EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0065

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Trattat KEEA - Kamp ta' applikazzjoni - Direttiva 89/618/Euratom - Protezzjoni tas-saħħa - Radjazzjonijiet li jonizzaw - Użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet militari - Tiswija ta' sottomarin nukleari.
Kawża C-65/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:161

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Marzu 2006(*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Trattat KEEA – Kamp ta' applikazzjoni – Direttiva 89/618/Euratom – Protezzjoni tas-saħħa – Radjazzjonijiet li jonizzaw – Użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet militari – Tiswija ta' sottomarin nukleari"

Fil-kawża C‑65/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 141 EA, ippreżentat fit-13 ta' Frar 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Ström van Lier u J. Grunwald, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentata minn C. Jackson u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC, u S.Tromans, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn R. Abraham, G. de Bergues, E. Puisais kif ukoll C. Jurgensen, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Ottubru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma infurmax bil-quddiem il-popolazzjoni li tista' tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika fil-pjan ta' emerġenza lokali eżistenti f'Ġibiltà, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta' Novembru 1989, dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun infurmat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 357, p. 31, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikoli 30 EA u 31 EA jipprevedu l-istabbiliment fil-Komunità Ewropea ta' rekwiżiti bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku kontra l-perikoli kkawżati minn radjazzjonijiet li jonizzaw.

3       Peress illi ġet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 31 tat-Trattat CEEA, id-Direttiva hija maħsuba, skond l-Artikolu 1 tagħha, "biex tiddefinixxi, fuq livell tal-Komunità, għanijiet komuni dwar il-miżuri u proċeduri ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali bil-għan li titjieb il-protezzjoni dwar ħidmiet għas-saħħa fil-każ ta' emerġenza radjoloġika."

4       L-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

"1.      Stati Membri għandhom jiżguraw li l-popolazzjoni li aktarx tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika tingħata informazzjoni dwar il-miżuri ta' protezzjoni għas-saħħa applikabbli għaliha u dwar l-azzjoni li għandha tieħu fil-każ ta' din l-emerġenza.

[…]

3.      Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-popolazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr ma ssir ebda talba.

[…]"

 Il-proċedura prekontenzjuża

5       Matul is-sena 2000, il-Kummissjoni rċeviet bosta ilmenti dwar xi xogħlijiet ta' tiswija li saru fil-port ta' Ġibiltà sa mix-xahar ta' Mejju ta' dik is-sena fuq sottomarin nukleari tal-forzi navali tal-Gran Brittanja "Tireless" wara inċident li kkawża ħsara lir-reattur nukleari tiegħu.

6       B'ittra ta' l-10 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit li jgħaddilha l-informazzjoni mogħtija lill-popolazzjoni fuq il-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa li kienu applikabbli għaliha kif ukoll fuq l-azzjoni li kellha tieħu fil-każ ta' emerġenza radjoloġika.

7       Fir-risposta tagħhom ta' l-14 ta' Novembru 2000, l-awtoritajiet tar-Renju Unit sostnew li t-Trattat KEEA huwa applikabbli biss fil-każ ta' użu militari ta' l-enerġija nukleari. Madankollu, huma infurmaw bl-eżistenza ta' pjan ta' intervent għaż-żona ta' Ġibiltà, imsejjaħ Gibraltar Public Safety Scheme (iktar 'il quddiem il-"Gibpubsafe"), li jista' jiġi kkonsultat fil-bibljoteka pubblika ta' Ġibiltà.

8       Peress illi kkunsidrat li l-Gibpubsafe ma kienx konformi mad-Direttiva, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni fil-21 ta' Marzu 2002 lir-Renju Unit. F'din l-ittra hija osservat b'mod partikolari li, għal dak li jikkonċerna l-mezzi ta' informazzjoni bil-quddiem tal-popolazzjoni li tista' tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, is-sempliċi disponibbiltà tal-Gibpubsafe f'bibljoteka pubblika ma setgħetx tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi traspożizzjoni sodisfaċenti tad-Direttiva.

9       L-awtoritajiet tar-Renju Unit irrispondew għal din l-ittra ta' intimazzjoni permezz ta' ittra tas-17 ta' Mejju 2002. F'din l-ittra, dawn l-awtoritajiet sempliċement żviluppaw ir-raġunijiet li għalihom huma jikkunsidraw li l-attivitajiet marbuta mas-sistemi nukleari ta' apparat militari ma jaqgħux taħt id-dmirijiet tal-Komunità permezz tat-Trattat KEEA.

10     Fl-opinjoni motivata tat-23 ta' Ottubru 2002 indirizzata lir-Renju Unit, il-Kummissjoni sostniet, b'mod partikolari, li l-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat KEEA ma jeskludix ir-radjazzjonijiet li jonizzaw li jirriżultaw minn attivitatjiet militari u stiednet lill-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn minn meta jirċevuha.

11     Peress illi dawn l-awtoritajiet żammew il-pożizzjoni tagħhom għal din l-opinjoni fir-risposta ta' l-20 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ġunju 2004, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

13     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–       tiddikjara li, peress li ma kienx informa bil-quddiem il-popolazzjoni li jista' tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika fil-pjan ta' emerġenza lokali eżistenti f'Ġibiltà, ir-Renju Unit naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva; u

–       tikkundanna lir-Renju Unit ibati l-ispejjeż.

14     Ir-Renju Unit u r-Repubblika Franċiża jitolbu li r-rikors jiġi miċħud u li tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Fur ir-rikors

15     Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li wara l-immobilizzazzjoni għat-tiswija ta' sottomarin nukleari tal-forzi navali tar-Renju Unit "Tireless" fil-port ta' Ġibiltà, matul ix-xahar ta' Mejju 2000, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern tar-Renju Unit jgħaddilha l-informazzjoni mogħtija lill-popolazzjoni dwar il-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa applikabbli fil-każ ta' emerġenza radjoloġika skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.

16     Il-kwistjoni jekk l-użu militari ta' l-enerġija nuklejari tistax tkun koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat KEEA kienet diġà ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-61/03, Ġabra p. I-2477).

17     F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, ikkonstatat li bosta dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA jikkonferixxu lill-Kummissjoni setgħat kunsiderevoli, li jippermettulha tintervjeni b'mod attiv, permezz ta' leġiżlazzjoni jew ta' opinjoni li jkun fiha deċiżjonijiet individwali, fl-oqsma differenti ta' attivitajiet li, fil-Komunità, jikkonċernaw l-użu ta' l-enerġija nukleari. Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, barra d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat, dwar il-protezzjoni tas-saħħa, u b'mod partikolari l-Artikoli 34 EA, 35 EA u 37 EA, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 ta' l-istess Titolu II, dwar l-iżvilupp tar-riċerka, li fih sostniet li l-kliem ta' dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jippreċiżaw jekk l-attiviatjiet hekk irregolati huma esklużivament ta' natura ċivili (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

18     Il-Qorti sussegwentement irrilevat li l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet dwar installazzjonijiet, dwar programmi ta' riċerka u dwar attivitajiet militari oħra jistgħu jkunu ta' natura li jikkompromettu l-interessi essenzjali tad-difiża nazzjonali ta' l-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

19     Fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fir-rigward ta' l-assenza fit-Trattat KEEA ta' kull deroga li tistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu awtorizzati jinvokaw u jipproteġu dawn l-interessi essenzjali, l-attivitajiet li huma koperti mill-kamp militari ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan it-Trattat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

20     Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, iqajmu l-istess punt ġuridiku.

21     Madankollu, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu għad-dispożizzjoni tal-popolazzjonijiet tagħhom għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa li għandhom jieħdu fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva, huma koperti mill-qasam tal-protezzjoni ċivil, mhux mill-qasam militari. L-applikabbiltà ta' din id-Direttiva b'hekk ma kinitx ta' natura li tkun ta' dannu għall-interessi militari ta' dawn l-Istati.

22     Tali argument ma jistax jiġi milqugħ.

23     Fil-fatt, huwa paċifiku li, f'dan il-każ, is-sors ta' l-enerġija nukleari għandu oriġini militari.

24     Li jiġi aċċettat li, f'tali sitwazzjoni, l-obbligu previst fl-Artikolu 5 tad-Diretiva madankollu ma jimponix ruħu fuq l-Istati Membri, iwassal li jiġi rikonoxxut lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat CEEA li jikkonċernaw il-protezzjoni tas-saħħa, b'mod partikolari għall-Artikolu 31 EA li jikkostitwixxi l-bażi ta' din id-Direttiva, kamp ta' applikazzjoni differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan it-Trattat.

25     Għaldaqstant, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonjiet ta' dan it-Trattat għall-attivitajiet koperti mill-kamp militari tiddependi min-natura u mill-iskop ta' l-obbligi li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu lill-Istati Membri. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat f'kull każ il-ħsara li l-esekuzzjoni ta' dawn l-obbligi tista' tfisser għall-interessi nazzjonali tad-difiża nazzjonali ta' dawn l-Istati.

26     Kif jirrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-argument kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt, jirriżulta b'mod ċar ħafna minn din is-sentenza li l-użu ta' l-enerġija nukleari għal skopijiet militari joħroġ mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ġabra tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA, u mhux minn uħud ta' dawn id-dispożizzjonijiet biss.

27     Peress illi l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni sekondarja ma jistax, taħt piena ta' nullità, jeċċedi dak tal-bażi ġuridika tagħhom, l-inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 31 EA għall-attivitajiet militari bilfors li jimplika n-non applikabbiltà tad-Direttiva għal dawn l-attivitajiet.

28     Madankollu għandu jiġi mfakkar li tali konstatazzjoni ma tnaqqas xejn mill-importanza kruċjali ta' l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-popolazzjonijiet u l-ambjent kontra l-perikoli marbuta ma' l-użu ta' l-enerġija nukleari, inkluż dak għal skopijiet militari. Fil-każ fejn it-Trattat KEEA ma jipprovdix lill-Komunità strument speċifiku sabiex tilħaq dan il-għan, ma jistax jiġi eskluż li miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, matul tiswija ta' sottomarin nukleari militari, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva ma jimponix lir-Renju Unit l-obbligu li jinforma l-popolazzjoni li tista' tintlaqat fil-każ ta' emerġenza radjoloġika dwar il-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa applikabbli għalihom.

30     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

31     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok lil hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mir-Renju Unit. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top