Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1016(03)

    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina fl-Indja

    ĠU C 300, 16.10.2013, p. 5–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 300/5


    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina fl-Indja

    2013/C 300/04

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar skadenza imminenti (1) tal-miżuri kompensatorji fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal reviżjoni

    It-talba tressqet fl-1 ta' Lulju 2013 minn CUF – Quimicos Industriais (“l-applikant”), l-uniku produttur ta' aċidu sulfaniliku fl-Unjoni, b'hekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni.

    2.   Il-prodott rivedut

    Il-prodott taħt reviżjoni huwa aċidu sulfaniliku li joriġina fl-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”), li bħalissa jista' jiġi kklassifikat fil-kodiċi NM ex 2921 42 00.

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri li bħalissa qegħdin fis-seħħ huma dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1010/2008 (3).

    4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni ta’ skadenza

    L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni tas-sussidjar jew għal rikorrenza tal-ħsara.

    Għall-kontinwazzjoni tas-sussidjar, l-applikant qed jallega li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Indja bbenefikaw u se jibqgħu jibbenefikaw minn għadd ta' sussidji mogħtija mill-Gvern Indjan. Dawn l-allegati sussidji jikkonsistu f'benefiċċji għal industriji li qegħdin f'żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni/f'unitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni; l-iskema tal-passbook għall-intitolar tad-dazji; l-iskema ta' promozzjoni għall-esportazzjoni tal-beni kapitali; l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ taxxa fuq id-dћul; l-iskema tal-liċenzja avvanzata/l-iskema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem; l-iskema tal-kreditu għall-esportazzjoni; l-iskema ta' suq iffukat; l-iskema ta' prodott iffukat; l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni bla dazju; l-istatus taċ-ċertifikat tal-inċentivi għad-detenturi l-iskema ta’ rifużjoni ta’ dazji; il-pakkett ta’ skema ta’ inċentivi tal-Gvern ta’ Maharashtra; l-iskema għal għajnuna lil Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs) tal-gvern ta’ Gujarat; l-iskema ta’ inċentivi għat-taxxa fuq il-bejgħ ta’ Gujarat u l-iskema tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku ta’ Gujarat. Huwa stmat li s-sussudju totali huwa sinifikanti.

    L-applikant qed jallega li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji peress li jinvolvu għajnuna finanzjarja mingħand il-Gvern Indjan jew Gvernijiet oħrajn reġjonali u jagħtu benefiċċju li min jirċevihom, jiġifieri lill-produtturi esportaturi ta' ċertu aċidu sulfaniliku. Huwa allegat li dawn huma kkundizzjonati mill-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għalhekk speċifiċi u kumpensatorji jew b'xi mod ieħor huma speċifiċi u kumpensatorji.

    Fir-rikorrenza probabbli ta' ħsara, l-applikant ipprovda evidenza li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta' importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut, mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta' kapaċità mhux użata mill-produtturi esportaturi fl-Indja, li l-eżistenza ta' ostakli għall-kummerċ għall-pajjiż ikkonċernat fl-Istati Uniti u l-attrattività tas-suq tal-UE. L-evidenza prima facie pprovduta mill-applikant turi li, fuq il-bażi tal-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-prodott simili mill-Indja lejn pajjiżi oħra, tali żieda fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni x’aktarx qed iħallu, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni u fuq is-sehem tas-suq, bir-riżultat li hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni ta' skadenza, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal jew le għal tkomplija jew rikorrenza ta' sussidjar u ħsara.

    5.1.    Proċedura biex jiġi ddeterminat jekk x'aktarx hemmx kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar

    5.1.1.   Investigati l-produtturi esportaturi

    Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fl-Indja li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi lill-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom kif qed jintalab fl-Anness A għal dan l-avviż.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet Indjani u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju mimli se jkun fih informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut.

    Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux għall-kampjun għandhom jitqiesu li qed jikkooperaw (“produtturi esportaturi li qed jikkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun”).

    5.1.2.   L-investigazzjoni ta' impurtaturi mhux relatati  (5)  (6)

    L-importaturi li mhumiex relatati tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-Indja lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni dwar ir-reviżjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid tal-kampjun se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom li hi mitluba fl-Anness B ta' dan l-avviż lill-Kummissjoni.

    Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa fl-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju mimli se jkun fih informazzjoni dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut.

    5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta' tkomplija jew rikorrenza tal-ħsara u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa jew lil produtturi tal-Unjoni rappreżentanti u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni.

    Il-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni jridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

    5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk il-kontinwazzjoni tas-sussidjar u r-rikorrenza tal-ħsara jiġu konfermati, tintlaħaq deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri kontra s-sussidju jkunux kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rivedut.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviżf’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata din tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tkun ippreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha tkun ippreżentata fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti”. (7)

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji tagħha mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ ma titqiesx.

    Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f'għamla kartaċea, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/20

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Faks +32 22962219

    Posta elettronika: TRADE-SA-ACID-SUBSIDY@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    7.   L-uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn terzi persuni. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tkun ippreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, trid tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi kif stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet sabiex jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u biex jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu, fost oħrajn, mal-possibbiltà ta' kontinwazzjoni tas-sussidjar u ta' rikorrenza tal-ħsara u l-interess tal-Unjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

    8.   Il-possibbiltà li titlob għal reviżjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku

    Billi din ir-reviżjoni ta’ skadenza tingħata bidu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tagħha ma jwasslux biex il-livell tal-miżuri attwali jiġu emendati imma jwasslu biex dawn il-miżuri jiġu revokati jew miżmuma skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tikkunsidra li reviżjoni tal-livell tal-miżuri hija ġġustifikata sabiex tippermetti l-possibbiltà biex jiġi emendat (jiġifieri jiżdied jew jonqos) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu din ir-reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   Trattament tad-dejta personali

    Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (8).


    (1)  ĠU C 28, 30.1.2013, p. 12.

    (2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (3)  ĠU L 276, 17.10.2008, p. 3.

    (4)  Il-produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew minn parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

    (5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn persuna terza; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

    (7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim tal-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS A

    Image

    Image


    ANNESS B

    Image

    Image


    Top