EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4756

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

COR 2020/04756

ĠU C 175, 7.5.2021, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/6


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

(2021/C 175/02)

Relatur:

Emil BOC (RO/PPE), Sindku ta’ Cluj-Napoca

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

COM(2020) 625 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp armonjuż tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment fil-kuntest il-ġdid fejn din hija fattur strateġiku ewlieni fil-bini ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-edukazzjoni għandha wkoll impatt kruċjali fuq oqsma oħrajn ta’ interess għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħall-eżodu jew il-kisba ta’ mħuħ, il-koeżjoni soċjali, l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, it-trasformazzjoni diġitali, l-innovazzjoni (teknoloġika u soċjali) il-komunitajiet ekoloġiċi, u l-kooperazzjoni bejn il-qasam akkademiku u setturi oħrajn. L-edukazzjoni hija fattur importanti fl-iżvilupp tar-reżiljenza tal-komunitajiet u tippermettilhom jindirizzaw b’mod aktar faċli l-kriżijiet, sew jekk ekonomiċi jew xort’oħra, kif ukoll li jadattaw għall-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi differenti. Fil-livell lokali u reġjonali, il-promozzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandha titqies bħala investiment kbir fil-futur tagħna;

2.

iqis li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-suċċess tal-proġett taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni huwa essenzjali minħabba r-rabtiet diretti u sostanzjali tagħhom mal-komunitajiet li fihom għandhom jiġu implimentati l-politiki tal-edukazzjoni definiti fil-livell Ewropew u li fuqhom imbagħad dawn il-politiki jkollhom impatt dirett. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ 70 % tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, l-edukazzjoni sseħħ fil-livell lokali u, minn dan il-lat, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva, il-livelli lokali u reġjonali għandhom jiġu inklużi fil-pjan, bl-istess mod tal-livelli nazzjonali u Ewropej, u jipparteċipaw mill-bidu nett fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Naturalment, għandha tiġi stabbilita relazzjoni strutturata u kontinwa bejn il-Kummissjoni u l-KtR f’dan il-qasam ewlieni;

3.

jirrimarka li l-objettivi strateġiċi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jeħtieġ li jitqabblu ma’ riżorsi finanzjarji ċari u identifikabbli disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

iqis li l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-ħidma favur is-sostenibbiltà ambjentali u t-tisħiħ tal-identitajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali għandhom ikunu l-għanijiet ewlenin taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;

5.

jenfasizza l-ħtieġa li jitfassal pjan direzzjonali, kif ukoll stadji importanti u indikaturi annwali, sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fil-livelli Ewropew, nazzjonali, u, fejn meħtieġ, reġjonali u lokali. Huwa meħtieġ li tiġi appoġġjata l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali lokali u reġjonali u li l-għanijiet, l-objettivi u s-sistema ta’ appoġġ huma definiti kif xieraq;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li jitwettaq dibattitu serju fil-livell Ewropew dwar ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, f’kuntest fejn il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-edukazzjoni jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Huwa essenzjali li jkun hemm rabta bejn dawn ir-responsabbiltajiet u l-istrateġiji u l-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali. Kull belt, muniċipalità u reġjun għandhom jinkludu objettivi edukattivi ewlenin marbuta mal-objettivi nazzjonali u Ewropej fl-istrateġiji tagħhom;

7.

jinnota li filwaqt li l-kwistjonijiet u l-isfidi tal-edukazzjoni huma komuni, l-għodod u r-riżorsi disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali jvarjaw. Barra minn hekk, mhux l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha għandhom l-istess kapaċità amministrattiva, u dan jinfluwenza direttament il-possibbiltajiet tagħhom ta’ suċċess fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u politiki differenti fil-qasam tal-edukazzjoni. Huwa essenzjali li jiġu identifikati l-ħtiġijiet reġjonali tal-edukazzjoni u jiġu promossi politiki edukattivi speċifiċi, li jqisu l-kuntest lokali. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu żviluppati għodod biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jitgħallmu mill-prattiki tajba ta’ komunitajiet oħra fl-Unjoni. L-iżvilupp ta’ sistema pan-Ewropea li tidentifika r-riżorsi disponibbli f’kull reġjun biex tippermetti l-użu flessibbli u effiċjenti se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-kooperazzjoni hija essenzjali biex jiġu pprovduti servizzi edukattivi u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja dan l-approċċ u tiżgura li kwalunkwe ostakolu għall-kooperazzjoni jitneħħa billi jiġi żviluppat u promoss b’mod attiv qafas ta’ kooperazzjoni flessibbli, aċċessibbli u faċli għall-utent;

8.

iqis li huwa importanti li jitnaqqsu d-differenzi fl-edukazzjoni li jeżistu bejn iż-żoni remoti, rurali u urbani, bejn id-disparitajiet reġjonali, bejn il-livelli differenti ta’ tagħlim (edukazzjoni primarja, sekondarja u għolja) u bejn l-istituzzjonijiet edukattivi differenti. Dawn id-differenzi jikkontribwixxu biex jinżammu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni it-tkomplija tal-istudji u r-riżultati fit-tul, b’mod partikolari l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-possibbiltà li jinstab impjieg imħallas tajjeb;

9.

jinnota li għandna bżonn nadottaw approċċ koerenti għall-programmi u finanzjamenti differenti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ offrut mill-Unjoni Ewropea. Apparti l-Erasmus+, approċċ ġdid jeħtieġ li jintegra strumenti addizzjonali bħall-Orizzont Ewropa u l-Fondi Strutturali. Dan l-approċċ irid ikun inklużiv u l-istrumenti kollha tal-UE jridu jappoġġjaw lir-reġjuni u lill-komunitajiet lokali fi proċess flessibbli u bla xkiel ta’ trasformazzjoni, adattat għad-diversità eżistenti, filwaqt li jiġu żgurati s-sinerġiji u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet fl-edukazzjoni u fit-tagħlim (kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema);

10.

jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi rrispettat il-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Edukazzjoni ta’ kwalità baxxa ħafna drabi hija marbuta mal-faqar u n-nuqqas ta’ riżorsi individwali. Billi nkomplu ma nappoġġjawx l-edukazzjoni b’mod adegwat, qed noħolqu ċirku vizzjuż fejn il-prestazzjoni u l-ħiliet insuffiċjenti jissarrfu f’nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku lokali u riżorsi saħansitra aktar insuffiċjenti. Huwa essenzjali li l-istrateġija/il-programmi operattivi jqisu wkoll dawk iċ-ċittadini li m’għandhomx riżorsi u persuni żvantaġġati oħra, li għalihom l-edukazzjoni tirrappreżenta waħda mill-ftit opportunitajiet biex joħorġu mill-faqar;

11.

jenfasizza wkoll li edukazzjoni ta’ kwalità baxxa hija marbuta wkoll ma’ ostakli relatati mal-aċċess għall-edukazzjoni minħabba raġunijiet differenti ta’ diskriminazzjoni, fosthom abbażi tal-ġeneru, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, jew orjentazzjoni sesswali. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi żgurata edukazzjoni inklużiva u ġusta mingħajr preġudizzju għal kulħadd u li jittieħdu miżuri adegwati biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-istabbilimenti edukattivi;

12.

iqis li wara l-kriżi tal-COVID-19, għandhom jinsiltu tagħlimiet importanti fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell tal-komunitajiet lokali u reġjonali. Il-kriżi kellha impatt profond fuq l-edukazzjoni fil-komunitajiet lokali u reġjonali, u obbligathom jindirizzaw l-isfidi ewlenin tal-ġestjoni tal-kriżijiet, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, l-użu tat-teknoloġija fl-edukazzjoni, l-adattament tar-riżorsi umani għal realtajiet ġodda, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni u l-ħtieġa li tiġi pprovduta edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità. Fil-livell tal-proċess edukattiv, l-isfidi kienu dawn li ġejjin: it-tranżizzjoni u t-trasformazzjoni diġitali, metodi pedagoġiċi ġodda, il-ħolqien ta’ klima ta’ sigurtà u ta’ benesseri għall-istudenti u l-għalliema, iż-żamma u t-trasformazzjoni tal-mobilità (tal-istudenti u tal-għalliema). Huwa importanti li jiġu identifikati l-isfidi li qed tiffaċċja s-sistema, kif ukoll il-bidliet li jeħtieġ li jsiru biex is-sistemi edukattivi jkunu reżiljenti għal sitwazzjonijiet simili fil-futur. Ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi trid tkun prijorità fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda (eż. l-intelliġenza artifiċjali, is-supercomputers/l-informatika ta’ prestazzjoni għolja u ċ-ċibersigurtà). Huwa importanti, meta wieħed iqis ukoll id-differenzi u l-isfidi soċjali, etniċi u reġjonali, li jiġi żgurat li l-komunitajiet kollha jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni diġitali, inkluż it-tagħmir, ir-riżorsi u l-kontenut edukattiv diġitali;

13.

jenfasizza li l-promozzjoni tal-professjoni tal-għalliema (inkluż mil-lat finanzjarju) u, f’dan ir-rigward, it-taħriġ kontinwu ta’ għalliema li huma motivati u kompetenti, huma fatturi essenzjali biex tinħoloq iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Mingħajr fehim sħiħ tar-rwol fundamentali tal-għalliema, huwa impossibbli li fil-qasam tal-edukazzjoni tinbena strateġija li tista’ tirnexxi. L-investiment f’oqsma bħat-taħriġ tal-għalliema, il-proċeduri effettivi għall-għażla, ir-reklutaġġ u l-evalwazzjoni tal-għalliema, jew sabiex il-professjoni tat-tagħlim tkun iktar attraenti, speċjalment fiż-żoni rurali, huwa essenzjali biex jinżammu l-kwalità u l-kompetittività tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala l-aqwa mexxejja fix-xena internazzjonali;

14.

jenfasizza li qed isir dejjem aktar importanti li jinbnew sħubijiet strateġiċi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-universitajiet fit-territorji tagħhom (li huma atturi ċentrali fil-“qasam ta’ għarfien” li jirrigwarda l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-servizzi għas-soċjetà). Ir-rwol tal-universitajiet huwa essenzjali fl-iżvilupp ta’ komunitajiet lokali u reġjonali reżiljenti. L-edukazzjoni għolja tista’ tistimula kemm il-kisba ta’ mħuħ kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni ta’ mħuħ u tgħin lill-Ewropa tattira riżorsi umani internazzjonali ta’ kwalità. Fil-qasam tal-edukazzjoni universitarja, ir-riformi proposti fil-livell tal-UE huma massivi, inklużi l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, il-mobilità tal-istudenti, il-Kard Ewropea tal-Istudenti, il-monitoraġġ tal-gradwati, u r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu jistgħu jiżviluppaw sħubijiet strateġiċi mal-universitajiet u jikkontribwixxu għal dan il-proċess ta’ trasformazzjoni;

15.

jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u jappella għal “approċċ ġdid għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u r-Riċerka, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ trasversali għal dawn il-kwistjonijiet, li huma marbuta mill-qrib mal-politiki reġjonali” (1);

16.

jinnota l-importanza li d-diplomi tal-edukazzjoni għolja, tal-edukazzjoni sekondarja għolja u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku u awtomatiku mill-Istati Membri. Dan ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku huwa meħtieġ jekk irridu nimxu ’l quddiem u, preferibbilment, għandu jkun ibbażat fuq l-eżiti mistennija tat-tagħlim, skont il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

17.

jinnota l-importanza li jitfasslu kurrikuli flessibbli, billi jiġu enfasizzati l-ħiliet u jinħolqu riżorsi edukattivi ħielsa adatti għall-proċess ta’ tagħlim appoġġjat mit-teknoloġija. Iqis ukoll li kurrikuli flessibbli jistgħu jrawmu l-integrazzjoni tal-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali billi jindirizzaw il-kwistjonijiet u jiżviluppaw il-ħiliet skont ir-realtajiet u l-ħtiġijiet/l-isfidi ta’ kull komunità u reġjun;

18.

iqis li huwa essenzjali li jiġu identifikati u promossi l-eżempji ta’ implimentazzjoni b’suċċess tal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali. L-analiżi u t-tixrid ta’ dawn l-aħjar prattiki jistgħu jsaħħu l-valur miżjud tal-azzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri;

19.

iqis li hemm bżonn li jinbidlu l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura edukattiva fil-livell lokali u jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn infrastrutturi edukattivi moderni, funzjonali, diġitali u ekoloġiċi fil-komunitajiet tagħhom. Għandha ssir enfasi fuq it-tbegħid minn strutturi edukattivi riġidi lejn mudelli flessibbli biex jingħelbu l-ostakli formali, kemm bejn l-istituzzjonijiet kif ukoll bejn il-livelli tal-edukazzjoni;

20.

josserva li l-edukazzjoni hija fattur ewlieni fit-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali (jiġifieri tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika bbażata fuq l-għarfien u t-trasformazzjoni diġitali). It-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja għandha tiġi integrata fil-proċessi edukattivi u l-objettivi trasversali kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

21.

jilqa’ t-tnedija tal-Koalizzjoni Edukazzjoni għall-Klima biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku Ewropew u jesprimi r-rieda tiegħu li jkun involut mill-qrib f’din l-inizjattiva ewlenija taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sabiex tinkiseb tranżizzjoni soċjetali ġusta, ekoloġika u diġitali għal kulħadd;

22.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi fil-Koalizzjoni Edukazzjoni għall-Klima r-reġjuni u l-komunitajiet lokali u inizjattivi bħall-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija sabiex tkun żgurata rabta bejn l-inizjattivi minn isfel għal fuq u l-azzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li tappoġġja wegħdiet u azzjonijiet konkreti għal imġiba sostenibbli fl-UE kollha;

23.

iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-ħiliet tal-ħajja u l-ħiliet trasversali sabiex tiżdied il-kapaċità taċ-ċittadini Ewropej li jadattaw għal suq tax-xogħol dinamiku u li qed jinbidel kontinwament;

24.

jenfasizza li hemm bżonn li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali għax hija fattur li jista’ jillimita b’mod sinifikanti l-fenomenu tal-eżodu ta’ mħuħ, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni u mill-Unjoni Ewropea biex jiġi miġġieled l-eżodu ta’ mħuħ u biex dan jinbidel f’ċirkolazzjoni tal-imħuħ;

25.

iqis essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw bl-aħjar mod l-edukazzjoni u l-inklużjoni diġitali għall-istudenti, kif ukoll għaċ-ċittadini u l-impjegati taċ-ċivil (b’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid promoss mill-Kummissjoni);

26.

josserva li huwa importanti li tittejjeb il-kwalità tal-proċessi edukattivi f’oqsma bħall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi, l-interkulturaliżmu, it-tagħlim tal-lingwi, id-diversità kulturali u lingwistika, kif ukoll biex jiġi żgurat li t-tfal żvantaġġati jiksbu ħiliet li tfal oħra jiksbu d-dar;

27.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaħdmu ma’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni u taħriġ formali u mhux formali biex jipprovdu programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja tant meħtieġa għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid sabiex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu jew jidħlu f’suq tax-xogħol, kif ukoll f’oqsma oħra tal-ħajja li qed jinbidlu malajr fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Tali programmi jistgħu wkoll jiġu mfassla għall-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi, bħall-anzjani, sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u l-livell ġenerali ta’ sodisfazzjon u integrazzjoni ta’ dawn il-gruppi. L-universitajiet jistgħu/għandhom ukoll isiru msieħba ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi innovattivi għall-atturi lokali, skont l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali;

28.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali u organizzazzjonijiet oħrajn li jimplimentaw il-programmi ta’ Erasmus+ biex ma jħeġġux biss il-mobilità tal-istudenti, iżda wkoll il-mobilità tal-imprendituri żgħażagħ u l-voluntiera mill-Istati Membri;

29.

jinnota kemm huwa importanti li, għat-tfal kollha li jattendu l-iskola, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu ambjenti sikuri, ħielsa mill-vjolenza, il-fastidju, il-bullying fl-iskejjel, il-lingwa dannuża, id-diżinformazzjoni u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni;

30.

jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex l-edukazzjoni ssir aktar inklużiva fil-livelli kollha għall-persuni b’diżabilità jew għall-gruppi vulnerabbli;

31.

jinnota l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu l-evoluzzjoni (permezz tal-istabbilimenti tal-edukazzjoni) tal-attitudnijiet u l-kompetenzi taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll il-mobilità tal-għalliema u l-istudenti fi sħubijiet nazzjonali u internazzjonali ma’ komunitajiet oħra. Mobilità bħal din tista’ tkun il-bażi ta’ trasferiment ta’ għarfien għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji edukattivi effettivi. L-istudju tal-OECD dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim (TALIS, 2018) juri li għadd kbir ta’ għalliema jesprimu l-ħtieġa li jiżviluppaw ħiliet speċifiċi biex jgħallmu f’ambjenti li jinvolvu studenti bi bżonnijiet speċjali, jużaw teknoloġiji diġitali u jgħallmu fi klassijiet multilingwi u multikulturali;

32.

iħeġġeġ lill-komunitajiet lokali u reġjonali (permezz ta’ sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi, privati u mingħajr skop ta’ qligħ) biex itejbu l-kapaċitajiet tal-universitajiet fir-rigward ta’ programmi edukattivi speċjalizzati f’ħiliet diġitali avvanzati, pereżempju f’teknoloġiji avvanzati (l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà u l-computing ta’ prestazzjoni għolja);

33.

josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ ċentri edukattivi supranazzjonali fil-bliet universitarji ewlenin fl-UE, sabiex jippermettu t-tfassil ta’ prattiki tajbin u politiki pubbliċi fir-rigward tal-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema, kif ukoll tat-trasformazzjoni diġitali tal-proċessi edukattivi.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni (ĠU C 106, 26.3.2021, p. 31).


Top