EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0513(03)

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2016/2785

ĠU C 172, 13.5.2016, p. 9–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 172/9


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2016/C 172/06)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fit-12 ta’ Frar 2016 minn ħames produtturi tal-UE (Arctic Paper Grycksbo AB, Burgo Group SpA, Fedrigoni SpA, Lecta Group u Sappi Europe SA), imsejħa flimkien bħala “l-applikant”, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerta karta fina miksija.

2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa karta fina miksija li hija karta jew kartun miksi fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat (minbarra karta tat-tip kraft jew kartun tat-tip kraft), f’folji jew f’rombli, u b’piż ta’ 70 g/m2 jew aktar iżda li ma jaqbiżx l-400 g/m2 u b’luminożità ta’ aktar minn 84 (imkejla skont l-ISO 2470–1), (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4810 13 00, ex 4810 14 00, ex 4810 19 00, ex 4810 22 00, ex 4810 29 30, ex 4810 29 80, ex 4810 99 10 u ex 4810 99 80 (kodiċijiet TARIC 4810130020, 4810140020, 4810190020, 4810220020, 4810293020, 4810298020, 4810991020 u 4810998020).

Il-prodott taħt rieżami ma jinkludix:

Rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed. Rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed huma definiti bħala dawk ir-rombli li, jekk jiġu ttestjati skont it-test ISO standard ISO 3783:2006 tad-determinazzjoni tar-reżistenza għall-picking, — il-metodu tal-veloċità aċċellerata bl-użu tat-tester IGT (il-mudell elettriku), jagħtu riżultat ta’ inqas minn 30 N/m meta mkejla fid-direzzjoni trasversali tal-karta (CD) u riżultat ta’ inqas minn 50 N/m meta mkejla fid-direzzjoni tal-magna (MD).

Karta u kartun b’ħafna saffi.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (imsejħa wkoll “il-pajjiż konċernat”) hija soġġetta għar-regoli applikabbli għal pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezzijiet li jitħallsu jew li huma pagabbli għall-karti fini miksija f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali hekk stabbilit mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami li joriġina fil-pajjiż konċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Brażil, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri l-eżistenza ta’ dumping, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping min-naħa tal-pajjiż konċernat.

4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara

L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara. F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta evidenza prima facie li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell tal-importazzjonijiet attwali tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż konċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minħabba li s-suq tal-Unjoni għadu attraenti f’termini ta’ volum u prezzijiet, u minħabba li pajjiżi terzi oħra għandhom miżuri ta’ difiża tal-kummerċ kontra l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Finalment, l-applikant jallega li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li jekk dawn jitħallew jiskadu, kwalunkwe rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta’ dumping mill-pajjiż konċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami tal-iskadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami tal-iskadenza se jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina fil-pajjiż konċernat, kif ukoll għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħasra għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kunsidrat

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kunsidrat”).

5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż konċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li se jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjun huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi se jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu realistikament jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.2.2.   Proċedura addizzjonali rigward il-produtturi esportaturi fil-pajjiż konċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

F’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-valur normali se jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

Fl-investigazzjoni preċedenti, l-Istati Uniti tal-Amerika ntużaw bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għall-fini tal-investigazzjoni attwali, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba, huwa maħsub li l-Istati Uniti tal-Amerika jerġgħu jintużaw mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, produtturi oħrajn, f’ekonomija tas-suq, tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jkunu jinsabu fost l-oħrajn fl-Indja, fl-Indoneżja, il-Korea t’Isfel, u l-Iżvizzera. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li teżisti produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar l-għażla tal-pajjiż analogu fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (5) (6)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabilità jew le ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, sal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) jipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).

Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristertta” huma mitluba li jagħtu sommarji mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika u jinkludu dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizzi tal-imejl għall-korrispondenza:

Għal aspetti ta’ dumping

:

TRADE-CFP-DUMPING-CHINA@ec.europa.eu

Għal aspetti ta’ ħsara

:

TRADE-CFP-INJURY-CHINA@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u minħabba f’hekk ir-riżultati jissejsu fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm dik il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitlub tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ interfaċċa bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsir smigħ li jinvolvi lill-partijiet bil-għan li jippermettilhom jippreżentaw fehmiet differenti u li jressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami tal-iskadenza qed jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jiġu rivokati jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).


(1)  Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping (ĠU C 280, 25.8.2015, p. 7).

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011 tas-6 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, 14.5.2011, p. 1).

(4)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż konċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott rieżaminat.

(5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna fl-Anness I ta’ din in-Noifika.

(6)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

☐ Verżjoni “Ristretta” (1)

☐ Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTIDUMPING FIR-RIGWARD TA’ IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTA KARTA FINA MIKSIJA LI TORIĠINA FIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI FIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jwieġbu għat-talba għal informazzjoni marbuta mal-kampjunar li saret fil-punt 5.2.1 tan-Notifika ta’ bidu.

Kemm il-verżjoni “Ristretta” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1. IDENTITÀ U DETTALJI TAL-KUNTATT

Agħti d-dettalji segwenti dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

Indirizz

Persuna ta’ kuntatt

Indirizz elettroniku

Telefon

Faks

2. FATTURAT, VOLUM TAL-BEJGĦ, PRODUZZJONI U KAPAĊITÀ TAL-PRODUZZJONI

Għall-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami kif definit fit-Taqsima 5.1 tan-Notifika ta’ bidu, indika l-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-fatturat fil-munita tal-kontabbiltà tal-kumpanija (il-bejgħ ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni għal kull wieħed mit-28 Stat Membru (2) separatament u bħala total, il-bejgħ tal-esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja (total u lejn l-ikbar ħames pajjiżi importaturi), u l-bejgħ domestiku) u l-piż jew il-volum korrispondenti tal-prodott li qed jiġi rieżaminat kif definit fin-Notifika ta’ bidu u li joriġina mill-pajjiż konċernat. Iddikjara l-piż f’tunnellati u l-munita użata.

Tabella I

Il-fatturat u l-volum tal-bejgħ

Tunnellati

Il-valur fil-munita tal-kontabbiltà

Speċifika l-munita użata

Bejgħ ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni għal kull wieħed mit-28 Stat Membru separatament u bħala total, tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, manifatturat mill-kumpanija tiegħek

Total:

Niżżel Semmi kull Stat Membru:

Bejgħ bl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, lejn il-bqija tad-dinja, manifatturat mill-kumpanija tiegħek

Total:

Niżżel l-ħames pajjiżi li l-aktar jimportaw u agħti l-volumi u l-valuri rispettivi (*)

(1) Dan id-dokument huwa għall-użu intern biss. Dan huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim ta’ kontra d-dumping).

(2) It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, u r-Renju Unit.

Image

Test ta 'immaġni

Tunnellati

Il-valur fil-munita tal-kontabbiltà

Speċifika l-munita użata

Il-bejgħ domestiku tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, immanifatturat mill-kumpanija tiegħek

(*) Żid ringieli addizzjonali jekk meħtieġ.

Tabella II

Produzzjoni u kapaċita ta’ produzzjoni

Tunnellati

Produzzjoni totali tal-kumpanija tiegħek tal-prodott li qed jiġi rieżaminat

Kapaċità ta’ produzzjoni tal-kumpanija tiegħek tal-prodott li qed jiġi rieżaminat

3. L-ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (3)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u l-kumpaniji relatati kollha (jekk jogħġbok elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu iżda mhumiex limitati għax-xiri tal-prodott li qed jiġi rieżaminat jew il-produzzjoni tiegħu b’arranġamenti sottokuntrattwali, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Isem u l-lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

4. INFORMAZZJONI OĦRA

Jekk jogħġbok agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5. ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-kostatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-produtturi esportaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:

(3) Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni jitqiesu li jiġu minn xulxin biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-istokks b’vot jew tal-ishma pendenti jew tat-tnejn; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien, direttament jew indirettament, huma jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

☐ Verżjoni “Ristretta” (1)

☐ Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTIDUMPING FIR-RIGWARD TA’ IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTA KARTA FINA MIKSIJA LI TORIĠINA FIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni marbuta mal-kampjunar li saret fil-punt 5.2.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Kemm il-verżjoni “Ristretta” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1. IDENTITÀ U DETTALJI TAL-KUNTATT

Agħti d-dettalji segwenti dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

Indirizz

Persuna ta’ kuntatt

Indirizz elettroniku

Telefon

Faks

2. IL-FATTURAT U L-VOLUM TAL-BEJGĦ

Għall-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami kif definit fit-Taqsima 5.1 tan-Notifika ta’ bidu, indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, u l-fatturat u l-piż jew il-volum għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni (2) u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-piż jew il-volum korrispondenti tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu u li joriġina fil-pajjiż konċernat. Agħti l-piż f’tunnellati.

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott rieżaminat.

(1) Dan id-dokument huwa għall-użu intern biss. Dan huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim ta’ kontra d-dumping).

(2) It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, u r-Renju Unit.

Image

Test ta 'immaġni

3. L-ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (3)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u l-kumpaniji relatati kollha (jekk jogħġbok elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu iżda mhumiex limitati għax-xiri tal-prodott li qed jiġi rieżaminat jew il-produzzjoni tiegħu b’arranġamenti sottokuntrattwali, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Isem u l-lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

4. INFORMAZZJONI OĦRA

Jekk jogħġbok agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5. ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:

(3) Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu li jiġu minn xulxin biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-istokks b’vot jew tal-ishma pendenti jew tat-tnejn; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien, direttament jew indirettament, huma jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.


Top