzjonali u r-regolamenti li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent, ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew ħarsien tas-saħħa, jew

[…]

[…]

5.      Jekk, fil-limiti taż-żmien provdut fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li l-problemi li joħolqu l-oġġezzjonijiet tagħhom ikunu ġew solvuti u li l-kundizzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport ikunu milħuqa, għandhom jinformaw lin-notifikatur minnufih bil-miktub, b'kopji lir-riċevent u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati.

Jekk wara jkun hemm xi tibdil essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ bil-baħar, tkun trid issir notifika ġdida."

7       L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 75/442") jgħid:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew ta' metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, u b' mod partikolari:

–       mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

–       mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

–       mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta' interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta' l-iskart."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8       Permezz tal-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Frar 2000, Pedersen talbet lill-Miljøstyrelsen l-awtorizzazzjoni li tibgħat, għall-irkupru, 2,000 tunnellata ta' skart ta' tagħmir elettroniku lejn l-impriża assoċjata tagħha fil-Ġermanja. Din l-aġenzija rrifjutat li tawtorizza l-vjaġġ bil-baħar għar-raġuni li Pedersen ma kinitx ipprovditilha l-informazzjoni neċessarja għall-eżami tat-talba ta' awtorizzazzjoni, jiġifieri, b'mod partikolari:

1)      l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-produtturi oriġinali ta' l-iskart li tikkonferma li Pedersen jirrappreżentahom fil-kuntest tal-vjaġġi bil-baħar ta' skart miġbur;

2)      il-prova li l-istabbiliment li jinsab fil-Ġermanja jipproċessa l-iskart ekoloġikament b'mod ekwivalenti għal dak previst mil-leġiżlazzjoni Daniża;

3)      Informazzjoni biżżejjed rigward il-kompożizzjoni ta' l-iskart, peress li Pedersen kienet ippreċiżat biss, fil-formula dwar il-vjaġġi bil-baħar bejn il-fruntieri, li dan kien jirrigwarda l-vjaġġ bil-baħar ta' "skart ta' tagħmir elettroniku".

9       Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura allegatament mhux kompluta tal-komunikazzjoni, il-Miljøstyrelsen ikkunsidrat li t-terminu ta' 30 ġurnata previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 259/93, li fih l-awtorità kompetenti tista' tagħti l-kunsens tagħha jew tqajjem oġġezzjonijiet ma setax jiddekorri.

10     Fit-22 ta' Mejju 2001, Pedersen ressqet rikors quddiem il-Østre Landsret, li bih sostniet li hija kienet ipprovdiet dokumentazzjoni biżżejjed sabiex il-Miljøstyrelsen tkun fil-pożizzjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba u kkunsdrat li t-termini sabiex tqajjem l-oġġezzjonijiet kienu skadew u li, konsegwentement, hija kellha d-dritt li tipproċedi għall-vjaġġi bil-baħar fil-kawża prinċipali.

11     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Østre Landsret iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u jressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-espressjoni "meta dan ma jkunx possibbli" li tinsab fl-Artikolu 2(g)(ii) tar-Regolament […] Nru 259/93 […] għandha tinftiehem bħala li tfisser li kollettur b'liċenzja ma jistax awtomatikament ikun in-notifikatur ta' esportazzjoni ta' skart għall-irkupru?

Jekk dan hu l-każ, qed jiġi mitlub lill-Qorti sabiex tippreċiża skond liema kriterji l-kollettur awtorizzat jista' jkun in-notifikatur ta' esportazzjoni ta' skart għall-irkupru.

Dan il-kriterju jista' jkun li l-produttur ta' l-iskart mhuwiex magħruf jew in-numru ta' produtturi huwa tali, kif ukoll il-produzzjoni hekk żgħira li ma jkunx raġonevoli li huma jinnotifikaw individwalment bl-esportazzjoni ta' skart?

2)      L-Artikolu 7(2) flimkien ma' l-ewwel u t-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament […] Nru 259/93 […] jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li jibgħat li jopponu talba għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni ta' skart għall-irkupru fin-nuqqas ta' informazzjoni min-notifikatur tat-trattament ta' dan l-iskart mill-Istat tad-destinazzjoni skond il-metodi ekoloġikament ekwivalenti għal dawk mitluba mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li jibgħat?

3)      L-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 6(5) tar-Regolament […] Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għal informazzjoni rigward il-kompożizzjoni ta' l-iskart huwa sodisfatt jekk in-notifikatur jiddikjara kategorija ta' skart, per eżempju, "skart ta' tagħmir elettroniku"?

4)      L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament […] Nru 259/93 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(2) jibda jiddekorri minn meta tintbagħat il-konferma bil-miktub tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat tad-destinazzjoni, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li jibgħat isostnu li huma ma kinux irċevew l-informazzjoni kollha prevista mill-Artikolu 6(5)?

Jekk dan mhux il-każ, liema informazzjoni għandha tintbagħat mall-komunikazzjoni sabiex it-terminu ta' 30 ġurnata previst fl-Artikolu 7(2) jista' jibda jiddekorri?

L-skadenza ta' dan it-terminu ta' 30 ġurnata għandu bħala effett fid-dritt li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iqajmu oġġezzjonijiet jew jitolbu informazzjoni addizzjonali?"

 Fuq l-ewwel domanda

12     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 2(g)(ii) tar-Regolament Nru 259/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li kollettur ta' skart awtorizzat mhuwiex awtomatikament awtorizzat sabiex jikkomunika l-vjaġġ bil-baħar ta' l-iskart għall-irkupru.

13     Jirriżulta mill-istess kliem ta' l-Artikolu 2(g) li, meta l-persuna li l-attivitajiet tagħha jipproduċu l-iskart ikkonċernat, fl-okkorrenza l-produttur oriġinali, mhijiex fil-pożizzjoni li tinnotifika t-trasferiment, kollettur awtorizzat jista', imma biss f'każ simili, jieħu r-rwol ta' notifikatur.

14     Għaldaqstant dan l-Artikolu espressament jeskludi li l-kollettur awtorizzat jista' awtomatikament jiġi kkunsidrat bħala l-uniku notifikatur tal-vjaġġ bil-baħar.

15     Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju titlob sabiex jiġi ppreċiżat liema huma l-kriterji li jippermettu lil kollettur awtorizzat ikun in-notifikatur ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru.

16     Għalkemm l-obbligu li l-vjaġġ bil-baħar ta' skart jiġi nnotifikat huwa fl-ewwel lok l-obbligu tal-produttur oriġinali, il-kliem "meta dan ma jkunx possibbli" ifisser li, f'każ ta' impossibbiltà għall-produttur oriġinali li jinnotifika, il-kollettur awtorizzat jista' jeffettwa din il-komunikazzjoni. Fid-dawl ta' wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 259/93, kif speċifikat fid-disa premessa tiegħu, jiġifieri l-komunikazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-vjaġġi bil-baħar ta' skart li tippermettilhom li jiġu debitament informati sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, huwa fil-fatt neċessarju li l-kliem "meta dan ma jkunx possibbli" jiġu interpretati b'mod wiesa' sabiex jiġi assigurat li, meta huwa impossibbli li l-komunikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar lill-awtoritajiet kompetenti tkun iggarantita mill-produttur oriġinali, din tista' ssir mill-kollettur awtorizzat.

17     F'dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju, bħall-fatt li l-produttur ta' l-iskart mhuwiex magħruf jew iċ-ċirkustanza li n-numru ta' produtturi huwa tant għoli u li l-produzzjoni li tirriżulta mill-attività tagħhom hija hekk żgħira li ma jkunx raġonevoli li dawn il-produtturi jinnotifikaw individwalment il-vjaġġ bil-baħar ta' l-iskart, jikkostitwixxu kriteriji li jippermettu lill-kollettur awtorizzat sabiex jipproċedi għall-komunikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar lill-awtoritajiet kompetenti, u li taqa' taħt is-sinifikat tal-kliem "meta ma jkunx possibbli".

18     B'mod partikolari, meta mhijiex magħrufa l-identità tal-produttur oriġinali, ikun għal kollox iġġustifikat u wkoll mixtieq li jkun il-kollettur awtorizzat li jeffettwa l-komunikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Minbarra dan, iż-żieda tal-komunikazzjonijiet li jirriżultaw minn numru għoli ta' operaturi li kull wieħed minnhom jipproduċi kwantità żgħira ta' skart tkun, bħal ma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, inkompatibbli ma' l-obbligu li, skond ir-Regolament Nru 259/93, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw dawn il-komunikazzjonijiet f'termini relattivament qosra.

19     B'hekk ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kliem "meta dan ma jkunx possibbli" li jinsabu fl-Artikolu 2(g)(ii) tar-Regolament Nru 259/93 għandhom jiġu interpretati li s-sempliċi fatt li persuna hija kollettur awtorizzat ma tagħtihiex in-natura ta' notifikatur ta' vjaġġ bil-baħar ta' iskart għall-irkupru. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li l-produttur ta' l-iskart mhuwiex magħruf jew li n-numru ta' produtturi huwa tant għoli u li l-produzzjoni li tirriżulta mill-attività tagħhom hija tant żgħira li ma jkunx raġonevoli li dawn il-produtturi jikkomunikaw individwalment il-vjaġġ bil-baħar ta' skart jistgħu jiġġustifikaw li l-kollettur awtorizzat jiġi kkunsidrat bħala n-notifikatur ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru.

 Fuq it-tieni domanda

20     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li jibgħat għandhomx id-dritt li jopponu talba ta' awtorizzazzjoni għal esportazzjoni ta' skart għall-irkupru fi Stat tad-destinazzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li l-informazzjoni mogħtija min-notifikatur tindika biss li l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tad-destinazzjoni teżiġi l-istess livell ta' protezzjoni ekoloġika bħal dik ta' l-Istat li jibgħat.

21     Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-kwistjoni tal-vjaġġi bil-baħar hija rregolamentata permezz ta' armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju permezz tar-Regolament Nru 259/93, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta' l-ambjent (sentenzi tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 42, u tas-27 ta' Frar 2002, ASA, C-6/00, Ġabra p. I-1961, punt 35).

22     Il-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jopponu vjaġġ bil-baħar ta' skart bejniethom huma, għal dak li jikkonċerna l-iskart iddestinat għall-irkupru, limitatament elenkati fl-Artikolu 7(4) ta' dan ir-Regolament, skond il-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni (sentenza ASA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

23     Madankollu, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(4), li jiddefinixxi l-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq, tat-tranżitu jew tad-destinazzjoni jistgħu iqajmu oġġezzjonijiet għall-vjaġġi bil-baħar ta' skart iddestinat għall-irkupru, teħtieġ li l-awtorità kompetenti jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika jekk vjaġġ bil-baħar jikkorrispondix jew le għal wieħed minn dawn il-każijiet.

24     Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 259/93 jipprovdi li n-notifikatur għandu jissupplixxi ċerta informazzjoni.

25     Minbarra dan, jirriżulta mill-istess Artikolu 6(4) li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali lin-notifikatur.

26     Madankollu, peress illi r-Regolament Nru 259/93 ma jipprovdix proċedura speċifika fil-każ ta' nuqqas ta rispett ta' tali talba għal informazjoni jew għal dokumentazzjoni addizzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tqajjem "oġġezzjoni", prevista fl-Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament, jekk hija ma jkollhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika jekk vjaġġ bil-baħar jikkawżax problemi fid-dawl ta' l-Artikolu 7(4) ta' l-istess Regolament.

27     F'dan il-kuntest, il-livell ta' l-informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata bħala neċessarja u li l-awtorità kompetenti tista', konsegwentement, titlob, tvarja skond il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 259/93.

28     Għaldaqstant, fil-każ imsemmi, fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 43 tas-sentenza tas-16 ta' Diċembru 2004, EU-Wood-Trading (C-277/02, Ġabra p. I-11957), ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibbażaw oġġezzjoni fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mhux biss mal-ħidma tat-trasport stess, imma wkoll mal-ħidma ta' l-irkupru previst minn dan il-vjaġġ bil-baħar.

29     Fil-fatt, peress illi, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew ta' metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lilll-awtoritajiet kompetenti tat-tluq li jqajmu oġġezzjonijiet għal vjaġġ bil-baħar ta' skart iddestinat għall-irkupru għar-raġuni li l-irkupru previst ma jirrispettax l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 (sentenza EU-Wood-Trading, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42).

30     Fis-sentenza EU-Wood-Trading, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93 jimplikaw li l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq, fl-evalwazzjoni tar-riskji li jimplika l-irkupru ta' l-iskart effettwat fl-Istat tad-destinazzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, jistgħu jikkunsidraw il-kriterji kollha rilevanti f'dan ir-rigward, li jinkludu dawk li huma fis-seħħ fl-Istat tat-tluq, anki jekk huma aktar stretti minn dawk ta' l-Istat tad-destinazzjoni, u sakemm dawn huma intiżi sabiex jevitaw dawn ir-riskji. L-awtoritajiet kompetenti tat-tluq ma jistgħux madankollu jkunu marbuta minn kriterji ta' l-Istat tagħhom jekk huma ma kinux aktar kapaċi jevitaw dawn ir-riskji milli dawk ta' l-Istat tad-destinazzjoni (sentenza EU-Wood-Trading, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

31     Minbarra dan, l-oppożizzjoni għal vjaġġ bil-baħar, mill-awtorità kompetenti li tibgħat, fuq il-bażi tan-normi nazzjonali ta' rkupru, ma jistgħux jintervjenu legalment sakemm dawn, fir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, huma kapaċi jwettqu l-għanijiet intiżi sabiex jevitaw ir-riskji fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom (sentenza EU-Wood-Trading, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49). Dawn ir-riskji għandhom jitkejlu mhux bħala kunsiderazzjonijiet ta' ordni ġenerali, imma fuq il-bażi ta' riċerki xjentifiċi rilevanti (sentenza EU-Wood-Trading, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

32     Għaldaqstant, fil-kuntest tal-komunikazzjoni minn qabel stabbilita mill-Artikolu 6, skond il-paragrafu (5) ta' dan l-Artikolu, in-notifikatur għandu jipprovdi fin-nota tal-konsenja dak li jservi bħala sostenn għall-komunikazzjoni, informazzjoni rigward mhux biss fuq il-kompożizzjoni u l-volum ta' l-iskart li għandu jiġu rkuprat u l-modalitajiet tat-trasport tagħhom, imma wkoll fuq il-kundizzjonijiet li fihom dan l-iskart ser jiġi rkuprat.

33     Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi mitlub min-notifikatur li huwa jagħti prova li l-irkupru fl-Istat tad-destinazzjoni ser ikun ekwivalenti għal dak previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li jibgħat. Bil-kontra, jekk l-awtorità kompetenti tat-tluq tixtieq, skond l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a), topponi l-vjaġġ bil-baħar fuq il-bażi tan-normi nazzjonali ta' rkupru tagħha, huwa obbligu tagħha li turi r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li jkun jimplika l-irkupru ta' l-iskart fl-Istat tad-destinazzjoni.

34     Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-awtorità kompetenti tat-tluq għandha d-dritt, skond l-Artikolu 7(2) u l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, li topponi l-vjaġġ bil-baħar ta' skart fin-nuqqas ta' informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tat-trattament ta' dan fl-Istat tad-destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi mitlub min-notifikatur li huwa jagħti prova li l-irkupru fl-Istat tad-destinazzjoni ser ikun ekwivalenti għal dak previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li jibgħat.

 Fuq it-tielet domanda

35     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar, ir-referenza għal kategorija ta' skart bħal "skart ta' tagħmir elettroniku" tissodisfax l-obbligu ta' informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta' l-iskart previst fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 259/93.

36     Kif kien diġà ġie osservat fil-punt 16 ta' din is-sentenza, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 259/93 huwa li jassigura l-komunikazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-vjaġġi bil-baħar ta' skart, li tippermettilhom li jiġu debitament informati sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent.

37     Dan biss jista' jiggarantixxi li dan il-għan iwassal għal komunikazzjoni kompluta, li tirrifletti b'mod dettaljat l-oriġini, il-kompożizzjoni u l-volum ta' l-iskart iddestinat għall-irkupru u, meta dan jirrigwarda l-iskart ta' oriġini differenti, li tinkludi l-inventarju dettaljat tagħhom.

38     Ir-referenza "skart ta' tagħmir elettroniku" ma tissodisfax din il-kundizzjoni fil-kunsiderazzjoni tan-natura astratta u mhux preċiża tagħha kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' indikazzjonijiet dettaljati li jkunu jistgħu jagħtu lill-awtorità kompetenti informazzjoni fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-iskart in kwistjoni.

39     Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għal informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta' l-iskart mhuwiex sodisfatt jekk in-notifikatur jiddikjara kategorija ta' l-iskart taħt ir-referenza "skart ta' tagħmir elettroniku".

 Fuq ir-raba' domanda

40     Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk il-fatt li l-awtorità kompetenti tat-tluq tqis li hija m'għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna t-trasferiment ta' l-iskart għall-irkupru jaffettwax id-data li fiha t-terminu ta' 30 ġurnata previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 259/93 jibda jidderkorri. Minbarra dan, din l-istess qorti ssaqsi jekk l-iskadenza ta' dan it-terminu jeskludix il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jqajmu oġġezzjonijiet għall-vjaġġ bil-baħar jew li jitolbu informazzjoni addizzjonali lin-notifikatur.

41     Sabiex tirrispondi għad-domanda mressqa, għandu jiġi eżaminat il-mekkaniżmu ta' komunikazzjoni tal-vjaġġi bil-baħar ta' iskart kif previst mir-Regolament Nru 259/93.

42     Skond l-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament, meta n-notifikatur ikollu l-intenzjoni jibgħat skart għall-irkupru minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopja tal-komunikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-tranżitu u lir-riċevent.

43     L-Artikolu 7(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi li, mal-wasla ta' din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol, tibgħat konferma lin-notifikatur kif ukoll kopja ta' din lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra u lir-riċevent.

44     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7(2), l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tat-tluq u tat-tranżitu jkollhom 30 jum wara t-tluq tal-konferma sabiex joġġezzjonaw għal konsenja.

45     Jirriżulta mill-istess kliem ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 259/93 li, minn meta tintbagħat konferma bil-miktub mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni, it-terminu ta' 30 ġurnata jibda jiddekorri. Il-fatt li l-awtorità kompetenti tat-tluq, bħal fil-kawża prinċipali, tqis li ma rċevietx l-informazzjoni kollha neċessarja m'għandux ikun ta' ostaklu li jibda jiddekorri dan it-terminu. It-terminu ta' 30 ġurnata jikkostitwixxi garanzija importanti għan-notifikatur li jara li l-komunikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar tiegħu tiġi eżaminata f'termini stretti kif previsti minn dan l-istess Regolament u li jiġi informat, mhux aktar tard mill-iskadenza tagħhom, jekk, u eventwalment f'liema kundizzjonijiet, il-vjaġġ bil-baħar jista' jseħħ (ara f'dan is-sens, fir-rigward ta' oġġezzjoni ta' l-awtorità kompetenti ta' vjaġġ bil-baħar dwar il-karatteristika żbaljata ta' vjaġġ bil-baħar, is-sentenza ASA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

46     Għal din ir-raġuni, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta' ċertezza legali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpetat b'mod strett. It-terminu ta' 30 ġurnata previst f'dan l-Artikolu jikkostitwixxi garanzija għat-tmexxija amministrativa tajba, l-awtoritajiet kompetenti mhumiex fil-pożizzjoni li jqajmu oġġezzjonijiet jekk dawn jirrispettaw dan it-terminu.

47     Għaldaqstant, in-nuqqas ta' ċerta informazzjoni li l-awtorità kompetenti, fl-okkorrenza l-awtorità tat-tluq, tikkunsidra utli, anki neċessarja li titlob m'għandux ikun ta' ostaklu li t-terminu ta' 30 ġurnata stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 259 jibda jiddekorri.

48     Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern tad-Danimarka, ta' l-Awstrija u tal-Polonja wrew it-tħassib tagħhom fir-rigward ta' din l-interpretazzjoni meta sostnew li l-fatt li jiġi aċċettat li t-terminu ta' 30 ġurnata jibda jiddekorri mit-tluq, mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni, ta' konferma bil-miktub u li, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt li l-komunikazzjoni mhijiex kompluta, iwassal li l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux fil-pożizzjoni li jqajmu oġġezzjonijiet kontra l-vjaġġ bil-baħar.

49     F'dan ir-rigward, fil-kunsiderazzjoni tal-fatt li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu debitament informati, permezz tal-komunikazzjoni minn qabel, tat-tip, tal-movimenti u tar-rimi jew ta' l-irkupru ta' l-iskart, b'tali mod li huma jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji kollha għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, li jinkludi l-possibbiltà li jqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli li jikkonċernaw il-vjaġġi bil-baħar, huwa neċessarju li jitħarsu d-drittijiet ta' l-awtoritajiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-każ li fih huma jikkunsidraw li l-komunikazzjoni mhijiex kompluta, drittijiet li jagħtihom l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 259/93.

50     Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punti 46 u 47 ta' din is-sentenza huma bla ħsara għal dawn id-drittijiet. Peress illi r-Regolament Nru 259/93 ma jipprovdix proċedura speċifika għall-introduzzjoni, permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti, ta' talba għal informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 6(4) ta' dan ir-Regolament, dawn it-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti, u fl-okkorrenza l-awtorità tat-tluq, f'terminu ta' 30 ġurnata, taħt il-forma ta' "oġġezzjoni" prevista fl-Artikolu 7(2) ta' l-istess Regolament. Tali soluzzjoni tippermetti li jiġu kkonċiljati l-interpetazzjoni stretta ta' l-Artikolu 7(2) flimkien mar-rispett tad-drittijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti li jitolbu informazzjoni addizzjonali.

51     Fl-ipoteżi li fiha l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti tat-tluq tkun ingħatat fit-terminu ta' 30 ġurnata u fejn din l-awtorità tqis li l-problemi li jimmotivaw l-oġġezzjonijiet tagħha ġew solvuti, din, skond l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 259/93, għandha tinforma lin-notifikatur minnufih bil-miktub b'kopji lir-riċevent u lill-awtoritjiet l-oħra kkonċernati. Jekk wara jkun hemm xi tibdil essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-vjaġġ bil-baħar, tkun trid issir komunikazzjoni ġdida.

52     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 259/93 jibda jiddekorri minn meta tintbagħat il-konferma bil-miktub tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat tad-destinazzjoni, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat tat-tluq isostnu li huma ma kinux irċevew l-informazzjoni kollha prevista mill-Artikolu 6(5) ta' dan ir-Regolament. L-iskadenza ta' dan it-terminu għandu bħala effett li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iqajmu oġġezzjonijiet kontra l-vjaġġ bil-baħar jew jitolbu informazzjoni addizzjonali lin-notifikatur.

 Fuq l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-kliem "meta dan ma jkunx possibbli" li jinsabu fl-Artikolu 2(g)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li persuna hija kollettur awtorizzat ma tagħtihiex in-natura ta' notifikatur ta' vjaġġ bil-baħar ta' iskart għall-irkupru. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li l-produttur ta' l-iskart mhuwiex magħruf jew li n-numru ta' produtturi huwa tant għoli u li l-produzzjoni li tirriżulta mill-attività tagħhom hija tant żgħira li ma jkunx raġonevoli li dawn il-produtturi jikkomunikaw individwalment il-vjaġġ bil-baħar ta' skart jistgħu jiġġustifikaw li l-kollettur awtorizzat jiġi kkunsidrat bħala n-notifikatur ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru.

2)      L-awtorità kompetenti tat-tluq għandha d-dritt, skond l-Artikolu 7(2) u l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, li topponi l-vjaġġ bil-baħar ta' skart fin-nuqqas ta' informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tat-trattament tiegħu fl-Istat tad-destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi mitlub min-notifikatur li huwa jagħti prova li l-irkupru fl-Istat tad-destinazzjoni ser ikun ekwivalenti għal dak previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li jibgħat.

3)      L-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għal informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta' l-iskart mhuwiex sodisfatt jekk in-notifikatur jiddikjara kategorija ta' l-iskart taħt ir-referenza "skart ta' tagħmir elettroniku".

4)      It-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 259/93 jibda jiddekorri minn meta tintbagħat il-konferma bil-miktub tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat tad-destinazzjoni, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat tat-tluq isostnu li huma ma kinux irċevew l-informazzjoni kollha prevista mill-Artikolu 6(5) ta' dan ir-Regolament. L-Iskadenza ta' dan it-terminu għandu bħala effett li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iqajmu oġġezzjonijiet kontra l-vjaġġ bil-baħar jew jitolbu informazzjoni addizzjonali lin-notifikatur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top