EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0085

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2011 biex jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd

/* COM/2013/085 final */

52013DC0085

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2011 biex jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd /* COM/2013/085 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2011 biex jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd

1.           INTRODUZZJONI U RIŻULTATI EWLENIN

L-Istati Membri huma responsabbli għal bilanċ stabbli u kontinwu bejn il-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom[1]. Il-ġestjoni sostenibbli tal-industrija tas-sajd timplika flotta ekonomikament vijabbli li tisfrutta r-riżorsi naturali taħt il-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Dan huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-flotot tas-sajd tal-UE. L-informazzjoni użata hija dik mibgħuta mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tagħhom tal-2011[2], fir-Reġistru tal-Flotta tal-UE[3], jew bħala dejta miġbura skont il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta (DCF – 'Data Collection Framework')[4], ara l-Anness 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għamel valutazzjoni ta’ din id-dejta[5].

Is-sejba prinċipali hija li huwa meħtieġ titjib sinifikanti fis-snin li ġejjin fil-mod kif l-Istati Membri jevalwaw il-bilanċ u jimmaniġġjaw il-flotot tagħhom. Hekk kif il-ġestjoni tas-sajd tiżviluppa sabiex tinkludi l-objettiv tal-MSY, ma għadux aktar sodisfaċenti li wieħed jibbaża fuq limiti massimi espressi f’parametri statiċi. Huma meħtieġa indikaturi tal-vijabbiltà ekonomika u ta’ sostenibbiltà usa’ għall-ġestjoni tal-flotot tal-UE biex tintlaħaq flotta ekonomikament vijabbli li tisfrutta riżorsa bil-potenzjal bijoloġiku kollu tagħha. It-titjib fil-valutazzjoni tal-istokk huwa kruċjali, kif ukoll fil-ġbir u d-disponibilità, l-analiżi u l-metodoloġija tad-dejta.

2.           LIMITI MASSIMI TAL-KAPAĊITÀ …

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kapaċità tas-sajd tiegħu f’tunnellaġġ (f’TG) u f'saħħa (f’kW) tkun dejjem ugwali jew inqas mil-livelli nominali kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1013/2010[6]. Annotazzjonijiet li hemm bħalissa fir-reġistru tal-flotta jindikaw li l-Istati Membri kollha minbarra r-Rumanija kkonformaw ma’ dawn il-livelli nominali (ara l-Anness 2). Il-flotta tal-Unjoni kienet 14.1 % taħt il-limiti massimi tat-TG u 9.9 % taħt il-limiti massimi tal-kW, b’dawn il-marġini jvarjaw minn 2 % sa 62 %[7]. Fl-2011, l-għadd ta’ bastimenti naqas bi 2 %, filwaqt li t-tunnellaġġ u s-saħħa naqsu bi 3.7 % u bi 3.1 % rispettivament. It-tnaqqis kemm fit-tunnellaġġ kif ukoll fis-saħħa kien simili fost l-Istati Membri, bi ftit varjazzjonijiet (ara l-Anness 3).

Biex tkun żgurata l-preċiżjoni tal-kejl fir-reġistru tal-flotta, l-Istati Membri huma obbligati jiċċertifikaw magni ġodda b’mod sistematiku, u magni sostituti u mmodifikati teknikament ta’ aktar minn 120 kW għall-bastimenti soġġetti għal reġim tal-isforz tas-sajd minn Jannar 2012 u għall-bastimenti kollha minn Jannar 2013. L-Istati Membri għandhom iwettqu wkoll verifika tad-dejta fuq il-bażi tal-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni. Meta l-informazzjoni tindika li s-saħħa tal-magna hija akbar mis-saħħa ddikjarata fuq il-liċenzja tas-sajd tal-bastiment, huma jridu jwettqu verifiki fiżiċi.

Għadd ta’ Stati Membri għadhom ma ssodisfawx id-dati ta’ skadenza għall-kejl u l-monitoraġġ. Xi Stati Membri xejn m’hu qed jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi tal-monitoraġġ. Ftit Stati Membri biss adottaw il-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni meħtieġa għall-verifika tad-dejta. Mill-aħħar ta’ Novembru 2012, ħdax-il Stat Membru adottaw pjan għat-teħid ta’ kampjuni għall-verifika tas-saħħa tal-magna, filwaqt li disa’ Stati Membri ħabbru l-adozzjoni fil-futur qarib. Żewġ Stati Membri għadhom m’għamlux dan.

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lir-rispett tar-Regolament tal-Kontroll. Dan huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fis-sajd fl-UE.

Fl-2011, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat Rapport Speċjali dwar il-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta fl-UE. Id-definizzjonijiet eżistenti tal-kapaċità ma tqisux bħala indikaturi affidabbli għall-kapaċità tal-bastimenti li jaqbdu l-ħut[8]. Il-Kummissjoni hija konxja tal-inadegwatezzi tal-parametri bħat-TG u l-kW biex jiġi evalwat il-progress tekniku, flimkien mad-diffikultajiet prattiċi biex titkejjel is-saħħa tal-magna.

Id-dekummissjonar kien l-aktar għodda amministrattiva użata għat-tnaqqis tal-kapaċità. Il-Kummissjoni tistma li fil-perjodu 2000-2015 se jintużaw madwar EUR 1.3 biljun mill-fondi tal-UE għad-dekummissjonar, ara l-Anness 4.

Fl-analiżi tal-għajnuna għad-dekummissjonar, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet li l-iskemi tad-dekummissjonar li użaw il-fondi pubbliċi ma kinux immirati tajjeb, u kienu neqsin minn kriterji ċari ta' eliġibbiltà u għażla[9]. Il-Qorti kkonkludiet li l-iskrappjar tal-bastimenti tas-sajd ma kellux impatt jew kellu ftit impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut fil-mira.

3.           ...U L-INDIKATURI TAL-KAPAĊITÀ

Id-deskrizzjoni tal-kapaċità tal-flotot f’termini tas-saħħa tal-magna u t-tunnellaġġ uriet il-limitazzjonijiet tagħha maż-żmien. Iż-żamma ta’ dawn il-parametri fi ħdan il-limiti massimi mhijiex, fiha nnifisha, evidenza li l-flotot tas-sajd huma f’bilanċ mal-istat tar-riżorsi li jiddependu fuqhom.

Pjuttost, il-valutazzjoni tal-iżbilanċi teħtieġ analiżi tal-prestazzjoni tal-flotot f’termini tal-istat tar-riżorsi li jibbażaw fuqhom, f’termini ekonomiċi, u fir-rigward tal-utilizzazzjoni tal-bastimenti. Din l-analiżi tidher li hija nieqsa, kollha kemm hi jew parti minnha, f’għadd ta’ rapporti dwar il-flotot tal-Istati Membri.

Il-flotta tas-sajd tisfrutta stokkijiet aktar minn dak li huwa sostenibbli? Il-bastimenti fil-flotta bħala medja jaqilgħu biżżejjed biex tal-inqas ikopru l-ispejjeż tagħhom fuq perjodu ta’ żmien qasir? Il-profittabiltà tal-bastiment se tkun biżżejjed għas-sostituzzjoni tal-bastimenti u tal-magni meta jkun hemm bżonn? Il-bastimenti qed jintużaw kompletament jew ħafna minnhom huma ta’ spiss weqfin? Dawn l-indikaturi jistgħu jiżvelaw żbilanċ fil-livell tal-flotta.

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-isforzi li l-Istati Membri qed jagħmlu biex jindirizzaw il-problemi u janalizza dak li nafu llum lil hinn minn dak li jirrapportaw l-Istati Membri.

Flotta li qed topera b’mod sostenibbli u li hija ekonomikament vijabbli:

· tisfrutta l-istokkijiet b’mod sostenibbli fi żmien qasir u f’perspettiva li żżomm l-isfruttar taħt il-livell tar-rendiment massimu sostenibbli,

· hija profittabbli kemm f’perspettivi ta’ żmien qasir kif ukoll

· f'perspettivi ta' żmien twil; u

· hija utilizzata għal kollox, filwaqt li titqies in-natura staġjonali ta’ ħafna industriji tas-sajd f'liema perjodu l-bastimenti normalment suppost jaħdmu b’mod attiv

Il-Kummissjoni talbet lill-STECF biex janalizza l-flotot tal-UE billi juża indikaturi li jikkorrespondu mal-kwistjonijiet ta’ hawn fuq. S’issa, u għal raġunijiet ta’ ħin u riżorsi, l-STECF indirizza biss lill-aktar 92 flotta importanti fl-14-il Stat Membru bl-akbar industriji tas-sajd, iżda dawn ikopru 72 % tad-dħul tal-UE mill-ħatt l-art, u għalhekk huma indikattivi tal-aktar attivitajiet Ewropej importanti tas-sajd. L-STECF uża l-valuri indikaturi kkalkulati mir-rapporti tal-Istati Membri, id-dejta tad-DCF, u l-valutazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut kif xieraq.

L-indikaturi użati huma elenkati hawn taħt (għal deskrizzjoni sħiħa, ara l-Anness 5).

Flotta dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY tfisser li bħala medja, flotta kienet qed tistad ’il fuq mil-livelli sostenibbli f’perspettiva fit-tul. Fid-dawl tal-miri tar-riformi tal-PKS, iż-żamma taħt ir-rati tal-isfruttar tal-MSY intużat bħala standard.

Punt ta' ekwilibriju tfisser li l-flotta kienet qed taqla’ biżżejjed biex tkopri n-nefqa tagħha fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Livell baxx ta' prestazzjoni ekonomika tfisser li fuq perjodu ta’ żmien twil il-flotta ma kinitx qed taqla’ biżżejjed biex tissostitwixxi l-oġġetti kapitali kbar (bastimenti, magni) meta dawn ma jkunux għadhom tajbin għall-użu minħabba ż-żmien. Redditi negattivi fuq l-assi fissi u tanġibbli jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ kapitalizzazzjoni ekonomika eċċessiva jekk osservati konsistentement fuq perjodu ta’ żmien twil.

Mhux utilizzati biżżejjed tfisser li l-bastimenti kienu jistadu, iżda kienu qed jagħmlu dan b’70 % jew inqas meta kkumparat mal-ħin li setgħu jistadu, filwaqt li titqies in-natura staġjonali tal-industriji tas-sajd.

Bastimenti mhux attivi tirreferi għal bastimenti li fl-ebda ħin matul is-sena ma sar sajd bihom.

L-indikaturi huma bbażati fuq medji għal kull segment ta’ flotta vvalutat. Pereżempju, il-prestazzjoni ekonomika individwali ta’ kull bastiment f’segment tvarja; il-bastimenti se jkunu jrendu aħjar jew agħar mill-valuri medji.

4.           Il-kapaċità tal-flotta skont l-Istati Membri

Din il-ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-flotta skont l-Istat Membru hija bbażata fuq ir-rapporti tal-Istati Membri u s-sejbiet tal-analiżi tal-STECF għall-perjodu 2008-2011, fejn ikunu disponibbli.

Il-flotot fil-Belġju naqsu b’mod sostanzjali mill-2003, permezz ta’ tnaqqis tal-liċenzji eżistenti u r-riallokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost il-bastimenti li kien jifdal. Ma ġietx ipprovduta informazzjoni dettaljata fil-livell tal-flotta. Il-Belġju kkonkluda li l-flotot tiegħu huma f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd.

L-analiżi tal-STECF tindika li, bħala medja, il-flotta tat-tkarkir bit-travu ta’ 18-24 m ma kinitx qiegħda tagħmel biżżejjed profitt sabiex tkun tista’ tissostitwixxi l-oġġetti kapitali kbar tagħha. Kemm din il-flotta kif ukoll il-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir bit-travu ta’ 24-40 m kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY.

Il-Bulgarija kkonkludiet li jidher li hemm kważi bilanċ bejn l-istokkijiet tal-ħut u d-daqs tal-flotta. Il-Bulgarija għandha l-ħsieb li tieħu miżuri sabiex tnaqqas il-bastimenti mhux attivi u bħalissa tinsab fil-proċess li tbiddel il-qafas leġiżlattiv.

Fl-2011, aktar minn 57 % tal-bastimenti kollha ma kinux attivi, u l-maġġoranza tagħhom kienu iżgħar minn 12-il metru. Il-flotot kollha akbar minn 12-il metru dehru li qed juru livell baxx ta' prestazzjoni ekonomika fil-perjodu analizzat minħabba l-konsum ogħla tal-fjuwil u l-prezzijiet għoljin tal-fjuwil, anki jekk dawn qegħdin jilħqu punt ta' ekwilibriju. Il-bastimenti iżgħar minn 18-il metru ma ġewx utilizzati biżżejjed, billi ntużaw għas-sajd f’70 % biss tal-ħin tas-sajd massimu possibbli.

Ċipru għandu l-ħsieb li jnaqqas il-kapitalizzazzjoni eċċessiva billi jiskrappja madwar 100 bastiment żgħir li joperaw qrib il-kosta, li l-isforz tagħhom jibqa’ mhux ristrett, wara deċennju ta’ żieda fl-għadd ta’ bastimenti iżgħar soġġetti għal-limitazzjonijiet tal-isforz, filwaqt li tnaqqset il-kapaċità fit-TG u l-kW.

In-nuqqas ta’ utilizzazzjoni biżżejjed ġie rrappurtat fil-flotot kollha għajr għal bastimenti li jużaw irkaptu passiv polivalenti ta’ 12-24 m, kif ukoll ġew rappurtati redditi baxxi jew negattivi fuq l-investimenti għall-flotot kollha.

Mill-2003 kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-kapaċità tal-flotta tad-Danimarka (bastimenti, TG, kW) bl-introduzzjoni tas-sistema ITQ. Id-Danimarka hija tal-fehma li s-sitwazzjoni hija pjuttost stabbli u li ma hemm ebda kapaċità eċċessiva fiżika sinifikanti fit-tul. Minkejja dan id-Danimarka tidentifika kapaċità eċċessiva fil-flotot li jużaw irkapti passivi polivalenti ta' 0-12 m u 12-24 m, kif ukoll fil-flotot ta’ bastimenti tas-sajd iżgħar tat-tkarkir (il-bastimenti tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u l-flotta tas-seiners ta' 0-12 m) u l-gangmi ta' 12-24 m.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-flotot Daniżi kollha li ġew ivvalutati kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY. Tliet flotot ma kellhomx biżżejjed dħul sabiex ikunu jistgħu jissostitwixxu l-oġġetti kapitali kbar tagħhom (irkapti passivi polivalenti ta' 10-12 m u 12-18 m, irkapti mobbli u passivi ta’ 12-18 m). Barra minn hekk, kien hemm ukoll żewġ flotot (irkapti mobbli u passivi ta’ 18-24 m u seiners u bastimenti tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ ta’ 18-24 m) li wkoll urew li ma kinux utilizzati biżżejjed.

Ir-rapport tal-Ġermanja mhuwiex ibbażat fuq il-linji gwida u l-indikaturi eżistenti. Il-bilanċ ġie eżaminat biss fuq il-livell kwalitattiv skont il-flotta. Il-Ġermanja ddikjarat li l-għan tagħha huwa li żżomm biżżejjed kapaċità kumplessiva sabiex tkun tista’ tuża l-kwoti allokati lilha. Fl-2011, twettaq tnaqqis ta’ 5.6 % fil-bastimenti, ta’ 4.4 % fit-TG u ta’ 6.4 % fil-kW. Pubblikament ma ġie ffinanzjat ebda ħruġ mill-flotta.

L-analiżi tal-STECF identifikat li l-flotot li jużaw irkapti passivi ta’ <10 m, il-bastimenti tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ ta’ 12-18 m, 18-24 m, 24-40 m u tat-tkarkir bit-travu ta’ 24-40 m kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY (iżda kienu ekonomikament sostenibbli). Il-bastimenti ma kinux utilizzati biżżejjed u kien hemm flotta kbira mhux attiva ta’ bastimenti iżgħar (inklużi 458 bastiment mhux attivi ta’ <10 m).

L-Estonja rrappurtat kapaċità eċċessiva, primarjament fil-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir ta’ >12-il metru. Il-flotta tnaqqset b’7 bastimenti fl-2011 (bl-eliminazzjoni ta’ 371 TG u 1056 kW).

L-analiżi tal-STECF tindika li l-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ 24-40 m kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY u ma ġewx utilizzati biżżejjed, iżda kienu ekonomikament sostenibbli.

Il-Greċja ma ppreżentatx valutazzjoni tal-bilanċ u lanqas ma vvalutat il-politika tal-flotta tagħha jew ipprovdiet xi dejta skont id-DCF. Il-Greċja rrapportat indikazzjonijiet ta’ sajd eċċessiv għall-marlozz u l-gambli fil-Baħar Eġew, iżda ma ġewx ipprovduti dettalji. Fl-2011, il-flotta tnaqqset b’488 bastiment (u naqset bi 3.6 % fit-TG u b’4.0 % fil-kW). Barra minn hekk, tfasslu pjanijiet ta’ ġestjoni, inkluż ħruġ ta’ liċenzji speċjali, għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ u għas-sajd bil-purse seine (għall-inċova u s-sardin).

Minħabba n-nuqqas ta’ dejta (bijoloġika, ekonomika u teknika) huwa impossibbli li jiġi vvalutat il-bilanċ tal-flotot Griegi mar-riżorsi.

Spanja rrappurtat li l-kapaċità tal-flotta kienet għadha qiegħda taqbeż l-opportunitajiet sa ċertu punt u li l-flotta setgħet taqbad aktar ħut mill-kwota allokata lilha. Spanja tagħmel sforzi kontinwi sabiex tnaqqas il-kapaċità tal-flotta bl-għajnuna pubblika u mingħajrha, li wasslu għal tnaqqis ta’ 4.6 % fit-TG u ta’ 3.7 % fil-kW matul l-2011. Fir-rigward tal-indikatur tekniku, Spanja rrappurtat nuqqas ta’ utilizzazzjoni biżżejjed għal parti mill-flotta kemm fiż-żoni tas-sajd nazzjonali kif ukoll fl-ilmijiet internazzjonali, iżda osservat tendenza ta’ tnaqqis mill-2008 sal-2011. Minbarra dan, ġiet ipprovduta informazzjoni biss dwar id-dħul attwali/dħul li joħloq punt ta' ekwilibriju tal-flotot. Dan huwa parzjalment dovut għal fatt li ma ġietx ippreżentata dejta diżaggregata dwar il-qabdiet tal-ħut. Ir-rapport nazzjonali Spanjol jiddikjara li l-flotot kollha qegħdin joperaw bi profitt. Is-sussidji rċevuti mis-sidien tal-bastimenti ġew inklużi fil-kalkolu tad-dħul.

Mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni komparabbli u oġġettiva tas-sajd eċċessiv u tas-sostenibbiltà ekonomika minħabba n-nuqqas ta’ dejta disponibbli. Id-dħul ikkalkolat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), li ma jinkludix id-dħul mis-sussidji, jindika li l-flotot li jużaw irkapti mobbli u passivi ta’ <10 m, xbieki għall-ħut tal-qiegħ u seines ta’ 18-24 m u 24-40 m u snanar ta’ 24-40 m u >40 m ma laħqux punt ta' ekwilibriju.

Franza rrappurtat dwar il-bastimenti kontinentali flimkien u kkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tas-sajd jinsabu f’bilanċ. Ma ġewx ipprovduti indikaturi bijoloġiċi, tekniċi u ekonomiċi. Fl-2011, Franza ddekummissjonat 133 bastiment, 7653 TG u 20408 kW bl-għajnuna pubblika. Pjanijiet speċifiċi ta’ ħruġ mill-flotta wasslu għall-irtirar ta’ kważi 60 bastiment f’kategoriji differenti ta’ attivitajiet tas-sajd ‘sensittivi’.

L-analiżi tal-STECF tiżvela firxa ta’ sitwazzjonijiet differenti. Flotot b’għeżula tas-tisqif ('drift nets’) u bi xbieki fissi ta’ <10 m, 10-12 m, 12-18 m, 18-24 m u 24-40m kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY - iżda dehru li kienu ekonomikament sostenibbli u li kienu qegħdin jilħqu punt ta' ekwilibriju fil-perjodu analizzat. Il-flotot li jistadu bi snanar ta’ 24-40 m u b’irkapti mobbli polivalenti ta’ 24-40 m ukoll kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY. L-indikaturi jissuġġerixxu livell baxx ta' prestazzjoni ekonomika matul is-snin analizzati.

Il-flotot li jużaw il-gangmu ta’ 12-18 m, bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ 18-24 m u >40 m, bastimenti tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u seines ta’ 18-24 m, 24-40 m u >40 m u purse seines ta’ >40 m ukoll dehru li qed juru livell baxx ta' prestazzjoni ekonomika fil-perjodu vvalutat. Min-naħa l-oħra, il-flotot li jużaw in-nases ta’ <10 m, is-snanar ta’ <10 m, ix-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ta’ 10-12 m u x-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ta’ 12-18 m kienu ekonomikament sostenibbli, għalkemm ftit li xejn hemm tagħrif dwar l-istat tar-riżorsi li jiddependu fuqhom.

L-Irlanda rrappurtat li jista’ jkun li f’xi flotot għad hemm xi żbilanċi, iżda ma speċifikatx liema huma. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ aktar ħidma fuq id-disponibbiltà tad-dejta.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ 24-40 m kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY u ma kinux qegħdin jagħmlu biżżejjed profitt sabiex ikunu jistgħu jissostitwixxu l-oġġetti kapitali kbar tagħhom. Il-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ >40 m kienu dipendenti wkoll fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY u ma kinux utilizzati biżżejjed, iżda kienu qegħdin jilħqu punt ta' ekwilibriju u kienu jidhru li huma ekonomikament sostenibbli. Il-flotot li jużaw il-gangmu ta’ 10-12 m u x-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ta’ 18-24 m kienu jidhru li qegħdin juru kapitalizzazzjoni ekonomika eċċessiva. Il-flotta li tuża n-nases ta’ <10 m kienet qed tidher li hija ekonomikament sostenibbli, iżda ftit li xejn hemm tagħrif dwar l-istat tal-istokkijiet.

L-Italja identifikat kapaċità eċċessiva fil-purse seiners u fil-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ ta’ aktar minn 24 m u qiegħda tippjana skema estensiva ta’ dekummissjonar.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-flotot li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ta’ 24-40 m u l-bastimenti tat-tkarkir bit-travu ta’ 24-40 m ma kinux qegħdin jagħmlu biżżejjed profitt sabiex ikunu jistgħu jissostitwixxu l-oġġetti kapitali kbar tagħhom, filwaqt li l-flotta msemmija l-aħħar kellha wkoll utilizzazzjoni baxx tal-kapital. Il-flotot b’irkapti passivi polivalenti ta’ 6-12 m, gangmi u xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u seines ta’ 12-18 m u 18-24 m dehru li kienu ekonomikament sostenibbli.

Għall-biċċa l-kbira tal-flotot, hemm nuqqas ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni bijoloġika tal-istokkijiet, li jagħmilha impossibbli li ssir analiżi tad-dipendenza fuq l-istokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY.

Il-Latvja rrappurtat kapaċità eċċessiva fil-bastimenti tat-tkarkir ta’ 12-24 m u 24-40 m u fil-flotta tan-netter ta’ 24-40 m. Il-flotta Latvjana naqqset b’14.9 % f'TG u 14.3 % f'kW. Il-Latvja kellha skema ta' twaqqif permanenti disponibbli għall-2011-2012.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ 24-40 m kienu ekonomikament sostenibbli iżda kienu dipendenti fuq stokkijiet ta’ ħut mistada ftit ’il fuq mil-livelli tal-MSY.

Il-Litwanja għandha l-għan li żżomm biżżejjed kapaċità kumplessiva sabiex tkun tista’ tistad skont il-kwoti allokati lilha. Fl-2011, l-għadd ta’ bastimenti tnaqqas b’mod sinifikanti (-12 %), iżda l-kapaċità tal-flotta naqset biss bi ftit fir-rigward tat-tunnellaġġ (-1.6% TG) u kważi xejn f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tal-magni. Il-Litwanja ma applikatx l-indikaturi fir-rapport tagħha.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-flotot li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ta’ 24-40 m ma stadux għal stokkijiet mistada żżejjed u kienu ekonomikament sostenibbli. Madankollu, kien hemm nuqqas kbir ta’ utilizzazzjoni.

Filwaqt li Malta rrappurtat kapaċità eċċessiva għall-flotta kollha għall-2009 u l-2010, hija ma setgħetx tasal għal konklużjoni għall-2011 minħabba n-nuqqas ta’ dejta ekonomika u soċjali. Il-kapaċità tal-flotta Maltija tnaqqset b’mod sinifikanti (- 32.8 % f’TG u 9.2 % f’kW).

L-użu tal-bastimenti kien inqas minn 50 %.

Il-Pajjiżi l-Baxxi rrappurtaw li rari ntużaw bastimenti tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ u li huwa possibbli li tinqabad il-kwota disponibbli b’inqas bastimenti. Għas-settur tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ, l-indikatur bijoloġiku għadu kemxejn ’il fuq mil-livell fil-mira, iżda mexa fid-direzzjoni t-tajba mill-2008 sal-2011. Għall-flotot tas-sajd għall-ħut pelaġiku, is-sitwazzjoni bijoloġika kienet raġonevolment tajba fil-Grigal tal-Atlantiku, iżda l-pressjoni tas-sajd fuq stokkijiet fil-mira fil-Punent tal-Afrika u f’ilmijiet imbiegħda oħrajn kienet għolja wisq.

L-analiżi tal-STECF tindika li l-ħames flotot kollha li ġew ivvalutati, minbarra s-sajd bit-tkarkir bit-travu ta’ 18-24 m, kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY. Barra minn hekk, il-flotta tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ma kinitx utilizzata biżżejjed. Il-flotot tas-sajd għall-ħut pelaġiku wrew sinjali ta’ kapitalizzazzjoni ekonomika eċċessiva.

Il-Polonja kkonkludiet li l-flotta ma teħtieġx aktar tnaqqis. Għall-aringi tal-Baħar Baltiku ċentrali, li jinqabdu l-aktar mill-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ta’ 24-40 m, il-mortalità mis-sajd kienet għolja wisq. Fl-2009, kien hemm titjib notevoli fl-indikaturi ekonomiċi għall-flotta tal-Baħar Baltiku, għajr għall-bastimenti li jistadu bil-konz ta’ 12-18 m u għall-bastimenti li jistadu għall-ħut tal-qiegħ ta’ 18-24 m. Fl-2011, żewġ terzi tal-bastimenti tal-flotta għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku rċevew għajnuna għal waqfien temporanju mis-sajd. Dawn il-bastimenti dalwaqt jerġgħu lura għall-attività tas-sajd. 13.8 % tal-bastimenti ma kinux attivi u dawn jirrappreżentaw 16 % tat-TG.

Il-Portugall ikkonkluda li l-flotot huma f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd. Fl-2011, il-kapaċità totali tal-flotta kontinentali Portugiża baqgħet virtwalment l-istess (tnaqqis ta’ 1 %).

Partijiet kbar mill-qabdiet kienu komposti minn stokkijiet ta’ ħut mhux ivvalutati. Madankollu, l-indikaturi kkalkolati mill-STECF urew li l-flotot kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY.

L-analiżi tal-STECF turi li l-flotot b’irkapti mobbli u passivi ta’ 0-10 m u l-flotot bi snanar ta’ 24-40 m urew livell baxx ta' prestazzjoni ekonomika fit-tul. Il-flotot li jużaw l-irkapti passivi polivalenti ta’ 0-10 m, l-għeżula tat-tisqif u x-xbieki fissi ta’ 12-18 m, in-nases ta’ 12-18 m u l-purse seines ta’ 18-24 m u 24-40 m ma ġewx utilizzati biżżejjed. Il-flotot li jużaw irkapti mobbli u passivi polivalenti, bi xbieki tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ u seines u bi snanar ta’ 24-40 m kienu ekonomikament sostenibbli, iżda ma kienet disponibbli ebda valutazzjoni tas-sostenibbiltà bijoloġika.

Ir-Rumanija ma ssottomettiet ebda rapport għall-2011. Għaldaqstant, ma kienet disponibbli ebda dejta tad-DCF min-naħa tar-Rumanija.

Is-Slovenja rrapportat kapaċità eċċessiva fil-biċċa l-kbira tal-flotot tagħha. Is-Slovenja qiegħda tippjana li tuża l-għajnuna pubblika għall-iskrappjar fl-ewwel nofs tal-2012, kif ukoll li taġġusta l-isforz tas-sajd għal diversi flotot.

Il-flotta kienet ikkaratterizzata minn nuqqas sinifikanti ta’ utilizzazzjoni, fejn 55 % tal-bastimenti ma kinux attivi, iżda dan jinkludi s-sajd fuq bażi parzjali għal speċijiet migratorji.

Hemm nuqqas ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni bijoloġika tal-istokkijiet u ma hemmx valutazzjonijiet disponibbli.

Il-Finlandja ma applikatx il-linji gwida fir-rapport tagħha u lanqas ma inkludiet xi indikaturi oħrajn sabiex tivvaluta l-kapaċità fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd. Il-Finlandja qalet li l-flotta tagħha tinsab f’bilanċ aċċettabbli mar-riżorsi tas-sajd. Fl-2011, l-isforz żdied bi 12.2 % meta mqabbel mal-2010, l-aktar fis-sajd għall-ħut pelaġiku. Minn fost il-75 bastiment fis-settur tas-sajd lil hinn mill-kosta, 28 % ma kinux attivi matul l-2011.

L-Isvezja rrappurtat li għadha tista’ tiġi osservata kapaċità eċċessiva f’bosta flotot u qiegħda tipprova tindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ dekummissjonar. Kien hemm żewġ skemi mmirati għall-bastimenti tas-sajd bit-tkarkir għall-merluzz. Barra minn hekk, ġew irtirati total ta’ -26 % f’TG u ta’ -19 % f’kW mill-flotta.

L-analiżi tal-STECF tindika li ħafna flotot li ġew ivvalutati kienu dipendenti fuq l-istokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY. Barra minn hekk, il-flotot ta’ 10-12 m li jużaw irkapti passivi, u ta’ 24-40 m li jistadu bix-xbieki għat-tkarkir tal-ħut tal-qiegħ u s-seines, ma għamlux biżżejjed profitt sabiex ikunu jistgħu jissostitwixxu l-oġġetti kapitali kbar tagħhom. Kien hemm nuqqas ta’ utilizzazzjoni f’xi setturi.

Ir-Renju Unit huwa tal-fehma li ħafna flotot joperaw b’mod sostenibbli minħabba li r-riżorsi li jisfruttaw jiġu mistada fi ħdan il-mortalità mis-sajd prekawzjonali, għalkemm hemm żbilanċ f’ċerti oqsma (pereżempju għal stokkijiet li huma koperti minn sistemi ta’ rkupru). Minn Ottubru 2010, faċilità ta’ parkeġġ liċenzjat tat iċ-ċans lill-flotot sabiex jirristrutturaw. Ir-Renju Unit irrapporta dwar it-tnaqqis miksub fil-kapaċità, iżda ma qiegħed jippreżenta ebda pjan għal aġġustamenti ulterjuri.

L-analiżi tal-STECF tindika li ħafna flotot kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY. Għall-flotot ta’ <10 m li jużaw in-nases ta’ 12-18 m, 18-24 m u >40 m u li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ u s-seines ma hija disponibbli ebda valutazzjoni tad-dipendenza fuq ir-riżorsi, iżda dawn il-flotot kienu ekonomikament sostenibbli.

5.           Konklużjonijiet

Din l-analiżi tal-isforzi tal-Istati Membri sabiex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tal-flotta u r-riżorsi tas-sajd turi li l-kapaċità tal-flotta tas-sajd tal-Ewropa għadha għolja wisq. Minkejja t-tnaqqis fid-daqs ta’ ħafna flotot tas-sajd Ewropej matul l-aħħar deċennju, ħafna bastimenti f’diversi Stati Membri ma laħqux punt ta' ekwilibriju u ma ġewx utilizzati biżżejjed. Barra minn hekk, ħafna bastimenti kellhom dħul żgħir wisq biex ikunu jistgħu jagħmlu l-investimenti meħtieġa, bħall-immodernizzar tal-bastimenti u tal-irkapti.

Fil-perjodu analizzat, kien hemm wisq flotot li kienu dipendenti fuq stokkijiet mistada żżejjed fir-rigward tar-rendiment massimu sostenibbli, li huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-PKS riformata.

Il-politika attwali dwar il-ġestjoni tal-flotot naqset milli ġġib il-flotot f’bilanċ mar-riżorsi li jisfruttaw. Mhuwiex biżżejjed li dawn jiddependu biss fuq il-konformità mal-limiti massimi nazzjonali tal-kapaċità tal-flotta (espressi fid-daqs tal-bastiment (TG) jew fis-saħħa tal-bastiment (kW)).

L-iżgurar tal-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u r-riżorsi tal-ħut huwa waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Ir-responsabbiltà primarja għall-ġestjoni tal-flotot hija f'idejn l-Istati Membri. Il-konsegwenzi potenzjali tal-kapitalizzazzjoni eċċessiva tal-flotot u tad-dipendenza kontinwa fuq l-istokkijiet mistada ’l fuq mir-rendiment massimu sostenibbli huma l-prova li neħtieġu strumenti aħjar għall-ġestjoni tal-flotot skont il-PKS riformata. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiġġestixxu l-flotot tagħhom sabiex jisfruttaw l-istokkijiet tal-ħut taħt il-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli u b’tali mod li jippermettilhom ikunu ekonomikament vijabbli.

Anness 1: Il-kwalità tal-informazzjoni

1. Informazzjoni Kwalitattiva u Deskrittiva

L-oqsma ta’ tħassib fejn ma ġiet ipprovduta ebda informazzjoni jew fejn ġiet ipprovduta informazzjoni limitata fir-rapporti nazzjonali huma elenkati u mmarkati bis-simbolu (X) fit-tabella ta’ hawn taħt:

|| Rabtiet bejn il-flotot u l-attivitajiet tas-sajd || Żvilupp tal-flotta || Dikjarazzjoni ta’ skemi ta’ tnaqqis tal-isforzi || L-impatt tal-iskemi ta’ tnaqqis tal-isforzi || Valutazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-flotot || Pjanijiet sabiex tittejjeb is-sistema ta’ ġestjoni tal-flotot || Dikjarazzjoni ta’ Konformità tal-iskema ta’ dħul/ħruġ || Bidliet fil-proċeduri amministrattivi || Valutazzjoni tal-bilanċ

BE || || || X || X || || || || ||

BG || X || || || X || || X || || X ||

CY || || || || || || || || ||

DE || || || X || X || X || X || || || X

DK || || || || || || || || ||

EE || || || X || X || X || || || X || X

EL || || || || || X || X || || X || X

ES || || || || || || || || ||

FI || X || || || || || X || || X || X

FR || X || X || X || || X || || X || || X

IE || || || || || X || X || || ||

IT || || || || || || || || ||

LT || X || || || || X || X || X || || X

LV || || || || X || || X || || || X

MT || X || X || || || X || || || X ||

NL || || || X || || || X || || X || X

PO || || || || || X || || || ||

PT || || || || X || || || || ||

RO || X || X || X || X || X || X || X || X || X

SI || X || || || || || X || || || X

SE || || || || X || || X || X || ||

UK || X || X || || || X || X || || || X

Sors: it-tabella 5.3 tar-rapport STECF-12-18 Analiżi tar-rapporti nazzjonali dwar l-isforzi tal-Istati Membri sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd.

2. Informazzjoni Kwantitattiva

L-evalwazzjoni tad-dipendenza ta’ flotta fuq stokkijiet mistada ’l fuq mil-livelli tal-MSY tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-valutazzjonijiet kwantitattivi tal-istokkijiet tal-ħut. Dawn huma disponibbli għall-maġġoranza tal-istokkijiet fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana, iżda l-kopertura fl-Ibħra Ċeltiċi mhijiex kompleta. Fil-Baħar Mediterran, ħafna flotot jistadu fuq stokkijiet bi status mhux magħruf, iżda dan il-qasam ta’ għarfien qiegħed jitjieb b’pass mgħaġġel. Filwaqt li xi Stati Membri pprovdew informazzjoni dwar ir-rati tal-qbid tal-ħut, tali informazzjoni ma tistax tintuża sabiex isiru konklużjonijiet dwar is-sostenibbiltà.

Il-biċċa l-kbira tar-rapporti tal-Istati Membri naqsu milli jindirizzaw kwistjonijiet ta’ bilanċ fil-livell tal-flotot tas-sajd kif definit fid-DCF. Dan ixekkel l-evalwazzjoni kwantitattiva tal-bilanċ minħabba li d-dejta disponibbli ma tikkorrispondix għall-flotot li qegħdin jiġu evalwati.

Hija meħtieġa wkoll dejta mill-Istati Membri dwar il-qabdiet u l-valur tal-qabdiet għal kull flotta. Din l-informazzjoni hija meħtieġa mid-DCF, iżda ma ġietx ipprovduta mill-Istati Membri kollha.

L-informazzjoni dwar ir-redditu fuq l-assi tanġibbli fissi (ROFTA – 'return on fixed tangible assets') kienet nieqsa jew mhux kompleta għal xi Stati Membri.

L-informazzjoni dwar in-numri ta’ bastimenti mhux attivi hija disponibbli skont il-klassi tat-tul (irrispettivament mis-sajd fil-mira jew mit-tip ta’ rkaptu) għall-maġġoranza tal-Istati Membri mid-dejta tad-DCF. Madankollu, f’xi każijiet, jinħolqu dubji dwar il-kwalità ta’ dan is-sors ta’ dejta.

Fir-rapporti nazzjonali, il-valuri tal-indikatur tekniku (il-jiem medji tal-bastiment fuq il-baħar diviżi mill-massimu għall-flotta) ġew ipprovduti mill-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda din l-informazzjoni ma kinitx kompleta. Kien hemm seba’ Stati Membri li ma pprovdewx il-valuri tal-indikatur tekniku fir-rapporti nazzjonali tagħhom.

Anness 2:

Tabella 2.1: Konformità mal-limitu massimu ta’ dħul-ħruġ fil-31 ta’ Diċembru 2011 (minbarra r-reġjuni l-aktar imbiegħda)

NB: Dejta estratta mir-Reġistru tal-Flotta tal-Unjoni abbażi tas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Settembru 2012 (ir-Rumanija: is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Marzu 2012)

Anness 3:

Tabella 3.1. L-evoluzzjoni tal-flotot tal-Istati Membri (il-bastimenti, it-tunnellaġġ u s-saħħa tal-magna) matul l-2011 (minbarra r-reġjuni l-aktar imbiegħda)

NB: Dejta estratta mir-Reġistru tal-Flotta tal-Unjoni abbażi tas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Settembru 2012 (ir-Rumanija: is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Marzu 2012)

Anness 4

Tabella 4.1. L-impenji tal-FES f’waqfien permanenti (2007 – il-31 ta’ Lulju 2012)

Sors: Dejta tal-Istati Membri bbażata fuq talba formali mid-DĠ MARE (Awwissu 2012) sabiex tiġi ppreżentata dejta kumulattiva tal-FES għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Lulju 2012)

%s: Perċentwali tal-impenji tal-FES s’issa fl-iskrappjar;

NS: Għadd ta’ operazzjonijiet ta’ skrappjar (bastimenti);

R%: Perċentwali tal-impenji tal-FES għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-bastimenti;

NR: Għadd ta’ assenjazzjonijiet mill-ġdid (bastimenti);

%S + %R: Perċentwali totali ta’ skrappjar + assenjazzjoni mill-ġdid

Anness 5:

Indikaturi użati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)

L-"indikatur tar-rata tal-ħsad sostenibbli” huwa medja tar-rati tal-mortalità mis-sajd esperjenzati mill-istokkijiet tal-ħut sfruttati minn kull flotta, bl-importanza fil-medja peżata skont l-importanza ekonomika ta’ kull stokk fil-qabdiet. Meta dan l-indikatur ikun ugwali għal 1, bħala medja l-istokkijiet ikunu qegħdin jiġu sfruttati b’rata ta’ rendiment massimu sostenibbli. Għal valuri ta’ aktar minn 1, bħala medja l-flotta tkun qiegħda tiddependi fuq stokkijiet sfruttati żżejjed u viċi versa. Din il-miżura ma tqisx il-fatt li xi stokkijiet fit-taħlita ta’ qabdiet jistgħu jkunu xi ftit jew wisq sfruttati żżejjed jew fi stat ta’ eżawriment, u lanqas tqis il-firxa tal-impatt ta’ flotot oħrajn fuq l-isfruttar tar-riżorsi.

F’dan ir-rigward, jintużaw żewġ "Indikaturi tas-sostenibbiltà ekonomika". Ir-Redditu fuq l-Assi Tanġibbli Fissi (ROFTA) (prokura għar-Redditu fuq l-Investiment) huwa miżura tas-saħħa ekonomika fit-tul. Din il-miżura tkejjel il-profitt nett diviż mill-valur tal-investimenti kapitali. Jekk din ir-rata tkun ogħla mir-rata ta’ interess mingħajr riskju disponibbli band’oħra (nominalment 2 %), allura l-flotta tkun fi stat ekonomiku tajjeb u tkun tista’ tissostitwixxi oġġetti kapitali kbar kif dan isir meħtieġ. Jekk ir-ROFTA jkun taħt it-2 %, dan ifisser li tali investimenti ma jkunux utli f’termini finanzjarji minħabba li jistgħu jinkisbu profitti akbar jekk il-fondi jiġu investiti fi bnadi oħrajn.

Il-proporzjon "Dħul Attwali/Dħul li jwassal għal Punt ta' Ekwilibriju" (CR/BER – 'Current Revenue/Break-Even Revenue') huwa miżura ta’ vijabbiltà fuq perjodu ta’ żmien qasir. Jekk il-proporzjon ikun ta’ inqas minn wieħed, allura l-bastimenti ma jkunux jistgħu jkopru l-ispejjeż operattivi tagħhom u jkollhom jieqfu jistadu meta jispiċċaw bla flus; filwaqt li meta l-proporzjon ikun ta’ aktar minn wieħed, il-bastimenti jkunu jistgħu jkopru l-ispejjeż operattivi tagħhom, iżda dan ma jfissirx li huma jiġġeneraw biżżejjed dħul sabiex jissostitwixxu l-oġġetti kapitali kbar.

F’dan ir-rigward, jintużaw żewġ miżuri biex jivvalutaw jekk il-bastimenti humiex qegħdin jiġu "utilizzati għal kollox". "Indikatur Tekniku" huwa definit bħala l-proporzjon taż-żmien medju fuq il-baħar diviż miż-żmien massimu u fattibbli tas-sajd fl-attività rilevanti. Huwa jieħu valur ta’ unità meta l-bastimenti kollha jkunu qegħdin jistadu kemm jista’ jkun prattikabbli, anki jekk l-istaġun tas-sajd jista’ jkun qasir. Valuri ta’ inqas minn wieħed jindikaw li partijiet mill-flotta jkunu qegħdin jistadu inqas milli jistgħu. Valur ta’ livell limitu ta’ 70 % ġeneralment jittieħed bħala sinjal ta’ nuqqas sinifikanti fl-użu. Madankollu, xi bastimenti jistgħu ma jkunu qegħdin jistadu xejn matul is-sena kollha u għalhekk ikunu “mhux attivi”. Jekk ikun hemm ħafna bastimenti mhux attivi fi flotta tas-sajd, dan ikun indikazzjoni li l-flotta ma tinsabx f’bilanċ mar-riżorsi tagħha.

[1]               L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2371/2002.

[2]               Kif obbligat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2371/2002.

[3]               Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002.

[4]               Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd.

[5]               Analiżi tar-rapporti nazzjonali dwar l-isforzi tal-Istati Membri sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd (STECF-12-18). Fl-istampa 2012, Rapporti Xjentifiċi u tal-Politika tal-JRC.

[6]               L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni(UE) Nru 1013/2010 tal-10 ta’ Novembru 2010.

[7]               Ir-Rumanija mhijiex inkluża.

[8]               Rapport Speċjali tal-ECA Nru 12/2011 – Il-miżuri tal-UE kkontribixxew għall-adozzjoni tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għall-opportunitajiet tas-sajd disponibbli? – il-paragrafu 21 tar-Rapport.

[9]               Rapport Speċjali tal-ECA Nru 12/2011 – Il-miżuri tal-UE ikkontribixxew għall-adozzjoni tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għall-opportunitajiet tas-sajd disponibbli? – il-paragrafu 76 tar-Rapport.

Top